Language of document : ECLI:EU:C:2023:678

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fl‑14 ta’ Settembru 2023 (1)

Kawża C359/22

AHY

vs

Minister for Justice

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikolu 17(1) – Klawżoli ta’ sovranità – Artikolu 27 – Rimedju effettiv – Effett sospensiv”






1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikolu 27(1) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”) (2), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2.        L-isfond tad-domandi magħmula huwa kkostitwit mis-sistema legali partikolari, attwalment fis-seħħ fl-Irlanda, li tittrasponi r-Regolament Dublin III. Skont din is-sistema, id-deċiżjoni ta’ Stat Membru li jagħmel użu, jew li ma jagħmilx użu, mill-klawżola ta’ sovranità prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III għandha tiġi adottata minn awtorità amministrattiva differenti minn dik responsabbli għall-applikazzjoni tal-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli stabbiliti minn dan ir-regolament u għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. Bl-istess mod, ir-rimedji ġudizzjarji previsti kontra l-ewwel u t-tieni deċiżjoni jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ żewġ qrati nazzjonali differenti.

3.        Il-koeżistenza ta’ dawn iż-żewġ proċeduri, assoċjati mal-assenza ta’ koordinazzjoni bejniethom, tqajjem kwistjonijiet legali kumplessi fil-kuntest tar-Regolament Dublin III. Għaldaqstant, fis-sentenza li sejra tagħti, il-Qorti tal-Ġustizzja sejjer ikollha l-opportunità li tipprovdi kjarifiki fuq il-portata tad-dritt għal rimedju effettiv kif previst fl-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari fuq il-kwistjoni dwar jekk waħda miż-żewġ dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jobbligawx lill-Istati Membri sabiex jipprovdu għall-possibbiltà ta’ kontestazzjoni ġudizzjarja, permezz ta’ rikors separat minn dak kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li toriġina mill-klawżola ta’ sovranità. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti deċiżjoni fuq il-punt dwar jekk l-introduzzjoni ta’ tali rikors twassalx neċessarjament għas-sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment.

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

4.        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.”

5.        L-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Klawsoli diskrezzjonali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1.      Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz [jew minn persuna apolida], ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament.

L-Istat Membru li jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont dan il-paragrafu għandu jsir l-Istat Membru responsabbli u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà. Fejn jixraq, huwa għandu jgħarraf, billi juża in-netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika ‘DubliNet’ stabbilita skont l-Artikolu 18 tar-Regolament [tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat‑2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200)], lill-Istat Membru li qabel kien responsabbli, l-Istat Membru li jmexxi proċedura biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli jew l-Istat Membru li kien intalab biex jinkariga ruħu minn, jew biex jieħu lura l-applikant.

L-Istat Membru li jsir responsabbli skont dan il-paragrafu għandu minnufih jindika dak il-fatt fil-Eurodac skont l-Artikolu 17(6) tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2014, L 180, p. 1)] billi jżid id-data ta’ meta ttieħdet id-deċiżjoni sabiex tiġi eżaminata l-applikazzjoni.”

6.        L-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament, intitolat “Rimedji”, huwa redatt kif ġej:

“1.      L-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) (c) jew (d) għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.

2.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal perijodu ta’ żmien raġonevoli li fih l-applikant jew il-persuna kkonċernata jista’ jeżerċita d-dritt għal rimedju effettiv skont il-paragrafu 1.

3.      Għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, -deċiżjonijiet ta’ trasferiment, l-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li:

(a)      l-appell jew ir-reviżjoni tagħti lill-applikant id-dritt li jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew ir-reviżjoni; jew

(b)      it-trasferiment huwa sospiż awtomatikament u tali sospensjoni tiskadi wara ċertu perijodu ta’ żmien raġonevoli, f’liema żmien qorti jew tribunal, wara skrutinju mill-qrib u rigoruż, tkun ħadet deċiżjoni dwar jekk għandux jingħata effett sospensiv lil appell jew reviżjoni; jew

(c)      il-persuna kkonċernata jkollha l-opportunità li titlob f’perijodu ta’ żmien raġonevoli lil qorti jew tribunal biex jissospendi l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew reviżjoni tiegħu/tagħha L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm rimedju effettiv billi jissospendu t-trasferiment sakemm tittieħed deċiżjoni rigward l-ewwel talba għal sospensjoni. Kwalunkwe deċiżjoni dwar jekk l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment għandhiex tiġi sospiża għandha tittieħed f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, filwaqt li tippermetti skrutinju mill-qrib u rigoruż tat-talba għal sospensjoni. Deċiżjoni li l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ma tiġix sospiża għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata.

4.      L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jaġixxu ex officio fis-sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment sakemm iseħħ l-eżitu tal-appell jew reviżjoni.”

7.        L-Artikolu 29(1) u (2) tal-istess regolament jipprovdi:

“1.      It-trasferiment tal-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 18(1) mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3).

Jekk trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli jsiru permezz ta’ tluq sorveljat jew taħt skorta, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn isiru b’mod uman u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u d-dinjità umana.

Fejn hu meħtieġ, l-applikant għandu jingħata mill-Istat Membru rikjedenti laissez passer. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi d-disinn tal-laissez passer. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami li jirreferi għaliha l-Artikolu 44(2).

L-Istat Membru responsabbli għandu jgħarraf lill-Istat Membru li jagħmel it-talba, kif xieraq, bil-wasla salva tal-persuna kkonċernata jew bil-fatt li huwa jew hija ma dehritx fil-limitu tal-ħin stabbilit.

2.      Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.”

B.      Iddritt Irlandiż

1.      European Union (Dublin System) Regulations 2018

8.        L-Artikolu 3 tal-European Union (Dublin System) Regulations 2018 (S. I. No. 62 of 2018) (ir-Regolament tal‑2018 dwar l-Unjoni Ewropea (Sistema ta’ Dublin) (S. I. Nru 62 tal‑2018), iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal‑2018”), intitolat “Eżerċizzju tal-funzjonijiet skont ir-Regolament tal-Unjoni”, jagħti lill-uffiċjali tal-protezzjoni internazzjonali (uffiċjali li jifformaw parti mill-International Protection Office (l-Uffiċċju ta’ Protezzjoni Internazzjonali, l-Irlanda, iktar ’il quddiem l-“IPO”)), il-funzjonijiet ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għal applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III u ta’ adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ trasferiment. L-Artikolu 6 tar-Regolament tal‑2018, intitolat “Rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment”, jipprovdi li l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali, l-Irlanda, iktar ’il quddiem l-“IPAT”) għandha l-ġurisdizzjoni sabiex teżamina rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment.

9.        L-Artikolu 8 tar-Regolament tal‑2018, intitolat “Sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment fl-istennija tal-eżitu tar-rikors”, jimplimenta l-effett sospensiv previst fl-Artikolu 27(3)(a) tar-Regolament Dublin III, u essenzjalment jipprovdi li applikant għal protezzjoni internazzjonali, li jkun ippreżenta rikors skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal‑2018, għandu d-dritt li jibqa’ fl-Istat waqt li jkun qiegħed jistenna l-eżitu tal-appell.

10.      L-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Ministru għall-Ġustizzja (iktar ’il quddiem il-“Ministru”). Il-proċedura li twassal għat-teħid ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment mill-IPO skont ir-Regolament tal‑2018 ma tinvolvi l-ebda teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, u l-ġurisdizzjoni tal-IPAT skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament hija limitata għal rikorsi kontra tali deċiżjonijiet ta’ trasferiment. Dik il-qorti ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi rikorsi kontra deċiżjoni tal-Ministru b’rabta mal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) ta’ dan l-istess regolament, b’tali mod li l-uniku rimedju possibbli kontra tali deċiżjoni huwa r-rikors għal “judicial review” (stħarriġ ġudizzjarju).

