Language of document : ECLI:EU:T:2010:246

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

21 ta’ Ġunju 2010

Kawża T-284/09 P

Herbert Meister

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Evalwazzjoni — Redazzjoni tardiva tar-rapporti ta’ evalwazzjoni — Suġġett tar-rikors fl-ewwel istanza — Risposta tardiva għall-ilmenti — Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tat-18 ta’ Mejju 2009, Meister vs UASI (F‑138/06 u F‑37/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑131 u II‑A‑1‑727), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Herbert Meister għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk esposti mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) fil-kuntest ta’ din l‑istanza.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Appelli — Proċedura amministrattiva minn qabel

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91(3))

2.      Uffiċjali — Appelli — Rikors ippreżentat kontra l-għoti ta’ punti ta’ promozzjoni ta’ proċeduri konsekuttivi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti — Inammissibbiltà — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-provi — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11)

1.      F’dak li jikkonċerna t-termini ta’ risposta għall-ilmenti, sabiex jipproteġi lill‑uffiċjal kontra nuqqas ta’ azzjoni eventwali tal-Awtorità tal-Ħatra li quddiemha jkun tressaq ilment, il-leġiżlatur ipprovda li s-silenzju tal‑amministrazzjoni, ikkostitwit min-nuqqas ta’ risposta min-naħa tal-Awtorità tal-Ħatra fit-termini previsti, jikkostitwixxi deċiżjoni negattiva, li tista’ tkun direttament is-suġġett ta’ rikors għal annullament u mhux ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni. Id-drittijiet ta’ difiża tal-uffiċjal huma ssalvagwardjati biżżejjed u protetti b’mod adegwat permezz tal-possibbiltà, għal dan tal-aħħar, li jippreżenta rikors kontra l-att li jikkawża preġudizzju, f’terminu ta’ tliet xhur mid-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-ilment. Iċ-ċertezza legali madankollu timponi li l-uffiċjal jaġixxi fit-termini statutorji.

Min-naħa l-oħra, risposta tardiva tal-Awtorità tal-Ħatra twassal għal bidu ta’ terminu ta’ rikors ġdid, fl-eventwalità fejn id-deċiżjoni espliċita tasal qabel l‑iskadenza tat-terminu tar-rikors kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-ilment, b’konformità mat-tieni inċiż tal-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal.

Il-fatt li risposta għal ilment tasal tard ma tikkontestax, bħala tali, il-legalità ta’ din ir-risposta u lanqas dik tal-att imsemmi f’dan l-ilment. Fil-fatt, minn naħa, jekk tali deċiżjoni kellha tiġi annullata minħabba dan id-dewmien biss, id‑deċiżjoni l‑ġdida li tissostitwixxi lid-deċiżjoni annullata ma tista’ fl-ebda każ tkun tardiva inqas mill-ewwel waħda. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ osservanza tat-termini previsti fl-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, hi waħedha ma taffettwax il‑validità ta’ deċiżjoni, iżda tista’ tagħti lok għar-responsabbiltà tal‑istituzzjoni kkonċernata għall-preġudizzju kkawżat lill-interessat.

F’dan ir-rigward, ir-responsabbiltà tal-istituzzjoni tidħol fis-seħħ meta r-rikorrent jistabbilixxi l-eżistenza ta’ dannu kkawżat biss mill-komunikazzjoni tardiva.

(ara l-punti 26 sa 30)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 29 ta’ Ottubru 1981, Arning vs Il‑Kummissjoni, 125/80, Ġabra p. 2539, punt 9; Il-Qorti tal-Ġustizzja 16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt — Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑385/07 P, Ġabra p. I‑6155, punti 193 sa 196; Il-Qorti Ġenerali 1 ta’ Diċembru 1994, Schneider vs Il‑Kummissjoni, T‑54/92, ĠabraSP p. I‑A‑281 u II‑887, punt 27 ; Il‑Qorti Ġenerali 18 ta’ Marzu 1997, Picciolo u Caló vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, T‑178/95 u T‑179/95, ĠabraSP p. I‑A‑51 u II‑155, punt 29; Il-Qorti Ġenerali 6 ta’ Novembru 1997, Liao vs Il‑Kunsill, T‑15/96, ĠabraSP p. I‑A‑329 u II‑897, punt 34; Il-Qorti Ġenerali 26 ta’ Jannar 2005, Roccato vs Il‑Kummissjoni, T‑267/03, ĠabraSP p. I‑A‑1 u II‑1, punt 84; Il-Qorti Ġenerali 5 ta’ Marzu 2008, Combescot vs Il‑Kummissjoni, T‑414/06 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑1 u II‑B‑1‑1, punt 44

2.      F’dak li jirrigwarda l-interdipendenza bejn il-proċeduri ta’ promozzjoni konsekuttivi, huwa stabbilit li, fit-tmiem ta’ kull proċedura, l-ammont tal-punti ta’ uffiċjal huwa magħmul mis-somma ta’ punti li hu jkun kiseb fl-aħħar proċedura (l-ewwel komponent) u dawk li huwa diġà kellu (it-tieni komponent).

Il-ġurisprudenza li tgħid li l-għoti ta’ punti ta’ promozzjoni matul sena partikolari għandu effetti li ma humiex biss limitati għall-proċedura ta’ promozzjoni li tkun għaddejja, ma timplikax li uffiċjal, meta jiġi informat bit-total ta’ punti li huwa kiseb wara proċedura, huwa intitolat li jikkontesta mhux biss l-ewwel komponent tat-total tal-punti tiegħu iżda wkoll it-tieni komponent. Fil-fatt, jekk dan it-tieni komponent seta’ wkoll ikun is-suġġett ta’ lment jew ta’ rikors, dan jippreġudika iċ-ċertezza legali, sa fejn l-uffiċjal seta’ jikkontesta l-punti li ngħatawlu fil-kuntest tal-proċeduri preċedenti u li hu ma kienx ikkontesta fit-termini stabbiliti fir‑Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 41, 42 u 44)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 11 ta’ Diċembru 2003, Breton vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑323/02, ĠabraSP p. I‑A‑325 u II‑1587, punti 51 sa 53; Il-Qorti Ġenerali 4 ta’ Mejju 2005, Schmit vs Il‑Kummissjoni, T‑144/03, ĠabraSP p. I‑A‑101 u II‑465, punt 147, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali 19 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, T‑311/04, Ġabra p. II‑4137, punt 88

3.      Il-qorti tal-ewwel istanza biss hija kompetenti, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ li l-ineżattezza materjali tal‑konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill‑atti tal-proċess ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. L-evalwazzjoni tal-fatti mill-qorti tal-ewwel istanza għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem dik il‑qorti, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali. Tali żnaturament għandu jkun jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi.

(ara l-punt 55)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, Ġabra p. II‑2841, punti 191 sa 193, u l-ġurisprudenza ċċitata.