Language of document : ECLI:EU:C:2015:293

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-30 ta’ April 2015 (1)

Kawża C‑105/14

Ivo Taricco et

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Cuneo (l-Italja)]

“Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Reati fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud – Obbligu tal-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi – Pieni kriminali – Terminu ta’ preskrizzjoni tal-proċeduri – Limitazzjoni legali tat-tul kollu tal-preskrizzjoni fil-każ tal-interruzzjoni tiegħu – Dispożizzjoni nazzjonali dwar il-preskrizzjoni li, f’ħafna każijiet, tista’ twassal għall-eżenzjoni tal-kriminali mill-pieni – Legalità tal-pieni – Projbizzjoni ta’ retroattività – Artikolu 325 TFUE – Direttiva 2006/112/KE – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (‘Konvenzjoni PIF’)”





I –    Introduzzjoni

1.        Id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-qrati tal-Istati Membri ma japplikawx ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħhom dwar il-preskrizzjoni ta’ reati applikabbli fil-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali sabiex b’dan il-mod tiġi żgurata sanzjoni effettiva ta’ reati fiskali? Din hija essenzjalment il-mistoqsija li l-Qorti tal-Ġustizzja se jkollha tqis fil-każ preżenti fid-dawl ta’ talba għal deċiżjoni preliminari minn qorti kriminali Taljana.

2.        Din id-domanda titqajjem fil-kuntest ta’ frodi fiskali fil-kummerċ tax-xampanja li ġiet żvelata fl-Italja. I. Taricco u numru ta’ akkużati oħra qegħdin jiġu akkużati li, bħala membri ta’ organizzazzjoni kriminali, issottomettew denunzji tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) frawdolenti permezz tal-użu ta’ fatturi għal tranżazzjonijiet ineżistenti. L-attivitajiet kriminali tagħhom kienu apparentement simili għal frodi tal-VAT tat-tip “karużell”.

3.        Hemm probabbiltà kbira li r-reati allegatament imwettqa f’dan il-kuntest ser jiġu preskritti qabel ma tingħata sentenza kriminali finali. Skont l-informazzjoni tal-qorti tar-rinviju, dan huwa minnu, mhux biss minħabba ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ partikolari, iżda minħabba problema strutturali tad-dritt penali Taljan, li jipprovdi għal modi differenti ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni tal-proċeduri iżda mhux is-sospensjoni tagħha matul proċess kriminali. Barra minn hekk, din is-sistema tipprovdi terminu ta’ preskrizzjoni assolut, introdott b’dispożizzjoni legali tal-2005, li, fil-każ ta’ interruzzjoni, jammonta għal kwart biss tat-tul tal-perijodu oriġinali u ma għadux, bħal qabel, jammonta għal nofs it-tul. F’ħafna każijiet, jidher li dan it-terminu ta’ preskrizzjoni assolut iwassal għall-eżenzjoni mill-impunità tal-ħatja.

4.        Peress li tikkonċerna l-VAT, li proporzjon minnha jagħmel parti mir-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (2), din il-kawża tipprovdi opportunità sabiex jiġu kkjarifikati ċerti kwistjonijiet fundamentali relatati mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu debitament inkunsiderazzjoni d-drittijiet tal-akkużat fil-proċeduri kriminali. F’dan ir-rigward, il-kawża preżenti tevoka vagament il-kawża famuża Berlusconi et (3). Wara kunsiderazzjoni f’iktar dettall, madankollu, il-kwistjonijiet legali mqajma fil-każ preżenti huma differenti minn dawk li kienet eżaminat il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik l-okkażjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

5.        Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni f’din il-kawża huwa essenzjalment iddeterminat minn diversi dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (preċedentement, il-“Komunitajiet Ewropej”). Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-Artikoli 4(3) TUE u 325 TFUE, lir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 (4) u lill-hekk imsejħa “Konvenzjoni PIF” (5). Barra minn hekk, għandha tingħata kunsiderazzjoni għad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (6).

6.        Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab ukoll tagħti interpretazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE, 107 TFUE u 119 TFUE, li l-kontenut tagħhom miniex ser nirriproduċi iktar ’il quddiem.

Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE

7.        L-Artikolu 325 TFUE jistabbilixxi dan li ġej:

“(1)      L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkumbattu l-frodi u l-attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni permezz ta’ miżuri, li jittieħdu skond dan l-Artikolu u li jservu ta’ deterrent kif ukoll li jkunu tali li joffru protezzjoni effettiva fl-Istati Membri, kif ukoll fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi [l-oħrajn] ta’ l-Unjoni.

(2)      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni bħal ma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess.

[…]”

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95

8.        Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95 jipprovdi regoli ġenerali dwar verifiki omoġenji kif ukoll dwar miżuri amministrattivi u sanzjonijiet fil-każ ta’ irregolaritajiet fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni (preċedentement id-“dritt tal-Komunità”). L-Artikolu 1(2) tiegħu jiddefinixxi l-kunċett ta’ irregolarità kif ġej:

“‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

9.        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 jirregola l-preskrizzjoni tal-proċeduri:

“(1)      Il-perjodu tal-limitazzjoni [tal-preskrizzjoni] għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

F’każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. […]

It-terminu tal-limitazjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.

Madankollu, il-limitazzjoni għandha ssir effettiva mhux aktar tard mil-jum li fih perjodu li jkun id-doppju tal-perjodu tat-terminu jiskadi mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun imponiet penali, ħlief fejn il-proċedura amministrattiva tkun ġiet sospiża skond Artikolu 6(1).

[…]

(3)      L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibilità li japplikaw perjodu li jkun itwal […]”

10.      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jinkludi regoli għall-proċedura amministrattiva fil-każ ta’ proċeduri kriminali paralleli li jirrigwardaw l-istess fatti:

“Mingħajr preġudizzju għall-miżuri amministrattivi u l-penali tal-Komunità adottati abbazi tar-regoli settorjali li jkunu jeżistu fil-waqt tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-imposizzjoni ta’ penalitajiet finanzjarji bħal multi amministrattivi tista’ tiġi sospiża b’deċiżjoni ta’ l-awtorità kompetenti jekk ikunu nbdew proċeduri kriminali kontra l-persuna kkonċernata in konnessjoni mal-istess fatti. Is-sospensjoni tal-proċeduri amministrattivi għandha tissospendi l-perjodu tal-limitazzjoni li hemm provdut f’Artikolu 3.

[…]”

Il-Konvenzjoni PIF

11.      Numru ta’ dispożizzjonijiet komuni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni skont id-dritt penali huma inklużi wkoll fil-Konvenzjoni PIF iffirmata fil-Lussemburgu fis-26 ta’ Lulju 1995, li kienet konkluża minn dawk li kienu l-15-il Stat Membru tal-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu K.3(2)(c) UE (7) u li daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Ottubru 2002 (8).

12.      Taħt it-Titolu “Dispożizzjonijiet ġenerali”, l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni PIF jiddefinixxi l-fatturi li jikkostitwixxu frodi u jobbliga lill-Istati Membri li jiddefinixxu l-azzjonijiet koperti minnu bħala reati kriminali:

“1.      Għall-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni, frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej tikkonsisti fir-:

[…]

(b)      rigward dħul, kwalunkwe att jew omissjoni intenzjonali dwar:

–        l-użu jew preżentazzjoni ta’ stqarrijiet jew dokumenti foloz, mhux korretti jew mhux kompluti, li għandhom bħala effett it-tnaqqis illegali ta’ fondi mill-bilanċ ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej jew bilanċi mħaddma minn, jew f’isem, il-Komunitajiet Ewropej,

–        ma tkunx żvelata informazzjoni bi ksur ta’ obbligu speċifiku, bl-istess effett,

–        applikazzjoni ħażina ta’ benefiċċju miksub legalment, bl-istess effett.

