Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Marzu 2012 - USFSPEI u Loescher vs Il-Kunsill

(Kawża T-119/12)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Union syndicale fédérale des services publics européens et internationaux (USFSPEI) (Brussell, il-Belġju) u Bernd Loescher (Rhode Saint Genèse, il-Belġju) (rappreżentanti: A. Coolen, J.-N. Louis, É. Marchal u D. Abreu Caldas, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/866/UE, tad-19 ta' Diċembru 2011, li tikkonċerna l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jaġġusta, b'effett mill-1 ta' Lulju 2011, ir-rimunerazzjoni u l-pensjoni tal-uffiċjali u ta' aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea u l-koeffiċjenti korrettivi li japplikaw għalihom;

tikkundanna lill-Kunsill iħallas lir-rikorrent Loescher kif ukoll lill-uffiċjali u lill-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea, l-arretrati tar-remunerazzjoni u l-pensjoni li għandhom dritt għalihom mill-1 ta' Lulju 2011 flimkien mal-intessi moratorji kkalkulati, sa mid-data minn meta saru dovuti l-arretrati, skont ir-rata stabbilita mill-BĊE għat-transazzjonijiet prinċipali ta' finanzjament mill-ġdid biż-żieda ta' żewġ punti;

tikkundanna lill-Kunsill iħallas lill-USF u lir-rikorrenti EUR 1 simboliku bħala kumpens tad-danni morali subiti minħabba l-iżball fis-servizz imwettaq bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/866/UE tad-19 ta' Diċembru 2011;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi ibbażati:

minn naħa fuq il-ksur tal-Artikoli 64, 65 u 66a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 1 u 3 tal-Annesss XI tiegħu, tal-prinċipji ta' kooperazzjoni leali u ta' koerenza, li jirriżultaw mill-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll tal-prinċipju ta' aspettattivi leġittimi u l-obbligu li jirriżulta mill-prinċipju patere legem quam ipse fecisti, u

min-naħa l-oħra, fuq ksur tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-23 ta' Ġunju 1981, li tistabbilixxi proċedura ta' konsultazzjoni tripartitika meta ma żgurax li l-fehmiet tal-persunal u tal-awtoritajiet amministrattivi jsiru effettivament magħrufa mir-rappreżentanti tal-Istati Membri qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

____________