Language of document : ECLI:EU:C:2023:962

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fis‑7 ta’ Diċembru 2023 (1)

Kawża C706/22

Konzernbetriebsrat der O SE & Co. KG

fil-preżenza ta’

Vorstand der O Holding SE

(talba għal-deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kumpannija Ewropea – Regolament (KE) Nru 2157/2001 – Artikolu 12(2) – Involviment tal-ħaddiema – Issuġġettar tar-reġistrazzjoni tal-kumpannija Ewropea għall-implimentazzjoni minn qabel tal-proċedura ta’ negozjar fuq l-involviment tal-ħaddiema msemmija fid-Direttiva 2001/86/KE – Kumpannija Ewropea kkostitwita u rreġistrata mingħajr ħaddiema li saret il-kumpannija omm ta’ sussidjarji li jimpjegaw ħaddiema – Nuqqas ta’ obbligu li tinfetaħ a posteriori l-proċedura ta’ negozjar – Projbizzjoni tal-użu abbużiv ta’ kumpannija Ewropea sabiex il-ħaddiema jiġu mċaħħda mid-drittijiet ta’ involviment”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat‑8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE) (2), moqri flimkien mal-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat‑8 ta’ Ottubru 2001, li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema (3).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Konzernbetriebsrat der O SE & Co. KG (kumitat tal-impriża tal-kumpannija O SE & Co. KG, iktar ’il quddiem il-“kumitat tal-impriża tal-grupp O KG”) u l-Vorstand der O Holding SE (il-bord tad-diretturi ta’ O Holding SE), dwar talba għall-ħolqien ta’ korp speċjali ta’ negozjati (iktar ’il quddiem il-“KSN”) għall-finijiet tal-ftuħ a posteriori tal-proċedura ta’ negozjar dwar l-involviment tal-ħaddiema msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2001/86.

3.        Id-Direttiva 2001/86 hija l-frott ta’ iktar minn 30 sena ta’ negozjati, peress li l-ewwel abbozz ta’ leġiżlazzjoni dwar il-ħolqien ta’ kumpannija Ewropea (SE), permezz ta’ regolament, ġie propost mill-Kummissjoni Ewropea fl-1970 (4). In-negozjati weħlu għal żmien twil fuq żewġ punti: l-istruttura duwalista jew monista tal-kumpannija u l-involviment tal-ħaddiema (5), fejn dan l-involviment huwa ddefinit bħala l-informazzjoni, il-konsultazzjoni, il-parteċipazzjoni u kull mekkaniżmu ieħor li permezz tiegħu r-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fi ħdan l-impriża (6).

4.        L-abbozz ta’ regolamentazzjoni dwar il-ħolqien ta’ SE ġie maqsum f’żewġ proposti tal-Kummissjoni ppreżentati fil‑25 ta’ Awwissu 1989: waħda minn dawn, regolament li jistabbilixxi l-istatut tas-SE (7) u l-oħra, direttiva li tissupplimenta l-istatut tas-SE fir-rigward tal-pożizzjoni tal-ħaddiema (8). Fil-proposta għal regolament ġiet prevista l-possibbiltà li tiġi stabbilita SE holding għal ċerti kumpanniji b’responsabbiltà limitata rregolati mid-dritt ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri jew li jkollhom għal mill-inqas sentejn kumpannija sussidjarja rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor (9).

5.        Iktar tard matul in-negozjati, il-prinċipju “qabel u wara” (10), ippreżentat bħala t-teħid inkunsiderazzjoni, fi ħdan is-SE l-ġdida, tad-drittijiet ta’ involviment eżistenti fil-kumpanniji parteċipanti fil-kostituzzjoni tas-SE, ippermetta li jinħolqu l-pedamenti ta’ kompromess fl-1998 (11). Din il-proposta ċentrali wasslet għall-kompromess, aċċettat unanimament wara l-bidla fil-bażi legali għad-Direttiva 2001/86.

6.        Issa, malajr ħafna deher li l-maġġoranza tas-SE maħluqa f’ċerti Stati Membri kienu SE mingħajr ħaddiema u li setgħu ġew irreġistrati mingħajr ma bdew minn qabel in-negozjati mal-KSN previsti mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 2157/2001.

7.        Madankollu, peress li numru kbir ta’ SE mingħajr ħaddiema ġew irreġistrati mingħajr negozjati minn qabel dwar l-involviment tal-ħaddiema (12), tqum il-kwistjoni dwar jekk għandhomx jiġu permessi jew imposti tali negozjati a posteriori u li jiġi ddefinit it-terminu li matulu dawn in-negozjati jistgħu jinbdew wara r-reġistrazzjoni tas-SE.

8.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-Direttiva 2001/86 ma timponix il-ftuħ ta’ negozjati a posteriori, iżda li hija tippermetti dan fil-każ ta’ abbuż.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament Nru 2157/2001

9.        Il-premessi 1 u 21 tar-Regolament Nru 2157/2001 jiddikjaraw:

“(1)      It-tlestija tas-suq intern u t-titjib li dan iġib fis-sitwazzjoni fil-qagħda ekonomika u soċjali ġewwa l-[Unjoni] tfisser mhux biss li l-ostakoli għall-kummerċ għandhom jitneħħew, imma wkoll li l-istrutturi ta’ produzzjoni għandhom ikunu adattati għad-dimensjoni tal-[Unjoni]. Għal dak il-għan jeħtieġ li kumpanniji li n-negozju tagħhom mhux limitat biex jissodisfa bżonnijiet purament lokali għandhom ikunu jistgħu jippjanaw u jwettqu r-riorganizzazzjoni tan-negozji tagħhom fuq skala tal-[Unjoni].

[...]

(21)      Id-Direttiva [2001/86] hija maħsuba li tiżgura li l-impjegati ikollhom dritt ta’ involviment fil-kwistjonijiet u d-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-ħajja tas-SE tagħhom. Kwistjonijiet oħra ta’ leġislazzjoni soċjali u tax-xogħol, partikolarment id-dritt ta’ impjegati għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni kif regolati fl-Istati Membri, huma ggvernati bid-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, taħt l-istess kondizzjonijiet, lill-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata.”

10.      L-Artikolu 1(1) u (4) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Kumpannija tista’ titwaqqaf ġewwa t-territorju tal-[Unjoni] fil-forma ta’ [SE] bil-kondizzjonijiet u bil-mod provdut f’dan ir-Regolament.

[...]

4.      L-involviment ta’ impjegat f’SE għandu jkun iggvernat mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/86/KE.”

11.      L-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Kumpanniji pubbliċi u privati b’responsabbiltà limitata kif imsemmija fl-Anness II, iffurmati taħt l-liġi ta’ Stat Membru, b’uffiċċji reġistrati u uffiċċji ewlenin ġewwa l-[Unjoni] jistgħu jippromwovu l-formazzjoni ta’ SE holding iżda kull waħda ta’ mill-anqas tnejn minnhom:

(a)      hija regolata bil-liġi ta’ Stat Membru differenti[...]”

12.      L-Artikolu 8(1), (14) u (16) tar-Regolament Nru 2157/2001 għandu jinqara kif ġej:

“1.      L-uffiċċju reġistrat ta’ SE jista’ jiġi trasferit fi Stat Membru ieħor [...]. Dan it-trasferiment m’għandux jirriżulta fl-istralċ tas-SE jew fil-ħolqien ta’ persuna legali ġdida.

[...]

14.      Il-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu jipprovdu li, fir-rigward ta’ SEjiet reġistrati f’dak l-Istat Membru, it-trasferiment ta’ uffiċċju reġistrat li jirriżulta f’bidla fil-liġi applikabbli m’għandux iseħħ jekk xi awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru jopponuh fiż-żmien xahrejn [...].

[...]

