Language of document : ECLI:EU:T:2019:619

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Settembru 2019 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċertu tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw miċ-Ċina u mit-Tajwan – Impożizzjoni ta’ dazji antidumping definittivi – Valur normali – Aġġustamenti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑228/17,

Zhejiang Jndia Pipeline Industry Co. Ltd, stabbilita f’Wenzhou (iċ-Ċina), irrappreżentata minn S. Hirsbrunner, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Maxian Rusche, N. Kuplewatzky u E. Schmidt, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen u H. Marcos Fraile, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/141 tas-26 ta’ Jannar 2017 li jimponi dazji antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajwan (ĠU 2017, L 22, p. 14),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

komposta minn H. Kanninen, President, L. Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín (Relatur) u I. Reine, Imħallfin,

Reġistratur: F. Oller, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Zhejiang Jndia Pipeline Industry Co. Ltd, hija kumpannija stabbilita fiċ-Ċina li tipproduċi u tesporta tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx (iktar ’il quddiem it-“tagħmir ta’ tubi u pajpijiet”).

2        Wara lment ippreżentat, fl-14 ta’ Settembru 2015, mill-Kumitat tad-Difiża tal-Industrija ta’ Tagħmir tal-Azzar Inossidabbli wweldjati tarf ma’ tarf tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat, fid-29 ta’ Ottubru 2015, notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna importazzjonijiet ta’ ċertu tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajwan (ĠU 2015, C 357, p. 5), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifika fil-ĠU 2010, L 7, p. 22), (issostitwit bir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21)). Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli proċedurali ġeneralment japplikaw fid-data li fiha jidħlu fis-seħħ (ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għall-kuntrarju, ir-regoli tad-dritt sostantiv għandhom ikunu interpretati bħala applikabbli għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li dawn għandhom jingħataw tali effett (sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270, punt 9, u tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C‑334/07 P, EU:C:2008:709, punt 44). Għalhekk, għandu jsir riferiment, għar-regoli sostantivi, għar-Regolament Nru 1225/2009 u, għar-regoli proċedurali, għar-Regolament Nru 1225/2009 jew għar-Regolament 2016/1036 skont id-data ta’ twettiq tal-proċedura inkwistjoni.

3        L-investigazzjoni dwar id-dumping u d-dannu kopriet il-perijodu inkluż bejn l-1 ta’ Ottubru 2014 u t-30 ta’ Settembru 2015 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tal-iżviluppi rilevanti sabiex issir l-evalwazzjoni ta’ dan id-dannu kopra l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-30 ta’ Settembru 2015 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkunsidrat”).

4        Il-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża tal-importaturi u tal-esportaturi ta’ metalli, ta’ minerali u ta’ prodotti kimiċi (iktar ’il quddiem iċ-“CCCMC”) kienet tirrappreżenta lil ċerti produtturi Ċiniżi ta’ tagħmir ta’ tubi u pajpijiet fil-proċedura quddiem il-Kummissjoni.

5        Saret verifika fil-bini tar-rikorrenti skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1225/2009 (issostitwit bl-Artikolu 16 tar-Regolament 2016/1036).

6        Ir-rikorrenti ma ressqitx talba sabiex tikseb l-istatus ta’ kumpannija li topera f’ekonomija tas-suq, skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament Nru 1225/2009 (issostitwit bl-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament 2016/1036).

7        Fil-25 ta’ Lulju 2016, iċ-CCCMC ippreżentat osservazzjonijiet dwar il-konklużjonijiet provviżorji. Hija talbet lill-Kummissjoni tiżvela l-informazzjoni kollha li hija kellha dwar l-industrija tal-Unjoni fl-istadju tal-konklużjonijiet provviżorji.

8        Fis-27 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni kkomunikat il-konklużjonijiet definittivi tagħha, filwaqt li stabbilixxiet it-terminu tas-16 ta’ Novembru 2016 għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet. F’dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni informat bid-deċiżjoni tagħha li tuża t-Tajwan bħala pajjiż analogu għall-istabbiliment tal-valur normali li jikkonċerna l-produtturi-esportaturi tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

9        Fis-16 ta’ Novembru 2016, iċ-CCCMC u r-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet dwar il-konklużjonijiet definittivi. Ir-rikorrenti sostniet li t-terminu stabbilit għall-preżentata tal-osservazzjonijiet tagħha kien insuffiċjenti fid-dawl tal-importanza ta’ ċerta informazzjoni kkomunikata għall-ewwel darba fil-konklużjonijiet definittivi. Iċ-CCCMC talbet seduta quddiem il-Kummissjoni. Il-Kummissjoni pproponiet data għall-organizzazzjoni tas-seduta li ċ-CCCMC qieset li kienet wisq qrib fid-dawl tal-formalitajiet neċessarji għad-dħul tal-persuni kkonċernati fi Brussell (il-Belġju), b’tali mod li s-seduta ma seħħitx.

10      Fil-25 ta’ Novembru 2016, wara l-osservazzjonijiet ta’ ċerti partijiet fil-proċedura, il-Kummissjoni kkomunikat il-konklużjonijiet definittivi rriveduti tagħha, li kien fihom data u informazzjoni supplimentari u li jistabbilixxu bħala terminu għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet id-29 ta’ Novembru 2016. Iċ-CCCMC talbet proroga tat-terminu msemmi. Peress li din it-talba ġiet miċħuda, iċ-CCCMC ippreżentat osservazzjonijiet fit-terminu stabbilit.

11      Fis-26 ta’ Jannar 2017, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/141 li jimponi dazji antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajwan (ĠU 2017, L 22, p. 14, rettifika fil-ĠU 2017, L 304, p. 69, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

12      Skont l-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat, ir-rata tad-dazju antidumping stabbilita fir-rigward tar-rikorrenti hija ta’ 48.9 %.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ April 2017, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

14      Fid-dawl tat-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti fis-27 ta’ April u fit-13 ta’ Ottubru 2017, abbażi tal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, isem ċerti produtturi li kkooperaw fil-proċedura quddiem il-Kummissjoni inkwistjoni kif ukoll l-indikazzjoni ta’ prova ppreżentata mir-rikorrenti ġew esklużi minn din is-sentenza.

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab li jintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, biss fir-rigward tal-ħames motiv tar-rikorrenti.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2017, il-Qorti Ġenerali aċċettat l-intervent tal-Kunsill.

17      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet, fis-6 ta’ Novembru 2018, li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, skont miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, li tistieden lir-rikorrenti tipprovdi provi dwar il-fatt li hija kienet irrappreżentata miċ-CCCMC quddiem il-Kummissjoni. Ir-rikorrenti ssodisfat it-talba tal-Qorti Ġenerali fit-terminu mogħti.

18      Bi tweġiba għall-argumenti u għall-provi prodotti mir-rikorrenti bi tweġiba għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 17 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ppreżentat, matul is-seduta, provi intiżi sabiex juru li r-rikorrenti ma kinitx irrappreżentata miċ-CCCMC quddiem il-Kummissjoni.

19      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat, sa fejn jirrigwardaha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

20      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

21      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

22      Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-seduta, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet qiegħda tirrinunzja għall-kap tat-talbiet intiż sabiex ir-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli, fatt li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

23      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq nuqqas ta’ imparzjalità fl-evalwazzjoni tal-prova, fuq oneru tal-prova eċċessiv impost fuq ir-rikorrenti, fuq ksur tad-dritt tar-rikorrenti li tinstema’ u fuq motivazzjoni insuffiċjenti, mill-Kummissjoni, dwar id-determinazzjoni tan-natura interkambjabbli. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq motivazzjoni insuffiċjenti fir-rigward tal-aġġustament tal-valur normali. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq abbuż ta’ poter fir-rigward tad-determinazzjoni tal-perijodu kkunsidrat. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trasparenza, kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tat-trattament irriżervat għall-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq. Għal raġunijiet ta’ koerenza, il-Qorti Ġenerali ser tanalizza l-ħames motiv qabel it-tieni motiv. Fil-fatt, il-kwistjoni tal-legalità tal-użu mill-Kummissjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali rriżervat għall-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq għandha tiġi ttrattata qabel dik ittrattata fil-kuntest tat-tieni motiv, marbut mar-rifjut tal-Kummissjoni li tuża data li tirriżulta mis-suq Ċiniż għall-kalkolu tal-imsemmi valur normali.

A.      Fuq il-mertu

1.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq nuqqas ta’ imparzjalità fl-evalwazzjoni tal-prova, fuq oneru tal-prova eċċessiv impost fuq ir-rikorrenti, fuq ksur tad-dritt tar-rikorrenti li tinstema’ u fuq motivazzjoni insuffiċjenti, fir-rigward tad-determinazzjoni tan-natura interkambjabbli tat-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet immanifatturat skont l-istandards ASME/ANSI u EN/DIN

24      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, għandu jiġi eżaminat qabel kollox it-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tar-rikorrenti li tinstema’, sussegwentement u b’mod konġunt l-ewwel, it-tielet u r-raba’ lmenti, ibbażati fuq żball manifest, fuq nuqqas ta’ imparzjalità fl-evalwazzjoni tal-provi u fuq l-oneru tal-prova eċċessiv impost fuq ir-rikorrenti, u fl-aħħar nett il-ħames ilment, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti.

a)      Fuq is-suġġett tal-ewwel motiv

25      Mill-premessa 47 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-investigazzjoni inkwistjoni kienet tirrigwarda “tagħmir għat-twaħħil tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet, ta’ gradi ta’ azzar li ma jsaddadx awstenitiku, li jikkorrispondi għat-tipi AISI 304, 304L, 316, 316L, 316Ti, 321 u 321H u l-ekwivalenti tagħhom fin-normi l-oħra, b’dijametru estern massimu li ma jaqbiżx 406,4 mm u ħxuna tal-ħitan ta’ 16 mm jew anqas, bi ħruxija ta’ mhux anqas minn 0,8 mikrometri, mhux iffurmati bħala flanġijiet, imlestija jew le, li joriġinaw [miċ-Ċina] u mit-Tajwan” u li “[i]l-prodott jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 7307 23 10 u ex 7307 23 90”. Mill-premessa 48 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li “[i]l-prodott ikkonċernat jiġi mmanifatturat essenzjalment billi jinqatgħu u jiġu ffurmati tubi u pajpijiet”, li “[j]intuża biex jgħaqqad pajpijiet u tubi tal-azzar li ma jsaddadx u jeżisti f’forom differenti”, jiġifieri “elbows, reducers, forom ta’ T u tappijiet”.

26      L-argument tar-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv jista’ jinqasam f’ħames ilmenti. L-ewwel ilment jikkonċerna l-iżball manifest allegattament imwettaq mill-Kummissjoni meta kkonkludiet li t-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet immanifatturati skont l-istandard ASME/ANSI u dak immanifatturat skont l-istandard EN/DIN huma ta’ natura interkambjabbli. It-tieni lment jikkonċerna l-allegat ksur, mill-Kummissjoni, tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fir-rigward tal-osservazzjonijiet li hija xtaqet tippreżenta matul il-proċedura antidumping, dwar il-kwistjoni tal-interkambjabbiltà tat-tagħmir immanifatturat skont iż-żewġ standards msemmija iktar ’il fuq. It-tielet ilment jikkonċerna l-allegat nuqqas ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-provi li jirrigwardaw l-interkambjabbiltà tat-tagħmir immanifatturat skont iż-żewġ standards msemmija iktar ’il fuq. Ir-raba’ lment jikkonċerna l-oneru tal-prova eċċessiv li ġie impost fuqi r-rikorrenti, mill-Kummissjoni, fir-rigward tal-interkambjabbiltà. Il-ħames ilment jikkonċerna l-allegata motivazzjoni insuffiċjenti mill-Kummissjoni tad-determinazzjoni tal-imsemmija natura interkambjabbli.

27      Fir-replika, ir-rikorrenti speċifikat, b’risposta għal argumenti li jinsabu fir-risposta, li l-ewwel motiv tagħha ma kienx intiż sabiex tiġi kkontestata d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat inkluża fil-premessi 47 u 48 tar-regolament ikkontestat. Hija tindika li l-ewwel motiv tagħha jirreferi għall-validità tal-analiżi magħmula mill-Kummissjoni dwar l-effetti tal-prodotti li huma s-suġġett ta’ dumping fl-Unjoni sabiex jiġu ddeterminati d-dannu u r-rabta kawżali. Hija ssostni li l-ilmenti tagħha dwar l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, ta’ nuqqas ta’ imparzjalità fl-evalwazzjoni tal-prova, ta’ ksur tad-dritt tar-rikorrenti li tinstema’ u ta’ motivazzjoni insuffiċjenti, fir-rigward tad-determinazzjoni tan-natura interkambjabbli, jirrigwardaw il-validità tal-mod kif il-Kummissjoni wettqet l-evalwazzjoni tal-effetti, fuq il-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni, tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, sabiex jiġu stabbiliti d-dannu u r-rabta kawżali. Hija ssostni li l-produtturi tal-Unjoni jipproduċu kważi esklużivament tagħmir ta’ tubi u pajpijiet skont l-istandard EN/DIN u li l-produtturi Ċiniżi jipproduċu kważi esklużivament tagħmir ta’ tubi u pajpijiet skont l-istandard ASME/ANSI. Għalhekk, peress li l-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina tat-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet jissodisfaw l-istandard ASME/ANSI ma humiex sostanzjalment interkambjabbli mal-prodotti li jissodisfaw l-istandard EN/DIN immanifatturati essenzjalment mill-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi b’mod oġġettiv u argumentat li l-importazzjonijiet jikkawżaw dannu sostanzjali lill-industrija tal-Unjoni.

