KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fit-2 ta’ Mejju 2019 (1)
Kawża C‑28/18
Verein für Konsumenteninformation
vs
Deutsche Bahn AG
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 260/2012 – Artikolu 9(2) – Rekwiżiti tekniċi u kummerċjali għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro – Aċċessibbiltà għall-pagamenti – Pagamenti permezz ta’ debitu dirett SEPA (Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro) – Kundizzjonijiet ġenerali li jeħtieġu li l-persuna li tħallas ikollha residenza fl-istess Stat Membru tal-benefiċjarju)
Introduzzjoni
1. Huwa fatt universalment irrikonoxxut li l-libertajiet fundamentali li jikkostitwixxu s-suq intern huma allerġiċi għar-rekwiżiti ta’ residenza. Taħt il-libertajiet fundamentali, it-tneħħija tal-ostakoli bbażati fuq ir-rekwiżiti ta’ residenza tinsab, biex ngħidu hekk, fil-qofol tal-attività kemm tal-leġiżlatur tal-Unjoni (2) kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement li regoli nazzjonali li taħthom issir distinzjoni fuq il-bażi ta’ residenza jistgħu joperaw prinċipalment għad-dannu taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra peress li l-persuni mhux residenti huma fil-parti l-kbira tal-każijiet barranin (3). Peress li l-libertajiet fundamentali primarjament jindirizzaw lill-Istati Membri, il-każijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu konjizzjoni tagħhom jirrigwardaw prinċipalment miżuri tal-Istat li jimponu rekwiżiti ta’ residenza (nazzjonali).
2. Wisq inqas huwa magħruf dwar is-sitwazzjonijiet li fihom individwu privat jeħtieġ lil individwu privat ieħor li jkollu r-residenza tiegħu f’post speċifiku. Skont id-dritt tal-Unjoni tipprevali l-oskurità. Huwa leċitu li, f’ħafna każijiet, huwa prattikament impossibbli li klijent li ma jkollux residenza fl-istess Stat Membru bħall-bank li jikseb self ipotekarju minn dak il-bank? Assiguratur jista’ jirrifjuta li jipprovdi kopertura lil klijent potenzjali li jinsab fi Stat Membru ieħor? Għal sekulari, tali sitwazzjonijiet huma, tal-inqas, diffiċli li jiġu rrikonċiljati mal-għan ta’ suq intern. Filwaqt li għal xi wħud dawn il-prassi huma inkompatibbli mal-għan ta’ suq intern “li [fih] [i]l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati” (4), oħrajn jenfasizzaw differenza fundamentali allegata bejn l-attività tal-entitajiet pubbliċi u privati u, l-fatt li skont loġika bażika, tal-inqas, inizjalment, l-attività pubblika kellha tiġi rregolata mil-libertajiet fundamentali u l-attività privata mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni. Il-kumplament tħalla lis-“suq” stess.
3. Dawn il-konklużjonijiet ma jipprovdux tweġiba għal din it-tilwima fundamentali (5). Huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, b’mod ċar, f’diversi każijiet, “is-suq” naqas fis-sitwazzjonijiet “orizzontali” bejn żewġ individwi privati, u kien għalhekk li l-leġiżlatur tal-Unjoni beda jieħu azzjoni u llimita l-awtonomija privata (6). L-eżempju prinċipali f’dan il-qasam huwa r-regolamentazzjoni tat-tariffi tar-roaming fl-Unjoni (7). Fil-fatt, f’dan il-każ, il-leġiżlatura tal-Unjoni intervjeniet fir-relazzjoni bejn l-individwi – li jinsabu f’relazzjoni asimetrika: il-kumpanniji ta’ telefons minn naħa, u l-konsumaturi min-naħa l-oħra – u tapplika b’mod dirett l-istrumenti klassiċi tas-suq intern, bħall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, fis-sitwazzjonijiet orizzontali (8).
4. Eżempju ieħor ta’ intervent leġiżlattiv tal-Unjoni huwa dak tal-kawża preżenti: il-pagamenti transkonfinali fl-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, immedjatament qabel id-data li fiha l-karti tal-flus u l-muniti tal-euro saru l-valuta legali (9), il-Kunsill adotta, fid-29 ta’ Diċembru 2001, regolament dwar il-pagamenti transkonfinali: ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 (10), li tħassar bir-Regolament (KE) Nru 924/2009 (11). Sussegwentement, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament (UE) Nru 260/2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro (12). Il-kwistjoni fil-kawża preżenti tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dan l-aħħar regolament.
5. L-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) trid tkun taf jekk l-operatur tal-linji tal-ferrovija Ġermaniż Deutsche Bahn Aktiengesellschaft (iktar ’il quddiem, “Deutsche Bahn”) jistax jimponi l-kundizzjoni li l-klijenti li jixtiequ jħallsu permezz tad-debitu dirett ikollhom ir-residenza tagħhom fil-Ġermanja.
6. F’dawn il-konklużjonijiet ser nargumenta li r-risposta għandha tkun “le”. L-argument prinċipali tiegħi jista’ jinġabar fil-qosor kif ġej: kumpannija ma hijiex meħtieġa li toffri lill-klijenti tagħha pagament permezz tad-debitu dirett. Madankollu, ladarba din il-possibbiltà tkun ġiet ipprovduta, hija għandha tiġi offruta b’mod nondiskriminatorju.
