Language of document : ECLI:EU:T:2014:948

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

13 ta’ Novembru 2014 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja — Iffriżar ta’ fondi — Rikors għal annullament — Terminu tar-rikors — Inammissibbiltà parzjali — Interess ġuridiku — Oneru tal-prova — Modulazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ annullament”

Fil-Kawża T‑653/11,

Aiman Jaber, residenti f’Lattakia (is-Sirja), irrappreżentat minn M. Ponsard, D. Amaudruz u A. Boesch, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen u S. Kyriakopoulou, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK, tad-9 ta’ Mejju 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 121, p. 11), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 442/2011, tad-9 ta’ Mejju 2011, dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 121, p. 1), tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2011/302/PESK, tat-23 ta’ Mejju 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 136, p. 91), tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 504/2011, tat-23 ta’ Mejju 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU L 136, p. 45), tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2011/367/PESK, tat-23 ta’ Ġunju 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 164, p. 14), tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 611/2011, tat-23 ta’ Ġunju 2011, li jimplimenta r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU L 164, p. 1), tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2011/488/PESK, tal-1 ta’ Awwissu 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 199, p. 74), tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 755/2011, tal-1 ta’ Awwissu 2011, li jimplimenta r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU L 199, p. 33), tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2011/515/PESK, tat-23 ta’ Awwissu 2011, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 218, p. 20), tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 843/2011, tat-23 ta’ Awwissu 2011, li jimplementa r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU L 218, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/522/PESK, tat-2 ta’ Settembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 228, p. 16), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 878/2011, tat-2 ta’ Settembru 2011, li jemenda r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU L 228, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/628/PESK, tat-23 ta’ Settembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 247, p. 17), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 950/2011, tat-23 ta’ Settembru 2011, li jemenda r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU L 247, p. 3), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/684/PESK, tat-13 ta’ Ottubru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 269, p. 33), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1011/2011, tat-13 ta’ Ottubru 2011, li jemenda r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU L 269, p. 18), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/735/PESK, tal-14 ta’ Novembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 296, p. 53), tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2011/736/PESK, tal-14 ta’ Novembru 2011, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 296, p. 55), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1150/2011, tal-14 ta’ Novembru 2011, li jemenda r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU L 296, p. 1), tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2011, tal-14 ta’ Novembru 2011, li jimplementa r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU L 296, p. 3), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u tħassar id-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 319, p. 56), tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1244/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplementa r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU L 319, p. 8), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012, tat-18 ta’ Jannar 2012, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament Nru 442/2011 (ĠU L 16, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/206/PESK, tat-23 ta’ April 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 110, p. 36), tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2012/256/PESK, tal-14 ta’ Mejju 2012, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 126, p. 9), tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 410/2012, tal-14 ta’ Mejju 2012, li jimplementa l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 126, p. 3), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 509/2012, tal-15 ta’ Ġunju 2012, li jemenda r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 156, p. 10), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/322/PESK, tal-20 ta’ Ġunju 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 165, p. 45), tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2012/335/PESK, tal-25 ta’ Ġunju 2012, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 165, p. 80), tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 544/2012/PESK, tal-25 ta’ Ġunju 2012, li jimplementa l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 165, p. 20), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 545/2012, tal-25 ta’ Ġunju 2012, li jemenda r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 165, p. 23), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/420/PESK, tat-23 ta’ Lulju 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 196, p. 59), tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2012/424/PESK, tat-23 ta’ Lulju 2012, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 196, p. 81), tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 673/2012, tat-23 ta’ Lulju 2012, li jimplementa l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 196, p. 8), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK, tad-29 ta’ Novembru 2012, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u tħassar id-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 330, p. 21), tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2013/185/PESK, tat-22 ta’ April 2013, li timplementa d-Deċiżjoni 2012/739 (ĠU L 111, p. 77), tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 363/2013, tat-22 ta’ April 2013, li jimplementa r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 111, p. 1), u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, tal-31 ta’ Mejju 2013, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 147, p. 14), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. van der Woude, President, I. Wiszniewska-Białecka u I. Ulloa Rubio (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Aiman Jaber, huwa ċittadin Sirjan, imħarreġ fl-inġinerija mekkanika, li żviluppa attività kummerċjali fil-qasam tal-azzar, tal-materjali tal-kostruzzjoni kif ukoll tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli.

 Id-Deċiżjoni 2011/273 u r-Regolament Nru 442/2011

2        Filwaqt li kkundanna b’mod sħiħ ir-repressjoni vjolenti tal-manifestazzjonijiet paċifiċi f’diversi nħawi fis-Sirja u filwaqt li appella lill-awtoritajiet Sirjani sabiex dawn jastjenu milli jirrikorru għall-forza, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fid-9 ta’ Mejju 2011, adotta d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 121, p. 11). Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill adotta embargo fuq l-armi, projbizzjoni ta’ esportazzjoni ta’ materjal li jista’ jintuża għall-finijiet ta’ repressjoni interna, restrizzjonijiet tad-dħul fl-Unjoni Ewropea kif ukoll iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ ċerti persuni u entitajiet responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana.

3        L-ismijiet tal-persuni responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana kif ukoll dawk il-persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, u entitajiet li huma assoċjati magħhom huma msemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/273. Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta ta’ Stat Membru jew tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jista’ jemenda l-imsemmi anness. L-isem tar-rikorrent ma kienx inkluż.

4        Peress li wħud mill-miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 442/2011, tad-9 ta’ Mejju 2011, dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 121, p. 1). Dan ir-regolament huwa, essenzjalment, identiku għad-Deċiżjoni 2011/273, iżda jipprevedi possibbiltajiet ta’ rilaxx ta’ fondi ffriżati. Il-lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organiżmi rikonoxxuti li huma jew responsabbli għar-repressjoni inkwistjoni, jew assoċjati mal-imsemmija persuni responsabbli, li tinsab fl-Anness II tal-imsemmi regolament, hija identika għal dik li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/273. L-isem tar-rikorrent ma kienx inkluż. Abbażi tal-Artikolu 14(1) u (4) tar-Regolament Nru 442/2011, meta l-Kunsill jiddeċiedi li japplika fuq persuna, fiżika jew ġuridika, fuq entità jew organiżmu l-miżuri restrittivi msemmija, dan għandu jemenda l-Anness II b’mod konsegwenti u, barra minn hekk, għandu jeżamina l-lista li tinsab fih f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar.

5        Bid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2011/488/PESK, tal-1 ta’ Awwissu 2011, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 199, p. 74), il-Kunsill emenda d-Deċiżjoni 2011/273 b’mod partikolari bil-għan li japplika l-miżuri restrittivi inkwistjoni fuq persuni u entitajiet oħra. Minbarra isem ir-rikorrent, fil-linja 4 tat-tabella tal-Anness tad-deċiżjoni msemmija jidhru diversi dettalji, fosthom id-data tal-inklużjoni tal-isem imsemmi fil-lista inkwistjoni, f’dan il-każ l-“1 ta’ Awwissu 2011”, il-post tat-twelid u l-motivi segwenti:

“Soċju ta’ Mahir Al-Assad għall-milizja ta’ Shabiha. Involut direttament fir-repressjoni u l-vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili u l-koordinazzjoni tal-grupp tal-milizja ta’ Shabiha.”

