Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Ġermanja) fl-1 ta’ Frar 2022 – UZ vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-60/22)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Wiesbaden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: UZ

Konvenut: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Domandi preliminari

In-nuqqas komplet jew parzjali, min-naħa tal-kontrollur, tal-obbligu ta’ responsabbiltà li huwa impost fuqu skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, iktar ’il quddiem “RĠPD”) 1 , li jirriżulta, pereżempju, mill-assenza ta’ rreġistrar – jew irreġistrar inkomplet – tal-attivitajiet ta’ pproċessar fis-sens tal-Artikolu 30 tar-RĠPD jew mill-assenza ta’ ftehim li jiddefinixxi proċedura konġunta skont l-Artikolu 26 tar-RĠPD, għandu bħala konsegwenza li l-ipproċessar tad-data jkun illegali fis-sens tal-Artikolu 17(1)(d) tar-RĠPD u tal-Artikolu 18(1)(b) tar-RĠPD, b’tali mod li l-persuna kkonċernata jkollha dritt għat-tħassir tad-data jew dritt għal limitazzjoni tal-użu?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: l-eżistenza ta’ dritt għat-tħassir jew ta’ dritt għal limitazzjoni tal-użu għandha bħala konsegwenza li d-data pproċessata ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja? Din il-konsegwenza tapplika f’kull każ meta l-persuna kkonċernata toġġezzjona għall-użu tad-data fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: ksur tal-Artikoli 5, 30 jew 26 tar-RĠPD minn kontrollur għandu bħala konsegwenza, fir-rigward tal-kwistjoni tal-użu tal-ipproċessar tad-data fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, li qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni din id-data biss jekk il-persuna kkonċernata tagħti l-kunsens espliċitu tagħha għal dan l-użu?

____________

1 ĠU 2016, L 119, p. 1; rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.