Il-kuntest ġuridiku
7. L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 260/2012, intitolat “Suġġett u ambitu” jinqara kif ġej:
“1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għat-tranżazzjonijiet ta’ trasferiment tal-kreditu u ta’ debiti diretti denominati fl-euro fi ħdan l-Unjoni meta kemm il-fornitur tas-servizz ta’ pagament ta’ min iħallas kif ukoll il-fornitur tas-servizz ta’ pagament tal-benefiċjarju jkunu jinsabu fl-Unjoni, jew fejn il-fornitur tas-servizz ta’ pagament uniku (PSP) involut fit-tranżazzjoni tal-pagament ikun jinsab fl-Unjoni.
2. Dan ir-Regolament ma japplikax għal dawn li ġejjin:
(a) tranżazzjonijiet ta’ pagament imwettqa bejn u fi ħdan PSPs, inklużi l-aġenti u l-fergħat tagħhom, akkont tagħhom;
(b) tranżazzjonijiet ta’ pagamenti proċessati u mħallsa permezz ta’ sistemi ta’ pagament ta’ valur għoli, esklużi t-tranżazzjonijiet ta’ pagament ta’ debitu dirett li min iħallas ma talabx espliċitament li jgħaddu minn sistema ta’ pagament ta’ valur għoli;
(c) tranżazzjonijiet ta’ pagamenti permezz ta’ kard ta’ pagament jew strument simili, inkluż il-ġbid ta’ kontanti, sakemm il-kard ta’ pagament jew strument simili jintuża biss biex jiġġenera l-informazzjoni rikjesta biex jagħmel b’mod dirett trasferiment ta’ kreditu jew debitu dirett ġo u minn kont tal-pagament identifikat minn BBAN jew IBAN;
(d) tranżazzjonijiet ta’ pagamenti bi kwalunkwe strument tat-telekomunikazzjoni, diġitali jew tal-IT, jekk tali tranżazzjonijiet ta’ pagament ma jirriżultawx fi trasferiment ta’ kreditu jew debitu dirett minn ġo u lejn kont tal-pagament identifikat minn BBAN jew IBAN;
(e) tranżazzjonijiet ta’ ħlas ta’ flus kif iddefiniti fl-Artikolu 4(13) tad-Direttiva 2007/64/KE [(13)];
(f) tranżazzjonijiet ta’ pagamenti li jittrasferixxu flus elettroniċi skont il-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi (14), sakemm tranżazzjonijiet bħal dawn ma jirriżultawx fi trasferiment tal-kreditu jew debitu dirett minn jew ġo kont ta’ pagament identifikat minn BBAN jew IBAN.
3. Fejn l-iskemi ta’ pagament jkunu bbażati fuq it-tranżazzjonijiet ta’ pagament minn trasferimenti tal-kreditu jew debiti diretti iżda jkollhom karatteristiċi jew servizzi addizzjonali mhux obbligatorji, dan ir-Regolament japplika biss għat-trasferimenti tal-kreditu jew d-debiti diretti sottostanti.”
8. L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 260/2012, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprevedi li:
“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) ‘trasferiment ta’ kreditu’ tfisser servizz ta’ pagament nazzjonali jew transkonfinali għall-ikkreditjar tal-kont tal-pagament ta’ benefiċjarju bi tranżazzjoni ta’ pagament jew sensiliet ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament mill-kont tal-pagament ta’ min iħallas mill-PSP li jżomm il-kont ta’ pagament ta’ min iħallas, fuq il-bażi ta’ struzzjoni mogħtija minn min iħallas;
(2) ‘debitu dirett’ tfisser servizz ta’ pagament nazzjonali jew transkonfinali għad-debitu ta’ kont ta’ pagament ta’ min iħallas, meta tranżazzjoni ta’ pagament tinbeda mill-benefiċjarju abbażi tal-kunsens ta’ min iħallas;
(3) ‘min iħallas’ tfisser pesuna fiżika jew ġuridika li jkollha kont ta’ pagament u tippermetti ordni ta’ pagament minn dak il-kont ta’ pagament, jew, kont ta’ pagament fejn ma jkun hemm l-ebda kont ta’ pagament ta’ min iħallas, tkun persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel ordni ta’ pagament għall-kont ta’ pagament ta’ benefiċjarju;
(4) ‘benefiċjarju’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li għandha kont tal-pagament u li tkun ir-reċipjent intiż tal-fondi li kienu s-suġġett tat-tranżazzjoni ta’ pagamenti;
(5) ‘kont ta’ pagament’ tfisser kont miżmum f’isem ta’ utent wieħed jew iżjed tas-servizz ta’ pagament li jintuża għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagamenti;
[…]
(21) ‘mandat’ tfisser l-espressjoni ta’ kunsens u awtorizzazzjoni mogħtija minn min iħallas lill-benefiċjarju u (direttament jew indirettament permezz tal-benefiċjarju) lill-PSP ta’ min iħallas biex jippermetti lill-benefiċjarju jibda jiġbor id-debitu tal-kont tal-pagament speċifikat ta’ min iħallas u biex il-PSP ta’ min iħallas ikun jista’ jikkonforma ma’ tali istruzzjonijiet;
[…]
(26) ‘tranżazzjoni ta’ pagament transkonfinali’ tfisser tranżazzjoni ta’ pagament mibdija minn min se jħallas jew minn benefiċjarju fejn il-PSP ta’ min se jħallas u l-PSP tal-benefiċjarju jinsabu fi Stati Membri differenti;
(27) ‘tranżazzjoni ta’ pagament nazzjonali’ tfisser tranżazzjoni ta’ pagament mibdija minn min se jħallas jew minn benefiċjarju, fejn il-PSP ta’ min se jħallas u l-PSP tal-benefiċjarju jinsabu fl-istess Stat Membru;
[…]”
9. Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 260/2012, intitolat “Aċċessibbiltà”:
“1. Il-PSP tal-benefiċjarju li huwa aċċessibbli għal trasferiment taħt skema ta’ pagament għandu jkun aċċessibbli, skont ir-regoli tal-iskema ta’ pagament applikabbli madwar l-Unjoni kollha, għat-trasferimenti tal-krediti mibdija minn min iħallas permezz ta’ PSP li jinsab fi kwalunkwe Stat Membru.