6        Fl-istess jum, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE u tad-Deċiżjoni 2011/273, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 755/2011 li jimplementa r-Regolament Nru 442/2011 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 99 p. 33). Isem ir-rikorrent jidher fil-linja 4 tat-tabella tal-Anness tal-imsemmi Regolament ta’ Implementazzjoni mal-istess informazzjoni u motivi li ġew użati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2011/488.

7        Fit-2 ta’ Awwissu 2011, il-Kunsill ippubblika, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Avviż għall-attenzjoni tal-persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2011/273, kif implementata bid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2011/488, u fir-Regolament Nru 442/2011, kif implementat bir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 755/2011 (ĠU C 227, p. 3).

8        Id-Deċiżjoni 2011/273 u r-Regolament Nru 442/2011 ġew implementati jew emendati wkoll b’mod partikolari permezz tal-atti segwenti, li ma jsemmux isem ir-rikorrent fil-listi annessi:

–        id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2011/302/PESK, tat-23 ta’ Mejju 2011, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 136, p. 91), u r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 504/2011, tat-23 ta’ Mejju 2011, li jimplementa r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU L 136, p. 45);

–        id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2011/367/PESK, tat-23 ta’ Ġunju 2011, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 164, p. 14), u r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 611/2011, tat-23 ta’ Ġunju 2011, li jimplementa r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU L 164, p. 1);

–        id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2011/515/PESK, tat-23 ta’ Awwissu 2011, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 218, p. 20), ir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 843/2011, tat-23 ta’ Awwissu 2011, li jimplementa r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU L 218, p. 1);

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/522/PESK, tat-2 ta’ Settembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 228, p. 16), u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 878/2011, tat-2 ta’ Settembru 2011, li jemenda r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU L 228, p. 1);

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/628/PESK, tat-23 ta’ Settembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 247, p. 17), u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 950/2011, tat-23 ta’ Settembru 2011, li jemenda r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU L 247, p. 3);

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/684/PESK, tat-13 ta’ Ottubru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 269, p. 33), u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1011/2011, tat-13 ta’ Ottubru 2011, li jemenda r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU L 269, p. 18);

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/735/PESK, tal-14 ta’ Novembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 296, p. 53), u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1150/2011, tal-14 ta’ Novembru 2011, li jemenda r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU L 296, p. 1);

–        id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2011/736/PESK, tal-14 ta’ Novembru 2011, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 296, p. 55), u r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2011, tal-14 ta’ Novembru 2011, li jimplementa r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU L 296, p. 3);

–        ir-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplementa r-Regolament (UE) Nru 961/2011; ir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1244/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplementa r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU L 319, p. 8).

 Id-Deċiżjoni 2011/782 u r-Regolament Nru 36/2011

9        Permezz tad-Deċiżjoni 2011/782/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 319, p. 56), il-Kunsill qies li, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fis-Sirja, kien meħtieġ li jiġu imposti miżuri restrittivi addizzjonali. Għall-finijiet ta’ ċarezza, il-miżuri imposti mid-Deċiżjoni 2011/273 u l-miżuri addizzjonali għandhom jiġu integrati fi strument legali wieħed. Id-Deċiżjoni 2011/782 tipprovdi, fl-Artikolu 18 tagħha, restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Unjoni u, fl-Artikolu 19 tagħha, l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-persuni u tal-entitajiet li isimhom jidher fl-Anness I tagħha. Isem ir-rikorrent jidher fil-linja 34 tat-tabella tiegħu li tinkludi l-lista inkwistjoni bit-titolu “A. Persuni”, bl-istess informazzjoni u motivi bħal dawk li ntużaw fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2011/488.

10      Fit-2 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2011/782 u fir-Regolament Nru 442/2011, implementat bir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1244/2011 (ĠU C 351, p. 14).

11      Ir-Regolament Nru 442/2011 ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012, tat-18 ta’ Jannar 2012, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament Nru 442/2011 (ĠU L 16, p. 1). Isem ir-rikorrent jidher fil-linja 34 tat-tabella tal-Anness II ta’ dan l-aħħar Regolament bl-istess informazzjoni u motivi li ġew użati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2011/488.

12      Fl-24 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2011/782, implementata bid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2012/37/PESK, u fir-Regolament Nru 36/2012, implementat bir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 55/2012, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU C 19, p. 5).

13      Id-Deċiżjoni 2011/782 u r-Regolament Nru 36/2012 ġew implementati jew emendati wkoll b’mod partikolari permezz tal-atti segwenti, li ma jsemmux isem ir-rikorrent fil-listi annessi:

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/122/PESK, tas-27 ta’ Frar 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 54, p. 14), u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 168/2012, tas-27 ta’ Frar 2012, li jemenda r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 54, p. 1);

–        id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2012/172/PESK, tat-23 ta’ Marzu 2012, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 87, p. 103), u r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 266/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, li jimplementa l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 87, p. 45);

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/206/PESK, tat-23 ta’ April 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 110, p. 36); id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/206/PESK, tat-23 ta’ April 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 110, p. 36);

–        id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2012/256/PESK, tal-14 ta’ Mejju 2012, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 126, p. 9), u r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 410/2012, tal-14 ta’ Mejju 2012, li jimplementa l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 126, p. 3);

–        ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 509/2012, tal-15 ta’ Ġunju 2012, li jemenda r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 156, p. 10);

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/322/PESK, tal-20 ta’ Ġunju 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 165, p. 45);

–        id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2012/335/PESK, tal-25 ta’ Ġunju 2012, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 165, p. 80), ir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 544/2012, tal-25 ta’ Ġunju 2012, li jimplementa l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 165, p. 20), u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 545/2012, tal-25 ta’ Ġunju 2012, li jemenda r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 165, p. 23);

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/420/PESK, tat-23 ta’ Lulju 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 196, p. 59), id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2012/424/PESK, tat-23 ta’ Lulju 2012, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 196, p. 81), u r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 673/2012, tat-23 ta’ Lulju 2012, li jimplementa l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 196, p. 8);

 Id-Deċiżjoni 2012/739

14      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK, tad-29 ta’ Novembru 2012, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u tħassar id-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 330, p. 21), il-miżuri restrittivi inkwistjoni ġew integrati fi strument legali wieħed. Isem ir-rikorrent jidher fil-linja 33 tat-tabella tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2012/739 mal-istess informazzjoni u motivi li ġew użati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2011/488.

15      Fit-30 ta’ Novembru 2012, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2012/739 u fir-Regolament Nru 36/2012, kif implementati bir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1117/2012, dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU C 370, p. 6).

16      Id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2013/185/PESK, tat-22 ta’ April 2013, li timplementa d-Deċiżjoni 2012/739 (ĠU L 111, p. 77), għandha l-għan li taġġorna l-lista tal-persuni u entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2012/739. Isem ir-rikorrent jidher fil-linja 33 tat-tabella tal-Anness I mal-istess informazzjoni u motivi li ġew użati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2011/488.

