Language of document : ECLI:EU:T:2015:612

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

9 ta’ Settembru 2015 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq dinji tat-tubi katodiċi għas-settijiet tat-televiżjoni u għall-moniters tal-kompjuter — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Ftehimiet u prattiki miftiehma fir-rigward ta’ prezzijiet, ta’ tqassim tas-swieq, ta’ kapaċitajiet u ta’ produzzjoni — Drittijiet tad-difiża — Prova tal-parteċipazzjoni fl-akkordju — Ksur uniku u kontinwat — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Proporzjonalità — Multi — Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑82/13,

Panasonic Corp., stabbilita f’Kadoma (il-Ġappun),

MT Picture Display Co. Ltd, stabbilita f’Matsuocho (il-Ġappun),

irrappreżentati minn R. Gerrits u A.‑H. Bischke, avukati, M. Hoskins, QC, u S. K. Abram, barrister,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Biolan, M. Kellerbauer u G. Koleva, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 8839 finali, tal-5 ta’ Diċembru 2012, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.437 – Tubi katodiċi għas-settijiet tat-televiżjoni u għall-moniters tal-kompjuter), sa fejn tirrigwarda lir-rikorrenti, jew, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Papasavvas (Relatur), President, N. J. Forwood u E. Bieliunas, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-11 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

24      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla, din il-kawża għalhekk ġiet assenjata lil din l-awla.

25      Permezz ta’ ittra ppreżentata lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-kontroreplika. Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq dan id-dokument permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Frar ta’ wara. Dawn iż-żewġ dokumenti ddaħħlu fil-proċess b’deċiżjoni tal-President tal-Awla tas-7 ta’ Marzu 2014.

26      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha tat-2 ta’ Mejju 1991, li tagħmel xi mistoqsijiet lill-partijiet. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ din it-talba fit-terminu mogħti.

27      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Novembru 2014. Waqt din is-seduta, ġie deċiż li l-partijiet jintalbu jippreżentaw l-eventwali osservazzjonijiet tagħhom dwar is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑580/12 P, Ġabra), fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-għoti ta’ din tal-aħħar, liema terminu ġie pprorogat sat-28 ta’ Novembru 2014 fir-rigward tal-Kummissjoni, fuq talba tagħha.

28      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni kkonformat ruħha ma’ din it-talba. Ir-rikorrenti ma ppreżentawx osservazzjonijiet.

29      Permezz ta’ deċiżjoni meħuda fit-28 ta’ Novembru 2014, ġie deċiż li dokument ippreżentat mill-Kummissjoni, dwar il-verbal tas-seduta, ma jiddaħħalx fil-proċess tal-kawża.

30      Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fil-5 ta’ Diċembru 2014.

31      Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Mejju 2015, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura b’applikazzjoni tal-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

32      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet jippreżentaw l-eventwali osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-Kawża InnoLux vs Il‑Kummissjoni (C‑231/14 P, Ġabra). Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ din it-talba fit-terminu mogħti. Sussegwentement, il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-risposti pprovduti fil-kuntest tal-imsemmija miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u, b’mod partikolari, dwar il-kalkolu u l-ammont tal-multi.

33      Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fl-10 ta’ Lulju 2015.

34      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonkludi li MEI jew MTPD kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE;

–        tannulla jew tnaqqas b’mod xieraq il-multi imposti fuq Panasonic jew fuq MTPD;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

35      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq it-tieni kap tat-talbiet għall-annullament jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

[omissis]

 Fuq il-metodoloġija użata għad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ

153    Ir-rikorrenti jsostnu li l-metodoloġija użata fid-deċiżjoni kkontestata għall-kalkolu tal-valur tal-bejgħ dirett fiż-ZEE permezz tal-prodotti ttrasformati hija inkorretta u wasslet għal multa sproporzjonata meta mqabbla mal-impatt reali ta’ dan il-bejgħ fuq is-suq. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huma jirrilevaw li, skont it-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 2011, il-valur ta’ dan il-bejgħ kellu jiġi kkalkolat bħala l-medja tal-valur tal-bejgħ dirett fiż-ZEE matul l-istess perijodu, immultiplikat bin-numru ta’ CPT kkonċernati. Huma għalhekk isostnu li l-metodoloġija tal-Kummissjoni telqet mill-premessa żbaljata li l-valur medju tas-CPT integrati fil-prodotti ttrasformati kien identiku għall-valur medju tal-bejgħ dirett ta’ CPT fiż-ZEE. Issa dan l-approċċ ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li, f’dak li jirrigwarda Panasonic, is-CPT integrati fi prodotti ttrasformati mill-grupp kienu ġeneralment ta’ daqs iżgħar u għaldaqstant ta’ valur ekonomiku iktar baxx minn dawk mibjugħa direttament lil terzi fiż-ZEE, kif jistabbilixxi r-rapport ta’ kabinett tal-kunsill fl-ekonomija tal-kompetizzjoni, anness mar-risposta għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, ifformulata mir-rikorrenti fl-20 ta’ April 2011. It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li, b’differenza mill-approċċ propost mill-Kummissjoni, li kien ibbażat biss fuq il-perijodu li fih is-CPT kienu jinbiegħu lil terzi, il-metodoloġija li huma kienu pproponew kienet iktar preċiża, sa fejn hija kienet ibbażata fuq medja ponderata li tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-perijodu kif ukoll id-daqs tas-CPT integrati fis-settijiet tat-televiżjoni ta’ Panasonic. Minkejja li l-Kummissjoni ma ċaħditx l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti, dawn jikkritikawha għaliex ma ħadithomx inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom mid-deċiżjoni kkontestata.

154    Il-Kummissjoni ssostni li l-Linji gwida tal-2006 ma jeżiġux li tittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt reali fuq is-suq ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Barra minn hekk, hija tirrileva li r-rikorrenti qed jipproponu metodu alternattiv mhux għaliex huwa iktar preċiż, imma biss għaliex jirriżulta li huwa jagħti valur tal-bejgħ iktar baxx u, għaldaqstant, multa iżgħar. Issa l-Kummissjoni ssostni li hija ma hija bl-ebda mod marbuta li tagħżel metodu partikolari li jwassal għal multa iżgħar, imma biss li tapplika l-Linji gwida tal-2006 b’mod li jirrifletti adegwatament ir-realtà tal-ksur fil-globalità tiegħu.

155    F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda l-istħarriġ imwettaq mill-qorti tal-Unjoni fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, għandu jitfakkar li l-ġurisdizzjoni sħiħa tawtorizza lil din il-qorti tirriforma l-att ikkontestat, anki fl-assenza ta’ annullament, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha, sabiex tibdel, pereżempju, l-ammont tal-multa (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 86, u l-ġurisprudenza ċċitata).

156    Huwa minnu li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizza jirriżulta li l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma jistax iwassal, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li jkunu pparteċipaw fi ftehim li jmur kontra l-Artikolu 101(1) TFUE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 617, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 152). Jekk il-Qorti Ġenerali tkun trid titbiegħed speċifikament, fir-rigward ta’ waħda minn dawn l-impriżi, mill-metodu ta’ kalkolu segwit mill-Kummissjoni u li hija ma qegħditx fid-dubju, huwa neċessarju li tispjega dan fis-sentenza (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, C‑338/00 P, Ġabra p. I‑9189, punt 146, u tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni, C‑70/12, punt 46).

157    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta abbażi tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ ta’ prodotti jew ta’ servizzi, imwettaq mill-impriża, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fi ħdan it-territorju taż-ŻEE.

158    Kif tfakkar fil-punt 16 iktar ’il fuq, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multi, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-proporzjon tal-bejgħ dirett ta’ CPT – mibjugħa bħala tali jew permezz ta’ prodotti ttrasformati – fiż-ŻEE, matul it-tul kollu tal-ksur, u li kienu l-fatt ta’ wieħed mid-destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni, immultiplikati bin-numru ta’ snin tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur (premessi 1020, 1021, 1034, 1042 u 1056).

159    Il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 1022 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minkejja li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ dirett fiż-ŻEE permezz tal-prodotti ttrasformati kien wassal għall-inklużjoni ta’ bejgħ bejn il-gruppi għal xi wħud mill-partijiet, inklużi l-kumpanniji parent tal-impriżi komuni, il-fatt li wieħed ikkonċentra fuq l-ewwel bejgħ imwettaq fiż-ZEE tal-prodott ikkonċernat mill-ksur – kemm jekk ikun ġie ttrasformat kemm jekk le – lil klijent jew lil impriża li ma kinitx parti mill-impriża fornitriċi kien jiggarantixxi l-assenza ta’ diskriminazzjoni bejn l-impriżi integrati vertikalment u dawk li ma kinux.