2. Il-PSP ta’ min iħallas li huwa aċċessibbli għal debitu dirett nazzjonali taħt skema ta’ pagament għandu jkun aċċessibbli, skont ir-regoli tal-iskema ta’ pagament applikabbli madwar l-Unjoni kollha, għat-trasferimenti tad-debiti mibdija minn benefiċjarju permezz ta’ PSP li jinsab fi kwalunkwe Stat Membru.
3. Il-paragrafu 2 għandu japplika biss għad-debiti diretti li huma disponibbli għal min iħallas skont l-iskema ta’ pagament.”
10. L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 260/2012, intitolat “Aċċessibbiltà tal-pagamenti”, jipprovdi:
“1. Persuna li tagħmel trasferimenti ta’ kreditu lill-benefiċjarju li għandu kont ta’ pagament fl-Unjoni ma għandhiex tispeċifika l-Istat Membru li fih dak il-kont ta’ pagament għandu jkollu l-lokazzjoni tiegħu sakemm dak il-kont ta’ pagament ikun aċċessibbli skont l-Artikolu 3.
2. Benefiċjarju li jaċċetta trasferimenti ta’ kreditu jew juża’ debitu dirett biex jiġbor il-fondi minn min irid iħallas li għandu kont ta’ pagament fl-Unjoni ma għandhux jispeċifika l-Istat Membru li fih dak il-kont ta’ pagament għandu jinstab, sakemm dak il-kont ta’ pagament ikun aċċessibbli skont l-Artikolu 3.”
11. L-Artikolu 77 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 (15), intitolat “Talbiet ta’ rimborż għal tranżazzjonijiet ta’ pagament mibdija mill-benefiċjarju jew permezz tiegħu”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pagatur jista’ jitlob ir-rimborż imsemmi fl-Artikolu 76 ta’ tranżazzjoni ta’ pagament awtorizzata mibdija minn benefiċjarju jew permezz tiegħu, matul perijodu ta’ tmien ġimgħat mid-data li fiha jkunu ġew iddebitati l-fondi.”
12. Ir-Regolament (UE) 2018/302 (16), li huwa applikabbli mit-3 ta’ Diċembru 2018, jistipula fl-Artikolu 5 tiegħu, intitolat “Nondiskriminazzjoni minħabba raġunijiet relatati mal-pagament”:
“1. In-negozjant ma għandux, fi ħdan il-medda ta’ mezzi ta’ pagament aċċettati minn negozjant, japplika, minħabba raġunijiet relatati man-nazzjonalità, mal-post tar-residenza jew mal-post tal-istabbiliment tal-klijent, mal-post tal-kont ta’ pagament, mal-post tal-istabbiliment tal-fornitur tas-servizzi ta’ pagament jew mal-post tal-ħruġ tal-istrument ta’ pagament fi ħdan l-Unjoni, kundizzjonijiet differenti għal tranżazzjoni ta’ pagament, meta:
(a) it-tranżazzjoni ta’ pagament issir permezz ta’ tranżazzjoni elettronika bi trasferiment tal-kreditu, b’debitu dirett jew bi strument ta’ pagament bil-kards fl-istess ditta u kategorija tal-pagamenti;
(b) ir-rekwiżiti ta’ awtentikazzjoni huma ssodisfati skont id-Direttiva (UE) 2015/2366; u
(c) it-tranżazzjonijiet ta’ pagament ikunu f’munita li n-negozjant jaċċetta.
2. Meta jkun ġustifikat b’raġunijiet oġġettivi, il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ma għandhiex tipprevjeni lin-negozjant milli jżomm il-konsenja tal-prodotti jew l-għoti tas-servizz, sakemm in-negozjant ikun irċieva l-konferma li t-tranżazzjoni ta’ pagament tkun inbdiet kif adatt.
3. Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ma għandhiex tipprevjeni lin-negozjant milli jitolb ħlasijiet għall-użu ta’ strument ta’ pagament bil-kards li għalih it-tariffi tal-interkambju mhumiex regolati skont il-Kapitolu II tar-Regolament (UE) 2015/751 (17) u għal dawk is-servizzi ta’ pagament li għalihom ma japplikax ir-Regolament (UE) Nru 260/2012, sakemm il-projbizzjoni jew il-limitazzjoni tad-dritt li jintalbu ħlasijiet għall-użu tal-istrumenti ta’ pagament, f’konformità mal-Artikolu 62(5) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, ma tkunx ġiet introdotta fil-liġi tal-Istat Membru li għaliha hija soġġetta l-operazzjoni tan-negozjant. Dawn il-pagamenti ma għandhomx jaqżbu l-ispejjeż diretti mġarrba min-negozjant għall-użu tal-istrument ta’ pagament.”
Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari
13. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Verein für Konsumenteninformation, għandha locus standi in judicio għall-finijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi, skont id-dritt Awstrijak.
14. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, Deutsche Bahn, hija kumpannija tal-linji tal-ferrovija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Ġermanja, u li, fost l-oħrajn, toffri lill-klijenti Awstrijaki l-opportunità li jirriżervaw vjaġġi bil-ferrovija fuq l-internet. Għal dan il-għan, hija tikkonkludi kuntratti mal-konsumaturi bbażati fuq il-kundizzjonijiet tat-trasport tagħha. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu klawżola li tipprovdi li l-biljetti rriżervati fuq is-sit internet jistgħu jitħallsu, b’mod partikolari, bil-karta tal-kreditu, trasferiment bankarju istantanju jew taħt l-iskema tal-pagamenti permezz ta’ skema ta’ debitu dirett SEPA (Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro), liema skema ġiet limitata għal dawk il-klijenti li jkollhom residenza fil-Ġermanja. Barra minn hekk, sabiex tiġi attivata l-iskema tad-debitu dirett SEPA, għandu jingħata l-kunsens għal evalwazzjoni tal-kreditu matul il-proċess ta’ reġistrazzjoni.
15. Verein für Konsumenteninformation ippreżentat rikors għal inġunzjoni quddiem il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) li permezz tiegħu hija talbet lill-qorti tordna li Deutsche Bahn tieqaf milli tuża din il-klawżola fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi għar-raġuni li tmur kontra l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012, peress li ġeneralment konsumatur ikollu kont ta’ pagament ma’ bank stabbilit fl-Istat Membru ta’ residenza tiegħu.
16. B’sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016, il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) laqgħet it-talba tal-Verein für Konsumenteninformation fir-rigward tal-konsumaturi li huma residenti fl-Awstrija għar-raġuni li l-klawżola kkontestata tmur kontra l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012.
17. Fl-appell, b’sentenza tal-14 ta’ Marzu 2017, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), ħassret din is-sentenza u ċaħdet it-talba ta’ Verein für Konsumenteninformation għar-raġuni li, filwaqt li l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 jeħtieġ li l-persuni li jħallsu u l-benefiċjarji jkollhom kont ta’ pagament wieħed biss sabiex ikunu jistgħu jagħmlu pagamenti nazzjonali u transkonfinali permezz tad-debitu dirett SEPA, dan ir-regolament ma jobbligax lill-benefiċjarji li jaċċettaw, fil-każijiet kollha, strumenti tal-pagament SEPA speċifiċi fit-tranżazzjonijiet kummerċjali mal-konsumaturi.
18. F’appell fuq punt ta’ liġi, ippreżentat mill-Verein für Konsumenteninformation kontra din is-sentenza, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) ikkonstatat li l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012, billi jipprojbixxi lill-persuni milli jħallsu u l-benefiċjarji milli jispeċifikaw l-Istat Membru li fih għandu jinsab il-kont tal-parti l-oħra, ma japplikax għall-fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti iżda japplika għar-relazzjoni bejn il-benefiċjarji u l-persuni li jħallsu u għalhekk jipproteġihom. Filwaqt li huwa minnu li skont interpretazzjoni letterali, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi biss li jittieħed bħala kriterju l-post tal-kont ta’ pagament tal-persuna li tħallas, madankollu r-rekwiżit li l-persuna li tħallas permezz ta’ debitu dirett għandha tkun residenti fl-istess Stat Membru tal-benefiċjarju jista’ jaffettwa din id-dispożizzjoni peress li l-kont tal-persuna li tħallas jinsab, bħala regola ġenerali, fl-Istat li fih il-persuna li tħallas għandha r-residenza tagħha.
19. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet, permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Diċembru 2017, irċevut fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Jannar 2018, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 9(2) tar-[Regolament Nru 260/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċjarju huwa pprojbit milli jissuġġetta l-aċċettazzjoni ta’ pagamenti permezz ta’ debitu dirett SEPA għall-kundizzjoni li l-persuna li tħallas ikollha d-domċilju tagħha fl-Istat Membru li fih l-benefiċjarju għandu wkoll ir-residenza jew id-domiċilju tiegħu, meta mezzi oħra ta’ pagament, bħal pereżempju permezz ta’ karta ta’ kreditu, ikunu aċċettati wkoll?”
20. Saru osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-Kummissjoni Ewropea li kollha għamlu sottomissjonijiet orali fis-seduta li saret fit-30 ta’ Jannar 2019.
Evalwazzjoni
21. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċjarju huwa pprojbit milli jissuġġetta l-aċċettazzjoni tal-pagamenti mwettqa taħt l-iskema ta’ debitu dirett SEPA għall-kundizzjoni li l-persuna li tħallas ikollha r-residenza tagħha fl-Istat Membru li fih il-benefiċjarju għandu l-istabbiliment tiegħu (residenza).