28      Waqt is-seduta, fil-kuntest ta’ risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni sostniet li l-argument tar-rikorrenti espost fil-punt 27 iktar ’il fuq kellu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi motiv ġdid, peress li, fir-raġunament tagħha fi ħdan l-ewwel motiv tar-rikors, ir-rikorrenti ma kinitx ikkontestat l-evalwazzjoni tad-dannu magħmul mill-Kummissjoni.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-argument tar-rikorrenti msemmi fil-punt 27 iktar ’il fuq jikkostitwixxi żvilupp tal-argument inkluż fir-rikors bi tweġiba għall-argumenti tal-Kummissjoni fil-kuntest tar-risposta dwar il-kundizzjonijiet li hija suġġetta għalihom fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. Fil-fatt, ir-rikorrenti, fir-rikors, tikkritika l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tan-natura interkambjabbli taż-żewġ standards EN/DIN u ASME/ANSI. Fir-replika, ir-rikorrenti speċifikat li dan l-argument kien intiż sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni tad-dannu magħmul mill-Kummissjoni. Għalhekk dan l-iżvilupp ma għandux jiġi kkunsidrat bħala motiv ġdid.

b)      Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tar-rikorrenti li tinstema’ fir-rigward tad-determinazzjoni tan-natura interkambjabbli taż-żewġ tipi ta’ standards

30      Fit-tieni lment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha sa fejn hija ħadet inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet taċ-CCCMC dwar l-assenza ta’ interkambjabbiltà biss fil-mument tal-iżvelar tal-informazzjoni supplimentari tal-25 ta’ Novembru 2016, iżda mhux fl-istadji preċedenti tal-proċedura. Ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni stabilixxiet terminu ta’ jumejn u nofs tax-xogħol sabiex jiġu ppreżentati l-osservazzjonijiet fuq il-konklużjonijiet definittivi riveduti, peress li minħabba dan it-terminu qasir ma setgħetx tippreżenta osservazzjonijiet fil-fond fuq l-informazzjoni supplimentari. Ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm l-Artikolu 20(5) tar-Regolament 2016/1036 jippermetti li jiġi ffissat terminu iqsar minn għaxart ijiem sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi terminu itwal. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li s-seduta tal-lanjant seħħ l-għada tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet fuq il-konklużjonijiet definittivi riveduti tal-25 ta’ Novembru 2016. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li ċ-CCCMC talbet proroga tat-terminu sabiex tirrispondi għall-konklużjonijiet definittivi riveduti u li l-Kummissjoni rrifjutat. Ir-rikorrenti tikkunsidra li hija kienet suġġetta għal trattament diskriminatorju f’dan ir-rigward peress li hija kienet irrappreżentata miċ-CCCMC matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni.

31      Il-Kummissjoni tenfasizza li hija ċ-CCCMC li aġixxiet quddiemha matul il-proċedura inkwistjoni u mhux ir-rikorrenti stess. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikorrenti ma tistax tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali, il-ksur ta’ dritt suġġettiv jista’ jiġi invokat biss mill-persuna li d-dritt tagħha allegatament inkiser, iżda mhux minn terzi (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2010, ThyssenKrupp Acciai Speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T‑62/08, EU:T:2010:268, punt 186; tas-26 ta’ Ottubru 2010, CNOP u CCG vs Il-Kummissjoni, T‑23/09, EU:T:2010:452, punt 45, u tat-12 ta’ Mejju 2011, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’agglomération du Douaisis vs Il-Kummissjoni, T‑267/08 u T‑279/08, EU:T:2011:209, punt 77).

32      B’risposta għad-domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 17 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ppreżentat argumenti u provi intiżi sabiex juru li hija kienet irrappreżentata miċ-CCCMC quddiem il-Kummissjoni.

33      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tenfasizza li ċ-CCCMC indikat, fl-osservazzjonijiet preliminari tagħha ppreżentati quddiem il-Kummissjoni, li hija kienet tirrappreżenta lil ċerti produtturi-esportaturi tal-prodott ikkonċernat. It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li ċ-CCCMC ippreżentat, quddiem il-Kummissjoni, informazzjoni kunfidenzjali dwar ir-rikorrenti li ċ-CCCMC ma setgħetx tikseb mingħajr il-kunsens tar-rikorrenti. It-tielet nett, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali komunikat indirizzat, fit-28 ta’ Ottubru 2015, miċ-CCCMC lill-impriżi kollha kkonċernati mill-ftuħ ta’ proċedura antidumping li tikkonċerna t-tubi u l-pajpijiet iwweldjati tal-azzar li ma jsaddadx li joriġinaw miċ-Ċina. Minkejja li d-destinatarji tal-komunikat ma humiex stabbiliti, minn dan il-komunikat jirriżulta li ċ-CCCMC avżat “lill-impriżi kollha kkonċernati” mill-ftuħ ta’ proċedura antidumping dwar il-fatt li tliet impriżi, li kienu jinkludu r-rikorrenti, kienu esprimew ir-rieda tagħhom li jipparteċipaw fil-proċedura antidumping, bl-indikazzjoni ta’ uffiċċju tal-avukati sabiex jiżguraw ir-rappreżentanza tagħhom quddiem il-Kummissjoni. Minn dan il-komunikat jirriżulta wkoll li l-kuntratt ta’ rappreżentanza kellu jiġi konkluż separatament bejn kull impriża u l-uffiċċju tal-avukati.

34      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, fl-osservazzjonijiet preliminari tagħha, iċ-CCCMC ma speċifikatx liema impriżi hija kienet tirrappreżenta. Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma speċifikatx liema informazzjoni kunfidenzjali li kienet tikkonċernaha kienet ġiet ippreżentata miċ-CCCMC. Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li l-komunikat taċ-CCCMC tat-28 ta’ Ottubru 2015 ma jgħidx li ċ-CCCMC kienet iddeċidiet li tirrappreżenta hija stess lil ċerti impriżi quddiem il-Kummissjoni, iżda li tliet impriżi kienu ddeċidew li jipparteċipaw fil-proċedura antidumping u li jiġu rrappreżentati quddiem il-Kummissjoni minn ċertu uffiċċju tal-avukati. Għalhekk ma jirriżultax minn dan il-komunikat li ċ-CCCMC qed taġixxi f’isem it-tliet impriżi fil-proċedura quddiem il-Kummissjoni. Għalhekk, dan id-dokument ma huwiex ta’ natura li juri li ċ-CCCMC irrappreżentat lir-rikorrenti matul il-proċedura inkwistjoni.

35      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, kif enfasizzat fil-punt 18 iktar ’il fuq, bħala risposta għall-argumenti u għad-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ppreżentat, waqt is-seduta, argumenti u dokumenti intiżi sabiex juru li r-rikorrenti ma kinitx irrappreżentata miċ-CCCMC quddiem il-Kummissjoni. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ppreżentat estratt tal-kwestjonarju antidumping li hija kienet bagħtet lir-rikorrenti fejn ir-rikorrenti ġiet mistoqsija jekk kinitx membru taċ-CCCMC. Issa, ir-rikorrenti wieġbet li hija kienet membru tal-Wenzhou Pipe Fittings Association. Il-Kummissjoni ssostni li minn din it-tweġiba jirriżulta li r-rikorrenti ma hijiex membru taċ-CCCMC. It-tieni nett, il-Kummissjoni ppreżentat is-setgħa mogħtija miċ-CCCMC lil avukat sabiex jaġixxi quddiem il-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ssostni li din is-setgħa ssemmi biss iċ-CCCMC u ma tistax tiġi kkunsidrata bħala prova ta’ rappreżentanza tar-rikorrenti.

36      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kif issostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma wrietx li ċ-CCCMC aġixxiet f’isimha quddiem il-Kummissjoni matul il-proċedura inkwistjoni f’dan il-każ. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka quddiem il-Qorti Ġenerali d-drittijiet tad-difiża taċ-CCCMC (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2010, ThyssenKrupp Acciai Speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T‑62/08, EU:T:2010:268, punt 186; tas-26 ta’ Ottubru 2010, CNOP u CCG vs Il-Kummissjoni, T-23/09, EU:T:2010:452, punt 45, u tat-12 ta’ Mejju 2011, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’agglomération du Douaisis vs Il-Kummissjoni, T‑267/08 u T-279/08, EU:T:2011:209, punt 77).

37      Ir-rikorrenti tista’, għall-kuntrarju, tinvoka l-osservanza tad-dritt tagħha li tinstema’ fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni tagħha stess fil-proċedura amministrattiva. Hija tilmenta essenzjalment li l-Kummissjoni indikat il-konklużjonijiet tagħha dwar l-interkambjabbiltà taż-żewġ tipi ta’ standards biss fl-istadju tal-konklużjonijiet definittivi riveduti, u li tatha jumejn u nofs tax-xogħol biss għall-formulazzjoni tal-osservazzjonijiet tagħha.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti la ppreżentat osservazzjonijiet dwar il-konklużjonijiet definittivi riveduti, u lanqas ma talbet proroga ta’ terminu għall-preżentazzjoni tal-imsemmija osservazzjonijiet. L-osservazzjonijiet u t-talba għal proroga invokati mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali huma t-tnejn imputabbli liċ-CCCMC, li fir-rigward tagħha ma ntweriex li hija aġixxiet f’isem ir-rikorrenti, kif jirriżulta mill-punt 36 iktar ’il fuq.

39      Barra minn hakk, għandu jiġi nnotat li t-terminu stabbilit mill-Kummissjoni għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet ġie stabbilit taħt ir-Regolament 2016/1036, fis-seħħ fid-data ta’ notifika tal-konklużjonijiet definittivi riveduti, fil-25 ta’ Novembru 2016. L-Artikolu 20(5) tal-imsemmi regolament jipprovdi li għall-finijiet tal-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet “[j]ista’ jiġi stabbilit perjodu iqsar [minn għaxart ijiet] kull meta jkollha ssir rivelazzjoni finali addizzjonali.” Bl-għoti lir-rikorrenti tal-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha sad-29 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni ma kisritx id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-modalitajiet li abbażi tagħhom il-partijiet jinstemgħu fir-rigward il-konklużjonijiet definittivi finali.

40      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma pproduċietx provi li juru li hija ma setgħetx tesprimi b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar il-provi ġodda inklużi fil-konklużjonijiet definittivi riveduti.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt tar-rikorrenti li tinstema’ ma nkisirx.

42      Għaldaqstant, it-tieni lment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud kemm bħala inammissibbli kif ukoll bħala infondat.

c)      Fuq l-ewwel, it-tielet u r-raba’ lmenti, ibbażati fuq żball manifest, nuqqas ta’ imparzjalità fl-evalwazzjoni tal-prova u oneru tal-prova eċċessiv impost fuq ir-rikorrenti, fir-rigward tad-determinazzjoni tan-natura interkambjabbli tat-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet prodotti skont l-istandards ASME/ANSI u EN/DIN

1)      Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti annessi mar-replika

43      Ir-rikorrenti annettiet diversi annessi mar-replika intiżi sabiex issostni l-argument tagħha li t-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet prodotti skont l-istandards ASME/ANSI u EN/DIN kien suġġett għal trattamenti termiċi differenti, li jiġġustifika l-argument tagħha li t-tagħmir immanifatturat skont dawn l-istandards ma huwiex interkambjabbli.

44      Fir-replika, sussegwentement bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta, ir-rikorrenti indikat li hija ppreżentat dawn l-annessi fl-istadju tar-replika sabiex twieġeb għal ċerti argumenti mqajma mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha.

45      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-regola ta’ dekadenza prevista fl-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura ma tirrigwardax il-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-offerti ta’ provi prodotti wara li tiġi prodotta prova kuntrarja mill-kontroparti (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Post Bank Iran vs Il-Kunsill, T‑559/15, EU:T:2018:948, punt 75).

46      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li r-rikorrenti indirizzat, fir-rikors, il-kwistjoni tat-trattament termiku tat-tagħmir differenti ta’ tubi u pajpijiet skont jekk dawn kinux immanifatturati skont l-istandard ASME/ANSI jew skont l-istandard EN/DIN. Għandu jiġi osservat, sussegwentement, li l-Kummissjoni ma pproduċietx fir-risposta tagħha prova kuntrarja fuq din il-kwistjoni. Barra minn hekk, permezz tal-argument żviluppat fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-istandards ASME/ANSI u EN/DIN jinvolvu differenzi fil-qasam ta’ trattament termiku, iżda dan huwa intiż, essenzjalment, li l-importanza prattika ta’ din il-kwistjoni titqiegħed f’perspettiva.

