KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CRUZ VILLALÓN
ippreżentati fl-24 ta’ Mejju 2012 (1)
Kawża C‑190/11
Daniela Mühlleitner
vs
Ahmad Yusufi
vs
Wadat Yusufi
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof)
“Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi — Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 — Interpretazzjoni tas-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof — Attività indirizzata lejn Stat Membru ieħor permezz tal-internet — Limitazzjoni tal-forum għal kuntratti mal-konsumatur li jsiru mill-bogħod”
I – Introduzzjoni
1. Permezz ta’ din id-domanda preliminari l-Oberster Gerichsthof tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-kuntratti mal-konsumatur, meta jkunu ppreċeduti minn atti preparatorji fuq l-internet, għandhomx neċessarjament ikunu saru mill-bogħod fil-każ fejn il-konsumatur ikun jixtieq jibbenefika mill-forum speċjali previst fl-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2).
2. Ifformolata b’dan il-mod, id-domanda preliminari tista’ faċilment tingħata risposta bil-kliem stess tal-Artikolu 15(1)(ċ) tal-imsemmi regolament, moqri b’attenzjoni suffiċjenti flimkien mal-leġiżlazzjoni li ġiet qablu. Madankollu, punt tas-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof (3), mogħtija reċentement mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jiġi interpretat fis-sens li jimponi bħala kundizzjoni li l-kuntratt mal-konsumatur għandu jkun sar mill-bogħod. F’kull każ, din hija d-domanda li għamlet il-qorti tar-rinviju.
3. Għalhekk, l-għan ta’ din il-kawża u ta’ dawn il-konklużjonijiet huwa biss dak li tiġi ċċarata l-portata tal-imsemmi punt tas-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof, li, kif diġà indikajt, fl-opinjoni tiegħi, għandu jkun limitat għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ dik il-kawża mingħajr ma jkun neċessarju li minnu jinsilet xi rekwiżit addizzjonali, ġenerali u restrittiv tal-forum speċjali fil-qasam tad-dritt tal-konsumaturi.
II – Il-kuntest ġuridiku
4. L-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsabu fis-Sezzjoni 4 [“Ġurisdizzjoni fuq kuntratti tal-konsumatur (Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi)]” tal-Kapitolu II (“ĠURISDIZZJONI”), jipprovdu:
“Artikolu 15
1. F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il‑konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ‘l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizju għall-Artikolu 4 u punt 5 tal-Artikolu 5, jekk:
[…]
(ċ) fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi meżżi, imexxi tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta’ attivitajiet bħal dawk.
Artikolu 16
1. Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt jew fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih jkun domiċiljat dak il-parti jew fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur.
2. Jistgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.
[...]”.
III – Fatti u proċeduri quddiem il-qorti nazzjonali
5. D. Mühlleitner, rikorrenti fil-kawża prinċipali u residenti fi Schwanenstadt, l-Awstrija, għamlet tiftixa fuq l-internet bil-għan li tixtri vettura bil-mutur użata għall-użu privat tagħha. Permezz tas-sit internet www.mobile.de, D. Mühlleitner daħħlet il-karatteristiċi tal-vettura bil-mutur mixtieqa sakemm sabet link fejn kien hemm offerta li interessatha. Billi kklikjat fuq din il-link hija daħlet fis-sit internet ta’ Ahmad Yusufi u Wadat Yusufi, li huma l-konvenuti fil-kawża prinċipali u residenti f’Hamburg, il-Ġermanja.