17      Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 363/2013, tat-22 ta’ April 2013, li jimplementa r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 111, p. 1), għandu l-istess informazzjoni u motivi li ġew użati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2011/488.

18      Fit-23 ta’ April 2013, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2012/739, implementata bid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2013/185, u fir-Regolament Nru 36/2012, implementat bir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 363/2013 (ĠU C 115, p. 5).

 Id-Deċiżjoni 2013/255

19      Fil-31 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 147, p. 14). Isem ir-rikorrent jidher fil-linja 33 tat-tabella tal-Anness I tad-Deċiżjoni msemmija mal-istess informazzjoni u motivi li ġew użati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2011/488.

20      Fl-1 ta’ Ġunju 2013, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2013/255 u fir-Regolament Nru 36/2012 (ĠU C 155, p. 1).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni 2011/273, hekk kif implementata jew emendata sal-jum tal-preżentata tal-imsemmi att, inklużi d-deċiżjonijiet ta’ modifika jew ta’ implementazzjoni kollha; tar-Regolament Nru 442/2011, hekk kif implementat jew emendat sal-jum tal-preżentata ta’ dan l-att, inklużi r-regolamenti ta’ modifika jew ta’ implementazzjoni kollha; u tad-Deċiżjoni 2011/782, hekk kif implementata jew emendata sal-jum tal-preżentata tal-att inkwistjoni, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lilu.

22      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrent ippreżenta talba għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Marzu 2012, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) ċaħdet it-talba għal proċedura mħaffa.

24      Fl-20 ta’ Frar 2012, il-Kunsill ippreżenta r-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

25      B’nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Frar 2012, ir-rikorrent talab biex jiġi awtorizzat jemenda t-talbiet tiegħu f’dak li jikkonċerna d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2012/37/PESK, tat-23 ta’ Jannar 2012, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 19, p. 33), ir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 55/2012, tat-23 ta’ Jannar 2012, li jimplementa l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 19, p. 6) u r-Regolament Nru 36/2012. B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq it-talba tar-rikorrent, fejn b’mod partikolari sostna, minn naħa, li l-ewwel żewġ atti kkonċernati minnha ma jsemmuhx u, min-naħa l-oħra, li r-rikors kontra r-Regolament Nru 36/2012 kien tressaq tard. B’deċiżjoni tal-4 ta’ April 2012, il-Qorti Ġenerali awtorizzat lir-rikorrent biex jippreżenta nota li temenda t-talbiet tiegħu, iżda b’mod limitat għar-Regolament Nru 36/2012. In-nota ta’ emenda tat-talbiet ġiet ippreżentata mir-rikorrent fir-Reġistru msemmi fil-15 ta’ Ġunju 2012. B’ittra ppreżentata f’dan ir-Reġistru fid-29 ta’ Ġunju 2012, il-Kunsill ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq din in-nota ta’ emenda tat-talbiet.

26      B’nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrent talab li jiġi awtorizzat jemenda t-talbiet tiegħu f’dak li jikkonċerna r-Regolament Nru 168/2012, id-Deċiżjoni 2012/122, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 266/2012 u d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/172. B’ittra ppreżentata fir-Reġistru msemmi fl-24 ta’ April 2014, il-Kunsill ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq it-talba tar-rikorrent, fejn sostna li l-atti kkonċernati minnha ma kinux isemmuh. B’deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2012, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tawtorizzax il-preżentata ta’ nota ta’ emenda tat-talbiet.

27      B’nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrent talab li jiġi awtorizzat jemenda t-talbiet tiegħu f’dak li jikkonċerna d-Deċiżjoni 2012/206. In-nota ta’ emenda tat-talbiet ġiet ippreżentata mir-rikorrent fir-Reġistru msemmi fit-22 ta’ Ġunju 2012. B’ittra ppreżentata f’dan ir-Reġistru fit-3 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill oppona ruħu għall-emenda tat-talbiet peress li d-deċiżjoni msemmija ma kinitx issemmi lir-rikorrent.

28      B’nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrent talab li jiġi awtorizzat jemenda t-talbiet tiegħu f’dak li jikkonċerna d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/256 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 410/2012. In-nota ta’ emenda tat-talbiet ġiet ippreżentata mir-rikorrent fir-Reġistru msemmi fit-23 ta’ Lulju 2012. B’ittra ppreżentata f’dan ir-Reġistru fid-9 ta’ Awwissu 2012, il-Kunsill oppona ruħu għall-emenda tat-talbiet peress li dawn l-atti ma jsemmux lir-rikorrent.

29      B’nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrent emenda t-talbiet tiegħu billi talab ukoll l-annullament tar-Regolament Nru 509/2012, tad-Deċiżjoni 2012/322, tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/335, tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 2012/544, tar-Regolament Nru 545/2012, tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 673/2012, tad-Deċiżjoni 2012/420 u tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/424. B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Awwissu 2012, il-Kunsill oppona ruħu għall-emenda tat-talbiet peress li dawn l-atti ma jsemmux lir-rikorrent.

30      B’nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrent talab li jiġi awtorizzat jemenda t-talbiet tiegħu f’dak li jikkonċerna d-Deċiżjoni 2012/739. In-nota ta’ emenda tat-talbiet ġiet ippreżentata mir-rikorrent fir-Reġistru msemmi fis-7 ta’ Jannar 2013. B’ittra ppreżentata f’dan ir-Reġistru fil-21 ta’ Jannar 2013, il-Kunsill ma esprimiex oġġezzjonijiet għall-imsemmija emenda tat-talbiet.

31      B’nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Mejju 2013, ir-rikorrent talab li jiġi awtorizzat jemenda t-talbiet tiegħu f’dak li jikkonċerna d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/109/PESK, tat-28 ta’ Frar 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2012/739 (ĠU L 58, p. 8), ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 325/2013, tal-10 ta’ April 2013, li jemenda r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 102, p. 1), id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2013/185, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/186/PESK, tat-22 ta’ April 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2012/739 (ĠU L 111, p. 101), u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 363/2013. Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru msemmi fl-24 ta’ Ġunju 2013, ir-rikorrent emenda t-talbiet tiegħu fejn talab biss l-annullament ta’ dan l-aħħar Regolament, tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2013/185 u tad-Deċiżjoni 2013/255. B’ittra ppreżentata f’dan ir-Reġistru fis-17 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill ma esprimiex oġġezzjonijiet għall-imsemmija emenda tat-talbiet.

32      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Seba’ Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

33      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli ta’ Proċedura, stiednet lill-partijiet biex jirrispondu għal ċerti domandi bil-miktub u biex jippreżentaw ċerti dokumenti. Il-Kunsill irrispetta din it-talba. Min-naħa l-oħra, ir-rappreżentant tar-rikorrent informa lill-Qorti Ġenerali li dan ma kienx ser jirrispondi għad-domandi bil-miktub.

34      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2014.

