Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Helsingin hallinto-oikeus (il-Finlandja) fis-26 ta’ Settembru 2023 – B UG

(Kawża C-596/23, Pohjanri 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Helsingin hallinto-oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: B UG

Parti oħra fil-proċedura: Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö

Domandi preliminari

Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE 1 , b’mod partikolari l-Artikolu 36 tagħha dwar il-bejgħ mill-bogħod, tipprekludi interpretazzjoni leġiżlattiva nazzjonali li permezz tagħha jitqies li bejjiegħ ta’ prodotti suġġetti għas-sisa stabbilit fi Stat Membru ieħor jipparteċipa fit-trasport ta’ dawn il-prodotti lejn l-Istat Membru ta’ destinazzjoni u li huwa responsabbli għall-ħlas f’dan l-aħħar Stat Membru tad-dazji tas-sisa li japplikaw għall-bejgħ mill-bogħod, għas-sempliċi raġuni li, fuq is-sit internet tiegħu, dan il-bejjiegħ jindika lix-xerrej li għandu juża impriża ta’ trasport partikolari?

Il-bejjiegħ ta’ prodotti suġġetti għas-sisa jkun bagħat jew ittrasporta merkanzija direttament jew indirettament lejn Stat Membru ieħor, fis-sens tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2008/118, u jkun responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa li japplikaw għall-bejgħ mill-bogħod fis-sens ta’ din id-direttiva, f’sitwazzjoni fejn kien is-sit internet tiegħu li rrakkomanda impriżi ta’ trasport partikolari u pprovda informazzjoni dwar l-ispejjeż tat-trasport li għandhom jitħallsu mix-xerrej u fejn l-ispejjeż tat-trasport ikunu ġew iffatturati minn impriża tat-trasport, li tkun irċeviet l-informazzjoni dwar il-merkanzija għat-trasport mingħajr l-intervent tax-xerrej? Il-fatt li x-xerrej ikkonkluda kuntratt separat għat-trasport tal-merkanzija mal-impriża tat-trasport indikata fis-sit internet tal-bejjiegħ huwa rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kawża?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2009, L 9, p. 12.