16.      SE li tkun ittrasferiet l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru ieħor għandha tkun ikkonsidrata, fir-rigward ta’ kull azzjoni li tiġi qabel it-trasferiment [...], li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Istati Membri fejn l-SE kienet reġistrata qabel it-trasferiment, ukoll jekk is-SE titħarrek wara t-trasferiment.”

13.      Skont l-Artikolu 9(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament:

“SE għandha tkun regolata:

[...]

(ċ)      fil-każ ta’ kwistjonijiet mhux regolati b’dan ir-Regolament jew, fejn il-kwistjonijiet huma parzjalment regolati minnu, ta’ dawk l-aspetti mhux koperti minnu, jew:

[...]

(ii)      id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li japplikaw lill-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata ffurmata skond il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn is-SE għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha;

[...]”

14.      L-Artikolu 12(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Kull SE għandha tkun reġistrata fl-Istat Membru fejn għandha l-uffiċċju reġistrat f’reġistru imwaqqaf mill-liġi ta’ dak l-Istat Membru [...].

2.      SE ma tistax tkun reġistrata jekk kemm-il darba ma jkunx konkluż ftehim u arranġamenti għall-involviment ta’ l-impjegat bis-saħħa ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/86/KE, jew tkun ittieħdet deċiżjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva, jew il-perijodu ta’ negozjati bis-saħħa ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva ikun spiċċa mingħajr ma jkun ġie konkluż ftehim.”

2.      Id-Direttiva 2001/86

15.      Il-premessi 3, 7 u 18 tad-Direttiva 2001/86 jiddikjaraw:

“(3)      Sabiex jitmexxew ’il quddiem l-għanijiet soċjali tal-[Unjoni], għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali, notabbilment fil-qasam ta’ l-involviment tal-ħaddiema, immirati sabiex jiżguraw illi l-istabbiliment ta’ SE ma jġibx miegħu l-għibien jew it-tnaqqis tal-prattiki ta’ l-involviment tal-ħaddiema li jeżistu fil-kumpaniji parteċipanti fl-istabbiliment ta’ SE. Dan il-għan għandu jiġi segwit billi jiġi stabbilit sett ta’ regoli f’dan il-qasam, illi jissupplimenta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 2157/2001].

[...]

(7)      Jekk u meta jeżistu d-drittijiet tal-parteċipazzjoni f’kumpanija jew aktar li jistabbilixxu SE, dawn għandhom jiġu ppriservati permezz tat-trasferiment tagħhom fis-SE, meta din tiġi stabbilita, għajr jekk il-partijiet jiftiehmu xorta oħra.

[...]

(18)      Huwa prinċipju fundamentali u l-għan iddikjarat ta’ din id-Direttiva illi tiżgura d-drittijiet miksuba tal-ħaddiema rigward l-involviment fid-deċiżjonijiet tal-kumpanija. Id-drittijiet tal-ħaddiema fis-seħħ qabel l-istabbiliment ta’ SE għandhom jipprovdu l-bażi għad-drittijiet ta’ l-involviment tal-ħaddiema fis-SE (il-prinċipju ta’ ‘qabel u wara’). B’konsegwenza ta’ dan, dan l-avviċinament għandu japplika mhux biss waqt l-istabbiliment inizjali ta’ SE iżda ukoll għall-bidliet strutturali f’SE eżistenti u għall-kumpaniji affettwati mill-proċessi tal-bidliet strutturali.”

16.      Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“1.      Din id-Direttiva tirregola l-involviment tal-ħaddiema fl-affarijiet [tal-SE], kif riferit fir-Regolament [Nru 2157/2001].

2.      Għal dan il-għan, għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti sabiex jiġu involuti l-ħaddiema f’kull SE skond il-proċedura tan-negozjati riferita fl-Artikoli 3 sa 6 jew, skond iċ-ċirkostanzi speċifikati fl-Artikolu 7, bi qbil ma’ l-Anness.”

17.      L-Artikolu 2(b) u (g) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kumpanniji parteċipanti bħala “il-kumpaniji li jipparteċipaw direttament fl-istabbiliment ta’ SE” u l-KSN bħala “korp stabbilit skond l-Artikolu 3 sabiex jinnegozja mal-korp kompetenti tal-kumpaniji parteċipanti rigward li jiġu stabbiliti l-arranġamenti sabiex jinvolvu l-ħaddiema fis-SE”.

18.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/86, intitolat “Ħolqien ta’ [KSN]”, jipprovdi, fil-paragrafi 1, 2 u 6:

“1.      Fejn l-organi maniġerjali jew amministrattivi tal-kumpaniji parteċipanti jagħmlu pjan sabiex jistabbilixxu SE, huma għandhom mill-aktar fis possibbli wara li jippubblikaw it-termini ta’ l-abbozz ta’ l-inkorporazzjoni jew tal-ħolqien ta' kumpanija prinċipali jew wara illi jiftiehmu fuq pjan li jiffurmaw sussidjarja jew li jittrasformaw f’SE, jieħdu l-passi meħtieġa, inkluż illi jipprovdu t-tagħrif dwar l-identità tal-kumpaniji parteċipanti, is-sussidjarji u l-istabbilimenti interessati, u n-numru tal-ħaddiema tagħhom, għalbiex jibdew in-negozjati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-kumpaniji dwar l-arranġamenti għall-involviment tal-ħaddiema fis-SE.

2.      Għal dan il-għan, għandu jinħoloq [KSN] illi jirrappreżenta lill-ħaddiema tal-kumpaniji parteċipanti u tas-sussidjarji jew l-istabbilimenti interessati […]

[…]

6.      Il-[KSN] jista’ jiddeċiedi […] illi ma jibdiex in-negozjati jew li jittermina n-negozjati diġà mibdija, u jserraħ fuq ir-regoli tat-tagħrif u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema fis-seħħ fl-Istati Membri fejn is-SE għandha l-ħaddiema. Din id-deċżjoni għandha twaqqaf il-proċedura sabiex jiġi konkluż il-ftehim riferit fl-Artikolu 4. Fejn tkun ġiet meħuda deċiżjoni bħal din, ma għandha tapplika l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness.

[…]

Il-[KSN] għandu jiġi mlaqqa’ mill-ġdid fuq it-talba bil-miktub ta’ mill-inqas 10 % tal-ħaddiema tas-SE, tas-sussidjarji u l-istabbilimenti tagħha, jew tar-rappreżentanti tagħhom, l-aktar kmieni sentejn wara d-deċiżjoni msemmija hawn fuq, għajr jekk il-partijiet jiftiehmu illi n-negozjati għandhom jinfetħu qabel. Jekk il-[KSN] jiddeċiedi illi jerġa’ jiftaħ in-negozjati mal-korp maniġerjali imma ma jintlaħaq l-ebda ftehim bħala riżultat ta' dawn in-negozjati, ma għandha tapplika l-ebda dispożizzjoni ta’ l-Anness”

19.      L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ir-regoli standard”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Sabiex jinkiseb il-għan deskritt fl-Artikolu 1, l-Istati Membri għandhom […] jistabbilixxu r-regoli standard dwar l-involviment tal-ħaddiema illi jridu jissodisfaw id-dispożizzjonijiet iddikjarati fl-Anness.

Ir-regoli standard kif stabbiliti bil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fih irid ikun lokat l-uffiċċju rreġistrat tas-SE għandhom japplikaw mid-data tar-reġistrazzjoni tas-SE fejn jew:

(a)      hekk jiftiehmu l-partijiet; jew

(b)      […] ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim, u:

–        l-organu kompetenti ta’ kull waħda mill-kumpaniji parteċipanti jiddeċiedi illi jaċċetta li japplika r-regoli standard fejn għandha x’taqsam is-SE u jissokta bir-reġistrazzjoni tas-SE, u

–        il-[KSN] ma ħax id-deċiżjoni stabbilita fl-Artikolu 3(6).