160    Barra minn hekk, fil-premessa 1026 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li, billi kkonċentrat fuq il-valur tal-bejgħ dirett fiż-ZEE kif ukoll fuq il-valur tal-bejgħ dirett li seħħ fiż-ŻEE permezz tal-prodotti ttrasformati, l-għan tagħha kien li jiġu dejjem inklużi fil-valur tal-bejgħ il-prodotti li kienu s-suġġett tal-akkordju biss jekk huma kienu nbiegħu għall-ewwel darba lil klijent estern għall-impriżi tal-kartell u li kienu jinsabu fiż-ŻEE. Barra minn hekk, hija enfasizzat li ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-prodott ittrasformat kollu kemm hu, iżda biss il-valur tas-CPT li kienu integrati fih. Fl-aħħar nett, fil-premessi 1027 u 1028 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li, sa fejn il-konċentrazzjoni fuq il-volumi u r-restrizzjoni tal-produzzjoni kienu kkonċernaw il-produzzjoni kollha u l-bejgħ kollu li twettqu mill-parteċipanti, il-bejgħ lill-klijenti bejn il-gruppi kien jagħmel parti mid-diskussjonijiet tal-akkordju.

161    Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx it-teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ bejn il-gruppi jew tal-bejgħ dirett permezz tal-prodotti ttrasformati għall-kalkolu tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom, iżda li huma jikkontestaw l-eżattezza tal-kalkolu tal-valur ta’ dan il-bejgħ mill-Kummissjoni, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata. Huma jaffermaw, f’dan ir-rigward, li indikaw dan fir-risposta tagħhom tal-20 ta’ April 2011 għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ April 2011.

162    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti speċifikaw li huma kienu pprovdew ċifri preċiżi lill-Kummissjoni, li kienu jieħdu inkunsiderazzjoni, sa fejn kien possibbli, in-numru ta’ CPT (colour picture tubes [tubi katodiċi tal-kulur]) integrati, skont id-daqs u l-prezz tagħhom u skont is-sena kkonċernata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tennew l-argument tagħhom li, għalkemm il-Kummissjoni ma kkontestatx l-eżattezza ta’ din id-data, hija ma ħadithiex inkunsiderazzjoni, mingħajr ma pprovdiet ġustifikazzjoni.

163    Il-Kummissjoni kkonfermat li ma tikkontestax l-eżattezza tal-informazzjoni inkwistjoni, iżda sostniet li l-fatt li tiġi applikata metodoloġija differenti għar-rikorrenti meta mqabbla mad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kinux issottomettew tali informazzjoni, kien iwassal għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Barra minn hekk, hija ddikjarat li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li ċ-ċifri ppreżentati mir-rikorrenti kienu iktar preċiżi, hija ma topponix il-fatt li l-kalkolu magħmul minn dawn tal-aħħar jintuża sabiex l-ammont tal-multa jiġi kkalkolat mill-ġdid.

164    Għandu jiġi rrilevat li, kif ġie indikat fil-premessa 1032 tad-deċiżjoni kkontestata, permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Marzu 2011, id-destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni kienu ntalbu jużaw data speċifika fuq il-bejgħ dirett tagħhom fiż-ŻEE u l-bejgħ dirett tagħhom fiż-ŻEE permezz ta’ prodotti ttrasformati bħala bażi għall-kalkolu tal-valur tal-bejgħ tagħhom u kienu ġew informati bil-mod kif kellhom jiġu kkalkolati ċ-ċifri kollha mitluba. Mill-istruzzjonijiet, ipprovduti fl-Anness I ta’ din l-ittra sabiex tkun tista’ tingħata risposta għall-kwestjonarju previst għal dan il-għan, jirriżulta li l-metodu ta’ kalkolu rrakkomandat mill-Kummissjoni f’dak li kien jirrigwarda l-bejgħ dirett fiż-ŻEE permezz ta’ prodotti ttrasformati kien ibbażat fuq il-medja tal-valur tal-bejgħ dirett fiż-ŻEE magħmul matul l-istess perijodu, immultiplikata bin-numru ta’ CPT ikkonċernati. Fin-nuqqas ta’ bejgħ dirett fiż-ŻEE matul il-perijodu rilevanti, jew fil-każ li dan tal-aħħar ma kienx rappreżentattiv, l-impriżi kkonċernati ntalbu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni sabiex jiddiskutu metodu ta’ kalkolu alternattiv.

