Language of document : ECLI:EU:T:2010:154

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

22 ta’ April 2010 (*)

“FAEG – Clearance tal-kontijiet tal-aġenziji tal-ħlas tal-Istati Membri li jikkonċernaw l-infiq iffinanzjat mill-FAEG – Ammonti li għandhom jiġu rkuprati mingħand ir-Repubblika Taljan fin-nuqqas ta’ rkupru fit-termini previsti – Kunċett ta’ konsegwenzi finanzjarji – Teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi – Artikolu 32(5) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005”

Fil-Kawżi T‑274/08 u T‑275/08,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Jimeno Fernández u P. Rossi, bħala aġenti,

konvenuta

li għandhom bħala suġġett, fil-Kawża T‑274/08, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/396/KE, tat-30 ta’ April 2008, dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet [clearance tal-kontijiet] tal-aġenziji tal-ħlas tal-Istati Membri li jikkonċernaw l-infiq iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), għas-sena finanzjarja 2007 (ĠU L 139, p. 33), sa fejn tinkludi interessi fuq is-somom attribwiti lill-baġit tal-Istat Taljan skont l-Artikolu 32(5) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 286M, p. 1), u, fil-Kawża T‑275/08, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/394, tat-30 ta’ April 2008, dwar l-approvazzjoni [clearance] tal-kontijiet ta’ ċerti aġenziji ta’ ħlas fil-Ġermanja, fl-Italja u fis-Slovakkja dwar l-infiq iffinanzjat mis-Sezzjoni tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) għas-sena finanzjarja 2006 (ĠI L 139, p. 22), sa fejn tinkludi interessi fuq is-somom attribwiti lill-baġit tal-Istat Taljan skont l-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, M. Prek (Relatur) u V. M. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

Wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Novembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni

1        Il-leġiżlazzjoni bażika dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni hija kkostitwita, fir-rigward tal-infiq magħmul mill-1 ta’ Jannar 2007, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 286M, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).

2        Skont l-Artikolu 49 tar-Regolament bażiku:

“Ir-[Regolament bażiku] japplika b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007 […]

Madankollu, id-dispożizzjonijiet li ġejjin japplikaw b’effett mis-16 ta’ Ottubru 2006:

–                 […]

–        l-Artikolu 32, għal każijiet innotifikati fil-kuntest tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 595/91 u għal dawk li l-irkupru totali għandu ma seħħx sas-16 ta’ Ottubru 2006,

–        […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        Il-premessa 25 tar-Regolament bażiku hija fformulata kif ġej:

“Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-baġit Komunitarju, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw ruħhom li t-tranżazzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi effettivament saru u jitwettqu korrettament. L-Istati Membri għandhom ukoll jipprevjenu u jitrattaw effiċjentement kwalunkwe irregolarità mwettqa mill-benefiċjarji.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Il-premessa 26 tar-Regolament bażiku tipprovdi s-segwenti:

