Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2013 – ANKO vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-118/12) 1

[“Klawżola ta’ arbitraġġ – Sitt Programm Qafas dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2002-2006) – Kuntratt li jikkonċerna l-proġett Persona – Sospensjoni tal-pagamenti – Irregolaritajiet ikkontestati fil-kuntest ta’ awditu dwar proġetti oħra – Interessi moratorji”]

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: ANKO AE Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: V. Christianos, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Lyal, B. Conte, aġenti, assistiti minn S. Drakakakis, avukat)

Suġġett

Rikors ippreżentat fuq il-bażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE, intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata, minn naħa, li s-sospensjoni tar-rimbors tal-ammonti mressaq mir-rikorrenti b’eżekuzzjoni tal-kuntratt Nru 045459 dwar il-proġett Persona, konkluż fil-kuntest tas-Sitt Programm Qafas dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u tal-Innovazzjoni (2002-2006), tikkostitwixxi ksur tal-obbligi kuntrattwali tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li tikkundanna lil din tal-aħħar tħallas is-somma ta’ EUR 6 752.74 taħt dan il-proġett, flimkien mal-interessi moratorji.

Dispożittiv

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil ANKO AE Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias is-somom li l-ħlas tagħhom ġie sospiż fuq il-bażi tat-tielet subparagrafu tal-punt II.28(8) tal-kundizzjonijiet ġenerali annessi mal-kuntratt dwar il-proġett Persona, konkluż fil-kuntest tas-Sitt Programm Qafas dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u tal-Innovazzjoni (2002-2006), mingħajr ma’ dan il-ħlas ikun ta’ preġudizzju għall-eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati minn ANKO Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias u għall-implementazzjoni tal-konklużjonijiet tar-rapport finali ta’ verifika 11-BA134-011 mill-Kummissjoni. L-ammont tas-somom li għandhom jitħallsu għandu jkun inkluż fil-limiti tal-bilanċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja disponibbli fil-mument tas-sospensjoni tal-pagamenti u dawn is-somom għandhom jiżdiedu bl-interessi moratorji li jibdew jiddekorru, għal kull perijodu, mill-iskadenza tat-terminu ta’ ħlas ta’ 45 jum wara l-approvazzjoni tar-rapporti korrispondenti mill-Kummissjoni, mhux iktar tard minn 90 jum mill-wasla tagħhom minn din tal-aħħar. Ir-rata ta’ żieda applikabbli għall-interessi hija dik fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar tal-iskadenza tal-ħlas, kif ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Serje C.Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.