Language of document : ECLI:EU:T:2001:279

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

6 ta’ Diċembru 2001(*)

“Arranġamenti ta’ assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji extra Ewropej ─ Deċiżjoni 97/803/KE ─ Importazzjonijiet ta’ zokkor ─ Rikors għal annullament ─ Rikors għad-danni ─ Ammissibbiltà ─ Natura irriversibbbli ta’ l-esperjenza akkwistata ─ Prinċipju ta’ proporzjonalità ─ Ċertezza legali”

Fil-kawża T-43/98,

Emesa Sugar (Free Zone) NV, stabbilita f’Oranjestad (Aruba), irrappreżentata minn G. van der Wal, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. Huber u G. Houttuin, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut mill-

Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn T. Van Rijn, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

mir-

Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. López-Monís Gallego u R. Silva de Lapuerta, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

u mir-

Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn K. Rispal-Bellanger, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/803/KE ta’ l-24 ta’ Novembru 1997, li temenda, f’nofs it-terminu, id-Deċiżjoni 91/482/ KEE dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji extra Ewropej mal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1997, L 329, p.50), u talba għal kumpens għad-danni,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, K. Lenaerts u M. Jaeger, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Mejju 2001,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Skond l-Artikolu 3(r) tat-Trattat KE [li, wara li ġie emendat, sar l-Artikolu 3(1)(s) KE], l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji extra Ewropej (iktar ’il quddiem l-“OCT”) “biex jiżdied il-kummerċ u sabiex flimkien iġibu ’il quddiem l-iżvilupp ekonomiku u soċjali”.

2         Aruba hija waħda mil-OCT.

3        L-assoċjazzjoni ta’ l-OCT mal-Komunità hija rregolata mir-Raba’ Parti tat-Trattat KE.

4        Skond it-tieni u t-tielet paragrafi ta’ Artikolu 131 tat-Trattat KE (li, wara li ġew emendati saru t-tieni u t-tielet paragrafi ta’ Artikolu 182 KE):

“L-iskop ta’ din l-assoċjazzjoni huwa li jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi u t-territorji, u li tistabbilixxi relazzjonijiet ekonomiċi viċini bejnhom u l-Komunità kollha.

B’mod konformi mal-prinċipji enunzjati fil-Preambolu ta’ dan it-Trattat, din l-assoċjazzjoni għandha, fl-ewwel lok, tippermetti t-titjib ta’ l-interessi u tal-prosperità ta’ l-abitanti ta’ dawn il-pajjizi u territorji sabiex twassalhom għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali li jistennew”.

5        Għal dan il-għan l-Artikolu 132 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 183 KE) jesprimi diversi għanijiet, fosthom l-applikazzjoni, min-naħa ta’ l-Istati Membri, “fil-kummerċ tagħhom mal-pajjiżi u t-territorji, [ta’] l-istess kondizzjonijiet li jagħtu lil xulxin permezz ta’ dan it-Trattat”.

6        L-Artikolu 133(1) tat-Trattat KE (li, wara li ġie emendat, sar l-Artikolu 184(1) KE) jipprovdi li l-importazzjonijiet illi joriġinaw mill-OCT għandhom jibbenefikaw, mad-dħul tagħhom fl-Istati Membri, mill-eliminazzjoni totali ta’ dazji tad-dwana b’mod konformi ma’ l-eliminazzjoni progressiva tad-dazji tad-dwana bejn l-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-istess Trattat.

7        Skond l-Artikolu 136 tat-Trattat KE (li, wara li ġie emendat, sar l-Artikolu 187 KE):

“Għal perijodu inizjali ta’ ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat, id-dettalji u l-proċedura għall-assoċjazzjoni bejn il-pajjiżi u t-terrotorji u l-Komunità għandhom jiġu stabbiliti minn konvenzjoni ta’ implementazzjoni annessa ma’ dan it-Trattat.

Qabel ma tiskadi l-konvenzjoni prevista fil-paragrafu preċedenti, il-Kunsill, b’mod unanimu, għandu, abbażi ta’ l-esperjenza akkwistata u tal-prinċipji mniżżla f’dan it-Trattat, jistabilixxi d-disposizzjonijiet li għandhom jiġu adottati għal perijodu ġdid”.

8        Abbażi tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 136 tat-Trattat, fil-25 ta’ Frar 1964 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 64/349/KEE dwar l-assoċjazzjoni ta’ l-OCT mal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1964, 93, p.1472). Din id-deċiżjoni kienet intiża biex tissostitwixxi mill-1 ta’ Ġunju 1964, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim intern dwar l-iffinazjar u l-immaniġġjar ta’ l-għajnuna tal-Komunità, iffirmat f’Yaoundé fl-20 ta’ Lulju 1963, il-konvenzjoni ta’ implementazzjoni dwar l-assoċjazzjoni ta’ l-OCT mal-Komunità, annessa mat-Trattat u konkluża għal ħames snin.

9        Wara diversi deċiżjonijiet dwar l-istess suġġett, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 91/482/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1991, dwar l-assoċjazzjoni ta’ l-OCT mal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 263, p.1; iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni OCT”­­­­­­­) illi, skond l-Artikolu 240(1), hi applikabbli għal perijodu ta’ għaxar snin li jibda jiddekorri mill-1 ta’ Marzu 1990. L-Artikolu 240(3)(a) u (b), jipprovdi, madankollu, li qabel ma jgħaddu l-ewwel ħames snin, il-Kunsill, b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jistabilixxi, skond il-każ, minnbarra l-assistenza finanzjarja tal-Komunità, għat-tieni perijodu ta’ ħames snin, l-emendi eventwali li għandhom isiru għall-assoċjazzjoni ta’ l-OCT mal-Komunità. Konsegwentement, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 97/803/KE, ta’ l-24 ta’ Novembru 1997, li temenda, f’nofs it-terminu, id-deċiżjoni OCT (ĠU L 329, p.50; iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”).

10      Il-verżjoni oriġinali ta’ l-Artikolu 101(1) tad-deċiżjoni OCT kienet tgħid:

“Il-prodotti li joriġinaw mill-OCT għandhom jiġu importati fil-Komunità mingħajr dazji tad-dwana u taxxi b’effett ekwivalenti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11       L-Artikolu 102 ta’ din l-istess Deċiżjoni kien jipprovdi:

“Il-Komunità la għandha tapplika restrizzjonijiet kwantitattivi u lanqas miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għall-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-OCT”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 108(1) tad-Deċiżjoni OCT jirreferi għall-Anness II tagħha (iktar ’il quddiem, l-“Anness II”) għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ prodotti li joriġinaw u tal-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva relattivi. Skond l-Artikolu 1 ta’ dan l-Anness, prodott huwa kkunsidrat bħala li joriġina mill-OCT, mill-Komunità jew mill-Istati ta’ l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (iktar ’il quddiem l-“Istati ACP”) jekk ikun ġie kompletament miksub jew suffiċjentement ipproċessat hemmhekk.

13      L-Artikolu 3(3) ta’ l-imsemmi Anness II jinkludi lista ta’ xogħlijiet jew ta’ pproċessar ikkunsidrati bħala insuffiċjenti sabiex jattribwixxu l-karatteristika ta’ l-oriġini lil prodott li jkun ġej mill-OCT.

14      Madankollu, l-Artikolu 6(2) ta’ l-Anness II jipprovdi:

“Meta prodotti kompletament miksuba [...] fl-Istati ACP jinħadmu jew jiġu proċessati fl-OCT, huma jiġu kkunsidrati bħala li jkunu ġew kompletament miksuba fl-OCT”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15      Skond l-Artikolu 6(4) ta’ l-Anness II, ir-regola msemmija fil-punt preċedenti, magħrufa bħala “ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT” hi applikabbli għal “kull xogħol jew ipproċessar magħmul fl-OCT, inklużi l-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 3(3)”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].

16      Id-deċiżjoni kkontestata limitat l-applikazzjoni tar-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT għaz-zokkor illi joriġina mill-OCT.

17      Fis-seba’ premessa tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill jispjega kif ġej:

“billi l-introduzzjoni mid-deċiżjoni [OCT], ta’ aċċess liberu għall-prodotti kollha li joriġinaw mill-OCT u ż-żamma tal-kumulu bejn prodotti li joriġinaw mill-Istati ACP u prodotti li joriġinaw mill-OCT, wasslet biex jiġi kkonstatat ir-riskju ta’ kunflitt bejn l-għanijiet ta’ żewġ politiki Komunitarji, jiġifieri l-iżvilupp ta’ l-OCT u l-politika agrikola komuni; billi, fil-fatt, tfixkil serju fis-suq Komunitarju ta’ ċerti prodotti suġġetti għall-organizzazzjoni komuni tas-suq wassal diversi drabi għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja; billi aktar tfixkil għandu jiġi evitat permezz ta’ miżuri xierqa sabiex jistabilixxu qafas li jwassal għal kummerċ regolari u fl-istess ħin kompatibbli mal-politika agrikola komuni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18      Għal dan il-għan, id-deċiżjoni kkontestata żiedet, fid-Deċiżjoni OCT, b’mod partikolari, l-Artikolu 108b, li jippermetti l-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT għal kwantità annwali stabbilita ta’ zokkor. Dan l-Artikolu 108b(1) u (2) jipprovdi:

“1.[...] il-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT imsemmi fl-Artikolu 6 ta’ l-anness II hu permess għal kwantità annwali ta’ 3,000 tunnellata ta’ zokkor.

2. Għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ kumulu ACP/OCT imsemmi fil-paragrafu 1, huma kkunsidrati bħala suffiċjenti sabiex jattribwixxu l-karatteristika ta’ prodotti li joriġinaw mill-OCT l-iffurmar ta’ zokkriet jew il-kolorazzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti u l-proċedura

19      Ir-rikorrenti, li ġiet kostitwita fis-6 ta’ Frar 1997, ilha mix-xahar ta’ April 1997 topera fabbrika taz-zokkor fuq il-gżira ta’ Aruba u tesporta z-zokkor lejn il-Komunità. Il-fabbrika tar-rikorrenti għandha, skond hi, kapacità minima ta’ pproċessar ta’ 34,000 tunnellata ta’ zokkor fis-sena. Peress li z-zokkor ma jiġix prodott f’Aruba, ir-rikorrenti tixtri zokkor abjad mingħand raffineriji taz-zokkor tal-kanna stabbiliti f’pajjiżi ACP. Iz-zokkor mixtri huwa trasportat lejn Aruba fejn, qabel ma jiġi esportat lejn il-Komunità, jiġi maħdum u pproċessat sabiex jibbenefika mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT.

20      Huwa f’dan il-kuntest li, b’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-10 ta’ Marzu 1998, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors, li għandu bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll talba għal kumpens għad-danni.

21      Permezz ta’ att separat, irreġistrat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-10 ta’ April 1998, ir-rikorrenti ressqet, skond l-Artikolu 185 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 242 KE), talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-Artikolu 1(28), (30), (32) u (60) tad-deċiżjoni kkontestata, sakemm il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi fuq il-mertu, u b’mod sussidjarju, skond l-Artikolu 186 tat-Trattat KE (li sar Artikolu 243 KE), talba għal miżuri provviżorji xierqa.

22      Permezz ta’ digriet ta’ 14 ta’ Awissu 1998, Emesa Sugar vs Il-Kunsill (T-43/98 R, Ġabra p. II-3055), il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħad dawn it-talbiet.

23      Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-7 ta’ Mejju, fl-4 ta’ Ġunju u fil-15 ta’ Ġunju 1998 rispettivament, ir-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża talbu, skond l-Artikolu 115 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li jintervjenu biex isostnu t-talbiet tal-Kunsill. It-talba tar-Renju ta’ Spanja ntlaqgħet permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Lulju 1998 u dawk tal-Kummissjoni u tar-Repubblika Franċiża, permezz ta’ digrieti tad-9 ta’ Lulju 1998. Ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni ppreżentaw nota ta’ intervent, rispettivament, fl-20 ta’ Novembru u fit-22 ta’ Diċembru 1998 u l-partijiet prinċipali ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn in-noti.

24      Fuq appell tar-rikorrenti, id-digriet Emesa Sugar vs Il-Kunsill, iċċitat fil-punt 22 hawn fuq ġie annullat permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Dicembru 1998, Emesa Sugar vs Il-Kunsill [C-363/98(R), Ġabra p. I-8787], u l-kawża ġiet irrinvijata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

25      Il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza mbagħad ordna miżuri provviżorji fil-kawża T-44/98 R II, [digrieti tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 1999, Emesa Sugar vs Il-Kummissjoni, T-44/98 R II, Ġabra p.II-1427, u tad-29 ta’ Settembru 1999, Emesa Sugar vs Il-Kummissjoni, T-44/98 R II, Ġabra p.II-2815]. Minħabba dawn il-miżuri provviżorji, ġie deċiż illi ma kienx hemm lok li tittieħed deċiżjoni fil-kawża T-43/98 R II (digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 2000, Emesa Sugar vs Il-Kunsill, T-43/98 R II, mhux ippubblikat fil-Ġabra).

26      Skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 234 KE), il-President ta’ l-Arrondissementsrechtbank te’s-Gravenhage (l-Olanda) talab lill-Qorti sabiex tiddeċiedi dwar il-validità tad-deċiżjoni kkontestata (kawża C-17/98).

27      Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Frar 1999, il-Qorti tal-tal-Prim’Istanza ssospendiet dawn il-proċedimenti sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti sentenza finali fil-kawża C-17/98.