“Fil-każ ta’ rkupru ta’ ammonti mħallsa mill-FAEG, is-somom imħallsa lura għandhom jiġu rimborsati fil-Fondi, fil-każ li jirrigwarda infiq li ma jkunx konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja u għalih ma jkunx hemm ebda dritt. Għandha tiġi stabbilita sistema ta’ responsabbiltà finanzjarja għal meta twettqu irregolaritajiet u meta ma ġiex irkuprat l-ammont totali. Għal dan il-għan, għandha tiġi stabbilita proċedura li tippermetti lill-Kummissjoni li tissalvagwardja l-interessi tal-baġit Komunitarju billi tiddeċiedi li tattribwixxi lill-Istat Membru kkonċernat parti mis-somom li ntilfu minħabba l-irregolaritajiet u li ma ġewx irkuprati f’terminu raġonevoli. F’ċerti każi ta’ negliġenza min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat, ikun iġġustifikat li s-somma totali tiġi attribwita lill-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, suġġett għall-osservanza tal-obbligi li għandhom l-Istati Membri skont il-proċeduri interni tagħhom, il-piż finanzjarju għandu jitqassam b’mod ekwu bejn il-Komunità u l-Istat Membru.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        L-Artikolu 30(1) tar-Regolament bażiku, jipprovdi li, “[q]abel it-30 ta’ April tas-sena li tiġi wara s-sena tal-baġit inkwistjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar il-clearance tal-kontijiet tal-aġenziji tal-ħlas akkreditati […] abbażi tal-informazzjoni trasmessa skont l-Artikolu 8(1)(ċ)(iii)”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        Skont l-Artikolu 8(1)(ċ)(iii) tar-Regolament bażiku, l-Istati Membru għandhom jitrasmettu lill-Kummissjoni Ewropea, għall-azzjonijiet relatati mal-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), “il-kontijiet annwali tal-aġenziji tal-ħlas akkreditati b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni ffirmati mill-persuna responsabbli għall-aġenziji tal-ħlas akkreditati, flimkien mal-informazzjoni neċessarja għall-clearance tagħhom, kif ukoll ċertifikazzjoni redatta mill-korp ta’ ċertifikazzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament bażiku, “[is]-somom irkuprati minħabba irregolaritajiet jew negliġenzi u l-interessi fuqhom għandhom jitħallsu lill-aġenziji tal-ħlas u li dawn jinkluduhom bħala dħul assenjat għall-FAEG, skont ix-xahar li fih il-flus ġew effettivament riċevuti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        Skont l-Artikolu 32(3) tar-Regolament bażiku, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, meta jitrasmettu l-kontijiet annwali previsti fl-Artikolu 8(1)(ċ)(iii), rapport fil-qosor dwar il-proċeduri ta’ rkupru mibdija b’riżultat ta’ irregolaritajiet, li jinkludi analiżi tal-ammonti li għandhom ma ġewx irkuprati, permezz ta’ proċedura amministrattiva u/jew ġudizzjarja u skont is-sena li tikkorrispondi għall-ewwel konstatazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja tal-irregolarità.

9        Skont l-Artikolu 32(4) tar-Regolament bażiku:

“[I]l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tattribwixxi s-somom li għandhom jiġu rkuprati lill-Istati Membri fil-każijiet li ġejjin:

a) meta l-Istat Membru ma jkunx bil-għan tal-irkupru beda l-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjari kollha stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew Komunitarja fi żmien sena wara l-ewwel konstatazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja;

b) meta l-ewwel konstatazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja ma ġietx stabbilita, jew ġiet stabbilita b’dewmien li jista’ jfixkel l-irkupru, jew meta l-irregolarità ma ġietx inkluża fir-rapport fil-qosor […] fis-sena tal-ewwel konstatazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      L-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku jipprovdi li:

“Meta l-irkupru ma seħħx fi żmien erba’ snin wara d-data tal-ewwel konstazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja, jew fi żmien tmien snin jekk l-irkupru jkun is-suġġett ta’ kawża quddiem il-qrati nazzjonali, sa 50 % tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ rkupru għandhom jiġu sostnuti mill-Istat Membru kkonċernat u sa 50 % mill-baġit Komunitarju.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jindika separatament fir-rapport fil-qosor imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, l-ammonti li ma ġewx irkuprati fit-termini stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

It-tqassim tal-piż finanzjarju tan-nuqqas ta’ rkupru, skont l-ewwel subparagrafu, huwa bla ħsara għall-obbligu tal-Istati Membru li jkompli l-proċeduri ta’ rkupru, skont l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament. 50 % tas-somom irkuprati b’dan il-mod huma kkreditati għall-FAEG, wara applikazzjoni tat-tnaqqis stabbilit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

Meta fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru, in-nuqqas ta’ irregolarità huwa kkonstatat minn att amministrattiv jew ġudizzjarju għandu natura definittiva, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiddikjara bħala infiq għall-FAEG l-piż finanzjarju sostnut minnu skont l-ewwel subparagrafu.

Madankollu, jekk għal raġunijiet li għalihom ma huwiex responsabbli l-Istat Membru kkonċernat, l-irkupru ma setax iseħħ fit-termini speċifikati fl-ewwel subparagrafu u jekk l-ammont li għandu jiġi rkuprat huwa iktar minn EUR 1 miljun, il-Kummissjoni tista’, fuq it-talba tal-Istat Membru, testendi b’massimu ta’ 50 % it-termini inizjalment stabbiliti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament [bażiku] dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni [clearance] tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 322M, p. 162–182), “[i]l-kontijiet annwali msemmija fl-Artikolu 8(1)(ċ)(iii), tar-Regolament [bażiku] għandhom jinkludu […] it-tabella tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għat-tmiem tal-eżerċizzju, skont il-mudell stabbilit fl-Anness III”.