2.      Soġġett għall-Artikolu 2 (2), kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa u xierqa biex jittrasponu minn paragrafu fil-liġi kriminali tagħhom b’dak il-mod li l-kondotta msemmija hemm tikkostitiwxxi reati kriminali.

3.      Bla ħsara għall-Artikolu 2 (2), kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li l-preparazzjoni maħsuba jew forniment ta’ stqarrijiet u dokumenti foloz, mhux korretti jew mhux kompluti li għandhom l-effett deskritt f’paragrafu 1 tikkostitiwxxi reat kriminali jekk mhux diġal punit bħala reat prinċipali jew bħala parteċipazzjoni f’instigazzjoni ta’, jew attentat biex twettaq, frodi kif definit f’paragrafu 1.

[…]”

13.      L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni PIF jinkludi l-obbligu segwenti tal-Istati Membri li jintroduċu sanzjonijiet:

“1.      Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li l-kondotta msemmija fl-Artikolu 1, u parteċipazzjoni f’instigazzjoni jew attentat tal-kondotta msemmija fl-Artikolu 1(1), huma puniti b’penalitajiet kriminali effettivi, proporzjonati u disważivi, inklużi, għal inqas f’każi ta’ frodi serja, penalitajiet li jinvolvu depravazzjoni ta’ libertà li tista’ tagħti lok għal estradizzjoni, u jinftiehem li frodi serja titqies frodi li tinvolvi ammont minimu li għandu jkun stabbilit f’kull Stat Membru. Dan l-ammont minimu ma jistax ikun stabbilit għas-somma li taqbeż 50 000 ECU.

2.      Madankollu, f’każijiet ta’ frodi minima li tinvolvi ammont totali ta’ inqas minn 4 000 ECU u tinvolvi ċirkostanzi partikolarment serji taħt il-liġijiet tagħhom, Stat Membru jista’ jipprovdi penalitajiet ta’ tip differenti minn dawk stabbiliti f’paragrafu1.

[....]”

Id-Direttiva tal-VAT (Direttiva 2006/112/KE)

14.      Fit-Titolu IX tad-Direttiva 2006/112, li huwa intitolat “Eżenzjonijiet”, l-Artikolu 131, bħala parti mid-“Disposizzjonijiet ġenerali” tal-Kapitolu 1, jistabbilixxi dan li ġej:

“L-eżenzjonijiet ipprovduti fil-Kapitoli 2 sa 9 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità skond kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabilixxu għall-finijiet li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawk l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli.”

15.      Fl-Artikolu 138(1), li huwa wieħed mid-dispożizzjonijiet li jikkonċerna l-“[e]żenzjonijiet għal transazzjonijiet intra-Komunitarji” fil-Kapitolu 4 tat-Titolu IX tad-Direttiva 2006/112, fil-kuntest ta’ eżenzjonijiet relatati mal-provvista ta’ merkanzija, jipprovdi kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-provvista ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata lejn destinazzjoni ’l barra mit-territroju tagħhom iżda fil-Komunità, jew mill-bejjiegħ jew f’ismu jew il-persuna li tkun qed takkwista l-merkanzija, għal persuna taxxabbli oħra, jew għal persuna legali mhux taxxabbli li tkun qed taġixxi bħala tali fi Stat Membru ieħor li mhux dak minn fejn bdiet tinbagħat jew tkun ittrasportata il-merkanzija.”

16.      Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet dwar l-“[e]żenzjonijiet għal transazzjonijiet li jirrigwardaw il-kummerċ internazzjonali”, inklużi fil-Kapitolu 10 tat-Titolu IX tad-Direttiva 2006/112, jinkludu l-Artikolu 158(1) li, fir-rigward ta’ “[m]ħażen doganali, mħażen li mhumiex imħażen doganali u arranġamenti simili”, jipprovdi parzjalment, kif ġej:

“1.      B’deroga mill-Artikolu 157(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal arranġamenti tal-ħażna minbarra magazzinaġġ doganali fil-każijiet li ġejjin:

(a)      fejn il-merkanzija hija maħsuba għal ħwienet ħielsa mit-taxxa, għall-finijiet tal-provvista ta’ merkanzija li għandha tinġarr fil-bagalja tal-vjaġġaturi li jieħdu titjiriet jew li jaqsmu bil-baħar għal territorji terzi jew pajjizi terzi, fejn dik il-provvista hi eżenti skond il-punt (b) ta’ l-Artikolu 146(1);

(b)      fejn il-merkanzija hija maħsuba għal persuni taxxabli, għall-finijiet ta’ twettiq ta’ provvisti għal vjaġġaturi abbord ajruplani jew vapuri matul titjira jew vjaġġ bil-baħar fejn il-post tal-wasla jinsab barra mill-Komunità;

(ċ)      fejn il-merkanzija hija maħsuba għal persuni taxxabli, għall-finijiet ta’ twettiq ta’ provvisti li huma eżenti mill-VAT skond l-Artikolu 151.

2.      Fejn l-Istati Membri jeżerċitaw l-għażla ta’ eżenzjoni prevista fil-punt (a) tal-paragrafu 1, huma għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni tajba u ċara ta’ din l-eżenzjoni u biex ma jkunx hemm evażjoni, skartar jew abbuż.

[…]”

B –    Id-dritt Taljan

17.      L-Artikolu 157 tal-codice penale Taljan (9), kif emendat bil-Liġi Nru 251 tal-5 ta’ Diċembru 2005 (10) (iktar ’il quddiem, il-“Liġi Nru 251/2005”), taħt it-Titolu “Preskrizzjoni, Terminu ta’ preskrizzjoni” jipprovdi kif ġej:

“Il-prosekuzzjoni ta’ reat hija preskritta wara li jkun iddekorra terminu ekwivalenti għat-tul tal-piena massima stabbilita fil-liġi; bla ħsara għal dan, il-perijodu ta’ preskrizzjoni ma għandux ikun inqas minn sitt snin fil-każ ta’ delitti u inqas minn erba’ snin fil-każ ta’ reati, inkluż fil-każ li dawn tal-aħħar ikunu ssanzjonati b’multa biss.

Sabiex jiġi ddeterminat il-perijodu ta’ preskrizzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-piena stabbilita mil-liġi għar-reat imwettaq jew għall-attentat reat mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li jimmitigaw jew li jiggravaw ir-reat, għajr iċ-ċirkustanzi li fir-rigward tagħhom il-liġi tistabbilixxi piena differenti minn dik li hija normalment stabbilita […]

[…]”

18.      L-Artikolu 158 tal-codice penale Taljan jirregola l-bidu tat-terminu ta’ preskrizzjoni:

“It-terminu tal-preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-jum li fih twettaq ir-reat, jew fil-każ ta’ attentat reat, mill-jum li fih intemmet l-attività jew l-attività kontinwa tal-akkużat.

[…]”

19.      L-Artikolu 159 tal-codice penale Taljan jiddetermina l-każijiet ta’ sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni. Dawn jinkludu l-każ fejn il-kwistjoni titressaq quddiem qorti oħra jew fejn il-persuna li tiddefendi lill-akkużat jew l-akkużat ikollha impediment. “Il-preskrizzjoni terġa’ tibda tiddekorri fil-jum li fih il-kawża li tat lok għas-sospensjoni ma tibqax teżisti.”

20.      L-Artikolu 160 tal-codice penale Taljan jipprevedi din id-dispożizzjoni dwar l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni:

“It-terminu ta’ preskrizzjoni jiġi interrott permezz ta’ sentenza jew ta’ digriet ta’ kundanna.