28      Fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Frar 2000 fil-kawża Emesa Sugar (C-17/98, Ġabra p. I-675, iktar ’il quddiem is-“sentenza Emesa”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżami tad-domandi magħmula ma wera ebda fattur ta’ tali natura illi jaffettwa l-validità tad-deċiżjoni kkontestata.

29      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Frar 2000, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw osservazzjonijiet fuq it-tkomplija tal-proċedimenti f’din il-kawża.

30      Ir-rikorrenti sostniet, fl-ittra tagħha tal-31 ta’ Marzu 2000, illi s-sentenza Emesa kienet ibbażata fuq żbalji ta’ fatt. Barra minn hekk, din is-sentenza ngħatat bi ksur ta’ l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali peress li, matul il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti ma setgħetx tagħmel osservazzjonijiet fuq il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali. Ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tkompli l-proċedura bil-miktub u sabiex tistieden lill-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet fuq il-mertu tas-sentenza Emesa.

31      Il-Kunsill u l-Kummissjoni sostnew, f’ittri datati 29 u 24 ta’ Marzu 2000, rispettivament, illi r-rikors kien sar bla skop, fid-dawl tal-fatt illi l-Qorti kienet ikkonfermat, fis-sentenza tagħha Emesa, il-validità tad-deċiżjoni kkontestata.

32      Permezz ta’ ittra ta’ l-24 ta’ Mejju 2000, ir-rikorrenti ġiet mistiedna sabiex tippreżenta nota addizzjonali fuq il-mertu tas-sentenza Emesa. Fid-9 ta’ Ottubru 2000, ir-rikorrenti ppreżentat din in-nota, illi dwarha l-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet f’noti datati 21 ta’ Frar 2001.

33      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (it-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti mill-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, xi domandi bil-miktub ġew indirizzati lill-partijiet li rrispondewhom fiz-żmien mogħti lilhom.

34      It-trattazzjoni orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’ Istanza nstemgħu matul is-seduta tal-15 ta’ Mejju 2001.

 It-talbiet tal-partijiet

35      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata jew, għall-inqas, tannullaha safejn, minn naħa, temenda l-Artikoli 101, 102 u 108 tad-deċiżjoni OCT u l-Artikolu 6 ta’ l-anness II u, min-naħa l-ohra, iddaħħal l-Artikolu l-ġdid 108b fid-deċiżjoni OCT (l-Artikolu 1(27) sa (32) tad-deċiżjoni kkontestata);

–        tiddikjara lill-Komunità bħala responsabbli għad-danni li hija sostniet minħabba li, mill-1 ta’ Dicembru 1997, l-importazzjoni taz-zokkor li joriġina mill-OCT fil-Komunità ġiet ostakolata jew ristretta minħabba d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna li l-partijiet jiftiehmu fuq l-istima ta’ dawn id-danni u li, fin-nuqqas ta’ ftehim bejniethom, il-proċedura titkompla, f’terminu illi hija tiddetermina, sabiex issir din l-istima jew, għall-inqas, tikkundanna lill-Komunità sabiex tħallas l-ammont ta’ danni illi ġie stmat b’mod provviżorju fir-rikors u illi għad irid jiġi stmat b’mod definittiv jew, sussidjarjament, tikkundanna lill-Komunità sabiex tħallas il-kumpens għad-danni illi l-Qorti tal-Prim’Istanza tiddetermina b’mod ekwu, flimkien ma’ l-interessi għad-dewmien;

–        tordna li l-Kunsill ibati l-ispejjeż.

36      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad it-talbiet għal annullament bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondati;

–        tiċħad it-talbiet għal kumpens għad-danni bħala infondati;

–        tordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż;

–        f’każ li l-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi favur in-nullità ta’ Artikolu 1(27) sa (32) tad-deċiżjoni kkontestata, tindika liema huma l-effetti tad-dispożizzjonijiet annullati illi għandhom jinżammu fis-seħħ sakemm huwa jrendi din id-deċiżjoni konformi mas-sentenza mogħtija f’ dan il-każ.

37      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors għal annullament bħala inammissibbli jew, għall-inqas bħala infondat;

–        tiċħad ir-rikors għal kumpens għad-danni;

–        tordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

38      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti tal-Prim’ Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors; 

–        tordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament

 L-argumenti tal-partijiet

39      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament. Id-deċiżjoni kkontestata hi miżura leġiżlattiva ta’ applikazzjoni ġenerali illi tapplika għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati kollha. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni kkontestata ma tirrigwardax lir-rikorrenti individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat KE (li, wara li ġie emendat, sar ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE).

40      Ir-rikorrenti tirribatti li d-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat. Hija żżid li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwardaha direttament u individwalment skond dan l-istess Artikolu jew, għall-inqas, li d-dipożizzjonijiet tagħha li emendaw l-Artikoli 101, 102 u 108 tad-deċiżjoni OCT u l-Artikolu 6 ta’ l-anness II, u li żiedu Artikolu, l-Artikolu 108b f’din id-deċiżjoni jirrigwardawha direttament u individwalment.

41      Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda lir-rikorrenti direttament peress li hi, jew għall-inqas id-dispożizzjonijiet tagħha, iċċitati fil-punt preċedenti, ma jħallu ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-Istati Membri inkarigati mill-applikazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata, jew għall-inqas id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, jirrigwardawha individwalment minħabba l-fatt illi tinsab f’sitwazzjoni li tiddistingwiha minn kwalunkwe impriża oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorniu vs Il-Kunsill, C-309/89, Ġabra p. I-1853). Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li hija l-unika produttriċi ta’ zokkor ta’ l-OCT li mmanifestat ruħha b’mod ċar bħala parti kkonċernata matul il-proċedimenti amministrattivi illi ppreċedew l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

42      Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li tagħmel parti minn numru żgħir ta’ impriżi taz-zokkor stabbiliti fl-OCT u li l-Kunsill imissu eżamina s-sitwazzjoni tagħhom qabel ma emenda d-deċiżjoni OCT. Hija tfakkar, f’dan ir-rigward, li għamlet investimenti kunsiderevoli u li ħadet impenji għal żmien twil ma’ fornituri taz-zokkor fl-Istati ACP (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, 11/82, Gabra p. 207, punt 28, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, T-480/93 u T-483/93, p. II-2305, punt 74). F’ittra tat-18 ta’ Diċembru 1997, is-Sur Fischler, membru tal-Kummissjoni, irrikonoxxa li l-emendi li saru għad-deċiżjoni OCT mid-deċiżjoni kkontestata ġew adottati bħala soluzzjoni alternattiva għall-miżuri protettivi li setgħu jiġu adottati abbażi ta’ l-Artikolu 109 tad-deċiżjoni OCT. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill kellu jieħu in kunsiderazzjoni l-interessi tar-rikorrenti (sentenza Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 76 u 77). Fil-fatt, li kieku l-Komunità adottat formalment miżuri ta’ salvagwardja, hija kien ikollha tieħu in kunsiderazzjoni l-konsegwenzi li dawn setgħu jkollhom għall-impriżi stabbiliti fl-OCT. Ir-rikorrenti ssostni li d-differenza formali li tiddistingwi l-miżuri ta’ salvagwardja minn restrizzjoni strutturali ma tinvolvi ebda differenza f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni kemm il-Komunità għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-interessi ta’ l-impriżi stabbiliti fl-OCT.

43      L-obbligu tal-Komunità li tieħu in kunsiderazzjoni l-konsegwenzi ta’ l-att li hija tipproponi li jiġi adottat fuq is-sitwazzjoni ta’ ċerti persuni jirriżulta, ġeneralment, mill-preambolu tat-Trattat, mill-Karta tan-Nazzjonjiet Uniti u mit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 131 tat-Trattat.

44      Ir-rikorrenti tosserva barra minn hekk li r-restrizzjoni kwantitattiva imposta fid-deċiżjoni kkontestata fuq l-importazzjonijiet taz-zokkor li joriġina mill-OCT u l-limitazzjoni tat-tipi ta’ xogħlijiet jew ta’ proċessar illi jistgħu jattribwixxu l-oriġini OCT permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT jheddu direttament l-eżistenza tagħha u l-attivitajiet kummerċjali tagħha. Fis-seduta, hija enfasizzat li kienet, fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-unika impriża taz-zokkor stabbilita f’Aruba. Hija ssostni li s-sitwazzjoni tagħha hi paragunabbli ma’ dik tar-rikorrenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 1991, Extramet Industrie vs Il-Kunsill (C-358/89, Ġabra p. I-2501).

45      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti, billi tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il-Kunsill (T-135/96, Ġabra p. II-2335, punt 89), issostni li d-deċiżjoni kkontestata kienet evitat kull skrutinju demokratiku. Fil-fatt, ma kienx hemm konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, u lanqas ma’ l-OCT. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill kien imissu ħa l-pożizzjoni partikolari ta’ l-OCT in kunsiderazzjoni (sentenza UEAPME vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 90).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

46      Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata hi intitolata “deċiżjoni”, hija għandha portata ġenerali, billi tapplika għall-operaturi ekonomiċi kollha kkonċernati. Il-fatt li l-Artikolu 108b, miżjud permezz tad-deċiżjoni kkontestata fid-deċiżjoni OCT, jaffettwa partikolarment lir-rikorrent, billi jillimita l-importazzjonijiet taz-zokkor fil-Komunità li jistgħu jibbenefikaw mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT, mhuwiex ta’ tali natura li jqajjem dubji dawr in-natura regolamentari tad-deċiżjoni kkontestata peress li d-dispożizzjoni in kwistjoni hi indirizzata lill-impriżi kollha involuti fl-esportazzjonijiet taz-zokkor provenjenti mill-OCT lejn il-Komunità. Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li l-possibilità li jiġi determinat, bi preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità ta’ l-operaturi ekonomiċi illi għalih japplika att, fi żmien determinat, mhijiex biżżejjed biex tqajjem dubji dwar in-natura regolamentari ta’ l-att, sakemm jiġi stabbilit li din l-applikazzjoni tiġi effettwata permezz ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt definita mill-att fir-rigward ta’ l-għan tiegħu (sentenzi Codorniu vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, punt 18, u Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, punt 65).

47      Madankollu, il-portata ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata ma teskludix, b’daqshekk, illi tista’ tirrigwarda direttament u individwalment lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridici skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat (ara s-sentenzi Codorniu vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, punt 19, u Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, punt 66).

48      Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda lir-rikorrenti direttament peress li din ta’ l-aħħar ma tħalli l-ebda margini ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-Istati Membri inkarigati mill-applikazzjoni tagħha (sentenza Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, punt 63).

49      Dwar il-kwistjoni jekk id-deċiżjoni kkontestata tirrigwardax lir-rikorrenti individwalment, għandu jiġi mfakkar li, sabiex persuna fiżika jew ġuridika tista’ tiġi kkunsidrata bħala individwalment ikkonċernata minn att ta’ portata ġenerali, hija għandha tkun affettwata minnu minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaretterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223; digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 1997, Federolio vs Il-Kummissjoni, T-122/96, Ġabra p. II-1559, punt 59, u tad-29 ta’ April 1999, Alce vs Il-Kummissjoni, T-120/98, Ġabra, p. II-1395, punt 19).

50      Il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata taffettwa l-attività ekonomika tar-rikorrenti mhuwiex ta’ tali natura li jindividwalizzaha fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat meta mqabbla ma’ kwalunkwe operatur ieħor, peress li hija qiegħda f’sitwazzjoni oġġettivament determinata, paragunabbli ma’ dik ta’ kwalunkwe operatur ieħor stabbilit jew li se jistabilixxi ruħu f’OCT u li hu jew ser ikun attiv fis-suq taz-zokkor (digriet Federolio vs Il-Kummissjoni, iċċitat fil-punt 49 iktar ’il fuq, punt 67). F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti stess ikkonfermat fir-rikors (punt 207) illi, fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kien hemm żewġ jew tliet impriżi oħra taz-zokkor fl-OCT (b’mod partikolari f’Curaçao). Barra minn hekk, fis-seduta, hija spjegat li impriża ġdida taz-zokkor, Rica Foods, kienet stabbiliet ruħha f’Aruba, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma ġabitx il-prova li hija qed issofri preġudizzju eċċezzjonali ta’ tali natura li jindividwalizzaha meta tiġi mqabbla ma’ l-operaturi ekonomiċi l-oħra skond is-sentenza Extramet Industrie vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq.

51       Ir-rikorrenti ssostni madankollu li l-Kunsill kien legalment marbut jeżamina s-sitwazzjoni partikolari tagħha qabel ma adotta d-deċiżjoni kkontestata.

52      Għandu jiġi mfakkar li l-fatt li istituzzjoni Komunitajra għandha l-obbligu, minħabba dispożizzjonijiet speċifiċi, li tikkunsidra l-konsegwenzi ta’ l-att li għandha l-intenzjoni tadotta fuq is-sitwazzjoni ta’ xi individwi hu ta’ tali natura li jindividwalizza lil dawn ta’ l-aħħar (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, iċċitat fil-punt 42 iktar ’il fuq, punti 28 sa 31, u tas-26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il-Kummissjoni, C-152/88, Ġabra p. I-2477, punti 11 sa 13; sentenza Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, punt 67).

