Language of document : ECLI:EU:C:2012:215

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ April 2012 (*)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Artikolu 3(1) — Kunċett ta’ azzjoni relatata ma’ proċedura ta’ insolvenza u li hija marbuta mill-qrib magħha — Regolament (KE) Nru 44/2001— Artikolu 1(1) u (2)(b) — Kunċetti ta’ ‘materji ċivili u kummerċjali’ u ta’ ‘falliment’ — Azzjoni ppreżentata fuq il-bażi ta’ ċessjoni, mil-likwidatur, tad-dritt tiegħu ta’ revoka”

Fil-Kawża C‑213/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (Il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ April 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Mejju 2010, fil-proċedura

F-Tex SIA

vs

Lietuvos-Anglijos UAB “Jadecloud-Vilma”,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Safjan, M. Ilešič, E. Levits u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal F-Tex SIA, minn M. Nosevič, advokatas,

–        għal Lietuvos-Anglijos UAB “Jadecloud-Vilma”, minn R. Bukauskas, advokatas,

–        għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u L. Liubertaitė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki, K. Georgiadis u D. Kalogiros, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Steiblytė u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar il-proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191), u tal-Artikoli 1(2)(b) u 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn F-Tex SIA (iktar ’il quddiem “F-Tex”) u Lietuvos-Anglijos UAB “Jadecloud-Vilma” (iktar ’il quddiem “Jadecloud-Vilma”), dwar l-irkupru ta’ somma ta’ LTL 523 700.20, li magħha jiżdiedu l-interessi, li kienet imħallsa lil Jadecloud-Vilma minn Neo Personal Light Clothing GmbH (iktar ’il quddiem “NPLC”), meta din il-kumpannija tal-aħħar kienet fi stat ta’ insolvenza.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 1346/2000

3        Skont il-premessa 6 tiegħu, ir-Regolament Nru 1346/2000 huwa limitat għal “dispożizzjonijiet li jirregolaw ġurisdizzjoni għal ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] u ġudizzji li jingħataw direttament fuq bażi ta’ proċedimenti ta’ falliment u li huma marbuta mill-qrib ma’ proċedimenti bħal dawn”.

4        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 li jittratta l-ġurisdizzjoni internazzjonali, jistipula r-regola ta’ ġurisdizzjoni prinċipali li ġejja:

“Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment [proċedura ta’ insolvenza]. Fil-każ ta’ kumpannija u persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.”

5        L-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1346/2000, dwar l-għarfien u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi oħrajn, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.      Sentenzi mgħotija minn qorti li l-ġudizzju tiegħu dwar il-ftuħ ta’ proċedimenti huwa rikonoxxut skond l-Artikolu 16 u li jikkonċernaw il-kors u l-egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment [proċedura ta’ insolvenza], u komposizzjonijiet approvati minn dik il-qorti għandhom ukoll ikunu rikonoxxuti mingħajr formalitajiet oħra. Sentenzi bħal dawk għandom jiġu eżegwiti skond l-Artikoli 31 sa 51, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 34(2), tal-Konvenzjoni ta’ Brussel dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali, kif emendata bil-Konvenzjoni tal-Adeżjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

L-ewwel sub-paragrafu għandu wkoll japplika għal sentenzi li jirriżultaw direttament mill-proċedimenti ta’ falliment u li jkunu marbuta mill-qrib magħhom, anki jekk dawk kienu mgħotija minn qorti oħra.

[...]

2.      L-għarfien u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi apparti minn dawk li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom jiġu regolati mill-Konvenzjoni msemmija fil-paragrafu 1, basta illi dik il-Konvenzjoni tkun applikabbli.”

 Ir-Regolament Nru 44/2001

6        Ir-Regolament Nru 44/2001 jissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem “il-Konvenzjoni ta’ Brussell”).

7        Skont il-premessa 7 tal-imsemmi regolament, “[l]-iskop ta’ dan r‑Regolament għandu jkopri il-materji prinċipali ċivili u kummerċjali apparti minn ċerti materji li jkunu ġew definiti”.