47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-annessi C.3, C.4 u C.5 mehmuża mar-replika huma intiżi sempliċement sabiex isostnu argument diġà espost mir-rikorrenti fir-rikors, u li dawn ma humiex intiżi li jinvalidaw provi kuntrarji li ġew prodotti mill-Kummissjoni fl-istadju tar-risposta, u lanqas argument kuntrarju li ġie żviluppat hemmhekk. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tirrileva li r-rikorrenti ma speċifikat, la fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, u lanqas waqt is-seduta, liema argumenti tal-Kummissjoni l-annessi mehmuża kellhom bħala għan li jwieġbu.

48      Peress li r-rikorrenti ma ressqitx ġustifikazzjonijiet oħra għall-preżentazzjoni, fl-istadju tar-replika, tal-annessi C.3, C.4 u C.5, minn dan jirriżulta li l-preżentazzjoni tagħhom għandha tiġi kkunsidrata bħala tardiva u mhux iġġustifikata, b’tali mod li dawn għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

2)      Fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti tar-rikorrenti dwar il-premessa 54 tar-regolament ikkontestat

49      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-premessa 54 tar-regolament ikkontestat li jgħid “l-investigazzjoni u seduta ta’ smigħ mal-produttur tal-Unjoni li għandu wkoll arranġament ta’ proċessar passiv wrew li l-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-prodotti approvati skont l-istandards EN/DIN u ASME/ANSI [kienu] komparabbli”. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li d-dikjarazzjonijiet tal-produttur tal-Unjoni msemmi f’dan il-punt ma kinux jirrigwardaw l-interkambjabbiltà taż-żewġ standards u li dan il-produttur ma kkooperax iktar mis-27 ta’ Jannar 2017, li jfisser li l-informazzjoni li huwa ppreżenta ma ġietx ivverifikata. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti tenfasizza li l-informazzjoni tal-produttur tal-Unjoni li ddikjara assenza ta’ interkambjabbiltà ġiet ikkontrollata permezz ta’ verifiki fuq il-post.

50      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti tar-rikorrenti fuq l-importatur li ddikjara l-assenza ta’ interkambjabbiltà huma “inammissibbli”, peress li dawn ma ġewx inklużi mir-rikorrenti fir-rikors, iżda biss fl-annessi.

51      Il-Kummissjoni tosserva li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikorrenti ma tistax tirreferi għall-annessi esklużivament sabiex tinvoka argumenti quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda li dawn l-argumenti għandhom jiġu prodotti fit-test tar-rikors (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punti 40 u 41, u d-digriet tal-14 ta’ April 2016, Best-Lock (Europe) vs EUIPO, C‑452/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:270, punt 14). Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk dawn ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għall-assenza tal-elementi essenzjali tal-argument legali, li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura, għandhom ikunu inklużi fir-rikors (ara d-digriet tal-14 ta’ April 2016, Best-Lock (Europe) vs EUIPO, C‑452/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:270, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-parti l-kbira tal-argumenti tar-rikorrenti li jirreferu għad-dikjarazzjonijiet tal-importatur Ewropew li ddikjara l-assenza ta’ interkambjabbiltà taż-żewġ normi tinsab fil-punt 37 tar-rikors. Għaldaqstant dawn l-argumenti għandhom jiġu ddikjarati bħala ammissibbli.

3)      Fuq il-mertu tal-ewwel, it-tielet u r-raba’ lment

52      Fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest meta qieset li t-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet immanifatturat skont l-istandard ASME/ANSI u dak immanifatturat skont l-istandard EN/DIN kien interkambjabbli fis-suq tal-Unjoni. Il-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, u lanqas ma evalwat l-elementi tal-proċess bid-diliġenza kollha meħtieġa.

53      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel ilment tar-rikorrenti huwa infondat fil-fatt. Fil-fatt, mill-premessa 52 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li ċerti partijiet sostnew quddiem il-Kummissjoni, wara n-notifika tal-konklużjonijiet definittivi, li t-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet immanifatturat skont l-istandard ASME/ANSI u dak immanifatturat skont l-istandard EN/DIN ma kienx interkambjabbli minn perspettiva teknika jew li t-tagħmir prodott skont l-istandard EN/DIN għandhu jiġu eskluż mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. Wara dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 53 sa 58 tar-regolament ikkontestat, li, kemm l-industrija tal-Unjoni kif ukoll il-produtturi Ċiniżi kienu jimmanifatturaw tagħmir skont iż-żewġ tipi ta’ standards, li l-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tat-tagħmir immanifatturat skont iż-żewġ standards kien paragunabbli, għalkemm jista’ jkun hemm varjazzjonijiet żgħar u, fl-aħħar nett, li ż-żewġ tipi ta’ standards kienu f’kompetizzjoni bejniethom fil-mument tal-għażla tal-istandard u anki wara l-għażla tal-istandard, meta huma kienu jikkoinċidu kompletament.

55      Għall-kuntrarju, bl-ebda mod ma jirriżulta mir-regolament ikkontestat li l-Kummissjoni kkonkludiet li t-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet immanifatturat skont iż-żewġ standards kien interkambjabbli. Il-Kummissjoni llimitat ruħha li tikkonstata li kien jeżisti xebh ta’ spiss sostanzjali bejn it-tagħmir prodott skont iż-żewġ standards u li dawn kienu f’kompetizzjoni, fatt li ma jiġġustifikax l-esklużjoni ta’ wieħed minn dawn it-tipi ta’ standards mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

56      Minn dan jirriżulta li l-ewwel ilment imressaq mir-rikorrenti fi ħdan l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

57      Sussidjarjament, sa fejn l-imsemmi l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi, mhux għall-interkambjabbiltà stricto sensu, iżda għall-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li t-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet immanifatturat skont iż-żewġ standards huwa simili jew paragunabbli u huwa f’kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali tifformula l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

58      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-produtturi tal-Unjoni jipprovdu kważi esklużivament tagħmir ta’ tubi u pajpijiet skont l-istandard EN/DIN u li l-produtturi Ċiniżi jipprovdu kważi esklużivament tagħmir ta’ tubi u pajpijiet skont l-istandard ASME/ANSI.

59      It-tieni nett, ir-rikorrenti tenfasizza li importatur independenti li kkoopera fl-investigazzjoni antidumping quddiem il-Kummissjoni ppreżenta osservazzjonijiet quddiem il-Kummissjoni li permezz tagħhom jiddikjara l-assenza ta’ interkambjabbiltà tal-istandards ASME/ANSI u EN/DIN. Hija ssostni li dan l-importatur jidher li ssostanzja d-dikjarazzjonijiet tiegħu bil-produzzjoni ta’ kopji ta’ ordnijiet ta’ tagħmir ta’ tubi u pajpijiet li huwa kien ipprovda lil wieħed mil-lanjanti tal-Unjoni. Ir-rikorrenti ppreżentat dawn l-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali.

60      It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-premessa 55 tar-regolament ikkontestat li tgħid li ż-żewġ standards jinsabu f’kompetizzjoni. Hija ssostni li din id-dikjarazzjoni hija kontradetta minn provi prodotti lill-Kummissjoni u vverifikati. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ din il-premessa li “huwa veru li għal ċerti proġetti, l-ispeċifikazzjonijiet se jirrikjedu l-użu ta’ EN/DIN jew ASME/ANSI”, ir-rikorrenti ssostni li, li kieku l-istandards kienu interkambjabbli, ma kienet issir l-ebda distinzjoni bejn il-proġetti. Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll l-premessa 54 tar-regolament ikkontestat billi tenfasizza li d-dikjarazzjonijiet tal-produttur tal-Unjoni hawn imsemmija ma kinux jirrigwardaw l-interkambjabbiltà taż-żewġ standards u li dan il-produttur ma kkooperax iktar mis-27 ta’ Jannar 2017, li jfisser li l-informazzjoni li huwa ppreżenta ma ġietx ivverifikata. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti tenfasizza li l-informazzjoni tal-produttur tal-Unjoni li ddikjara assenza ta’ interkambjabbiltà ġiet ikkontrollata permezz ta’ verifiki fuq il-post.

61      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-premessa 57 tar-regolament ikkontestat, li, “minkejja talbiet speċifiċi li saru lill-importatur li kkopera, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda evidenza li turi li l-prodott simili u l-prodott ikkonċernat ma humiex f’kompetizzjoni”, ir-rikorrenti ssostni li l-uniku importatur li kkoopera pproduċa provi u osservazzjonijiet bil-miktub sabiex juri l-assenza ta’ kompetizzjoni. Ir-rikorrenti ssostni li mill-premessa 39 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-importatur ikkoopera u ppreżenta provi supplimentari dwar l-interkambjabbiltà.

62      Il-ħames nett, fir-rigward tal-premessa 59 tar-regolament ikkontestat, li, “[w]ara d-divulgazzjoni addizzjonali, diversi partijiet interessati, inkluż importatur mhux relatat, ikkonfermaw is-sejbiet tal-investigazzjoni ta’ hawn fuq” u li “[d]awn il-partijiet interessati tennew li l-istandard ASME/ANSI jew EN/DIN fil-biċċa l-kbira [kienu] interkambjabbli”, barra minn hekk, “parti interessata minnhom iddikjarat li l-fornituri tat-tubi u tal-pajpijiet fl-Unjoni [kienu jipprovdu] prodotti ċċertifikati doppjament u kull manifattur tal-prodott ikkonċernat [seta’] wkoll jikseb ċertifikazzjoni doppja” u “[d]in il-parti interessata żiedet tgħid li, fil-fatt, il-biċċa l-kbira tal-istokkijiet kummerċjali tal-prodott ikkonċernat u l-prodott simili għandha ċertifikazzjoni doppja”, ir-rikorrenti ssostni li dawn id-dikjarazzjonijiet kollha huma kontradetti minn provi. Hija ssostni li l-uniku importatur indipendenti li ppreżenta osservazzjonijiet quddiem il-Kummissjoni kkonferma l-assenza ta’ interkambjabbiltà.

63      Is-sitt nett, fir-rigward tal-premessa 40 tar-regolament ikkontestat, ir-rikorrenti ssostni li “sorsi affidabbli u esperti” ċaħdu l-eżistenza ta’ ċertifikazzjoni doppja skont iż-żewġ standards inkwistjoni. Din l-assenza ta’ ċertifikazzjoni doppja hija spjegata, b’mod partikolari, mill-fatt li t-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet immanifatturat skont l-istandard ASME/ANSI huwa neċessarjament is-suġġett ta’ trattament termiku sabiex dan jiġi reżistenti għall-korrużjoni u huwa, minħabba f’dan il-fatt, ferm privileġġat fil-fabbriki u applikazzjonijiet oħra li fihom it-tubi u t-tagħmir huma esposti għall-elementi, peress li l-istandard EN/DIN ma jimponix min-naħa tiegħu dan it-trattament termiku.

64      Is-seba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-assenza ta’ interkambjabbiltà u ta’ ċertifikazzjoni doppja skont iż-żewġ standards tiġi spjegata, barra minn hekk, mill-fatt li, għalkemm id-daqsijiet esterni jistgħu jkunu simili jew identiċi, il-ħajt tat-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet li jissodisfa l-istandard ASME/ANSI huwa eħxen, b’tali mod li t-tagħmir li jissodisfa dan l-istandard huwa aħjar għall-applikazzjonijiet li jeżiġu pressjoni iktar qawwija, bħal dawk li jinsabu f’diversi industriji fl-Ewropa.

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni tippreżupponi l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi b’tali mod li l-istituzzjonijiet igawdu minn marġni wiesa’ ta’ manuvra u li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni għandu għalhekk jiġi llimitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il-Kunsill, C-10/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:865, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Għandu jitfakkar li l-oneru tal-prova tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li wettqet il-Kummissjoni fil-konstatazzjoni tax-xebh bejn it-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet immanifatturati skont iż-żewġ standards u l-fatt li huma jinsabu f’kompetizzjoni jaqa’ fuq ir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2010, Carpent Languages vs Il-Kummissjoni, T-582/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:379, punt 57, u tas-17 ta’ Jannar 2017, Cofely Solelec et vs Il-Parlament, T-419/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:8, punt 96).

67      Għalhekk, f’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti pproduċietx provi ta’ natura li juru l-iżball manifest li hija tinvoka.

68      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma ssostanzjat l-argument tagħha li l-produtturi tal-Unjoni kienu jipproduċu kważi esklużivament tagħmir ta’ tubi u pajpijiet skont l-istandard EN/DIN u l-produtturi Ċiniżi kienu jipproduċu kważi esklużivament tagħmir ta’ tubi u pajpijiet skont l-istandard ASME/ANSI. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi indikat li r-rikorrenti, bl-użu tat-terminu “kważi esklużivament” ma teskludix li, sa ċertu punt, il-produtturi Ċiniżi u l-industrija tal-Unjoni jipproduċu tagħmir ta’ tubi u pajpijiet skont iż-żewġ standards.