6. Fis-sit internet tal-konvenuti kien hemm numru tat-telefon bil-prefiss internazzjonali tal-Ġermanja. D. Mühlleitner ċemplet dan in-numru fejn inqdiet mill-persunal tal-impriża tal-konvenuti. Hija ġiet informata li l-vettura bil-mutur offruta ma kinitx għadha għall-bejgħ iżda li kien hemm offerti oħra simili. D. Mühlleitner aċċettat li jibagħtulha iktar informazzjoni bil-posta elettronika, inklużi diversi ritratti, ta’ vettura bil-mutur oħra. Barra minn hekk, huwa paċifiku li D. Mühlleitner, matul il-konverżazzjoni bit-telefown li kellha mal-konvenuti, informathom li hija kienet residenti l-Awstrija u staqsiethom jekk kinux qed jipprevedu xi problema fir-rigward tax-xiri tal-vettura. Il-konvenuti ddikjaraw li f’dan ir-rigward ma kellu jkun hemm ebda problema.
7. Xi żmien wara, D. Mühlleitner ivvjaġġat lejn il-Ġermanja u kkonkludiet il-kuntratt tax-xiri mal-konvenuti. Hija rċeviet il-vettura u marret lura lejn ir-residenza tagħha fl-Awstrija, fejn, wara li kkonstatat diversi difetti u wara diversi kuntatti mingħajr suċċess mal-konvenuti, ressqet kawża quddiem il-qrati Awstrijaċi sabiex titlob kemm ir-rimbors tal-prezz tax-xiri kif ukoll kumpens.
8. Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet ir-rikors minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, peress li kkunsidrat li s-sempliċi fatt li sit internet tal-konvenuti kien aċċessibbli mill-Awstrija ma kienx jiġġustifika l-applikazzjoni tal-forum speċjali previst fl-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament Nru 44/2001. Fl-appell, il-qorti tal-appell ikkonfermat id-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza u ċaħdet mill-ġdid il-ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaċi. Din l-aħħar deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ appell fuq punt ta’ liġi quddiem l-Oberster Gerichtshof, li hija l-qorti li qed tagħmel il-preżenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
9. Id-domanda preliminari tal-Oberster Gerichtshof ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ April 2011 u kienet tipprovdi:
“L-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ir-Regolament Brussell I), tippresupponi li l-kuntratt bejn il-konsumatur u n-negozjatur ġie konkluż mill-bogħod?”
10. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub kemm mir-rikorrenti u mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, mir-Repubblika Portugiża, mir-Repubblika Ċeka, mir-Repubblika Taljana, mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Konfederazzjoni Svizzera, kif ukoll mill-Kummissjoni.
V – Id-domanda preliminari
11. Ir-risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju tirriżulta b’mod ċar mir-Regolament Nru 44/2001 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Kif diġà esponejt fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-uniku element li jfixkel din is-soluzzjoni huwa punt tas-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof, speċifikament il-punt 87, li jgħid li l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tal-imsemmi regolament għandha tinftiehem bħala li tiddependi fuq jekk il-kuntratt mal-konsumatur sarx mill-bogħod (4). Għaldaqstant, ma għandix għalfejn nagħti l-opinjoni tiegħi dwar il-kriterju ta’ rabta previst fl-imsemmi artikolu, li huwa bbażat fuq id-direzzjoni li lejha l-attività hija indirizzata. Din il-kawża hija limitata għall-eżistenza ta’ kwistjoni preliminari, jiġifieri n-neċessità li jkun hemm kuntratt li sar mill-bogħod sabiex ikun jista’ jiġi invokat il-forum speċjali fil-qasam tad-dritt tal-konsumaturi.
12. Iktar ’il quddiem ser nuri li din il-kundizzjoni ma hijiex neċessarja, la fid-dawl ta’ qari tal-leġiżlazzjoni applikabbli, u lanqas fid-dawl tas-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof stess. Li kieku d-dispożizzjoni teżiġi li l-kuntratt mal-konsumatur għandu jsir mill-bogħod, il-portata tal-forum tiġi ristretta għal numru limitat ta’ sitwazzjonijiet, ħaġa li ma tidhirx li tinsab fost l-għanijiet tar-Regolament. Barra minn hekk, l-Istati kollha li pparteċipaw f’din il-proċedura, l-istess bħall-Kummissjoni, jiċħdu li l-Artikolu 15(1)(ċ) huwa limitat għal kuntratti mal-konsumatur li jsiru mill-bogħod u jikkunsidraw li l-imsemmija dispożizzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bi ħsara għall-konsumatur.