8        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu b’dan il-mod:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwistjonijiet ċivili u kummerċjali u tkun liema tkun ix-xorta tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.

2.      Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

[...]

b)      fallimenti, kompożizzjonijiet u proċedimenti analogi oħra;

[...]”

9        L-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament jistipula r-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali li ġejja:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

10      L-Artikolu 60(1) tal-istess regolament jippreċiża li:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, kumpannija jew persuna ġuridika oħra jew assoċjazzjoni ta’ persuni naturali jew ġuridika jkollha d-domiċilju fil-post fejn hi jkollha:

a)      is-sede statutorja;

b)      iċ-ċentru amministrattiv tagħha, jew

ċ)       il-post prinċipali tan-negozju tagħha.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Bejn ix-xhur ta’ Frar u Ġunju 2001, NPLC, li s-sede statutorja tagħha tinsab fil-Ġermanja, ħallset, filwaqt li kienet fi stat ta’ insolvenza, is-somma ta’ LTL 523 700.20 LTL lil Jadecloud-Vilma, li s-sede statutorja tagħha tinsab fil-Litwanja.

12      Fl-24 ta’ Jannar 2005, il-Landgericht Duisburg (il-Ġermanja) fetħet proċedura ta’ insolvenza kontra NPLC. Skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, l-uniku kreditur kien F-Tex, li s-sede statutorja tagħha tinsab fil-Latvja.

13      Permezz ta’ kuntratt tat-28 ta’ Awwissu 2007, il-likwidatur maħtur fl-ambitu tal-proċedura mibdija kontra NPLC ċeda lil F-Tex il-krediti kollha li għalihom NPLC kienet intitolata fil-konfront ta’ terzi, inkluż id-dritt li titlob lil Jadecloud-Vilma il-ħlas lura tal-ammonti li din tal-aħħar irċeviet bejn Frar u Ġunju 2001. Din iċ-ċessjoni ngħatat mingħajr ebda garanzija, minn naħa tal-likwidatur, għal dak li huwa l-kontenut tal-krediti, għall-ammont tagħhom jew il-possibbiltà, kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt, li tinkiseb l-eżekuzzjoni tagħhom. F-Tex ma kinitx legalment obbligata li tipproċedi bl-irkupru tal-krediti hekk ittrasferiti. Fil-każ li tagħżel li tagħmel dan, ġie miftiehem li tagħti lil-likwidatur 33 % tar-rikavat tal-azzjoni tagħha.

14      Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Awwissu 2009, il-Vilniaus apygardos teismas (il-Litwanja) ċaħdet l-azzjoni ppreżentata quddiemha minn F-Tex, sabiex Jadecloud-Vilma tiġi kkundannata tħallasha s-somma ta’ LTL 523 700.20, li magħha jiżdiedu l-interessi, li din il-kumpannija tal-aħħar irċeviet minn NPLC. Il-Vilniaus apygardos teismas ikkunsidrat li din l-azzjoni kienet taqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi peress li l-proċedura ta’ insolvenza kontra NPLC infetħet fil-Ġermanja.

15      Fil-5 ta’ Novembru 2009, fuq appell minn F-Tex, il-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Litwanja) irriformat id-deċiżjoni ta’ Vilniaus apygardos teismas u bagħtet il-kawża lura lil din tal-aħħar. Il-Lietuvos apeliacinis teismas qieset li l-ġurisdizzjoni prevista taħt l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 għall-eżerċizzju ta’ azzjoni revokatorja ma hijiex ġurisdizzjoni esklużiva u li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, din l-azzjoni kellha tiġi eżaminata fil-post tas-sede statutorja tal-konvenuta.

16      B’deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2009, il-Landgericht Duisburg ikkonstatat li l-azzjoni mressqa quddiemha minn F-Tex kontra Jadecloud-Vilma ma kinitx taqa’ fil-ġurisdizzjoni tagħha, minħabba, b’mod partikolari, li s-sede statutorja tal-konvenuta ma kinitx tinsab fil-Ġermanja, u informat lil F-Tex li l-azzjoni tagħha kienet probabbilment se tiġi miċħuda bħala inammissibbli. F-Tex irtirat din l-azzjoni.