 Il-leġiżlazzjoni dwar il-baġit ġenerali tal-Komunita Ewropea

12      Skont l-Artikolu 17(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25, tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4 p. 74 – 121), iktar ’il quddiem ir-“Regolament finanzjarju”, “[i]l-kondizzjonijiet li fuqhom imgħax [interessi] rigward il-pagament tard ikun dovut lill-Komunitajiet għandhom ikunu stabbiliti fir-regoli ta’ l-implimentazzjoni’.

13      Skont l-Artikolu 86(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-[Regolament finanzjarju] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145 – 215), “[b]la ħsara għal dispożizzjonijiet speċifiċi ġejjin mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ l-oqsma, kull ammont li għandu jitħallas [...] jeħel imgħax [interessi]”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

14      Bil-għan taċ-ċertifikazzjoni tas-snin finanzjarji 2006 u 2007 ta’ ċerti aġenziji tal-ħlas Taljani, b’mod partikolari l-Agenzia per le erogazioni in agricoltura (AGEA, Aġenżija għall-għoti ta’ għajnuna fis-settur agrikolu), skont l-Artikolu 30 tar-Regolament bażiku, u sabiex tiġi ppreparata l-komunikazzjoni għall-Kummissjoni tal-informazzjoni li huma mitlubin li jagħtu, mis-27 sat 30 ta’ Novembru 2007 ġiet imwaqqfa missjoni ta’ kontroll tal-aġenti tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Agrikoltura” tal-Kummissjoni. L-għan ta’ din il-missjoni kien li tistabblixxi liema informazzjoni ser tintbagħat lill-Kummissjoni fir-rigward tal-irregolaritajiet li għalihom kienet inbdiet il-proċedura ta’ rkupru.

15      B’ittri tal-1 ta’ Frar 2008, l-AGEA bagħtet lill-Kummissjoni r-rapporti fil-qosor ta’ proċeduri ta’ rkupru mibdija minħabba irregolaritajiet, flimkien ma’ noti ta’ spjega li fihom iddikjarat li “irreżervat id-dritt li tieħu kull inizjattiva sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Istat Taljan għall-kumpens ta’ somom li jirriżultaw li ma humiex dovuti wara l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti għall-kalkolu tal-interessi hekk kif mitluba mill-Komunità”.

16      Fit-28 ta’ Marzu (Kawża T‑274/08) u fit-22 ta’ April (Kawża T‑275/08) 2008, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Taljana nota li fiha indikat il-kontijiet tal-aġenziji tal-ħlas li ser ikunu proposti għall-clearance u speċifikat li l-ammonti ffissati skont konsegwenzi finanzjarji jirriżultaw min-nuqqas ta’ rkupru tas-somom dovuti minħabba irregolaritajiet li kienu ġew stabbiliti abbażi ta’ informazzjoni mibgħuta mill-AGEA.

17      Fit-30 ta’ April 2008, il-Kummissjoni adottat, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-aġenziji tal-ħlas tal-Istati Membri, id-Deċiżjoni 2008/369/KE dwar l-approvazzjoni [clearance] tal-kontijiet tal-aġenziji tal-ħlas tal-Istati Membri li jikkonċernaw l-infiq iffinanzjat mill-FAEG, għas-sena finanzjarja 2007 (ĠU L 139, p. 33) (Kawża T‑274/08), kif ukoll id-Deċiżjoni 2008/394/KE dwar l-approvazzjoni [clearance] tal-kontijiet ta’ ċerti aġenziji ta’ ħlas fil-Ġermanja, fl-Italja u fis-Slovakkja dwar l-infiq iffinanzjat mis-Sezzjoni tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) għas-sena finanzjarja 2006 (ĠU L 139, p. 22) (Kawża T‑275/08).

18      Id-Deċiżjonijiet 2008/396 u 2008/394 jindikaw l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati mingħand kull Stat Membru jew li għandhom jitħallsu lilhom, inkluż dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku.