13. Naqbel mal-Istati u mal-Kummissjoni. Sabiex insostni l-pożizzjoni tiegħi ser nagħmel riferiment, l-ewwel nett, għal-leġiżlazzjoni li ġiet qabel l-Artikolu 15(1)(ċ). Sussegwentement ser nanalizza dan l-artikolu fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluża s-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof. B’mod partikolari ser nanalizza fid-dettall il-punt 87 ta’ dik is-sentenza, li l-formulazzjoni tiegħu tat lok għall-preżenti domanda preliminari.
A – Il-leġiżlazzjoni li ġiet qabel l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2011
14. Il-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968, illum issostitwita bir-Regolament Nru 44/2001, kienet tipprovdi għal forum speċjali fil-qasam tal-kuntratti mal-konsumatur u l-formulazzjoni tal-artikolu rilevanti kienet sostanzjalment differenti minn dik tal-attwali Artikolu 15. Skont l-Artikolu 13(3) tal-imsemmija konvenzjoni, il-forum speċjali kien applikabbli jekk l-għan tal-kuntratt mal-konsumatur kien provvista ta’ servizzi jew ta’ merkanzija u meta, alternattivament, “il-konklużjoni tal-kuntratt kienet ippreċeduta, fl-Istat ta’ residenza tal-konsumatur, minn offerta magħmula speċifikament jew minn reklamar” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jew meta “l-konsumatur kien wettaq f’dan l-Istat l-atti meħtieġa għall-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
15. Kif ġustament osservat il-Kummissjoni, il-formulazzjoni tal-Artikolu 13(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell kienet tirrigwarda prinċipalment il-kuntratti mal-konsumatur li jsiru mill-bogħod. Iż-żewġ sitwazzjonijiet elenkati f’dan l-artikolu kienu, fil-parti l-kbira tal-każijiet, jirriżultaw minn dan il-metodu ta’ kif jiġi konkluż kuntratt, għalkemm dan mhux dejjem kien il-każ. Fil-fatt, u kif tosserva l-Kummissjoni, xejn ma kien jipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 13(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell għal sitwazzjoni fejn il-professjonist kien imur fil-post ta’ residenza tal-konsumatur sabiex jikkonkludi l-kuntratt in situ.
16. L-emendi introdotti mill-attwali Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 kienu ġġustifikati mill-iżvilupp fit-tekniki ta’ kummerċjalizzazzjoni, prinċipalment fil-kamp tal-kummerċ elettroniku. Din iċ-ċirkustanza kienet wasslet lill-Kummissjoni sabiex tipproponi formulazzjoni ġdida tal-Artikolu 13(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li baqgħet sostanzjalment l-istess matul il-proċedura amministrattiva, li biha kien twarrab ir-rekwiżit preċedenti, jiġifieri li l-konsumatur għandu jwettaq l-atti neċessarji f’pajjiżu sabiex jiġi konkluż il-kuntratt (5). Kif tgħid il-Kummissjoni fil-kummentarju għall-abbozz tal-Artikolu 15, din l-emenda “tfisser li t-tielet punt tal-Artikolu 15(1) japplika wkoll għall-kuntratti konklużi fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-konsumatur” (6) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kummissjoni tkompli tgħid li “dan jagħmel tajjeb għal nuqqas magħruf fil-kliem tal-Artikolu 13, jiġifieri li l-konsumatur ma setax jinvoka din il-ġurisdizzjoni ta’ protezzjoni meta, fuq inizjattiva tal-parti kontraenti l-oħra, kien ġie mħajjar jħalli l-Istat ta’ residenza tiegħu sabiex jikkonkludi l-kuntratt” (7).