2.      Barra minn dan, ir-regoli standard stabbiliti bil-leġislazzjoni nazzjonali ta’ l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni skond il-parti 3 ta’ l-Anness għandhom japplikaw biss:

[…]

(ċ)      fil-każ ta’ SE stabbilita billi tiġi stabbilita kumpanija prinċipali jew tiġi stabbilita sussidjarja:

–        jekk, qabel ir-reġistrazzjoni tas-SE, għamla jew aktar ta’ parteċipazzjoni kienu japplikaw f’waħda jew aktar mill-kumpaniji parteċipanti li jkopru mill-inqas 50 % tan-numru totali ta' ħaddiema fil-kumpaniji parteċipanti kollha; jew

–        jekk, qabel ir-reġistrazzjoni tas-SE, għamla jew aktar ta’ parteċipazzjoni kienu japplikaw f'waħda jew aktar mill-kumpaniji parteċipanti li jkopru mill-inqas 50 % tan-numru totali tal-ħaddiema fil-kumpaniji parteċipanti kollha u jekk hekk jiddeċiedi l-korp speċjali tan-negozjati.

Jekk kien hemm aktar minn għamla waħda ta’ parteċipazzjoni ġewwa l-kumpaniji parteċipanti varji, il-[KSN] għandu jiddeċiedi liema minn dawn l-għamliet trid tiġi stabbilita fis-SE. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu r-regoli li jkunu japplikaw fl-assenza ta’ kull deċiżjoni dwar il-materja sabiex SE tiġi rreġistrata fit-territorju tagħhom. Il-[KSN] għandu jgħarraf lill-organi kompetenti tal-kumpaniji parteċipanti b’kull deċiżjoni meħuda skond dan il-paragrafu.”

20.      Skont l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-użu ħażin tal-proċeduri”:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa skond il-liġijiet [tal-Unjoni] bil-ħsieb li jipprevienu l-użu ħażin ta’ SE bl-għan li jċaħħdu lill-ħaddiema mid-drittijiet dwar l-involviment tal-ħaddiema jew iż-żamma ta’ dawn id-drittijiet.”

21.      L-Artikolu 12(2) tal-istess direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-miżuri meħtieġa fil-każ illi ma jħarsux id-Direttiva; b’mod partikolari għandhom jiżguraw illi l-proċeduri amministrattivi jew legali jkunu disponibbli sabiex jiġu infurzati l-obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva”.

B.      Id-dritt Ġermaniż

22.      Id-Direttiva 2001/86 ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż mill-Gesetz über die Beteiligung der Arbeitnehmer in einer Europäischen Gesellschaft (il-Liġi dwar l-Involviment ta’ Ħaddiema f’Kumpannija Ewropea) (13), tat-22 ta’ Diċembru 2004.

23.      L-Artikolu 18 ta’ din il-liġi, intitolat “Tkomplija tan-negozjati”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Jekk ikunu previsti bidliet strutturali tas-SE, li jistgħu jnaqqsu d-drittijiet ta’ involviment tal-ħaddiema, in-negozjati dwar id-drittijiet ta’ involviment tal-ħaddiema tas-SE għandhom iseħħu fuq l-inizjattiva tat-tmexxija jew tal-kumitat tal-impriża tas-SE. Minflok il-[KSN] li għandu jitwaqqaf mill-ġdid, in-negozjati mat-tmexxija tas-SE jistgħu jitmexxew bi qbil komuni bejn il-kumitat tal-impriża tas-SE flimkien mar-rappreżentanti tal-ħaddiema kkonċernati mill-bidla strutturali prevista, li sa dak iż-żmien ma kinux irrappreżentati mill-kumitat tal-impriża tas-SE. Jekk ma jintlaħaq ebda ftehim f’dawn in-negozjati, għandhom japplikaw l-Artikoli 22 sa 33 dwar il-kumitat tal-impriża tas-SE permezz tal-liġi u l-Artikoli 34 sa 38 dwar it-tmexxija konġunta permezz tal-liġi.”

24.      L-Artikolu 43 tal-imsemmija liġi jiddisponi:

“SE ma għandhiex tintuża abużivament bl-iskop li tirtira jew iċċaħħad lill-ħaddiema mid-drittijiet ta’ involviment. Ikun hemm preżunzjoni ta’ abbuż jekk, mingħajr l-implimentazzjoni ta’ proċedura skont l-Artikolu 18(3), bidliet strutturali li jkollhom l-effett li jirtiraw jew iċaħħdu lill-ħaddiema mid-drittijiet ta’ involviment iseħħu fis-sena ta’ wara l-istabbiliment tas-SE.”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25.      Fit‑28 ta’ Marzu 2013, il-kumpannija O Holding SE, ikkostitwita, konformement mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2157/2001, mill-kumpanniji O Ltd u O GmbH, żewġ kumpanniji mingħajr ħaddiema, li ma għandhomx sussidjarji b’ħaddiema u stabbiliti rispettivament fir-Renju Unit u fil-Ġermanja, ġiet irreġistrata fir-reġistru għall-Ingilterra u Wales, mingħajr ma kienu seħħew in-negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema previsti fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2001/86.

26.      L-għada, fid‑29 ta’ Marzu 2013, O Holding SE saret l-azzjonista unika tal-kumpannija O Holding GmbH, kumpannija li għandha s-sede tagħha f’Hamburg (il-Ġermanja) u li għandha bord superviżorju kompost, għal terz, minn rappreżentanti tal-ħaddiema. Peress li O Holding SE ddeċidiet, fl‑14 ta’ Ġunju 2013, it-trasformazzjoni ta’ din is-soċjetà in akkomandita sempliċi, imsemmija O KG, il-bidla fil-forma tagħha ġiet irreġistrata fir-reġistru fit‑2 ta’ Settembru 2013 u, minn din id-data, it-tmexxija konġunta fi ħdan il-bord ta’ sorveljanza ma kinitx iktar applikabbli.

27.      Għalkemm O KG timpjega madwar 816 ħaddiem u għandha sussidjarji f’diversi Stati Membri li jimpjegaw total ta’ madwar 2 200 ħaddiem, is-soċji tagħha (O Holding SE, assoċjata in akkomandita, u l-kumpannija O Management SE, assoċjata li tirrispondi personalment, irreġistrata f’Hamburg, li l-azzjonist uniku tagħha hija O Holding SE) ma jimpjegaw ebda ħaddiem.

28.      O Holding SE ttrasferixxiet is-sede tagħha f’Hamburg b’effett mill‑4 ta’ Ottubru 2017.

29.      Il-kumitat tal-impriża tal-grupp O KG, li qies li t-tmexxija ta’ O Holding SE kellha timplimenta KSN a posteriori billi hija kellha sussidjarji, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/86, li jimpjegaw ħaddiema f’diversi Stati Membri, introduċa proċedura kontenzjuża fil-qasam tad-dritt industrijali. It-tmexxij ta’ O Holding SE opponiet din it-talba.

30.      Wara ċ-ċaħda tat-talba tal-kumitat tal-impriża tal-grupp O KG mill-Arbeitsgericht Hamburg (il-Qorti Industrijali ta’ Hamburg, il-Ġermanja), ikkonfermata mil-Landesarbeitsgericht Hamburg (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja), il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, ġiet adita b’din it-talba.