53      Għandu jiġi kkonstatat, madankollu, illi, fi żmien l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma kien jimponi fuq il-Kunsill li jieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti. Hemm lok li jiġi enfasizzat, għal dan l-għan, li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kkunsidrata bħala mizura ta’ salvagwardja li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 109 tad-deċiżjoni OCT (ara l-punti 107 sa 112 iktar ’il quddiem). L-obbligu li din id-dispożizzjoni timponi fuq l-istituzzjoni li tadotta miżura ta’ salvagwardja, jiġifieri li tittieħed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ l-impriżi kkonċernati (sentenza Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, punt 72), mhuwiex għalhekk applikabbli f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li l-proposta ta’ deċiżjoni 96/C 139/01 tal-Kunsill li temenda, f’nofs it-terminu, id-deċiżjoni OCT (GU 1996, C 139, p.1) kienet ġiet ipprezentata mill-Kummissjoni lill-Kunsill fis-16 ta’ Frar 1996 u li din il-proposta kienet għall-ewwel tipprovdi għall-abolizzjoni totali tar-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT għaz-zokkor provenjenti minn Stati ACP (ara l-punt 94 iktar ’il quddiem). Anki li kieku riedet, il-Kummissjoni ma setgħetx tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti peress li, f’dak iż-żmien, ir-rikorrenti, illi ġiet kostitwita fis-6 ta’ Frar 1997, ma kinitx teżisti.

54      Il-fatt li r-rikorrenti għamlet investimenti u kkonkludiet kuntratti ta’ provvista juri għażla ekonomika li hija għamlet skond l-interessi kummerċjali tagħha (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Jannar 2001, Iposea vs Il-Kummissjoni, T-49/00, Ġabra p. II-163, punt 34). Tali sitwazzjoni, li tirriżulta mill-attività normali ta’ kull impriża attiva fl-iproċessar taz-zokkor, mhijiex ta’ tali natura li tindividwalizza lir-rikorrenti fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Aritikolu 173 tat-Trattat.

55      Inkwantu għall-intervent tar-rikorrenti fil-proċedura li ppreċediet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma kienet timponi fuq il-Kunsill, mar-reviżjoni tad-deċiżjoni OCT, li jsegwi proċedura li matulha r-rikorrenti kien ikollha d-dritt li tinstema’. Għaldaqstant, l-interventi msemmija mir-rikorrenti ma jistgħux jagħtuha l-locus standi skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Frar 2001, Sociedade Agrícola dos Arinhos et vs Il-Kummissjoni, T-38/99 sa 50/99, Ġabra p. II-585, punt 48).

56      Fl-aħħar lok, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata setgħet evitat kull skrutinju demokratiku ma jippermettix li tiġi eliminata l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ ammissibbiltà stabbiliti mir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Mejju 2001, FNAB et vs Il-Kunsill, C-345/00 P, Ġabra p. I-3811, punt 40).

57      Abbażi ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li t-talbiet għal annullament jiġu ddikjarati inammissibbli.

 Fuq it-talbiet għal kumpens għad-danni

 Osservazzjonijiet preliminari

58      Ir-rikorrenti ssostni li l-vjolazzjonijiet tad-dritt Komunitarju identifikati fil-motivi għall-annulament ikkawżawlha preġudizzju u jagħtu lok għar-responsabbilità mhux kuntrattwali tal-Komunità.

59      Għandu jiġi mfakkar li fir-rigward tar-responsabilità mhux kuntrattwali tal-Komunità, dritt għal kumpens għad-danni hu rikonoxxut sakemm ikunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi, li huma li r-regola ta’ dritt ivvjolata jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, li l-vjolazzjoni hija gravi biżżejjed u, fl-aħħar nett, li teżisti rabta ta’ kawżalità diretta bejn il-vjolazzjoni ta’ l-obbligu impost fuq il-Komunità u l-ħsara mġarrba mill-persuni leżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 42).

60      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-motivi għall-annullament tar-rikors jirrigwardawx vjolazzjonijiet ta’ regoli tad-dritt li jagħtu drittijiet lill-individwi.

61      Ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi in sostenn tat-talbiet tagħha għal annullament. L-ewwel wieħed hu bbażat fuq il-vjolazzjoni tal-“mekkaniżmu ta’ imblokkar”, jiġifieri li l-vantaġġi attribwiti lill-OCT fil-kuntest tal-kisba, fi stadji, ta’ l-assoċjazzjoni tagħhom mal-Komunità ma jistgħux jiġu kkontestati iktar minnha. It-tieni wieħed hu bbażat fuq il-vjolazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. It-tielet motiv hu bbażat fuq vjolazzjoni ta’ l-Artikolu 240 tad-deċiżjoni OCT u r-raba’ wieħed fuq il-vjolazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi. Il-ħames motiv, fl-aħħar nett, hu bbażat fuq il-vjolazzjoni ta’ l-Artikolu 190 tat-Trattat KE (li sar Artikolu 253 KE).

62      Ir-rikorrenti ma tippretendix li l-vjolazzjonijiet tad-dritt Komunitarji allegati fil-kuntest tat-tielet u l-ħames motivi jirrigwardaw regoli ta’ dritt li jagħtu drittijiet lill-individwi. Hija ssostni biss fir-rikors tagħha (punt 180) li l-“mekkaniżmu ta’ imblokkar” (l-ewwel motiv), il-prinċipju ta’ proporzjonalità (it-tieni motiv) u l-prinċipju ta’ ċertezza legali jew ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi (ir-raba’ motiv) jikkostitwixxu tali regoli.

63      Fir-rigward tal-ħames motiv, diġà ġie deċiż li l-vjolazzjoni ta’ l-Artikolu 190 tat-Trattat ma kinitx ta’ tali natura li tagħti lok għar-responsabbilità mhux kuntrattwali tal-Komunità (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1982, Kind vs Il-KEE, 106/81, Ġabra 2885, punt 14, u tas-6 ta’ Ġunju 1990, AERPO et vs Il-Kummissjoni, C-119/88, Ġabra p. I-2189, punt 20; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Diċembru 1994, Unifruit Hellas vs Il-Kummissjoni, T-489/93, Ġabra p. II-1201, punt 41). Għal dak li jirrigwarda t-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegata vjolazzjoni ta’ l-Artikolu 240 tad-deċiżjoni OCT inkwantu l-Kunsill ma kienx għadu, skond din id-dispożizzjoni, kompetenti ratione temporis sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata, huwa diffiċilment konċepibbli illi din id-dispożizzjoni tista’ tikkostitwixxi regola ta’ dritt li tattribwixxi drittijiet lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 1992, Vreugdenhil vs Il-Kummissjoni, C-282/90, Ġabra p. I-1937, punti 20 sa 25). Fi kwalunkwe każ, il-Qorti diġà ddeċidiet fis-sentenza tagħha Emesa (punt 33) illi d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ittieħdet bi ksur ta’ l-Artikolu 240 tad-deċiżjoni OCT u r-rikorrenti m’għamlitx osservazzjonijiet fuq din is-silta tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-osservazzjonijiet addizzjonali tagħha tad-9 ta’ Ottubru 2000.

64      Min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu regoli ta’ dritt li jattribwixxu drittijiet lill-individwi: il-prinċipju ta’ proporzjonalità, imsemmi fit-tieni motiv (sentenza Unifruit Hellas vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 63 iktar ’il fuq, punt 42) u l-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, imsemmi fir-raba’ motiv (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1992, Mulder et.vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-104/89 u C-37/90, Ġabra p. I-3061, punt 15). Inkwantu għall-“mekkaniżmu ta’ imblokkar” imsemmi fl-ewwel motiv, għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok, jekk huwiex prinċipju ta’ dritt Komunitarju u mbagħad għandu jiġi vverifikat, jekk ikun il-każ, jekk jikkostitwixxix regola ta’ dritt li tattribwixxi drittijiet lill-individwi.

65      Minn dan isegwi li għandhom jiġu eżaminati biss l-ewwel, it-tieni u r-raba’ motivi tar-rikors fil-kuntest tat-talba għal kumpens għad-danni.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-vjolazzjoni tal-“mekkaniżmu ta’ imblokkar”

66      Ir-rikorrenti ssostni li d-dispożizzjonijiet tar-raba’ parti tat-Trattat, meħuda flimkien, partikolarment l-Artikoli 132, 133 u 136 tiegħu, flimkien ma’ l-acquis communautaire stabbilit mid-deċiżjonijiet suċċessivi ta’ l-OCT, jistipulaw “prinċipju ta’ imblokkar”. Dan il-prinċipju ma jħallix illi l-vantaġġi diġà attribwiti lill-OCT fil-kuntest tal-kisba, fi stadji, ta’ l-assoċjazzjoni jiġu kompromessi minn deċiżjoni sussegwenti tal-Komunità.

67      Fis-sentenza tagħha Emesa (punti 38 u 39), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li:

“38 [...] [Għakemm] il-proċess dinamiku u progressiv, li jikkaratterizza l-assoċjazzjoni ta’ l-OCT mal-Komunità, jirrikjedi li l-Kunsill jieħu in kunsiderazzjoni l-esperjenza akkwistata bis-saħħa tad-deċiżjonijiet preċedenti tiegħu, jibqa’ l-fatt, [...], li l-Kunsill, meta jadotta miżuri skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 136 tat-Trattat, għandu jieħu in kunsiderazzjoni mhux biss il-prinċipji li jinsabu fir-raba’ parti tat-Trattat, iżda wkoll prinċipji oħra tad-dritt Komunitarju, inklużi dawk li jirrigwardaw il-politika agrikola komuni.

39 Meta jiżen l-għanijiet differenti stabbiliti mit-Trattat, filwaqt illi jieħu in kunsiderazzjoni globalment l-esperjenzi akkwistati bħala riżultat tad-deċiżjonijiet preċedenti tiegħu, il-Kunsill li jgawdi, għal dan il-għan, minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li tirrifletti r-responsabbiltajiet politiċi fdati lilu mill-Artikoli 40 tat-Trattat KE (li, wara li ġie emendat, sar l-Artikolu 34 KE), 41 u 42 tat-Trattat KE (li, wara li ġew emendati, saru l-Artikoli 35 KE u 36 KE), 43 tat-Trattat KE (li, wara li ġie emendat, sar l-Artikolu 37 KE) u 136 tat-Trattat, jista’ jkollu għalfejn, f’każ ta’ bżonn, inaqqas ċerti vantaġġi preċedentement mogħtija lill-OCT”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

68      Għalhekk, minn dan isegwi li m’hemmx “mekkaniżmu jew prinċipju ta’ imblokkar” assolut fir-relazzjonijiet bejn il-Komunità u l-OCT. Fil-fatt, il-Kunsill jista’ “f’każ ta’ bżonn” inaqqas ċerti vantaġġi preċedentement mogħtija lill-OCT (sentenza Emesa, punt 39).

69      Għandu jiġi kkonstatat li, abbażi tal-provi fil-proċess li kellha quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Kunsill setax jikkunsidra raġonevolment, wara illi wiżen l-għanijiet ta’ l-assoċjazzjoni tal-OCT ma’ dawk tal-politika agrikola komuni, li kien neċessarju li l-applikazzjoni tar-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT tiġi limitata.

70      Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Emesa (punti 40 sa 42), iddeċidiet kif ġej:

“40 F’dan il-każ, hu paċifiku li t-tnaqqis ta’ 3,000 tunnellata kull sena tal-kwantità ta’ zokkor li tista’ tgawdi mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT jikkostitwixxi restrizzjoni meta mqabbel mad-deċiżjoni OCT. Minkejja dan, ladarba ġie stabbilit li l-applikazzjoni tar-regola ta’ kumulu ta’ oriġini fis-settur taz-zokkor setgħet twassal għal tfixkil sinjifikattiv fl-iffunzjonar ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq, [...] il-Kunsill, wara li wiżen l-għanijiet ta’ l-assoċjazzjoni tal-OCT u dawk tal-politika agrikola komuni, kellu d-dritt jaddotta, filwaqt li josserva l-prinċipji tad-dritt Komunitarju li jillimitaw l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, kwalunkwe miżura li tkun kapaċi ttemm jew tnaqqas l-imsemmi tfixkil, inklużi l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis ta’ ċerti vantaġġi preċedentement mogħtija lill-OCT.

41 Dan huwa partikolarment veru [...] meta l-vantaġġi in kwisjoni huma ta’ natura straordinarja, meta mqabbla mar-regoli dwar l-iffunzjonar tas-suq Komunitarju. Dan huwa l-każ tar-regola illi tippermetti, wara li jkunu saru ċerti operazzjonijiet, li xi prodotti provenjenti mill-Istati ACP, jingħataw oriġini OCT.

42 Għandu jingħad ukoll li r-reviżjoni tad-deċiżjoni OCT ma ġabitx biss restrizzjonijiet jew limitazzjonijiet fir-rigward tas-sistema fis-seħħ preċedentement peress li, kif sostniet il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt, diversi vantaġġi ġew attribwiti lill-OCT fir-rigward ta’ l-istabbiliment fil-Komunità (Artikoli 232 u 233a tad-deċiżjoni OCT emendata), ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali (Artikolu 233b), l-aċċess għal programmi Komunitarji (Artikolu 233c). Barra minn hekk, l-għajnuna finanzjarja tal-Komunità lill-OCT żdiedet b’21 % (Artikolu 154a)”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

71      Minn din is-silta tas-sentenza Emesa jirriżulta li l-Qorti tikkunsidra li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Kunsill mhux biss kellu d-dritt jillimita l-applikazzjoni tar-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT, kif għamel, iżda seta’ wkoll jelimina għal kollox dan il-vantaġġ fir-rigward taz-zokkor provenjenti mill-OCT.