35      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawħ, id-Deċiżjoni 2011/273, ir-Regolament Nru 442/2011, id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2011/302, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 504/2011, id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2011/367, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 611/2011, id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2011/488, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 755/2011, id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2011/515, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 843/2011, id-Deċiżjoni 2011/522, ir-Regolament Nru 878/2011, id-Deċiżjoni 2011/628, ir-Regolament Nru 950/2011, id-Deċiżjoni 2011/684, ir-Regolament Nru 1011/2011, id-Deċiżjoni 2011/735, id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2011/736, ir-Regolament Nru 1150/2011, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1151/2011, id-Deċiżjoni 2011/782, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1244/2011, ir-Regolament Nru 36/2012, id-Deċiżjoni 2012/206, id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/256, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 410/2012, ir-Regolament Nru 509/2012, id-Deċiżjoni 2012/322, id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/335, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 544/2012, ir-Regolament Nru 545/2012, id-Deċiżjoni 2012/420, id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/424, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 673/2012, id-Deċiżjoni 2012/739, id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2013/185, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 363/2013 u d-Deċiżjoni 2013/255;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

36      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara inammissibbli l-emenda tat-talbiet li jirrigwardaw ir-Regolament Nru 36/2012, id-Deċiżjoni 2012/206, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 410/2012, id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/256, ir-Regolament Nru 509/2012, id-Deċiżjoni 2012/322, id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/335, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 2012/544, ir-Regolament Nru 545/2012, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 673/2012, id-Deċiżjoni 2012/420 u d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/424;

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

37      Il-Kunsill, mingħajr ma qajjem eċċezzjoni abbażi tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, jinvoka l-inammissibbiltà parzjali ta’ dan ir-rikors, ibbażata fuq it-tardività tal-preżentata tiegħu u fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrent.

 Fuq it-tardività tar-rikors

38      Skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors għal annullament għandu jitressaq fi żmien xahrejn, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att ikkontestat, jew minn meta dan jiġi nnotifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent ikun sar jaf bih. Skont l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra att ta’ istituzzjoni jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni tal-att, dan it-terminu jibda jiddekorri mill-erbatax-il ġurnata wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-att f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 102(2) tal-istess Regoli tal-Proċedura, barra minn dan, ma’ dan it-terminu għandu jiżdied terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

39      Barra minn hekk, fil-qasam ta’ miżuri restrittivi, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra att li jimponi l-miżuri msemmija fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità jibda jiddekorri biss jew mid-data tan-notifika individwali ta’ dan l-att lill-persuna interessata, jekk l-indirizz tagħha jkun magħruf, jew mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali, meta ma jkunx possibbli li ssir in-notifika diretta ta’ dan l-att lill-persuna interessata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il-Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, Ġabra, punti 59 sa 62).

40      Peress li r-Regoli tal-Proċedura jipprovdu, fl-Artikolu 102(1), terminu supplimentari ta’ erbatax-il ġurnata sabiex jiġi ppreżentat rikors kontra l-atti ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, għandu jiġi konkluż li din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata wkoll, b’analoġija, meta l-avveniment li jagħti bidu għat-terminu għal preżentata ta’ rikors ikun avviż li jikkonċerna l-imsemmija atti, li huwa wkoll ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali. Fil-fatt, l-istess raġunijiet li ġġustifikaw l-għoti ta’ terminu supplimentari ta’ erbatax-il ġurnata fir-rigward tal-atti ppubblikati huma validi f’dak li jikkonċerna l-avviżi ppubblikati, kuntrarjament għan-notifiki individwali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Frar 2014, Syrian Lebanese Commercial Bank vs Il-Kunsill, T‑174/12 u T‑80/13, Ġabra, punti 64 u 65).

41      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-att promotur tal-istanza, għandu jiġi rrilevat li dan ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Diċembru 2011.

42      Minn naħa, sa fejn, fl-att promotur, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni 2011/273, hekk kif implementata bid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2011/488, u tar-Regolament Nru 442/2011, hekk kif implementat bir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 755/2011, għandu jiġi rrilevat li r-rikors ġie ppreżentat tardivament.

43      Fil-fatt, il-Kunsill ma indirizzax notifika individwali lir-rikorrent. Issa, dan attira l-attenzjoni tal-persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2011/273, implementata bid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2011/488, u mir-Regolament Nru 442/2011, implementat bir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 755/2011, permezz ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fit-2 ta’ Awwissu 2011 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq). Għalhekk, it-terminu għall-preżentata tar-rikors kien jiskadi fis-26 ta’ Ottubru 2011, jiġifieri ħafna qabel id-data tal-preżentata tal-att promotur.

44      Ir-rikorrent jilmenta, madankollu, li l-Kunsill ma nnotifikahx individwalment bid-Deċiżjoni 2011/273, hekk kif implementata bid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2011/488, u bir-Regolament Nru 442/2011, hekk kif implementat bir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 755/2011. F’dan ir-rigward, dan isostni li l-affermazzjoni li tgħid li l-indirizz tiegħu ma kienx magħruf mill-Kunsill tinsab kontradetta mill-kwalità tiegħu ta’ negozjant, li huwa ferm stabbilit, u l-kwalità ta’ personalità magħrufa sew fi ħdan l-elite ekonomika Sirjana. Sussegwentement, dan jallega li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors jibda jgħaddi biss wara l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid quddiem il-Kunsill, li, f’dan il-każ, ingħalqet biss fil-5 ta’ Jannar 2012, id-data li fiha l-Kunsill irrisponda għall-ewwel darba għat-talba ta’ eżami mill-ġdid tar-rikorrent.

45      F’dak li jikkonċerna l-argumentazzjoni tar-rikorrent li tgħid li d-deċiżjonijiet kellhom jiġu nnotifikati lilu individwalment peress li l-indirizz tiegħu kien magħruf, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2011/273 jipprovdi li l-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-persuna jew lill-entità kkonċernata, inklużi l-motivi għall-inklużjoni ta’ isimha fil-lista tal-persuni u entitajiet ikkonċernati mill-miżuri restrittivi, jew direttament jekk l-indirizz tagħha jkun magħruf, jew bil-pubblikazzjoni ta’ avviż, bl-għoti lilha tal-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet.

46      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza, il-Kunsill ma huwiex liberu li jagħżel arbitrarjament il-metodu ta’ komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu lill-persuni interessati. Fil-fatt, mill-punt 61 tas-sentenza Gbagbo et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet biss tippermetti komunikazzjoni indiretta tal-atti li jintalab l-annullament tagħhom permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali fil-każijiet fejn ikun impossibbli għall-Kunsill li jipproċedi b’notifika.

47      F’dan il-każ, il-fatt li l-Kunsill ma nnotifikax individwalment lir-rikorrent ma jistax jiġi invokat kontrih. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma għandhomx, fis-Sirja, riżorsi illimitati għall-finijiet li jfittxu l-indirizzi privati tal-persuni fiżiċi kollha kkonċernati mis-sistema tal-miżuri restrittivi, speċjalment f’perijodu ta’ rewwixti. Barra minn hekk, il-prattika tal-Kunsill li tikkonsisti f’li jintbagħtu n-notifiki lill-persuni fiżiċi biss fl-indirizz privat tagħhom, u mhux fl-indirizz professjonali tagħhom, hija ġġustifikata peress li, fin-nuqqas, in-notifika tirriskja li tinfetaħ u tinqara minn persuni terzi għall-persuna interessata, peress li l-miżuri restrittivi jikkostitwixxu qasam sensittiv. B’hekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kunsill ma kellux għażla oħra ħlief li jikkomunika l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista tal-persuni kkonċernati minn miżuri restrittivi, bil-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali.