Digriet li jordna l-applikazzjoni ta’ miżuri kawtelatorji ratione personae jew li jikkonferma detenzjoni jew arrest, eżaminazzjoni quddiem il-qorti jew il-prosekutur pubbliku jew ċitazzjoni quddiem il-prosekutur pubbliku għall-finijiet ta’ investigazzjoni, digriet li permezz tiegħu hija skedata s-seduta sabiex jiġi deċiż li l-kawża għandha tiġi rtirata, att ta’ akkuża, u digriet li jistabbilixxi smigħ preliminari […] jistgħu wkoll jagħtu lok għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni.

Fil-każ ta’ interruzzjoni, il-preskrizzjoni tibda tiddekorri mill-ġdid mill-jum tal-interruzzjoni. Jekk ikun hemm iktar minn interruzzjoni waħda, il-preskrizzjoni tibda tiddekorri mill-aħħar interruzzjoni; madankollu, it-termini stabbiliti fl-Artikolu 157 f’ebda ċirkustanza ma jistgħu jiġu estiżi lil hinn mit-termini stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16 […]”.

21.      Qabel ir-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet tal-preskrizzjoni permezz tal-Liġi Nru 251/2005, it-terminu ta’ preskrizzjoni seta’ jiġi estiż b’mhux iktar minn nofsu fil-każ ta’ interruzzjoni ta’ dan it-terminu.

22.      L-effetti tas-sospensjoni u tal-interruzzjoni tal-preskrizzjoni huma stabbiliti fl-Artikolu 161 tal-codice penale Taljan kif ġej:

“Is-sospensjoni u l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni jipproduċu effetti għal dawk kollha li jkunu wettqu r-reat.

Bl-eċċezzjoni tal-prosekuzzjoni reati msemmija fl-Artikoli 51(3)(b) u (c) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tista’ tagħti lok għall-estensjoni ta’ dan it-terminu b’mhux iktar minn kwart ta’ dan it-terminu, għall-estenzjoni ta’ mhux iktar min-nofs fil-każijiet imsemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 99, għall-estenzjoni ta’ żewġ terzi fil-każijiet imsemmija fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 99, u għall-estenzjoni ta’ mhux iktar minn darbtejn it-tul tat-terminu fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 102, 103, 105.”

23.      L-Artikolu 416 tal-codice penale Taljan jipprovdi li t-twaqqif ta’ organizzazzjoni għall-finijiet tat-twettiq ta’ reati huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn tlieta sa seba’ snin. Is-sempliċi parteċipazzjoni f’tali assoċjazzjoni hija punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn sena u ħames snin.

24.      Is-sottomissjoni ta’ denunzja tal-VAT frawdolenti permezz tal-użu ta’ fatturi jew kwalunkwe dokumenti oħra marbuta ma’ tranżazzjonijiet ineżistenti, konformement mal-Artikolu 2 tad-Decreto legislativo (11) (Digriet Leġiżlattiv) Nru 74 tal-President tar-Repubblika tal-10 ta’ Marzu 2000 (iktar ’il quddiem, id-“Digriet Nru 74/2000”) (12) hija punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn sena u sitt xhur sa sitt snin. Skont l-Artikolu 8 tad-Digriet Nru 74/2000, l-emissjoni ta’ fatturi foloz sabiex terzi jkunu jistgħu jevadu l-VAT hija punibbli bl-istess piena.

III – Il-fatti u l-kawża prinċipali

25.      I. Taricco u numru ta’ persuni oħra (iktar ’il quddiem l-“imputati”) huma akkużati bil-fatt li, fil-perijodu ta’ bejn l-2005 u l-2009, stabbilixxew organizzazzjoni kriminali jew ipparteċipaw f’din l-assoċjazzjoni bħala membri. L-għan ta’ din l-organizzazzjoni kriminali kien allegatament it-twettiq ta’ reati kriminali ta’ emissjoni ta’ fatturi foloz u sottomissjoni ta’ denunzji tal-VAT frawdolenti permezz tal-użu ta’ fatturi foloz.

26.      Il-fatturi foloz, li l-ammont totali tagħhom kien ta’ diversi miljuni ta’ euro, kienu jikkonċernaw tranżazzjonijiet kummerċjali tax-xampanja. Fuq il-bażi ta’ ftehimiet li saru bejn l-imputati, il-bejgħ nazzjonali tax-xampanja kien, bl-assistenza ta’ numru ta’ kumpanniji, li kull waħda minnhom kienet legalment irrappreżentata minn persuni minn fost l-imputati, kienu ġew irreġistrati b’mod falz bħala kunsinni intra-Komunitarji.

27.      L-irwol prinċipali ta’ dawn l-attivitajiet kien fdat lill-kumpannija Planet Srl. Hija xjentement irċeviet fatturi foloz minn numru ta’ kumpanniji oħra (hekk sejħa “missing traders” (13)), li, min-naħa tagħhom aġixxew bħala importaturi fittizji tax-xampanja. Planet inkludiet dawn il-fatturi fil-kontabbiltà tagħha, u naqqset il-VAT ddikjarata bħala taxxa fuq l-input u, konsegwentement, issottomettiet denunzji tal-VAT annwali falzi. B’dan il-mod, Planet setgħet tixtri x-xampanja bi prezz li kienu sostanzjalment irħas mill-prezz tas-suq u, fl-aħħar mill-aħħar, toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fir-rigward tal-“missing traders”, uħud minnhom ma ssottomettewx denunzji tal-VAT annwali, filwaqt li oħrajn issottomettew denunzji iżda qatt ma ħallsu l-VAT korrispondenti.

28.      Wara t-tmiem tal-investigazzjonijiet preliminari, tressqet akkuża kontra l-imputati. L-applikazzjoni għall-ftuħ tal-proċeduri prinċipali ġiet inizjalment ippreżentata quddiem it-Tribunale di Mondovi. Wara għadd ta’ oġġezzjonijiet li ġew ippreżentati mill-avukati tad-difiża tal-akkużati fis-seduta preliminari (14) u li wasslu sabiex il-proċeduri jerġgħu lura għall-fażi tal-investigazzjoni, il-proċeduri kriminali jinsabu mill-ġdid fl-istadju ta’ seduta preliminari, li hija pendenti quddiem it-Tribunale di Cuneo, li hija l-qorti tar-rinviju (15). F’dan l-istadju tal-proċeduri, l-imħallef tas-seduta preliminari (16) għandu jiddetermina jekk ir-riżultati tal-investigazzjonijiet jiġġustifikawx il-bidu ta’ proċess kontra l-akkużati kif ukoll jekk għandhiex tiġi skedata ġurnata għas-smigħ prinċipali.

29.      Il-qorti tar-rinviju ssostni li, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli fl-Italja dwar il-preskrizzjoni tal-proċeduri, ir-reati fiskali kollha, li l-imputati huma akkużati bihom, ser jiġu preskritti mhux iktar tard mit-8 ta’ Frar 2018, anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni l-estensjoni legali tat-terminu ta’ preskrizzjoni, minħabba diversi miżuri li kkawżaw l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni. Fil-fatt, fir-rigward ta’ wieħed mill-imputati, G. Anakiev, il-prosekuzzjoni ilha preskritta mill-11 ta’ Mejju 2013.

30.      Kif issostni l-qorti tar-rinviju, fil-każ preżenti huwa “pjuttost probabbli” li l-preskrizzjoni tal-proċeduri tkun ġiet preskritta qabel ma tkun ingħatat sentenza finali. Kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, din is-sitwazzjoni ma hijiex partikolari għall-każ preżenti, iżda tirrikorri f’diversi proċeduri kriminali li jitressqu fl-Italja, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw reati ekonomiċi li, min-natura tagħhom, ħafna drabi jeħtieġu investigazzjonijiet partikolarment komprensivi u huma li huma ferm kumplessi.