72      Madankollu, skond ir-rikorrenti, il-Qorti rrikonoxxiet fil-punti 40 sa 42 tas-sentenza illi, anke “f’każ ta’ bżonn” (sentenza Emesa, punt 39), il-Kunsill jista’ jnaqqas vantaġġ mogħti preċedentement lill-OCT biss jekk il-vantaġġ in kwistjoni jkun straordinarju u jekk jingħata kumpens f’oqsma oħra. Ir-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT m’għandha xejn straordinarju. In-natura allegatament eċċezzjonali ta’ din ta’ l-aħħar għandha tiġi evalwata mhux “meta mqabbla mar-regoli dwar l-iffunzjonar tas-suq Komunitajru”, iżda meta mqabbla mar-regoli normali dwar l-oriġini, mad-diversi sistemi ta’ importazzjoni u mal-pożizzjoni privileġġjata ta’ l-OCT. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li l-Qorti ma eżaminatx jekk il-kumpens f’oqsma oħra jikkumpensax verament l-ipparalizzar ta’ l-industrija taz-zokkor ta’ l-OCT ikkawżat mid-deċiżjoni kkontestata.

73      Billi r-rikorrenti lanqas biss tippretendi li l-Qorti bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq informazzjoni fattwali żbaljata u mhux kompleta, il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex kompetenti biex tqajjem dubji dwar din l-evalwazzjoni.

74      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti hi bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-punti 40 sa 42 tas-sentenza Emesa. Fil-fatt, il-Qorti ma qalitx li l-Kunsill jista’ jnaqqas vantaġġ mogħti lill-OCT biss jekk dan il-vantaġġ ikun staordinarju u jekk jingħata kumpens f’oqsma oħra. Jirriżulta mis-sentenza li l-Kunsill kellu d-dritt inaqqas, u anki jelimina, vantaġġ mogħti preċedentement lill-OCT, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tar-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT, peress li “l-applikazzjoni ta’ [din] ir-regola [...] fis-settur taz-zokkor setgħet twassal għal tfixkil sinjifikattiv fl-iffunzjonar ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq” (punt 40 tas-sentenza).

75      Sabiex tenfasizza li d-deċiżjoni kkontestata hi ġustifikata u bbilanċjata, il-Qorti żżid li, fi kwalunkwe każ, il-vantaġġ mogħti kien ta’ natura straordinarju u l-Kunsill ta, fid-deċiżjoni kkontestata, diversi vantaġġi f’oqsma oħra (is-sentenza Emesa, punti 41 u 42).

76      Minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja mkien ma ssemmi “kumpens” fis-sentenza Emesa. Fil-punt 42 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tirreferi għal “diversi vantaġġi [li] ġew attribwiti lill-OCT”, mingħajr ma r-rikorrenti kkontestat l-eżistenza ta’ dawn il-vantaġġi.

77      Barra minn hekk, rigward il-kwisjoni jekk ir-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT tagħtix vantaġġ staordinarju lill-operaturi ekonomiċi ta’ l-OCT, għandu jiġi mfakkar li, skond ir-regoli normali dwar l-oriġini, prodott huwa kkunsidrat bħala li joriġina minn pajjiż jew jekk jinkiseb kompletament hemmhekk, jew jekk jiġi suffiċjentement ipproċessat hemmhekk [Artikoli 4 u 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 802/68, tas-27 ta’ Ġunju 1968, dwar id-definizzjoni komuni tal-kunċett ta’ l-oriġini tal-merkanzija (ĠU L 148, p.1), u l-Artikoli 1 sa 3 ta’ l-Anness II].

78      Huwa paċifiku bejn il-partijiet li z-zokkor esportat mir-rikorrenti ma nkisibx kompetament fl-OCT. Fil-fatt, dan huwa zokkor importat mill-pajjiżi ACP. Barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat li z-zokkor esportat mir-rikorrenti ma jiġix ipproċessat f’Aruba b’mod suffiċjenti biex jattribwixxi oriġini OCT lill-prodott in kwistjoni skond ir-regoli normali dwar l-oriġini.

79      Huwa biss permezz tar-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT li z-zokkor esportat mir-rikorrenti jista’ jiġi kkunsidrat bħala zokkor ta’ oriġini OCT. Fil-fatt, permezz ta’ din ir-regola, proċessar minimu – anki dak li hu speċifikament imsemmi fl-Artikolu 3(3) ta’ l-Anness II bħala insuffiċjenti sabiex jattribwixxi l-karatteristika ta’ l-oriġini lil prodott li jkun ġej mill-OCT – li jseħħ fl-OCT fir-rigward ta’ prodotti ta’ oriġini ACP jattribwixxi, b’mod eċċezzjonali, oriġini OCT lill-prodotti kkonċernati. Peress li l-prodotti li jgawdu mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT jistgħu jiġu importati fil-Komunità b’eżenzjoni minn dazji tad-dwana, għandu jiġi kkunsidrat li din ir-regola tagħti, kif tenfasizza l-Qorti tal-Ġustizzja, vantaġġ straordinarju lill-operaturi ekonomiċi ta’ l-OCT (sentenza Emesa, punt 41).

80      Fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kunsill kiser l-Artikolu 133(1) tat-Trattat billi llimita l-importazzjoni taz-zokkor li jibbenefika mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT għal 3,000 tunnellata. Il-massimu previst mill-Artikolu 108b(1) tad-deċiżjoni OCT, kif emendata, jikkostitwixxi, fil-fatt, restrizzjoni kwantitattiva pprojbita minn din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, anki li kieku s-sistema li tirriżulta mid-deċiżjoni OCT hi ta’ ħsara għal interessi Komunitarji oħra, il-Kunsill għandu, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 136 tat-Trattat, l-obbliġu li jirrispetta l-“esperjenza akkwistata”.

81      Minkejja dan, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti diġà rrespinġiet dan l-argument fis-sentenza Emesa b’dan il-kliem:

“45 Mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk huwiex possibbli li l-kwota tariffarja stabbilita fl-Artikolu 108b tad-deċiżjoni OCT emendata tiġi kkunsidrata bħala restrizzjoni kwantitattiva, u dwar il-kwistjoni jekk is-sistema ta’ kumulu ACP/OCT tagħtix lill-merkanzija in kwistjoni oriġini OCT għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ importazzjoni msemmija fl-Artikolu 133(1) tat-Trattat, għandu jiġi kkonstatat li l-prodotti in kwistjoni jistgħu jiġu importati oltri l-kwota biss jekk jitħallsu d-dazji tad-dwana.

46 Skond l-Artikolu 133(1) tat-Trattat, l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-OCT lejn il-Komunità jgawdu mill-eliminazzjoni totali tad-dazji tad-dwana b’mod konformi ma’ l-eliminazzjoni “progressiva tad-dazji tad-dwana bejn l-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat”.

47 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li, rigward il-kummerċ fiz-zokkor, l-izmantellar tat-tariffi doganali intrakomunitarji ġara biss wara li ġiet stabbilita organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ dan il-prodott, li involviet l-applikazzjoni ta’ tariffa esterna komuni u l-iffissar ta’ prezz minimu applikabbli fl-Istati Membri kollha, sabiex, b’mod partikolari, jigi eliminat it-tfixkil tal-kompetizzjoni. B’hekk, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe politika agrikola komuni bejn l-OCT u l-Komunità, mhuwiex possibbli li jiġi sostnut li bis-sempliċi adozzjoni ta’ miżuri diretti sabiex jevitaw it-tfixkil tal-kompetizzjoni jew tfixkil tas-suq Komunitarju, li jistgħu jassumu l-forma ta’ kwota tariffarja, ikun inkiser l-Artikolu 133(1) tat-Trattat.

48 Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-kompatibbiltà tat-tariffa doganali stabbilita fl-Artikolu 108b tad-deċiżjoni OCT emendata mat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 136 tat-Trattat, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tipprovdi espressament li l-Kunsill għandu jaġixxi “abbażi ta’ l-esperjenza akkwistata u tal-prinċipji mniżżla f’dan it-Trattat,”. Fost dawn il-prinċipji jinsabu, kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha [tal-11 ta’ Frar 1999] Antillean Rice Mills et, punt 37, dawk li jirrigwardaw il-politika agrikola komuni.

49 Għalhekk, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat talli ħa in kunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 136 tat-Trattat, l-eżiġenzi tal-politika agrikola komuni.

50 Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-validità tal-miżura prevista mill-Artikolu 108b tad-deċiżjoni OCT ma tistax tiġi kkontestata fid-dawl ta’ l-Artikolu 133(1) u tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 136 tat-Trattat, minħabba l-fatt li din tistabilixxi kwota fuq l-importazzjonijiet taz-zokkor illi jgawdu minn sistema ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

82      Jirrizulta minn dak kollu li ntqal li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

83      Mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni jekk l-ewwel motiv jirrigwardax regola ta’ dritt li tattribwixxi drittijiet lill-individwi, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tal-motiv ma weriex l-eżistenza ta’ xi aġir tal-Komunità illi seta’ jagħti lok għar-responsabbilità ta’ din ta’ l-aħħar.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-vjolazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi

84      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tivvjola l-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi. Hija tfakkar li, billi daħħal l-Artikolu 108b(1) fid-deċiżjoni OCT, il-Kunsill illimita l-importazzjonijiet taz-zokkor li jistgħu jibbenefikaw mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT għal 3 000 tunnellata. Ir-rikorrenti ma setgħetx tipprevedi li kienet se ssir emenda bħal din għad-deċiżjoni OCT. Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni OCT kienet ġiet adottata għal perijodu ta’ għaxar snin u li, skond l-Artikolu 240(3) tagħha, l-unika emenda prevista kellha tkun effettwata fl-1 ta’ Marzu 1995. Barra minn hekk, kwalunkwe emenda setgħet issir, skond ir-rikorrenti, biss skond l-għan imsemmi fl-Artikolu 132(1) tat-Trattat.

85      Ir-rikorrenti ssostni barra minn hekk li l-prinċipji generali tad-dritt Komunitarju jimponu fuq il-Kunsill li jieħu in kunsiderazzjoni l-interessi ta’ impriżi li jkunu għamlu investimenti u zvolġew attivitajiet abbażi tar-regoli tad-dritt li kienu fis-seħħ (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ April 1978, Stimming vs Il-Kummissjoni, 90/77, Ġabra p. 995; tas-16 ta’ Mejju 1979, Tomadini, 84/78, Ġabra p. 1801; tat-28 ta’ April 1988, Mulder, 120/86, Ġabra p. 2321, u tal-11 ta’ Lulju 1991, Crispoltoni, C-368/89 Ġabra p. I-3695).

86      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-Kunsill, meta jadotta miżuri skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 136 tat-Trattat, għandu jieħu in kunsiderazzjoni mhux biss il-prinċipji li jinsabu fir-raba’ parti tat-Trattat, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 132 tat-Trattat, iżda anki prinċipji oħra tad-dritt Komunitarju, inklużi dawk dwar il-politika agrikola komuni (sentenza Emesa, punt 38). Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-Kunsill, li għandu setgħa diskrezzjonali wiesa’ meta jiżen l-għanijiet ta’ l-assoċjazzjoni ta’ l-OCT kontra dawk tal-politika agrikola komuni (sentenza Emesa, punti 39 sa 53), jista’ jnaqqas, u anke jelimina, vantaġġ precedentement mogħti lill-OCT jekk, meta jiġi applikat, jista’ jwassal għal tfixkil fl-iffunzjonar ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq (sentenza Emesa, punt 40).

87      Għalkemm l-osservanza ta’ l-aspettattivi leġittimi hija waħda mill-prinċipji fundamentali tal-Komunità, l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux ikollhom aspettattiva leġittima li sitwazzjoni eżistenti li tista’ tiġi mibdula fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji se tibqa’ kif inhi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1998, Pontillo, C-372/96, Ġabra p. I-5091, punti 22 u 23, u s-sentenza Emesa, punt 34).

88      Operatur ekonomiku diliġenti kien imissu ppreveda li d-deċiżjoni OCT setgħet tiġi emendata u li emenda setgħet, eventwalment, telimina jew tillimita vantaġġi preċedentement mogħtija lill-OCT. Din l-analiżi hi iktar u iktar applikabbli f’dan il-każ peress li l-vantaġġi in kwistjoni huma ta’ natura straordinarja (sentenza Emesa, punti 40 u 41). Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma timponi fuq il-Kunsill li jieħu in kunsiderazzjoni l-interessi ta’ l-impriżi li jkunu diġà attivi fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Germanja vs Il-Kunsill, C-280/93, Ġabra p. I-4973, punt 79).

89      Ir-rikorrenti ma tistax tibbaża dan l-argument fuq l-Artikolu 240(3) tad-deċiżjoni OCT, li jipprovdi li, qabel l-iskadenza ta’ l-ewwel ħames snin, il-Kunsill għandu jadotta, jekk ikun hemm bżonn, l-emendi eventwali għad-dispożizzjonijiet dwar l-assoċjazzjoni ta’ l-OCT mal-Komunità. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tipprivax lill-Kunsill mis-setgħa tiegħu, li titnissel direttament mit-Trattat, li jemenda l-atti li jkun adotta skond Artikolu 136 tat-Trattat sabiex jinkisbu l-għanijiet kollha stipulati fl-Artikolu 132 ta’ l-imsemmi Trattat (sentenza Emesa, punt 33).

90      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li d-deċiżjoni tagħha li tiftaħ fabbrika taz-zokkor f’Aruba ttieħdet biss wara negozjati fl-1995 u fl-1996 ma’ l-awtoritajiet ta’ Aruba u r-rappreżentanza permanenti tar-Renju ta’ l-Olanda għall-Unjoni Ewropea.

91      Ir-rikorrenti ma setgħetx tipprevedi li l-Kunsill kien se jillimita l-kwantità ta’ l-importazzjonijiet taz-zokkor li jibbenefikaw mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinsisti fuq il-fatt li l-proċedura deċiżjonali fi ħdan il-Kunsill mhijiex pubblika. Hija ġiet infurmata mill-awtoritajiet ta’ Aruba dwar is-suġġett tad-diskussjonijiet biss mix-xahar ta’ Lulju 1997.