48      F’dak li jikkonċerna l-allegazzjoni tar-rikorrent li tgħid li t-terminu għall-introduzzjoni ta’ rikors jibda jiddekorri biss wara l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid quddiem il-Kunsill, din għandha tiġi miċħuda. F’dan ir-rigward, biżżejjed jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni huwa ta’ xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-att ikkontestat, min-notifika tiegħu lir-rikorrent jew, fin-nuqqas, mill-jum meta dan sar jaf bih. Għalhekk, il-possibbiltà li ssir proċedura ta’ eżami mill-ġdid quddiem il-Kunsill ma tistax tidderoga minn tali regola. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, tista’ ssir eċċezzjoni għall-applikazzjoni tat-termini tal-proċedura fil-każ biss ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, każijiet fortuwiti jew ta’ forza maġġuri, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-applikazzjoni stretta ta’ dawn ir-regoli tissodisfa l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u l-bżonn li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1985, Cockerill-Sambre vs Il-Kummissjoni, 42/85, Ġabra p. 3749, punt 10, u d-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 1992, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑59/91, Ġabra p. I‑525, punt 8, u tas-7 ta’ Mejju 1998, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C‑239/97, Ġabra p. I‑2655, punt 7).

49      Min-naħa l-oħra, sa fejn, fl-att promotur, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni 2011/782, ir-rikors ġie ppreżentat fl-osservanza tat-termini stabbiliti mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, peress li, minn naħa, il-Kunsill ġibed l-attenzjoni tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati mid-deċiżjoni msemmija permezz ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fit-2 ta’ Diċembru (ara l-punt 10 iktar ’il fuq) u peress li r-rikors ġie ppreżentat fis-26 ta’ Diċembru 2011, ir-rikors ġie ppreżentat fi żmien utli f’dak li jikkonċerna lil din id-deċiżjoni. Għalhekk, ma huwiex neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra bħad-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali jew id-data tan-notifika individwali lir-rikorrent.

50      Isegwi li l-att promotur ma jistax jitqies li tressaq fi żmien utli f’dak li jikkonċerna t-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2011/273, hekk kif implementata bid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2011/488, u tar-Regolament Nru 442/2011, hekk kif implementat bir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 755/2011. Min-naħa l-oħra, dan huwa l-każ f’dak li jikkonċerna d-Deċiżjoni 2011/782.

51      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talbiet għal emenda tat-talbiet, għandu jiġi kkonstatat li dawn tressqu fi żmien utli b’mod konformi mas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Settembru 2013, Iranian Offshore Engineering & Construction vs Il-Kunsill, T‑110/12, Ġabra, punti 16 u 17). Fil-fatt, kull waħda mit-talbiet imsemmija tressqet matul ix-xahrejn mid-data tal-adozzjoni tal-att (ara l-punti 25 sa 31 iktar ’il fuq). Għalhekk, ma huwiex neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra bħad-data ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali jew id-data tan-notifika individwali lir-rikorrent.

52      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-talbiet kollha għal emenda tat-talbiet għandhom jitqiesu li huma ammissibbli ratione temporis.

 Fuq l-interess ġuridiku

53      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, bil-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

54      Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew morali hija suġġetta għall-kundizzjoni li din tiġġustifika interess reali u attwali fl-annullament tal-att ikkontestat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 2000, Il-Parlament vs Richard, C‑174/99 P, Ġabra p. I‑6189, punt 33, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni, T‑310/00, Ġabra p. II‑3253, punt 44).

55      L-interess ġuridiku għandu jibqa’ jeżisti sal-qari tad-deċiżjoni ġuridika, liema ħaġa tissoponi li r-rikors ikun jista’, fid-dawl tas-suġġett tiegħu u bir-riżultat li jkun mistenni minnu, jikseb benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 42, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Diċembru 2011, Fellah vs Il-Kunsill, T‑255/11, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 12).

56      Dan il-benefiċċju jista’ jkun marbut kemm mal-interessi materjali kif ukoll mal-interessi morali u mal-perspettivi futuri tal-persuna interessata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 1973, Kley vs Il-Kummissjoni, 35/72, Ġabra p. 679, punt 4, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Mejju 1998, W vs Il-Kummissjoni, T‑78/96 u T‑170/96, ĠabraSP p. I‑A 239 u II‑745, punt 47).

57      F’dan il-każ, il-Kunsill isostni li r-rikors huwa inammissibbli f’dak li jikkonċerna l-atti li ma jsemmux lir-rikorrent, peress li dan ma għandu ebda interess ġuridiku. Bl-istess mod, dan josserva li t-talba għal annullament li tikkonċerna lid-Deċiżjoni 2011/273 hija inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku fid-dawl tal-fatt li dan l-att tħassar u ġie sostitwit bid-Deċiżjoni 2011/782.

–       Fuq l-atti li ma jsemmux isem ir-rikorrent

58      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-atti li kontrihom ir-rikorrent ma għandux interess ġuridiku minħabba li ma jsemmux ismu, għandu jiġi kkonstatat li, fost l-atti kollha kkontestati fil-kuntest tal-att promotur, hija biss id-Deċiżjoni 2011/782, li tħassar id-Deċiżjoni 2011/273, li tirreferi espliċitament għar-rikorrent fl-Annessi tagħha. Konsegwentement, ir-rikorrent kellu, fil-mument tal-preżentata tal-att imsemmi, interess li jitlob lill-Qorti Ġenerali l-annullament ta’ dan l-att peress li dan l-annullament jista’ jġib favur ir-rikorrent it-tneħħija ta’ ismu mil-lista ta’ persuni u entitajiet ikkonċernati mill-miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja.

59      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-atti kkontestati fil-kuntest tan-noti ta’ emenda tat-talbiet, ir-rikorrent jitlob l-annullament ta’ diversi atti adottati mill-Kunsill li jimplementaw jew jemendaw kemm id-Deċiżjoni 2011/782 kemm ir-Regolament Nru 36/2012, kif ukoll id-Deċiżjonijiet 2012/739 u 2013/255.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li huma biss ir-Regolament Nru 36/2012, hekk kif implementat bir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 363/2013, id-Deċiżjoni 2012/739, hekk kif implementata bid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2013/185, u d-Deċiżjoni 2013/255 li jirreferu espliċitament għar-rikorrent. Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna lil dawn l-atti, jew isem ir-rikorrent huwa inkluż fil-listi relattivi għall-miżuri restrittivi annessi mal-atti bażiċi, jew l-informazzjoni relattiva għall-inklużjonijiet imsemmija ġiet mibdula. Għal din ir-raġuni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent iżomm interess ġuridiku fir-rigward tagħhom peress li l-annullament tagħhom ikollu bħala riżultat l-irtirar ta’ ismu mil-listi inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, l-istess ma japplikax għall-atti l-oħra kkonċernati min-noti għall-emenda tat-talbiet, li b’ebda mod ma jsemmu lir-rikorrent.