31.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-qorti tar-rinviju tesprimi t-tħassib tagħha li s-sistema ta’ preskrizzjoni tal-proċeduri fl-Italja, kuntrarjament għall-għan li effettivament għandha, fil-verità sservi bħala “garanzija ta’ impunità” għall-kriminali ekonomiċi u li effettivament l-Italja qiegħda tikser l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni. Hija tattribwixxi dan għal-Liġi Nru 251/2005, li tipprovdi li t-termini ta’ preskrizzjoni li huma interrotti issa huma estiżi biss bi kwart, filwaqt li preċedentement kienu jiġu estiżi bin-nofs.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

32.      Permezz tad-digriet tas-17 ta’ Jannar 2014, irċevut fil-5 ta’ Marzu 2014, it-Tribunale di Cuneo ppreżenta id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1)      L-emendar tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 tal-codice penale italiano permezz tal-Liġi Nru 251 tal-2005 – fil-parti li [tikkonċerna] estensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni biss bi kwart tat-tul wara interruzzjoni, u għaldaqstant, li tippermetti l-preskrizzjoni tar-reati minkejja t-tressiq [fit-terminu previst] tal-azzjoni kriminali, bil-konsegwenti impunità għal dawn ir-reati – jikser ir-regola ta’ ħarsien tal-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 101 TFUE?

2)      Bl-emendar tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 tal-codice penale italiano permezz tal-Liġi Nru 251 tal-2005 – fil-parti li [tikkonċerna] estensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni biss bi kwart tat-tul wara interruzzjoni, u għaldaqstant, li ċċaħħad minn konsegwenzi kriminali r-reati mwettqa minn operaturi ekonomiċi mingħajr skrupli – l-Istat Taljan introduċa forma ta’ għajnuna pprojbita mill-Artikolu 107 TFUE?

3)      Bl-emendar tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 tal-codice penale italiano permezz tal-Liġi Nru 251 tal 2005 – fil-parti li [tikkonċerna] estensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni biss bi kwart tat-tul wara interruzzjoni, u għaldaqstant, li toħloq ipoteżi ta’ impunità għal min jinstrumentalizza d-Direttiva Komunitarja – l-Istat Taljan indebitament żied eżenzjoni ulterjuri flimkien ma’ dawk [...] ikkontemplati [b’mod eżawrjenti] mill-Artikolu 158 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE?

4)      Bl-emendar tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 tal-codice penale italiano permezz tal-Liġi Nru 251 tal 2005 – fil-parti li [tikkonċerna] estensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni biss bi kwart tat-tul wara interruzzjoni, u għaldaqstant, li tirrinunzja milli tippenalizza aġir li jċaħħad lill-Istat mir-riżorsi neċessarji anki biex jiffaċċja l-obbligi lejn l-Unjoni Ewropea, ġie miksur il-prinċipju ta’ finanzi b’saħħithom stabbilit mill-Artikolu 119 TFUE?”

33.      Fost il-partijiet li huma akkużati fil-kawża prinċipali, kien biss G. Anakiev li pprovda sottomissjonijiet bil-miktub għall-finijiet tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, kemm il-Gvernijiet tal-Italja, tal-Ġermanja u tal-Polonja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea pparteċipaw fil-proċedura bil-miktub. Bl-eċċezzjoni ta’ G. Anakiev kif ukoll tal-Gvern Pollakk, dawn l-istess partijiet kienu wkoll irrappreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Marzu 2015.

V –    Osservazzjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali

34.      Qabel nindirizza l-evalwazzjoni sostantiva tad-domandi preliminari, fid-dawl tat-tħassib espress minn bosta partijiet fil-kawża prinċipali, ser nagħmel numru ta’ osservazzjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, li minn naħa, jikkonċernaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għad-domandi preliminari (ara t-Taqsima A iktar ’il quddiem) u min-naħa l-oħra, l-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi (ara t-Taqsima B iktar ’il quddiem).

A –    Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għad-domandi preliminari

35.      Skont l-Artikolu 267 TFUE, fi proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, jiġifieri l-poteri tagħha jestendu, fil-prinċipju, għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-intier tiegħu (17).

36.      Fil-każ preżenti, din il-ġurisdizzjoni ma hijiex prekluża mill-fatt li l-kawża prinċipali tikkonċerna reati fiskali taħt id-dritt nazzjonali. Minkejja li l-kompetenza fil-qasam tad-dritt penali u l-proċeduri kriminali tibqa’ prinċipalment responsabbiltà tal-Istati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali xorta għandhom jeżerċitaw is-setgħat rispettivi tagħhom konformement mar-rekwiżiti taħt id-dritt tal-Unjoni (18). Barra minn hekk, fir-rigward b’mod speċifiku tal-proċeduri kriminali fil-qasam tal-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, reċentement, li tali proċeduri huma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (19).

37.      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fl-intier tiegħu, inkluż il-Konvenzjoni PIF, sa fejn l-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar hija rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima inkwistjoni. Huwa minnu li din il-Konvenzjoni kienet diġà ġiet konkluża fl-1995 taħt dak li kien it-“tielet pilastru” tal-Unjoni Ewropea, fuq il-bażi tat-Trattat tal-UE fil-verżjoni oriġinali tiegħu (20). Madankollu, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji (21), il-Konvenzjoni PIF għandha tibqa’ tapplika anki wara l-abolizzjoni tal-istruttura tal-pilastri tal-Unjoni li kienet il-konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Għaldaqstant, din il-konvenzjoni tibqa’ parti integrali mid-dritt tal-Unjoni.

38.      Barra minn hekk, b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2014, ma għadhomx japplikaw restrizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjonijiet preliminari fil-qasam tal-ex tielet pilastru tal-Unjoni (Artikoli 10(1) u (3) tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji). Dan japplika wkoll għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa qabel l-1 ta’ Diċembru 2014, bħal dik preżenti (22).

39.      Fid-dawl ta’ dan, anki qabel l-1 ta’ Diċembru 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja fi kwalunkwe każ diġà kellha ġurisdizzjoni li twieġeb għal talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti Taljana li kienu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni PIF. Dan peress li r-Repubblika Taljana kienet, mill-bidu nett, irrikonoxxiet, fuq bażijiet oħra, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tkun adita b’dawn id-deċiżjonijiet preliminari, jiġifieri, minn naħa, fuq il-bażi tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni PIF (23) u min-naħa l-oħra, fuq il-bażi tal-Artikoli 35(2) u (3)(b) UE (24), filwaqt li dejjem irrikonoxxiet id-dritt lill-qrati nazzjonali li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari (25).

40.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, huwa paċifiku li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkunsidra l-kwistjonijiet kollha mqajma minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

B –    L-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

41.      Numru ta’ partijiet fil-kawża prinċipali jqajmu oġġezzjonijiet dwar l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja (Artikolu 267 TFUE u Artikolu 94 tar-Regoli ta’ Proċedura). Essenzjalment, dawn jiddubitaw ir-rilevanza tad-domandi magħmula għat-teħid ta’ deċiżjoni għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

42.      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija b’mod esklużiv il-qorti tar-rinviju li għandha ġurisdizzjoni sabiex, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ individwali, tevalwa n-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tieħu deċiżjoni dwarhom. Fil-każ li qorti nazzjonali tagħmel domandi dwar id-dritt tal-Unjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja, ikun hemm preżunzjoni ta’ rilevanza favur it-talba għal deċiżjoni preliminari (26).

43.      Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex disponibbli l-informazzjoni fattwali u legali neċessarja sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (27).