69      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex tissostanzja l-argument tagħha li t-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet immanifatturat skont iż-żewġ standards ma humiex interkambjabbli, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali osservazzjonijiet li żewġ importaturi Ewropej kienu ppreżentaw quddiem il-Kummissjoni.  Dawn l-osservazzjonijiet huma inklużi fil-messaġġi elettroniċi indirizzati lill-Kummissjoni minn żewġ produtturi stabbiliti fl-Unjoni. F’dawn il-messaġġi elettroniċi, il-produtturi jispjegaw differenzi li jeżistu bejn t-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet prodott skont kull wieħed miż-żewġ tipi ta’ standards inkwistjoni u jindikaw l-assenza ta’ interkambjabbiltà u ta’ kompetizzjoni tat-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet immanifatturat skont l-istandards EN/DIN u dak immanifatturat skont l-istandards ASME/ANSI. Ir-rikorrenti ma pproduċietx provi oħra insostenn tad-dikjarazzjonijiet li jinsabu fl-imsemmija messaġġi elettroniċi.

70      Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-messaġġi elettroniċi ma humiex ta’ natura li juru li l-produtturi tal-Unjoni u l-produtturi Ċiniżi jipproduċu kważi esklużivament rispettivament skont l-istandard EN/DIN u l-istandard ASME/ANSE. Dawn lanqas ma huma ta’ natura li juru la li t-tagħmir prodott skont dawn iż-żewġ standards ma huwiex f’kompetizzjoni u lanqas li ċertifikazzjoni doppja skont dawn l-istandards ma teżistix. Fil-fatt, sempliċi dikjarazzjonijiet mhux issostanzjati minn provi ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jistgħu juru li l-Kummissjoni wettqet l-iżball manifest allegat mir-rikorrenti.

71      Għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

72      Fil-kuntest tat-tielet ilment tagħha, minn naħa, ir-rikorrenti tikkontesta l-premessa 54 tar-regolament ikkontestat li “l-investigazzjoni u seduta ta’ smigħ mal-produttur tal-Unjoni li għandu wkoll arranġament ta’ proċessar passiv wrew li l-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-prodotti approvati skont l-istandards EN/DIN u ASME/ANSI huma komparabbli”. Hija tikkunsidra li d-dikjarazzjonijiet tal-produttur tal-Unjoni msemmija f’din il-premessa ma kinux jirrigwardaw l-interkambjabbiltà taż-żewġ standards u li dan il-produttur ma kkooperax iktar mis-27 ta’ Jannar 2017, li jfisser li l-informazzjoni li ppreżenta ma ġietx ivverifikata. Madankollu, ir-rikorrenti tenfasizza li l-informazzjoni tal-produttur tal-Unjoni li indika assenza ta’ interkambjabbiltà ġiet ikkontrallata minn verifiki fuq il-post.

73      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkontesta l-premessa 57 tar-regolament ikkontestat, li, “minkejja talbiet speċifiċi li saru lill-importatur li kkopera, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda evidenza li turi li l-prodott simili u l-prodott ikkonċernat ma [kinux] f’kompetizzjoni”. Hija ssostni li l-uniku importatur li kkoopera pproduċa provi u osservazzjonijiet bil-miktub sabiex juri l-assenza ta’ kompetizzjoni. Ir-rikorrenti ssostni li mill-premessa 39 tar-regolament ikkontestat, li abbażi tagħha, wara n-notifika tal-konklużjonijiet definittivi riveduti fil-25 ta’ Novembru 2016, “[s]ottomissjonijiet oħra waslu mingħand żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, is-CCCMC, l-Ilmentatur u tliet importaturi tal-Unjoni”, jirriżulta li l-importatur ikkoopera u pproduċa provi supplimentari dwar l-interkambjabbiltà.

74      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kritika tar-rikorrenti ma hijiex ta’ natura li tissostanzja assenza ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-provi. Fil-fatt, is-seduta tal-produttur tal-Unjoni msemmija fil-premessa 54 tar-regolament ikkontestat kienet tirrigwarda l-interkambjabbiltà. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma indikatx li hija ma rċevietx osservazzjonijiet u provi intiżi sabiex jissostanzjaw l-assenza ta’ interkambjabbiltà, iżda li hija llimitat ruħha tikkonstata li l-osservazzjonijiet u l-provi li hija rċeviet f’dan ir-rigward ma kinux ta’ natura li juru l-allegata assenza ta’ xebh bejn iż-żewġ standards.

75      Għalhekk, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

76      Fil-kuntest tar-raba’ lment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-dikjarazzjoni li tinsab fil-premessa 57 tar-regolament ikkontestat, li abbażi tagħha l-importatur ma pproduċiex prova negattiva, hija ekwivalenti għall-impożizzjoni fuq il-partijiet ta’ oneru tal-prova mhux raġonevoli.

77      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kif sostniet il-Kummissjoni, il-premessa 57 tar-regolament ikkontestat la tirreferi għaċ-CCCMC u lanqas għar-rikorrenti, iżda għal “importatur Ewropew li kkoopera fl-investigazzjoni”. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tikkonkludi li riferiment magħmul mill-Kummissjoni għall-attività ta’ terz fil-kuntest tat-tiftix tal-prova huwa ekwivalenti għall-impożizzjoni ta’ oneru tal-prova kwalunkwe fuq ir-rikorrenti.

78      Għalhekk, ir-raba’ lment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

d)      Fuq il-ħames ilment, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti fir-rigward tad-determinazzjoni tan-natura interkambjabbli tal-istandards EN/DIN u ASME/ANSI

79      Fit-titolu tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti semmiet allegata motivazzjoni insuffiċjenti tal-Kummissjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tan-natura interkambjabbli.

80      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-premessi 52 sa 60, 73 u 74 tar-regolament ikkontestat li jipprovdu r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet immanifatturat skont l-istandards ASME/ANSI u EN/DIN kien paragunabbli ppermettew lir-rikorrenti tikkontesta b’mod iddettaljat l-imsemmija motivazzjoni esposta mill-Kummissjoni.

81      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

2.      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tat-trattament irriżervat għall-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq

82      Qabelxejn, kif tfakkar fil-punt 2 iktar ’il fuq, għandu jsir riferiment f’dan il-każ, fir-rigward tar-regoli sostantivi, għar-Regolament Nru 1225/2009. Ir-rikorrenti għandha konsegwentement titqies li hija tinvoka b’mod partikolari l-premessa 3 u l-Artikolu 2(1) sa (7) tar-Regolament Nru 1225/2009, li d-dispożizzjonijiet tiegħu huma simili fir-rigward tal-kontenut tagħhom għal dawk tal-premessa 3 u tal-Artikolu 2(1) sa (7) tar-Regolament Nru 2016/1036, fid-data ta’ adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

83      Mill-premessa 99 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li, “[s]kont l-Artikolu 2(7)(a) tar-[Regolament Nru 1225/2009], il-valur normali għall-produtturi esportaturi li ma ngħatalhomx TES irid jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq” u li “ebda wieħed mill-produtturi esportaturi li kkooperaw ma talab TES”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kkalkolat il-valur normali għat-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet li joriġinaw miċ-Ċina skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 (issostitwit mill-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament 2016/1036).

84      Ir-rikorrenti ssostni, fil-ħames motiv tagħha, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest meta użat il-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali stabbilit fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009. Hija ssostni li l-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT) (ĠU 1994, L 336, p. 103, iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping”), li jinsab fl-Anness 1 A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU 1994, L 336, p. 3), kien jawtorizza lill-Unjoni u l-membri l-oħra tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) sabiex jidderogaw mill-metodu normali ta’ kalkolu tal-valur normali. Madankollu, hija ssostni li, skont il-punt 15(d) tal-Parti I tal-Protokoll ta’ Adeżjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina mal-WTO (iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Adeżjoni taċ-Ċina mal-WTO”), din id-deroga ntemmet ħmistax-il sena wara d-data ta’ adeżjoni taċ-Ċina mal-WTO, jiġifieri fil-11 ta’ Diċembru 2016. Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tikkalkola l-valur normali abbażi tal-metodu stabbilit fl-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament Nru 1225/2009 (issostitwit bl-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament Nru 2016/1036).

85      L-argument tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv jista’ jinqasam f’erba’ lmenti.

86      Fl-ewwel ilment, ir-rikorrenti ssostni li l-punt 15 tal-Parti I tal-Protokoll ta’ adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO jista’ jiġi invokat quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiġi kkontestata l-legalità tar-regolament ikkontestat.

87      Fit-tieni lment, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tinterpreta r-Regolament Nru 1225/2009 skont id-dritt tal-WTO.

88      Fir-rigward tat-tielet ilment, b’risposta għall-argument tal-Kummissjoni fir-risposta li l-liġi li għandha tiġi applikata għal investigazzjoni antidumping hija l-liġi fis-seħħ fil-mument tal-bidu tal-investigazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 18(3) tal-ftehim antidumping ma huwiex applikabbli f’dan il-każ. Hija tindika li dan il-ftehim daħal fis-seħħ għaċ-Ċina, fil-mument tal-adeżjoni tagħha mal-WTO u li l-punt 15 tal-Parti I tal-Protokoll ta’ adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO kien jipprevedi sempliċement deroga temporali parzjali tal-ftehim antidumping. Ir-rikorrenti żżid li l-applikazzjoni wara l-11 ta’ Diċembru 2016 tat-trattament applikabbli għall-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq toħloq inugwaljanzi bejn il-membri tal-WTO li japplikaw metodu ta’ kalkolu ta’ dumping retrospettiv, bħall-Istati Uniti, u dawk li japplikaw metodu ta’ kalkolu tad-dumping prospettiv, bħall-Unjoni. Għaldaqstant, l-iskadenza tad-deroga prevista fil-punt 15(d) tal-Parti I tal-Protokoll ta’ adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO għandha tkun applikabbli għall-każijiet kollha li jikkonċernaw kalkolu definittiv tal-valur normali u tad-dumping wara l-11 ta’ Diċembru 2016. Konklużjoni diversa tkun tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju stabbilit fit-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxi li jekk, wara ksur, il-liġi tipprevedi piena inqas, din għandha tkun applikabbli.

89      Fir-raba’ lment, ir-rikorrenti ssostni li l-Korp tal-Appell tal-WTO ddikjara fir-rapport tiegħu dwar it-tilwima “Komunitajiet Ewropej – Miżuri antidumping definittivi fuq ċerti qafliet tal-ħadid jew tal-azzar miċ-Ċina”, adottat fil-15 ta’ Lulju 2011 (WT/DS 397/AB/R, punt 289), li d-deroga li tawtorizza lill-membri tal-WTO jikkalkolaw il-valur normali tal-prodotti Ċiniżi skont il-punt 15(d) tal-Parti I tal-Protokoll ta’ adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO kienet tiskadi ħmistax-il sena wara d-data ta’ adeżjoni taċ-Ċina, jiġifieri fil-11 ta’ Diċembru 2016. Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni rrikonoxxiet f’diversi okkażjonijiet li d-deroga prevista fil-punt 15(d) tal-Parti I tal-Protokoll ta’ adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO kienet tiskadi fil-11 ta’ Diċembru 2016, kif dan jirriżulta minn ċerti artikli tal-istampa. Barra minn hekk, hija tenfasizza li d-dipartimenti tal-Kummissjoni wrew diversi drabi li d-dritt tal-Unjoni kellu jiġi emendat sabiex jadatta ruħu għall-obbligi tal-Unjoni lejn il-WTO. Ir-rikorrenti ssostni li dokumenti tax-xogħol tal-Kummissjoni jagħmlu wkoll riferiment għall-iskadenza tad-deroga f’Diċembru 2016. Fir-replika, ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni ma kkontestatx dawn l-argumenti dwar l-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni tal-iskadenza inkwistjoni.

a)      Fuq il-possibbiltà li jiġi invokat, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-punt 15 tal-Parti I tal-Protokoll ta’ adeżjoni taċ-Ċina mal-WTO, għall-istħarriġ tal-legalità tar-regolament ikkontestat

90      Qabel kollox, għandha tingħata risposta għall-argumenti mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha li abbażi tagħhom il-punt 15 tal-Parti I tal-Protokoll ta’ adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO jista’ jiġi invokat quddiem il-Qorti Ġenerali bil-għan li tiġi kkontestata l-legalità tar-regolament ikkontestat sa fejn huwa applika l-metodu previst fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009.

91      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm fil-prinċipju hija ġurisprudenza stabbilita li l-ftehimiet tal-WTO u l-ftehimiet bħall-ftehim antidumping li huma annessi għalih ma jinsabux fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom il-Qorti Ġenerali għandha tistħarreġ il-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni bħar-regolament ikkontestat (sentenza tat-23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kunsill, C-149/96, EU:C:1999:574, punt 47), il-Qorti Ġenerali tista’ twettaq dan l-istħarriġ fil-każ fejn l-Unjoni għandha l-intenzjoni li teżegwixxi obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-WTO.