2.      Order 84, Superior Courts Rules

11.      L-Order 84, Rules of the Superior Courts (Ordni 84, ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qrati Superjuri, billi l-artikoli tal-Ordni 84 jissejħu “rules” (regoli)) tistabbilixxi, b’mod partikolari fit-Titolu V tagħha, ir-regoli tal-proċedura applikabbli fil-kuntest ta’ rikors għal stħarriġ ġudizzjarju. Il-High Court (il-Qorti Għolja) hija l-qorti tal-ewwel istanza sabiex tittratta r-rikorsi għal stħarriġ ġudizzjarju. B’hekk, kull riferiment għall-qorti fl-Ordni 84 jikkostitwixxi riferiment għall-High Court (il-Qorti Għolja) bħala qorti tal-ewwel istanza.

12.      Ir-Regola 20 tal-Ordni 84 essenzjalment tindika li għandha tingħata awtorizzazzjoni minn qabel mill-qorti (“application for leave”) qabel ma tiġi pproċessata t-talba għal rimedju permezz ta’ stħarriġ ġudizzjarju u li r-rikorrent għandu jkollu interess suffiċjenti fl-għoti tal-awtorizzazzjoni. Ir-Regola 21 tal-Ordni 84 tistabbilixxi terminu ta’ tliet xhur sabiex il-qorti tiġi adita, iżda dan it-terminu jista’ jiġi estiż, b’mod partikolari meta tkun teżisti raġuni valida u suffiċjenti għal din l-estensjoni.

13.      L-Ordni 84 ma tipprevedix effett sospensiv. Il-punt 8(b) tar-Regola 20 tal-Ordni 84 jipprovdi li meta tingħata l-awtorizzazzjoni sabiex jintalab stħarriġ ġudizzjarju, il-qorti tista’, jekk din tqis li huwa ġust u f’loku li tagħmel dan, tagħti digriet li jissospendi deċiżjoni li tkun marbuta magħha t-talba, meta tkun mitluba li tagħti digriet ta’ projbizzjoni jew ta’ certiorari (digriet intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni amministrattiva), sakemm tkun tat deċiżjoni fuq it-talba għal stħarriġ ġudizzjarju jew sakemm il-qorti tiddeċiedi mod ieħor.

II.    Ilfatti li taw lok għallkawża, ilproċedura filkawża prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

14.      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, AHY, huwa ċittadin Somalu li twieled fil‑21 ta’ Ottubru 1987.

15.      Fil‑21 ta’ Jannar 2020, huwa ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Irlanda, peress li kien il-vittma ta’ attakk bl-użu ta’ splussiv fis-Somalja, liema attakk ġarraf il-ħanut tiegħu, qatel wieħed mill-impjegati tiegħu u kkaġunalu ġrieħi f’idejh u f’dirgħajh.

16.      Minn tfittxija tal-Eurodac irriżulta li huwa kien diġà ppreżenta żewġ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fl-Isvezja fil‑5 ta’ Novembru 2012 u fit‑2 ta’ Ottubru 2017. Dawn l-applikazzjonijiet kienu ġew miċħuda.

17.      Konsegwentement, l-awtoritajiet Irlandiżi, ippreżentaw, abbażi tal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Dublin III, talba għat-teħid lura mir-Renju tal-Isvezja. Dan tal-aħħar laqa’ t-talba fid‑19 ta’ Frar 2020.

18.      Fit‑23 ta’ Lulju 2020, intbagħat avviż ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment lejn l-Isvezja lil AHY, li kkontesta din id-deċiżjoni quddiem l-IPAT billi talab l-applikazzjoni tal-klawżola prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III u billi sostna, b’mod partikolari, li huwa kien qiegħed isofri mid-dipressjoni.

19.      L-IPAT ċaħdet dan ir-rikors fil‑5 ta’ Ottubru 2021 u kkonfermat id-deċiżjoni ta’ trasferiment.

20.      Fit‑8 ta’ Novembru 2021, AHY ġie informat li kien imsejjaħ sabiex jidher quddiem il-Garda National Immigration Bureau (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Immigrazzjoni, l-Irlanda) fis‑16 ta’ Diċembru tal-istess sena sabiex jipprepara għat-trasferiment tiegħu lejn l-Isvezja, li kellu jseħħ sa mhux iktar tard mis‑6 ta’ April 2022.

21.      Fil‑15 ta’ Novembru 2021, huwa ressaq quddiem il-Ministru talba intiża sabiex dan tal-aħħar jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17 tar-Regolament Dublin III, b’mod partikolari, peress li huwa kien f’riskju li jwettaq suwiċidju fil-każ li jseħħ tali trasferiment. Għal dan l-għan, AHY ipproduċa rapport forensiku li jindika li huwa kien f’riskju għoli li jagħmel ħsara fuq persuntu u li jwettaq suwiċidju eventwali f’każ ta’ trasferiment lejn l-Isvezja. Matul il-proċedura, huwa pproduċa t-tieni rapport forensiku li kien jindika li r-riskju ta’ suwiċidju kien ogħla minn dak deskritt fl-ewwel rapport.

22.      Fis‑16 ta’ Frar 2022, it-talba intiża sabiex il-Ministru jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17 tar-Regolament Dublin III ġiet miċħuda.

23.      Wara t-tieni rapport forensiku, il-Ministru żied addendum mad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, li permezz tiegħu speċifika li t-tieni rapport mediku ma kienx wassal għal tibdil fil-pożizzjoni tiegħu espressa f’dik id-deċiżjoni.

24.      AHY adixxa lill-qorti tar-rinviju b’rimedju ġudizzjarja kontra dik id-deċiżjoni. B’mod partikolari huwa jsostni li, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III, ir-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet li jirrifjutaw li jsir użu mis-setgħa diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament għandhom effett sospensiv awtomatiku.

25.      Il-qorti tar-rinviju kkonfermat u estendiet il-miżuri provviżorji miksuba minn AHY f’Diċembru tal‑2021 li jipprojbixxu t-trasferiment tiegħu lejn l-Isvezja u ddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

26.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari dwar l-effett sospensiv li rikors kontra deċiżjoni tal-Ministru li biha jirrifjuta li jagħmel użu mis-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu mill-Artikolu 17 tar-Regolament Dublin III jista’ jkollu fuq deċiżjoni ta’ trasferiment, b’mod partikolari meta din tal-aħħar diġà kienet is-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament.

27.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Id-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ rikors kontra ‘deċiżjoni ta’ trasferiment’ jew ta’ reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, ta’ din id-deċiżjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament [Dublin III] jinkludi d-dritt għal tali rimedju effettiv kontra deċiżjoni meħuda mill-Istat Membru taħt l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III rigward l-eżerċizzju, taħt din id-dispożizzjoni, tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu dwar jekk għandux jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lilu minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, minkejja li tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu taħt il-kriterji stabbiliti fir-Regolament Dublin III?

2.      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

a)      isegwi li Stat Membru rikjedenti huwa prekluż milli jeżegwixxi deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm ma jkunx iddeċieda dwar it-talba għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mressqa mill-applikant taħt l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III?

b)      id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(3) [tar-Regolament Dublin III], li jeżiġu li l-Istati Membri jipprevedu fid-dritt nazzjonali tagħhom waħda mit-tliet forom ta’ effett sospensiv għall-finijiet tar-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment jew tar-reviżjoni tagħhom, jinkludu rikors kontra deċiżjoni adottata taħt l-Artikolu 17(1) [ta’ dan ir-regolament] li tirrifjuta l-eżerċizzju tas-setgħa li tittieħed responsabbiltà għal applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali?

c)      meta l-ebda leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika ma tipprevedi waħda mit-tliet forom ta’ effett sospensiv imsemmija fl-Artikolu 27(3) [tar-Regolament Dublin III] fil-każ ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ rifjut taħt l-Artikolu 17, il-qrati aditi b’dan ir-rikors huma marbuta li jagħtu l-effett sospensiv fid-dritt nazzjonali tagħhom, taħt waħda minn dawn it-tliet forom u, f’dak il-każ, liema?

d)      kull wieħed minn dawn ir-rimedji sospensivi taħt l-Artikolu 27(3) [tar-Regolament Dublin III] għandu jiġi interpretat li għandu bħala effett li jissospendi t-termini għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment taħt l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III?”