44.      Fil-każ preżenti ma hemmx tali sitwazzjoni.

45.      L-informazzjoni fid-digriet tar-rinviju dwar iċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali, id-dritt nazzjonali applikabbli u l-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari hija suffiċjenti sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll lill-partijiet fil-kawża prinċipali jkollhom pożizzjoni informata dwar id-domandi magħmula, fis-sens tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

46.      Mill-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta fl-aħħar mill-aħħar evidentement liema huma s-suġġett u l-kwistjoni tal-kawża prinċipali, fi kliem ieħor, il-fatt li tressqu akkużi kontra numru ta’ persuni fi proċeduri kriminali Taljani dwar reati fiskali u li l-qorti tar-rinviju turi tħassib li dawn, bħal numru kbir ieħor ta’ kriminali preżunti f’sitwazzjonijiet simili, jistgħu jevitaw il-piena prevista għal dawn ir-reati peress li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jipprovdu termini ta’ preskrizzjoni qosra wisq, b’mod partikolari l-perijodu li bih jiġu estiżi dawn it-termini meta jkunu interrotti, b’tali mod li kundanna finali tal-imputati qabel ma l-proċeduri jiġi preskritti tidher li hija illużorja.

47.      Barra minn hekk, ma jistax jingħad li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja huma ta’ natura ipotetika jew li ma għandhom manifestament ebda rilevanza għall-fatti proprji tal-kawża prinċipali. Dan għaliex, skont id-digriet tar-rinviju, ir-risposta li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja hija determinanti sabiex jiġi kkonstatat jekk id-dispożizzjonijiet dwar it-termini ta’ preskrizzjoni stabbiliti fid-dritt nazzjonali jistgħux jiġu applikati għall-kawża prinċipali u jekk huwiex realistikament possibbli li l-kawża prinċipali tiġi definittivament deċiża qabel ma jiskadi t-terminu ta’ preskrizzjoni.

48.      Iktar minn hekk, għad-differenza tal-fehma tal-Gvern Taljan, il-qorti tar-rinviju ma hijiex prekluża milli tagħmel bħala s-suġġett tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, in-nuqqasijiet sistematiċi tad-dritt penali Taljan li ġew identifikati minnha abbażi ta’ tilwima speċifika pendenti quddiemha. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja f’numru ta’ okkażjonijiet diġà indirizzat allegati problemi strutturali f’sistema nazzjonali ta’ sanzjonijiet, inkluż, b’mod partikolari, bħala risposta għal talbiet għal deċiżjoni preliminari fi proċeduri kriminali nazzjonali li jkunu pendenti (28).

49.      Anki jekk il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ legalità tal-penali, ikunu jipprekludu devjazzjoni mid-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-preskrizzjoni inkwistjoni, kuntrarjament għall-fehma tal-Gvern Taljan u ta’ G. Anakiev, dan ma jaffettwax l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda, l-iktar l-iktar, jeżiġi lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi kjarifika f’dan ir-rigward bħala parti mir-risposta sostantiva tagħha għad-domandi preliminari (29).

50.      Filwaqt li huwa minnu li jistgħu jitqajmu dubji dwar ir-rilevanza tad-domandi mressqa sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ numru ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt primarju (Artikoli 101 TFUE, 107 TFUE u 119 TFUE), li mal-ewwel daqqa ta’ għajn jidher li ma jikkonċernawx il-kwistjonijiet marbuta mat-termini ta’ preskrizzjoni fid-dritt penali inkwistjoni hawnhekk. Madankollu, ma jidhirlix li huwa ovvju li d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma għandhom ebda rabta mat-tilwima fil-kawża prinċipali. Hija biss eżaminazzjoni, minkejja li fil-qosor, tas-sostanza tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE mill-Qorti tal-Ġustizzja li tista’ tivverifika jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux leġiżlazzjoni dwar il-preskrizzjoni fid-dritt penali bħal dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni (30).

51.      Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu wkoll jiġi nnotat li anki l-istadju komparattivament bikri tal-proċeduri fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-istadju qabel il-proċess fil-qrati, lanqas ma jnaqqas mill-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari (31).

52.      B’mod ġenerali, għalhekk, it-tħassib tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi miċħud.

VI – Evalwazzjoni sostantiva tad-domandi preliminari

53.      Kif jista’ jiġi dedott mid-digriet tar-rinviju, fir-rigward tal-parti l-kbira tal-pieni li hemm riferiment għalihom fil-kawża prinċipali, it-Tribunale di Cuneo jassumi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sitt snin u terminu ta’ preskrizzjoni ta’ seba’ snin applikabbli għat-twaqqif ta’ organizzazzjoni kriminali. Jekk, bħal ma huwa l-każ hawnhekk, it-terminu ta’ preskrizzjoni huwa interrott b’miżuri struttorji jew prosekutorji, dan jiġi estiż, skont id-digriet tar-rinviju, bi kwart, u għaldaqstant it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sitt snin jiġi estiż għal seba’ snin u sitt xhur u t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ seba’ snin għal tmien snin u disa’ xhur, filwaqt li dawn it-termini, fil-prinċipju, jibqgħu jiddekorru matul proċess kriminali pendenti. F’diversi każijiet, din ir-regolazzjoni tal-limitazzjoni assoluta, evidentement, twassal għall-impunità tal-awturi f’ħafna mill-każijiet.

54.      Fl-isfond ta’ dan, il-qorti tar-rinviju, bit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, tixtieq essenzjalment tistaqsi, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali dwar il-preskrizzjoni ta’ proċeduri kriminali bħall-Artikolu 160(4) tal-codice penale Taljan kif emendat bil-Liġi Nru 251/2005, li jipprovdi li t-terminu ta’ preskrizzjoni għal reati fiskali fil-qasam tal-VAT, fil-każ ta’ interruzzjoni tiegħu, huwa estiż bi kwart biss tal-perijodu inizjali u sussegwentement l-azzjoni hija preskritta b’mod assolut.

55.      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju, bl-erba’ domandi preliminari tagħha, tixtieq tikseb informazzjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE, 107 TFUE u 119 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 158 tad-Direttiva 2006/112.

56.      Ser nindirizza l-ewwel nett dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima A iktar ’il quddiem), qabel ma nagħmel numru ta’ rimarki supplimentari dwar l-obbligu tal-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet effettivi (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima B iktar ’il quddiem) u fl-aħħar nett, ser nindirizza l-impatt ta’ kwalunkwe ksur tad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-preskrizzjoni fuq il-kawża prinċipali (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima C iktar ’il quddiem).

A –    Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju

57.      It-Tribunale di Cuneo ttratta l-erba’ domandi preliminari kollha taħt id-dritt tal-kompetizzjoni (ara, iktar ’il quddiem, it-Taqsima 1), il-possibbiltajiet ta’ eżenzjoni mill-VAT (ara, iktar ’il quddiem, it-Taqsima 2), kif ukoll il-prinċipju ta’ finanzi pubbliċi b’saħħithom (ara, iktar ’il quddiem, it-Taqsima 3).

1.      Id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (l-ewwel u t-tieni domandi preliminari)

58.      Bl-ewwel żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk leġiżlazzjoni dwar il-preskrizzjoni bħal dik Taljana, hijiex detrimentali għall-kompetizzjoni fis-suq intern Ewropew u għalhekk tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 101 TFUE u 107 TFUE.

59.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li leġiżlazzjoni dwar il-preskrizzjoni li ftit li xejn hija rigoruża u n-nuqqas konsegwenti ta’ sanzjonijiet penali effettivi għall-irregolaritajiet fil-qasam tal-VAT, jistgħu jipprovdu vantaġġ kompetittiv inġust fis-suq domestiku għall-kumpanniji li huma involuti f’dawn l-irregolaritajiet. Madankollu, dan ma jikkostitwixxix ksur tal-Artikoli 101 TFUE jew 107 TFUE.

