Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel București (ir-Rumanija) fid-19 ta’ Jannar 2024 – DADA Music SRL, Uniunea Producătorilor de Fonograme din România (UPFR) vs Asociația Radiourilor Locale și Regionale (ARLR)

(Kawża C-37/24, DADA Music u UPFR)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel București

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellant – Konvenut fl-ewwel istanza: DADA Music SRL,

Appellant – Rikorrent fl-ewwel istanza: Uniunea Producătorilor de Fonograme din România (UPFR)

Appellat – Intervenjenti fl-ewwel istanza: Asociația Radiourilor Locale și Regionale (ARLR)

Domandi preliminari

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali 1 , kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern 2 , ikkunsidrati flimkien mal-Artikoli 17 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

Jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiżgurax remunerazzjoni minima xierqa (rata fissa) tad-detenturi tad-drittijiet (produtturi tal-fonogrammi), irrappreżentati minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv, irrispettivament mid-dħul miksub jew mill-ispejjeż imġarrba mill-organizzazzjonijiet tax-xandir?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li telimina, b’effett immedjat, ir-remunerazzjonijiet minimi (rata fissa) stabbiliti permezz ta’ metodoloġija nnegozjata minn qabel bejn l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv u l-utenti, mingħajr ma jinbidlu l-kriterji għall-kalkolu tar-remunerazzjoni u mingħajr ma jiġi pprovdut tul massimu ta’ żmien għan-negozjar ta’ ftehimiet ġodda (metodoloġiji) għall-kwantifikazzjoni ta’ remunerazzjoni xierqa?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel żewġ domandi, il-qorti tar-rinviju hija intitolata u, skont il-każ, obbligata li tivverifika jekk il-perċentwali ta’ remunerazzjoni kkalkolata b’riferiment għad-dħul konkret iddikjarat mill-organizzazzjonijiet tax-xandir humiex xierqa u raġonevoli għad-detenturi tad-drittijiet, minn naħa, u għall-utenti, min-naħa l-oħra, jew, għall-kuntrarju, jekk dawn għandhomx karattru manifestament mhux negliġibbli jew, skont il-każ, manifestament eċċessiv u liema huma l-kriterji li jistgħu jintużaw għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda, jekk tikkonstata li r-remunerazzjoni dovuta skont il-metodoloġija modifikata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali l-ġdida hija negliġibbli, il-qorti nazzjonali hija intitolata jew obbligata li tapplika kriterji alternattivi għal dawk tad-dħul iddikjarat – bħad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni abbażi tal-ispejjeż imġarrba mix-xandara għall-attività tax-xandir, ir-remunerazzjoni mħallsa minn xandara simili jew kriterji oħra simili – sabiex jiġi żgurat li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu remunerazzjoni xierqa, mingħajr ma jkunu ta’ ħsara għall-interessi leġittimi tal-utenti, jiġifieri mingħajr ma jkunu negliġibbli iżda lanqas manifestament eċċessivi għall-organizzazzjonijiet tax-xandir?

____________

1     ĠU 2006, L 376, p. 28.

1     ĠU 2014, L 84, p. 72, rettifika fil-ĠU 2022, L 245, p. 71.