3.      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

a)      id-dritt għal rimedju effettiv previst fl-Artikolu 47 tal-[Karta] tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprekludi li Stat Membru rikjedenti jeżegwixxi deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm ma jkunx iddeċieda fuq it-talba ta’ applikant li l-Istat jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu taħt l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III?

b)      id-dritt għal rimedju effettiv previst fl-Artikolu 47 tal-[Karta] jipprekludi li Stat Membru rikjedenti jeżegwixxi deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm ma jkunx iddeċieda fuq kontestazzjoni permezz ta’ rimedju ġudizzjarju speċifiku intiż għall-istħarriġ tal-legalità tal-azzjoni amministrattiva (‘judicial review’), imressaq taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kontra deċiżjoni ta’ rifjut taħt l-Artikolu 17 [tar-Regolament Dublin III]?

c)      sussidjarjament, kontestazzjoni permezz ta’ rimedju tat-tip ‘judicial review’, imressaq taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kontra deċiżjoni ta’ rifjut taħt l-Artikolu 17 [tar-Regolament Dublin III] għandha bħala effett li tissospendi t-terminu għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment taħt l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III jew għandha effett sospensiv fuq id-deċiżjoni ta’ trasferiment b’mod ieħor?”

28.      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

29.      Insostenn tat-talba tagħha, dik il-qorti invokat l-istat tas-saħħa ta’ AHY, billi speċifikat b’mod partikolari li kienet imħassba, fid-dawl tal-provi mediċi li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha, mill-fatt li t-terminu għall-ipproċessar ta’ proċedura ordinarja għal deċiżjoni preliminari jista’ jirrappreżenta riskju reali għas-saħħa, u anki għall-ħajja, ta’ dan tal-aħħar, ġaladarba dan żviluppa ideat ta’ suwiċidju wara li ttieħdet id-deċiżjoni tat-trasferiment tiegħu lejn l-Isvezja. Il-qorti tar-rinviju indikat ukoll li l-urġenza kienet imsaħħa miċ-ċirkustanza li l-kwistjonijiet legali mqajma fil-kawża preżenti tqajmu wkoll f’serje ta’ kawżi pendenti oħrajn. L-inċertezza legali dwar l-istħarriġ tad-deċiżjonijiet ta’ rifjut li jsir użu mill-klawżola prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III u dwar l-effett sospensiv tar-rikorsi kontra dawn id-deċiżjonijiet tħalli impatt sistematiku fuq il-funzjonament tas-sistema implimentata minn dan ir-regolament fl-Irlanda u tagħti lok għal dewmien.

30.      Waqt il-laqgħa amministrattiva tal‑21 ta’ Ġunju 2022, it-Tieni Awla ddeċidiet li ma hemmx lok li tintlaqa’ din it-talba tal-qorti tar-rinviju.

31.      Fil-kuntest tal-proċedura ordinarja għal deċiżjoni preliminari, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn AHY, mill-Ministru, mill-Gvern Irlandiż, mill-Gvern Grieg kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

III. Analiżi

32.      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li d-domandi preliminari li huma s-suġġett tal-kawża preżenti, li jirrigwardaw l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni adottata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri abbażi tal-klawżola li tinsab fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III u n-natura possibbilment sospensiva fid-dawl tad-deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ rimedju ġudizzjarju kontra din id-deċiżjoni, huma motivati, skont il-qorti tar-rinviju, minn żewġ tipi ta’ kunsiderazzjonijiet.

33.      L-ewwel tip huwa marbut mal-ispeċifikazzjonijiet tas-sistema Irlandiża, li fiha d-deċiżjoni dwar jekk għandux isir jew le t-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali u dik dwar jekk tiġix eżerċitata jew le s-setgħa diskrezzjonali li tirriżulta mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-istess awtorità. Filwaqt li l-ewwel imsemmija deċiżjoni tittieħed mill-IPO, it-tieni waħda tifforma parti mill-prerogattivi tal-Ministru. Barra minn hekk, ir-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment għandhom jiġu ppreżentati quddiem l-IPAT, filwaqt li, għall-kuntrarju, din l-aħħar imsemmija qorti ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi rikorsi kontra deċiżjoni tal-Ministru rigward l-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali. Fil-fatt, din l-aħħar imsemmija deċiżjoni tista’ tiġi kkontestata biss permezz ta’ rikors għal “judicial review” quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja).

34.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, fl-istat attwali tad-dritt Irlandiż, dawn iż-żewġ proċeduri separati jistgħu jiġu attivati f’mumenti differenti mingħajr ebda koordinazzjoni b’mod partikolari fir-rigward tat-termini. B’hekk, xejn ma jipprekludi lil applikant għal protezzjoni internazzjonali li jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment fl-Irlanda milli jippreżenta talba abbażi tal-Artikolu 17 tar-Regolament Dublin III f’xi mument wara li jkun ġie miċħud ir-rikors tiegħu kontra tali deċiżjoni ta’ trasferiment mill-IPAT. Dan kollu ġara fil-każ preżenti u, skont is-sorsi disponibbli, ġara wkoll f’diversi każijiet oħrajn.

35.      It-tieni tip jikkonċerna l-mistoqsijiet imqajma fis-sentenza M.A. et (3), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet tas-sistema Irlandiża f’kuntest fattwali differenti minn dak tal-kawża preżenti. Il-qorti tar-rinviju tindika li għandha diffikultajiet sabiex tiddetermina l-portata eżatta tar-raġunament u tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza.

A.      Fuq lewwel domanda preliminari

36.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri sabiex jipprovdu rimedju effettiv fil-konfront ta’ deċiżjoni tal-Istat Membru li jeżerċita, jew li jirrifjuta li jeżerċita, is-setgħa diskrezzjonali tiegħu sabiex jassumi, skont l-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, ir-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li ma taqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu skont il-kriterji stabbiliti mill-imsemmi regolament.

37.      Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina, skont il-qorti tar-rinviju, jekk il-kwistjoni tal-effett sospensiv tar-rikors għal “judicial review” previst mid-dritt Irlandiż u pendenti fil-kawża prinċipali għandhiex tiġi evalwata mill-angolu tal-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III (it-tieni serje ta’ mistoqsijiet) jew tal-Artikolu 47 tal-Karta (it-tielet serje ta’ mistoqsijiet).

38.      Sabiex nuri l-pożizzjoni tiegħi, sejjer nipproċedi kif ġej. Qabelxejn, sejjer nippreżenta l-elementi li jiddefinixxu l-kontenut tal-klawżola li tinsab fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III (is-Subtaqsima 1). Sussegwentement, sejjer neżamina l-ġurisprudenza dwar id-dritt għal rimedju effettiv sanċit fl-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament, sabiex niddetermina jekk dan id-dritt jinkludix fih id-dritt li jkun disponibbli rikors kontra d-deċiżjoni li jsir użu, jew li ma jsirx użu, mill-klawżola stabbilita fl-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament (is-Subtaqsima 2). Fl-aħħar, l-interpretazzjoni żviluppata b’dan il-mod sejra titpoġġa għall-prova fid-dawl tal-insenjamenti li jirriżultaw mis-sentenza M.A. et (is-Subtaqsima 3), liema proċess għandu jwassal għal proposta ta’ risposta għal din id-domanda preliminari (is-Subtaqsima 4).

1.      Ilklawżola li tinsab flArtikolu 17(1) tarRegolament Dublin III

39.      Qabelxejn, jeħtieġ li jitfakkar li r-Regolament Dublin III għandu bħala l-għan tiegħu li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida.

40.      Is-sistema stabbilita minn dan ir-regolament hija bbażata fuq il-prinċipju, stabbilit fl-Artikolu 3(1) tiegħu, li skontu Stat Membru wieħed biss huwa kompetenti sabiex jeżamina l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali ta’ applikant.

41.      Għal dan l-għan, il-Kapitolu III tal-imsemmi regolament jistabbilixxi ġerarkija ta’ kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati (4). Dawn il-kriterji, li jinsabu fl-Artikoli 8 sa 15 ta’ dan l-istess regolament, huma intiżi li jipprovdu metodu ċar u operattiv li jippermetti determinazzjoni minnufih tal-Istat Membru responsabbli sabiex jiġi ggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u sabiex ma jiġix kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali (5).

