Language of document : ECLI:EU:C:2008:489

Kawża C-11/07

Hans Eckelkamp et

vs

Belgische Staat

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Gent)

“Moviment liberu tal-kapital — Artikoli 56 KE u 58 KE — Taxxa tas-suċċessjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kalkolu tat-taxxa fuq it-trasferiment tal-proprjetà immobbli li ma tippermettix it-tnaqqis, mill-valur ta’ proprjetà immobbli, ta’ dejn iggarantit b’ipoteka fuq din il-proprjetà minħabba li, fil-mument tal-mewt tagħha, il-persuna li nfetħet is-suċċessjoni tagħha kienet residenti fi Stat Membru ieħor — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni — Assenza”

Sommarju tas-sentenza

1.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali

(Artikolu 234 KE)

2.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli

(Artikolu 234 KE)

3.        Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Taxxa tas-suċċessjoni

(Artikoli 56 KE u 58 KE)

1.        Fil-kuntest ta’ proċedura taħt l-Artikolu 234 KE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tista’ tiddeċiedi biss fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test Komunitarju abbażi tal-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali. Hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għall-eventwali deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sa fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi.

(ara l-punti 27 u 52)

2.        Fil-kuntest ta’ proċedura taħt l-Artikolu 234 KE, ir-rifjut li tingħata deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kontroversja fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt meħtieġa sabiex tagħti risposti utli għad-domandi li jkunu sarulha.

(ara l-punt 28)

3.        Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, dwar il-kalkolu tat-taxxa tas-suċċessjoni u tat-taxxa fuq it-trasferiment dovuti fir-rigward ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru, li ma tipprevedix il-possibbiltà li jitnaqqas id-dejn marbut ma’ din il-proprjetà immobbli meta l-persuna li nfetħet is-suċċessjoni tagħha ma kinitx, fil-mument tal-mewt tagħha, residenti f’dan l-Istat iżda fi Stat Membru ieħor, filwaqt li dan it-tnaqqis ikun previst meta din il-persuna kienet, f’dan l-istess mument, residenti fl-Istat fejn tinsab il-proprjetà immobbli li hija s-suġġett tas-suċċessjoni.

Fil-fatt, sa fejn skont din il-leġiżlazzjoni t-tnaqqis ta’ ċertu dejn marbut mal-proprjetà immobbli kkonċernata jiddependi mill-post ta’ residenza, fil-mument tal-mewt tagħha, tal-persuna li nfetħet is-suċċessjoni tagħha, il-piż fiskali ikbar li għalih hija għaldaqstant suġġetta s-suċċessjoni ta’ persuni mhux residenti jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital.

Din id-differenza fit-trattament ma tistax tkun ġustifikata bir-raġuni li din tikkonċerna sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament paragunabbli. Sa fejn leġiżlazzjoni nazzjonali tqiegħed fuq l-istess livell, għall-finijiet tat-tassazzjoni ta’ proprjetà immobbli akkwistata b’wirt u li tinsab fl-Istat Membru kkonċernat, l-eredi ta’ persuna li, fil-mument tal-mewt tagħha, kellha l-istatus ta’ residenti u dawk ta’ persuna li, f’dan l-istess mument, kellha l-istatus ta’ persuna mhux residenti, din l-istess leġiżlazzjoni ma tistax, mingħajr ma toħloq diskriminazzjoni, tittratta lil dawn l-eredi b’mod differenti, fil-kuntest tal-istess tassazzjoni, fir-rigward tat-tnaqqis tad-dejn marbut ma’ din il-proprjetà immobbli. Billi jittratta b’mod identiku, ħlief fir-rigward tat-tnaqqis tad-dejn, is-suċċessjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni għall-finijiet tat-taxxa tas-suċċessjoni, il-leġiżlatur nazzjonali fil-fatt aċċetta li bejn dawn tal-aħħar, fid-dawl tal-modalitajiet u tal-kundizzjonijiet ta’ din it-tassazzjoni, ma teżisti ebda differenza oġġettiva fis-sitwazzjoni li tista’ tiġġustifika differenza fit-trattament.

Barra minn hekk, l-Istat Membru li fih tinsab il-proprjetà immobbli li tkun is-suġġett tas-suċċessjoni ma jistax, sabiex jiġġustifika restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tiegħu, jinvoka l-eżistenza ta’ possibbiltà, indipendenti mir-rieda tiegħu, li jingħata kreditu fiskali minn Stat Membru ieħor, bħall-Istat Membru fejn il-persuna li nfetħet is-suċċessjoni tagħha kienet residenti fil-mument tal-mewt tagħha, li jista’ jikkumpensa, kompletament jew parzjalment, il-preġudizzju mġarrab mill-eredi ta’ din tal-aħħar minħabba li fl-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà immobbli mogħtija b’wirt, meta jsir il-kalkolu tat-taxxa fuq it-trasferiment, ma jitnaqqasx id-dejn marbut ma’ din il-proprjetà immobbli.

(ara l-punti 46, 60, 63, 68, 71 u d-dispożittiv)