92      Ir-rikorrenti tallega li mill-premessa 3 tar-Regolament 2016/1036 jirriżulta li, permezz tal-Artikolu 2(1) sa (6) ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur Ewropew ried jimplimenta l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Ftehim antidumping.

93      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li hija ġurisprudenza stabbilita li l-ftehimiet tal-WTO u, b’estensjoni, il-Ftehim antidumping, jorbtu lill-Unjoni (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et, 21/72 sa 24/72, EU:C:1972:115, punti 16 sa 18).

94      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Protokoll ta’ adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO huwa ta’ natura ġuridika u jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jagħmel parti mill-kuntest tal-ftehim antidumping. Hija tosserva li n-natura ġuridika tagħha ġiet stabbilita mill-korp ta’ appell tal-WTO fir-rapport tiegħu dwar it-tilwima “Ċina — miżuri dwar l-esportazzjoni ta’ elementi metalliċi rari, ta’ tungstenu u ta’ molibdenu”, adottat fis-7 ta’ Awwissu 2014, (WT/DS 431/AB/R).

95      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li, fl-istennija tal-adozzjoni, min-naħa tal-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra, tal-emendi proposti mill-Kummissjoni intiżi li jqiegħdu r-Regolament Nru 1225/2009 f’konformità mal-impenji tagħhom fir-rigward tal-WTO, il-Kummissjoni kienet legalment marbuta li tapplika għar-rikorrenti l-metodu tal-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament Nru 1225/2009. Hija tqis li, bħala istituzzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li teżerċita s-setgħa tagħha billi tosserva d-dritt internazzjonali u tiċċita, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C‑286/90, EU:C:1992:453, punt 9). Meta hija tinterpreta u tapplika r-regolament antidumping bażiku, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tosserva r-regoli li jirriżultaw mid-dritt konswetudinarju internazzjonali, b’mod partikolari l-prinċipju fundamentali li jeżiġi li t-Trattati jew il-ftehimiet internazzjonali, jorbtu lill-partijiet (prinċipju pacta sunt servanda), kif ikkodifikat fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”) (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C‑162/96, EU:C:1998:293, punt 49). Hija ssostni li l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jindika wkoll li parti għal trattat ma tistax tinvoka d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern tagħha sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ trattat.

96      Fl-aħħar nett, b’risposta għan-nota ta’ intervent tal-Kunsill, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tispeċifika li s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494), invokata mill-Kunsill, kienet tikkonċerna l-każ ta’ esportatur Armen. Ir-rikorrenti tirrileva li l-protokoll ta’ adeżjoni tal-Armenja mal-WTO ma jipprevedix modalitajiet jew kundizzjonijiet li jillimitaw, fiż-żmien jew b’mod ieħor, il-kapaċità tal-Unjoni li tapplika regoli antidumping derogatorji għall-Ftehim antidumping fil-konfront tal-esportaturi Armeni fuq il-bażi tal-iskema speċjali u unilaterali tal-Unjoni tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1225/2009. Ir-rikorrenti tikkunsidra li r-rikorrenti fl-imsemmija kawża ma setgħetx tinvoka protokoll ta’ adeżjoni li jipprevedi limitazzjonijiet għall-applikazzjoni tat-trattament tal-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li s-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C. Clark International u Puma (C‑659/13 u C-34/14, EU:C:2016:74), invokata wkoll mill-Kunsill, ingħatat qabel l-iskadenza tad-deroga li tinsab fil-punt 15(d) tal-Parti I tal-Protokoll ta’ adeżjoni taċ-Ċina mal-WTO. Għaldaqstant, il-kwistjonijiet tad-dritt internazzjonali mqajma fil-proċeduri rispettivi mill-qrati tar-rinviju ma jistgħux jikkontestaw l-implikazzjonijiet tal-intenzjoni espressa mill-Unjoni li tosserva l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Protokoll ta’ adeżjoni miċ-Ċina għall-WTO.

97      Fl-ewwel lok, għandu jiġi speċifikat li, kif indika wkoll il-Korp tal-Appell tal-WTO fir-rapport tiegħu dwar it-tilwima “Ċina — miżuri dwar l-esportazzjoni ta’ elementi metalliċi rari, ta’ tungstenu u ta’ molibdenu”, adottat fis-7 ta’ Awwissu 2014, (WT/DS 431/AB/R), il-Protokoll ta’ adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO jikkostitwixxi parti mill-ftehimiet kollha konklużi fil-kuntest tal-WTO (iktar’ il quddiem il-“Ftehimiet WTO”), mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-partijiet.

98      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar madankollu li mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li fir-rigward tiegħu, l-Unjoni hija parti, jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ rikors għall-annullament ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jew ta’ eċċezzjoni bbażata fuq l-illegalità ta’ tali att biss bil-kundizzjoni doppja li, minn naħa, in-natura u l-istruttura ta’ dan il-ftehim ma jipprekludux dan u, min-naħa l-oħra, li dawn id-dispożizzjonijiet, mil-lat tal-kontenut tagħhom, jidhru inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi (ara s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2015, Il-Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2015:4, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal, C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punt 37). Għaldaqstant, huwa biss meta dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti kumulattivament li tali dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex iservu bħala kriterju għall-evalwazzjoni tal-legalità ta’ att tal-Unjoni.

99      Fir-rigward tal-Ftehimiet WTO, għandu jitfakkar li, kif enfasizzat mir-rikorrenti, skont ġurisprudenza stabbilita, fid-dawl tan-natura u tal-istruttura tagħhom, il-Ftehimiet WTO fil-prinċipju ma humiex fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom tista’ tiġi mistħarrġa l-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza tat-23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kunsill, C‑149/96, EU:C:1999:574, punt 47; tal-1 ta’ Marzu 2005, Van Parys, C‑377/02, EU:C:2005:121, punt 39, u tat-18 ta’ Diċembru 2014, LVP, C‑306/13, EU:C:2014:2465, punt 44).

100    Madankollu, f’żewġ sitwazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet, eċċezzjonalment, li hija l-qorti tal-Unjoni li għandha, skont il-każ, tistħarreġ il-legalità ta’ att tal-Unjoni u tal-atti adottati għall-applikazzjoni tiegħu fir-rigward tal-Ftehimiet WTO (ara s-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C-659/13 u C-34/14, EU:C:2016:74, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa l-każ, irrilevat mir-rikorrenti, li fih l-Unjoni kellha l-intenzjoni li teżegwixxi obbligu partikolari assunt fil-kuntest ta’ dawn il-ftehimiet (sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C-69/89, EU:C:1991:186) u fil-każ fejn l-att tal-Unjoni inkwistjoni jirreferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-imsemmija ftehimiet (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1989, Fediol vs Il-Kummissjoni, 70/87, EU:C:1989:254).

101    F’dak li jirrigwarda t-tieni eċċezzjoni msemmija fil-punt 100 iktar ’il fuq, stabbilita permezz tas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1989, Fediol vs Il-Kummissjoni (70/87, EU:C:1989:254, punt 19), għandu jitfakkar li ebda artikolu tar-Regolament Nru 1225/2009 ma jirreferi għal ebda dispożizzjoni preċiża tal-Ftehimiet antidumping (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C-659/13 u C-34/14, EU:C:2016:74, punt 89, mogħtija dwar ir-Regolament Nru 1225/2009, peress li r-Regolament 2016/1036 ma jinkludix differenzi li jiġġustifikaw soluzzjoni differenti).

102    F’dak li jirrigwarda l-ewwel eċċezzjoni msemmija fil-punt 100 iktar ’il fuq, stabbilita permezz tas-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill (C‑69/89, EU:C:1991:186 punt 31), għandu jiġi speċifikat li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja għalkemm huwa veru li l-premessa 3 tar-Regolament Nru 1225/2009 tindika li sa fejn ikun possibbli l-kliem tal-Ftehim antidumping tal-WTO għandu jiġi traspost fid-dritt tal-Unjoni, din l-espressjoni għandha tinftiehem fis-sens li, anki jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni r-regoli ta’ dan il-ftehim meta adotta r-Regolament Nru 1225/2009, huwa madankollu, ma mmanifestax ir-rieda li jwettaq traspożizzjoni ta’ kull waħda minn dawn ir-regoli f’dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C‑659/13 u C-34/14, EU:C:2016:74, punt 90).

103    Fit-tielet lok, u f’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1225/2009, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan kien jikkostitwixxi l-espressjoni tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta, f’dan il-qasam, approċċ speċifiku għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, billi jistabbilixxi skema speċjali ta’ regoli ddettaljati relatati mal-kalkolu tal-valur normali fir-rigward tal-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C‑659/13 u C-34/14, EU:C:2016:74, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li l-imsemmija dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1225/2009 ma tistax titqies li hija miżura intiża li tiżgura fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni t-twettiq ta’ obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-WTO (sentenza tal-16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal, C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punt 50).

104    Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti ma wrietx li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill (C‑69/89, EU:C:1991:186, punt 31), huma ssodisfatti, hija ma tistax għaldaqstant tibbaża ruħha fuq il-prinċipju pacta sunt servanda, ikkodifikat fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, fid-dawl tal-assenza ta’ effett dirett tal-ftehim internazzjonali li tiegħu hija tikkontesta l-eżekuzzjoni f’bona fide (sentenza tat-3 ta’ Frar 2005, Chiquita Brands et vs Il-Kummissjoni, T‑19/01, EU:T:2005:31, punti 247 u 248; ara, ukoll, is-sentenza u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Laboratoire du Bain vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑151/00, mhux ippubblikata, EU:T:2005:450, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    F’dan il-każ, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma tistax tistħarreġ il-legalità tar-regolament ikkontestat fid-dawl tal-Protokoll ta’ adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO.

106    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata permezz tal-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

107    L-argument tar-rikorrenti li s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494), kienet tikkonċerna produttur stabbilit fl-Armenja, li s-sitwazzjoni tiegħu kienet differenti minn dik tar-rikorrenti minħabba l-assenza ta’ dispożizzjoni simili fil-punt 15 tal-Parti I tal-Protokoll ta’ adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO fil-protokoll ta’ adeżjoni tal-Armenja, ma jistax jinvalida l-konklużjoni misluta fil-punt 105 iktar ’il fuq. Fil-fatt, kif imfakkar fil-punt 103 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1225/2009 ma jistax jitqies li huwa miżura intiża li tiżgura, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-eżekuzzjoni ta’ obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-WTO. Din il-konstatazzjoni hija applikabbli fir-rigward tal-Protokoll ta’ adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO. B’mod parallel, il-fatt, imsemmi mir-rikorrenti, li l-Qorti Ġenerali ma tistax tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C-659/13 u C-34/14, EU:C:2016:74), peress li kienet ingħatat qabel l-iskadenza tat-terminu previst mill-punt 15(d) tal-Parti I tal-Protokoll ta’ adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO, huwa irrilevanti. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-obbligi assunti mill-Unjoni fil-kuntest tal-Ftehim WTO evolvew b’effett mid-data tal-għoti tas-sentenza inkwistjoni, dan ma jistax ikollu konsegwenzi fuq l-intenzjoni murija mil-leġiżlatur Ewropew fil-mument ta’ adozzjoni tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1225/2009.

108    L-argument tar-rikorrenti li l-Unjoni ntrabtet formalment li tosserva t-termini speċifiċi tal-protokoll ta’ adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO, peress li dan il-protokoll kellu jkun suġġett għal approvazzjoni espressa tal-Unjoni li għandha l-forma ta’ deċiżjoni, lanqas ma jista’ jikkontesta l-konklużjoni misluta fil-punt 105 iktar ’il fuq. Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-fatt li l-Kummissjoni pparteċipat fl-approvazzjoni tal-Protokoll ta’ adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO ma jistax jiġi interpretat bħala rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jeżegwixxi obbligu partikolari assunt fil-kuntest tar-regoli tal-WTO. Tali interpretazzjoni tirrendi bla effett l-eċċezzjoni stabbilita mis-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill (C-69/89, EU:C:1991:186, punt 31).

b)      Fuq l-interpretazzjoni skont id-dritt tal-WTO tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009

109    Fir-rigward tal-interpretazzjoni skont id-dritt tal-WTO tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli fid-dawl tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta d-dispożizzjonijiet huma intiżi li jimplimentaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni. Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tinterpreta l-espressjoni “fuq kull bażi oħra raġjonevoli” tal-Artikolu 2(7) (a) tar-Regolament Nru 1225/2009 bħala li tagħtiha s-setgħa diskrezzjonali sabiex tikkalkola l-valur normali skont il-metodu applikabbli għall-pajjiżi li għandhom ekonomija tas-suq, u għalhekk skont id-dritt tal-WTO. Hija tqis li l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 jorganizza ġerarkija tal-metodi ta’ kalkolu tal-valur normali għall-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq u ssostni li jeħtieġ, qabel kollox, li jiġi ddeterminat il-valur normali abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq, imbagħad fuq il-bażi tal-prezz minn tali pajjiż terz lejn pajjiżi l-oħra, inkluż l-Unjoni. Madankollu, hija tikkunsidra li, meta wara riflessjoni, il-Kummissjoni tqis li dawn il-metodi ma humiex possibbli, il-Kummissjoni hija awtorizzata mill-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa ħafna li hija għandha, tiddetermina l-valur normali fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra. Hija ssostni li, skont din l-espressjoni, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li, fid-dawl tal-impenji legali internazzjonali tal-Unjoni u b’mod partikolari tal-obbligi tagħha fir-rigward tal-WTO, kien impossibbli li jiġi ddeterminat il-valur normali fuq il-bażi tal-metodu tal-pajjiż analogu u li kellu jiġi kkalkolat il-valur normali abbażi tal-ispejjeż u tal-prezzijiet nazzjonali tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-kalkolu tal-valur normali fuq il-bażi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni jew tal-prezzijiet nazzjonali tagħha kien fil-fatt possibbli.

