Language of document : ECLI:EU:F:2013:104

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

28 ta’ Ġunju 2013

Kawża F‑44/11

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Artikolu 34(1) u (6) tar-Regoli tal-Proċedura — Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors miżjud bit-terminu ta’ distanza ta’ għaxart ijiem — Rikors ippreżentat bil-posta fl-għaxart ijiem sussegwenti — Assenza ta’ identiċità bejn wieħed u l-ieħor — Tardività tar-rikors”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob b’mod partikolari li t-Tribunal jikkonstata l-ineżistenza jew jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiċħad it-talba tiegħu tas-6 ta’ Marzu 2010 kif ukoll id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tiegħu tat-3 ta’ Settembru 2010 u jordna li jingħata kumpens għad-danni li sofra meta wieħed mit-tobba tas-servizz mediku tal-Kummissjoni bagħat ittra lit-tabib tiegħu, fit-8 ta’ Marzu 2004. Il-preżentata tal-oriġinal tar-rikors mibgħut bil-posta ġiet ippreċeduta minn faks, mibgħut fit-13 ta’ April 2011, ta’ dokument ippreżentat bħala l-kopja tal-oriġnal tar-rikors.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud, parzjalment bħala manifestament inammissibbli, u parzjalment bħala manifestament infondat. L. Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Atti tal-amministrazzjoni — Preżunzjoni ta’ validità — Att ineżistenti — Kunċett –Ċaħda tat-talba għal kumpens ta’ uffiċjal li jinvoka l-allegat żball tat-tabib ta’ istituzzjoni minħabba li bagħat ċerta informazzjoni lit-tabib tal-imsemmi uffiċjal u ċaħda mhux motivata — Esklużjoni

(Artikolu 288 TFUE)

2.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors — Firma bl-idejn tal-avukat differenti minn dik li tinsab fuq l-oriġinali tar-rikors mibgħut bil-posta — Konsegwenza — Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data meta ġie riċevut il-faks sabiex tiġi evalwata l-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34(1) u (6); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(3))

1.      L-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fil-prinċipju, igawdu minn preżunzjoni ta’ legalità u, għaldaqstant, jipproduċu effetti ġuridiċi, anki jekk ikunu vvizzjati b’irregolarita, sakemm ma jiġux annullati jew irtirati. Madankollu, b’eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, l-atti vvizzjati b’irregolarita li l-gravità tagħha tkun tant evidenti li ma tistax tkun ittollerata mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom jiġu kkunsidrati li ma pproduċew l-ebda effett ġuridiku. Il-gravità tal-konsegwenzi marbuta mal-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tfisser li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, din il-konstatazzjoni tkun riżervata għal każijiet assolutament estremi.

Il-ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, tal-kunfidenzjalita, tar-regoli deontoloġiċi li jirregolaw il-professjoni ta’ tabib kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi kkunsidrat li jaqa’ taħt każijiet estremi.

Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda t-talba għal dikjarazzjoni ta’ ineżistenza mressqa minn uffiċjal fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ ċaħda impliċita tat-talba għal kumpens għad-danni allegatament ikkawżati meta wieħed mit-tobba tas-servizz mediku tal-Kummissjoni bagħat ittra lit-tabib tiegħu, peress li, minn naħa, iż-żewġ tobba huma parti mill-Kummissjoni ta’ Invalidità li hija responsabbli sabiex teżamina l-fajl tal-imsemmi uffiċjal u li, min-naħa l-oħra, it-talba għal informazzjoni magħmula mit-tabib tiegħu taqa’ preċiżament taħt il-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fajl ta’ invalidità ta’ dan l-uffiċjal. It-tabib, meta, sabiex iwettaq sewwa l-missjoni fdata lilu, jitlob din l-informazzjoni, jaġixxi fil-kuntest tas-servizz, fil-limiti tal-prerogattivi tiegħu, u mingħajr ma jittradixxi s-sigriet mediku li huwa marbut bih. Għaldaqstant, dan it-tabib ma jkun qiegħed jikser l-ebda regola deontoloġika applikabbli għall-professjoni tiegħu.

Barra minn hekk, il-fatt li t-tabib tas-servizz mediku informa lit-tabib tal-uffiċjal bil-fatt li dan kien biddel l-indirizz amministrattiv tiegħu ma jikkostitwixxix ksur tar-rispett tal-ħajja privata u lanqas tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità, peress li din iċ-ċirkustanza hija msemmija fid-deċiżjoni ta’ trasferiment tal-uffiċjal fl-interess tas-servizz, li ġiet ikkomunikata lil dan tal-aħħar u ppubblikata, tal-anqas fi ħdan l-istituzzjoni. Fl-aħħar nett, deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba għad-danni ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi kkunsidrata li hija ineżistenti sempliċement minħabba li ma kinitx immotivata.

(ara l-punti 23 u 26 sa 29)

Referenza:

Tribunal tal-Unjoni Ewropea: 24 ta’ Novembru 2010, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑9/09 P, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Fil-kuntest ta’ kawża tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, għall-finijiet tal-preżentata regolari ta’ kwalunkwe att ta’ proċedura, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34 tar-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u b’mod partikolari l-paragrafi 1 u 6 tiegħu, li jippermetti l-preżentata tar-rikors permezz ta’ faks, jimponu lir-rappreżentant tal-parti li jiffirma bl-idejn l-oriġinal tal-att qabel ma jibagħtu f’faks u li jiddepożita dan l-istess oriġinal fir-Reġistru tat-Tribunal sa mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk ikun jidher li l-att oriġinali li huwa materjalment ippreżentat fir-Reġistru fl-għaxart ijiem wara li tintbagħat kopja tiegħu permezz ta’ faks ma jkollux l-istess firma bħal dik li tinsab fuq id-dokument mibgħut b’faks, għandu jiġi kkonstatat li fir-Reġistru tal-imsemmi Tribunal ikunu waslu żewġ atti ta’ proċedura differenti, anki jekk il-firma tkun saret mill-istess persuna. Fil-fatt, sa fejn ma huwiex it-Tribunal li għandu jivverifika jekk iż-żewġ testi humiex l-istess kelma b’kelma, huwa ċar li, meta l-firma magħmula fuq wieħed miż-żewġ dokumenti ma tkunx identika għall-firma magħmula fuq l-ieħor, id-dokument mibgħut b’faks ma huwiex kopja tal-oriġinal tal-att li jkun ġie ppreżentat wara li jkun intbagħat bil-posta.

Barra minn hekk, jekk it-test mibgħut permezz ta’ faks ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ċertezza legali imposti mill-Artikolu 34 tar-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, id-data ta’ meta d-dokument intbagħat b’faks ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors.

(ara l-punti 36, 37 u 39)