22. Verein für Konsumenteninformation tqis li l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 jipprojbixxi lill-benefiċjarju milli jissuġġetta l-aċċettazzjoni ta’ pagamenti permezz ta’ debitu dirett SEPA għall-kundizzjoni li l-persuna li tħallas tkun residenti fl-Istat Membru li fih il-benefiċjarju wkoll għandu l-uffiċċju rreġistrat jew residenza tiegħu, anki meta mezzi oħra ta’ pagament, bħal pereżempju permezz ta’ karta ta’ kreditu, huma aċċettati wkoll. Il-Kummissjoni taqbel ma’ din il-pożizzjoni.
23. Deutsche Bahn ma taqbilx ma’ din il-fehma. Hija tissottometti li, filwaqt li l-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-regolament jirregola r-relazzjoni bejn il-persuna li tħallas u l-benefiċjarju, dan la jipprovdi li l-benefiċjarju huwa meħtieġ li joffri debitu dirett u lanqas li jkun ipprojbit milli jeħtieġ li l-persuna li tħallas tissodisfa kundizzjonijiet oħra sabiex tkun tista’ tuża debitu dirett. B’mod partikolari, dik id-dispożizzjoni ma tipprovdix li benefiċjarju li jixtieq joffri debitu dirett ikun obbligat jew li joffrih lill-klijenti kollha tiegħu jew li ma joffrihx kompletament. Fil-fatt, jidher ċar minn din id-dispożizzjoni li l-użu tal-iskema ta’ debitu dirett jeħtieġ ftehim bejn il-partijiet fil-kuntratt għal dan il-għan. F’dak il-każ biss jidher li benefiċjarju huwa pprojbit milli jeħtieġ li l-kont ta’ pagament użat għad-debitu dirett ikun jinsab f’ċertu Stat Membru.
L-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 – Obbligi tal-benefiċjarju
24. Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012, “[b]enefiċjarju li jaċċetta trasferimenti ta’ kreditu jew juża’ debitu dirett biex jiġbor il-fondi minn min irid iħallas li għandu kont ta’ pagament fl-Unjoni ma għandhux jispeċifika l-Istat Membru li fih dak il-kont ta’ pagament għandu jinstab, sakemm dak il-kont ta’ pagament ikun aċċessibbli skont l-Artikolu 3 [ta’ dan ir-regolament]”.
25. Il-kunċetti prinċipali ta’ din id-dispożizzjoni huma legalment iddefiniti fl-Artikolu 2 tal-istess regolament. Għalhekk, trasferiment ta’ kreditu huwa servizz ta’ pagament li jikkredita l-kont ta’ pagament tal-benefiċjarju permezz ta’ tranżazzjoni ta’ pagament minn kont ta’ pagament ta’ persuna li tħallas ipprovdut mill-fornitur tas-servizz ta’ pagament li jżomm il-kont ta’ pagament tal-persuna li tħallas, fuq istruzzjoni mogħtija mill-persuna li tħallas (18). Debitu dirett, imbagħad, ifisser servizz ta’ pagament li jiddebita l-kont ta’ pagament tal-persuna li tħallas, meta t-tranżazzjoni ta’ pagament tkun inbdiet mill-benefiċjarju abbażi tal-kunsens tal-persuna li tħallas.
26. Jista’ jiġi argumentat li, abbażi biss tal-formulazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012, Deutsche Bahn ma aġixxietx illegalment. Fil-fatt, Deutsche Bahn ma teħtieġx lil dawk il-klijenti li jixtiequ jużaw id-debitu dirett li jkollhom il-kont ta’ pagament tagħhom fi kwalunkwe Stat Membru partikolari.
27. Madankollu, il-kwistjoni ma hijiex daqshekk sempliċi. Kif ser nargumenta, jeżistu raġunijiet imperattivi marbuta mal-kuntest u mal-għanijiet tar-regolament inkwistjoni (19) li jindikaw interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012.
28. Ir-Regolament Nru 260/2012 ġie adottat bħala parti mill-proġett biex tinħoloq iż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA) għall-istabbiliment ta’ servizzi komuni ta’ pagamenti fl-Unjoni Ewropea sabiex jiġu ssostitwiti s-servizzi ta’ ħlas nazzjonali kurrenti għall-pagamenti ddenominati fl-euro. Sabiex tiġi żgurata migrazzjoni kompleta għat-trasferimenti ta’ kreditu fl-Unjoni kollha u debiti diretti f’euro, dan ir-regolament jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u kummerċjali bl-għan li jiġi stabbilit suq integrat għal pagamenti elettroniċi “mingħajr l-ebda distinzjoni bejn pagamenti nazzjonali u transkonfinali” (20). Dawn ir-rekwiżiti għandhom japplikaw għall-pagamenti SEPA, kemm transkonfinali kif ukoll nazzjonali, taħt l-istess kundizzjonijiet bażiċi u skont l-istess drittijiet u obbligi, “[i]kunu fejn ikunu fl-Unjoni” (21).