31.      Sabiex issolvi din it-tilwima, din il-qorti titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 2157/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 3 sa 7 tad-Direttiva 2001/86. Hija tirrileva li, ċertament, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedux espressament li l-proċedura ta’ negozjar dwar l-involviment tal-ħaddiema għandha, jekk ma tkunx tmexxiet minn qabel, tiġi implimentata a posteriori. Hija tqis, madankollu, li dan ir-regolament u din id-direttiva jitilqu mill-prinċipju, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 1 u 2 tal-imsemmi regolament, li l-kumpanniji parteċipanti jew is-sussidjarji tagħhom jeżerċitaw attività ekonomika li tinvolvi l-impjieg ta’ ħaddiema, b’tali mod li, sa mill-istabbiliment u qabel ir-reġistrazzjoni tas-SE, huwa possibbli li tinbeda tali proċedura ta’ negozjar. Għaldaqstant, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk, fil-każ tar-reġistrazzjoni ta’ SE li fir-rigward tagħha ebda waħda mill-kumpanniji parteċipanti jew mis-sussidjarji tagħha ma timpjega ħaddiema, l-għan imfittex mill-Artikoli 3 sa 7 tal-imsemmija direttiva jistax jeżiġi l-implimentazzjoni a posteriori tal-proċedura ta’ negozjar dwar l-involviment tal-ħaddiema meta s-SE ssir impriża li teżerċita l-kontroll ta’ sussidjarji li jimpjegaw ħaddiema f’diversi Stati Membri.

32.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tqis li tali obbligu jista’ jiġi impost tal-inqas fir-rigward tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/86 jekk, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, teżisti rabta ratione temporis mill-qrib bejn ir-reġistrazzjoni tas-SE u l-akkwist ta’ sussidjarji, peress li din iċ-ċirkustanza tista’ twassal għall-preżunzjoni li din hija skema abbużiva intiża li tirtira mingħand jew li tiċħad lill-ħaddiema d-drittijiet ta’ involviment tagħhom.

33.      Fil-każ li kien jeżisti obbligu li tiġi implimentata a posteriori l-proċedura ta’ negozjar dwar l-involviment tal-ħaddiema, iqumu l-kwistjonijiet dwar jekk din hijiex suġġetta għal limitazzjoni ratione temporis u jekk l-implimentazzjoni tagħha hijiex irregolata mid-dritt tal-Istat Membru li fih attwalment is-SE għandha s-sede tagħha jew dak tal-Istat Membru li fih hija ġiet irreġistrata għall-ewwel darba, fid-dawl tal-fatt li, f’dan il-każ, dan l-aħħar Stat irtira mill-Unjoni wara t-trasferiment tas-sede tas-SE fil-Ġermanja.

34.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) [Nru 2157/2001], moqri flimkien mal-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva [2001/86/KE] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta kumpannija [SE holding] tinħoloq minn kumpanniji parteċipanti li ma jimpjegawx ħaddiema u li ma għandhomx sussidjarji li jimpjegaw ħaddiema (l-hekk imsejħa ‘SE mingħajr ħaddiema’), u fejn ir-reġistrazzjoni ta’ din il-kumpannija fir-reġistru ta’ Stat Membru tkun saret mingħajr ma tkun twettqet minn qabel proċedura ta’ negozjar dwar l-involviment tal-ħaddiema fis-SE skont din id-direttiva, din il-proċedura ta’ negozjar għandha titwettaq a posteriori jekk is-SE ssir impriża li teżerċita l-kontroll ta’ sussidjarji li jimpjegaw ħaddiema f’diversi Stati Membri [...]?

2)      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda: F’sitwazzjoni bħal din, it-twettiq a posteriori tal-proċedura ta’ negozjar jista’ u għandu jsir mingħajr limitazzjoni fiż-żmien?

3)      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għat-tieni domanda: L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/86 jipprekludi, għall-finijiet ta’ twettiq a posteriori tal-proċedura ta’ negozjar, l-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru li fih is-SE għandha fil-preżent is-sede tagħha meta s-‘SE mingħajr ħaddiema’ tkun ġiet irreġistrata fir-reġistru ta’ Stat Membru ieħor mingħajr ma tali proċedura tkun twettqet minn qabel u fejn tkun saret, jerġa’ qabel it-trasferiment tas-sede tagħha, impriża li teżerċita kontroll ta’ sussidjarji li jimpjegaw ħaddiema f’diversi Stati Membri [...]?

4)      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għat-tielet domanda: Dan jgħodd ukoll meta l-Istat li fih din is-‘SE mingħajr ħaddiema’ tkun ġiet irreġistrata għall-ewwel darba jkun ħareġ mill-Unjoni [...] wara d-data ta’ trasferiment tas-sede ta’ din il-kumpannija u l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat ma jkunx għad fiha dispożizzjonijiet rigward it-twettiq ta’ proċedura ta’ negozjar dwar l-involviment tal-ħaddiema fis-SE?”

35.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni.

36.      Waqt is-seduta li nżammet fit‑28 ta’ Settembru 2023, il-kumitat tal-impriża tal-grupp O KG, il-bord tad-diretturi ta’ O Holding SE, il-Gvern Ġermaniż u dak Lussemburgiż kif ukoll il-Kummissjoni ressqu l-osservazzjonijiet orali tagħhom u wieġbu l-mistoqsijiet li kellhom jiġu mwieġba b’mod orali u li kienu indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    Analiżi

37.      Il-kostituzzjoni tas-SE hija rregolata minn ċerti prinċipji ewlenin.

38.      Fl-ewwel lok, din tista’ jirriżulta biss minn erba’ metodi ta’ kostituzzjoni: permezz ta’ amalgamazzjoni, permezz ta’ kostituzzjoni ta’ SE holding, permezz ta’ kostituzzjoni ta’ SE sussidjarja, permezz ta’ bidla ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata f’SE (14).

39.      Fit-tieni lok, is-SE hija rregolata minn:

–        id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2157/2001;

–        id-dispożizzjonijiet tal-istatuti tagħha, meta dan ir-regolament jawtorizzaha espressament, jew,

–        għall-kwistjonijiet mhux irregolati (parzjalment jew kompletament) mill-imsemmi regolament, id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali meħuda skont miżuri tad-dritt tal-Unjoni li jirrigwardaw speċifikament lis-SE, minn dawk applikabbli għall-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni tas-SE, u mid-dispożizzjonijiet statutorji tas-SE taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni tas-SE (15).

40.      Fit-tielet lok, ir-reġistrazzjoni tas-SE tista’ titwettaq biss jekk ikun ġie konkluż ftehim dwar il-modalitajiet relatati mal-involviment tal-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/86, jekk il-KSN ikun iddeċieda li jibbaża ruħu fuq il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Istati Membri fejn is-SE timpjega ħaddiema, jew jekk, fl-iskadenza tat-terminu ta’ negozjar previst mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/86, ma jkun ġie konkluż ebda ftehim (16).

41.      Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, iddefinita bħala l-influwenza tal-korp li jirrappreżenta lill-ħaddiema u/jew lir-rappreżentanti tal-ħaddiema fuq l-affarijiet ta’ kumpannija (17), dan kien wieħed mill-punti kruċjali tan-negozjati dwar l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni dwar il-ħolqien ta’ SE li mblokka l-eżitu ta’ dawn tal-aħħar, kif imfakkar preċedentement (18). Flimkien mal-prinċipju ta’ osservanza tal-livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ involviment eżistenti, il-prinċipju ta’ “qabel u wara” kien determinanti u ppermetta li dawn in-negozjati jiġu konklużi. Dan il-prinċipju ġie aċċettat kemm mill-proponenti tal-protezzjoni tal-parteċipazzjoni, peress li ppermetta li jinżamm livell għoli ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema, kif ukoll mill-Istati Membri li ma kinux jafu b’din is-sistema li fiha raw mezz li permezz tagħha jattiraw sedi ta’ kumpanniji lejhom (19).

42.      Madankollu, il-prinċipju “qabel u wara” jirrigwarda biss il-kumpanniji parteċipanti u jippermetti li jiġu protetti d-drittijiet għall-involviment eżistenti f’dawn il-kumpanniji (20).