19      Fir-rigward tar-Repubblika Taljana, id-Deċiżjonijiet 2008/396 u 2008/394 jipprovdu, rispettivament, tnaqqis fuq pagament bil-quddiem imħallsa lilha ta’ EUR 114 581 208.51 u ta’ EUR 99 839 568.22 għall-ammonti li għandhom jiġu rkuprati minħabba irregolaritajiet jew negliġenzi. Dawn is-somom jinkludu ammonti li jikkorrispondu għal konsegwenzi finanzjarji attribwiti lir-Repubblika Taljana skont l-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku, meta l-irkupru tal-ammonti dovuti minħabba irregolaritajiet jew ta’ negliġenzi ma seħħx fi żmien erba’ snin, li jiddekorri mid-data tal-ewwel konstazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja, jew fi żmien tmien snin jekk l-irkupru ikun is-suġġett ta’ kawża quddiem il-qrati nazzjonali.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Lulju 2008 u rreġistrati bin-numri tal-Kawżi T‑274/08 u T‑275/08, ir-Repubblika Taljana ppreżentat dawn ir-rikorsi.

21      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali ta’ dawn iż-żewġ kawżi.

22      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-25 ta’ Novembru 2009.

23      Il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tqis li hemm lok li għall-finijiet tas-sentenza ż-żewġ kawżi jingħaqdu flimkien wara li l-partijiet instemgħu fuq dan il-punt fis-seduti, skont l-Artikolu 50(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

24      Fil-Kawża T‑274/08, ir-Repubblika Taljan titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-Deċiżjoni 2008/396, sa fejn tikkalkola interessi fuq is-somom attribwiti lill-baġit tal-Istat Taljan għas-sena finanzjarja 2007, skont l-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku.

25      Fil-Kawża T‑275/08, ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-Deċiżjoni 2008/394, sa fejn tikkalkola interessi fuq is-somom attribwiti lill-baġit tal-Istat Taljan għas-sena finanzjarja 2006, skont l-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku.

26      Fil-Kawżi T‑274/08 u T‑275/08, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

 Id-dritt

27      Insostenn tar-rikorsi tagħha, ir-Repubblika Taljana tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku.

 L-argumenti tal-partijiet

28      Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-Kummissjoni adottat interpretazzoni żbaljata tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku. Essenzjalment, hija tikkritika lill-Kummissjoni talli talbitha tħallas somom, skont din id-dispożizzjoni, inklużi l-interessi, anki meta ma huwiex possibbli, fid-dritt Taljan, li l-interessi jiġu kkalkolati fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ġudizzjarja.

29      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Taljana tqis li l-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku għandu jiġi interpretat li jikkonċerna biss is-somom u mhux l-eventwali interessi li dawn is-somom jistgħu jipproduċu. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li din id-dispożizzjoni ma tinkludix il-produzzjoni ta’ interessi peress li l-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu jsemmihom espliċitament. Hija tikkonkludi li l-leġiżlatur ried jirregola fl-ewwel subparagrafu u fil-ħames subparagrafu tar-Regolament bażiku żewġ sitwazzjonijiet differenti. L-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu jirreferi għas-sitwazzjonijiet li fihom il-proċedura ta’ rkupru waslet fit-tmiem u l-interessi diġà tħallsu lura mill-benefiċjarji. Għaldaqstant ikun inadegwat li l-Istat ikun jista’ “jikkapparhom”. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku jirrigwarda l-proċeduri pendenti li għalihom l-inklużjoni ta’ interessi u data li minnha jibdew jiddekorru jibqgħu inċerti.

30      Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana ssostni li, sa fejn l-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku jippreżenta natura eċċezzjonali u jiġi ppreżentat bħala deroga għall-prinċipju ġenerali stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi interpretat b’mod strett, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kelma “interessi” ma hijiex espressament imsemmija.

31      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Taljana tqis li din l-interpretazzoni tieħu inkunsiderazzjoni l-impossibbiltà ġuridika għal Stat Membru li jistabbilixxi l-ammont tal-interessi sakemm id-dejn fil-konfront tal-benefiċjajru tal-fond ma jkunx ġie kkonstatat permezz ta’ proċeduri legali inkwantu, skont l-Artikolu 2033 tal-codice civile (Kodiċi Ċivili Taljan), hija l-qorti li għandha tistabbilixxi l-punt ta’ tluq li minnu jibdew jiddekorru l-interessi skont jekk il-benefiċjarju tal-fond għandux bona jew male fide. Barra minn hekk, ir-Repubbika Taljana tqis li l-fatt li l-interessi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss meta l-ammonti dovuti huma definittavament attribwibbli jikkorrispondi l-iktar mal-loġika tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku, li l-qari tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames subparagrafi tiegħu juru li jirrigwarda clearance fil-forma ta’ somma f’daqqa u provviżorju, li jista’ jagħti lok għal kumpens ulterjuri.