29. Minkejja li l-għan prinċipali tar-Regolament Nru 260/2012 huwa li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u kummerċjali għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti sabiex jiġu stabbiliti servizzi komuni ta’ pagamenti fl-Unjoni, li jfisser li primarjament jikkonċerna l-benefiċjarji, dan ir-regolament jieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-persuni li jħallsu fil-kont u, b’mod iktar speċifiku, sa ċertu punt, ir-relazzjoni bejn il-benefiċjarji u l-persuni li jħallsu. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012, li pjuttost jikkostitwixxi dispożizzjoni xi ftit eteroġenja fis-sistema ta’ dan ir-regolament, speċifikament japplika għal din ir-relazzjoni bejn il-benefiċjarji u l-persuni li jħallsu (22). F’dan ir-rigward, l-importanza tal-livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni li jħallsu, partikolarment fir-rigward tat-tranżazzjonijiet permezz ta’ debitu dirett, hija enfasizzata fil-preambolu ta’ dak ir-regolament (23).
30. Huwa fatt li fil-parti l-kbira tal-każijiet fl-Unjoni, ir-residenza ta’ persuna tikkorrispondi mal-kont ta’ pagament tiegħu. Dan jidher li huwa tant assjomatiku li ma jeħtieġ l-ebda prova jew evidenza ulterjuri. Għalhekk, li wieħed jeħtieġ li l-persuna li tħallas ikollha r-residenza tagħha f’ċertu Stat Membru huwa ekwivalenti għall-ispeċifikazzjoni tal-Istat Membru li fih għandu jinsab il-kont ta’ pagament. Barra minn hekk, kif huwa enfasizzat korrettement mill-Verein für Konsumenteninformation, li wieħed jissuġġetta l-aċċettazzjoni ta’ pagamenti permezz ta’ debitu dirett għall-kundizzjoni li l-konsumatur jistabbilixxi residenza fil-Ġermanja jwassal għal restrizzjoni iktar serja mill-ftuħ (biss) ta’ kont ta’ pagament fil-Ġermanja.
31. Għalhekk jidher li l-prassi ta’ Deutsche Bahn hija kuntrarja għall-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012.
32. Madankollu, Deutsche Bahn tinvoka żewġ argumenti sabiex tiġġustifika l-prassi tagħha. L-ewwel nett, din il-kumpannija ssostni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet u l-ispirtu tar-Regolament 2018/302. It-tieni nett, Deutsche Bahn tqis li l-prassi tagħha hija ġġustifikata minħabba l-allegata ħtieġa tagħha li twettaq verifiki ta’ kreditu. Ser nindirizza dawn iż-żewġ argumenti wieħed wara l-ieħor.
Ir-Regolament 2018/302
33. Deutsche Bahn hija kompletament konxja tal-fatt li r-Regolament 2018/302 ma huwiex applikabli għall-kawża preżenti.
34. Dan ir-regolament japplika mit-3 ta’ Diċembru 2018 (24) u, għalhekk, ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-kawża preżenti. Lanqas ma huwa applikabbli ratione materiae peress li, b’riżultat tal-Artikolu 1(3) ta’ dak ir-regolament moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123, ma jkoprix servizzi ta’ trasport. Barra minn hekk, il-premessa 9 tar-Regolament 2018/302 tirrikonoxxi li d-diskriminazzjoni tista’ sseħħ ukoll fir-rigward ta’ servizzi fil-qasam tat-trasport, b’mod partikolari fir-rigward tal-bejgħ tal-biljetti għat-trasport tal-passiġġieri. Din il-premessa tagħmel riferiment f’dan ir-rigward għall-erba’ regolamenti li jirrigwardaw is-settur tat-trasport, li tlieta minnhom jinkludu dispożizzjonijiet li speċifikament jeskludu diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew fuq post ta’ residenza meta huwa kkonċernat l-aċċess għat-trasport: ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 (25), ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 (26) u r-Regolament (UE) Nru 181/2011 (27). Rigward ir-raba’ regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 (28), li jittratta d-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri bit-trasport fil-qasam ferrovjarju, il-premessa 9 tar-Regolament 2018/302 tiddikjara li “huwa maħsub li r-Regolament (KE) Nru 1371/2007 […] ser jiġi emendat f’dan is-sens fil-futur qrib”.
35. Madankollu, Deutsche Bahn temmen li r-Regolament 2018/302 għandu madankollu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012, sabiex tiġi evitata kwalunkwe kontradizzjoni u inkonsistenza fl-applikazzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni.
36. F’dan ir-rigward, Deutsche Bahn issostni li l-Artikolu 5 tar-Regolament 2018/302 fih preskrizzjonijiet iddettaljati dwar jekk id-diskriminazzjoni bbażata fuq residenza hijiex permessa u meta hija permessa. Skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, negozjant ma għandux, fi ħdan il-medda ta’ mezzi ta’ pagament aċċettati min-negozjant, japplika, fost l-oħrajn (29), minħabba raġunijiet relatati mal-post tar-residenza ta’ klijent, kundizzjonijiet differenti għal tranżazzjoni ta’ pagament, meta t-tranżazzjoni ta’ pagament issir permezz ta’ tranżazzjoni elettronika bi trasferiment tal-kreditu, b’debitu dirett jew bi strument ta’ pagament bil-kards fl-istess ditta u kategorija tal-pagamenti (30) u r-rekwiżiti ta’ awtentikazzjoni huma ssodisfatti skont id-Direttiva 2015/2366 (31). Deutsche Bahn issostni li huma preċiżament dawn ir-rekwiżiti ta’ awtentikazzjoni (32) li ma humiex issodisfatti fil-kawża preżenti, li jfisser li diskriminazzjoni bbażata fuq residenza hija possibbli.