17      Adita b’appell ippreżentat minn Jadecloud-Vilma kontra d-deċiżjoni ta’ Lietuvos apeliacinis teismas tal-5 ta’ Novembru 2009, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja [tat-22 ta’ Frar 1979] Gourdain [133/78, Ġabra, p. 733] u [12 ta’ Frar 2009, Seagon, C-339/07, Ġabra p. I-767], l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 u l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

a)      il-qorti li quddiemha jitressqu proċeduri ta’ falliment [insolvenza] għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tiddeċiedi actio pauliana li tirriżulta direttament mill-proċeduri ta’ falliment jew li hija strettament marbuta magħha u li tista’ ssir deroga minn din il-ġurisdizzjoni biss abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 1346/2000;

b)      l-actio pauliana li hija ppreżentata mill-uniku kreditur ta’ impriża li fil-konfront tagħha nbdew proċeduri ta’ falliment fi Stat Membru, li

—      hija ppreżentata fi Stat Membru ieħor,

—      tistrieħ fuq dritt kontra terzi konvenuti li ttrasferit lir-rikorrenti permezz [tal-likwidatur] tal-falliment b’kuntratt b’titolu oneruż, fejn il-portata tad-drittijiet [tal-likwidatur] fl-ewwel Stat Membru kienu, minħabba dan il-fatt, limitati, u

—      ma tippreżenta ebda riskju għall-kredituri l-oħra eventwali,

taqa’ taħt il-materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001?

2)      Id-dritt tar-rikorrenti għal rimedju ġudizzjarju, li huwa rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u li huwa ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jinftiehem u jiġi interpretat fis-sens li:

a)      il-qrati nazzjonali kompetenti sabiex jiddeċiedu fuq l-actio pauliana skont (abbażi tar-rabtiet ta’ din l-azzjoni mal-proċedura ta’ falliment [insolvenza]) l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jew l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jistgħux it-tnejn li huma jirrinunzjaw għall-ġurisdizzjoni tagħhom;

b)      meta qorti ta’ Stat Membru tkun ddikjarat l-actio pauliana bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, il-qorti tal-Istat Membru l-ieħor tista’ ex officio tiddikjara ruħha bħala kompetenti sabiex tiggarantixxi d-dritt tar-rikorrenti għal qorti, minkejja l-fatt li, skont ir-regoli dwar ġurisdizzjoni internazzjonali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, din ma tistax tieħu d-deċiżjoni f’dan is-sens?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel domanda

18      Fit-tieni parti tal-ewwel domanda, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-azzjoni mressqa kontra terzi mill-kreditur ta’ debitur li huwa suġġett għal proċedura ta’ insolvenza u li jaġixxi fuq il-bażi ta’ ċessjoni ta’ kreditu mogħtija mil-likwidatur fil-kuntest ta’ din il-proċedura, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000, inkwantu tali azzjoni toriġina direttament mill-imsemmija proċedura u hija marbuta mill-qrib magħha, jew altrimenti taqax fl-ambitu tar-Regolament Nru 44/2001, inkwantu l-imsemmija azzjoni taqa’ taħt il-kunċett ta’ materja ċivili u kummerċjali.

 Osservazzjonijiet preliminari

19      B’mod preliminari, għandhom jiġu speċifikati l-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-Regolamenti Nri 44/2001 u 1346/2000.

–       Ir-Regolament Nru 44/2001

20      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li ġiet issostitwita mir-Regolament Nru 44/2001, kien jistipula li din il-konvenzjoni tapplika f’materji ċivili u kummerċjali, irrispettivament min-natura tal-qorti. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tagħha kien jeskludi ċerti suġġetti partikolari, fosthom, fil-punt 2, “fallimenti, kompożizzjonijiet u proċedimenti analogi oħra”.