42.      Il-Kapitolu IV tar-Regolament Dublin III jinkludi fih, minbarra l-Artikolu 16, li jikkonċerna l-persuni dipendenti, l-Artikolu 17, intitolat “Klawsoli diskrezzjonali”. Il-paragrafu 1 ta’ dan tal-aħħar jipprovdi li, b’deroga mill-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali anki jekk dan l-eżami ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu skont il-kriterji stabbiliti mir-Regolament Dublin III.

43.      Din id-dispożizzjoni hija msejsa essenzjalment fuq tliet karatteristiċi.

44.      Fl-ewwel lok, hemm l-element ta’ flessibbiltà tas-sistema legali inkwistjoni. L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III jirriproduċi l-klawżola “ta’ sovranità” li kienet inkluża fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 343/2003 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin II”) (6), u, preċedentement, fl-Artikolu 3(4) tal-Konvenzjoni ta’ Dublin (7). Għalkemm din il-klawżola baqgħet ma nbidlitx matul ir-riformi leġiżlattivi kollha mwettqa mill-Unjoni f’dan il-qasam dan huwa dovut għall-fatt li din tikkostitwixxi t-traduzzjoni tal-prinċipju, li jirriżulta mid-dritt internazzjonali u b’mod partikolari mill-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus tar-Refuġjati (8), li skontu r-rikonoxximent tad-dritt għall-ażil huwa prerogattiva statali (9). Fi kliem ieħor, l-Istati għandu jkollhom, skont dan il-prinċipju, id-dritt li jeżaminaw fid-dettall l-applikazzjonijiet kollha għall-ażil li jiġu ppreżentati quddiemhom.

45.      Fit-tieni lok, il-pożizzjoni tal-klawżola ta’ sovranità fi ħdan il-Kapitolu IV tar-Regolament Dublin III tissuġġerixxi n-natura awtonoma tagħha meta mqabbla mal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament.

46.      Fit-tielet lok, u fuq kollox, din il-klawżola timplika l-għoti lill-Istati Membri ta’ setgħa diskrezzjonali estiża. Kif ġie rrikonoxxut frekwentement mill-ġurisprudenza, din hija fakultà (“Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz [jew minn persuna apolida] [...]”) (10) li ma hija suġġetta għal ebda kundizzjoni partikolari. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, kull Stat Membru għandu jiddetermina ċ-ċirkustanzi li fihom huwa jixtieq jagħmel użu minn din il-fakultà, u li jiddeċiedi li jeżamina huwa stess applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li għaliha huwa ma huwiex responsabbli skont il-kriterji ddefiniti mir-Regolament Dublin III (11).

47.      Fil-fatt, u kif tixhed il-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Dublin II (12), il-klawżola inkwistjoni ġiet introdotta sabiex kull Stat Membru jkun jista’ jiddeċiedi b’mod sovran, skont kunsiderazzjonijiet politiċi, umanitarji jew prattiċi, li jaċċetta li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, anki jekk dan ma jkunx responsabbli għaliha (13).

48.      Kull argument li ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża kellhom l-effett li jillimitaw is-setgħa diskrezzjonali tal-Istat Membru kkonċernat sal-punt li jwasslu għall-ħolqien ta’ obbligu impost fuq dan tal-aħħar fir-rigward tal-attivazzjoni tal-klawżola ta’ sovranità sal-lum ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja (14).

49.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod partikolari li din il-klawżola ma hijiex ikkonċepita bħala miżura ta’ salvagwardja kontra l-funzjonament skorrett tas-sistema ta’ Dublin li tista’ twassal għal ksur tad-drittijiet fundamentali tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali (15).

50.      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li din is-sistema hija msejsa fuq il-fiduċja reċiproka, li tinkludi fiha l-preżunzjoni tar-rispett, mill-Istati Membri l-oħra, tad-drittijiet fundamentali. Tali fiduċja tiġi mittiefsa f’żewġ każijiet.

51.      L-ewwel każ huwa dak li fih ikun hemm raġunijiet serji li jagħtu lok għall-konvinzjoni li fl-Istat Membru inizjalment identifikat bħala responsabbli jeżistu nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-applikanti ta’ natura li jagħtu lok għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. Dan il-każ iwassal sabiex, meta jkun impossibbli li jiġi identifikat Stat Membru responsabbli ieħor, l-Istat Membru li jkun qiegħed iwettaq id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli jsir huwa stess responsabbli, sa fejn tali obbligu jirriżulta mit-tieni u mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, u mhux mill-eżerċizzju tal-klawżola ta’ sovranità. It-tieni każ huwa dak li fih ikun jeżisti riskju reali li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jiġi espost, minħabba l-istat ta’ saħħtu, għal trattament inuman u degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. Fis-sentenza C. K. et (16), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm dan ir-riskju jista’ jiġġustifika s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tat-trasferiment, xorta waħda ma jimplikax li l-Istat Membru li quddiemu tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni huwa obbligat li jiddikjara ruħu responsabbli sabiex jeżaminaha b’applikazzjoni tal-klawżola ta’ sovranità.

52.      Fil-qosor, għalkemm ir-rekwiżit ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali jista’ jobbliga lill-Istat Membru li quddiemu tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni li jwarrab, tal-inqas provviżorjament, l-applikazzjoni tal-kriterji li jinsabu fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III, dan ir-rekwiżit ma jistax iġiegħel lill-Istati Membri sabiex jeżerċitaw is-setgħa ta’ evokazzjoni mogħtija lilhom mill-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament. Minn dan kollu jirriżulta li l-ipoteżi li fiha l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tikkostitwixxi ġustifikazzjoni sabiex jitwarrbu l-kriterji stabbiliti mir-Regolament Dublin III hija separata mill-eżerċizzju tal-klawżola ta’ sovranità. Iktar riċentement, fis-sentenza M.A. et, il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet il-pożizzjoni tagħha billi indikat li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi superjuri tal-wild lanqas ma jista’ jobbliga Stat Membru sabiex jagħmel użu minn din il-klawżola u sabiex jeżamina huwa stess applikazzjoni li ma taqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

53.      Fl-aħħar, hemm lok li jiżdied li mill-ġurisprudenza jirriżulta li lanqas sitwazzjonijiet ta’ kriżi umanitarja f’ċerti Stati Membri, bħal dawk li ġraw fil-Balkani tal-Punent bejn l-aħħar tas-sena 2015 u l-bidu tas-sena 2016, ma jistgħu jagħtu lok għall-obbligu, impost fuq l-Istati Membri l-oħrajn, sabiex jirrikorru għall-klawżola ta’ sovranità inkonnessjoni mal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li jiġu ppreżentati quddiemhom, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat madankollu li l-eżerċizzju tal-fakultà li tiġi attivata tali klawżola huwa, f’każ bħal dan, konformi mal-prinċipju ta’ solidarjetà sanċit fl-Artikolu 80 TFUE u li fuqu huwa msejjes ir-Regolament Dublin III (17).

2.      Iddritt għal rimedju effettiv firRegolament Dublin III

54.      L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III jipprovdi li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jew ta’ reviżjoni, fil-fatt u fid-dritt, ta’ dik id-deċiżjoni quddiem qorti.

55.      Il-portata tar-rikors disponibbli għall-applikant għal protezzjoni internazzjonali kontra deċiżjoni ta’ trasferiment adottata fil-konfront tiegħu hija speċifikata fil-premessa 19 tar-Regolament Dublin III, li tindika li, sabiex ikun iggarantit ir-rispett tad-dritt internazzjonali, ir-rimedju effettiv stabbilit minn dan ir-regolament kontra deċiżjonijiet ta’ trasferiment għandu jkun jirrigwarda, minn naħa, l-eżami tal-applikazzjoni tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, l-eżami tas-sitwazzjoni fattwali u legali fl-Istat Membru li lejh jiġi ttrasferit l-applikant (18).

56.      Fir-rigward tal-għan tal-eżami tal-applikazzjoni tar-Regolament inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat mill-ġdid b’mod konsistenti l-interpretazzjoni estensiva li tirriżulta mil-linja ta’ raġunament tas-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ghezelbash”, EU:C:2016:409).