37. Fil-fehma ta’ Deutsche Bahn, peress li fil-kawża preżenti – li kieku taqa’ b’mod fittizju taħt ir-Regolament 2018/302 – id-diskriminazzjoni bbażata fuq residenza tkun possibbli taħt l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, din id-diskriminazzjoni għandha wkoll tkun possibbli taħt l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 b’tali mod li jippermetti diskriminazzjoni bbażata fuq residenza.
38. Ma jiniex ċert mir-riferiment għar-Regolament 2018/302 – u l-analoġiji negattivi possibbli li għandhom jinsiltu minnu – għall-finijiet tal-kawża preżenti (33).
39. Ir-Regolament 2018/302 jikkostitwixxi eżempju fejn il-leġiżlatura tal-Unjoni kienet iktar speċifika rigward il-kriterji sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li taħthom l-inugwaljanza fit-trattament ibbażata fuq ir-residenza tal-persuna li tħallas hija pprojbita (jew, fi kliem ieħor, fejn l-inugwaljanza fit-trattament hija permessa). Dan l-istandard japplika fil-kuntest tar-Regolament 2018/302, u taħt dan il-kuntest biss. Huwa marbut mal-ispeċifikazzjonijiet tal-operazzjonijiet ta’ imblukkar ġeografiku, li huma kompletament differenti minn dawk tal-pagamenti permezz ta’ debitu dirett. Jekk il-leġiżlatura tal-Unjoni tixtieq tistabbilixxi l-istess standards fir-rigward tal-pagamenti permezz ta’ debitu dirett SEPA għall-finijiet tar-Regolament Nru 260/2012, hija tkun libera li tagħmel hekk. Madankollu, fl-assenza ta’ riferiment ċar f’dan ir-regolament għal testi oħra bħar-Regolament 2018/302, insibha diffiċli napplika “paralleliżmu kunċettwali” – u b’mod partikolari peress li ninsabu fil-preżenza ta’ relazzjoni orizzontali bejn żewġ individwi privati. F’tali sitwazzjoni, is-suppożizzjoni li l-interessi kollha diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni u ġew ikkalibrati mil-leġiżlatura tal-Unjoni hija iktar b’saħħitha u ma teżisti l-ebda raġuni sabiex tiġi kkontestata.
40. Għalhekk, bħala konklużjoni, ir-Regolament 2018/302 ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012, kif issostni Deutsche Bahn. Ir-riferiment u l-allegati analoġiji għar-Regolament 2018/302 ifixklu ħafna iktar milli jikkonvinċu.
L-eċċezzjonijiet għall-obbligi tal-benefiċjarju
41. Fl-aħħar nett, ser nindirizza l-kwistjoni dwar jekk ir-restrizzjoni għal-libertà ta’ ħlas prekluża mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 tistax tiġi potenzjalment iġġustifikata; fi kliem ieħor, jekk huwiex possibbli li l-impriżi ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012.
42. Deutsche Bahn tenfasizza r-riskju ta’ abbuż u n-nuqqas ta’ ħlas fir-rigward tal-pagamenti permezz ta’ debitu dirett. Hija ssostni li tali riskju huwa għoli meta, kif huwa l-każ fil-kawża prinċipali, il-mandat SEPA jinħareġ direttament mill-klijent lill-benefiċjarju, mingħajr l-intervent tal-fornituri tas-servizz ta’ pagament tal-klijent jew tal-benefiċjarju. Fil-fatt, fil-każ ta’ metodi oħra ta’ pagament, il-fornitur tas-servizz ta’ pagament jaċċetta l-pagament tal-klijent biss fil-każ ta’ tbassir ta’ pagament pożittiv. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ pagament permezz ta’ debitu dirett, il-benefiċjarju nnifsu għandu jevalwa r-riskju tan-nuqqas ta’ pagament mill-klijent. Huwa l-benefiċjarju li l-ewwel iwettaq l-obbligi tiegħu billi joħroġ il-biljett. Għalhekk, il-benefiċjarju jassumi r-riskju tal-persuna li tħallas li ma tħallasx.
43. Għalhekk Deutsche Bahn tikkunsidra li huwa meħtieġ li tkun tista’ twettaq verifiki ta’ kreditu. L-impriżi li joffru dawn is-servizzi aktarx joffruhom fuq bażi nazzjonali. Deutsche Bahn tenfasizza li sempliċement ma huwiex possibbli li twettaq verifika ta’ kreditu xierqa abbażi tal-istess kundizzjonijiet fil-pajjiżi kollha fis-SEPA. Il-verifika ta’ kreditu tal-klijenti li għandhom ir-residenza tagħhom fl-Awstrija hija madwar 15-il darba ogħla mill-verifika ta’ kreditu għall-klijenti li għandhom ir-residenza tagħhom fil-Ġermanja. Il-benefiċjarju jkollu jbati spejjeż finanzjarji sinjifikattivi kieku kellu jadatta s-sistemi ta’ clearing u l-interfaces tiegħu b’tali mod li jkun jista’ jwettaq verifiki ta’ kreditu fis-SEPA. Minħabba dawn l-ispejjeż, l-iskema ta’ debitu dirett ta’ spiss sempliċement ma tkunx ekonomika u ma tkunx tista’ tibqa’ tiġi offruta. Din ma setgħetx tkun l-intenzjoni tal-leġiżlatura tal-Unjoni.
