Language of document :

Kawża T746/20

Grünig KG

vs

IlKummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tal21 ta’ Diċembru 2022

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw miċ-Ċina – Dazji antidumping definittivi – Eżenzjoni ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ użu finali – Rikors għal annullament – Natura diviżibbli – Att regolatorju li jinkludi miżuri ta’ eżekuzzjoni – Inċidenza diretta – Att li jista’ jiġi kkontestat – Ammissibbiltà – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036 – Dazju impost b’mod nondiskriminatorju – Ugwaljanza fit-trattament”

1.      Rikors għal annullament – Suġġett – Annullament parzjali – Kundizzjoni – Natura diviżibbli tad-dispożizzjonijiet ikkontestati – Dispożizzjoni ta’ regolament tal-Kummissjoni li teżenta mid-dazji antidumping ċerti importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ użu finali – Annullament li ma jagħtix lok għal bidla fis-sustanza tar-regolament – Kundizzjoni ssodisfatta – Ammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni 2020/1336, Artikolu 1(4))

(ara l-punti 14 sa 41)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Kunċett ta’ att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni tal-atti leġiżlattivi – Regolament li jimponi dazji antidumping – Inklużjoni

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 49 sa 55)

3.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti regolatorji – Atti li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni – Suġġett tat-tilwima limitata għal eżenzjoni mid-dazji antidumping – Utent tal-prodott ikkonċernat li ma jibbenefikax mill-eżenzjoni – Assenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni – Ammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni 2020/1336, Artikolu 1(4))

(ara l-punti 56 sa 69)

4.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti regolatorji – Atti li ma jinkludux miżuri ta’ eżekuzzjoni u li jikkonċernaw lir-rikorrent direttament – Kunċett ta’ inċidenza diretta – Kriterji – Assenza ta’ setgħa diskrezzjonali tad-destinatarji responsabbli mill-implimentazzjoni tal-miżura kkontestata – Assenza ta’ rilevanza fl-assenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni – Ammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni 2020/1336, Artikolu 1(4))

(ara l-punt 72)

5.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti regolatorji – Atti li ma jinkludux miżuri ta’ eżekuzzjoni u li jikkonċernaw lir-rikorrent direttament – Kunċett ta’ inċidenza diretta – Kriterji – Att li jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent – Regolament tal-Kummissjoni li jeżenta mid-dazji antidumping ċerti importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ użu finali – Rikors ippreżentat minn importaturi kompetituri tal-benefiċjarji tal-eżenzjoni – Importaturi li jiġġustifikaw id-dritt tagħhom li ma jsofrux minn kompetizzjoni distorta permezz ta’ interess dirett – Ammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni 2020/1336, Artikolu 1(4))

(ara l-punti 79 sa 126)

6.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Atti intiżi li joħolqu effetti legali – Kunċett

(Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 131 sa 140)

7.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjoni fid-dawl tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni – Interpretazzjoni tar-Regolament 2016/1036 fid-dawl tal-Ftehim Antidumping tal-GATT tal1994 – Teħid inkunsiderazzjoni tal-interpretazzjoni adottata mill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim

(Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (Ftehim Antidumping tal1994); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 9(5))

(ara l-punti 162 sa 178)

8.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Impożizzjoni ta’ dazji antidumping – Obbligu li jiġu imposti d-dazji antidumping b’mod nondiskriminatorju – Assenza ta’ applikazzjoni għall-utenti tal-prodott ikkonċernat stabbiliti fit-territorju tal-membru tal-WTO li timponi d-dazji antidumping

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 9(5))

(ara l-punti 179 sa 191)

9.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Impożizzjoni ta’ dazji antidumping – Obbligu li jiġu imposti d-dazji antidumping b’mod nondiskriminatorju – Regolament tal-Kummissjoni li jeżenta mid-dazji antidumping ċerti importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ użu finali – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 9(5))

(ara l-punti 195 sa 217)


Sunt

Il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar id-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti PVA li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

L-argumenti dwar in-natura diskriminatorja tal-eżenzjoni li tibbenefika mill-importazzjonijiet ta’ PVA intiżi speċifikament għall-manifattura ta’ adeżiv abbażi ta’ taħlita niexfa huma miċħuda.