21      Kemm ir-rapport dwar il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, redatt minn P. Jenard (ĠU 1979, C 59, p. 1), kif ukoll ir-rapport fuq il-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-imsemmija konvenzjoni, kif ukoll għall-Protokoll dwar l-interpretazzjoni tagħha min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, redatt minn P. Schlosser (ĠU 1979, C 59, p. 71), indikaw li l-materja koperta b’din l-esklużjoni kienet qed taqa’ taħt konvenzjoni separata. Ir-rapport ta’ P. Schlosser ppreċiża fil-punt 53 tiegħu, li l-kampijiet ta’ applikazzjoni taż-żewġ konvenzjonijiet għandhom ikunu ddefiniti sabiex tiġi evitata kull lakuna u kull kwistjoni ta’ klassifikazzjoni.

22      Fis-sentenza Gourdain, iċċitata iktar ’il fuq, deċiża fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-portata tal-esklużjoni kkonċernata. Fil-punt 4 tas-sentenza, hija kkunsidrat li huwa meħtieġ, sabiex id-deċiżjonijiet relatati ma’ falliment ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li dawn joriġinaw direttament mill-falliment u li jkunu marbuta mill-qrib ma’ proċedura ta’ likwidazzjoni ta’ assi jew likwidazzjoni ġudizzjarja.

23      Fis-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2009, SCT Industri (C-111/08, Ġabra p. I-5655) mogħtija wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn dan ir-Regolament jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni pprovduta fir-rigward ta’ din il-konvenzjoni tgħodd ukoll għall-imsemmi regolament, sakemm id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jistgħu jiġu deskritti bħala ekwivalenti, li huwa l-każ tal-Artikolu 1(2)(b) ta’ dan ir-regolament u l-punt 2 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, redatta f’termini identiċi. Filwaqt li qieset li l-kriterju li azzjoni tkun marbuta ma’ proċedura ta’ falliment jekk toriġina direttament mill-falliment u marbuta mill-qrib ma’ proċedura ta’ likwidazzjoni tal-assi jew likwidazzjoni ġudizzjarja, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li hija l-intensità tar-rabta eżistenti, fis-sens tal-ġurisprudenza tas-sentenza Gourdain, iċċitata iktar ’il fuq, bejn azzjoni ġudizzjarja u l-proċedura ta’ insolvenza li hija determinanti sabiex jiġi stabbilit jekk din l-esklużjoni hijiex applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SCT Industri, iċċitat iktar ’il fuq, punti 22 sa 25).

–       Ir-Regolament Nru 1346/2000

24      Ir-Regolament Nru 1346/2000 jirriproduċi, f’termini identiċi, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Proċeduri ta’ Insolvenza, miftuħa għall-firma tal-Istati Membri fi Brussell fit-23 ta’ Novembru 1995.

25      Fis-sentenza Seagon, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, kif il-qorti tar-rinviju rrilevat, eżaminat il-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk azzjoni tkunx inkluża jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament.

26      Fil-punt 20 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li huwa preċiżament il-kriterju artikolat fis-sentenza Gourdain, iċċitata iktar ’il fuq, li l-premessa 6 tar-Regolament Nru 1346/2000 tuża sabiex tiddelimita l-iskop ta’ dan tal-aħħar. Skont din il-premessa, fil-fatt, l-imsemmi regolament għandu jkun limitat għal dispożizzjonijiet li jirregolaw ġurisdizzjoni għal ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza u ġudizzji li joriġinaw direttament mill-proċedura ta’ insolvenza u li huma marbuta mill-qrib magħha.

