Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' Frar 2013 - Panasonic u MT Picture Display vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-82/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Panasonic Corp. (Kadoma, il-Ġappun); u MT Picture Display Co. Ltd (Matsuocho, il-Ġappun) (rappreżentanti: R. Gerrits u A.-H. Bischke, avukati, M. Hoskins, QC (Queen's Counsel) u S. Abram, barrister)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla parzjalment jew totalment, skont il-każ, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 8839 finali, tal-5 ta' Diċembru 2012, fil-Każ COMP/39437 - Tubi tal-monitor tat-televiżjoni u tal-kompjuter, sa fejn issib li r-rikorrenti kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE;

tannulla l-multi imposti fuq ir-rikorrenti, jew tnaqqas dawn il-multi, sa fejn xieraq; u

tordna lill-konvenuta tħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti għal dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw erba'motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq fir-rigward tal-perijodu sal-10 ta' Frar 2003, inkwantu:

Id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-fatt li Matsushita Electric Industrial Co., Ltd. ("MEI") ipparteċipat fl-allegat ksur kontinwat u uniku tal-Artikolu 101 TFUE dwar iċ-ċineskopi bil-kulur (il-kartell "CPT") fil-perijodu qabel l-10 ta' Frar 2003 fuq żewġ pretensjonijiet ġodda, li ma dehrux fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet: l-ewwel li MEI kienet taf, jew kellha tkun taf, dwar il-kartell CPT u t-tieni li MEI ħadet deċiżjoni strateġika li tipparteċipa fil-kartell CPT permezz ta' kuntratti bilaterali. Bl-istess mod, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata għall-ewwel darba fuq ċerti dikjarazzjonijiet orali u evidenza dokumentarja, jew fuq parti minnhom, biex issostni dawn l-allegazzjonijiet;

L-inklużjoni ta' dawn l-allegazzjonijiet u materjali għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet tad-difiża ta' Panasonic Corporation ("Panasonic"), li hija inammissibbli u teħtieġ l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni kontra l-MEI fir-rigward ta' dan il-perijodu.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta' prova li MEI kienet taf jew setgħet tkun taf dwar l-eżistenza u/jew il-kontenut tal-kartell CPT fir-rigward tal-perijodu sal-10 ta' Frar 2003, inkwantu:

Anki li kieku l-allegazzjonijiet u/jew evidenza li hemm riferiment għalihom fl-ewwel motiv kienu ammissibbli, il-Kummissjoni naqset milli tipprova li MEI kienet taf jew setgħet tkun taf li l-kuntratti bilaterali li fihom hija pparteċipat kienu parti minn pjan ġlobali u li l-pjan globali kien jinkludi l-elementi kostituttivi kollha dwar l-allegat kartell CPT;

L-evidenza li serviet ta' bażi ma turix li MEI ħadet deċiżjoni strateġika biex tipparteċipa fi kwalunkwe kartell CPT permezz ta' laqgħat bilaterali.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta' prova li MEI/MT Picture Display Co., Ltd. ("MTPD") ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwat identifikat fid-deċiżjoni kkontestata mill-10 ta' Frar 2003, inkwantu:

L-attivitajiet fl-Ewropa u l-Asja mill-10 ta' Frar 2003 ma kinux jifformaw parti minn pjan komuni b'għan uniku;

MEI/MTPD ma pparteċipaw f'ebda laqgħa multilaterali fl-Ewropa;

Fir-rigward tal-kuntratti bilaterali MEI/MTPD matul dan il-perijodu, il-Kummissjoni naqqset milli tipprova li MEI/MTPD kienet taf jew kellha tkun taf dwar l-eżistenza u/jew kontenut tal-attivitajiet fl-Ewropa tal-kartell multilaterali li jinvolvu destinatarji oħra tad-deċiżjoni kkontestata.

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-multa imposta fuq Panasonic/MTPD għandha tiġi totalment annullata, jew sussidjarjament mnaqqsa, inkwantu:

Prinċipalment, Panasonic/MTPD tqis li l-kundanna fir-rigward ta' kull waħda minnhom għandha tiġi totalment annullata u li l-multa imposta fuq kull waħda minhomm għandha tiġi totalment annullata;

Sussidjarjament, jekk it-talba ta' Panasonic/MTPD għal annullament tintlaqa' fuq uħud u mhux il-motivi kollha, il-multa imposta fuq Panasonic/MTPD għandha debitament titnaqqas;

Iktar sussidjarjament, anki jekk jiġi kkonfermat il-ksur, il-multa imposta fuq Panasonic/MTPD hija eċċessiva, għaliex id-deċiżjoni kkontestata tuża metodoloġija żbaljata li tattribwixxi valur minfuħ b'mod żbaljat lill-bejgħ bejn il-grupp għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa;

Iktar sussidjarjament, fil-każ li ma tiġix totalment annullata, il-multa imposta fuq Panasonic/MTPD għandha titnaqqas fid-dawl tal-involviment minuti tagħha fl-allegat kartell CPT.

____________