61      Konsegwentement, fid-dawl tat-talbiet stabbiliti fil-punti 50, 52, 58 u 60 iktar ’il fuq, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn huwa dirett kontra l-atti segwenti:

–        id-Deċiżjoni 2011/273, hekk kif implementata jew emendata bid-Deċiżjonijiet ta’ Implementazzjoni 2011/302, 2011/367, 2011/515 u 2011/736 kif ukoll bid-Deċiżjonijiet 2011/522, 2011/628, 2011/684 u 2011/735;

–        ir-Regolament Nru 442/2011, hekk kif implementat jew emendat bir-Regolamenti ta’ Implementazzjoni Nru 504/2011, Nru 611/2011, Nru 843/2011, Nru 1151/2011 u Nru 1244/2011 kif ukoll bir-Regolamenti Nru 878/2011, Nru 950/2011, Nru 1011/2011 u Nru 1150/2011;

–        id-Deċiżjonijiet ta’ Implementazzjoni 2012/256, 2012/335 u 2012/424 kif ukoll id-Deċiżjonijiet 2012/206, 2012/322 u 2012/420 li jimplementaw jew li jemendaw id-Deċiżjoni 2011/782;

–        ir-Regolamenti ta’ Implementazzjoni Nru 410/2012, Nru 2012/544 u Nru 673/2012 kif ukoll ir-Regolamenti Nru 509/2012, Nru 545/2012 u Nru 325/2013 li jimplementaw jew li jemendaw ir-Regolament Nru 36/2012.

–       Fuq l-atti mħassra jew sostitwiti

62      Fir-rigward tal-atti li kontrihom ir-rikorrent ma għandux interess ġuridiku minħabba li ma għadhomx fis-seħħ, għandu jiġi rrilevat, skont il-Kunsill, li d-Deċiżjoni 2011/782 tħassret u ġiet issostitwita bid-Deċiżjoni 2012/739 u li din tal-aħħar ma għadhiex fis-seħħ mill-1 ta’ Ġunju 2013, konformement mal-Artikolu 31(1) tagħha.

63      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, mid-dati rispettivi ta’ tħassir u ta’ skadenza tagħhom, id-Deċiżjonijiet 2011/782 u 2012/739 waqfu jipproduċu effetti legali.

64      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, rikorrent jista’ jżomm interess li jiġi annullat att imħassar matul l-istanza jekk l-annullament ta’ dan l-att ikun għadu jista’, bir-riżultat tiegħu, ikollu konsegwenzi legali (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Jannar 2013, Divandari vs Il-Kunsill, T‑497/10, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Il-persistenza tal-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandha tiġi evalwata in concreto, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tal-illegalità allegata u tan-natura tad-dannu allegatament subit (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ġunju 2013, Ayadi vs Il-Kummissjoni, C‑183/12 P, Ġabra, punt 63).

66      Issa, huwa r-rikorrent stess li għandu jiġġustifika l-interess ġuridiku kontra atti mħassra (digriet tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Mejju 2013, Post Invest Europe vs Il-Kummissjoni, T‑413/12, punt 22).

67      F’dan il-każ, ma jirriżulta la mill-proċess tal-kawża preżenti u lanqas mir-risposti pprovduti dwar dan is-suġġett mir-rikorrent waqt is-seduta li l-annullament tal-atti kkontestati li ma għadhomx fis-seħħ għadu jista’ jkun ta’ benefiċċju għalih. F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jiġi rrilevat li r-rikorrent naqas milli jirreaġixxi, fir-risposta, għall-argumenti tal-Kunsill, imqajma fid-difiża tiegħu, li jgħidu li r-rikorrent ma kellux iktar interess ġuridiku kontra atti mħassra. F’dan il-kuntest, huwa ma ġġustifikax l-interess ġuridiku tiegħu konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Ġunju 2013, HTTS vs Il-Kunsill, T‑128/12 u T‑182/12, punti 34 u 35, u tas-6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il-Kunsill, T‑42/12 u T‑181/12, punti 31 u 32).

68      Isegwi li r-rikorrent ma ppreċiżax l-interess ġuridiku tiegħu fir-rigward tad-Deċiżjonijiet 2011/782, 2012/739 u 2013/185. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors preżenti, sa fejn huwa dirett kontra dawn l-atti.

 Konklużjoni dwar l-ammissibbiltà

69      Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet imwettqa fil-punti 37 sa 68 iktar ’il fuq, dan ir-rikors huwa ammissibbli biss f’dak li jikkonċerna r-Regolament Nru 36/2012, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 363/2013 u d-Deċiżjoni 2013/255, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrent (iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”).

 Fuq il-mertu

70      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-dritt għal smigħ u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq ksur tad-dritt tal-proprjetà u tal-libertà ekonomika.

71      Bl-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent jilmenta li l-Kunsill kiser id-dritt tad-difiża tiegħu, l-obbligu ta’ motivazzjoni, id-dritt għal smigħ tiegħu u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiegħu. F’dan ir-rigward, dan jirrileva li, konformement mal-ġurisprudenza, id-drittijiet fundamentali jiffurmaw parti sħiħa mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li l-osservanza tad-drittijiet imsemmija tikkostitwixxi kundizzjoni għal-legalità tal-atti adottati minnha.

72      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jinvoka, essenzjalment, tliet ilmenti.

73      L-ewwel nett, ir-rikorrent jilmenta li l-Kunsill ma bagħatlu ebda notifika formali li tippermettilu li jkun jaf il-motivi għall-inklużjoni ta’ ismu fil-lista ta’ persuni kkonċernati minn miżuri restrittivi stabbiliti fl-atti kkontestati. Dan isostni li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva b’mod partikolari jimplika li l-Kunsill huwa marbut li jinnotifika lill-persuna jew lill-entità kkonċernata minn miżuri restrittivi bil-motivi li wasslu għall-inklużjoni ta’ isimha fil-listi msemmija. Barra minn hekk, dan jenfasizza li l-Kunsill ma rrispondiex it-talbiet tiegħu, billi llimita ruħu biex jikkonferma ż-żamma tat-tniżżil ta’ ismu f’dawn il-listi.

74      It-tieni nett, ir-rikorrent josserva li l-Kunsill illimita ruħu f’dan il-każ biex jesponi kunsiderazzjonijiet vagi u ġenerali biex jiġġustifika t-tniżżil ta’ ismu fil-listi inkwistjoni. F’dan ir-rigward, dan ifakkar li, skont il-ġurisprudenza, fid-dawl tal-fatt li l-persuni u l-entitajiet ikkonċernati minn miżuri restrittivi ma għandhomx dritt għal smigħ bil-quddiem, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa ħafna iktar importanti. Din il-motivazzjoni għandha tinkludi mhux biss il-bażijiet legali għall-applikazzjoni tal-att ikkonċernat, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti għalfejn il-Kunsill iqis, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati għandhom ikunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi. Finalment, dan isostni li l-insuffiċjenza fil-motivazzjoni tal-atti tal-Unjoni ma jistax jiġi kkumpensat minn spjegazzjonijiet imressqa fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Unjoni.