27      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, fid-dawl ta’ din l-intenzjoni tal-leġiżlatur u l-effettività tal-imsemmi regolament, l-Artikolu 3(1) ta’ dan tal-aħħar għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jagħti wkoll lill-qrati tal-Istat Membru, li jkollu ġurisdizzjoni li jiftaħ proċedura ta’ insolvenza, ġurisdizzjoni internazzjonali meħtieġa sabiex jieħu konjizzjoni ta’ azzjonijiet li joriġinaw direttament minn din il-proċedura u li huma marbuta mill-qrib magħha (is-sentenza Seagon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

28      Għandu jingħad ukoll li dan il-kriterju doppju huwa użat ukoll fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, li jirregola r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi dwar il-kors u l-għeluq ta’ proċedura ta’ insolvenza. Skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu japplika wkoll għal sentenzi li jirriżultaw direttament mill-proċedura ta’ insolvenza u li jkunu marbuta mill-qrib magħhom, anki jekk dawn ngħataw minn qorti oħra. Skont il-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 25, id-deċiżjonijiet ħlief dawk imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu rregolati mir-Regolament Nru 44/2001, sakemm dan ikun applikabbli.

–       Fuq ir-relazzjoni bejn ir-Regolamenti Nri 1346/2000 u 44/2001

29      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jidher, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 teskludi biss mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li, b’mod konformi mal-premessa 7 tiegħu, huwa maħsub biex japplika għall-materji kollha ċivili u kummerċjali bl-eċċezzjoni ta’ ċerti materji definiti b’mod ċar, l-azzjonijiet li jirriżultaw direttament minn proċedura ta’ insolvenza u li huma marbuta mill-qrib magħha. Minn dawn l-istess kunsiderazzjonijiet jirriżulta, fit-tieni lok, li huma biss l-azzjonijiet li joriġinaw direttament minn proċedura ta’ insolvenza u li huma marbuta mill-qrib magħhom li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000.

30      Sabiex tingħata risposta għat-tieni parti tal-ewwel domanda, huwa għalhekk meħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-azzjoni prinċipali, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandhiex titqies li tissodisfa dan il-kriterju doppju.

 Fuq ir-rabtiet bejn l-azzjoni prinċipali, minn naħa, u l-insolvenza tad-debitur u l-proċedura ta’ insolvenza, min-naħa l-oħra

31      L-azzjoni fil-kawża prinċipali hija intiża għall-ħlas lura mill-konvenut tal-ammonti li huwa rċieva mingħand debitur qabel ma nfetħet, kontra dan tal-aħħar, proċedura ta’ insolvenza. Ir-rikorrent jibbaża l-azzjoni tiegħu fuq iċ-ċessjoni ta’ kreditu lilu mogħti mil-likwidatur innominat fl-ambitu tal-imsemmija proċedura. Din iċ-ċessjoni kellha bħala suġġett id-dritt ta’ revoka li l-liġi Ġermaniża dwar proċeduri ta’ insolvenza jagħti lil-likwidatur fir-rigward tal-atti mwettqa qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza u li jippreġudikaw lill-kredituri involuti fl-imsemmija proċedura.

32      Mill-proċess jirriżulta li l-azzjoni revokatorja, fid-dritt Ġermaniż irregolata mill-Artikoli 129 u dawk sussegwenti tal-liġi dwar proċeduri ta’ insolvenza, tista’ tiġi eżerċitata biss mil-likwidatur, esklużivament għall-iskop tad-difiża tal-interessi tal-massa ta’ kredituri. Skont il-Gvern Ġermaniż, id-dritt ta’ revoka jista’ madankollu jkun is-suġġett ta’ ċessjoni sakemm din tal-aħħar issir inkambju għal benefiċċju meqjus bħala ekwivalenti, favur il-massa tal-kredituri.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest ta’ azzjoni li permezz tagħha r-rikorrent, li jaġixxi bħala likwidatur, talab, permezz ta’ azzjoni revokatorja bbażata fuq l-insolvenza tad-debitur, il-ħlas lura ta’ somma mħallsa minn dan tal-aħħar, li tali azzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Seagon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

34      Barra minn hekk, fis-sentenza SCT Industri, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, dwar ir-rikonoxximent ta’ sentenza li tiddikjara n-nullità ta’ ċessjoni mogħtija mil-likwidatur innominat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, fuq il-bażi li dan tal-aħħar ma kellux is-setgħa li jiddisponi mill-assi ċeduti, li tali kwistjoni taqa’ taħt il-kunċett ta’ falliment fis-sens tal-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SCT Industri, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

35      Madankollu, il-kwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti mis-sitwazzjonijiet li taw lok għal dawn is-sentenzi.