92      Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova li minnha jirriżulta li l-istituzzjonijiet Komunitarji tawha garanziji preċiżi li kienu jippermettulha jkollha tamiet fondati dwar iz-żamma tas-sistema eżistenti ta’ kumulu ta’ l-oriġini ACP/OCT għall-esportazzjonijiet ta’ zokkor li kien bi ħsiebha teffettwa.

93      Għall-kuntrarju, kif ġustament tenfasizza l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Emesa, “jirriżulta mill-prċess li fiż-żmien meta kienet ser tinvesti f’Aruba [ir-rikorrenti] kellha biżżejjed informazzjoni biex tipprevedi, bħala operatur ekonomiku ta’ diliġenza normali, li s-sistema liberali ta’ kumulu ta’ oriġini setgħet tiġi reża iktar restrittiva” (punt 36 tas-sentenza). [traduzzjoni mhux uffiċjali] Il-Qorti tosserva, f’dan ir-rigward, “li l-proposta [96/C 139/01] ġiet ippubblikata fil-Gurnal Ufficjali tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-10 ta’ Mejju 1996, jiġifieri kważi sena qabel ma bdiet il-produzzjoni tar-[rikorrenti] f’Aruba” (punt 36 tas-sentenza). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

94      Il-proposta 96/C 139/01, li tirreferi għaliha l-Qorti, tipprovdi għall-abolizzjoni tar-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT, b’mod partikolari, għaz-zokkor li joriġina mill-Istati ACP. Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda l-Anness II, il-Kummissjoni pproponiet Artikolu gdid, l-Artikolu 6 li jgħid li r-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT ma kinitx tapplika “għall-prodotti elenkati fil-kapitoli 1 sa 24 tas-sistema armonizzata li [...] joriġinaw [mill-] Istati ACP”. Iz-zokkor hu msemmi fil-Kapitolu 17 tas-sistema armonizzata.

95      Min dan isegwi li l-proposta 96/C 139/01, ippubblikata f’Mejju ta’ l-1996, jiġifieri madwar disa’ xhur qabel ma r-rikorrenti ġiet kostitwita u ħdax-il xahar qabel ma bdiet il-produzzjoni taz-zokkor (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), ipprovdiet għall-introduzzjoni ta’ sistema aktar restrittiva għar-rikorrenti mis-sistema li tinsab fl-Artikolu 108b(1) tad-deċiżjoni OCT, kif emendata, li taccetta l-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT għal kwantità ta’ 3,000 tunnellata ta’ zokkor fis-sena.

96      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tivvjola l-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi peress li ma tipprovdi għal ebda perijodu ta’ tranżizzjoni jew leġiżlazzjoni tranżitorja għall-attivitajiet eżistenti fl-OCT fiż-żmien meta ġiet riveduta d-deċiżjoni OCT. F’dan il-każ, ma jeżisti ebda interess ġenerali predominanti li seta’ jiġġustifika li r-reviżjoni tad-deċiżjoni OCT ma tinkludix miżuri tranżitorji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 1997, Affish, C-183/95, Ġabra. p. I-4315, punt 57).

97      Il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ddeċidiet li ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma kienet timponi fuq il-Kunsill l-obbligu li jieħu in kunsiderazzjoni l-interessi ta’ l-impriżi diġà attivi fis-suq (ara l-punt 88 iktar ’il fuq).

98      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata wkoll li r-rikorrenti lanqas tippretendi li, fiż-żmien meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, hija kellha kunsinna ta’ zokkor in tranżitu lejn il-Komunità rigward liema setgħet leġittimament temmen illi setgħet ġiet importata fil-Komunità mingħajr ebda restrizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sofrimport vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 52 iktar ’il fuq, punti 16 sa 21, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 1997, Oleifici Italiani vs Il-Kummissjoni, T-267/94, Ġabra p. II-1239, punti 38 sa 40).

99      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li fis-17 ta’ Diċembru 1997, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Numru 2553/97 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-ħruġ tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni għal ċerti prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 1701, 1702, 1703 u 1704 taħt is-sistema ta’ kumulu ta’ l-oriġini ACP/OCT (ĠU L 349, p.26). Jirriżulta mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2553/97 li l-Artikolu 108b(1) tad-deċiżjoni OCT, kif emendata, kienet applikabbli biss mill-1 ta’ Jannar 1998, u li l-liċenzji ta’ l-importazzjoni mitluba mill-10 ta’ Diċembru 1997 sa l-31 ta’ Diċembru 1997 setgħu jinħarġu sal-kwantità ta’ 3,000 tunnellata. Barra minn hekk, hu paċifiku li l-applikazzjonijiet għal liċenzji ta’ l-importazzjoni ppreżentati qabel l-10 ta’ Diċembru 1997 ġew kompletament sodisfatti.

100    Minn dan isegwi li kien hemm sistema tranżitorja għal xahar, li, fuq kollox, kienet ġeneruża billi għall-21 ġurnata ta’ bejn l-10 u l-31 ta’ Diċembru 1997 kwantità “annwali” ta’ 3,000 tunnellata ta’ zokkor li jibbenefikaw mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT setgħu jiġu mpurtati.

101    Għaldaqstant, l-allegazzjoni dwar in-nuqqas ta’ sistema tranżitorja għandha tiġi miċħuda wkoll.

102    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-motiv ibbażat fuq vjolazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud. Għaldaqstant, lanqas l-eżami ta’ dan il-motiv ma wera vjolazzjoni min-naħa tal-Kommunità ta’ regola tad-dritt li tagħti drittijiet lill-individwi.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq vjolazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

103    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill għandu d-dmir jirrikonċilja d-diversi għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tat-Trattat, mingħajr madankollu ma jagħti prijorità lill-politika agrikola komuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, 68/86, Ġabra p. 855, punt 12, u digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C-180/96 R, Ġabra p. I-3903, punt 63). F’dan il-każ, il-Kunsill ivvjola l-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ta prijorità lill-politika agrikola komuni għad-dannu ta’ l-interessi ta’ l-OCT.

104    Fis-sentenza Emesa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-Kunsill, “meta jadotta miżuri skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 136 tat-Trattat, għandu jieħu in kunsiderazzjoni mhux biss il-prinċipji li jinsabu fir-raba’ parti tat-Trattat, iżda wkoll prinċipji oħra tad-dritt Komunitarju, inklużi dawk li jirrigwardaw il-politika agrikola komuni” (punt 38 tas-sentenza) u, min-naħa l-oħra, li “[m]eta jiżen l-għanijiet differenti stabbiliti mit-Trattat, [...] il-Kunsill [...] jista’ jkollu għalfejn, f’każ ta’ bżonn, inaqqas ċerti vantaġġi preċedentement mogħtija lill-OCT” (punt 39 tas-sentenza).

105    Għaldaqstant, l-argument għandu jiġi miċħud. Ser jiġi eżaminat iktar ’il quddiem jekk, f’dan il-każ, il-Kunsill għamilx żball manifest fl-evalwazzjoni tal-“bżonn” li l-importazzjoni taz-zokkor li jgawdu mir-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT tiġi limitata (ara l-punti 117 sa 150 iktar ‘ il quddiem).

106    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 108b(1) tad-deċiżjoni OCT, kif emendata, jinvolvi restrizzjoni strutturali fuq l-importazzjonijiet taz-zokkor li joriġina mill-OCT lejn il-Komunità. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tillimita l-kwantità ta’ zokkor ta’ oriġini ACP li tista’ tiġi importata lejn il-Komunità bil-marka ta’ oriġini OCT wara li z-zokkor ikun inħadem jew ġie pproċessat skond Artikolu 6 ta’ l-anness II għal 3,000 tunnellata. Skond ir-rikorrenti, huma biss miżuri restrittivi temporanji abbażi ta’ l-Artikolu 109 tad-deċiżjoni OCT li jistgħu jittieħdu fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet provenjenti mill-OCT, sakemm dawn il-miżuri “jillimitaw biss b’mod eċċezzjonali, parzjali u temporanju” l-importazzjoni libera fil-Komunità tal-prodotti provenjenti mill-OCT (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ottubru 1994, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C-430/92, Ġabra p. I-5197, u tat-22 ta’ April 1997, Road Air, C-310/95, Ġabra p. I-2229, punti 40 u 41; sentenza Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, punt 95).

107    Madankollu, jirriżulta mis-sentenza Emesa (punt 40) li l-Kunsill għandu d-dritt inaqqas, strutturalment, vantaġġ mogħti lill-OCT preċedentement, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tar-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT fis-settur taz-zokkor, jekk jiġi stabbilit li “l-applikazzjoni ta’ [din] ir-regola [...] f’[dan] is-settur [tista’] twassal għal tfixkil sinjifikattiv fl-iffunzjonar ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq”. Iktar ’il quddiem se jiġi eżaminat jekk l-evalwazzjoni, magħmula mill-Kunsill, tar-riskju li r-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT tinvolvi għall-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor hijiex ivvizzjata minn żball manifest (ara l-punti 117 sa 150 iktar ’il quddiem).

108    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tosserva li l-ittra tat-18 ta’ Diċembru 1997 tas-Sur Fischler lir-rappreżentant legali tiegħu u l-ittra tas-Sur Soubestre, mill-Kummissjoni, lir-rappreżentant permanenti tar-Renju ta’ l-Olanda tad-9 ta’ Ġunju 1997 juru li r-restrizzjoni strutturali ta’ l-Artikolu 108b(1) tad-deċiżjoni OCT, kif emendata, kienet ġiet imposta bħala soluzzjoni alternattiva. Hija ssostni li restrizzjoni strutturali adottata minflok miżura ta’ salvagwardja għandha għall-inqas tissodisfa l-istess kriterji bħall-miżuri previsti mill-Artikolu 109 tad-deċiżjoni OCT. Fil-fatt, ikun inaċċettabbli li restrizzjoni strutturali definittiva tista’ tkun ammessa aktar faċilment minn miżura ta’ salvagwardja. F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ salvagwardja skond l-Artikolu 109 tad-deċiżjoni OCT ma kinux sodisfatti.

109    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata għalhekk li ż-żewġ ittri tal-Kummissjoni li r-rikorrenti ssemmi ma jsostnux l-argumentazzjoni tagħha.

110    Minn naħa, fl-ittra ffirmata mis-Sur Soubestre, il-Kummissjoni tirrespinġi proposta magħmula mill-awtoritajiet Olandiżi. Dawn l-awtoritajiet kienu pproponew sistema ta’ prezzijiet minimi għall-esportazzjoni għaz-zokkor provenjenti mill-OCT u allinjament tal-proċeduri rigward il-miżuri ta’ salvagwardja dwar ir-regoli applikabbli fi ħdan l-Organizazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Madankollu, bl-ebda mod ma jirriżulta minn din l-ittra li r-restrizzjoni strutturali imposta sussegwentement mill-Kunsill fid-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi miżura ta’ salvagwardja moħbija.

111    Min-naħa l-oħra, l-ittra tas-Sur Fischler tat-18 ta’ Diċembru 1997 hi risposta għal ittra tar-rappreżentant legali tar-rikorrenti li fiha dan ta’ l-aħħar wera r-raġunijiet għalfejn l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja għaz-zokkor li joriġina mill-OCT ma kinitx neċessarja. Is-Sur Fischler jaqbel ma’ din l-analiżi. Hu jispjega li, skond il-Kummissjoni, minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienx jidher li, f’dak iż-żmien, kien hemm bżonn ta’ miżuri ta’ salvagwardja (“safeguard measures seem, for the time being, unnecessary”). Madankollu, huwa ma jippretendix li d-deċiżjoni kkontestata hi soluzzjoni alternattiva, adottata minflok miżura ta’ salvagwardja. Mill-ittra jirriżulta biss li s-soluzzjoni strutturali magħmula mid-deċiżjoni kkontestata temmet it-tfixkil fis-suq Komunitarju b’tali mod illi m’hemmx bżonn li jiġu adottati miżuri ta’ salvagwardja.

112    Iż-żewġ ittri msemmija mir-rikorrenti ma jurux għalhekk li r-restrizzjoni tal-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT imposta mill-Artikolu 108b(1) tad-deċiżjoni OCT, kif emendata, tikkostitwixxi miżura ta’ salvagwardja moħbija jew soluzzjoni alternattiva adottata minflok tali miżura.

113    Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fis-sentenza Emesa li “il-miżura li tinsab fl-Artikolu 108b(1) tad-deċiżjoni OCT emendata ma tikkostitwixxix miżura ta’ salvagwardja intiża biex tirrispondi, b’mod eċċezzjonali u temporanju, għad-diffikultajiet straordinarji li qamu li s-sistema ta’ kummerċ normalment applikabbli ma tippermettix rimedju għalihom, iżda temenda s-sistema ordinarja nfisha skond l-istess kriterji bħal dawk li fuqhom hi bbażata d-deċiżjoni OCT ”, u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, “il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja skond l-Artikolu 109 tad-deċiżjoni OCT [...] mhumiex rilevanti għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-validità tad-deċiżjoni [kkontestata] ” (punt 61 tas-sentenza). Il-Qorti tikkonkludi li, “għalhekk, meta adotta l-Artikolu 108b tad-deċiżjoni OCT emendata, il-Kunsill ma kienx obbligat jirrispetta r-rekwiżiti partikolari marbuta ma’ l-adozzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja skond l-Artikolu 109 tad-deċiżjoni OCT” (punt 62 tas-sentenza). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

114    Konsegwentement, anke t-tielet argument għandu jiġi miċħud.

115    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 108b(2) tad-deċiżjoni OCT, kif emendata, hu inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità billi t-tħin taz-zokkor (il-“milling”) hu eskluż mix-xogħlijiet jew mill-ipproċessar ikkunsidrati suffiċjenti għall-għoti ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT. Għal dan il-għan, hija tenfasizza li, skond l-Artikolu 108b(2) tad-deċiżjoni OCT, kif emendata, il-kolorazzjoni taz-zokkor, li tikkostitwixxi xogħol jew proċessar inqas sinjifikattiv mill-“milling”, hi biżżejjed biex tattribwixxi l-oriġini OCT.