57.      Dan ir-raġunament kien ibbażat fuq żewġ kunsiderazzjonijiet essenzjali. Fl-ewwel lok, il-leġiżlatur tal-Unjoni, bl-adozzjoni tar-Regolament Dublin III, assoċja l-applikanti għall-ażil mal-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli billi obbliga lill-Istati Membri sabiex jinformawhom bil-kriterji ta’ responsabbiltà u sabiex joffrulhom il-possibbiltà li jiġu pprovduti b’informazzjoni li tippermettilhom l-applikazzjoni korretta ta’ dawn il-kriterji, kif ukoll sabiex jiggarantixxulhom dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment eventwalment adottata fi tmiem il-proċess. Fit-tieni lok, ir-Regolament Dublin III huwa intiż li jtejjeb il-protezzjoni mogħtija lill-imsemmija applikanti, sa fejn din tal-aħħar hija b’mod partikolari żgurata mill-protezzjoni ġudizzjarja li jibbenefikaw minnha.

58.      Għaldaqstant, interpretazzjoni restrittiva tal-portata tar-rikors previst fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III tista’, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tostakola t-twettiq ta’ dan l-oġġettiv billi ċċaħħad mill-effett utli tagħhom lid-drittijiet l-oħra tal-applikant għall-ażil sanċiti f’dan ir-regolament (19).

59.      Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet qabelxejn, fis-sentenza Ghezelbash, li applikant għall-ażil għandu dritt jinvoka, fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu, l-applikazzjoni żbaljata ta’ kriterju ta’ responsabbiltà stabbilit fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III. F’sentenzi sussegwenti, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li dan l-istess applikant jista’ wkoll jipprevalixxi ruħu minn interpretazzjoni żbaljata ta’ dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt kapitoli oħrajn tar-Regolament Dublin III u li jagħtu lill-applikanti għall-ażil garanziji ta’ natura proċedurali.

60.      Fis-sentenza Karim (20), ġie deċiż li waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet hija t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament, li skontu, meta ċittadin ta’ pajjiż, wara li jkun ippreżenta l-ewwel applikazzjoni għall-ażil fi Stat Membru, ikun telaq mit-territorju tal-Istati Membri għal perijodu ta’ mhux inqas minn tliet xhur qabel ma jkun ippreżenta applikazzjoni għall-ażil ġdida fi Stat Membru ieħor, dan l-aħħar imsemmi Stat huwa obbligat li jikkompleta l-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni l-ġdida.

61.      Fis-sentenza Mengesteab (21), ġie kkunsidrat li dispożizzjoni oħra mill-imsemmija dispożizzjonijiet hija l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III, li skontu, jekk ir-rikors għall-finijiet tat-teħid tar-responsabbiltà ma jiġix ifformulat fit-termini previsti fih, ir-responsabbiltà tal-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taqa’ fuq l-Istat Membru li quddiemu tkun ġiet ippreżentata din tal-aħħar. Fis-sentenza Shiri (22), il-Qorti tal-Ġustizzja inkludiet ukoll fil-kategorija inkwistjoni l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, li skontu, jekk it-trasferiment mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli ma jiġix eżegwit fit-terminu previst minn dan l-artikolu, dan l-aħħar Stat jiġi lliberat mill-obbligu tiegħu li jieħu inkarigu tal-persuna kkonċernata jew li jeħodha lura u r-responsabbiltà tiġi ttrasferita fuq l-Istat Membru rikjedenti.

62.      F’din il-ġurisprudenza, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja attribwixxiet piż determinanti lill-fatt li kull waħda mid-dispożizzjonijiet eżaminati tistabbilixxi l-kuntest li fih għandu jsir il-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u tikkontribwixxi wkoll, fuq l-istess bażi bħall-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III, sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli (23).

63.      Fl-opinjoni tiegħi, minn dan isegwi li l-portata tar-rimedju effettiv previst fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III kontra deċiżjoni ta’ trasferiment tkopri l-eżami tal-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet peress li dawn tal-aħħar jirriflettu regoli li, minħabba n-natura obbligatorja tagħhom għall-Istat Membru kkonċernat, huma ta’ natura li jagħtu lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali dritt li l-applikazzjoni tiegħu tiġi eżaminata mill-Istat Membru responsabbli.

64.      Dan ma huwiex minnu fil-każ tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, peress li l-attivazzjoni tal-klawżola ta’ sovranità stabbilita fih hija, kif ġie spjegat preċedentement, ta’ natura purament fakultattiva (24).

65.      Għaldaqstant hemm lok li jiġi konkluż li d-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament ma jinkludix fih id-dritt li jiġi kkontestat ir-rifjut li jsir użu mill-klawżola ta’ sovranità mill-Istat Membru li quddiemu tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

66.      Fl-opinjoni tiegħi, din l-analiżi ma tpoġġietx f’dubju mis-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Rifjut ta’ teħid inkarigu ta’ minuri Eġizzjan mhux akkumpanjat) (C‑19/21, EU:C:2022:605).

67.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza ddeċidiet li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkun jista’ jirrikorri għal rimedju ġudizzjarju abbażi tal-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III mhux biss fil-każ li fih l-Istat Membru rikjedenti jadotta deċiżjoni ta’ trasferiment, iżda wkoll f’dak li fih l-Istat Membru rikjest jirrifjuta li jieħu inkarigu tal-persuna kkonċernata. Madankollu, din l-interpretazzjoni wiesa’ tal-Qorti tal-Ġustizzja saret possibbli minħabba l-fatt li l-legalità tad-deċiżjoni li tirrifjuta t-teħid inkarigu tal-applikant ikkonċernat ġiet ikkontestata fid-dawl ta’ wieħed mill-kriterji ta’ responsabbiltà stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament. Dan kollu jirriżulta b’mod espliċitu mill-punt tas-sentenza li huwa redatt kif ġej: “[…] il-protezzjoni ġudizzjarja ta’ applikant minuri mhux akkumpanjat ma tistax tvarja, fir-rigward tal-osservanza tal-kriterju obbligatorju ta’ responsabbiltà li jinsab fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Dublin III, skont jekk dan l-applikant huwiex is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, meħuda mill-Istat Membru rikjedenti, jew ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Istat Membru rikjest jiċħad it-talba għall-finijiet tat-teħid inkarigu tal-imsemmi applikant” (25). Minn dan kollu niddeduċi li d-deċiżjoni ta’ rifjut li jsir użu mill-klawżola ta’ sovranità ma hijiex waħda mid-deċiżjonijiet previsti mid-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv previst fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III.

3.      Ilportata tassentenza M.A. et

68.      L-interpretazzjoni li sejra tiġi proposta jidhirli li hija totalment kompatibbli mas-sentenza M.A. et.

69.      Żewġ partijiet tas-sentenza huma evokati b’mod partikolari mill-qorti tar-rinviju.

70.      Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta favur l-Istati Membri mill-klawżola ta’ sovranità tifforma parti integrali mill-mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli żviluppati mil-leġiżlatur tal-Unjoni (26).

71.      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet ruħha fuq l-istess problema bħal dik li hija s-suġġett tad-domanda preliminari preżenti. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III ma jipprovdix b’mod espliċitu għal rikors kontra d-deċiżjoni li ma jsirx użu mill-fakultà prevista fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, u li l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa fid-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, sottostanti l-proċedura stabbilita permezz tar-Regolament Dublin III, jitlob li ma jiġux immultiplikati r-rimedji ġudizzjarji (27). Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li huwa minnu li l-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jinkisru għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti bl-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu (28). Madankollu, jekk Stat Membru jirrifjuta li jagħmel użu mill-klawżola ta’ sovranità, dan iwassal neċessarjament, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li dan l-Istat Membru jadotta deċiżjoni ta’ trasferiment, u dan ir-rifjut jista’, fejn xieraq, jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ rikors kontra tali deċiżjoni (29). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li “ma jimponix li jiġi previst appell mid-deċiżjoni li ma jsirx użu mill-fakultà prevista fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, bla ħsara għall-fatt li din id-deċiżjoni tista’ tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment” (30).