32      Fit-tielet lok, ir-Repubblika Taljana ssostni li hija qatt ma aċċettat, lanqas taċitament, il-kriterji ta’ kalkolu imposti mill-Kummissjoni. Fil-fatt, min-naħa, l-aġenzija tal-ħlas Taljana kienet dejjem iddikjarat li, meta proċeduri ta’ rkupru jiġu kkontestati quddiem il-qrati nazzjonali, l-ammonti dovuti mill-Istat Membru, skont l-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku ma għandhomx jinkludu l-interessi, u, min-naħa, l-oħra, hija kienet espliċitament informat lill-Kummissjoni dwar dan, waqt il-fażi prekontenzjuża, billi rriżervat id-dritt li tressaq proċeduri quddiem il-qrat Komunitarji. Għaldaqstant, huwa irrilevanti l-fatt li, meta bagħtet lill-Kummissjoni d-dokumenti neċessarji bil-għan tal-clearance tal-kontijiet, l-aġenzija tal-ħlas inkludiet l-interessi fl-ammonti dovuti skont l-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku.

33      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana u tqis hija ma għamlitx interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

34      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-uniku motiv tagħha, ir-Repubblika Taljana tipprova turi li d-Deċiżjonijiet 2008/396 u 2008/396 għandhom jiġu annullati peress li l-Kummissjoni, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-interessi skont l-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku, adottat interpretazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni. Peress li l-Kummissjoni imponiet, fuq ir-Repubblika Taljana, tnaqqis fuq il-pagamenti bil-quddiem, skont l-Artikolu 32 tar-Regolament bażiku, ta’ EUR 114 581 208.51 (Kawża T‑274/08) u ta’ EUR 99 839 568.22 (Kawża T‑275/08), tnaqqis li kien jinkludi ammonti skont il-ħames subparagrafu ta’ dan l-artikolu, ir-Repubblika Taljana tikkritika lill-Kummissjoni li kkalkolat dawn l-ammonti tal-aħħar billi ħadet inkunsiderazzjoni l-interessi.

35      L-Artikolu 32 tar-Regolament bażiku jirrigwarda l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-irkupru ta’ somom mingħand benefiċjarji li wettqu irregolaritajiet jew urew negliġenza.

36      L-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku jsemmi s-sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom l-Istat Membru ma rkuprax is-somom, kemm fi żmien erba’ snin wara d-data tal-ewwel konstatazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja, inkella fi żmien tmien snin jekk l-irkupru jkun suġġett ta’ kawża quddiem il-qrati nazzjonali. F’tali sitwazzjonijiet, huwa għalhekk speċifikat li “sa 50 % tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ rkupru huma sostnuti mill-Istat Membru kkonċernat u sa 50 % mill-baġit Komunitarju”.

37      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti trid tilħaq (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, Ġabra p. I‑4983, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, Ġabra p. II‑4065, punt 47).

38      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk l-espressjoni “konsegwenzi finanzjarji” li tinsab fl-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku għandhiex tinftiehem li tirreferi biss għas-somom li ma kinux suġġetti għal irkupru jew li tirreferi wkoll għal dawn is-somom kif ukoll l-interessi tagħhom.

39      Fl-ewwel lok, jidher li t-tweġiba għal din il-mistoqsija tista’ tiġi dedotta minn interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku, fid-dawl tas-sens ċar tal-espressjoni “konsegwenzi finanzjarji”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din l-espressjoni għandha portata wiesgħa inkwantu tinkludi l-aspetti kollha ta’ natura finanzjarja relatati man-nuqqas ta’ rkupru tas-somom imħallsa b’mod irregolari. Fosthom jinsabu neċessarjament l-interessi li kellhom jiġu mħallsa skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament bażiku.