110    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li huwa ċertament minnu li, b’applikazzjoni ta’ ġurisprudenza stabbilita, it-testi tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta tali testi huma intiżi preċiżament sabiex jimplimentaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni (sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1998, Bettati, C‑341/95, EU:C:1998:353, punt 20, u tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, C-76/00 P, EU:C:2003:4, punt 57).

111    Madankollu, għandu jiġi speċifikat li, kif enfasizzat fil-punt 103 iktar ’il fuq, l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 ma jistax jitqies bħala dispożizzjoni intiża li timplimenta obbligi speċifiċi fil-kuntest tal-Ftehimiet WTO. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi regoli dwar il-kalkolu tal-valur normali li ma hemmx ekwivalenti għalihom fil-Ftehimiet WTO, li ma jipprevedux regoli dwar il-kalkolu tal-valur normali għall-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq.

112    Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-istituzzjonijiet igawdu minn setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur normali f’pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq (sentenza tat-27 ta’ Ottubru 2011, Dongguan Nanzha Leco Stationery vs Il-Kunsill, C‑511/09 P, EU:C:2011:696, punt 33). Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-metodu previst fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009, li jikkonsisti fid-determinazzjoni tal-valur normali tal-prodott ikkonċernat “fuq kull bażi oħra raġjonevoli” huwa metodu sussidjarju, applikabbli meta l-impriżi stabbiliti f’pajjiżi analogi mitluba ma jkunux lesti li jikkooperaw fl-investigazzjoni (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Fliesen-Zentrum Deutschland, C‑687/13, EU:C:2015:573, punt 56).

113    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, minn naħa, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tinterpreta l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1225/2009 skont l-obbligi tal-Unjoni fil-kuntest tal-WTO u, min-naħa l-oħra, li l-interpretazzjoni ssuġġerita mir-rikorrenti tirrendi mingħajr effett il-marġni ta’ diskrezzjoni li l-leġiżlatur ried jagħti lill-Kummissjoni permezz tal-espressjoni “fuq kull bażi oħra raġjonevoli” tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009.

114    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tinterpreta l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1225/2009 fid-dawl tal-punt 15 tal-Parti I tal-Protokoll ta’ adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO.

115    Mill-konklużjonijiet misluta fil-punti 105 u 114 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest meta applikat il-metodu previst mill-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1225/2009 għall-kalkolu tal-valur normali f’dan il-każ.

116    L-ilmenti l-oħra tar-rikorrenti dwar l-applikazzjoni ratione temporis tal-punt 15 tal-Parti I tal-Protokoll ta’ adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO u l-konsegwenzi tal-iskadenza tal-punt 15 tal-Parti I tal-imsemmi protokoll skont id-dritt tal-WTO ma jistgħux jinvalidaw il-konklużjoni misluta fil-punt 114 iktar ’il fuq.

117    Fil-fatt, peress li d-dritt tal-WTO la huwa parametru ta’ stħarriġ tal-legalità tar-regolament ikkontestat u lanqas regola li fid-dawl tagħha l-Kummissjoni hija marbuta tinterpreta l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1225/2009, l-ilmenti relativi tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

3.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq motivazzjoni insuffiċjenti fir-rigward tal-aġġustament tal-valur normali

118    Mill-premessa 111 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li, “minħabba n-nuqqas ta’ bejgħ domestiku tal-prodott simili fit-Tajwan, il-valur normali nħadem skont l-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament [Nru 1225/2009]”, b’tali mod li l-“kost medju tal-manifattura tat-tip tal-prodott rilevanti żdiedu l-kostijiet ta’ BĠ&A mġarrba u l-profitt magħmul fis-suq Tajwaniż matul il-perjodu tal-investigazzjoni.”

119    Mill-premessa 117 tar-regolament ikkontestat jirriżulta dan li ġej:

“[B]illi numru limitat biss ta’ tipi tal-prodott esportati lejn l-Unjoni mill-prodotturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun seta’ jiġi identifikat fit-Tajwan, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali tat-tipi li kien fadal tal-prodott abbażi tal-kostijiet tal-manifattura tal-aktar tipi ta’ prodotti li jixxiebhu mmanifatturati fit-Tajwan sabiex tikseb tqabbil sħiħ u ġust, ibbażat fuq l-kostijiet tal-manifattura aġġustati għal:

(a)      Differenzi fil-materja prima użata — abbażi ta’ dejta verifikata dwar il-kostijiet tal-industrija tal-Unjoni, fejn il-produzzjoni tat-tagħmir magħmula minn tubi mingħajr saldatura tiswa minn 2,12 sa 2,97 darbiet aktar minn dawk magħmula minn tubi wweldjati

(b)      Id-differenzi fil-grad tal-azzar — abbażi ta’ dejta verifikata pprovduta mill-industrija tal-Unjoni, fejn isir aġġustament tal-kost skont il-gradi tal-azzar għall-kost tal-irħas gradi ta’ azzar użati għat-tagħmir magħmul abbażi ta’ tubi wweldjati bħala materja prima; dan l-aġġustament ivarja minn 1,49 sa 3,60 darbiet skont il-gradi tal-azzar li jintużaw.

(c)      Id-differenzi fil-forom — abbażi tad-differenzi osservati tal-prezzijiet fit-tranżazzjonijiet tal-bejgħ tal-esportaturi Ċiniżi, fejn elbow huwa kkunsidrat bħala l-aktar forma bażika u l-forom l-oħra (forom ta’ T, reducers, tappijiet u forom speċjali) huma bejn 1,08 u 1,74 darbiet aktar għaljin.”

120    Mill-premessa 118 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li:

“Fis-sottomissjoni tagħha wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CCCMC pproponiet bażi alternattiva għall-aġġustamenti tal-punti a) u b) u ppreżentat dejta mis-swieq Ċiniżi f’dan ir-rigward. Madankollu, din id-dejta, l-ewwel nett, mhijiex verifikata u, it-tieni, ġejja minn pajjiż mhux b’ekonomija tas-suq. Għalhekk, l-użu tagħhom jinnega l-metodoloġija tal-pajjiż analogu għall-kalkolu tal-valur normali. Għalhekk, din il-pretensjoni tas-CCCMC ma ntlaqgħetx.”

121    Ir-rikorrenti ssostni, fit-tieni motiv tagħha, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-aġġustament tal-valur normali. Hija tinvoka wkoll motivazzjoni insuffiċjenti fir-rigward tal-aġġustament tal-valur normali. Dawn iż-żewġ ilmenti ser jiġu eżaminati b’mod suċċessiv iktar ’il quddiem.

a)      Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti tar-rikorrenti

122    Il-Kummissjoni tinvoka l-inammissibbiltà tal-argument tar-rikorrenti li l-fatt li l-Kummissjoni użat data Ċiniża għall-aġġustamenti tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tat-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet abbażi tad-differenzi fil-forma (fil-premessa 117(c) tar-regolament ikkontestat) jikkontesta ċ-ċaħda (fil-premessa 118 tal-imsemmi regolament) tad-data ppreżentata miċ-CCCMC li tirriżulta mis-swieq Ċiniżi sabiex tikkontesta l-aġġustamenti tal-ispejjeż ta’ produzzjoni mwettqa fil-premessa 117(a) u (b) tar-regolament ikkontestat. Dan l-argument huwa inammissibbli, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-Kummissjoni tispeċifika li r-rikorrenti ma ċċaratx liema parti tar-regolament ikkontestat kienet ikkontestata minn dan l-argument u li għaldaqstant ma kinitx tippermetti d-difiża tal-Kummissjoni.

123    B’risposta għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Kummissjoni madankollu ammettiet li, bl-argument tagħha msemmi fil-punt 122 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti sostniet, essenzjalment, li l-Kummissjoni kellha tuża d-data li ġejja mis-suq Ċiniż u hija ħalliet id-deċiżjoni għall-ġudizzju tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-argument.

124    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-fatt, l-argument tar-rikorrenti msemmi fil-punt 122 iktar ’il fuq jista’ jinftiehem bil-mod issuġġerit mill-Kummissjoni b’tali mod li għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

b)      Fuq il-mertu

1)      Fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-aġġustament tal-valur normali

125    Ir-rikorrenti tikkontesta r-rifjut tal-Kummissjoni, fil-premessa 118 tar-regolament ikkontestat, li tieħu inkunsiderazzjoni listi ta’ prezzijiet tal-pajpijiet iwweldjati u mhux iwweldjati applikati minn produtturi Ċiniżi ppreżentati miċ-CCCMC għat-twettiq tal-aġġustamenti tal-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ ċerti prodotti mmanifatturati fit-Tajwan sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi fil-materja prima użata (premessa 117(a)) u differenzi fil-gradi tal-azzar (premessa 117(b)) fil-konfront tal-prodotti esportati lejn l-Unjoni mill-produtturi Ċiniżi. Ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-Kummissjoni użat data dwar l-ispiża ta’ produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni sabiex taġġusta l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-prodotti Tajwaniżi kellu bħala effett li jimmultiplika l-livell tal-marġni ta’ dumping attribwit lir-rikorrenti. Fir-replika, ir-rikorrenti indikat li d-data ppreżentata miċ-CCCMC li tirriżulta mis-suq Ċiniż ma kellhiex l-għan li tistabbilixxi l-prezzijiet li għandhom jintużaw għad-determinazzjoni tal-valur normali fit-Tajwan, iżda li tipprovdi indikazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar id-differenza relattiva bejn l-ispejjeż ta’ pajpijiet iwweldjati u dawk mhux iwweldjati bħala materja prima u li turi li d-differenza indikata mill-produtturi tal-Unjoni kienet eċċessiva.  Ir-rikorrenti ssostni li d-data ppreżentata miċ-CCCMC kienet tikkonċerna prezzijiet tal-materja prima użata għall-produzzjoni tat-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet, jiġifieri tubi u pajpijiet ipprovduti lill-produtturi Ċiniżi tat-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet bħala materjal ta’ produzzjoni. Hija tenfasizza li l-produtturi tal-Unjoni u l-parti l-kbira tal-produtturi Ċiniżi ma jipproduċux huma stess it-tubu ta’ gwida għall-produzzjoni tat-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet tagħhom, u għalhekk iridu jixtru din il-materja prima bħala materjal ta’ produzzjoni. Għalhekk, id-data ppreżentata miċ-CCCMC hija direttament rilevanti sabiex jiġu kkalkolati l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-produtturi tat-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet, fis-swieq tal-Unjoni u fiċ-Ċina. Ir-rikorrenti tosserva li d-data ppreżentata miċ-CCCMC kienet tindika li l-ispiża tal- pajpijiet mhux iwweldjati kienet ekwivalenti għal 1.3 darbiet l-ispiża tal-pajpijiet iwweldjati, filwaqt li l-Kummissjoni fl-aħħar stabbilixxiet li l-ispiża tal-pajpijiet mhux iwweldjati kienet bejn 2.12 u 2.97 darbiet ogħla minn dik tal-pajpijiet iwweldjati.

126    Għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 112 iktar ’il fuq, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur normali għal pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2011, Dongguan Nanzha Leco Stationery vs Il-Kunsill, C-511/09 P, EU:C:2011:696, punt 33).

127    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-oneru tal-prova tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni jaqa’ fuq ir-rikorrenti, li għandha tipproduċi provi insostenn tal-allegazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1991, Nölle, C-16/90, EU:C:1991:402, punt 17; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2010, Carpent Languages vs Il-Kummissjoni, T-582/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:379, punt 57 u tas-17 ta’ Jannar 2017, Cofely Solelec et vs Il-Parlament, T-419/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:8, punt 96).

128    F’dan il-każ, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti pproponietx provi ta’ natura li juru li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kalkolu tal-valur normali.

129    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessi 118 u 123 tar-regolament ikkontestat, li tipprovdi li d-data ppreżentata miċ-CCCMC ma kinitx ivverifikata. Ir-rikorrenti tenfasizza li din id-data komposta mit-tabelli li jinkludu prezzijiet applikati minn impriżi Ċiniżi ta’ diversi pajpijiet iwweldjati u mhux iwweldjati, kienet ibbażata fuq listi uffiċjali tal-prezzijiet fil-produzzjoni li l-awtentiċità tagħha setgħet tiġi kkontrollata. Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tivverifikax din id-data, b’tali mod li hija ma tistax tiċħadha abbażi tal-fatt li dawn ma ġewx ivverifikati. Ir-rikorrenti żżid li ċ-CCCMC ipproduċiet provi fil-kummenti tagħha dwar il-konklużjonijiet finali li fihom elementi vverifikati mir-rikorrenti u minn produttur ieħor kooperatur.