116    Madankollu, dan l-argument hu bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kif tenfasizza l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Emesa (punti 59 u 60) “l-Artikolu 108b(2), hu limitat għal referenza għal żewġ eżempji ta’ operazzjonijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati suffiċjenti sabiex jattribwixxu l-karatteristika ta’ prodotti ta’ oriġini OCT, mingħajr madankollu ma fih lista eżawrjenti” b’tali mod li r-rikorrenti “ma tistax issostni li [dan] l-Artikolu [...] elimina l-“milling” mill-operazzjonijiet rilevanti għall-finijiet ta’ l-attribuzzjoni tal-kumulu ta’ oriġini”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].

117    Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll.

118    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti ssostni li s-sitwazzjoni tas-suq taz-zokkor Komunitarju ma kinitx tirrikjedi limitazzjoni għal 3,000 tunnellata fis-sena ta’ l-importazzjonijiet taz-zokkor li jibbenefikaw mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT.

119    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Emesa (punti 53 sa 58), iddeċidiet hekk:

“53      Għandu jiġi mfakkar li, f’settur fejn, bħal f’dan il-każ, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura meta mqabbla ma’ l-għan imfttex li tista’ taffettwa l-legalità tagħha. Il-limitazzjoni ta’ l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja hi meħtieġa b’mod partikolari meta, l-Kunsill ikollu jirrikonċilja interessi diverġenti u b’hekk jagħmel għażliet fil-kuntest ta’ l-għażliet politiċi li huma parti mir-responsabbiltajiet partikolari tiegħu (ara s-sentenzi [...] Il-Ġermanja vs Il-Kunsill [iċċitata iktar ’il fuq], punti 90 sa 91; tas-17 ta’ Ottubru 1995, Fishermen’s Organisations et, C-44/94, Ġabra p. I-3115, punt 37, u tad-19 ta’ Novembru 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C-150/94, Ġabra p. I-7235, punt 87].

54 […] ma jistax jiġi kkunsidrat, f’dan il-kuntest, li l-introduzzjoni tal-kwota stabbilita mill-Artikolu 108b tad-deċiżjoni OCT emendata kienet taqbeż kjarament dak li kien neċessarju sabiex tilħaq l-għanijiet mfittxa mill-Kunsill.

55 F’dan ir-rigward, jirriżulta mis-seba’ premessa tad-deċiżjoni [kkontestata] li l-Kunsill introduċa l-Artikolu 108b, minn naħa, għaliex ikkonstata li ‘l-aċċess liberu għall-prodotti kollha provenejnti mill-Istati OCT, u ż-żamma tal-kumulu bejn prodotti provenjenti mill-Istati ACP u prodotti provenjenti mill-OCT’ jinvolvu ‘riskju ta’ kunflitt’ bejn l-għanijiet tal-politika Komunitarja relattiva għall-iżvilupp ta’ l-OCT u dawk tal-politika agrikola komuni, u, min-naħa l-oħra, sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li ‘tfixkil gravi fis-suq Komunitarju ta’ xi prodotti suġġetti għall-organizzazzjoni komuni tas-swieq seħħ f’numru ta’ okkażjonijiet bl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja’.

56.       Għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-proċess li, fid-data tad-deċiżjoni [kkontestata], minn naħa,kienet teżisti produzzjoni Komunitarja żejda ta’ zokkor tal-pitravi meta mqabbla mal-kwantità kkunsmata fil-Komunità, u li ma’ din il-produzzjoni żejda wieħed irid iżid l-importazzjonijiet ta’ zokkor tal-kannamieli li ġej mill-Istati ACP sabiex jiġu sodisfatti d-domanda speċifika għal dan il-prodott u l-obbligu tal-Komunità li timporta ċerta kwantità ta’ zokkor minn pajjiżi terzi, skond il-ftehim konklużi fi ħdan il-WTO. Min-naħa l-oħra, il-Komunità kienet ukoll marbuta tissussidja l-esportazzjonijiet ta’ zokkor, permezz ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni u fil-limiti tal-ftehim konklużi fi ħdan il-WTO. Għaldaqstant, il-Kunsill seta’ jikkunsidra, ġustament, li kull kwantità addizzjonali ta’ zokkor li tasal fis-suq tal-Komunità, imqar jekk din tkun minima meta mqabbla mal-produzzjoni Komunitarja, kienet iġġiegħel lill-istituzzjonijiet Komunitarji jżidu l-ammont ta’ sussidji fuq l-esportazzjoni, fil-limiti fuq imsemmija, jew inaqqsu l-kwoti tal-produtturi Ewropej, u li dawn il-miżuri kuntrarji għall-għanijiet tal-politika agrikola komuni kienu jfixklu l-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor, li l-ekwilibriju tagħha kien diġà prekarju.

57      Barra minn hekk, hu ċar kemm mid-digriet tar-rinviju kif ukoll mill-figuri mogħtija mill-Kunsill u mill-Kummissjoni li l-kwota annwali ta’ 3,000 tunnellata mhijiex inferjuri għal-livell ta’ l-importazzjonijiet tradizzjonali taz-zokkor provenjenti mill-OCT, billi dawn ta’ l-aħħar ma jipproduċux huma stess dan il-prodott. Barra minn hekk, peress li huwa biss valur minimu li jiġi miżjud mal-prodotti provenjenti mill-Istati ACP fit-territorju ta’ l-OCT, l-industrija milquta mid-deċiżjoni [kkontestata] setgħet tikkontribwixxi biss b’mod limitat għall-iżvilupp ta’ l-OCT infushom. Minbarra dan, ma setax jiġi eskluż li l-applikazzjoni illimitlata tar-regola tal-kumulu ta’ oriġini tinvolvi riskju ta’ devjazzjoni artifiċjali tal-prodotti provenjenti mill-Istati ACP, mit-territorju ta’ l-OCT, bl-iskop li jinkiseb aċċess għas-suq Komunitarju taz-zokkor f’kwantitajiet ikbar minn dawk li għalihom l-Istati msemmija jgawdu, skond ftehim, minn aċċess garantit, eżenti mid-dazji, għal dan is-suq.

58 Konsegwentement, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-miżura relattiva għall-importazzjoni taz-zokkor li tgawdi mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT, li tinsab fl-Artikolu 108b(1) tad-deċiżjoni OCT emendata, hi kuntrarja għall-prinċipju ta’ proporzjonalità”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

120    Fl-osservazzjonijiet tagħha tad-9 ta’ Ottubru 2000 ir-rikorrenti tikkritika severament din is-silta tas-sentenza.

121    Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-punt 55 tas-sentenza Emesa, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti kkunsidrat l-affermazzjonijiet li jinsabu fis-seba’ premessa tad-deċiżjoni kkontestata bħala punt ta’ tluq għall-evalwazzjoni tagħha, mingħajr ma ddubitat l-eżattezza ta’ dawn l-affermazzjonijiet.

122    Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, l-istħarriġ tal-legalità ta’ att jimplika li r-raġunijiet għal dak l-att għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni. B’hekk, sabiex tevalwa l-kwistjoni jekk il-Kunsill ivvjolax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti fakkret qabel kollox, fil-punt 55 tas-sentenza, ir-raġunijiet li kienu ngħataw mill-Kunsill fid-deċiżjoni kkontestata in sostenn tal-limitazzjoni ta’ l-importazzjonijiet taz-zokkor li jgawdu mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT. Madankollu, il-Qorti ma qisitx l-affermazzjonijiet tal-Kunsill bhala fatti stabbiliti. Fil-fatt, fil-punti 56 u 57 tas-sentenza, hija eżaminat jekk l-affermazzjonijiet li jinsabu fis-seba’ premessa tad-deċiżjoni kkontestata humiex ibbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li, skond il-Qorti, ma kienx il-każ.

123    Ir-rikorrenti ssostni, fit-tieni lok, li l-Qorti kkommettiet xi żbalji ta’ fatt fil-punt 55 tas-sentenza Emesa, ħaġa li tqajjem dubji dawr il-konklużjoni li d-deċiżjoni kkontestata ma tivvjolax il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

124    Ir-rikorrenti tosserva, f’dan ir-rigward, li z-zokkor li jgawdi mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, qatt ma kien is-suġġett ta’ miżura ta’ salvagwardja. Barra minn hekk, ikun falz jekk jiġi pretiż li “ċerti prodotti” kienu affettwati minn miżuri ta’ salvagwardja. Fil-fatt, ir-ross ta’ l-OCT biss kien is-suġġett ta’ miżuri bħal dawn.

125    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li la l-Kunsill fis-seba’ premessa tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas il-Qorti fis-sentenza Emesa ma sostnew li l-Komunità adottat miżuri ta’ salvagwardja fil-passat sabiex jiġu limati l-importazzjonijiet taz-zokkor. Is-seba’ premessa tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi interpretata fis-sens li, hekk kif “tfixkil serju fis-suq Komunitarju [kkawżat minn] ċerti prodotti suġġetti għall-organizazzjoni komuni tas-suq wassal diversi drabi għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja”, kellu jkun hemm biża wkoll ta’ tfixkil għal dak li jirrigwarda z-zokkor. Skond il-Kunsill, dan it-tfixkil kien jiġġustifika l-miżura strutturali adottata, u l-Qorti, fis-sentenza Emesa, qablet ma’ din l-evalwazzjoni.

126    Barra minn hekk, anke jekk biss ir-ross provenjenti mill-OCT kien milqut minn miżuri ta’ salvagwardja fil-passat, il-Kunsill ma wettaq ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi għamel referenza għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja għal “ċerti prodotti”. Fil-fatt, per eżempju, il-miżura ta’ salvagwardja li tat lok għas-sentenza Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, kienet tikkonċerna diversi prodotti, jiġifieri d-diversi tipi ta’ ross li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1006 30 21 sa 1006 30 48. Minbarra dan, l-Artikolu 108b(1) tad-deċiżjoni OCT, kif emendata, illi milli jidher japplika biss għal prodott wieħed, jiġifieri z-zokkor, fir-realtà jirrigwarda diversi prodotti, jiġifieri “il-prodotti illi jaqgħu taħt l-intestaturi tat-tariffi SA 1701, 1702, 1703 u 1704”.

127    Għal dak li jirrigwarda l-punt 56 tas-sentenza Emesa, skond ir-rikorrenti l-Qorti għamlet żbalji ta’ fatt f’din is-silta tas-sentenza.

128    Madankollu, meta ġiet mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta, ir-rikorrenti spjegat li hija tikkontesta l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti fuq il-fatti, mhux l-eżattezza materjali ta’ dawn ta’ l-aħħar.

129    Ir-rikorrenti tosserva, f’dan ir-rigward, li l-Qorti bbażat l-evalwazzjoni tagħha rigward in-neċessità u l-proporzjonalità tal-limitazzjoni ta’ l-importazzjonijiet taz-zokkor li jgawdu mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT fuq tliet element, jiġifieri, fl-ewwel lok, produzzjoni Komunitarja żejda ta’ zokkor tal-pitravi meta mqabbla mal-kwantità kkunsmata fil-Komunità fiż-żmien tad-deċiżjoni kkontestata, fit-tieni lok, l-eżistenza ta’ volum kbir ta’ importazzjonijiet preferenzjali ta’ zokkor u, fit-tielet lok, l-obbligi li jitnisslu mill-ftehim konklużi fi ħdan il-WTO (iktar ’il quddiem, il-“ftehim WTO”).

130    Inkwantu għall-produzzjoni żejda, din hi strutturali u dejjem eżistiet, anki fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni OCT fl-1991. Għaldaqstant, ikun żbaljat li jiġi pretiż, kif tagħmel il-Qorti fil-punt 56 tas-sentenza Emesa, li kien hemm ekwilibriju prekarju fis-suq taz-zokkor Komunitarju. Barra minn hekk, l-importazzjonijiet preferenzjali dejjem żdiedu mingħajr ma l-Komunità kkunsidrat bħala neċessarju, sa l-2000 jew l-2001, li tnaqqas il-produzzjoni tagħha stess. Din l-attitudni tista’ tiġi spjegata mill-fatt li l-organizzazzjoni komuni tas-suq tagħmel użu minn sistema ta’ awtofinanzjament li l-ispejjeż tagħha jiġu sostnuti mill-konsumatur.

131    Skond ir-rikorrenti, hu żbaljat li jiġi maħsub li l-importazzjonijiet taz-zokkor provenjenti mill-OCT jagħtu lok għal esportazzjonijiet b’rifużjoni ta’ l-istess kwantità ta’ zokkor. Fil-fatt, it-tnejn mhumiex ta’ l-istess livell, kif il-Kummissjoni u l-Kunsill irrikonoxxew (digriet tat-30 ta’ April 1999, Emesa Sugar vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 25 iktar ’il fuq).