40      Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni letterali hija kkorroborata mill-Artikolu 34(1)(a) tar-Regolament bażiku, li jipprovdi li “huma meqjusa bħala dħul assenjat, fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament [finanzjarju], [...], is-somom li, skont l-Artikoli 31,  32 u 33 ta’ dan ir-regolament għandhom jitħallsu lill-baġit Komunitarju, inkluż l-interessi fuqhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

41      L-interpretazzjoni msemmija fil-punt 39 iktar ’il fuq hija konformi wkoll mal-istruttura ġenerali tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet. Fil-fatt, l-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku għandu jinqara fid-dawl tal-Artikolu 32(1) tal-imsemmi regolament, li jikkostitwixxi l-qafas ġenerali fir-rigward ta’ rimbors lill-Komunità tal-ammonti dovuti minħabba irregolaritajiet jew negliġenzi fl-użu tal-fond. Sa fejn il-ħames suparagrafu ta’ dan l-artikolu ma jemenda bl-ebda mod il-prinċipju tal-kalkolu tal-interessi, iżda jillimita ruħu li jaqsam ir-responsabbiltà finanzjarja bejn l-Istat Membru u l-baġit Komunitarju fil-każ ta’ nuqqas ta’ rkupru tal-ammonti dovuti f’termini raġonevoli, jirriżulta b’mod ċar li l-“konsegwenzi finanzjarji” msemmija fl-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku jinkludu, b’mod partikolari, is-somom prinċipali kif ukoll l-interessi fuqhom.

42      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-nuqqas tal-kelma “interessi” fl-Artikolu 32(5) juri r-rieda tal-leġiżlatur li jkopri sitwazzjoni differenti minn dik imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-istess artikolu, inkwantu li l-imsemmi paragrafu 5 jirreferi għal clearance fil-forma ta’ somma f’daqqa biss u provviżorju, għandu wkoll jiġi miċħud. Ċertament, huwa veru li, skont it-tielet subparagarfu tal-imsemmi paragrafu 5, l-Istat Membru għandu jkompli bil-proċeduri ta’ rkupru. Minn dan jirriżulta neċessarjament li l-ammont tal-konsegwenzi finanzjarji jista’ eventwalment ikun is-suġġett ta’ korrezzjonijiet addizzjonali. Madanakollu, din il-possibbiltà ta’ korrezzjonijiet addizzjonali tirrigwarda l-konsegwenzi finanzjarji kollha kkalkolati skont l-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku, inkluż l-interessi fuq is-somom prinċipali. Għaldaqstant ma teżisti l-ebda kontradizzjoni bejn it-teħid inkunsiderazzjoni msemmija mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku u n-natura provviżorja ta’ dan il-clearance.

43      Għalhekk, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti differenti tar-Repubblika Taljana bbażati, minn naħa, fuq il-fatt li l-Artikolu 32(1) tar-Regolament bażiku biss jirreferi espliċitament għall-kalkolu tal-interessi u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li l-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku huwa ppreżentat bħala deroga għall-Artikolu 32(1), u għandu għaldaqstant jiġi interpretat strettament fid-dawl tal-fatt li l-kelma “interessi” ma hijiex espressament imsemmija fih.

44      Fit-tielet lok, mill-preambolu tar-Regolament bażiku, u b’mod partikolari mill-premessa 25 u mill-premessa 26 tiegħu jirriżulta li s-sistema ta’ koresponsabbiltà finanzjarja, stabbilita mill-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku, hija intiża biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-baġit Komunitarju billi tattribwixxi lill-Istat Membru kkonċernat parti mis-somom dovuti minħabba irregolaritajiet u li ma kinux ġew irkuprati f’terminu raġonevoli. Kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, l-obbligu li jiġu rkuprati l-interessi akkumulati mill-ewwel konstazzjoni tal-irregolarità u l-irkupru effettiv tas-somom inkwistjoni huwa ta’ natura kompensatorja sa fejn l-interessi jirrelataw għall-ħsara temporanja sostnuta mill-baġit Komunitarju minħabba n-nuqqas ta’ ġbir ta’ kreditu kkalkolat favuriha. Għaldaqstant, l-esklużjoni tagħhom mis-somma li għandha titħallas lura, u għaldaqstant it-tnaqqis tal-ammont attribwiet lill-Istat Membru kkonċernat, hija inkompatibbli mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-baġit Komunitarju, peress li dan tal-aħħar isostni l-parti l-kbira tal-konsegwenzi finanzjarji fin-nuqqas ta’ rkupru, f’termini raġonevoli, ta’ ammonti dovuti minħabba irregolaritajiet.