43.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk negozjati fuq il-modalitajiet ta’ involviment tal-ħaddiema jistgħux jinfetħu a posteriori, jiġifieri wara r-reġistrazzjoni tas-SE holding maħluqa minn kumpanniji li ma jimpjegawx ħaddiema fil-mument ta’ din ir-reġistrazzjoni.

44.      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-formulazzjoni ta’ din id-domanda preliminari, il-fatt jekk is-SE holding għandhiex jew le sussidjarji li jimpjegaw ħaddiema ma għandux effett fuq il-bidu tal-obbligu li jiġi kkostitwit KSN u li jinfetħu negozjati ab initio dwar l-involviment tal-ħaddiema. Fil-fatt, huma biss il-kumpanniji li jipparteċipaw direttament fil-kostituzzjoni tas-SE li huma koperti mill-Artikolu 2(b) u mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/86 u, konsegwentement, huma biss id-drittijiet tal-impjegati fil-qasam tal-involviment miksuba fi ħdan dawn il-kumpanniji li jittieħdu inkunsiderazzjoni. Min-naħa l-oħra, fil-mument tal-kompożizzjoni tal-KSN (21) u tat-tfassil tal-ftehim (22), jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sussidjarji u l-istabbilimenti kkonċernati (23).

45.      Filwaqt li, bis-saħħa tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 2157/2001, ir-reġistrazzjoni ta’ SE hija suġġetta għal negozjati fi ħdan il-KSN, jeżistu, fil-prattika, ipoteżijiet li fihom tali reġistrazzjoni sseħħ mingħajr il-ħolqien ta’ KSN kif ukoll mingħajr negozjati dwar il-modalitajiet ta’ involviment tal-ħaddiema għaliex dawn huma impossibbli.

46.      Dan huwa l-każ tal-kostituzzjoni ta’ SE fil-forma ta’ kumpannija holding meta l-kumpanniji li jippromwovu dan il-ħolqien ma jimpjegawx ħaddiema. L-istess ipoteżi tinsab fil-każ tal-kostituzzjoni ta’ sussidjarja fil-forma ta’ SE minn kumpanniji li ma jimpjegawx ħaddiema (24). F’dawn l-ipoteżijiet, fl-assenza ta’ ħaddiema fil-kumpanniji parteċipanti, il-KSN ma jistax jinħoloq skont il-modalitajiet previsti mid-Direttiva 2001/86.

47.      Il-kwistjoni tal-possibbiltà li tiġi rreġistrata SE li ma tosservax l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 2157/2001 tressqet quddiem il-qrati Ġermaniżi. Billi bbażat ruħha fuq qari teleoloġiku ta’ din id-dispożizzjoni, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) (25) aċċettat ir-reġistrazzjoni ta’ tali SE, minkejja l-oppożizzjoni tas-sindakati (26)

48.      SE rreġistrati mingħajr negozjati ab initio dwar l-involviment tal-ħaddiema nħolqu f’diversi Stati Membri (b’mod partikolari fil-Ġermanja u fir-Repubblika Ċeka fejn huma numerużi (27)).

49.      Din l-aċċettazzjoni, li tmur kontra l-kliem tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 2157/2001, kienet iġġustifikata, skont il-Gvern Ġermaniż, minn interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni li tippermetti l-eżerċizzju tal-libertajiet ekonomiċi fis-suq uniku li ma jimplikax neċessarjament l-impjieg tal-ħaddiema tagħha stess. Barra minn hekk, ġie rrikonoxxut mhux biss li, fl-assenza ta’ ħaddiema fil-kumpanniji parteċipanti, KSN ma setax jinħoloq, iżda wkoll li ma kienx hemm drittijiet eżistenti tal-ħaddiema li kellhom jiġu protetti u li, konsegwentement, il-prinċipju “qabel u wara” ma setax japplika. L-impożizzjoni ta’ tali negozjati wasslet sabiex tiġi pprojbita l-kostituzzjoni ta’ SE f’dawn il-każijiet. Il-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet tagħha, spjegat li din ir-reġistrazzjoni mingħajr negozjati minn qabel setgħet tibbaża ruħha fuq ir-regoli tar-Regolament Nru 2157/2001 li jistabbilixxu li, għall-materji mhux koperti minn dan ir-regolament, kien japplika d-dritt nazzjonali applikabbli għall-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata fl-Istat Membru u li, konsegwentement, jekk dan id-dritt nazzjonali jippermetti l-kostituzzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata mingħajr ħaddiema, dan kellu jkun permess għas-SE (28).

50.      Għalhekk, ma huwiex ikkontestat li r-reġistrazzjoni ta’ SE mingħajr ħaddiema hija possibbli fl-ipoteżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (29).

51.      Għalhekk, tqum il-kwistjoni tal-possibbiltà ta’ ftuħ ta’ negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema a posteriori.

52.      Id-Direttiva 2001/86 tipprevedi li dawn in-negozjati wara r-reġistrazzjoni jistgħu jsiru biss, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(6) tagħha, fuq talba bil-miktub ta’ mill-inqas 10 % tal-impjegati tas-SE, tas-sussidjarji u l-istabbilimenti tagħha, jew tar-rappreżentanti tagħhom u mhux iktar kmieni minn sentejn wara d-data tad-deċiżjoni tal-KSN li ma jinfetħux jew jingħalqu n-negozjati minn qabel, sakemm ma jkunx hemm ftehim aħjar bejn il-partijiet dwar id-data tan-negozjati mill-ġdid. B’hekk jidher ċar li n-negozjati a posteriori jistgħu jseħħu biss jekk KSN ikun ġie kkostitwit ab initio u jkun effettivament innegozjat mill-ġdid. Fl-Anness ta’ din id-direttiva, huma previsti wkoll negozjati erba’ snin wara l-istabbiliment tal-korp rappreżentattiv fil-każ ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ riferiment (30).

53.      Il-premessa 18 tad-Direttiva 2001/86 tiddikjara, minn naħa, li d-drittijiet tal-ħaddiema li kienu jeżistu qabel il-kostituzzjoni ta’ SE għandhom iservu bħala bażi għad-drittijiet ta’ involviment tagħhom fis-SE (il-prinċipju “qabel u wara”) u, min-naħa l-oħra, li din il-perspettiva għandha konsegwentement tapplika mhux biss għall-kostituzzjoni inizjali ta’ SE, iżda wkoll għall-bidliet strutturali introdotti f’SE eżistenti kif ukoll għall-kumpanniji kkonċernati mill-proċessi ta’ bidliet strutturali. Għalhekk, din il-premessa ma hijiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi dritt għal negozjati fuq l-involviment tal-ħaddiema a posteriori jekk KSN ma jkunx ġie kkostitwit ab initio.

54.      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Gvern Ġermaniż u dak Lussemburgiż, din l-impossibbiltà li jinfetħu negozjati a posteriori ma tirriżultax minn żvista waqt it-tfassil tad-Direttiva 2001/86, iżda minn għażla vera tal-leġiżlatur tal-Unjoni li tirriżulta mill-kompromess fuq il-prinċipju “qabel u wara”.

55.      Diversi elementi jistgħu jiġu rrilevati f’dan is-sens. Fl-ewwel lok, ir-rapport Davignon, li serva bħala bażi għall-aħħar negozjati tar-Regolament Nru 2157/2001 u tad-Direttiva 2001/86, irrakkomanda b’mod ċar negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema qabel ir-reġistrazzjoni għal raġunijiet ta’ prevedibbiltà għall-azzjonisti u għall-ħaddiema, kif ukoll għall-istabbiltà tal-ħajja tas-SE (31). Fit-tieni lok, il-Parlament Ewropew kien ippropona premessa 7a li kienet tipprevedi espliċitament negozjati a posteriori li twarrbet (32) favur ir-redazzjoni ħafna iktar vaga tal-premessa 18 tad-Direttiva 2001/86.