130    Fir-rigward tat-tieni motiv ta’ ċaħda tad-data ppreżentata miċ-CCCMC espressa fil-premessa 118 tar-regolament ikkontestat, jiġifieri l-fatt li din toriġina minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, ir-rikorrenti tqis li din il-kunsiderazzjoni ma tistax tiġġustifika ċaħda sistematika. Ir-rikorrenti ssostni li, fit-tilwima “Komunitajiet Ewropej – Miżuri antidumping definittivi fuq ċerti qafliet tal-ħadid jew tal-azzar miċ-Ċina”, adottat fil-15 ta’ Lulju 2011 (WT/DS 397/AB/R, punt 289), il-Korp tal-Appell tal-WTO kkunsidra li l-Kummissjoni ma tistax tiċħad provi Ċiniżi prodotti għall-aġġustament tal-valur normali sempliċement abbażi tal-fatt li ċ-Ċina ma għandhiex ekonomija tas-suq. Ir-rikorrenti żżid li, għalkemm ir-rapport tal-Korp tal-Appell tal-WTO dwar it-tilwima “Komunitajiet Ewropej – Miżuri antidumping definittivi fuq ċerti qafliet tal-ħadid jew tal-azzar miċ-Ċina”, adottat fil-15 ta’ Lulju 2011 (WT/DS 397/AB/R, punt 289), kien jikkonċerna l-paragun ekwu bejn il-valur normali u l-prezz għall-esportazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009 [issostitwit bl-Artikolu 2(10) tar-Regolament 2016/1036], u mhux l-aġġustamenti tal-valur normali, dan il-każ japplika f’dan il-każ, peress li l-unika raġuni għalfejn il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-data ppreżentata miċ-CCCMC huwa l-fatt li l-oriġini tagħha hija minn ekonomija li ma hijiex ekonomija tas-suq. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il-Kunsill (T-442/12, EU:T:2017:372), il-Kummissjoni użat prezzijiet Ċiniżi għall-kalkolu tal-valur normali ta’ wieħed mill-prodotti kkonċernati li ma kienx prodott fil-pajjiż analogu, li huwa l-każ f’din il-kawża.

131    It-tieni nett, ir-rikorrenti, fir-rigward tal-premessa 124 tar-regolament ikkontestat, tikkritika lill-Kummissjoni li ċaħdet id-data ppreżentata miċ-CCCMC abbażi tal-fatt li din id-data kienet tirrigwarda prezzijiet u mhux spejjeż ta’ produzzjoni. Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni ma spjegatx id-differenza bejn l-ispiża ta’ xiri tal-produttur u l-prezz ta’ bejgħ tal-fornitur.

132    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni stess użat data Ċiniża għall-aġġustament tal-valur normali fir-rigward tad-differenzi fil-forma, abbażi tad-differenzi fil-prezz osservati fit-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ tal-esportaturi Ċiniżi fil-premessa 117(c) tar-regolament ikkontestat. Hija ssostni li, jekk id-data dwar il-prezzijiet ta’ bejgħ f’pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq hija affidabbli għal aġġustamenti għall-valur normali fir-rigward ta’ forom differenti ta’ tagħmir ta’ tubi u pajpijiet, hija għandha tkun affidabbli biżżejjed sabiex jiġu kkalkolati differenzi relatati ma’ materja prima u ma’ gradi tal-azzar rilevanti fil-premessa 117(a) u (b) tar-regolament ikkontestat.

133    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni peress li hija kkunsidrat, fil-punt 124 tal-konklużjonijiet definittivi riveduti, li l-produtturi Ċiniżi ma kienu ppreżentaw ebda data dwar l-ispiża ta’ produzzjoni. Ir-rikorrenti tikkunsidra li t-terminu ta’ 22 jum iffissat sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet dwar il-konklużjonijiet definittivi ma kienx biżżejjed sabiex tiġi ppreżentata data supplimentari għad-data ppreżentata qabel miċ-CCCMC, peress li hija kienet skopriet għall-ewwel darba fid-data ta’ trażmissjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet li d-data ppreżentata kienet ġiet miċħuda mill-Kummissjoni.

134    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-analiżi tal-ħames motiv tar-rikorrenti, il-Kummissjoni, ġustament, applikat il-metodu applikabbli għall-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq f’dan il-każ. Fil-kuntest ta’ dan il-metodu, li fih il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni data tal-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, iżda għandha tibbaża ruħha fuq “prezz jew […] valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn dan il-pajjiż terz għall-pajjiżi l-oħra, inkluża [l-Unjoni], jew fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kull bażi oħra raġjonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew li jrid jitħallas [fl-Unjoni] għal prodott simili”.

135    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1225/2009 jawtorizza wkoll lill-Kummissjoni tuża data tal-industrija tal-Unjoni, sa fejn huwa jistabbilixxi li l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq “il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas [fl-Unjoni] għal prodott simili”.

136    Minbarra dan, għandu jiġi kkonstatat li mill-premessa 118 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-fatt li d-data ppreżentata miċ-CCCMC kienet ġejja minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq ma kienx l-unika raġuni għaċ-ċaħda ta’ din id-data. Din iċ-ċaħda kienet ibbażata wkoll, kif indikat fil-premessa 124 tar-regolament ikkontestat, fuq il-fatt li d-data ppreżentata miċ-CCCMC kienet ikkostitwita minn prezzijiet ta’ bejgħ ta’ pajpijiet, li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala adattati għall-kalkolu tal-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ tagħmir ta’ tubi u pajpijiet.

137    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma ppreżentatx rikors intiż sabiex juri li hija kienet topera f’kundizzjonijiet tas-suq skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament Nru 1225/2009.

138    L-elementi mfakkra iktar ’il fuq huma suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni biċ-ċaħda tad-data li tirriżulta mis-suq Ċiniż ippreżentata miċ-CCCMC għat-twettiq tal-aġġustamenti tal-ispejjeż ta’ produzzjoni spjegati fil-premessa 117(a) u (b) tar-regolament ikkontestat.

2)      Fuq il-motivazzjoni insuffiċjenti fir-rigward tal-aġġustament tal-valur normali

139    Ir-rikorrenti tinvoka assenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-aġġustamenti tal-ispejjeż ta’ produzzjoni kkontestati.

140    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta regolament li jistabbilixxi dazji antidumping definittivi jkun jidħol fil-kuntest sistematiku ta’ totalità ta’ miżuri, ma jistax jiġi mistenni li l-motivazzjoni tiegħu tispeċifika l-punti varji ta’ fatt u ta’ liġi, ta’ spiss numerużi u kumplessi, li huma s-suġġett tiegħu, u lanqas li l-istituzzjonijiet jieħdu pożizzjoni dwar l-argumenti kollha invokati mill-partijiet interessati. Għall-kuntrarju, huwa suffiċjenti li l-awtur tal-att jesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li jkollhom importanza essenzjali fl-ekonomija tar-regolament ikkontestat. L-istituzzjonijiet ma humiex marbuta jimmotivaw speċjalment l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-argumenti differenti mressqa mill-partijiet interessati. Huwa suffiċjenti li r-regolament ikun fih ġustifikazzjoni ċara tal-elementi prinċipali tal-analiżi tagħhom, peress li din il-ġustifikazzjoni tista’ tiċċara r-raġunijiet għalfejn huma jkunu warrbu l-argumenti rilevanti mressqa mill-partijiet waqt il-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, regolament li jistabbilixxi dazji antidumping fit-tmiem ta’ proċedura ta’ investigazzjoni għandu jkun motivat biss fid-dawl tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt li huma rilevanti għall-evalwazzjoni li ssir. Il-motivazzjoni ta’ tali att ma għandhiex l-għan li tispjega l-evoluzzjoni tal-pożizzjoni tal-istituzzjonijiet waqt il-proċedura amministrattiva u għalhekk ma hijiex intiża li tiġġustifika d-diverġenzi bejn is-soluzzjoni adottata fl-att finali u l-pożizzjoni provviżorja esposta fid-dokumenti kkomunikati lill-partijiet interessati waqt din il-proċedura, sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom. Għalhekk, dan l-obbligu lanqas ma jimponi fuq l-istituzzjonijiet li jispjegaw għalfejn pożizzjoni prevista fi stadju partikolari tal-proċedura amministrattiva kienet eventwalment infondata (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2010, Whirlpool Europe vs Il-Kunsill, T-314/06, EU:T:2010:390, punti 114 sa 116).

141    F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-premessi 118 sa 129 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni wriet b’mod ċar u inekwivoku l-motivazzjoni taċ-ċaħda tad-data ppreżentata miċ-CCCMC.

142    Għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha f’dak li jirrigwarda l-aġġustament tal-valur normali.

143    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

4.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq abbuż ta’ poter fir-rigward tad-determinazzjoni tal-perijodu kkunsidrat

144    Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li, fl-10 ta’ Novembru 2012, wara lment ippreżentat mill-Kumitat tad-Difiża tal-Industrija ta’ Tagħmir tal-Azzar Inossidabbli wweldjati tarf ma’ tarf tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni antidumping distinta għal dik inkwistjoni f’dan il-każ (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni preċedenti”). Din l-investigazzjoni nfetħet permezz tan-notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna importazzjonijiet ta’ tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajwan (ĠU 2012, C 342, p. 2). Din l-investigazzjoni ngħalqet, sussegwentement għall-irtirar tal-ilment, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/440/UE tal-20 ta’ Awwissu 2013 li ttemm il-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajwan (ĠU 2013, L 223, p. 13).

145    Għandu jitfakkar li mill-premessa 43 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-investigazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ “kienet tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2014 sat-30 ta’ Settembru 2015”. Mill-premessa 44 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-“analiżi tat-tendenzi li huma rilevanti gћall-valutazzjoni tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni”.

146    Fit-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha teżamina t-tendenzi rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu fuq perijodu li jibda fl-2010, minflok fl-2012.

147    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tirrikonoxxi li l-prattika abitwali tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ investigazzjonijiet antidumping hija li teżamina perijodu ta’ erba’ snin. Madankollu, hija tenfasizza li, matul l-investigazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ, iċ-CCCMC ipprovat tikkonvinċi lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra estensjoni tal-perijodu taħt verifika b’tali mod li dan ikun ikopri l-perijodu tal-investigazzjoni preċedenti. F’dan ir-rigward hija ssostni li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ antidumping tinkludi wkoll il-possibbiltà li titbiegħed mill-prattika abitwali meta ċ-ċirkustanzi tal-investigazzjoni pendenti jiġġustifikaw dan. Hija tqis li ċ-ċirkustanzi tal-investigazzjoni inkwistjoni kienu jiġġustifikaw li l-Kummissjoni titbiegħed mill-prattika abitwali tagħha, peress li l-Kummissjoni kienet diġà wettqet parti sinjifikattiva tal-investigazzjoni preċedenti li fil-parti l-kbira kienet timplika l-istess lanjant, l-istess prodott inkwistjoni, l-istess produtturi-esportaturi u l-istess importaturi, u mingħajr dubju diġà kellha d-data kollha tal-Eurostat miġbura u analizzati matul l-investigazzjoni preċedenti. Ir-rikorrenti ssostni li, minkejja li l-investigazzjoni preċedenti ingħalqet, permezz tad-Deċiżjoni 2013/440, sussegwentement għall-irtirar tal-ilment, ir-raġuni vera għalfejn il-Kummissjoni għalqet l-imsemmija investigazzjoni kienet l-insuffiċjenza ta’ elementi li juru l-eżistenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni. Ir-rikorrenti tikkonkludi li ċ-ċaħda tat-talba taċ-CCCMC li testendi l-perijodu kkunsidrat tikkostitwixxi “abbuż tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa” tal-Kummissjoni u titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata bħala insuffiċjentement immotivati u illegali l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-perijodu kkunsidrat u, konsegwentement, id-determinazzjoni finali tagħha tad-dannu.

