Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Novembru 2009 - Agriconsulting Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-443/09)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Agriconsulting Europe SA (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: F. Sciaudone, avukat, R. Sciaudone, avukat, u A. Neri, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa d-danni subiti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedimenti preżenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti fil-kawża preżenti hija kumpannija leader fis-settur tal-konsulenza ta' tmexxija u dik teknika ta' proġetti ta' żvilupp internazzjonali. Ir-rikors tagħha huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, meħuda fil-kuntest tal-għoti tal-lott Nru 11 li kien is-suġġett tal-avviż ta' kuntratt EuropeAid/127054/C/SER/Multi (ĠU S 128, 4.7.2008), li ma żammitx fost l-iktar sitt offerti ekonomikament vantaġġużi, dik ippreżentata mill-konsorzju li tiegħu kienet il-kumpannija li tmexxi, u li tattribwixxi dan il-lott lil offerenti oħra.

Insostenn tat-talba tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tressaq il-motivi segwenti:

żnaturament tal-provi u taċ-ċirkustanzi ta' fatt. Id-deċiżjoni kkontestata ċaħdet l-offerta tar-rikorrenti peress li d-"dikjarazzjonijiet ta' esklussività" tat-tlett esperti li jidhru fl-offerta tagħha jidhru wkoll f'offerti oħra u li konsegwentement huma kellhom jiġu esklużi mill-evalwazzjoni. Din il-konklużjoni hija vvizzjata inkwantu ma kkunsidratx il-konstatazzjoni tal-esperti li, minn naħa, jikkontestaw uħud minn dawn id-dikjarazzjonijiet, jew, min-naħa l-oħra, saħansitra jallegaw li huma foloz.

interpretazzjoni żbaljata tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-inosservanza tad-"dikjarazzjoni ta' esklussività" u l-ksur tal-prinċipji ta' ċertezza legali, sa fejn il-konvenuta applikat fuq l-offerti kollha s-sanzjoni prevista f'każ ta' firma ta' numru ta' dikjarazzjonijiet ta' esklussività, mingħajr ma kkunsidrat ir-rwol u r-responsabbiltà tal-kumpannija jew tal-espert.

ksur tal-kundizzjonijiet ġuridiċi, tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta' proporzjonalità, sa fejn il-konvenuta ma eżerċitatx is-setgħa mogħtija lilha li titlob kjarifiki, f'każ ta' ambigwità dwar element tal-offerta, qabel ma tiġi kkonfermata l-eżistenza ta' żbalji ta' tip li jeffettwaw il-validità ta' offerta.

Ir-rikorrenti, filwaqt li ssostni l-ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, titlob, barra minn hekk, ir-rikonoxximent tad-danni subiti bħala responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba att illeċitu jew, sussidjarjament, minħabba att leċitu.

____________