Language of document : ECLI:EU:C:2022:307

Kawża C-804/21 PPU

C
u
CD

vs

Syyttäjä

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein oikeus)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat28 ta’ April 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 23(3) – Rekwiżit ta’ intervent mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 6(2) – Dipartimenti tal-pulizija – Esklużjoni – Forza maġġuri – Kunċett – Ostakoli ġuridiċi għall-konsenja – Azzjonijiet legali mressqa mill-persuna rikjesta – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Esklużjoni – Artikolu 23(5) – Skadenza tat-termini previsti għall-konsenja – Konsegwenzi – Ħelsien – Obbligu li tiġi adottata kull miżura oħra neċessarja sabiex tiġi evitata l-ħarba”

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Terminu għall-konsenja tal-persuna rikjesta – Stabbiliment ta’ data ġdida ta’ konsenja fil-każ tal-impossibbiltà li l-persuna tiġi kkonsenjata fit-terminu previst minħabba każ ta’ forza maġġuri – Kunċett ta’ forza maġġuri – Interpretazzjoni stretta – Ostakoli ġuridiċi għall-konsenja li jirriżultaw minn azzjonijiet legali mressqa mill-persuna rikjesta, ibbażati fuq id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Assenza ta’ forza maġġuri – Konsegwenzi – Assenza ta’ sospensjoni tat-termini ta’ konsenja

(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 23(3))

(ara l-punti 44 sa 49, 51, 58, u d-dispożittiv 1)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Rekwiżit ta’ intervent minn awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas – Intervent minn dipartiment tal-pulizija tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Inammissibbiltà – Konsegwenzi – Skadenza tat-termini għall-konsenja tal-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew – Ħelsien tal-imsemmija persuna – Obbligu tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jkompli bil-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Awtorità kompetenti tal-imsemmi Stat Membru obbligata li tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tiġi evitata l-ħarba ta’ din il-persuna, bl-eċċezzjoni tal-miżuri li jneħħu l-libertà

(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, premessi 8 u 9, Artikoli 6, 7, 15(1) u 23)

(ara l-punti 61 sa 63, 66 sa 69, 71 sa 76 u d-dispożittiv 2)

Sunt

F’Mejju 2015, inħarġu mandati ta’ arrest Ewropej (MAE) minn awtorità ġudizzjarja Rumena kontra C u CD, żewġ ċittadini Rumeni (iktar ’il quddiem il-“persuni kkonċernati”), għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ pieni ta’ priġunerija. Fl‑2020, il-persuni kkonċernati ġew arrestati u mqiegħda taħt detenzjoni fil-Finlandja, abbażi ta’ dawn il-MAE. F’April 2021, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja) ordnat il-konsenja tagħhom lill-awtoritajiet Rumeni u l-Keskuskospoliisi (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Pulizija Ġudizzjarja, il-Finlandja) stabbilixxa l-ewwel data ta’ konsenja għas‑7 ta’ Mejju 2021. Madankollu, din il-konsenja ma setgħetx isseħħ minħabba appell ippreżentat mill-partijiet ikkonċernati quddiem dik l-istess qorti. Qabel ma ċaħdet dan l-appell fil‑31 ta’ Mejju 2021, il-Qorti Suprema kienet fil-fatt ipprojbixxiet provviżorjament l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ konsenja. It-tieni data ta’ konsenja ġiet stabbilita għall‑11 ta’ Ġunju 2021, iżda din reġgħet ġiet posposta, minħabba l-impossibbiltà li jiġi organizzat trasport bl-ajru li jirrispetta l-iskeda miftiehma. It-tielet data stabbilita għall-konsenja tagħhom, fl-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju 2021, ma setgħetx twassal għal konsenja, minħabba l-preżentazzjoni, mill-persuni kkonċernati, ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fil-Finlandja.

Għalhekk, il-persuni kkonċernati adixxew lill-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) b’azzjoni intiża għall-ħelsien tagħhom u għall-posponiment tal-konsenja tagħhom minħabba l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali. Dik il-qorti ddikjarat ir-rikorsi inammissibbli. F’dan il-kuntest, il-Qorti Suprema, adita bl-appelli minn dawn id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ewwel istanza ta’ Ħelsinki, tistaqsi, minn naħa, dwar il-kunċett ta’ forza maġġuri, li jawtorizza, skont l-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (1), il-posponiment tal-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ MAE. Ikkonfrontata bl-impedimenti previsti mid-dritt Finlandiż, hija tistaqsi b’mod partikolari jekk ostakoli ġuridiċi bħal projbizzjoni ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ konsenja matul proċedura ġudizzjarja jew il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jistgħux jikkostitwixxu każijiet ta’ forza maġġuri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi dwar il-modalitajiet proċedurali tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri, fid-dawl tar-rwol ċentrali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Pulizija Ġudizzjarja fl-eżekuzzjoni tal-konsenja.

