Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Bruxelles (il-Belġju) fit-23 ta’ Ottubru 2023 – Electrabel SA et vs Commission de Régulation de l’Electricité et du Gaz (CREG)

(Kawża C-633/23, Electrabel et)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour d’appel de Bruxelles

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Electrabel SA et

Konvenut: Commission de Régulation de l’Electricité et du Gaz (CREG)

Domandi preliminari

L-Artikoli 6, 7 u 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 2022/1854 tas-6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija 1 , moqrija flimkien mal-punti 5 u 9 tal-Artikolu 2 fid-dawl tal-premessi kollha tiegħu, u flimkien, b’mod partikolari, mal-Artikolu 288 TFUE u l-Artikolu 6 TUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali, bħal dawk tal-Artikolu 22b, b’mod partikolari s-subparagrafu 2 tal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, tal-[Loi du 29 avril 1999 relative à l’organisation du marché de l’électricité (il-Liġi tad-29 ta’ April 1999 dwar l-Organizzazzjoni tas-Suq tal-Elettriku) (iktar ’il quddiem, il-“Liġi dwar l-Elettriku)], li jipprevedu li l-limitu previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament jirriżulta f’imposta fuq l-eċċess ta’ dħul tal-produtturi ta’ elettriku, meta n-natura eċċessiva tad-dħul meta mqabbel mal-limitu ffissat huwa stabbilit minn dħul mis-suq iddeterminat, għal ċerti installazzjonijiet, minn preżunzjonijiet inkonfutabbli li jikkalkolaw dħul teoretiku (ara l-punti 1 u 2 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22b(5) tal-Liġi dwar l-Elettriku), b’tali mod li d-debituri tal-imposta jiġu preklużi milli jiddikjaraw u jiġu evalwati fuq id-dħul reali tagħhom?

L-Artikoli 6, 7 u 8 tar-Regolament 2022/1854, moqrija flimkien mal-punti 5 u 9 tal-Artikolu 2 u fid-dawl tal-premessi kollha tiegħu, u flimkien, b’mod partikolari, mal-Artikolu 288 TFUE u l-Artikolu 6 TUE, kif ukoll mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali, bħal dawk tal-Artikolu 22b, b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, tal-Liġi dwar l-Elettriku, li jipprevedu li l-limitu previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament isarraf f’imposta fuq l-eċċess ta’ dħul tal-produtturi ta’ elettriku, meta n-natura eċċessiva tad-dħul meta mqabbel mal-limitu ffissat huwa stabbilit minn dħul mis-suq iddeterminat, għal ċerti installazzjonijiet (ara l-punti 3, 4, 5 u 6 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22b(5)), minn preżunzjonijiet ippreżentati bħala konfutabbli iżda li jistgħu jinqalbu, minn naħa, biss permezz tal-ġustifikazzjoni tad-dħul reali tagħhom għall-installazzjonijiet kollha tagħhom, inklużi l-installazzjonijiet tagħhom mhux suġġetti għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament, u, min-naħa l-oħra, biss dejjem permezz tar-rikors għal ċerti preżunzjonijiet, b’tali mod li b’hekk id-debituri tal-imposta jiġu preklużi milli jiddikjaraw u jiġu evalwati fuq id-dħul reali tagħhom?

L-Artikolu 6, 7 u 8 u 22 tar-Regolament 2022/1854, moqrija flimkien mal-prinċipji ta’ supremazija u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni u mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (il-punt 3 tal-Artikolu 4 TUE), flimkien, b’mod partikolari, mal-Artikolu 288 TFUE, kif ukoll fid-dawl tal-premessi tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali adottati wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, bħall-Artikolu 22b(1) tal-Liġi dwar l-Elettriku, introdott permezz tal-Liġi tas-16 ta’ Diċembru 2022, u li jipprevedu l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ limitu tad-dħul mis-suq miksub mill-produtturi ta’ elettriku minn data li tipproċedi l-1 ta’ Diċembru 2022, bħad-data tal-1 ta’ Awwissu 2022?

____________

1 ĠU 2022, L 261 I, p. 1.