132    Barra minn hekk, ikun żbaljat li jiġi pretiż li l-importazzjonijiet provenjenti mill-OCT li, fl-aħħar, jammontaw għal massimu ta’ 100 000 sa 150 000 tunnellata fis-sena, jikkostitwixxu problema fil-kuntest ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-ftehim WTO għall-Komunità. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet, matul il-proċedura sommarja, li l-Komunità tesporta, b’rifużjoni, kwantità ta’ zokkor inqas minn dik awtorizzata mill-ftehim WTO. Din il-marġni addizzjonali kienet ta’ 1 120 000 tunnellata għall-perijodu li jikkorrispondi għas-snin finanzjarji 1995/96 sa 1997/98 (digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Ottubru 1997, CEFS vs Il-Kunsill, T-229/97 R, Ġabra p. II-1649). Skond il-kalkoli tal-Kummissjoni, il-marġni msemmi kien ta’ 998 200 tunnellata fl-1 ta’ Lulju 1997 (digriet tat-30 ta’ April 1999, Emesa Sugar vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 25 iktar ’il fuq, punt 107). Għas-sena finanzjarja 2000/2001, dan kien jaqbeż l-400 000 tunnellata. Għaldaqstant, il-livell baxx ta’ importazzjonijiet mill-OCT ma setax jimpedixxi lill-Komunità milli tirrispetta l-obbligi tagħha li jitnisslu mill-ftehim WTO, almenu sas-sena finanzjarja 2000/2001. Ir-rikorrenti ssostni barra minn hekk li z-zokkor ta’ oriġini OCT jista’ jkun inkluż fil-kategorija taz-zokkor ta’ oriġini ACP peress li jakkumula dawn iż-żewġ oriġini. Dan hu zokkor preferenzjali li ma jaqax taħt l-obbligi li l-Komunità daħlet għalihom fil-kuntest tal-ftehim WTO (ara nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1 ta’ l-“ Iskeda CXL ”).

133    Is-sitwazzjoni ta’ produzzjoni żejda strutturali ta’ l-industrija taz-zokkor Komunitarju tikkostitwixxi l-problema vera ta’ din l-industrija. Fil-passat ma kienx jiġi kkunsidrat li din il-produzzjoni żejda, li ilha teżisti almenu mill-1973, kienet tirrendi neċessarja limitazzjoni ta’ l-importazzjonijiet preferenzjali taz-zokkor fil-Komunità. Għaldaqstant, kien sproporzjonat li, bid-deċiżjoni kkontestata, l-importazzjonijiet ta’ zokkor provenjenti mill-OCT ġew imnaqqsa għal 3 000 tunnellata fl-1997, meta dawn l-importazzjonijiet bilkemm laħqu l-10 000 tunnellata u l-Komunità kellha, f’dak iż-żmien, marġni ta’ esportazzjoni addizzjonali ta’ madwar miljun tunnellata skond il-ftehim WTO. Ir-rikorrenti tosserva li, fl-1999, meta l-importazzjoni taz-zokkor provenjenti mill-OCT, minħabba l-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT, qabżet il-50 000 tunnellata, il-Komunità lanqas ikkunsidrat neċessarju li timponi restrizzjonijiet kwantitattivi, iżda imponiet prezzijiet minimi.

134    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar fl-ewwel lok li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 40 tas-sentenza Emesa, abbażi ta’ evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fis-settur taz-zokkor li hija għamlet, partikolarment, fil-punt 56 tas-sentenza, li l-Kunsill seta’ ġustament jikkunsidra li kien neċessarju li tiġi ridotta l-portata tar-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT għaz-zokkor peress li l-applikazzjoni ta’ dan il-vantaġġ f’dan is-settur “setgħet twassal għal tfixkil sinjifikattiv fl-iffunzjonar ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq”.

135    Peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq fatti li l-eżattezza materjali tagħhom mhijiex ikkontestata (ara l-punt 128 iktar ’il fuq), l-argumenti tar-rikorrenti li jirreferu għall-punt 56 tas-sentenza Emesa – u li jirrigwardaw partikolament il-kwistjoni jekk il-Kunsill għamilx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta sab fl-1997 li l-applikazzjoni tar-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT mingħajr limitazzjoni “setgħet twassal għal tfixkil sinjifikattiv fl-iffunzjonar ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq” - se jiġu eżaminati biss għall-finijiet ta’ kompletezza.

136    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett li huwa paċifiku bejn il-partijiet li, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, il-prezz Komunitarju taz-zokkor kien id-doppju tal-prezz fis-suq dinji. Ir-rikorrenti affermat, bħala risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li ebda dazju fuq l-importazzjoni ma hu dovut f’Aruba fuq iz-zokkor mixtri f’pajjiż ACP. Peress li z-zokkor ta’ oriġini ACP ipproċessat fl-OCT igawdi, permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT, minn oriġini OCT, u hu, bħala tali, eżenti minn dazji tad-dwana fil-Komunità, id-differenza notevoli bejn il-prezz dinji u l-prezz Komunitarju taz-zokkor ikkreat, fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, riskju effettiv ta’ żieda fl-esportazzjonijiet lejn il-Komunità ta’ zokkor li jgawdi mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT.

137    B’hekk, filwaqt li fl-1996 l-esportazzjonijiet lejn il-Komunità ta’ zokkor li kienu jgawdu mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT kienu ta’ anqas minn 3 000 tunnellata, ir-rikorrenti stess ipprevediet li, li kieku d-deċiżjoni kkontestata ma ġietx adottata, dawn kienu jilħqu 100 000 sa 500 000 tunnellata fis-snin ta’ wara. Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni ma kinitx tieħu in kunsiderazzjoni l-esportazzjonijiet potenzjali, iżda kienet ibbażata fuq il-produzzjoni taż-żewġ impriżi eżistenti u ta’ żewġ impriżi oħra, li kellhom jibdew attività fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara r-rapport NEI, p. 85, punt 6.5). Madankollu, fid-dawl tad-differenza notevoli bejn il-prezz dinji u l-prezz Komunitarju taz-zokkor, hu probabbli ħafna li kumpanniji oħra setgħu jidħlu fl-istess suq li kieku l-Kunsill ma llimitax l-applikazzjoni tar-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT għaz-zokkor.

138    Barra minn hekk, fi żmien l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 57 tas-sentenza Emesa, kien jeżisti riskju innegabbli “ta’ devjazzjoni artifiċjali tal-prodotti provenjenti mill-Istati ACP, mit-territorju ta’ l-OCT, bl-iskop li jinkiseb aċċess għas-suq Komunitarju taz-zokkor f’kwantitajiet ikbar minn dawk li għalihom l-Istati msemmija jgawdu, skond ftehim, minn aċċess garantit, eżenti mid-dazji, għal dan is-suq”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, minħabba r-regola tal-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT, dawn l-operazzjonijiet ta’ proċessar sempliċi (anke dawk li normalment mhumiex ta’ tali natura li jikkonferixxu l-oriġini OCT) huma suffiċjenti sabiex prodotti ACP jiġu kkunsidrati bħala prodotti OCT u jistgħu jidħlu fis-suq Komunitarju eżenti minn dazji ta’ importazzjoni.

139    Abbażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li, fi żmien l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kien jeżisti riskju reali ta’ żieda notevoli fl-esportazzjonijiet taz-zokkor li jgawdu mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT fil-Kominità.

140    Għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni jekk iż-żieda imminenti ta’ l-esportazzjonijiet kinitx tirriskja li tfixkel l-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti ma tikkontestax l-affermazzjonijiet relattivi għall-fatti li jinsabu fil-punt 56 tas-sentenza Emesa, jiġifieri li kienet teżisti “produzzjoni Komunitarja żejda ta’ zokkor tal-pitravi meta mqabbla mal-kwantità kkunsmata fil-Komunità”, u li, barra minn hekk, il-Komunità kienet obbligata “timporta ċerta kwantità ta’ zokkor minn pajjiżi terzi, skond il-ftehim [WTO]” u li ma’ dan kollu kellhom jiżdiedu wkoll l-“importazzjonijiet ta’ zokkor tal-kannamieli li ġej mill-Istati ACP sabiex [t]iġ[i] sodisfatt[a] d-domanda speċifika għal dan il-prodott”. Minħabba l-prezz Komunitarju għoli meta mqabbel mal-prezz dinji, “il-Komunità kienet ukoll marbuta tissussidja l-esportazzjonijiet ta’ zokkor, permezz ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni u fil-limiti tal-ftehim [WTO]”.

141    Għal dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li l-produzzjoni żejda taz-zokkor fil-Komunità hi strutturali u kienet diġà teżisti fl-1991, fiż-żmien meta r-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT ġiet adottata, għandu jiġi rilevat li z-zokkor mhuwiex l-uniku prodott li għalih tapplika din ir-regola. Għall-kuntrarju, dan hu vantaġġ ġenerali applikabbli għal kwalunkwe prodott proċessat fl-OCT. Meta l-applikazzjoni ta’ dan il-vantaġġ tikkawża jew tirriskja li tikkawża tfixkil f’settur partikolari, il-Komunità għandha d-dritt tieħu miżuri ad hoc jew strutturali sabiex taffronta din il-problema.

142    Skond il-Qorti,tal-Ġustizzja, “il-Kunsill seta’ jikkunsidra, ġustament, li kull kwantità addizzjonali ta’ zokkor li tasal fis-suq tal-Komunità, imqar jekk din tkun minima meta mqabbla mal-produzzjoni Komunitarja, kienet iġġiegħel lill-istituzzjonijiet Komunitarji jżidu l-ammont ta’ sussidji fuq l-esportazzjoni, fil-limiti [tal-ftehim WTO], jew inaqqsu l-kwoti tal-produtturi Ewropej, u li dawn il-miżuri kuntrarji għall-għanijiet tal-politika agrikola komuni kienu jfixklu l-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor, li l-ekwilibriju tagħha kien diġà prekarju” (sentenza Emesa, punt 56).

143    Ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni tal-fatti. Skond ir-rikorrenti ma kienx jeżisti riskju veru ta’ tfixkil tas-suq taz-zokkor Komunitarju.

144    Madankollu, jekk, fis-suq Komunitarju taz-zokkor, regolat minn sistema ta’ prezz protett, l-offerta taqbeż id-domanda, hu raġonevoli li jiġi kkunsidrat li kwalunkwe żieda fl-offerta permezz ta’ importazzjonijiet hi ta’ tali natura li tikkawwża tfixkil. Fil-fatt, sabiex jinżamm l-ekwilibriju prekarju fis-suq – li huwa pjuttost skwilibriju kkontrollat peress li l-ekwilibriju jintlaħaq biss permezz ta’ l-esportazzjoni sussidjata – , ikun neċessarju jew li l-prezz ta’ intervenzjoni jitbaxxa b’mod kunsiderevoli sabiex l-importazzjonijiet jitnaqqsu u tiżdied id-domanda, jew li titnaqqas il-produzzjoni Komunitarja u/jew jiżdiedu l-esportazzjonijiet li, meta titqies id-differenza bejn il-prezz Komunitarju u l-prezz dinji, għandhom jiġu sussidjati.

145    Fid-dawl tar-riskju imminenti ta’ żieda notevoli fl-importazzjonijiet ta’ zokkor fil-Komunità kkreat mir-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT (ara l-punt 139 iktar ’il fuq), il-Kunsill, wara li wiżen l-interessi ta’ l-OCT u dawk tal-politika agrikola komuni, seta’ jiddeċiedi b’mod raġonevoli li jillimita l-applikazzjoni ta’ din ir-regola sabiex inaqqas l-importazzjonijiet provenjenti mill-OCT ta’ dan il-prodott, li kellu oriġini OCT biss permezz ta’ finzjoni ġuridika.

146    Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-Komunità tesporta kwantità ta’ zokkor b’rifużjoni fuq l-esportazzjoni iżgħar minn dik awtorizzata mill-ftehim WTO, għandu jiġi rrilevat li la l-Kunsill u lanqas il-Qorti ma sostnew li l-limitazzjoni, mill-Artikolu 108b(1) tad-deċiżjoni OCT kif emendata, ta’ l-importazzjonijiet bla dazji hi ġġustifikata mill-fatt li l-Komunità ma setgħetx, minħabba l-ftehim WTO, iżżid aktar il-livell ta’ l-esportazzjonijiet ta’ zokkor sussidjati tagħha.

147    Għandu jiġi osservat li l-ftehim WTO, b’mod partikolari l-“Iskeda CXL” fihom limitu fuq l-esportazzjonijiet ta’ zokkor sussidjati. Madankollu, huma ma jinkludu ebda obbligu li l-kwantità allokata tintuża kollha. L-iskop tal-ftehim WTO huwa fil-fatt li gradwalment jiġu mnaqqsa l-esportazzjonijiet sussidjati.

148    Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kunsill vvjola l-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ddeċieda li jillimita l-importazzjonijiet ta’ zokkor li jgawdu mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT, anke jekk l-esportazzjonijiet addizzjonali li dawn l-importazzjonijiet setgħu jikkreaw baqgħu taħt il-limitu massimu stabbilit mill-ftehim WTO.

149    Ir-rikorrenti tispjega wkoll li ż-żieda fl-importazzjonijiet taz-zokkor li jgawdu mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT m’għandhiex ikollha influwenza fuq il-produzzjoni Komunitarja. Hija tosserva li l-produzzjoni Komunitarja fl-aħħar snin dejjem baqgħet taħt il-kwoti ta’ produzzjoni stabbiliti mill-Komunità.