60.      Huwa minnu li l-Artikolu 101 TFUE flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE jipprekludi lill-Istati Membri milli joħolqu sitwazzjoni li fiha huwa iktar faċli għall-kumpanniji li jikkonkludu ftehimiet bejniethom li huma antikompetittivi (32). Madankollu, ikun eżaġerat jekk jiġi konkluż minn infurzar potenzjalment inadatt ta’ dispożizzjonijiet penali nazzjonali li jirregolaw reati fiskali fil-qasam tal-VAT li tali sitwazzjoni neċessarjament tippromwovi aġir kollużiv bejn il-kumpanniji. Barra minn hekk, jekk jiġu madankollu konklużi ftehimiet antikompetittivi bejn il-kumpanniji, dawn jistgħu jiġu ppenalizzati għalkollox indipendentement mid-dritt penali fil-qasam fiskali skont il-proċeduri stabbiliti fid-dritt tal-kompetizzjoni u bis-sanzjonijiet speċifiċi li jipprevedi tali dritt.

61.      Fir-rigward tal-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107 TFUE, huwa minnu li l-implementazzjoni insuffiċjenti tas-sanzjonijiet fil-qasam tal-VAT tista’, possibbilment, twassal għal vantaġġ finanzjarju għal kumpanniji. Madankollu, dan il-vantaġġ ma huwiex selettiv, peress li ma jiffavorixxix ċerti kumpanniji jew fergħat tal-kumpanniji speċifiċi fil-konfront ta’ oħrajn, iżda japplika bl-istess mod għall-kumpanniji kollha li huma suġġetti għad-dritt penali nazzjonali (33).

62.      Il-qorti tar-rinviju ssostni korrettament li nuqqasijiet sistematiċi fi Stat Membru fil-kuntest ta’ pieni għal reati fiskali fil-qasam tal-VAT jistgħu jagħtu lok għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ kumpanniji minn Stati Membri oħra, li fihom l-awtoritajiet nazzjonali jadottaw approċċ iktar strett fir-rigward tal-irregolaritajiet. Madankollu, din il-problema ma tistax tiġi evalwata permezz ta’ standards fil-qasam antikompetittiv jew tal-għajnuna mill-Istat, iżda għandha tiġi diskussa fil-kuntest tas-sistema tal-VAT u tal-obbligu assoċjat ma’ din is-sistema għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi (34).

2.      L-eżenzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT (it-tielet domanda preliminari)

63.      Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk regola ta’ preskrizzjoni bħal dik stabbilita fid-dritt Taljan, twassalx għall-ħolqien ta’ eżenzjoni ġdida mill-VAT li ma hijiex ipprovduta fid-Direttiva 2006/112.

64.      F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi nnotat li t-Tribunale di Cuneo evidentement għamel żball fid-determinazzjoni tad-dispożizzjoni applikabbli tad-Direttiva 2006/112. Dan peress li l-Artikolu 158 ta’ dik id-direttiva, iċċitat fid-digriet tar-rinviju, jirrigwarda l-eżenzjoni mill-VAT ta’ ċerti tranżazzjonijiet f’ċirkustanzi speċifiċi ferm, bħal pereżempju, fi ħwienet eżenti mit-taxxa, abbord ajruplani u vapuri, u fis-servizzi diplomatiċi u konsulari. Huwa manifest li tali ċirkustanzi ma humiex inkwistjoni hawnhekk.

65.      Madankollu, kif osservat korrettament il-Kummissjoni, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 138 tad-Direttiva 2006/112, li jirregola taħt liema ċirkustanzi l-kunsinna tal-beni bejn l-Istati Membri hija eżentata mill-VAT. Din id-dispożizzjoni għandha rabta mal-fatti tal-kawża prinċipali, sa fejn l-imputati huma akkużati bil-falsifikazzjoni frawdolenti tal-kummerċ nazzjonali tagħhom tax-xampanja bħala provvisti intra-Komunitarji.

66.      Madankollu, is-sitwazzjoni deskritta mill-qorti tar-rinviju, fejn, f’numru ta’ każijiet, il-prosekuzzjoni kriminali ta’ reati fiskali kienet ġiet preskritta minħabba nuqqasijiet sistematiċi fid-dritt nazzjonali, ma għandhiex fiha nfisha l-effett li teżenta l-kumpanniji inkwistjoni mill-VAT. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ dritt li tiġi imposta taxxa fuqhom ma tiddependix fuq l-infurzabbiltà ta’ ius puniendi.

3.      Il-prinċipju ta’ finanzi pubbliċi b’saħħithom (ir-raba’ domanda preliminari)

67.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju, bir-raba’ domanda tagħha, titlob informazzjoni dwar jekk dispożizzjoni ta’ preskrizzjoni bħal dik stabbilita fid-dritt Taljan hijiex konformi mal-prinċipju ta’ finanzi pubbliċi b’saħħithom, kif stabbilit fl-Artikolu 119 TFUE.

68.      Bħala d-dispożizzjoni introduttorja dwar l-unjoni ekonomika u monetarja fit-Titolu VIII tat-TFUE, l-Artikolu 119(3) jistabbilixxi ċerti “prinċipji ta’ gwida” għall-attivitajiet tal-Istati Membri u tal-Unjoni, inkluż, fost l-oħrajn, finanzi pubbliċi b’saħħithom.

69.      Kuntrarjament għal dik li tidher hija l-fehma tal-Kummissjoni, L-Artikolu 119(3) TFUE mhux biss jipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-politika iżda wkoll jimponi fuqhom rekwiżit legalment vinkolanti fir-rigward tat-tfassil tal-baġits pubbliċi tagħhom. In-natura legali ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex affettwata bil-fatt li l-kontenut tagħha ma huwiex partikolarment speċifiku u jeħtieġ kjarifika permezz ta’ dispożizzjonijiet u atti legali oħra (35). Madankollu, min-natura relattivament ġenerali tal-Artikolu 119(3) TFUE neċessarjament jirriżulta li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni wiesgħa fl-għażla tal-miżuri nazzjonali li, fuq il-bażi ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, huma jqisu l-iktar adatti, sabiex jiggarantixxu finanzi pubbliċi b’saħħithom fl-oqsma ta’ ġurisdizzjoni rispettivi tagħhom (36).

70.      La kull miżura tal-awtoritajiet nazzjonali li jkollha impatt fuq l-infiq jew id-dħul u lanqas kull rinunzja tal-infurzar ta’ impożizzjoni ta’ VAT li jkunu effettivament eżistenti ma għandhom neċessarjament jitqiesu li jikkostitwixxu ksur tal-prinċipju ta’ finanzi b’saħħithom. Dak li huwa rilevanti huwa pjuttost jekk il-finanzi tal-Istat Membru inkwistjoni jistgħux, meta jitqiesu fl-intier tagħhom, jiġu deskritti bħala “b’saħħithom”; dan jiġi eżaminat b’riferiment b’mod partikolari għad-dispożizzjonijiet u l-kriterji li jikkonċernaw il-prevenzjoni ta’ defiċits pubbliċi eċċessivi (Artikolu 126(1) u (2) TFUE flimkien mal-Protokoll Nru 12 tat-Trattat UE u tat-Trattat FUE).

71.      Konsegwentement, is-sempliċi fatt li d-dispożizzjonijiet Taljani dwar il-preskrizzjoni fil-qasam tad-dritt penali ta’ reati fiskali jista’ jkollhom in-nuqqasijiet sistematiċi deskritti mill-qorti tar-rinviju ma jistax iservi bħala bażi għall-preżunzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ finanzi pubbliċi b’saħħithom, kif stabbilit fl-Artikolu 119(3) TFUE.

4.      Konklużjoni intermedjarja

72.      Fil-qosor, jista’ jingħad li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li sar riferiment għaliha mill-qorti tar-rinviju ma tipprekludi leġiżlazzjoni dwar it-termini ta’ preskrizzjoni bħal dik introdotta fid-dritt penali Taljan permezz tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 160 tal-codice penale Taljan, kif emendat bil-Liġi Nru 251/2005.