56.      Din l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni dehret ukoll waqt it-tfassil tal-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea u fid-Direttiva 2003/72/KE (33) dwar l-involviment tal-ħaddiema f’tali kumpannija, peress li huma espliċitament previsti negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema a posteriori f’każ li jinqabeż il-limitu ta’ 50 ħaddiem f’mill-inqas żewġ Stati Membri (34). Għalhekk, f’din l-ipoteżi, in-negozjati bejn Stati Membri ppermettew li jinħoloq obbligu ta’ negozjati a posteriori, ċertament marbut mal-qbiż ta’ limitu, iżda dan ma kienx previst fil-leġiżlazzjoni applikabbli għas-SE.

57.      Barra minn hekk, id-diffikultà marbuta ma’ SE mingħajr ħaddiema ġiet innutata mill-2003 mill-grupp ta’ esperti SE (35), iżda wkoll mill-grupp ta’ esperti indipendenti mqabbda mill-Kummissjoni bil-ħsieb tar-reviżjoni tad-Direttiva 2001/86 prevista mill-Artikolu 15. ta’ din id-direttiva (36).

58.      Għalhekk, huwa b’għarfien perfett ta’ din id-diffikultà li l-Kummissjoni elaborat u fasslet ir-rapport u l-komunikazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2157/2001 u r-reviżjoni tad-Direttiva 2001/86. Fl-ewwel wieħed, wara li qajmet il-kwistjoni tal-attivazzjoni tas-SE inattivi (37), il-Kummissjoni tindika li “[k]walunkwe kunsiderazzjoni ta’ emendi għall-Istatut SE biex jiġu ttrattati l-problemi prattiċi identifikati mid-diversi partijiet involuti għandha tqis li l-Istatut SE huwa r-riżultat ta’ kompromess delikat wara negozjati twal. Il-Kummissjoni bħalissa qed tirrifletti dwar l-emendi potenzjali għall-Istatut SE, bil-għan li fl-2012 tagħmel proposti, fejn xieraq” (38). Fit-tieni waħda, wara li rrikonoxxiet ukoll l-assenza ta’ dispożizzjonijiet fid-Direttiva 2001/86 dwar l-ipoteżi tas-SE maħluqa mingħajr ħaddiema (39), il-Kummissjoni rrikonoxxiet li hija kienet identifikat diffikultajiet, iżda li, peress li l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2157/2001 u tad-Direttiva 2001/86 tirriżulta minn kompromess delikat wara negozjati li damu 30 sena, hija kienet ser teżamina l-fondatezza ta’ reviżjoni tagħhom fl-istess ħin, fl-okkażjoni tar-reviżjoni fl-2009 ta’ dan ir-regolament (40).

59.      Barra minn hekk, il-kwistjoni ġiet esplorata fil-fond, b’distanza ikbar mid-data tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/86, f’xogħol iddedikat għall-għaxar snin ta’ applikazzjoni tas-SE (41).

60.      Permezz ta’ riżoluzzjoni tal-2021, il-Parlament talab lill-Kummissjoni tagħmel it-titjib meħtieġ għall-oqfsa li jirregolaw is-SE u s-soċjetajiet kooperattivi Ewropej, kif ukoll, abbażi ta’ evalwazzjoni mwettqa minnha f’waqtha, fil-pakkett ta’ miżuri dwar id-dritt tal-kumpanniji, u temendahom sabiex jiġu introdotti regoli minimi Ewropej dwar il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza tal-impjegati fil-bordijiet superviżorji (42).

61.      Minkejja l-konstatazzjoni, mill-2003 sal-2021, tad-diffikultajiet relatati mal-ħolqien u l-ħajja ta’ SE, b’mod partikolari dik marbuta mal-kostituzzjoni ta’ SE, mingħajr l-istabbiliment ta’ KSN, il-Kummissjoni qatt ma pproponiet emendi għar-Regolament Nru 2157/2001 jew għad-Direttiva 2001/86 sabiex dawn jiġu rrimedjati. Mhux biss il-Kummissjoni qatt ma ressqet proposta ta’ emendi f’dan is-sens, iżda l-proposti l-oħra tagħha ta’ testi fid-dritt tal-kumpanniji li għandhom impatt fil-qasam tal-parteċipazzjoni jew tal-involviment tal-ħaddiema fi ħdan l-istruttura u r-rwol tas-sindakati waqt it-tfassil tal-proġett ma rnexxewx (pjan ta’ kumpannija privata Ewropea b’responsabbiltà limitata ppreżentat fl-2008 u rtirat fl-2014, pjan ta’ kumpannija b’membru wieħed b’responsabbiltà limitata ppreżentat fl-2014 u rtirat fl-2018 (43)).

62.      F’dan l-istadju tar-riflessjoni, jidhirli għalhekk li huwa paċifiku li l-assenza ta’ regola dwar in-negozjati fuq l-involviment tal-ħaddiema a posteriori fil-każ ta’ SE kkostitwita mingħajr KSN tirriżulta minn għażla konxja tal-leġiżlatur tal-Unjoni, anki jekk din l-assenza tista’ tiġi analizzata bħala lakuna mill-proponenti tas-sistema ta’ involviment, b’mod partikolari f’termini ta’ parteċipazzjoni, tal-ħaddiema.

63.      F’dan il-kuntest, il-premessa 18 tad-Direttiva 2001/86 għandha għalhekk tinftiehem bħala li tirreferi għal ipoteżijiet ta’ bidliet strutturali f’SE kkostitwita b’KSN: dan huwa iktar u iktar loġiku peress li l-formulazzjoni tagħha tirreferi għal “dan l-avviċinament”, jiġifieri l-prinċipju “qabel u wara”, iddikjarat fis-sentenza preċedenti, li jimplika l-eżistenza ta’ drittijiet li għandhom jiġu protetti fi stat preċedenti. Għalhekk, din il-premessa hija intiża sabiex tiċċara, fir-realtà, il-prinċipju ta’ prijorità mogħti lin-negozjati f’dan il-qasam, kif muri mill-fatt li l-ftehim inizjali dwar l-involviment tal-ħaddiema għandu jistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim, it-tul tiegħu, il-każijiet li fihom il-ftehim għandu jiġi nnegozjat mill-ġdid u l-proċedura li għandha tiġi segwita għan-negozjar mill-ġdid tiegħu (44).

64.      Hekk fehmu wkoll l-esperti nazzjonali u l-konsulenti fl-affarijiet soċjali tal-grupp ta’ esperti SE (li pparteċipaw fin-negozjati tad-Direttiva 2001/86 u inkarigati mill-preparazzjoni ta’ rapport intiż li jiffaċilita t-traspożizzjoni tagħha) peress li jindikaw li, minbarra r-riferimenti ta’ din id-direttiva li jittrattaw impliċitament u parzjalment il-kwistjoni (45), ir-regoli tal-imsemmija direttiva ġew maħsuba biex japplikaw biss immedjatament qabel u fil-mument li fih is-SE hija kkostitwita u li għalhekk jista’ jkun hemm bżonn għall-partijiet ikkonċernati li japplikaw ir-regoli tal-istess direttiva, li huma maħsuba prinċipalment biex jipproteġu s-sistemi ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema, b’mod dinamiku, u dan mhux biss fil-mument meta tiġi stabbilita s-SE. Huma jżidu jgħidu li l-esperjenza tal-applikazzjoni tad-Direttiva 94/45/KE (46) turi li s-soluzzjoni ta’ dawn id-diffikultajiet issir essenzjalment permezz ta’ ftehim. Huma jikkonkludu li, peress li d-Direttiva 2001/86 ma tmurx lil hinn minn hekk, il-problema tal-bidliet li jseħħu barra mill-każijiet ta’ abbuż tidher li teżawrixxi lilha nnifisha f’sempliċi riferiment iddettaljat ta’ ipoteżijiet ta’ bidliet strutturali sussegwenti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva dwar il-kontenut tal-ftehim sabiex il-partijiet jiġu avżati dwar ir-realtà ta’ dawn il-bidliet (47).