150    Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, matul il-proċedimenti, ir-rikorrenti enfasizzat il-produzzjoni żejda strutturali tas-suq komuni. Fis-seduta, ir-rikorrenti reġgħet irreferiet għar-rapport speċjali tal-Qorti ta’ l-Awdituri Nru 20/2000, dwar l-immaniġġjar ta’ l-organizazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU 2001, C 50, p.1), li minnu jirriżulta li fl-1997 din il-produzzjoni żejda kienet ta’ madwar 2 miljun tunnellati. Konsegwentement, indipendentement mill-kwistjoni jekk il-kwoti ta’ produzzjoni kinux ġew eżawriti, hu raġonevoli li jiġi kkunsidrat li s-suq taz-zokkor Komunitarju, fejn l-offerta hi kunsiderevolment ikbar mid-domanda, kien ikun imfixkel li kieku l-importazzjonijiet taz-zokkor kienu żdiedu b’mod kunsiderevoli minħabba l-applikazzjoni tar-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT.

151    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill seta’ raġonevolment jikkunsidra li kien neċessarju li l-importazzjonijiet taz-zokkor li jgawdu mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT jiġu limitati sabiex tiġi protetta l-istabbiltà ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor.

152    Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk, billi l-applikazzjoni tar-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ġiet limitata għal 3 000 tunnellata, il-Kunsill ivvjolax il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

153    Għandu jiġi kkonstatat, madankollu, li l-Qorti diġà ddeċidiet fis-sentenza Emesa, li l-limitu impost mill-Artikolu 108b(1) tad-deċiżjoni OCT, kif emendata, jiġifieri l-limitazzjoni ta’ l-importazzjonijiet li jgawdu mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT għal 3 000 tunnellata fis-sena, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-punt 57 tas-sentenza tagħha, b’mod partikolari għall-fatt li “l-kwota annwali ta’ 3 000 tunnellata mhijiex inferjuri għal-livell ta’ l-importazzjonijiet tradizzjonali taz-zokkor provenjenti mill-OCT, billi dawn ta’ l-aħħar ma jipproduċux huma stess dan il-prodott”, li l-industrija milquta mid-deċiżjoni kkontestata “setgħet tikkontribwixxi biss b’mod limitat għall-iżvilupp ta’ l-OCT” u li “l-applikazzjoni illimata tar-regola tal-kumulu ta’ oriġini tinvolvi riskju ta’ devjazzjoni artifiċjali tal-prodotti provenjenti mill-Istati ACP, mit-territorju tal-OCT, bl-iskop li jinkiseb aċċess għas-suq Komunitarju taz-zokkor f’kwantitajiet ikbar minn dawk li għalihom l-Istati msemmija jgawdu, skond ftehim, minn aċċess garantit, eżenti mid-dazji, għal dan is-suq”.

154    Fl-osservazzjonijiet tagħha tad-9 ta’ Ottubru 2000 ir-rikorrenti tikkritika wkoll din is-silta tas-sentenza Emesa. Safejn l-argumenti magħmula mir-rikorrenti jirrigwardaw biss l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti fuq fatti ikkontestati, se jiġu kkunsidrati biss għall-finijiet ta’ kompletezza (ara l-punt 135 iktar ’il fuq).

155    Ir-rikorrenti tinsisti fuq il-fatt li ma jeżistux importazzjonijiet tradizzjonali ta’ zokkor provenjenti mill-OCT. L-industrija taz-zokkor bdiet fl-OCT minħabba r-regola ta’ kumulu ta’ oriġini. Fl-1996 l-esportazzjonijiet kienu jammontaw għal anqas minn 3 000 tunnellata minħabba li l-impriżi kkonċernati ma kinux għadhom operazzjonali għal kollox. Il-ġustifikazzjoni tal-kwota ta’ 3 000 tunnellata, billi tirreferi, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 57 tas-sentenza Emesa, għall-importazzjonijiet tradizzjonali hi, f’dawn iċ-ċirkustanzi, inkomprensibbli. Ir-rikorrenti tenfasizza li l-kwantità ta’ 3 000 tunnellata hi inferjuri għall-produzzjoni tagħha ta’ kull xahar. Hija tfakkar li l-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza esprima, fid-digriet tiegħu tat-30 ta’ April 1999, Emesa Sugar vs Il-Kummissjoni, iċċitat fil-punt 25, li kwantità ta’ importazzjoni ta’ zokkor provenjenti mill-OCT ta’ 15 000 tunnellata fis-sena kienet neċessarja sabiex tiggarantixxi s-sopravivenza tagħha. Anke jekk il-limitazzjoni ta’ l-importazzjonijiet taz-zokkor li jgawdu mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT kienet neċessarja, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill imsissu ħa in kunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata l-interessi ta’ l-impriżi eżistenti fl-OCT fis-settur taz-zokkor u kien imissu stabbilixxa kwota ta’ tali livell li kien jippermetii lil dawn l-impriżi sabiex jibqgħu fis-suq. Hija tifferi, f’dan ir-rigward, għall-approċċ adottat mill-Kunsill għal prodotti oħra, partikolarment għall-isoglukożju u l-inulina.

156    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata qabel kollox li r-rikorrenti nfisha tammetti li ma teżistix produzzjoni ta’ zokkor fl-OCT. Fi kwalunkwe każ, anki kieku kellha teżisti din il-produzzjoni, hija ma kinitx tiġi affettwata mid-deċiżjoni kkontestata, peress li tgawdi, bħala produzzjoni miksuba għal kollox fl-OCT skond l-Artikolu 2 ta’ l-Anness II, minn oriġini OCT.

157    Inkwantu għaz-zokkor “proċessat” fl-OCT, għandu jiġi mfakkar li z-zokkor li jiġi pproċessat b’mod suffiċjenti b’mod konformi mar-regoli normali ta’ oriġini (ara l-punt 77 iktar ‘ fuq) jikkostitwixxi prodott ta’ oriġini OCT li jista’ jidħol fil-Komunità eżentat minn dazji tad-dwana, mingħajr ebda limitazzjoni kwantitattiva.

158    Bl-introdizzjoni ta’ l-Artikolu 108b(1) tad-deċiżjoni OCT, il-Kunsill ffissa biss limitu għall-importazzjonijiet ta’ zokkor li jgawdu mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT, jiġifieri zokkor provenjenti minn Stati ACP li jkun ġie proċessat fl-OCT; proċessar li normalment ikun insuffiċjenti biex jattribwilu oriġini OCT, iżda li xorta waħda hu kkunsidrat bħal li għandu din l-oriġini permezz ta’ finzjoni ġuridika.

159    Il-Kunsill iffissa l-limitu li jinsab fl-Artikolu 108b(1) tad-deċiżjoni OCT, kif emendata, għal livell bejn wieħed u ieħor ugwali għal dak ta’ l-esportazzjonijiet eżistenti ta’ zokkor li kienu jgawdi mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT fi żmien l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

160    Fil-fatt, ir-rikorrenti tikkonferma li, fis-sena ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-kwantità ta’ l-esportazzjonijiet lejn il-Komunità ta’ zokkor li kien jakkumula l-oriġini ACP/OCT kienet ta’ 2 310 tunnellata. Għall-ewwel sitt xhur ta’ l-1997 din kienet, skond ir-rikorrenti, ta’ 1 404.3 tunnellata. Konsegwentement il-Kunsill ma aġixxiex b’mod mhux raġonevoli meta llimita, f’Novembru ta’ l-1997, għal 3 000 tunnellata fis-sena l-applikazzjoni għaz-zokkor tar-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT.

161    Fir-rigward ta’ l-argument li l-istituzzjonijiet Komunitarji kellhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-industrija taz-zokkor fl-OCT kienet tinsab f’fażi ta’ bidu, għandu jiġi osservat li r-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT ilha teżisti mill-adozzjoni tad-deċiżjoni OCT fl-1991. Ir-rikorrenti ġiet ikkostitwita biss fis-6 ta’ Frar 1997, fi żmien meta l-Kummissjoni diġà kienet għamlet proposta lill-Kunsill għall-abolizzjoni totali tar-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT għaz-zokkor (ara l-punt 94 iktar ’il fuq).

162    Jekk is-sopravivenza tar-rikorrenti kienet tiddependi verament miż-żamma fis-seħħ tar-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT, kif hija tafferma, l-investiment magħmul għandu jiġi kkunsidrat bħala imprudenti għall-aħħar. Fil-fatt, ir-regola ta’ kumulu ta’ oriġini ACP/OCT hi eċċezzjonali, u l-abolizzjoni tagħha għal dak li jirrigwarda z-zokkor kienet diġà ġiet imħabbra qabel ma r-rikorrenti ġiet ikkostitwita.

163    Fis-seduta, ir-rikorrenti baqgħet tinsisti fuq il-fatt li, għas-sena 1997 kollha, l-importazzjonijiet ta’ zokkor kienu biss ta’ 10 000 tunnellata. Peress li din il-kwantità ma setgħetx tfixkel is-suq taz-zokkor Komunitarju, l-iffissar tal-limitu previst fl-Artikolu 108 b(1) tad-deċiżjoni OCT, kif emendata, hu kompletament irraġonevoli.

164    Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti nfisha ssostni, abbażi ta’ stima li lanqas tieħu in kunsiderazzjoni l-esportazzjonijiet potenzjali, li li kieku d-deċiżjoni kkontestata ma ġietx adottata, l-esportazzjonijiet taz-zokkor li jgawdu mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT kienu jilħqu ammont bejn il-100 000 u l-150 000 tunnellata fis-sena (ara l-punt 137 iktar ’il fuq). Kif diġà ġie kkonstatat, il-Kunsill seta’ raġonevolment jikkunsidra li din il-kwantità kienet tali li tfixkel is-suq taz-zokkor Komunitarju (ara l-punti 144 u 145 iktar ’il fuq).

165    Ir-rikorrenti tikkritika wkoll l-affermazzjoni tal-Qorti fil-punt 57 tas-sentenza Emesa, fejn jingħad li “peress li huwa biss valur minimu li jiġi miżjud mal-prodotti provenjenti mill-Istati ACP fit-territorju ta’ l-OCT, l-industrija milquta mid-deċiżjoni [kkontestata] setgħet tikkontribwixxi biss b’mod limitat għall-iżvilupp ta’ l-OCT infushom”.

166    Madankollu, ma jistax jiġi nnegat serjament li l-operazzjonijiet, li, skond ir-regoli normali ta’ oriġini, jikkonferixxu oriġini OCT fuq prodott, iżidu valur intrinsiku akbar għal dan ta’ l-aħħar mill-operazzjonijiet li jgawdu mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT, li huma operazzjonijiet sempliċi. Barra minn hekk, dawn l-aħħar operazzjonijiet normalment ma joħolqux ħafna postijiet ta’ xogħol. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-importanza ta’ l-industrija milquta mid-deċiżjoni kkontestata setgħet tikkontribwixxi biss b’mod limitat għall-iżvilupp ta’ l-OCT.

167    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li, għall-kuntrarju ta’ dak affermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 57 tas-sentenza Emesa, ma jeżistux provi ta’ devjazzjoni artifiċjali tal-prodotti provenjenti minn Stati ACP fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

168    Madankollu, kif diġà ġie kkonstata fil-punt 138 iktar ‘ il fuq, ir-riskju ta’ din id-devjazzjoni kien reali minnħabba d-differenza bejn il-prezz Komunitarju taz-zokkor u l-prezz taz-zokkor fis-suq dinji.

169    Ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li l-importazzjonijiet ta’ zokkor provenjenti mill-OCT huwa ttrattat b’mod inqas favorevoli mill-importazzjonijiet provenjenti mill-Istati ACP jew minn pajjiżi terzi. Hija tenfasizza li l-importazzjonijiet preferenzjali ta’ zokkor provenjenti mill-Istati ACP u minn pajjiżi terzi jirrappreżentaw 1.7 miljun tunnellata. Dawn l-importazzjonijiet huma sussidjati mill-FAEGG sa EUR 0.8 biljun fis-sena. Dan l-ammont jaqbeż ampjament dak li jiswa kull sussidjar potenzjali ta’ l-esportazzjonijiet ta’ zokkor provenjenti mill-OCT. Ir-rikorrenti tinsisti barra minn hekk fuq il-fatt li l-OCT huma fuq nett tal-ġerarkija tal-pajjiżi li magħhom l-Unjoni Ewropea żżomm relazzjonijiet privileġġjati. Il-prodotti provenjenti mill-OCT għandhom għalhekk igawdu minn pożizzjoni privileġġjata.

170    Din l-argumentazzjoni hi bbażata fuq premessa falza. Fil-fatt, il-prodotti provenjenti mill-OCT igawdu u jkomplu jgawdu minn eżenzjoni totali tad-dazji tad-dwana. Il-Kunsill illimita għal 3 000 tunnellata l-applikazzjoni tar-regola tal-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT għaz-zokkor li, permezz ta’ finzjoni ġuridika, tattribwixxi oriġini OCT għal prodotti li, fir-realta’ huma prodotti ACP.

171    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-motiv ibbażat fuq vjolazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud ukoll.

172    Peress li l-eżami tal-motivi għal annullament ma ppoduċiex il-prova ta’ vjolazzjoni ta’ regola tad-dritt li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi, u mingħajr ma hu neċessarju li jiġu eżaminati ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra neċessarji biex jingħata lok għar-responsabbilità mhux kuntrattwali tal-Komunità, għandu jiġi kkonstatat li t-talbiet għal kumpens għad-danni ma jistgħux jintlaqgħu.

173    Għaldaqstant, ir-rikors kollu għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

174    Skond l-Artikolu 87(2), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannat tbati l-ispejjeż, inklużi dawk relattivi għall-proċeduri sommarji, skond it-talbiet tal-Kunsill.

175    Skond l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża, illi intervenew in sostenn tat-talbiet tal-Kunsill, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)       Ir-rikorrenti għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kunsill, inklużi dawk relattivi għall-proċeduri sommarji.

3)      Il-partijiet intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Azizi

Lenaerts

Jaeger

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Diċembru 2001.

H. Jung

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż