Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' April 2011 - Staelen vs Ombudsman

(Kawża T-217/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Claire Staelen (Bridel, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: L. Levi u M. Vandenbussche, avukati)

Konvenut: L-Ombudsman Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkundanna lill-Ombudsman iħallas lir-rikorrenti l-ammont ta' EUR 559 382,13 nett bħala kumpens għad-dannu materjali subit fl-imgħoddi, flimkien mal-interessi moratorji, ikkalkolati bir-rata tal-Bank Ċentrali Ewropew, miżjuda b'żewġ punti;

tikkundanna lill-Ombudsman iħallas lill-fond għall-pensjonijiet tal-irtirar Komunitarju l-kontribuzzjonijiet tal-irtirar favur ir-rikorrenti li jikkorrispondu għas-salarji bażiċi kkalkolati għall-perijodu bejn Ġunju 2005 sax-xahar ta' April 2011, jiġifieri fuq il-bażi ta' ammont totali ta' EUR 482 225,97;

tikkundanna lill-Ombudsman iħallas lir-rikorrenti kull xahar mix-xahar ta' Mejju 2011 sax-xahar ta' Marzu 2026 l-ammonti netti li jikkorrispondu għas-salarji ffissati għall-uffiċjali tal-funzjoni AD mill-grad AD 9 skala 2, it-tieni sena, b'teħid inkunsiderazzjoni ta' karriera normali ta' uffiċjal tal-istess grad, flimkien mal-kontribuzzjonijiet korrisponenti għall-fond għall-pensjonijiet tal-irtirar favur ir-rikorrenti kif ukoll mal-kontribuzzjonijiet lill-fond tal-assigurazzjoni għall-mard;

tikkundanna lill-Ombudsman sabiex iħallas lir-rikorrenti l-ammont ta' EUR 50 000 bħala kumpens għad-danni morali;

tikkundanna lill-Ombudsman għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas li jsir l-istħarriġ ġustifikat kollu sabiex jiġi ċċarat kull każ eventwali ta' amministrazzjoni ħażina fil-ġestjoni tal-fajl tar-rikorrenti mill-Parlament Ewropew. Ir-rikorrenti takkuża lill-konvenut bl-aġir li jikkostitwixxi nuqqas u, konsegwentement, bil-ksur tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, 94/262/KEFA, KE, Euratom, rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi ta' l-Ombudsman (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 283).

It-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni, sa fejn il-konvenut qabeż il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li huwa għandu sabiex jeżamina l-fondatezza tal-ilment, u wettaq żball fl-eżerċizzju tad-doveri tiegħu, ta' natura li ħoloq preġudizzju lir-rikorrenti.

It-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta' imparzjalità, ta' oġġettività u ta' indipendenza, ta' mala fide u ta' abbuż ta' poter, sa fejn il-konvut, minn naħa, ikkonkluda ftehim ta' kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew, u, min-naħa l-oħra, kien evita mingħajr ġustifikazzjoni l-kwistjonijiet ċentrali li jirrigwardaw l-ilment ippreżentat.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta' dmir ta' premura u ta' amministrazzjoni tajba. L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenut ma ħax inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li setgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tiegħu meħuda waqt l-eżami tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti, u t-tieni nett li rrifjuta li jipproduċi d-dokumenti li fuqhom il-konvenut kien ibbaża d-deċiżjoni tiegħu u t-tielet nett, li kiser it-terminu raġjonevoli tal-proċedura.

____________