65.      Għalhekk, il-grupp ta’ esperti SE ma jipprevedix marġni ta’ manuvra ieħor tal-Istati Membri dwar dan is-suġġett.

66.      Min-naħa l-oħra, dawn l-esperti indikaw b’mod ċar li n-negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema a posteriori setgħu jkunu sanzjoni effikaċi fil-każ ta’ użu abbużiv tas-SE sabiex iċaħħdu lill-ħaddiema mid-drittijiet tagħhom għal parteċipazzjoni u li din is-sanzjoni saħansitra jkollha l-vantaġġ li tkun risposta uniformi possibbli fi ħdan l-Istati Membri (48). Fil-fatt, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/86 jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, sabiex jevitaw l-użu abbużiv ta’ SE biex iċaħħdu lill-ħaddiema mid-drittijiet ta’ involviment jew jirrifjutaw dawn id-drittijiet.

67.      L-imsemmija esperti spjegaw il-proposti tagħhom permezz ta’ eżempji ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu abbużivi mhux biss fil-każ ta’ kostituzzjoni ta’ SE mingħajr parteċipazzjoni permezz ta’ sussidjarji mingħajr parteċipazzjoni, peress li din is-SE sussegwentement tieħu l-kontroll tas-sussidjarji kollha suġġetti jew le għal sistema ta’ parteċipazzjoni, iżda wkoll fil-każ ta’ kostituzzjoni ta’ SE permezz ta’ trasformazzjoni fi Stat Membru li ma jipprevedix sistema ta’ parteċipazzjoni segwita minn trasferiment ta’ sede fi Stat Membru li jipprevedi tali sistema, jew ukoll fil-każ ta’ kostituzzjoni ta’ SE qabel ma jintlaħqu l-limiti li jagħtu lok għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ parteċipazzjoni (49).

68.      Il-punt komuni ta’ dawn l-eżempji huwa l-kostituzzjoni ta’ SE mingħajr negozjati minn qabel dwar l-involviment tal-ħaddiema fi ħdan KSN, peress li dawn is-SE huma kkostitwiti minn kumpanniji mhux suġġetti għall-parteċipazzjoni. Għalhekk, huwa ċar li l-grupp ta’ esperti SE, minn naħa, kellu f’moħħu ipoteżijiet ta’ kostituzzjoni ta’ SE mingħajr negozjati minn qabel u mingħajr applikazzjoni awtomatika tad-dispożizzjonijiet ta’ riferiment u, min-naħa l-oħra, ma pprevediex negozjati legali a posteriori f’każ ta’ bidliet strutturali, iżda biss f’każ ta’ abbuż.

69.      Dan il-grupp ta’ esperti, li kompla r-riflessjoni tiegħu, ippropona formulazzjoni għall-għażla fid-dritt nazzjonali ta’ dispożizzjoni kontra l-abbuż (50) ibbażata fuq l-idea li għandhom iseħħu negozjati fl-ipoteżijiet imsemmija fil-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ladarba jiġi pprovat l-abbuż skont ir-regoli ġenerali – preżunzjoni sempliċi ta’ abbuż li tista’ tiġi żviluppata jekk il-bidliet iseħħu fi żmien qasir (pereżempju sena) wara r-reġistrazzjoni tas-SE (51). Dan ippreċiża li s-soluzzjoni ideali hija li jkun hemm dispożizzjoni li tipprevedi negozjar mill-ġdid f’dawn l-ipoteżijiet fejn fil-każ li ma tirnexxix jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta’ riferiment għall-parteċipazzjoni li jinsabu fl-Anness tad-Direttiva 2001/86 (52). Għal dan l-għan, l-Artikoli 3 sa 7 ta’ din id-direttiva għandhom japplikaw mutatis mutandis u r-riferimenti għall-mument tar-reġistrazzjoni tas-SE għandhom jiġu ssostitwiti b’riferimenti għall-mument meta n-negozjati jfallu (53).

70.      Fi kwalunkwe każ, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali, is-sempliċi trasferiment tas-sede jew l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tippermetti li titneħħa l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema f’sussidjarja ta’ SE, sussidjarja li tibqa’ rregolata minn dan id-dritt nazzjonali, ma jistgħux fihom infushom jikkostitwixxu abbuż mingħajr ma titqiegħed inkwistjoni l-effettività tar-Regolament Nru 2157/2001 u tad-Direttiva 2001/86.

71.      Bħala konklużjoni, ir-riżultat tan-negozjati ta’ dan ir-regolament u ta’ din id-direttiva jista’ jidher li huwa inkomplet, iżda, fir-realtà, l-applikazzjoni tal-prinċipju “qabel u wara” fil-mument tar-reġistrazzjoni tas-SE kienet mixtieqa mill-Istati Membri u, konsegwentement, estensjoni tad-drittijiet għall-involviment tal-ħaddiema mill-ġurisprudenza ma jidhirlix li hija possibbli għaliex dan ikun iqiegħed inkwistjoni l-bilanċ miksub permezz ta’ dawn in-negozjati. Fil-fatt, li kieku dawn kellhom jiġu estiżi lil hinn mill-każijiet ta’ abbuż, negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema a posteriori jippreġudikaw l-istabbiltà fil-funzjonament tal-kumpannija li għandha wkoll tintlaħaq mil-leġiżlazzjoni (54) peress li dawn jistgħu jseħħu fil-każijiet ta’ trasformazzjoni f’SE qabel ma jinqabżu l-limiti li jagħtu lok, fid-dritt nazzjonali, għall-parteċipazzjoni, jew kull darba li l-perimetru tal-ħaddiema jinbidel minħabba t-trasferiment jew l-akkwist ta’ sussidjarji.

72.      Fid-dawl ta’ dawn ir-raġunijiet kollha, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda preliminari tkun li l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 2157/2001, moqri flimkien mal-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2001/86, għandu jiġi interpretat fis-sens li, wara r-reġistrazzjoni ta’ SE holding ikkostitwita minn kumpanniji parteċipanti li ma jimpjegawx ħaddiema, mingħajr ma jkunu saru negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema minn qabel, dan ma jimponix il-ftuħ ta’ tali negozjati għas-sempliċi raġuni li din is-SE holding issir impriża li teżerċita l-kontroll ta’ sussidjarji li jimpjegaw ħaddiema fi Stat Membru wieħed jew iktar.

73.      Fid-dawl ta’ din ir-risposta, ma jidhirlix li huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari l-oħra.

V.      Konklużjoni

74.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) kif ġej:

L-Artikolu 12(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat‑8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE), moqri flimkien mal-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat‑8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal Kumpannija Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-ħaddiema,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

wara r-reġistrazzjoni ta’ kumpannija Ewropea (SE) holding ikkostitwita minn kumpanniji parteċipanti li ma jimpjegawx ħaddiema, mingħajr ma jkunu saru negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema minn qabel, dan ma jimponix il-ftuħ ta’ tali negozjati għas-sempliċi raġuni li din is-SE holding issir impriża li teżerċita l-kontroll ta’ sussidjarji li jimpjegaw ħaddiema fi Stat Membru wieħed jew iktar.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 251.


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 272.