72.      Hemm lok li jiġi ammess li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jinftihemx faċilment u li d-dubji li għandha l-qorti tar-rinviju ma humiex sorprendenti. Din l-aħħar imsemmija qorti jidher li timmilita favur interpretazzjoni, difiża wkoll minn AHY u mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub rispettivi tagħhom, li skontha, sa fejn l-Artikolu 17 tar-Regolament Dublin III jifforma parti integrali mill-mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, id-dritt għal rimedju effettiv kontra deċiżjoni ta’ trasferiment previst fl-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament għandu jinkludi wkoll id-dritt għal rimedju effettiv kontra deċiżjoni adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament.

73.      Fl-opinjoni tiegħi ma hemm l-ebda dubju dwar in-natura żbaljata ta’ din l-interpretazzjoni.

74.      Qabelxejn, jeħtieġ li jiġi osservat li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza M.A. et, ir-rikorrenti ma kinux talbu lill-Ministru l-applikazzjoni favur tagħhom tal-klawżola ta’ sovranità wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. Għall-kuntrarju, l-Office of the Refugee Applications Commissioner (l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati, l-Irlanda) kien irrakkomanda t-trasferiment tagħhom lejn ir-Renju Unit wara li kien irrifjuta li jagħmel użu minn din il-klawżola. Minn dan isegwi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja hija msejsa neċessarjament fuq il-premessa li tali deċiżjoni ta’ rifjut tittieħed qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment (31). Fir-rigward ta’ din l-ipoteżi, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet li r-rekwiżiti inerenti għall-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva huma ssodisfatti mill-possibbiltà ta’ kontestazzjoni tal-imsemmi rifjut fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment.

75.      Fl-opinjoni tiegħi ma jkunx korrett li jiġi dedott a contrario, kif jissuġġerixxu AHY u l-Kummissjoni, li, jekk id-deċiżjoni li ma jsirx użu mill-klawżola ta’ sovranità tittieħed wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni ta’ trasferiment, dawn l-istess rekwiżiti jirrendu indispensabbli l-eżistenza ta’ rikors separat kontra l-ewwel deċiżjoni. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tista’ tkun diffiċilment rikonċiljabbli mal-kunsiderazzjonijiet letterali u teleoloġiċi li jinsabu fl-ewwel punti tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dik id-domanda preliminari, li skonthom, rispettivament, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III ma jipprovdix b’mod espliċitu għal rikors kontra d-deċiżjoni li ma jsirx użu mill-klawżola ta’ sovranità, u l-għan ta’ ipproċessar bil-ħeffa fir-rigward b’mod partikolari tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli jitlob li għandha tiġi evitata multiplikazzjoni tar-rimedji ġudizzjarji.

76.      Barra minn hekk, il-formulazzjoni tal-punt 79 tas-sentenza inkwistjoni, kif riprodotta iktar ’il fuq, għandha tiġi interpretata fis-sens li rikors speċifiku kontra d-deċiżjoni ta’ Stat Membru li jirrifjuta li jeżerċita s-setgħa mogħtija lilu mill-klawżola ta’ sovranità ma huwiex, bħala regola ġenerali, impost mill-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, u li l-unika konstatazzjoni marbuta mal-possibbiltà li tiġi kkontestata dik id-deċiżjoni waqt rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment tiddependi fuq il-fatt li l-ewwel deċiżjoni tkun ittieħdet qabel it-tieni waħda.

77.      Il-kunsiderazzjonijiet li għadhom kif ġew żviluppati jidhirli li jipprovdu ċ-ċavetta sabiex jiġi interpretat il-punt tas-sentenza, iċċitata preċedentement, li skontu s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri mill-klawżola ta’ sovranità tifforma parti integrali mill-mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli previsti mir-Regolament Dublin III.

78.      Qabelxejn, jeħtieġ li jiġi osservat li, f’linja ġurisprudenzjali li tirrisali għas-sentenza N. S. et, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq din il-konstatazzjoni sabiex tikkonkludi li d-deċiżjoni adottata minn Stat Membru fuq il-bażi tal-klawżola ta’ sovranità kienet timplimenta d-dritt tal-Unjoni u kellha għaldaqstant tirrispetta d-drittijiet sanċiti fil-Karta (32).

79.      Fl-opinjoni tiegħi, l-imsemmija konstatazzjoni ma tistax tiġi invokata b’mod validu sabiex jiġi sostnut li rikors speċifiku kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut li jsir użu mill-klawżola ta’ sovranità għandu neċessarjament jiġi rrikonoxxut mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat favur l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali.

80.      Billi ddikjarat li s-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri li tirriżulta mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III taqa’ taħt “mekkaniżmi”  ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja jidhirli li effettivament użat lingwaġġ li jirrileva li dan l-artikolu ma jifformax parti mill-assjem tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III li jimponu obbligu impost fuq l-Istati Membri u li jikkonferixxu, b’mod korrelattiv, dritt favur applikanti għal protezzjoni internazzjonali.

81.      L-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali jimplimenta d-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, sa fejn dan iwassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment. Konsegwentement, kull motiv ibbażat fuq ksur tal-Karta jista’ jitqajjem fil-kuntest ta’ rikors kontra din l-aħħar imsemmija deċiżjoni kif stabbilit fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III. Għall-kuntrarju, fil-każ li fih applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun qiegħed jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni ta’ trasferiment fid-dawl ta’ difett marbut mad-deċiżjoni ta’ rifjut li jsir użu mill-klawżola ta’ sovranità, il-motivi invokati għandhom neċessarjament ikunu bbażati fuq id-dritt nazzjonali.

4.      Konklużjoni dwar lewwel domanda preliminari

82.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għall-ewwel domanda fis-sens li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-Istati Membri sabiex jipprovdu għal rimedju effettiv fil-konfront ta’ deċiżjoni tal-Istat Membru li jeżerċita, jew li jirrifjuta li jeżerċita, is-setgħa diskrezzjonali tiegħu sabiex jassumi r-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament.

83.      Fid-dawl tar-rimarki fformulati preċedentement fir-rigward tan-natura tal-klawżola ta’ sovranità, il-fatt li, insostenn tat-talba tiegħu għal attivazzjoni ta’ din il-klawżola, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali invoka element intiż li jipprova r-riskju ta’ ksur ta’ wieħed minn dawn id-drittijiet fundamentali, jiġifieri rapport mediku dwar l-istat tas-saħħa psikoloġika tiegħu, ma jimminax l-interpretazzjoni ssuġġerita. Fl-assenza tar-restrizzjonijiet imposti mid-dritt tal-Unjoni, id-deċiżjoni tal-Ministru li jastjeni milli jagħmel użu mill-imsemmija klawżola tista’ biss tkun suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju li jirrigwarda l-legalità esterna ta’ din tal-aħħar kif previst mid-dritt Irlandiż.

84.      Bl-istess mod, ma jistax ikun hemm inkompatibbiltà mad-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza M.A. et li r-Regolament Dublin III ma jeżiġix li d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli skont kriterji ddefiniti minn dan ir-regolament u l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li toriġina mill-klawżola ta’ sovranità għandhom jitwettqu mill-istess awtorità nazzjonali.

85.      Issa, jiena konxju mill-fatt li l-interpretazzjoni li qiegħed nissuġġerixxi tirriżulta mhux biss fl-impożizzjoni fuq l-Istati Membri tal-obbligu li jipprevedu li l-adozzjoni tad-deċiżjoni adottata abbażi tal-klawżola ta’ sovranità ssir konsistentement qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, iżda tirriżulta wkoll fl-obbligu għal ċerti Stati Membri, bħall-Irlanda, li jirrevedu t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji bil-għan li jiġi żgurat li l-awtorità adita bir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment ikollha l-ġurisdizzjoni sabiex tevalwa r-rifjut li jsir użu minn din il-klawżola. Fil-fatt, anki kieku kien previst li kull deċiżjoni marbuta mal-użu tal-klawżola ta’ sovranità għandha ssir qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment mill-IPO, xorta jibqa’ l-fatt li l-IPAT ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-legalità ta’ tali deċiżjoni.

