Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2013 – Molda vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-629/13)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Molda AG (Dahlenburg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: I. Zenke, M. Vollmer, C. Telschow u A. Schulze, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448, tal-5 ta’ Settembru 2013, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, peress li l-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni jirrifjuta, għat-tielet perijodu ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mill-2013 sal-2020, li jagħti lir-rikorrenti l-kwoti addizzjonali mitluba fuq il-bażi tal-klawżola ta’ rigorożità eċċessiva prevista fl-Artikolu 9(5), tal-liġi Ġermaniża tal-21 ta’ Lulju 2011 fuq l-iskambji ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (Treibhausgasemissionshandelsgesetz, iktar ’il quddiem it-“TEHG”);

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

Ir-rikorrenti tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li r-rifjut li tagħti kwoti addizzjonali fuq il-bażi tal-klawżola ta’ rigorożità eċċessiva hija vvizzjata bi żball fir-rigward tal-għan segwit mill-konvenuta u huwa kompletament sproporzjonat għall-iżvantaġġ subit mir-rikorrenti. Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni 2011/278/UE 1 ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni u huwa vvizzjat b’nullità.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà

Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ sussidjarjetà li permezz tagħha l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea għandha tkun limitata għal dak li huwa neċessarju. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-konvenuta, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jadottaw regoli dwar l-allokazzjoni tal-kwoti (anki jekk dan id-dritt huwa konsiderevolment limitat). Klawżola ta’ rigorożità eċċessiva bħal dik prevista fl-Artikolu 9(5) TEHG tagħmel parti mir-regoli li l-adozzjoni tagħhom hija kompetenza tal-Istati Membri.It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-iskema Ewropea tal-għajnuna mill-IstatFil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser ir-regoli bażiċi tal-iskema Ewropea tal-għajnuna mill-Istat, li permezz tagħhom l-impriżi f’diffikultà finanzjarja, li jimplementaw pjan ta’ rkupru sostenibbli, jistgħu jirċievu għajnuna finanzjarju fil-forma ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Skont ir-rikorrenti, il-konvenuta ma għandha l-ebda dritt li tirrifjuta tali assistenza.Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentaliF’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser diversi drittijiet fundamentali (jiġifieri l-libertà tal-intrapriża, il-libertà professjonali u d-dritt għall-proprjetà), peress li dan il-ksur la

huwa ġġustifikat mill-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni

u lanqas mill-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn.