Language of document : ECLI:EU:F:2014:272

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

12 ta’ Diċembru 2014

Kawża F‑63/11 RENV

Luigi Macchia

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Rinviju għall-Qorti Ġenerali wara l-annullament – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Rikors manifestament inammissibbli u manifestament infondat”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Macchia talab, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni impliċita ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju, kif ukoll, sa fejn huwa meħtieġ, l-annullament tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2011 li tiċħad l-ilment ippreżentat kontra d-deċiżjoni impliċita, u, konsegwentement, l-integrazzjoni mill-ġdid tiegħu fil-funzjonijiet li kien jokkupa fi ħdan l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF). Sussidjarjament, huwa talab għall-kundanna tal-Kummissjoni Ewropea għall-kumpens għad-dannu materjali li huwa ġarrab u, fi kwalunkwe każ, għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-kumpens għad-dannu morali li huwa ġarrab, evalwat ex æquo et bono għas-somma ta’ EUR 5 000, kif ukoll l-ispejjeż.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat. L. Macchia għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess sostnuti rispettivament fil-Kawżi F‑63/11, T‑368/12 P u F‑63/11 RENV kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-Kawżi F‑63/11 u F‑63/11 RENV. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess sostnuti fil-Kawża T‑368/12 P.

Sommarju

Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-membru tal-persunal rilevanti u tas-servizz

(Kondizzjonijiet tal-impieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 2(a) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 u 47(b)(i))

Il-possibbiltà li jiġġedded kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tikkostitwixxi sempliċi possibbiltà fid-diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti, peress li l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom, skont il-funzjoni tal-rwoli li jingħatawlhom, u fl-assenjazzjoni, fid-dawl ta’ dan, tal-persunal li huwa disponibbli għalihom, sakemm din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz.

L-awtorità kompetenti hija obbligata, meta hija tieħu deċiżjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal, li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, jiġifieri mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll, b’mod partikolari, dak tal-membru tal-persunal rilevanti. Fil-fatt, dan jirriżulta mid-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni, li jirrefletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal u, b’analoġija, il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tagħha.

Fid-dawl ta’ dan, b’kunsiderazzjoni għas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lill-istituzzjonijiet f’dan il-kuntest, l-istħarriġ tal-qorti huwa limitat għall-istabbiliment tal-assenza ta’ żball manifest jew ta’ użu ħażin ta’ poter.

F’dan ir-rigward, żball jista’ biss jiġi kklassifikat bħala manifest meta dan ikun jista’ jiġi faċilment identifikat fid-dawl tal-kriterji li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jissuġġetta l-eżerċizzju ta’ setgħa deċiżjonali għalihom.

Il-membri tal-persunal li għandhom kuntratt għal żmien determinat ma jistgħux jinvokaw dritt għal stabbiltà tal-impjieg li jkun jirrikjedi li istituzzjoni tivverifika, qabel ma tiddeċiedi li ma ġġeddidx kuntratt ta’ membru tal-persunal f’din il-kategorija, jekk dan tal-aħħar jistax jiġi impjegat mill-ġdid post ieħor.

Għalhekk, l-osservanza tad-dmir ta’ premura kif ukoll il-kunċett tal-interess tas-servizz ma jobbligawx lill-awtorità li hija awtorizzata tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg, qabel ma tiddeċiedi li ma ġġeddidx kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, sabiex teżamina minn qabel il-possibbiltà li l-membru tal-persunal rilevanti jiġi impjegat post ieħor.

(ara l-punti 40 sa 44 u 46)

Referenza:

Il-Qorti Ġustizzja: sentenza Klinke vs Il-Qorti Ġustizzja, C‑298/93 P, EU:C:1994:273, punt 38

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi Kyrpitsis vs CES, T‑13/95, EU:T:1996:50, punt 52; Potamianos vs Il-Kummissjoni, T‑160/04, EU:T:2008:438, punt 30 ; ETF vs Landgren, T‑404/06 P, EU:T:2009:313, punt 162,

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza EMA vs BU, T‑444/13 P, EU:T:2014:865, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Canga Fano vs Il-Kunsill, F‑104/09, EU:F:2011:29, punt 35