86.      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan il-fatt ma jikkostitwixxix raġuni għall-adozzjoni ta’ interpretazzjoni differenti sa fejn, kif nafu, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet mill-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw għalih mid-dritt tal-Unjoni (33).

87.      Ġaladarba t-tieni domanda preliminari għandha tiġi ttrattata biss f’każ ta’ risposta pożittiva għad-domanda preżenti, hemm lok li tingħata risposta biss għat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

B.      Fuq ittielet domanda preliminari

88.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, prinċipalment, jekk id-dritt għal rimedju effettiv previst mill-Artikolu 47 tal-Karta jipprekludix lil Stat Membru milli jeżegwixxi deċiżjoni ta’ trasferiment matul dak il-perijodu li fih ikun għadu ma ddeċidiex dwar it-talba sabiex dan l-Istat Membru jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu abbażi tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III jew dwar rimedju ġudizzjarju speċifiku, ippreżentat skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, kontra r-risposta mogħtija għal tali talba.

89.      Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju għandha dubju fuq il-kwistjoni dwar jekk applikant għal protezzjoni internazzjonali li ma jkunx kiseb l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment bl-invokazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III, u li r-rikors tiegħu għal “judicial review” kontra deċiżjoni ta’ rifjut li jsir użu mill-klawżola ta’ sovranità jkun għadu ma ġiex deċiż, jistax jiġi ttrasferit qabel ma dan ir-rikors ikun ġie deċiż. Għaldaqstant, skont il-qorti tar-rinviju, tkun adegwata xi forma ta’ effett sospensiv tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment matul l-istennija tal-eżitu tar-rikors kontra dik id-deċiżjoni ta’ rifjut, u dan sabiex jiġi evitat li jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta.

90.      Fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta, qabelxejn, hemm lok li jiġi osservat li l-preambolu tar-Regolament Dublin III jinkludu fih riferimenti għal din id-dispożizzjoni. Skont il-premessa 19 tiegħu, dan ir-regolament huwa intiż li jistabbilixxi d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ trasferiment konformement, b’mod partikolari, mal-Artikolu 47 tal-Karta. Skont il-premessa 39 tiegħu, l-imsemmi regolament huwa intiż li jiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt tal-ażil iggarantit mill-Artikolu 18 tal-Karta, kif ukoll tad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Artikoli 1, 4, 7, 24 u 47 ta’ din tal-aħħar.

91.      L-Artikolu 47 tal-Karta huwa redatt kif ġej: “Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu”.

92.      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li n-natura effettiva ta’ dan ir-rikors teżiġi, f’każijiet eċċezzjonali, li dan għandu jingħata effett sospensiv. B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tad-Direttiva 2008/115/KE (34), li, meta jkunu jeżistu raġunijiet serji li jagħtu lok għall-konvinzjoni li t-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz iwasslu sabiex jiġi miksur id-dritt tiegħu li ma jiġix suġġett għal trattamenti inumani u degradanti, iċ-ċittadin ikkonċernat għandu jibbenefika minn rikors b’effett sospensiv kontra l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tippermetti din it-tneħħija, u dan kollu sabiex tiġi evitata l-okkorrenza ta’ dannu gravi u irreparabbli fl-istennija tal-eżitu ta’ dan ir-rikors (35).

93.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx, fir-rigward tar-Regolament Dublin III, li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment tista’ timplika, eċċezzjonalment, dannu ta’ dan it-tip (36), u li l-effettività ta’ rikors kontra tali deċiżjoni tista’ għaldaqstant tirrendi indispensabbli l-effett sospensiv.

94.      Madankollu, huwa evidenti li l-problema marbuta mar-rekwiżit li tiġi ggarantita tali effettività ma tqumx f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża preżenti.

95.      L-Artikolu 47 tal-Karta effettivament jimponi l-eżistenza ta’ rimedju effettiv unikament meta tkun inkwistjoni l-protezzjoni ta’ dritt (jew ta’ libertà) iggarantita mid-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju u kif ġie spjegat preċedentement, l-applikant għal protezzjoni internazzjonali ma għandu l-ebda dritt iggarantit mid-dritt tal-Unjoni li l-Istat Membru li fih tiġi ppreżentata l-applikazzjoni tiegħu għandu jieħu r-responsabbiltà għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni abbażi tal-Artikolu 17 tar-Regolament Dublin III. Fl-assenza ta’ tali dritt, ma huwiex applikabbli d-dritt għal rimedju effettiv kif sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

96.      Konsegwentement, il-kwistjoni dwar jekk huwiex marbut effett sospensiv ma’ rikors għal “judicial review” previst mid-dritt Irlandiż tiddependi unikament fuq id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar imsemmi dritt.

97.      Sussidjarjament, il-qorti tar-rinviju tqajjem mistoqsija dwar l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III.

98.      Jeħtieġ li jitfakkar li dan l-artikolu jipprovdi li t-trasferiment tal-persuna kkonċernata għandu jsir mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli u l-iktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor sabiex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura din il-persuna jew tad-deċiżjoni finali wara rikors jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament.

99.      Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk rimedju ġudizzjarju speċifiku kontra deċiżjoni ta’ rifjut li jsir użu mill-klawżola ta’ sovranità għandux l-effett li jissospendi t-terminu ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment previst fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III jew għandux effett sospensiv fuq id-deċiżjoni ta’ trasferiment b’xi mod ieħor. B’mod iktar speċifiku, jidhirli li tixtieq tkun taf jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ sitt xhur previst fih jibda jiddekorri mid-data tad-deċiżjoni definittiva dwar rikors dirett kontra deċiżjoni ta’ Stat Membru li ma jagħmilx użu mill-klawżola ta’ sovranità, adottata wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, bħal rikors għal “judicial review” previst fid-dritt Irlandiż.

100. Ir-risposta ma jidhirlix li għandha neċessarjament tkun waħda negattiva.

101. Kif urejt iktar ’il fuq, l-Artikolu 47 tal-Karta ma jeżiġix li l-Istati Membri għandhom jagħtu effett sospensiv lil rikors ippreżentat skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bħal dan ir-rikors għal “judicial review”. Minn dan kollu loġikament jirriżulta li t-terminu ta’ sitt xhur sabiex isir it-trasferiment tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali jibda jiddekorri, f’dan il-każ, mid-data li fiha jiġi miċħud rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment.

102. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għat-tielet domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 47 tal-Karta ma jipprekludix lil Stat Membru milli jeżegwixxi deċiżjoni ta’ trasferiment qabel ma jkun iddeċieda dwar it-talba marbuta mal-eżerċizzju minn dan l-Istat tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu abbażi tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III jew dwar rimedju ġudizzjarju speċifiku, ippreżentat skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, kontra r-risposta mogħtija għal din it-talba.  F’dan il-każ,  it-terminu ta’ sitt xhur sabiex isir it-trasferiment tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, kif previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III, jibda jiddekorri mid-data li fiha jiġi miċħud rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment.

C.      Rimarki finali

103. Minn studju mmexxi mill-Kummissjoni u ppubblikat fl‑2016 jirriżulta li, anki dak iż-żmien stess, l-awtoritajiet Irlandiżi kienu esprimew il-frustrazzjoni tagħhom fir-rigward taż-żieda kunsiderevoli tal-kawżi li ġew iġġenerati mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III. Skont dawn l-awtoritajiet, din id-dispożizzjoni kienet interpretata fil-livell nazzjonali bħala li tistabbilixxi “proċedura kważi ġdida”, fatt li jagħti lok għall-ħolqien ta’ piż amministrattiv kbir għall-qrati nazzjonali (37).

104. Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III ma jistax jinftiehem bħala li jippermetti li tiġi stabbilita proċedura amministrattiva separata minn dik li titlesta bl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. Anzi, għall-kuntrarju, jiena persważ li r-Regolament Dublin III ħoloq sistema legali li fiha l-ebda att amministrattiv li jsir wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni ta’ trasferiment ma jista’ jaffettwa l-validità ta’ din tal-aħħar.