36      Fil-fatt, kuntrarjament għar-rikorrent fil-kawża li wasslet għas-sentenza Seagon, iċċitata iktar ’il fuq, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma huwiex qiegħed jaġixxi bħala likwidatur, jiġifieri bħala korp ta’ proċedura ta’ insolvenza, iżda bħala ċessjonarju ta’ dritt.

37      Barra minn hekk, kuntrarjament għall-kawża li wasslet għas-sentenza Industri SCT, iċċitata iktar ’il fuq, il-preżenti kawża ma tikkonċernax il-validità taċ-ċessjoni mogħtija mil-likwidatur u s-setgħa tiegħu li jċedi d-dritt tiegħu ta’ revoka ma hijiex ikkontestata.

38      Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi li għandha din l-azzjoni introdotta mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, din l-azzjoni għandhiex rabta diretta mal-insolvenza tad-debitur u jekk hijiex marbuta mill-qrib mal-proċedura ta’ insolvenza.

39      Fl-osservazzjonijiet tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja, Jadecloud-Vilma u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu li l-oriġini u l-kontenut tal-azzjoni mibdija miċ-ċessjonarju huma, essenzjalment, l-istess bħal dawk ta’ azzjoni revokatorja mressqa mil-likwidatur.

40      Huwa minnu li, filwaqt li ma jistax jiġi miċħud li d-dritt li fuqu r-rikorrent fil-kawża prinċipali jibbaża l-azzjoni tiegħu huwa marbut mal-insolvenza tad-debitur, peress li huwa jislet l-oriġini tagħha mid-dritt ta’ revoka vestit fil-likwidatur mil-liġi nazzjonali applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza. Madankollu, tqum il-kwistjoni ta’ jekk id-dritt kweżit, ladarba jkun daħal fil-wirt tal-ċessjonarju, iżommx rabta diretta mal-insolvenza tad-debitur.

41      Din il-kwistjoni tista’ madankollu titħalla miftuħa jekk jidher li, fi kwalunkwe każ, l-eżerċizzju miċ-ċessjonarju tad-dritt kweżit ma hijiex marbuta mill-qrib mal-proċedura ta’ insolvenza.

42      Madankollu, għandu jiġi kkonstat li, kif tinnota F-Tex kif ukoll il-Gvern Litwan u dak Ġermaniż, l-eżerċizzju tad-dritt kweżit miċ-ċessjonarju huwa rregolat minn regoli differenti minn dawk applikabbli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza.

43      Fl-ewwel lok, kuntrarjament għal-likwidatur li, fil-prinċipju, huwa marbut li jaġixxi fl-interess tal-kredituri, iċ-ċessjonarju huwa liberu li jeżerċita jew li ma jeżerċitax id-dritt ta’ kreditu li jkun akkwista. Kif ikkonstatat il-qorti tar-rinviju, F-Tex ma kinitx legalment obbligata li tipproċedi għall-irkupru tal-kreditu ċedut.

44      Fit-tieni lok, iċ-ċessjonarju, meta ddeċieda li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ kreditu, aġixxa fl-interess tiegħu stess u għall-gwadann personali tiegħu. Bħad-dritt ta’ kreditu, li huwa l-bażi għat-talba tiegħu, l-eżitu tal-azzjoni li huwa jressaq jidħol fil-patrimonju personali tiegħu. Għalhekk, il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tiegħu huma differenti minn dawk ta’ azzjoni revokatorja ppreżentata mil-likwidatur, li għandha l-għan li żżid l-assi tal-kumpannija suġġetta għall-proċedura ta’ insolvenza (sentenza Seagon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