75      It-tielet nett, ir-rikorrent jikkontesta l-motivi għall-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni u jsostni li l-Kunsill ma ssodisfax l-oneru tal-prova imposta fuqu f’dan ir-rigward.

76      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

77      Il-Qorti Ġenerali tqis li l-ewwel għandu jiġi eżaminat it-tielet ilment.

78      Insostenn tat-tielet ilment, ir-rikorrent josserva li l-Kunsill ma pprovax b’mod suffiċjenti fil-liġi l-motivi li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni. Dan jilmenta li l-Kunsill ma ressaqx provi li juru r-rabtiet tiegħu ma’ Maher Al-Asaad u l-milizja Shabiha. Dan jenfasizza li huwa l-Kunsill li għandu l-oneru tal-prova u li dan ma jistax jibbaża ruħhu fuq preżunzjonijiet.

79      Il-Kunsill ifakkar, qabel kollox, li, fil-qasam tal-miżuri restrittivi, il-Qorti Ġenerali hija marbuta li teżerċita biss stħarriġ limitat fuq il-legalità tad-deċiżjonijiet adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Sussegwentement, dan isostni li l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni hija ġġustifikata sa fejn, b’mod partikolari, dan jappartjeni għall-persuni marbuta mar-reġim li jikkontribwixxu għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem. F’dan ir-rigward, dan jirrileva li r-rikorrent kien is-suġġett tal-miżura ta’ ffriżar tal-fondi abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn Stat Membru, ikklassifikata bħala “Kunfidenzjali UE”. Dan jirreferi għal informazzjoni provenjenti minn sorsi msejħa “miftuħa”. Huwa jqis li, anki jekk ir-rikorrent jikkontesta l-eżattezza tal-motivazzjoni, dan ma jressaq ebda prova li tista’ turi l-ineżattezza tagħha.

80      Skont il-ġurisprudenza, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju żgurat mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea teżiġi b’mod partikolari li, abbażi tal-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li hija bbażata fuqhom id-Deċiżjoni li jiġi inkluż jew jinżamm l-isem ta’ persuna determinata fil-listi ta’ persuni kkonċernati minn sanzjonijiet, il-Qorti tal-Unjoni għandha tiżgura li din id-deċiżjoni tistrieħ fuq bażi fattwali solida biżżejjed. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li jsostnu d-deċiżjoni msemmija, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà astratta tal-motivi invokati, iżda jkun jirrigwarda l-punt jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas, wieħed minn dawk li minnu nnifsu jitqies bħala suffiċjenti biex isostni din id-deċiżjoni, humiex sostnuti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi II”, punt 119).

81      Hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi użati kontra l-persuna kkonċernata, u mhux din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi. Huwa importanti li l-informazzjoni jew il-provi ppreżentati mill-awtorità inkwistjoni jsostnu l-motivi użati kontra l-persuna kkonċernata. Jekk dawn il-provi ma jippermettux li tiġi kkonstatata l-fondatezza ta’ motiv, il-Qorti tal-Unjoni għandha tiċħdu bħala bażi għad-Deċiżjoni dwar l-inklużjoni jew iż-żamma tal-inklużjoni inkwistjoni (sentenza Kadi II, punti 121 sa 123).

82      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-unika ġustifikazzjoni mressqa mill-Kunsill biex jiġġustifika l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni huwa siltiet tad-dokument tal-25 ta’ Lulju 2011 u li għandu r-riferenza “Coreu PESK/0317/11” (dokument tal-Kunsill Nru 5044/12). Dan id-dokument fih l-istess motivazzjoni fil-qosor bħal dik li ġiet riprodotta fl-atti kkontestati, jiġifieri, b’mod partikolari, li r-rikorrent kien imsieħeb ma’ Maher Al‑Assad fil-kuntest tal-milizja Shabiha u li dan kien ipparteċipa direttament fir-repressjoni billi jsostni lill-milizja Shabiha. Għalhekk, il-Kunsill ma jressaq ebda prova addizzjonali li tista’ ssostni, jew saħansitra tissuġġerixxi, l-eżistenza ta’ rabta bejn ir-rikorrent u Maher Al-Assad.

83      Sussegwentement, il-Kunsill ippreżenta, b’anness man-noti tiegħu, artikli ppubblikati fuq diversi siti tal-Internet relattivi għall-milizja ta’ Shabiha biex juri r-rabtiet tar-rikorrent mal-milizja msemmija, b’mod partikolari, is-sit tal-Internet Wikipedia, is-sit tal-Internet uffiċjali tal-Fraternità Musulmana u s-sit tal-Internet Saada Syria Forums. Indipendentement mill-kwistjoni jekk din l-informazzjoni hijiex affidabbli u jekk effettivament ittieħditx inkunsiderazzjoni mill-Kunsill fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, għandu jiġi kkonstatat li kienu biss tnejn minn dawn il-provi li kienu jsemmu fil-qosor isem ir-rikorrent u li ebda waħda minnhom ma tipprovdi preċiżazzjonijiet sostnuti biżżejjed fuq ir-rikorrent u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-milizja Shabiha.

84      Issa, b’risposta għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Kunsill ma kien f’pożizzjoni li jippreżenta ebda prova supplimentari li tista’ ssostni r-rabtiet bejn ir-rikorrent u Maher-Al-Assad, minn naħa, u l-milizja Shabiba, min-naħa l-oħra.

85      Konsegwentement, il-provi ppreżentati mill-Kunsill ma fihom ebda ħjiel li jista’ jsostni l-allegazzjonijiet tiegħu li jgħidu li, minn naħa, ir-rikorrent għandu rabta ma’ Maher Al-Assad fil-kuntest tal-milizja Shabiha u, min-naħa l-oħra, huwa direttament involut fir-repressjoni u l-vjolenzi eżerċitati fir-rigward tal-popolazzjoni ċivili u l-koordinazzjoni tal-gruppi dipendenti tal-milizja msemmija.

86      Isegwi li l-Kunsill ma ssodisfax l-oneru tal-prova li kellu abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, hekk kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kadi II.

87      Għalhekk, it-tielet ilment invokat mir-rikorrent insostenn tal-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ u l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mressqa insostenn ta’ dan ir-rikors.

 Fuq l-effetti ratione temporis tal-annullament tal-atti kkontestati

88      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li jkun meħtieġ, tindika dawk l-effetti tal-att annullat li għandhom jitqiesu bħala definittivi. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Qorti tal-Unjoni tiddeċiedi d-data tad-dħul fis-seħħ tas-sentenzi ta’ annullament tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2013, Nabipour et vs Il-Kunsill, T‑58/12, punti 250 u 251, u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis, għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, li huwa neċessarju li jinżammu l-effetti tal-atti kkontestati ratione temporis sad-data tal-iskadenza tat-terminu tal-appell imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jew, jekk jiġi ppreżentat appell f’dan it-terminu, sakemm jiġi miċħud l-appell.