17. Kemm il-Konfederazzjoni Svizzera kif ukoll il-Kummissjoni jagħmlu riferiment għar-rapport Pocar, li l-valur interprettativ tiegħu tal-Artikolu 15 tar-regolament, kif ukoll tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano (identiku għal dak tar-Regolament Nru 44/2001), huwa notevoli (8). F’dan ir-rapport, fil-parti li tikkummenta fuq l-artikolu li huwa s-suġġett tal-interpretazzjoni fil-kawża preżenti, jingħad espliċitament li l-kriterju ta’ rabta “ma [j]iddipendix fuq il-post fejn issir l-azzjoni tal-konsumatur, jew fuq il-post fejn jiġi konkluż il-kuntratt, li jista’ jkun f’pajjiż differenti minn dak tad-domiċilju tal-konsumatur: [huwa jagħti] importanza biss lill-attivitajiet tal-parti l-oħra, li għandhom jitwettqu fl-Istat ta’ domiċilju tal-konsumatur, jew li huma diretti lejn dak l-Istat, forsi b’mezzi elettroniċi” (9). F’dawn il-każijiet, skont ir-rapport, “il-konsumatur jista’ jressaq l-azzjoni tiegħu quddiem il-qrati tal-pajjiż ta’ residenza tiegħu, skont l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni [ta’ Lugano], indipendentement mill-post fejn ikun ġie konkluż il-kuntratt u mill-post fejn ikun ġie rċevut is-servizz ipprovdut b’mod elettroniku” (10).
18. Din l-interpretazzjoni tal-artikolu hija msaħħa jekk wieħed jieħu kont tat-tkattir tan-numru ta’ “kuntratti mal-konsumatur” li fir-rigward tagħhom kien japplika l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell li wassal għall-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001. Filwaqt li l-Artikolu 13(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell kien jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(3) ta’ din il-Konvenzjoni għall-kuntratti li għandhom bħala għan “provvista ta’ servizzi jew oġġetti”, l-Artikolu 15(1)(ċ) il-ġdid tar-Regolament Nru 44/2001 huwa fformolat f’termini iktar wiesgħa u iktar ġenerali. Fil-fatt, id-dispożizzjoni l-ġdida issa ssemmi l-kuntratti b’mod ġenerali, indipendentement mis-suġġett tagħhom, meta inkwistjoni jkun hemm kuntratti konklużi minn konsumatur ma bejjiegħ professjonista fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali jew professjonali ta’ dan tal-aħħar.
19. L-emenda fil-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 intużat reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ilsinger sabiex tenfasizza li “il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni speċifiċi li l-imsemmija kuntratti għandhom jissodisfaw, li kienu stabbiliti b’mod dettaljat fil-punt 3(a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell huma minn issa ’l quddiem ifformolati b’mod iktar ġenerali fl-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, sabiex tiġi żgurata protezzjoni aħjar tal-konsumatur fid-dawl tal-mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni u l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku” (11). Huwa speċifikament għaliex il-formulazzjoni l-ġdida tipproteġi iżjed l-interessi tal-konsumatur li l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-imsemmija sentenza Ilsinger, u bil-kontra ta’ dak li kienet iddeċidiet preċedentement fl-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, iddikjarat li l-Artikolu 15 “minn issa ’l quddiem mhuwiex limitat biss għall-każ fejn il-partijiet ikunu kkuntrattaw impenji sinallagmatiċi” (12).
20. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill u l-Kummissjoni għamlu dikjarazzjoni konġunta dwar l-Artikoli 15 u 73 tar-Regolament Nru 44/2001 (13), fejn ġiet ikkonfermata l-pożizzjoni li ġiet adottata iktar ’il quddiem mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza Ilsinger. Fir-rigward tar-rekwiżit tal-eżistenza ta’ kuntratt mal-konsumatur, iż-żewġ istituzzjonijiet enfasizzaw li l-Artikolu 15 “jagħmel riferiment għal diversi metodi ta’ kummerċjalizzazzjoni, li fosthom hemm il-kuntratti konklużi permezz tal-internet” (14). Bl-ebda mod ma huwa eskluż li l-kuntratti mal-konsumatur jistgħu jiġu konklużi b’forom oħra differenti mill-kontrattazzjoni li ssir mill-bogħod, u dan jikkonferma interpretazzjoni wiesgħa tal-artikolu sa fejn jirrigwarda l-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali.