45      Fir-raba’ lok, għandu jiġi enfasizzat li l-prinċipju li jipprovdi li l-interessi huma l-aċċessorji tal-ammont prinċipali u jsegwu s-sistema kontabbli għandu valur ġenerali fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar il-baġit Komunitarju kif jirriżulta mill-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 2342/2002, li jimplementa l-Artikolu 71(4) tar-Regolament finanzjarju, li jispeċifika li, “[b]la ħsara għal dispożizzjonijiet speċifiċi ġejjin mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ l-oqsma, kull ammont li għandu jitħallas […] jeħel imgħax [interessi]”.

46      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu għaldaqstant jiġi konkluż li r-Repubblika Taljana żbaljat meta sostniet li l-Kummissjoni adottat interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku meta inkludiet l-interessi fis-somom dovuti skont din id-dispożizzjoni.

47      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-argument tar-Repubblika Taljana li jipprovdi li huwa impossibbli għaliha li tapplika l-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku minħabba l-Artikolu 2033 tal-codice civile, li jimpedixxi li punt tat-tluq għall-kalkolu tal-interessi jiġi stabbilit bi preċiżjoni sakemm dejn ma jkunx ġie kkonstatat permezz ta’ proċeduri legali.

48      L-ewwel nett, tali riferiment għad-dritt nazzjonali huwa irrilevanti fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-unika kwistjoni kkontestata fil-kuntest ta’ dawn ir-rikorsi, jiġifieri l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku u, iktar speċifikament, il-kwistjoni dwar jekk l-interessi għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni skont din id-dispożizzjoni.

49      L-ewwel nett, huwa minnu li t-tilwim dwar l-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament skont id-dritt Komunitarju għandhom, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji, jiġu deċiżi mill-qrati nazzjonali, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħhom, bla ħsara għal-limiti imposti mid-dritt Komunitarju fis-sens li l-modalitajiet stabbiliti mid-dritt nazzjonali ma jistgħux iwasslu sabiex ikun prattikament impossibbli li tiġi implementata l-leġiżlazzjoni Komunitarja u li l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali għandha ssir b’mod nondiskriminatorju meta mqabbla mal-proċeduri intiżi sabiex jiġu deċiżi kawżi nazzjonali tal-istess tip (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2008, Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening et, C‑383/06 sa C‑385/06, Ġabra p. I‑1561, punti 48 sa 50, u tal-ġurisprudenza ċċitata). Għalkemm minn dan jirriżulta neċessarjament li kwalunkwe kwistjoni aċċessorja li titratta l-irkupru mir-Repubblika Taljana tal-ammonti mħallsa indebitament mil-baġit Komunitarju, mhux irregolata bid-dispożizzjonijiet Komunitarji, għandha tiġi rregolata skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali rilevanti, tali applikazzjoni ma tistax tiġi tikkontesta l-prinċipju tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi skont l-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku.

50      Fl-aħħar u t-tielet nett, il-Kummissjoni ġustament tenfasizza l-fatt li l-aġenzija tal-ħlas inkludiet l-interessi fis-somom li nnotifikatilha sabiex hija tikkalkola l-ammonti msemmija fid-Deċiżjonijiet 2008/396 u 2008/394 juri li mhux impossibbli li jiġu inklużi dawn l-interessi fl-ammonti li l-Istati Membri għandhom jirrimborsaw skont l-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana ma nnotifikatx lill-Kummissjoni s-somma tal-ammonti dovuti, skont l-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku, mingħajr l-interessi kkapitalizzati.

51      Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament bażiku, meta kkunsidrat li l-interessi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fis-somom dovuti mill-Istat Membru skont din id-dispożizzjoni.

52      Għaldaqstant, ir-rikorsi għandhom jiġi miċħuda fl-intier tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż

53      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

54      Peress illi r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok illi hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T‑274/08 u T-275/08 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

3)      Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.

Vilaras

Prek

Ciucă

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ April 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.