4      Ara l-premessa 9 tar-Regolament Nru 2157/2001.


5      Ara r-rapport finali tal-Grupp ta’ Esperti “Sistemi Ewropej ta’ Involviment tal-Impjegati” ta’ Mejju 1997 (Rapport Davignon) (C4–0455/97), punt 9: “Minkejja l-isforzi li saru biex il-pożizzjonijiet ta’ xulxin jitqarrbu (minn naħa, ‘ebda kumpanija Ewropea mingħajr parteċipazzjoni’, min-naħa l-oħra, ‘le għall-esportazzjoni tal-mudelli nazzjonali ta’ parteċipazzjoni’), seħħet sitwazzjoni ta’ mblukkar.” [traduzzjoni libera]


6      Ara l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2001/86.


7      Ara l-proposta għal Regolament tal-Kunsill (KEE) dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (COM(89) 268 final – SYN 218).


8      Ara l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tissupplimenta l-istatut tal-kumpanija Ewropea fir-rigward tal-pożizzjoni tal-ħaddiema (COM(89) 268 finali – SYN 219).


9      Ara l-Artikolu 2(1) ta’ din il-proposta għal regolament, li sar l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2157/2001.


10      Ara l-premessa 18 tad-Direttiva 2001/86.


11      Ara l-abbozz tal-minuti tal-2102 sessjoni tal-Kunsill (Xogħol u Affarijiet Soċjali), li saret fil-Lussemburgu fl‑4 ta’ Ġunju 1998 (8717/98), disponibbli fl-indirizz internet li ġej: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8717-1998-INIT/en/pdf, p. 8.


12      Fl-2017, kien hemm 450 SE li kellhom attività effettiva u li kienu jimpjegaw iktar minn 5 ħaddiema fost l-2 695 SE rreġistrati, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, għal ċertu numru ta’ SE rreġistrati, id-data ma hijiex aċċessibbli (ara d-dokument tax-xogħol ta’ Waddington, J., u Conchon, A., intitolat “Is Europeanized board-level employee representation specific? The case of European Companies (SEs)”, The European Trade Union Institute, Brussell, 2017, p. 7).


13      BGBl. 2004 I, p. 3675.


14      Ara l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2157/2001.


15      Ara l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2157/2001.


16      Ara l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 2157/2001.


17      Ara l-Artikolu 2(k) tad-Direttiva 2001/86.


18      Ara l-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


19      Voir Sick, S., “Worker participation in SEs – a workable, albeit imperfect compromise”, fi Cremers, J., Stollt, M., u Vitols, S., A decade of experience with the European Company, The European Trade Union Institute, Brussell, 2013, p. 93 sa 106, b’mod partikolari p. 96 u 97.


20      Ara l-premessi 3, 7 u 18 tad-Direttiva 2001/86.


21      Ara l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/86.


22      Ara l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2001/86


23      Ara d-dokument tax-xogħol Nru 6 tal-grupp ta’ esperti magħmul minn esperti nazzjonali u attachés soċjali maħluqa mill-Kummissjoni bħala forum ta’ diskussjoni dwar il-modalitajiet ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/86 fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali (iktar ’il quddiem il-“grupp ta’ esperti SE”), tat-2 ta’ Ottubru 2002, intitolat “Definizzjoni ta’ ‘kumpanniji parteċipanti’ – Artikolu 2(b)”, p. 30 u 31.


24      Ara Stollt, M., u Kelemen, M., “A big hit or a flop ? A decade of facts and figures on the European Company (SE)”, fi Cremers, J., Stollt, M., u Vitols, S., A decade of experience with the European Company, op. cit., p. 25 sa 47, b’mod partikolari p. 45 u 46.


25      Ara s-sentenza I-3 Wx 248/08, tat-30 ta’ Marzu 2009.


26      Ara Köstler, R., “SEs in Germany”, fi Cremers, J., Stollt, M., u Vitols, S., A decade of experience with the European Company, op. cit., p. 123 sa 131, b’mod partikolari p. 128 u 129.


27      Ara Stollt, M., u Wolters, E., Implication des travailleurs dans la Société européenne (SE) Guide pour les acteurs de terrain, The European Trade Union Institute, Bruxelles, 2013, p. 93.


28      Ara l-Artikolu 9(1)(ċ)(ii) tar-Regolament Nru 2157/2001.


29      Dan huwa wkoll il-każ għall-kostituzzjoni ta’ SE sussidjarja minn kumpanniji parteċipanti mingħajr ħaddiema.


30      Ara l-anness, parti 1(g) tad-Direttiva 2001/86.


31      Ara r-rapport Davignon, punti 50 u 69, kif ukoll id-dokument tax-xogħol Nru 19 tal-grupp ta’ esperti SE, tat‑23 ta’ Ġunju 2003, intitolat “Ksur ta’ proċedura – Artikolu 11” (iktar ’il quddiem id-“dokument tax-xogħol Nru 19 tal-grupp ta’ esperti SE”), p. 125 u 126.


32      Ara r-rapport tal-Parlament Ewropew tal‑21 ta’ Ġunju 2001 dwar l-abbozz ta’ direttiva tal-Kunsill li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-ħaddiema (A5–0231/2001), p. 7.


33      Direttiva tal-Kunsill tat‑22 ta’ Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 338).


34      Ara l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2003/72.


35      Ara d-dokument tax-xogħol Nru 19 tal-grupp ta’ esperti SE, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 124.


36      Ara Valdès Dal-Ré, F., Studies on the implementation of Labour Law Directives in the enlarged European Union, Directive 2001/86/EC supplementing the European Company with regard to the involvement of employees, Synthesis report, p. 101 u 102.


37      Ara r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas‑17 ta’ Novembru 2010 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat‑8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ Kumpanija Ewropea (SE) [COM(2010) 676 finali ], p. 9.


38      Ara r-rapport iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 11


39      Ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ Settembru 2008 dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat 8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema [COM(2008) 591 final], p. 7.


40      Ara l-komunikazzjoni ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 9.


41      Ara Cremers, J., Stollt, M., u Vitols, S., A decade of experience with the European Company, op. cit., b’mod partikolari l-kapitoli 1, 4 u 6 (ara, rispettivament, in-noti ta’ qiegħ il-paġna 24, 19 u 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


42      Ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2021, dwar id-demokrazija fil-post tax-xogħol: qafas Ewropew għad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet [2021/2005(INI)], punti 6 u 10.


43      Ara l-Iskeda Informattiva dwar l-Unjoni Ewropea tal-Parlament Ewropew, bit-titolu “Il-Liġi tal-Kumpaniji”, disponibbli fuq l-Internet: https:// https://www.europarl.europa.eu/factsheets/mt/sheet/35/le-droit-des-societes.


44      Ara l‑Artikolu 4(2)(h) tad-Direttiva 2001/86.


45      Ara l-Artikolu 4(2)(h) u l-parti 1(g) tal-Anness tad-Direttiva 2001/86.


46      Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE tat-22 ta’ Settembru 1994 dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi ta’ l-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ tagħrif u ta’ konsultazzjoni għall-impjegati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 232; rettifiki ĠU 2009, L 126, p. 23; ĠU 2009, L 103, p. 30; ĠU 2009, L 91, p. 31).


47      Ara d-dokument tax-xogħol Nru 17 tal-grupp ta’ esperti SE, tat‑23 ta’ Ġunju 2003, intitolat “Kontenut tal-ftehim –Artikolu 4”, p. 113 u 114.


48      Ara d-dokument tax-xogħol Nru 19 tal-grupp ta’ esperti SE, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 124 sa 126.


49      Ara d-dokument tax-xogħol Nru 19 tal-grupp ta’ esperti SE, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 124.


50      Ara d-dokument tax-xogħol Nru 19 tal-grupp ta’ esperti SE, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 126 et 127.


51      Ara d-dokument tax-xogħol Nru 19 tal-grupp ta’ esperti SE, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 125.


52      Ara l-parti 3 tal-Anness tad-Direttiva 2001/86.


53      Ara d-dokument tax-xogħol Nru 19 tal-grupp ta’ esperti SE, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 127.


54      Ara r-rapport Davignon, punt 50, iċċitat fid-dokument tax-xogħol Nru 19 tal-grupp ta’ esperti SE, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 126.