148    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li ċ-CCCMC ippreżentat, matul l-investigazzjoni inkwistjoni, data li tinkludi provi (ibbażati fuq data aġġornata ta’ Eurostat) relatata mat-tarifikazzjoni u mal-volumi ta’ kummerċ taż-żewġ pajjiżi mmirati mill-investigazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ li tirrigwarda perijodu li jibda fl-2010. Din id-data turi l-istabbiltà globali tal-evoluzzjoni tal-prezzijiet u tal-volumi tal-importazzjonijiet fuq il-perijodu li jibda fl-2010. Hija ssostni li dawn l-elementi ġew ippreżentati sabiex juru li l-prezzijiet u l-volumi tal-importazzjonijiet ma kienu ġarrbu ebda tnaqqis sinjifikattiv meta mqabbla mal-perijodu kopert mill-investigazzjoni preċedenti. Madankollu, hija tammetti li, fil-fatt, jekk wieħed jeżamina l-iżvilupp tal-kummerċ biss mill-2012, il-prezzijiet tal-importazzjoni jidhru li kellhom tnaqqis. Jekk, għall-kuntrarju, huwa l-perijodu itwal li huwa evalwat, ir-rikorrenti ssostni li l-prezzijiet tal-importazzjoni tul dan il-perijodu kollu baqgħu manifestament stabbli ħafna, peress li din l-istabbiltà għandha, fil-fehma tagħha, tikkostitwixxi element determinanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-dannu attwali u tar-rabta kawżali.

a)      Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv

149    Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet motiv tar-rikorrenti huwa inammissibbli skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura. Ir-rikorrenti ma esponietx, b’mod koerenti u li jinftiehem, fit-test tar-rikors, l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom l-azzjoni hija bbażata sabiex tippermetti lill-konvenuta tiddefendi ruħha u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra insostenn tiegħu. Il-Kummissjoni tfakkar li r-rikors għandu jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors u li s-sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il-Kunsill, T-443/11, EU:T:2014:774, punt 66). Hija tfakkar li, meta motiv jew parti minn motiv ikunu inkomprensibbli, hemm lok li jiġi ddikjarat inammissibbli (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il-Kunsill, T-443/11, EU:T:2014:774, punt 135). Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma spjegatx fiex kien jikkonsisti l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni jew l-abbuż tal-poter invokati fit-titolu tat-tielet motiv. Hija tenfasizza li r-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova insostenn tal-allegazzjonijiet ifformulati fil-kuntest tat-tielet motiv, ħlief f’dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni tagħha li l-prezzijiet tal-importazzjoni fil-perijodu mill-2010 baqgħu manifestament stabbli ħafna, billi tirreferi għal anness.

150    B’mod alternattiv, il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-rikorrenti li jinsab fil-punt 80 tar-rikors, dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet għall-esportazzjoni mill-2010, huwa inammissibbli skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-Kummissjoni tenfasizza li, sabiex tissostanzja d-dikjarazzjoni tagħha li l-prezzijiet tal-importazzjoni mill-2010 baqgħu stabbli ħafna, ir-rikorrenti tirreferi b’mod ġenerali għal anness, jiġifieri dokument ta’ 28 paġna, iżda hija bl-ebda mod ma tispeċifika fejn jinsabu l-argumenti li jissostanzjaw id-dikjarazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, hija tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi u fin-noti, il-motivi li hija tista’ tqis li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, EU:C:2005:408, punti 97 u 100, u tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C-382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 41). Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta jiġi invokat argument insostenn ta’ motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Versalis vs Il-Kummissjoni, C-511/11 P, EU:C:2013:386, punt 115). Hija ssostni li riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki annessi għar-rikors, ma jistax jikkumpensa għall-assenza tal-elementi essenzjali tal-argument legali, li għandhom ikunu inklużi fir-rikors (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, EU:C:2005:408, punti 94 u 100; tat-13 ta’ Ġunju 2013, Versalis vs Il-Kummissjoni, C-511/11 P, EU:C:2013:386, punt 115 u tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C-382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 40).

151    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li kif jirriżulta mill-punti 147 u 148 iktar ’il fuq, fir-rikors ir-rikorrenti esponiet l-argumenti li fuqhom huwa bbażat it-tielet motiv tagħha b’mod suffiċjentement ċar b’tali mod li ma hemmx lok li dan il-motiv jiġi ddikjarat inammissibbli għal din ir-raġuni.

152    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 80 tar-rikors, ir-rikorenti għamlet riferiment effettiv b’mod ġenerali għall-anness A.11, li hija barra minn hekk tikkonferma fir-replika. Il-fatt li hija tindika fl-istadju tar-replika l-elementi speċifiċi tal-imsemmi anness b’tali mod, fil-fehma tagħha, li tissostanzja l-allegazzjonijiet tagħha ma jistax jikkumpensa n-nuqqas, li twettaq waqt il-preżentata tar-rikors, tar-rekwiżiti tal-Artikolu 76 tar-Regolament tal-Proċedura (ara d-digriet tad-9 ta’ Jannar 2015, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, T-482/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:19, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata. Għaldaqstant, ir-riferiment b’mod ġenerali mwettaq mir-rikorrenti għall-Anness A.11 għandu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2017, Biogena Naturprodukte vs EUIPO (ZUM wohl), T-236, EU:T:2017:416, punt 12 u tad-9 ta’ Marzu 2018, NORMOSANG, T-103/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:126, punt 25).

b)      Fuq il-mertu

153    Fl-ewwel lok, l-argument tar-rikorrenti li, minkejja li l-investigazzjoni preċedenti ingħalqet, permezz tad-Deċiżjoni 2013/440, sussegwentement għall-irtirar tal-ilment, ir-raġuni vera għalfejn il-Kummissjoni għalqet l-imsemmija investigazzjoni kienet l-insuffiċjenza ta’ elementi li juru l-eżistenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni għandu jiġi ddikjarat ineffettiv. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li, kif sostniet il-Kummissjoni, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tanalizza, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, argumenti dwar l-investigazzjoni preċedenti, peress li l-kwistjonijiet dwar id-determinazzjoni jew le ta’ dannu fil-kuntest tal-imsemmija investigazzjoni huma indipendenti mill-investigazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ u ma humiex ta’ natura li jwasslu għall-annullament tar-regolament ikkontestat.

154    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-iżball manifest invokat mir-rikorrenti, għandu jitfakkar li hija r-rikorrenti li għandha tipproduċi provi insostenn tal-allegazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1991, Nölle, C‑16/90, EU:C:1991:402, punt 17; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2010, Carpent Languages vs Il-Kummissjoni, T‑582/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:379, punt 57 u tas-17 ta’ Jannar 2017, Cofely Solelec et vs Il-Parlament, T‑419/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:8, punt 96).

155    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-investigazzjoni għandha titwettaq abbażi ta’ informazzjoni kemm jista’ jkun attwali sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti d-dazji antidumping li huma adegwati għall-protezzjoni tal-industrija tal-Unjoni kontra l-prattiki ta’ dumping (sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, C‑458/98 P, EU:C:2000:531, punt 92; tat-28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS, C-283/14 u C‑284/14, EU:C:2016:57, punt 66 u tal-25 ta’ Jannar 2017, Rusal Armenal vs Il-Kunsill, T‑512/09 RENV, EU:T:2017:26, punt 119).

156    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova ta’ natura li tiġġustifika li l-Kummissjoni titbiegħed mill-prattika abitwali tagħha li tikkonsisti fl-eżami ta’ perijodu ta’ erba’ snin u tieħu inkunsiderazzjoni data tal-kummerċ mis-sena 2010.

157    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

158    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-abbuż ta’ poter invokat mir-rikorrenti, għandu jitfakkar li att ikun ivvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ġie adottat bil-għan esklużiv, jew tal-inqas determinanti, li jilħaq skopijiet differenti minn dawk iddikjarati jew li jevita proċedura prevista speċifikament mit-Trattat sabiex tilqa’ għaċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T-390/08, EU:T:2009:401, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

159    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma pproduċietx provi ta’ natura li juru li, bl-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kienet qed issegwi għan differenti minn dak li tadotta miżuri antidumping fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq allegat abbuż ta’ poter tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

160    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-perijodu kkunsidrat għandhom jiġu kkunsidrati li huma insuffiċjentement immotivati, għandu jsir riferiment għall-ġurisprudenza msemmija fil-punt 140 iktar ’il fuq.

161    F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-premessa 46 tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni mmotivat ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tat-talba li jiġi estiż il-perijodu kkunsidrat imressqa minn ċerti partijiet matul l-investigazzjoni antidumping.

162    Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti li l-konklużjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati li huma insuffiċjentement immotivati għandu jiġi ddikjarat infondat.

163    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud fir-rigward tal-fondatezza tiegħu, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar in-natura effettiva tiegħu, li hija wkoll ikkontestata mill-Kummissjoni.

5.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trasparenza, kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża

164    Ir-rikorrenti ssostni, fir-raba’ motiv tagħha, li l-Kummissjoni ma osservatx il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-prinċipju ta’ trasparenza u d-drittijiet tad-difiża. Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni ma osservatx id-drittijiet tad-difiża tagħha, l-ewwel nett, billi rrifjutat li tittrażmetti d-data dwar l-industrija tal-Unjoni li kienet disponibbli fl-istadju tal-konklużjonijiet provviżorji, it-tieni nett, bl-istabbiliment ta’ terminu ta’ 22-il ġurnata għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet fuq il-konklużjonijiet definittivi u, it-tielet nett, bl-istabbiliment ta’ terminu ta’ jumejn u nofs tax-xogħol sabiex jiġu ppreżentati l-osservazzjonijiet fuq il-konklużjonijiet finali riveduti tal-25 ta’ Novembru 2016, li kienu jinkludu informazzjoni importanti indikata għall-ewwel darba.

a)      Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trasparenza invokati mir-rikorrenti

165    Il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma osservatx il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-prinċipju ta’ trasparenza għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn ir-rikorrenti ma żviluppatx fir-rikors fiex kien jikkonsisti l-ksur ta’ dawn il-prinċipji. Il-Kummissjoni tenfasizza li mill-Artikolu 21(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li r-rikorsi għandhom jindikaw is-suġġett tat-tilwima u l-motivi tar-rikorrent. Hija tenfasizza li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, sabiex rikors ikun ammissibbli, ir-rikorrenti kellha tesponi b’mod koerenti u li jinftiehem, fit-test tar-rikors, l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom l-azzjoni kienet ibbażata sabiex tippermetti lill-konvenut li jiddefendi ruħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra insostenn. Minħabba dan, ir-rikors għandu jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’tali mod li s-sempliċi fatt li huwa jissemma b’mod astratt ma jissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura. Skont il-Kummissjoni, meta motiv jew parti minn motiv ma jkunx jista’ jinftiehem, għandu jiġi miċħud (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il-Kunsill, T-443/11, EU:T:2014:774, punt 66 u 135, u tal-24 ta’ Settembru 2015, L-Italja u Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑124/13 u T‑191/13, EU:T:2015:690, punt 33).

166    Skont l-Artikolu 76(d) tar-Regolamenti tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li din l-espożizzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u l-qorti kompetenti tkun tista’ tagħti deċiżjoni fuq ir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1991, Grifoni vs KEEA, C‑330/88, EU:C:1991:95, punt 18).

167    F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li, kif sostnut mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma żviluppatx jew spjegat fiex jikkonsisti l-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trasparenza li hija tinvoka fit-titolu tar-raba’ motiv b’tali mod li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

b)      Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti

168    Fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża invokat mir-rikorrenti, qabelxejn għandu jiġi enfasizzat li, kif ġie konkluż fil-punt 36 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka quddiem il-Qorti Ġenerali d-drittijiet tad-difiża taċ-CCCMC.

169    Għandu jiġi wkoll miċħud l-ilment ibbażat fuq it-terminu insuffiċjenti mogħti għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet fuq il-konklużjonijiet definittivi riveduti, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 37 sa 41 iktar ’il fuq.

170    Fir-rigward barra minn hekk tal-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ trażmissjoni tad-data li tikkonċerna l-industrija tal-Unjoni disponibbli fl-istadju tal-konklużjonijiet provviżorji, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li r-rikorrenti ma stabilixxietx li hija stess talbet l-iżvelar ta’ din id-data fl-osservazzjonijiet tagħha fuq il-konklużjonijiet provviżorji, peress li r-riferiment għall-osservazzjonijiet taċ-CCCMC kien irrilevanti fid-dawl tar-raġunijiet imfakkra fil-punt 169 iktar ’il fuq. It-tieni nett, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti li kieku hija kellha din id-data mill-istadju tal-konklużjonijiet provviżorji minflok fl-istadju tal-konklużjonijiet definittivi. Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, dan l-ilment għandu għalhekk jiġi miċħud.

171    Fir-rigward fl-aħħar nett tal-ilment ibbażat fuq it-terminu insuffiċjenti mogħti għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet fuq il-konklużjonijiet definittivi, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li t-terminu ta’ tnejn u għoxrin ġurnata mogħti mill-Kummissjoni huwa ferm ogħla mit-terminu minimu ta’ għaxart ijiem preskritt, f’dan il-kuntest, mill-Artikolu 20(5) tar-Regolament 2016/1036, mingħajr ma ċ-ċirkustanzi partikolari allegati mir-rikorrenti ma jistgħu jikkontestaw ir-regolarità tal-proċedura f’dan ir-rigward. Għalhekk dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

172    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

173    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

IV.    Fuq l-ispejjeż

174    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

175    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

176    F’dan il-każ, il-Kummissjoni talbet li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Peress li r-rikorrenti tilfet, it-talbiet tal-Kummissjoni għandhom jintlaqgħu u r-rikorrenti għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Barra minn hekk, bħala istituzzjoni intervenjenti, il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Zhejiang Jndia Pipeline Industry Co. Ltd hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Kanninen

Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín

Reine

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Settembru 2019.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.