45      Il-fatt li, fil-każ ineżami tal-kawża prinċipali, il-benefiċċju mogħti minn F-Tex inkambju għaċ-ċessjoni, mil-likwidatur, tad-dritt tiegħu ta’ revoka ħa l-forma ta’ obbligu ta’ ħlas lura ta’ perċentwali tal-prodott tal-kreditu ċedut ma jbiddilx din l-analiżi, peress li dan huwa biss metodu ta’ ħlas. Tali dispożizzjoni kuntrattwali taqa’ fl-ambitu tal-awtonomija tal-partijiet, peress li ma huwiex ikkontestat li l-likwidatur u ċ-ċessjonarju jistgħu liberament jagħżlu li jesprimu l-ħlas inkambju miċ-ċessjonarju bħala somma f’daqqa jew perċentwali ta’ kwalunkwe ammonti rkuprati.

46      Barra minn hekk, fid-dritt Ġermaniż, li huwa, fil-kawża prinċipali, il-liġi applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza, l-għeluq ta’ din il-proċedura ma jaffettwax l-eżerċizzju miċ-ċessjonarju tad-dritt ta’ revoka li huwa akkwista. Skont il-Gvern Ġermaniż, dan id-dritt jista’ jkun eżerċitat miċ-ċessjonarju wara l-għeluq tal-proċedura ta’ insolvenza.

47      Minħabba l-karatteristiċi tagħha, l-azzjoni prinċipali ma hijiex għalhekk marbuta mill-qrib mal-proċedura ta’ insolvenza.

48      Konsegwentement, u mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni fuq l-eżistenza ta’ rabta diretta possibbli bejn din l-azzjoni u l-insolvenza tad-debitur, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-imsemmija azzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 u, b’mod simetriku, ma hijiex koperta mill-falliment fis-sens tal-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001.

49      Konsegwentement, għat-tieni parti tal-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni mressqa kontra terz minn rikorrent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ ċessjoni ta’ kreditu mogħtija mir-likwidatur innominat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, li għandha bħala suġġett id-dritt tar-revoka li dan il-likwidatur għandu taħt il-liġi nazzjonali applikabbli għal din il-proċedura, taqa’ taħt il-kunċett ta’ materja ċivili u kummerċjali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel domanda

50      Fl-ewwel parti tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-ġurisdizzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 1346/2000, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-qrati tal-Istat Membru li fih tkun infetħet proċedura ta’ insolvenza sabiex dawn jiġu aditi b’azzjonijiet li jirriżultaw minn din il-proċedura u li huma marbutin mill-qrib magħha, tikkostitwixxix ġurisdizzjoni esklużiva jew le.

51      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni parti tal-ewwel domanda, ma hemmx għalfejn tingħata risposta għall-ewwel parti ta’ din id-domanda.

 Fuq it-tieni domanda

52      Bit-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt għal rimedju ġudizzjarju, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludix lill-qrati nazzjonali ta’ Stat Membru, aditi b’azzjoni li fir-rigward tagħha huma ma jkollhomx ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, milli ma jaċċettawx il-ġurisdizzjoni tagħhom meta l-qrati nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor ikunu diġà ddikjaraw li ma għandhomx il-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000.

53      Din id-domanda hija rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali biss fil-każ li l-qrati Litwani ma jkunux jistgħu jibbażaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

54      Peress li jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda li l-kwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, il-ġurisdizzjoni tal-qrati Litwani hija stabbilita skont l-Artikoli 2(1) u 60(1) tal-imsemmija regolament, bħala qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-kumpannija konvenuta hija domiċiljata.

55      Minn dan isegwi li ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni mressqa kontra terz minn rikorrent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ ċessjoni ta’ kreditu mogħtija mil-likwidatur innominat fl-ambitu ta’ proċedura ta’ insolvenza, li għandha bħala suġġett id-dritt ta’ revoka li dan il-likwidatur għandu taħt il-liġi nazzjonali applikabbli għal din il-proċedura, taqa’ taħt il-kunċett ta’ materja ċivili u kummerċjali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Litwan.