44. Deutsche Bahn issostni wkoll li l-integrazzjoni ta’ affidabbiltà ta’ kreditu f’metodu ta’ pagament organizzat mill-operatur innifsu ma hijiex possibbli għal ċerti benefiċjarji fis-SEPA u ma hijiex possibbli f’diversi Stati Membri abbażi ta’ kundizzjonijiet kummerċjalment aċċettabbli. L-ebda operatur ma jipprovdi informazzjoni dwar l-affidabbiltà ta’ kreditu fil-livell SEPA. Għal ċerti Stati Membri SEPA, ma huwiex possibbli li jkollhom aċċess għal kwalunkwe informazzjoni jew informazzjoni parzjali dwar l-affidabbiltà ta’ kreditu ta’ klijent. Għalhekk, il-benefiċjarju ma jistax inaqqas b’mod adegwat ir-riskju ta’ inadempjenza fil-pagamenti permezz ta’ debiti diretti SEPA għal dawn il-klijenti u, jekk ikun meħtieġ li jiġi offrut pagament permezz ta’ debitu dirett lill-klijenti stabbiliti f’dawn il-pajjiżi, il-benefiċjarju konxjament ibati riskju inkalkolabbli. Barra minn hekk, minħabba d-differenzi fid-drawwiet ta’ pagament u/jew l-aspettattivi tal-klijent fil-pajjiżi differenti SEPA, ikun hemm differenzi sinjifikattivi fl-ispejjeż sabiex tinkiseb informazzjoni dwar il-kreditu tal-klijent, u b’hekk jista’ ma jkunx effiċjenti f’termini ta’ spejjeż fi Stat Membru li d-debiti diretti jkunu ppreferuti minn metodi ta’ ħlas oħra li huma irħas.
45. Filwaqt li nagħraf l-argumenti kummerċjali mressqa minn Deutsche Bahn, ma nistax, mill-aspett legali, naqbel mal-argument tagħha.
46. La l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma jipprevedi ġustifikazzjoni. Ma nissuġġerixxix lill-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta t-test ta’ dan ir-regolament b’tali mod li tinkludi fih ġustifikazzjoni possibbli (preżumibbilment kontra l-allegata intenzjoni tal-leġiżlatura tal-Unjoni, li kienet xorta oħra tittratta din il-kwistjoni).
47. Għal darba oħra, nifhem li l-interessi varji inkwistjoni bejn il-persuni li jħallsu u l-benefiċjarji ġew indirizzati mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 fejn huma kkonċernati l-pagamenti permezz ta’ debitu dirett. Irrispettivament minn kif wieħed iħares lejha: din id-dispożizzjoni ma tipprovdix eċċezzjonijiet. Il-leġiżlatura tal-Unjoni wettqet il-kompitu tagħha – u hija libera li tibdel kwalunkwe dispożizzjoni, jekk tiddeċiedi li tagħmel hekk minħabba, pereżempju, li d-dispożizzjonijiet ma humiex effettivi.
48. Il-fatt li, fil-prassi kummerċjali, ma hemmx suq intern għar-reġistri tad-debituri u għall-evalwazzjoni ta’ affidabbiltà ta’ kreditu ma jistax fih innifsu jiġġustifika r-rekwiżit ta’ residenza inkwistjoni. Barra minn hekk, dan ir-raġunament huwa viċin, b’mod perikoluż, argument purament ekonomiku fil-kuntest tal-erba’ libertajiet. Dan l-argument ma jistax jirnexxi. Kif huwa magħruf sew, argumenti purament ekonomiċi ma jistgħux jiġu invokati mill-Istati Membri bħala kunsiderazzjonijiet imperattivi li jirrigwardaw l-interess pubbliku. Probabbilment, fis-sitwazzjonijiet orizzontali, l-interessi pubbliċi ma humiex inkwistjoni – filwaqt li l-interessi privati x’aktarx ikunu ta’ natura ekonomika. Madankollu, l-affermazzjoni sempliċi tal-assenza ta’ suq intern għar-reġistri tad-debituri ma hijiex suffiċjenti.
49. Huwa minnu li jista’ jkun hemm kumpanniji, qua benefiċjarji, li jippreferu, għal raġunijiet kummerċjali jew raġunijiet oħra, li ma joffrux lill-persuni li jħallsu l-possibbiltà li jħallsu permezz tad-debitu dirett. Dan huwa perfettament leġittimu taħt l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012. Fil-fatt, id-dispożizzjoni tapplika biss ladarba tkun saret l-għażla li jiġi aċċettat id-debitu dirett. F’tali sitwazzjoni, ma jista’ jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni. Jekk ir-riżultat huwa li, minflok joffri metodi ta’ pagament diskriminatorji, il-benefiċjarju jiddeċiedi li ma joffri l-ebda metodu ta’ pagament speċifiku, din hija realtà ekonomika li wieħed għandu jaċċetta.
Konklużjoni
50. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) hija s-segwenti:
L-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 248/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċjarju jista’ jiġi pprojbit milli jagħmel pagament permezz ta’ skema ta’ debitu dirett SEPA (Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro) suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna li tħallas ikollha r-residenza tagħha fl-Istat Membru li fih il-benefiċjarju wkoll għandu l-istabbliment tiegħu (residenza).