73.      Madankollu, din il-konstatazzjoni ma hijiex suffiċjenti fiha nfisha sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju li tiffaċilita d-deċiżjoni tagħha fil-kawża prinċipali. Huwa neċessarju li jsiru numru ta’ osservazzjonijiet addizzjonali dwar l-obbligu tal-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet effettivi (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima B iktar ’il quddiem); barra minn hekk, għandu wkoll jiġi indirizzat fil-qosor l-impatt li l-inkompatibbiltà possibbli tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-preskrizzjoni mad-dritt tal-Unjoni ser ikollha fuq il-kawża prinċipali (ara t-Taqsima B iktar ’il quddiem).

B –    L-obbligu tal-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet effettivi

74.      L-obbligu tal-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet effettivi għal reati fiskali fil-qasam tal-VAT ma huwiex espliċitament invokat imsemmi mill-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha.

75.      Huwa minnu li, fil-prinċipju, hija esklużivament il-qorti tar-rinviju li għandha tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li hija tkun trid tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (37), u l-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa tagħha, ma għandhiex ġurisdizzjoni li teżamina aspetti legali li l-qorti nazzjonali espliċitament jew impliċitament naqset milli tinkludi fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha (38).

76.      Madankollu, fid-dawl ta’ dan, meta tagħti deċiżjoni dwar talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tipprovdi kjarifiki fid-dawl tal-informazzjoni inkluża fil-proċess, li tiggwida lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħti deċiżjoni fis-soluzzjoni tal-kawża prinċipali filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni wkoll dispożizzjonijiet li ma għamlitx riferiment għalihom il-qorti tar-rinviju (39).

77.      Fil-każ preżenti, il-linja ta’ ħsieb li tirrikorri tul id-digriet tar-rinviju kollu, hija t-tħassib tal-qorti tar-rinviju li l-leġiżlazzjoni dwar it-termini ta’ preskrizzjoni skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 160 tal-codice penale Taljan, kif emendat bil-Liġi Nru 251/2005, tista’ tirrifletti nuqqas sistematiku li, fil-każ ta’ numru ta’ reati fiskali fl-Italja, jista’ jwassal għall-eżenzjoni mill-piena ta’ kriminali.

78.      B’dan il-mod, it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem, minn tal-inqas impliċitament, il-kwistjoni addizzjonali dwar jekk dispożizzjoni dwar il-preskrizzjoni bħal dik Taljana hijiex kompatibbli mal-obbligu tal-Istati Membri skont id-dritt tal-Unjoni li jimponu sanzjonijiet għall-irregolaritajiet fil-qasam tal-VAT. Mingħajr diskussjoni ta’ din il-kwistjoni addizzjonali, ebda risposta utli għat-talba għal deċiżjoni preliminari ma hija konċepibbli.

79.      Ser nindirizza issa, l-ewwel nett, jekk leġiżlazzjoni bħal dik stabbilita mid-dritt Taljan tissodisfax l-obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet effettivi fil-każ ta’ ksur kontra d-dritt tal-Unjoni (ara, t-Taqsima 1 iktar ’il quddiem), qabel ma nittratta l-obbligu iktar speċifiku tal-Istati Membri li jippenalizzaw bis-saħħa tad-dritt penali frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara t-Taqsima 2 iktar ’il fuq).

1.      L-obbligu ġenerali li jiġu imposti sanzjonijiet effettivi

80.      Huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li finalment huwa dderivat mid-dmir għal kooperazzjoni leali (Artikolu 4(3) TUE), li fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni minn individwi, l-Istati Membri għandhom jipprovdu pieni li jkunu ta’ natura effettiva, proporzjonata u dissważiva (40), u ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu wkoll, minn tal-inqas, ikun punibbli taħt kundizzjonijiet, kemm sostantivi kif ukoll proċedurali, li jkunu simili għal dawk applikabbli għall-ksur tad-dritt nazzjonali ta’ natura u ta’ gravità simili (41). Dawn il-prinċipji għandhom finalment il-karatteristiċi speċifiċi tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.

81.      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-Kummissjoni sostniet waqt is-seduta, li fid-dritt Taljan, hemm effettivament reati li ma huma suġġetti għal ebda terminu ta’ preskrizzjoni assolut. Kieku dawn kienu jinkludu reati fil-qasam tal-kriminalità ekonomika, li huma ekwivalenti għall-frodi tal-VAT, lanqas ma jkun jista’ jiġi applikat terminu ta’ preskrizzjoni għall-frodi tal-VAT.

82.      Il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement irreferiet b’mod espliċitu għar-rekwiżit ta’ penalitajiet ta’ natura effettiva, proporzjonata u dissważiva li huwa l-konsegwenza tal-prinċipju ta’ effettività anki fir-rigward tal-qasam tal-VAT. Flimkien ma’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112, il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet ibbażat ruħha fuq id-dmir ta’ lealtà tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4(3) TUE (42).

83.      Fil-qasam tal-VAT, sistema ta’ sanzjonijiet li tiffunzjona fir-rigward tal-ksur kontra d-dritt tal-Unjoni hija partikolarment importanti, peress li ma tiżgurax biss it-trattament ugwali tal-kumpanniji kollha li joperaw fis-suq intern, iżda, hija wkoll intiża li tosserva l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li r-riżorsi proprji tagħha jinkludu proporzjon mill-VAT imposta mill-Istati Membri (43). Skont l-Artikolu 325 TFUE, l-Istati Membri huma obbligati jiġġieldu kontra attivitajiet illegali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ “miżuri dissważivi u effettivi” (44). L-istess jirriżulta mir-Regolament Nru 2988/95, li jservi wkoll sabiex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

84.      Huwa minnu li la mill-ispeċifikazzjonijiet tad-dritt primarju (Artikolu 4(3) u Artikolu 325 TFUE) u lanqas mid-dritt sekondarju rilevanti (Regolament Nru 2988/95 u Direttiva 2006/112) ma jirriżulta jimponu obbligu fuq l-Istati Membri li jippenalizzaw irregolaritajiet fil-qasam tal-VAT neċessarjament b’mod kriminali. Kuntrarjament, l-Istati Membri huma liberi, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni PIF (45), li jagħżlu s-sanzjonijiet applikabbli, bil-konsegwenza li anki s-sistema nazzjonali, inġenerali, tista’ tinkludi kombinazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi u sanzjonijiet kriminali (46). Madankollu, il-kunċett ta’ “sanzjoni” intrinsikament jimplika li l-Istati Membru ma għandhomx sempliċement jillimitaw ruħhom li jimponu l-VAT li xorta waħda hija dovuta, possibbilment flimkien ma’ interessi moratorji.

85.      Madankollu, il-pieni effettivament applikati fl-Istat Membru kkonċernat, kemm jekk huma ta’ natura amministrattiva kif ukoll jekk kriminali, jeħtieġu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi (47). Meta Stat Membru jwaqqaf is-sistema nazzjonali ta’ sanzjonijiet tiegħu fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet amministrattivi u kriminali, fuq żewġ pilastri li la individwalment u lanqas kollettivament ma jissodisfaw il-kriterji ta’ effikaċja, ta’ proporzjonalità u ta’ deterrenza, ikun qed jikser ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

86.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk is-sanzjonijiet previsti fis-sistema nazzjonali humiex effettivi, proporzjonati u dissważivi. Bħala parti minn l-evalwazzjoni, id-dispożizzjoni li tipprovdi s-sanzjonijiet għandha tiġi analizzata b’riferiment għall-irwol tagħha fil-leġiżlazzjoni kollha kemm hi, inkluż il-progress u l-karatteristiċi speċjali tal-proċedura quddiem l-awtoritajiet nazzjonali differenti, f’kull każ li fih tqum din il-kwistjoni (48).

