Language of document : ECLI:EU:T:2009:397

DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

12 ta’ Ottubru 2009

Kawża T-283/09 P

Laleh Aayhan et

vs

Il-Parlament Ewropew

“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal awżiljarju – Terminu għall-preżentata ta’ appell – Dewmien – Appell manifestament inammissibbli”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tat-30 ta’ April 2009, Aayhan et vs Il‑Parlament (F‑65/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Laleh Aayhan u t-78 ex membri tal-persunal awżiljarju tal-Parlament Ewropew li isimhom huwa mniżżel fl-anness tas-sentenza għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Sommarju

Proċedura – Termini għall-preżentata ta’ appell – Dekadenza – Forza maġġuri – Kunċett

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 45)

Il-kunċetti ta’ “każ fortuwitu” u ta’ “forza maġġuri”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżiġu li wieħed ikun jinsab fil-preżenza ta’ diffikultajiet anormali, irrispettivament mir-rieda tar-rikorrenti u li jidhru li huma inevitabbli, minkejja li tkun ġiet applikata d-diliġenza kollha. Dawn iż-żewġ kunċetti jinkludu element oġġettiv, marbut maċ-ċirkustanzi anormali u mhux konnessi mal-persuna kkonċernata, u element suġġettiv, li jirrigwarda l‑obbligu, għall-persuna kkonċernata, li tilqa’ għall-konsegwenzi taċ-ċirkustanzi anormali billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma tagħmel sagrifiċċji eċċessivi. B’mod partikolari, il-persuna kkonċernata għandha tħares b’attenzjoni l‑iżvolġiment tal-proċedura mibdija u, b’mod partikolari, turi diliġenza sabiex tosserva t-termini previsti. Għalhekk, il-kunċett ta’ forza maġġuri ma japplikax għal sitwazzjoni fejn persuna diliġenti u prudenti oġġettivament kienet fil-pożizzjoni li tevita l-iskadenza ta’ terminu għall-preżentata ta’ appell. Dan huwa l‑każ meta r-raġuni prinċipali għat-tardività tal-appell tista’ tinsab fiċ-ċirkustanza li r-rappreżentant tal-persuna kkonċernata uża “pakkett irreġistrat mhux konformi għal barra l-pajjiż” u li, għalhekk, ma osservax ċerti kriterji li jippermettu lill-operatur tas-servizz postali jiżgura l-wasla f’waqtha ta’ dan il-pakkett.

(ara l-punti 19, 20)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 12 ta’ Lulju 1984, Ferriera Valsabbia vs Il‑Kummissjoni, 209/83, Ġabra p. 3089, punt 22; 15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il‑Kummissjoni, C‑195/91 P, Ġabra p. I‑5619, punti 31 u 32 ; 18 ta’ Jannar 2005, Zuazaga Meabe vs UASI, C‑325/03 P, Ġabra p. I‑403, punt 25 ; 8 ta’ Novembru 2007, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑242/07 P, Ġabra p. I‑9757, punt 17