Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tmien Awla) tal-1 ta’ Diċembru 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Landgericht München I - il-Ġermanja) – DOMUS-Software-AG vs Marc Braschoß Immobilien GmbH

(Kawża C-370/21) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba mill-kreditur f’każ ta’ ħlas tard mid-debitur – Artikolu 6 – Somma stabbilita minima ta’ EUR 40 – Dewmien ta’ diversi pagamenti bħala remunerazzjoni għal provvisti ta’ merkanzija jew għal provvisti ta’ servizzi ta’ natura perijodika mwettqa fl-eżekuzzjoni tal-istess kuntratt uniku

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht München I

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: DOMUS-Software-AG

Konvenut: Marc Braschoß Immobilien GmbH

Dispożittiv

L-Artikoli 6(1) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, moqri flimkien mal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta l-istess kuntratt uniku jipprevedi provvisti ta’ merkanzija jew provvisti ta’ servizzi ta’ natura perijodika, bil-ħlas għal kull provvista fi żmien determinat, is-somma stabbilita minima ta’ EUR 40 bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru tkun dovuta lill-kreditur għal kull ħlas tard.

____________

1     ĠU C 349, 30.8.2021.