90      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Unjoni adottat miżuri restrittivi kontra s-Sirja minħabba r-repressjoni tal-popolazzjoni ċivili ta’ dan il-pajjiż u li għalhekk dawn il-miżuri jfittxu għanijiet umanitarji u paċifiċi.

91      Għalhekk, l-interess tar-rikorrent li jikseb dħul fis-seħħ immedjat ta’ din is-sentenza ta’ annullament għandu jiġi bbilanċjat mal-għan ta’ interess ġenerali mfittex mill-politika tal-Unjoni fil-qasam ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tas-Sirja. Il-modulazzjoni tal-effetti ratione temporis tal-annullament ta’ miżura restrittiva tista’ għalhekk tkun iġġustifikata min-neċessità li tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri restrittivi u, finalment, minn kunsiderazzjonijiet imperattivi relatati mal-kondotta tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

92      Issa, l-annullament b’effett immedjat tal-atti kkontestati sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent jippermetti lil dan tal-aħħar li jittrasferixxi l-assi tiegħu kollha jew parti minnhom barra mill-Unjoni, mingħajr ma l-Kunsill ikun jista’ jekk ikun il-każ japplika fi żmien utli l-Artikolu 266 TFUE bil-għan li jirrimedja l-irregolaritajiet ikkonstatati f’din is-sentenza, b’tali mod li jkun hemm riskju ta’ ksur serju u irriversibbli fuq l-effettività ta’ kull iffriżar ta’ beni li jista’ jiġi, fil-ġejjieni, deċiż mill-Kunsill fir-rigward tar-rikorrent.

93      Fil-fatt, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 266 TFUE f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-annullament b’din is-sentenza tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni jirriżulta mill-fatt li l-motivi ta’ din l-inklużjoni ma humiex sostnuti minn provi suffiċjenti (ara l-punti 82 sa 86 iktar ’il fuq). Għalhekk, għalkemm huwa l-Kunsill li għandu jiddeċiedi l-metodi ta’ implementazzjoni ta’ din is-sentenza, inklużjoni ġdida fil-listi ma tistax tiġi eskluża minn qabel. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ eżami ġdid, il-Kunsill għandu l-possibbiltà li jerġa jniżżel isem ir-rikorrent fil-listi abbażi ta’ motivi sostnuti biżżejjed fil-liġi.

94      Isegwi li l-effetti tad-deċiżjonijiet u tar-regolamenti annullati għandhom jinżammu fir-rigward tar-rikorrent, sad-data tal-iskadenza tat-terminu għall-appell jew, jekk jiġi ppreżentat appell f’dan it-terminu, saċ-ċaħda eventwali tal-appell.

 Fuq l-ispejjeż

95      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 87(3) tal-istess Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

96      F’dan il-każ, peress li l-partijiet tilfu rispettivament kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, issir applikazzjoni ġusta tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq jekk jiġi deċiż li l-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u terz mill-ispejjeż tar-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors, peress li huwa tardiv, huwa miċħud bħala inammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2011/488/PESK, tal-1eta’ Awwissu 2011, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 755/2011, tal-1 ta’ Awwissu 2011, li jimplementa r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja.

2)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK, tad-9 ta’ Mejju 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 442/2011, tad-9 ta’ Mejju 2011, dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2011/302/PESK, tat-23 ta’ Mejju 2011, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/273, tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2011/367/PESK, tat-23 ta’ Ġunju 2011, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/273, tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 504/2011, tat-23 ta’ Mejju 2011, li jimplementa r-Regolament Nru 442/2011, tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 611/2011, tat-23 ta’ Ġunju 2011, li jimplementa r-Regolament Nru 442/2011, tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2011/515/PESK, tat-23 ta’ Awwissu 2011, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/273, tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 843/2011, tat-23 ta’ Awwissu 2011, li jimplementa r-Regolament Nru 442/2011, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/522/PESK, tat-2 ta’ Settembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 878/2011, tat-2 ta’ Settembru 2011, li jemenda r-Regolament Nru 442/2011, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/628/PESK, tat-23 ta’ Settembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 950/2011, tat-23 ta’ Settembru 2011, li jemenda r-Regolament Nru 442/2011, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/684/PESK, tat-13 ta’ Ottubru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1011/2011, tat-13 ta’ Ottubru 2011, li jemenda r-Regolament Nru 442/2011, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/735/PESK, tal-14 ta’ Novembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273, tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2011/736/PESK, tal-14 ta’ Novembru 2011, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/273, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1150/2011, tal-14 ta’ Novembru 2011, li jemenda r-Regolament Nru 442/2011, tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2011, tal-14 ta’ Novembru 2011, li jimplementa r-Regolament Nru 442/2011, tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1244/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplementa r-Regolament Nru 442/2011, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/206/PESK, tat-23 ta’ April 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2011/782/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2012/256/PESK, tal-14 ta’ Mejju 2012, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/782/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 410/2012, tal-14 ta’ Mejju 2012, li jimplementa l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 509/2012, tal-15 ta’ Ġunju 2012, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/322/PESK, tal-20 ta’ Ġunju 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2011/782/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2012/335/PESK, tal-25 ta’ Ġunju 2012, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/782/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 544/2012, tal-25 ta’ Ġunju 2012, li jimplementa l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 545/2012, tal-25 ta’ Ġunju 2012, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 673/2012, tat-23 ta’ Lulju 2012, li jimplementa l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/420/PESK, tat-23 ta’ Lulju 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2011/782/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, u tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2012/424/PESK, tat-23 ta’ Lulju 2012, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/782/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, peress li dawn l-atti ma jikkonċernawx lil Aiman Jaber.

3)      Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u tħassar id-Deċiżjoni 2011/273, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK, tad-29 ta’ Novembru 2012, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u tħassar id-Deċiżjoni 2011/782, u tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2013/185/PESK, tat-22 ta’ April 2013, li timplementa d-Deċiżjoni 2012/739, peress li dawn l-atti tħassru u ġew issostitwiti.

4)      Huma annullati, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lil Aiman Jaber:

–        ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012, tat-18 ta’ Jannar 2012, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament Nru 442/2011;

–        ir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 363/2013, tat-22 ta’ April 2013, li jimplementa r-Regolament Nru 36/2012;

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, tal-31 ta’ Mejju 2013, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja.

5)      L-effetti tad-deċiżjonijiet u tar-regolamenti annullati jinżammu fir-rigward ta’ Aiman Jaber, sad-data tal-iskadenza tat-terminu għall-appell jew, jekk jiġi ppreżentat appell f’dan it-terminu, saċ-ċaħda eventwali tal-appell.

6)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll terz mill-ispejjeż ta’ Aiman Jaber.

7)      Aiman Jaber għandu jbati żewġ terzi mill-ispejjeż tiegħu.

Van der Woude

Wiszniewska-Białecka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Novembru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.