105. Minn din il-perspettiva, dispożizzjonijiet nazzjonali li jisseparaw l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li toriġina mill-klawżola ta’ sovranità mid-deċiżjoni ta’ trasferiment adottata abbażi tar-Regolament Dublin III, u li jippermettu li talba għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali tiġi ppreżentata u evalwata indipendentement mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment u wara din l-adozzjoni, jidhru li jistgħu jostakolaw il-funzjonament korrett tar-Regolament Dublin III b’mod ġenerali, kif tammetti l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

106. Minbarra li tkun imsejsa fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt sekondarju, inqis li konklużjoni li skontha l-Istati Membri huma obbligati li jipprovdu għal rikors separat kontra d-deċiżjoni li jsir, jew li ma jsirx użu, mill-klawżola ta’ sovranità twassal sabiex jiġu vvalidati, mill-perspettiva tal-Istati Membri, għażliet leġiżlattivi nazzjonali li jistgħu jipproduċu l-konsegwenza evokata fl-aħħar tal-punt preċedenti.

107. F’dan ir-rigward, nissuġġerixxi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, għal għanijiet illustrattivi, l-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament.

108. Skont dan l-artikolu, li jifforma parti mill-garanziji proċedurali previsti mir-Regolament Dublin III, in-notifika tad-deċiżjoni ta’ trasferiment lill-persuna kkonċernata għandha tinkludi, fejn xieraq, deċiżjoni fis-sens li l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali mhux sejra tiġi eżaminata, bħal, fl-opinjoni tiegħi, deċiżjoni ta’ rifjut li jsir użu mill-klawżola ta’ sovranità. Madankollu, jidhirli li din id-deċiżjoni ma tistax tiġi nnotifikata fil-kuntest tad-deċiżjoni ta’ trasferiment jekk din tkun ittieħdet biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. Barra minn hekk, f’tali każ, jidhirli li l-informazzjoni dwar ir-rimedji li għandhom ikunu inklużi fid-deċiżjoni nnotifikata konformement mal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Dublin III hija neċessarjament parzjali, peress li ma tistax tkopri r-rimedji disponibbli kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut li jsir użu mill-klawżola ta’ sovranità.

IV.    Konklużjoni

109. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda):

1)      L-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jobbligax lill-Istati Membri sabiex jipprovdu għal rimedju effettiv fil-konfront ta’ deċiżjoni tal-Istat Membru li jeżerċita, jew li jirrifjuta li jeżerċita, is-setgħa diskrezzjonali tiegħu sabiex jassumi, skont l-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, ir-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li ma taqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu skont il-kriterji stabbiliti mill-imsemmi regolament.

2)      L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jipprekludix lil Stat Membru milli jeżegwixxi deċiżjoni ta’ trasferiment qabel ma jkun iddeċieda dwar it-talba marbuta mal-eżerċizzju minn dan l-Istat tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu abbażi tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013 jew dwar rimedju ġudizzjarju speċifiku, ippreżentat skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, kontra r-risposta mogħtija għal din it-talba. F’dan il-każ, it-terminu ta’ sitt xhur sabiex isir it-trasferiment tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, kif previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 604/2013, jibda jiddekorri mid-data li fiha jiġi miċħud rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50).


3      Sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019 (C‑661/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza M.A. et”, EU:C:2019:53).


4      Ara l-premessa 5 tar-Regolament Dublin III.


5      Ara l-premessa 4 tar-Regolament Dublin III.


6      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat‑18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-iStat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109).


7      Konvenzjoni li tiddetermina l-Istat responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-ażil ippreżentati f’wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej – Il-Konvenzjoni ta’ Dublin (ĠU 1997, C 254, p. 1).


8      Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951, United Nations Treaty Series, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954).


9      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018, X (C‑213/17, EU:C:2018:538, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      L-użu tal-korsiv huwa miżjud minni.


11      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Wild fil-ġuf fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil) (C‑745/21, EU:C:2023:113, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz /* COM/2001/0447 final – CNS 2001/0182 */ (ĠU 2001, C 304E, p. 192).


13      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Fathi (C‑56/17, EU:C:2018:803, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2013, Puid (C‑4/11, EU:C:2013:740); tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127), u M.A. et.


15      F’dan ir-rigward, ara l-analiżi ta’ Petralia, V., “Clausola di sovranità e tutela dei diritti umani nel sistema di Dublino”, Studi sull’integrazione europea, XII (2017), p. 553‑568.


16      Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017 (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127).


17      Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Jafari (C‑646/16, EU:C:2017:586, punt 100). Ara wkoll l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni /* COM(2015) 240 final */, li fiha l-Kummissjoni tindika x-xewqa tagħha li l-Istati Membri “jagħmlu użu usa’ u regolari tal-klawsoli diskrezzjonali, li jippermettulhom li jeżaminaw applikazzjoni għall-ażil u jnaqqsu l-pressjoni minn fuq l-Istati Membri li huma l-iktar milquta”.


18      Ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 2019, H. u R. (C‑582/17 u C‑583/17, EU:C:2019:280, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ara s-sentenza Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 51 sa 53).


20      Sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016 (C‑55/15, EU:C:2016:410).


21      Sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017 (C‑670/16, EU:C:2017:587).


22      Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017 (C‑201/16, EU:C:2017:805).


23      Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Karim (C‑155/15, EU:C:2016:410, punti 23 sa 25); tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 53), u tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri (C‑201/16, EU:C:2017:805, punt 39).


24      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li l-korrelazzjoni neċessarja bejn l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali estiża tal-awtoritajiet pubbliċi u l-assenza ta’ dritt fir-rigward tad-destinatarji ġiet espressa wkoll mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) waqt l-eżami intiż li jivverifika t-twettiq tal-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (dritt għal smigħ xieraq). Fil-fatt, għalkemm il-Qorti EDB iddeċidiet b’mod ripetut li l-preżenza waħedha ta’ element diskrezzjonali fil-formulazzjoni ta’ dispożizzjoni legali ma teskludix, fiha nnifisha, l-eżistenza ta’ dritt (ara l-Qorti EDB, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Miessen vs Il-Belġju, CE:ECHR:2016:1018JUD003151712, punt 48), hija kkonkludiet ukoll, f’każijiet li fihom l-awtorità kompetenti kellha għad-dispożizzjoni tagħha setgħa diskrezzjonali estiża, li ma setgħax jiġi identifikat dritt u li b’hekk l-Artikolu 6 tal-KEDB ma kienx applikabbli (Qorti EDB, is-sentenzi tat‑28 ta’ Settembru 1995, Masson u Van Zon vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:1995:0928JUD001534689, punt 51, serje A Nru 327‑A, punti 48 sa 52, u tat‑3 ta’ April 2012, Boulois vs Il-Lussemburgu, CE:ECHR:2012:0403JUD003757504, b’mod partikolari l-punt 102).


25      Sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Rifjut ta’ teħid inkarigu ta’ minuri Eġizzjan mhux akkumpanjat) (C‑19/21, EU:C:2022:605, punt 41) (korsiv miżjud minni).


26      Sentenza M.A. et, punt 64.


27      Sentenza M.A. et, punti 75 u 76.


28      Sentenza M.A. et, punt 77.


29      Sentenza M.A. et, punt 78.


30      Sentenza M.A. et, punt 79.


31      Dan kollu jirriżulta b’mod iktar evidenti mill-punt 78 tal-verżjoni fil-lingwa Ingliża tal-kawża tas-sentenza M.A. et (“if a Member State refuses to use the discretionary clause set out in Article 17(1) of the Dublin III Regulation, that necessarily means that that Member State must adopt a transfer decision”) (korsiv miżjud minni).


32      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011 (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 68 u 69). Ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 53).


33      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija) (C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).


35      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 50).


36      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Terminu ta’ trasferiment – Traffikar tal-bniedem) (C‑338/21, EU:C:2023:269, punti 45 u 46).


37      Ara l-istudju tat‑18 ta’ Marzu 2016 immexxi mill-Information and Cooperation Forum għall-Kummissjoni, “Evaluation of the Implementation of the Dublin III Regulation – Final Report” (Evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Regolament Dublin III – Rapport Finali), p. 35.