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 (1), il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil (iktar ’il quddiem il-“PVA”) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Ir-regolament jipprevedi wkoll li l-importazzjonijiet ta’ PVA intiżi għall-manifattura ta’ adeżiv abbażi ta’ taħlita niexfa huma eżenti mill-impożizzjoni ta’ dan id-dazju antidumping (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni inkwistjoni”) (2).

Grünig KG u EOC Belgium, żewġ kumpanniji li jużaw il-PVA għall-manifattura tal-adeżiv likwidu, ippreżentaw rikors għall-annullament tar-regolament kontenzjuż sa fejn jikkonċerna l-eżenzjoni inkwistjoni.

Il-Kummissjoni qajmet diversi eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà fir-rigward ta’ dan ir-rikors.

Dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà huma miċħuda mill-Qorti Ġenerali li, f’din l-okkażjoni, tippreċiża l-kunċett ta’ “att diviżibbli” f’kuntest fejn eżenzjoni, u mhux l-impożizzjoni tad-dazji antidumping, hija kkontestata. Din il-qorti tikkonkludi wkoll li l-interess dirett tar-rikorrenti bl-applikazzjoni tas-sentenza Montessori (3)għal ipoteżi differenti minn dik ta’ kompetitur tal-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat, jiġifieri dik tal-utenti tal-prodott ikkonċernat li ma jibbenefikawx, bħal utenti oħra tal-imsemmi prodott, minn eżenzjoni mid-dazji antidumping. Fl-aħħar, hija tippreċiża l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “att li jista’ jiġi kkontestat”, fis-sens tas-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni (4).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

L-ewwel, fir-rigward tan-natura diviżibbli tad-dispożizzjoni li tirregola l-eżenzjoni inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-verifika tan-natura diviżibbli tal-elementi ta’ att tal-Unjoni tippreżupponi l-eżami tal-portata tagħhom, sabiex ikun jista’ jiġi evalwat, b’mod oġġettiv, jekk l-annullament ta’ dawn l-elementi jibdilx l-ispirtu u s-sustanza ta’ dan l-att. F’dan ir-rigward, l-eżenzjoni inkwistjoni, peress li tipprevedi eċċezzjoni għal regola li tistabbilixxi dazji antidumping, hija, bħala prinċipju, diviżibbli mir-regolament li jistabbilixxi din ir-regola.

Madankollu, fis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill (5), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat indizji li jippermettu li jiġi ddeterminat f’liema ipoteżi eżenzjoni mid-dazji antidumping tista’ ma tkunx diviżibbli mir-regolament li jistabbilixxi din ir-regola, jiġifieri l-identiċità tal-għanijiet imfittxija kemm mill-miżura li timponi dazji antidumping kif ukoll minn dik li tipprevedi eżenzjoni, il-kumplimentarjetà ta’ dawn iż-żewġ miżuri kif ukoll l-assenza ta’ natura eċċezzjonali tal-eżenzjoni prevista. Issa, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li ebda wieħed minn dawn l-indizji ma huwa preżenti f’dan il-każ u li ebda indizju ieħor ma jippermetti li jiġi konkluż li l-eżenzjoni inkwistjoni ma tikkostitwixxix eċċezzjoni għar-regola li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping.

It-tieni, fir-rigward tal-locus standi tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tirrileva li dawn ma humiex destinatarji tar-regolament kontenzjuż. F’dan il-kuntest, hija tfakkar li, konformement mat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra att li tiegħu hija ma hijiex destinatarja jekk ikun indirizzat kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni li jikkonċernawha direttament.

F’dan ir-rigward, wara li stabbilixxiet li r-regolament kontenzjuż huwa att regolatorju, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dan ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti. Hija tippreċiża li, fil-każ fejn rikorrent jitlob biss l-annullament parzjali ta’ att, huma biss il-miżuri ta’ implimentazzjoni li din il-parti tal-att possibbilment tinkludi għandhom, jekk ikun il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni. Issa, anki jekk l-eżenzjoni inkwistjoni timplika l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali, huma ma jistgħux japplikaw għar-rikorrenti, peress li dawn ma humiex il-benefiċjarji tal-eżenzjoni inkwistjoni.

Fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mal-interess dirett, din teħtieġ li żewġ kriterji jkunu ssodisfatti, jiġifieri li l-att jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuna inkwistjoni u li ma jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli mill-implimentazzjoni tiegħu. Peress li dan it-tieni kriterju ma huwiex rilevanti fil-kuntest ta’ miżura li ma tinkludix miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-rikorrent, il-Qorti Ġenerali tikkonċentra l-analiżi tagħha fuq l-ewwel kriterju.

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tosserva li r-rikorrenti jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tar-rikorrenti fis-sentenza Montessori. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom l-għan li jippreżervaw il-kompetizzjoni u li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE f’dan il-qasam joħolqu dritt għall-kompetitur ta’ impriża li tibbenefika minn miżura nazzjonali li ma ġġarrabx kompetizzjoni distorta minn tali miżura. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u li tista’ tqiegħed lil operatur ekonomiku f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża setgħet titqies bħala li taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tal-imsemmi operatur. Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis, bl-istess mod, li l-interessi ta’ wħud mill-utenti tal-prodott ikkonċernat sabiex is-sitwazzjoni kompetittiva tagħhom tinżamm fir-rigward tal-effetti ta’ eventwali distorsjoni introdotta minn miżura adottata mill-Kummissjoni skont ir-Regolament Bażiku Antidumping (6) jaqgħu taħt l-interess tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 21(1) tal-imsemmi regolament, peress li dan ir-regolament ma għandux bħala għan uniku li jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni kompetittiva tal-produtturi tal-industrija tal-Unjoni, iżda wkoll li jippreżerva kompetizzjoni effettiva fi ħdan is-suq intern. Konsegwentement, l-utenti tal-prodott ikkonċernat, bħar-rikorrenti, għandhom dritt li ma jsofrux minn kompetizzjoni distorta li kienet ikkawżata minn att adottat mill-Kummissjoni skont ir-Regolament Bażiku. Fid-dawl tal-eżistenza ta’ dan id-dritt, l-eżenzjoni inkwistjoni, li tista’ tikkawżalha preġudizzju, għandha effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti u għalhekk taffettwahom direttament.

It-tielet, fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala att li jista’ jiġi kkontestat tad-dispożizzjoni li tirregola l-eżenzjoni inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rekwiżit, stabbilit mis-sentenza IBM, li l-effetti legali vinkolanti tal-miżura kkontestata għandhom ikunu ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu, ma huwiex applikabbli għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma humiex destinatarji tal-att ikkontestat li jissodisfaw diġà l-kundizzjonijiet previsti fit-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Fir-rigward tal-mertu, il-Qorti Ġenerali tiċħad il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku Antidumping, sa fejn l-eżenzjoni inkwistjoni hija diskriminatorja fir-rigward tal-utenti ta’ PVA fi ħdan l-Unjoni. Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, id-dazji antidumping għandhom jiġu stabbiliti f’ammont xieraq f’kull każ u għandhom jiġu imposti, b’mod nondiskriminatorju, fuq l-importazzjonijiet ta’ prodott, minn kwalunkwe sors li minnu jkun ġie kkonstatat li huma s-suġġett ta’ dumping u li jikkawżaw dannu. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni, mill-organi tal-WTO fil-proċess ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim, tad-dispożizzjoni korrispondenti li tinsab fil-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Antidumping (7), jiġifieri l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9.2 tiegħu, li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku Antidumping ma jistax jiġi interpretat fis-sens li d-diskriminazzjoni li jirreferi għaliha tirreferi għal differenza fit-trattament applikabbli għal utenti tal-prodott ikkonċernat stabbiliti fit-territorju tal-Membru tal-WTO li jimponi d-dazji antidumping.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li l-eżenzjoni inkwistjoni tat lok għal diskriminazzjoni de facto bejn l-esportaturi Ċiniżi ta’ PVA.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu.


1      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1336 tal‑25 ta’ Settembru 2020 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2020, L 315, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“r-regolament kontenzjuż”).


2      L-Artikolu 1(4) tar-regolament kontenzjuż.


3      Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873).


4      Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264).


5      Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill (C‑204/16 P, EU:C:2017:838).


6      Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Bażiku Antidumping”), l-Artikolu 21(1).


7      Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tas-Sena 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 91).