Fil-kuntest tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fin-negattiv għall-ewwel waħda fost dawn id-domandi, filwaqt li tgħid li l-kunċett ta’ “forza maġġuri” ma jinkludix l-ostakoli ġuridiċi għall-konsenja, li jirriżultaw minn azzjonijiet legali mressqa mill-persuna li tkun is-suġġett tal-MAE u bbażati fuq id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, meta d-deċiżjoni finali dwar il-konsenja tkun ġiet adottata mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni (2). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li ma jissodisfax ir-rekwiżit ta’ intervent mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, imsemmi fl-Artikolu 23(3), l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jafda lil dipartiment tal-pulizija l-kompitu li jivverifika l-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri u l-osservanza tal-kundizzjonijiet meħtieġa għaż-żamma f’detenzjoni tal-persuna li tkun is-suġġett tal-MAE u li jiddeċiedi, jekk ikun il-każ, data ġdida ta’ konsenja, u dan anki jekk din il-persuna jkollha d-dritt li tadixxi fi kwalunkwe mument lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex din tiddeċiedi dwar dawn id-diversi elementi.

Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-kunċett ta’ “forza maġġuri” jippreżumi l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li huma indipendenti minn dak li jinvokahom, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha eżerċitata. F’dan ir-rigward, l-azzjonijiet legali mressqa mill-persuna li hija s-suġġett ta’ MAE, fil-kuntest ta’ proċeduri previsti mid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, sabiex tikkontesta l-konsenja tagħha jew li għandhom l-effett li jdewmu din il-konsenja, ma jistgħux jitqiesu bħala ċirkustanza imprevedibbli. Konsegwentement, ostakoli ġuridiċi għall-konsenja li jirriżultaw minn dan it-tip ta’ azzjonijiet legali ma jistgħux jikkostitwixxu każ ta’ forza maġġuri fis-sens tal-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Meta d-deċiżjoni definittiva li din il-persuna tiġi kkonsenjata tkun ittieħdet mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, u t-termini ta’ konsenja previsti fl-Artikolu 23 ta’ din l-istess deċiżjoni qafas ma jistgħux jitqiesu li huma sospiżi minħabba tali proċeduri pendenti mibdija fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru jibqgħu obbligati li jikkonsenjaw din il-persuna lill-awtoritajiet tal-Istat Membru emittenti fl-imsemmija termini.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li d-dipartimenti tal-pulizija ta’ Stat Membru ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” previst fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Għalhekk, l-intervent minn awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni meħtieġ mill-Artikolu 23(3) ta’ din l-istess deċiżjoni qafas sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri u tistabbilixxi, jekk ikun il-każ, data ġdida ta’ konsenja ma jistax jiġi fdat lil dipartiment tal-pulizija. Fil-fatt, indipendentement mill-eżistenza materjali ta’ każ ta’ forza maġġuri, l-intervent minn tali dipartiment għal dawn iż-żewġ tipi ta’ deċiżjonijiet ma jissodisfax ir-rekwiżiti formali previsti minn din id-dispożizzjoni. Konsegwentement, fl-assenza ta’ intervent mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, it-termini previsti għall-konsenja mill-Artikolu 23(2) sa (4) tad-Deċiżjoni Qafas ma jistgħux jiġu estiżi abbażi ta’ każ ta’ forza maġġuri. F’tali sitwazzjoni, dawn it-termini għandhom jitqiesu li skadew, li jimplika l-ħelsien tal-persuna kkonċernata. L-ebda eċċezzjoni ma hija prevista minn dan l-obbligu msemmi l-aħħar tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni f’każ bħal dan. Madankollu, is-sempliċi skadenza tat-termini ta’ konsenja stabbiliti fl-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jistax ikollha l-effett li tippermetti lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jevita l-obbligu tiegħu li jkompli bil-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE u li jikkonsenja l-persuna rikjesta, u l-awtoritajiet ikkonċernati għandhom jiftiehmu dwar data ġdida ta’ konsenja. Għalhekk, fil-każ ta’ konsenja tal-persuna kkonċernata, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tevita li din il-persuna taħrab, bl-eċċezzjoni ta’ miżuri li jneħħu l-libertà.

B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi t-termini għall-konsenja tal-persuni rikjesti b’eżekuzzjoni ta’ MAE ladarba d-deċiżjoni definittiva ta’ konsenja ta’ dawn il-persuni tkun ittieħdet mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni. Skont l-Artikolu 23(3), jekk każ ta’ forza maġġuri jipprekludi l-konsenja, dan it-terminu jista’ jiġi estiż. Jekk il-persuna rikjesta ma tiġix ikkonsenjata fit-termini previsti mid-Deċiżjoni Qafas, hija għandha tinħeles skont l-Artikolu 23(5).


1      Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24).


2      Din id-deċiżjoni finali dwar il-konsenja tittieħed mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni konformement mal-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-osservanza neċessarja tat-termini u tal-kundizzjonijiet previsti minn din id-deċiżjoni qafas.