21. Għalhekk, minn dan jista’ jiġi dedott li l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 mhux talli ma kienx intiż sabiex inaqqas in-numru ta’ kuntratti mal-konsumatur li fir-rigward tagħhom japplika l-forum speċjali fil-qasam tad-dritt tal-konsumaturi, iżda l-għan tiegħu kien l-oppost. Li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jillimita dan il-forum għall-kuntratti mal-konsumatur li jsiru mill-bogħod, kamp li, barra minn hekk huwa armonizzat mid-dritt tal-Unjoni (15), huwa evidenti li huwa kien jikkonstata dan b’mod espliċitu fl-imsemmi artikolu.
22. Fl-aħħar mill-aħħar, il-kriterju ta’ rabta użat fl-Artikolu 15(1)(ċ), b’differenza minn dak li nstab fl-artikolu preċedenti tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, ma huwiex dak tal-post ta’ fejn jinsab il-konsumatur iżda dak tal-post ta’ fejn tinsab l-attività kummerċjali indirizzata lejn l-Istat Membru ta’ residenza tal-konsumatur. Għaldaqstant, il-kriterju rilevanti issa jsir it-territorju li fih persuna għandha l-intenzjoni li tikkummerċjalizza merkanzija jew li tipprovdi servizz (16). Jekk is-suq li fih jixtieq jopera attivament in-negozjant jinkludi l-Istat ta’ residenza tal-konsumatur li miegħu jistabbilixxi relazzjonijiet kuntrattwali, għandu jiġi kkunsidrat li l-attività tiegħu hija indirizzata lejn dan l-Istat.
23. Għaldaqstant, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 jintroduċi emenda sostanzjali ta’ perspettiva fir-rigward tar-regola li kienet prevista preċedentement fil-Konvenzjoni ta’ Brussell, u huwa jagħmel dan speċifikament sabiex jippermetti li konsumatur, li jwettaq atti preparatorji b’mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, ikun jista’, anki meta jivjaġġa lejn l-Istat tal-kontraenti sabiex jikkonkludi l-kuntratt, jibqa’ protett bl-Artikolu 15(1)(ċ).
B – L-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 u l-kuntest leġiżlattiv u ġurisprudenzjali tiegħu
24. Minbarra l-preċedenti storiċi tal-artikolu li huwa s-suġġett tal-interpretazzjoni f’din il-kawża, jeżistu elementi oħra, din id-darba de lege lata, li jikkonfermaw it-teżi li tgħid li l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 ma huwiex limitat għall-kuntratti mal-konsumatur li jsiru mill-bogħod.
25. L-għan tal-forum speċjali fil-qasam tad-dritt tal-konsumaturi ma huwa xejn iktar ħlief il-protezzjoni tal-konsumatur, li huwa l-parti d-dgħajfa tar-relazzjoni kuntrattwali u li jista’ jingħata protezzjoni speċifika. Għalhekk, il-premessa 13 tal-Preambolu tar-Regolament Nru 44/2001 tiddikjara dan espliċitament meta tindika, fir-rigward ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, ta’ xogħol u mal-konsumaturi, in-neċessità li “l-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni l-aktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali” (17).
26. Barra minn hekk, kemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 15 kif ukoll dik tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 44/2001 imkien ma tagħmel riferiment espliċitu għall-kuntratti li jsiru mill-bogħod. Bil-kontra ta’ dan, il-preċedenti tal-artikolu, kif esponejt fil-punti 16 sa 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jikkonfermaw li l-forum speċjali fil-qasam tad-dritt tal-konsumaturi previst fir-Regolament Nru 44/2001 jinkludi wkoll dawk is-sitwazzjonijiet fejn il-kontraenti jew il-konsumatur jivvjaġġaw lejn il-post ta’ residenza tal-parti l-oħra sabiex jikkonkludu l-kuntratt (18).
27. Li kieku l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 kellu jiġi interpretat fis-sens li japplika esklużivament għal kuntratti mal-konsumatur li jsiru mill-bogħod, dan ikun ifisser li jiġu esklużi diversi każijiet li jinvolvu konsumatur. Din il-lista ta’ każijiet żdiedet b’mod kunsiderevoli bil-miġja tal-kummerċ elettroniku, fejn huwa normali, minn naħa, li l-offerent jirreklama lilu nnifsu bl-internet u jindirizza suq partikolari bis-sit internet tiegħu u, min-naħa l-oħra, li l-konsumatur jinforma ruħu u jagħżel li jikkonkludi kuntratt abbażi tal-pubbliċità li josserva fuq l-internet. Fil-konklużjonijiet tagħha għall-kawża Pammer u Hotel Alpenhof, l-Avukat Ġenerali Trstenjak semmiet il-każ tas-servizzi tas-saħħa rreklamati b’sit internet, fejn il-konsumaturi residenti fi Stati Membri oħra kienu apertament mistiedna jużaw is-servizzi taċ-ċentru (19). Ta’ min isemmi wkoll ix-xiri ta’ merkanzija delikata, fejn qabel jintbagħat reklamar bil-posta elettronika lill-konsumatur li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, u fejn il-konsumatur jiftiehem bil-fomm mal-bejjiegħ iżda jippreferi jiġbor il-merkanzija personalment, li huwa l-mument ta’ meta jiġi konkluż il-kuntratt.
28. L-eżempji msemmija hawn fuq juru kif bis-sempliċi fatt li jivvjaġġa sabiex jikkonkludi l-kuntratt u sabiex jirċievi l-merkanzija jew is-servizz, il-konsumatur ma jibqax protett mill-forum speċjali previst fl-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament Nru 44/2001. Huwa diffiċli li jiġi aċċettat li din iċ-ċirkustanza hija suffiċjenti, waħedha, sabiex tiġġustifika riżultat li jmur b’mod ċar kontra l-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 fil-qasam tad-dritt tal-konsumaturi.
29. Għalhekk, u jekk tiġi aċċettata l-interpretazzjoni restrittiva tal-artikolu, l-esklużjoni mill-forum speċjali sseħħ speċifikament abbażi ta’ fattur li mhux talli ma għandux ineħħi l-protezzjoni tal-konsumatur iżda għandu speċifikament isaħħaħ il-protezzjoni tiegħu bir-Regolament Nru 44/2001, jiġifieri l-moviment transkonfinali min-naħa tal-konsumatur. Ikun paradossali jekk l-applikabbiltà ta’ att bħalma huwa r-Regolament Nru 44/2001 tkun tiddependi fuq l-ineżistenza ta’ moviment ta’ waħda mill-partijiet kontraenti, speċjalment tal-iktar parti dgħajfa li fir-rigward tagħha t-test huwa intiż li jagħti trattament partikolarment favorevoli (20).
30. Jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni testi leġiżlattivi oħra relatati mar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li dawn jikkonfermaw li ma huwiex meħtieġ li jkun hemm kuntratt mal-konsumatur li jsir mill-bogħod. Pereżempju, ir-Regolament Nru 593/2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (21), kemm fil-premessa 25 tal-Preambolu kif ukoll fl-Artikolu 6 tagħha, jipprevedi regola ta’ kunflitt fil-qasam tal-kuntratti mal-konsumatur li l-element ta’ rabta tagħha huwa konformi mar-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001. Ir-Regolament Nru 593/2008 ma jinkludi ebda riferiment għall-eżistenza ta’ kuntratt mal-konsumatur li jsir mill-bogħod, iżda biss riferiment għall-importanza ta’ azzjoni kummerċjali indirizzata lejn l-Istat Membru ta’ residenza tal-konsumatur. Huwa irrilevanti l-fatt ta’ jekk il-konsumatur jivjaġġax jew le bħala riżultat tal-kontrattazzjoni li seħħet qabel fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-kuntratt. Tal-inqas ma jissemma xejn dwar in-neċessità li l-kuntratt isir mill-bogħod.
31. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja disponibbli sal-lum ma pproduċietx deċiżjoni definittiva dwar din il-kwistjoni. Madankollu, ma hemm ebda indikazzjoni li xxaqleb favur interpretazzjoni wiesgħa tad-definizzjoni ta’ “kuntratt” prevista fl-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001.
32. Fis-sentenza Ilsinger, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza tal-fatt li l-attwali Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 jagħmel riferiment “għall-kuntratti kollha, ikun xi jkun is-suġġett tagħhom”, dejjem u sakemm, dawn ikunu kuntratti konklużi minn konsumatur ma’ bejjiegħ professjonista u fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali jew professjonali ta’ dan tal-aħħar (22). Din il-karatteristika, jiġifieri l-irrilevanza tas-suġġett, kisbet iktar importanza fil-paragun mal-formulazzjoni tal-artikolu preċedenti fil-Konvenzjoni ta’ Brussell, li d-dispożizzjonijiet tiegħu kienu jillimitaw il-forum għall-kuntratti li kellhom bħala suġġett “provvista ta’ servizzi jew ta’ merkanzija” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Kif ġie espost fil-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fis-sentenza Ilsinger il-Qorti tal-Ġustizza użat interpretazzjoni storika ta’ dan l-artikolu sabiex tkattar it-tipi ta’ kuntratti mal-konsumatur li fir-rigward tagħhom japplika l-forum speċjali previst fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddejqitx titbiegħed minn ġurisprudenza preċedenti, ibbażata fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li kienet tillimita l-applikazzjoni tiegħu għal kuntratti mal-konsumatur ta’ natura sinallagmatika (23). Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 44/2001 u l-formulazzjoni l-ġdida tal-artikolu, fis-sentenza Ilsinger ġie ddikjarat li l-esklużjoni ta’ kuntratti unilaterali mal-konsumatur kienet infondata.
33. Fil-konklużjonijiet tagħha għall-imsemmija sentenza Ilsinger, l-Avukat Ġenerali Trstenjak waslet għall-istess riżultat. Minbarra l-motivi msemmija fis-sentenza, l-Avukat Ġenerali enfasizzat l-importanza tal-frażi “fil-każijiet l-oħra kollha” (24) li tinsab fil-bidu tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001. Naqbel li din il-frażi hija suffiċjentement espressiva u li huwa evidenti li l-kelma “kollha” tagħmel mingħajr bażi kull interpretazzjoni li tnaqqas in-numru ta’ kuntratti mal-konsumatur li fir-rigward tagħhom japplika l-artikolu.
34. Fl-aħħar nett, dak li ntqal iktar ’il fuq iwassalni direttament għas-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof, u b’mod partikolari għall-punt 87 tagħha li huwa s-suġġett ta’ dan l-argument. F’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) ipprovdiet għall-ewwel darba interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, sabiex tiċċara meta għandu jiġi kkunsidrat li attività ta’ professjonista, ippreżentata fuq sit internet, tkun “indirizzata” lejn Stat Membru. Wara li telenka serje ta’ kriterji, is-sentenza tanalizza ċ-ċirkustanzi fattwali taż-żewġ każijiet fiż-żewġ kawżi li ġew ippreżentati quddiemha. Meta kkunsidrat il-każ Hotel Alpenhof, fejn kienet diskussa l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ kawża bejn konsumatur residenti l-Ġermanja u l-proprjetarju ta’ lukanda li tinsab fl-Awstrija, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat:
“85 F’kawża bħal dik bejn Hotel Alpenhof u O. Heller, jidher li hemm diversi indikazzjonijiet […] li juru li n-negozjant immira [indirizza] l-attivitajiet tiegħu għal [lejn] wieħed jew iktar Stati Membri barra r-Repubblika tal-Awstrija. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li dan huwa l-każ
86 Hotel Alpenhof madankollu ssostni li l-kuntratt mal-konsumatur huwa konkluż fuq il-post u mhux mill-bogħod, ir-ritorn taċ-ċwievet tal-kmamar u l-ħlas saru fuq il-post, u li, għaldaqstant, l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jistax japplika.