165    Għandu jiġi kkonstatat li mir-risposta tar-rikorrenti tal-20 ta’ April 2011 għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni jirriżulta li dawn tal-aħħar ipproponew metodu alternattiv ta’ kalkolu tal-valur tal-bejgħ dirett fiż-ŻEE permezz ta’ prodotti ttrasformati, li ġie spjegat f’rapport ekonomiku tad-19 ta’ April 2011, imħejji minn RBB Economics (ara l-punt 153 iktar ’il fuq) u li jinsab anness mal-imsemmija risposta. Dan il-metodu ta’ kalkolu kien jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-medja ponderata tas-CPT assoċjati mal-imsemmi bejgħ, skont id-daqs reali tagħhom u l-perijodu kkonċernat, billi jintużaw iċ-ċifri pprovduti mir-rikorrenti. F’dan ir-rapport, il-valur tal-bejgħ dirett fiż-ŻEE permezz ta’ prodotti ttrasformati ġie kkalkolat billi, ma’ kull daqs ta’ sett tat-televiżjoni mibjugħ matul il-perijodu tal-ksur, ġie assoċjat il-valur medju tas-CPT tal-istess daqsijiet. Fin-nuqqas ta’ bejgħ ta’ CPT ta’ daqs identiku matul perijodu partikolari, id-data użata mill-imsemmi rapport kienet ibbażata fuq il-medja ponderata tal-valur tas-CPT mibjugħa matul dan il-perijodu, bid-daqsijiet kollha mħalltin, sabiex f’dan ir-rigward sar allinjament mal-metodu tal-Kummissjoni.

166    Skont ir-rikorrenti, l-approċċ tagħhom iwassal għal riżultati iktar preċiżi u eqreb lejn ir-realtà, filwaqt li l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni jista’ jkollha l-effett li tattribwixxi prezzijiet ta’ CPT ta’ daqs kbir għal settijiet tat-televiżjoni ta’ daqs iżgħar.

167    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-paragrafu 15 tal-Linji gwida tal-2006, sabiex tiddetermina l-valur tal-bejgħ ta’ impriża, il-Kummissjoni hija obbligata tuża l-aħjar data disponibbli ta’ din l-impriża. Issa, peress li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha data li tirrifletti b’mod iktar eżatt il-valur tal-bejgħ dirett fiż-ŻEE permezz ta’ prodotti ttrasformati, fatt li, barra minn hekk, hija ammettiet waqt is-seduta, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li hija tbiegħdet minn dawn il-linji gwida f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti, mingħajr ma pprovdiet ġustifikazzjoni.

168    Issa l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-linji gwida jistabbilixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita, li l-Kummissjoni ma tistax titbiegħed minnha, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, billi tadotta tali regoli ta’ kondotta u billi tħabbar permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom li hija ser tapplikahom minn dak iż-żmien ’il quddiem għall-każijiet ikkonċernati minnhom, l-istituzzjoni inkwistjoni tillimita lilha nfisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax titbiegħed minn dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, għal ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 209 u 211). Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata tosserva l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta tapplika r-regoli indikattivi li hija tkun imponiet fuqha nfisha, dan il-prinċipju ma jistax jorbot lill-qrati tal-Unjoni bl-istess mod inkwantu huma ma jipprevedux li japplikaw metodu ta’ kalkolu speċifiku tal-ammont tal-multi fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħhom, iżda jeżaminaw każ b’każ is-sitwazzjonijiet li jitressqu quddiemhom billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi relatati magħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni, punt 156 iktar ’il fuq, punt 53).

169    Għalhekk, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti, ċifri pprovduti minn dawn tal-aħħar matul il-proċedura amministrattiva, li l-eżattezza tagħhom ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni. Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, b’risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti speċifikaw li ċ-ċifri rriprodotti fir-rikors dwar il-valur totali tal-bejgħ ta’ Panasonic sal-31 ta’ Marzu 2003 kienu jinkludu wkoll, bi żball, il-bejgħ magħmul f’Lulju 1999 u pprovdew data rrettifikata fuq dan il-punt, li ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni.

170    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti għandha tintlaqa’.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ammont tal-multi imposti mill-Artikolu 2(2)(f), (h) u (i) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 8839 final, tal-5 ta’ Diċembru 2012, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.437 – Tubi katodiċi għas-settijiet tat-televiżjoni u għall-moniters tal-kompjuter), huwa ta’ EUR 128 866 000, f’dak li jikkonċerna lil Panasonic Corp., għall-parteċipazzjoni diretta tagħha fil-ksur li jirrigwarda s-suq tat-tubi katodiċi tal-kulur għas-settijiet tat-televiżjoni, ta’ EUR 82 826 000, f’dak li jikkonċerna lil Panasonic, Toshiba Corp. u MT Picture Display Co. Ltd, flimkien u in solidum, u ta’ EUR 7 530 000, f’dak li jikkonċerna lil Panasonic u MT Picture Display, flimkien u in solidum.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Papasavvas

Forwood

Bieliūnas

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.