87 F’dan ir-rigward, il-fatt li ċ-ċwievet ġew ritornati [ingħataw] lill-konsumatur u li l-ħlas sar minn dan tal-aħħar fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu n-negozjant ikun stabbilit ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, jekk ir-riżervazzjoni u l-konferma tagħhom saru mill-bogħod, hekk li l-konsumatur huwa impenjat kuntrattwalment mill-bogħod” (25).
35. Is-sentenza tieqaf hawn.
36. Kif indikajt sa mill-bidu ta’ dawn il-konklużjonijiet, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-imsemmi punt 87, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellhiex l-intenzjoni li tillimita l-portata tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 biss għall-kuntratti mal-konsumatur li jsiru mill-bogħod. Kif indikajt ukoll iktar ’il fuq, nikkunsidra li r-risposta għandha tkun fin-negattiv, mhux biss fid-dawl tal-argumenti diġà esposti iżda anki fid-dawl tal-kliem innifsu tas-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof.
37. Fil-fatt, meta enfasizzat li fil-każ li kien jirrigwarda l-Hotel Alpenhof il-kuntratt kien sar mill-bogħod, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement enfasizzat ċirkustanza u mhux it-twettiq ta’ rekwiżit imperattiv impost mir-Regolament Nru 44/2001. Dan jirriżulta wkoll minn qari sħiħ tas-sentenza, peress li meta ġew ikkunsidrati ċ-ċirkustanzi tal-kawża Pammer, flimkien ma’ dawk tal-kawża Hotel Alpenhof, ma sar ebda riferiment għat-tip ta’ kuntratt, mill-bogħod jew in situ, konkluż mill-partijiet fl-imsemmi każ. Mal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jiżdiedu l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak għall-kawża Pammer u Hotel Alpenhof, li fiha ġie apertament l-argument li jgħid li l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi applikat biss għal kuntratti mal-konsumatur li jsiru mill-bogħod (26).
38. Fl-opinjoni tiegħi, il-punt 87 tas-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof ma jenfasizzax il-fatt li l-kuntratt sar mill-bogħod sabiex jimponih bħala rekwiżit iżda speċifikament sabiex jeskludi interpretazzjoni restrittiva wisq tal-imsemmi Artikolu 15(1)(ċ). Ir-riferiment għal kuntratt li sar mill-bogħod huwa magħmul bil-għan li tiġi enfasizzata l-importanza li jkun hemm attività prekuntrattwali preparatorja u ftehim minn qabel bl-internet, ibbażat, min-naħa tiegħu, fuq informazzjoni pprovduta bis-sit internet u indirizzata lejn il-post ta’ fejn il-konsumatur huwa residenti. Jien tal-opinjoni li bir-riferiment għal kuntratt li jsir mill-bogħod, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tenfasizza li, f’dak il-każ, mhux talli biss kien hemm atti preparatorji qabel ma l-konsumatur ivvjaġġa lejn il-Hotel Alpenhof, iżda talli, barra minn hekk, diġà kien ġie konkluż kuntratt bejn il-partijiet qabel ma ngħataw iċ-ċwievet.
39. Konsegwentement, jien tal-fehma li l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix li l-kuntratt bejn il-konsumatur u l-professjonista jsir mill-bogħod.
VI – Konklużjoni
40. Fid-dawl tal-argumenti esposti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof tkun is-segwenti:
“L-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, ma jimponix li l-kuntratt bejn il-konsumatur u l-professjonista jsir mill-bogħod”.