87.      Kif diġà sostnejt fil-konklużjonijiet Berlusconi et (49), fil-prinċipju ma hemm ebda raġuni li għaliha l-Istati Membri ma għandhomx jissuġġettaw għall-preskrizzjoni pieni li huma meħtieġa jintroduċu taħt id-dritt tal-Unjoni, peress li termini ta’ preskrizzjoni bħal dawn iservu sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tal-konvenuti u, fil-prinċipju, ma jeskludux impożizzjoni effettiva ta’ pieni. Barra minn hekk, anki l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għas-sanzjonijiet amministrattivi stabbiliti f’tali artikolu.

88.      Għandu jiġi żgurat, madankollu, li d-dispożizzjonijiet tal-preskrizzjoni applikabbli ma jkollhomx l-effett ġenerali li jimminaw l-effettività u d-dissważività tas-sanzjonijiet previsti. Konsegwentement, irregolaritajiet fil-qasam tal-VAT ma għandhomx ikunu suġġetti għal pieni sempliċement teoretikament. Is-sistema ta’ pieni għandha pjuttost titfassal b’tali mod li tiżgura li kull min jippreżenta informazzjoni falza fir-rigward tal-VAT jew min jipparteċipa f’attivitajiet kriminali, fil-fatt ikun konxju mill-impożizzjoni tal-pieni (50).

89.      Barra minn hekk, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-interazzjoni possibbli bejn pieni kriminali u pieni amministrattivi. B’dan il-mod, nuqqasijiet fis-sistema ta’ sanzjonijiet kriminali jistgħu jippreġudikaw is-sistema penali amministrattiva. Dan ikun il-każ, pereżempju, jekk id-dritt nazzjonali jipprevedi li proċeduri amministrattivi għandhom jiġu sospiżi tul il-proċeduri kriminali (51) u, ladarba t-terminu ta’ preskrizzjoni jkun skada, ma jkunux jistgħu jissoktaw mill-ġdid peress li l-ksur inkwistjoni jkun preskritt skont il-kriterji pprovduti fid-dritt amministrattiv.

90.      F’dan il-kuntest, huwa xieraq li jsir riferiment għall-każistika dwar ċerti regoli proċedurali fid-dritt fiskali Taljan. Skont din il-każistika, għalkemm l-Istati Membri, taħt ċerti ċirkustanzi, jistgħu jtemmu proċeduri fiskali li jissoktaw fuq perijodu twil (52), huma madankollu ma jistgħux jirrinunzjaw b’mod ġenerali u nondiskriminatorju milli jiġu vverifikati t-tranżazzjonijiet taxxabbli li saru matul sensiela ta’ perijodi taxxabbli mill-perspettiva ta’ obbligu possibbli għall-ħlas tal-VAT (53).

91.      Jekk, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji kollha, l-effett fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-termini ta’ preskrizzjoni jkun li, bis-saħħa ta’ din il-leġiżlazzjoni, il-pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, fir-realtà ser jiġu possibbilment imposti biss rarament, din il-leġiżlazzjoni tkun tikkontradixxi l-obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet effettivi għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni (54).

2.      L-obbligu speċifiku li jiġu pprovduti sanzjonijiet penali effettivi

92.      Minbarra l-obbligu ġenerali li jiġu imposti sanzjonijiet effettivi, li għadu kif ġie indirizzat, hemm obbligu ieħor speċifiku tal-Istati Membri li jippenalizzaw b’sanzjonijiet kriminali frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

93.      Dan l-obbligu li jiġu pprovduti sanzjonijiet kriminali jirriżulta mill-Konvenzjoni PIF, b’mod partikolari mill-Artikolu 2(1) tagħha, li jeżiġi li l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandha tkun punibbli permezz ta’ pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi; f’każijiet serji ta’ frodi, għandhom saħansitra jiġu previsti pieni ta’ priġunerija.

94.      Huwa minnu li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni PIF b’mod strett u jixtieq jeskludi l-VAT minnu. Fir-rapport ta’ spjegazzjoni tiegħu (55) huwa adotta l-pożizzjoni li, għall-finijiet tal-Konvenzjoni PIF, “dħul” ifisser l-ewwel żewġ kategoriji ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni, jiġifieri, minn naħa, id-dazji, u min-naħa l-oħra, ċerti imposti u ħlasijiet fil-qasam tal-agrikoltura. Kuntrarjament, il-Kunsill huwa tal-fehma li d-dħul tal-Unjoni fis-sens tal-Konvenzjoni PIF ma jinkludix dħul mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi tal-VAT mill-Istati Membri, peress li dawn ir-riżorsi ma jinġabrux direttament għall-kont tal-Unjoni.

95.      Konsegwentement, bħall-fehma tal-Kunsill espressa fir-rapport ta’ spjegazzjoni, li kienet ukoll ikkonfermata mill-Ġermanja fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni li jiġu imposti sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ irregolaritajiet fil-qasam tal-VAT ma huwiex applikabbli (56).

96.      Madankollu, ir-rapport ta’ spjegazzjoni tal-Kunsill huwa sempliċement l-espressjoni legalment mhux vinkolanti ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, li, barra minn hekk, hija stess ma hijiex parti tal-Konvenzjoni PIF, iżda sempliċement ipparteċipat fil-ħidma preparatorja tagħha billi fasslet it-test tal-konvenzjoni u rrakkomandat lill-Istati Membri jadottawh skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom (Artikolu K3(2)(c) UE).

97.      Għaldaqstant, ir-rapport ta’ spjegazzjoni tal-Kunsill ma jistax jitqies bħala interpretazzjoni awtentika tal-Konvenzjoni PIF, peress li la l-konvenzjoni stess u lanqas il-Protokoll Addizzjonali tagħha ma jagħmlu riferiment kwalunkwe għal dan ir-rapport. Interpretazzjoni legalment vinkolanti fi ħdan l-Unjoni tal-Konvenzjoni PIF hija biss il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; dan kien diġà evidenti fil-bidu tal-Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni PIF, li awtorizza lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta din il-konvenzjoni, u li issa jsegwi mit-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) u (3)(b) TUE kif ukoll mill-Artikolu 267 TFUE.

98.      Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tittratta r-rapport ta’ spjegazzjoni tal-Kunsill dwar il-Konvenzjoni PIF b’mod differenti minn stqarrijiet għall-istampa li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jippubblikaw fir-rigward ta’ atti leġiżlattivi jew mid-dikjarazzjonijiet inklużi fil-minuti meta jiġu adottati tali atti: Skont ġurisprudenza stabbilita, tali dikjarazzjonijiet ma jistgħux jintużaw għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt sekondarju jekk ma jkunx hemm riferiment għalihom f’din id-dispożizzjoni (57).

99.      Dan huwa l-każ ineżami. Sabiex jiġġustifika l-esklużjoni tal-VAT mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni PIF, fir-rapport ta’ spjegazzjoni tiegħu, il-Kunsill jirreferi biss għall-fatt li l-VAT “ma hijiex riżors proprju miġbur direttament għan-nom tal-Unjoni” (58). Madankollu, din il-kunsiderazzjoni partikolari ma hijiex inkluża fil-kliem tal-Konvenzjoni PIF u ma tistax tiġġustifika interpretazzjoni restrittiva tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

100. Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni PIF huwa ferm estiż. Skont l-Artikolu 1(1)(b) tal-konvenzjoni, jirriżulta b’mod ċar li huwa jestendi mingħajr restrizzjoni għad-“dħul” tal-Unjoni kollu mir-“[riżorsi]” tal-“[baġit] ġenerali” tagħhom. Dawn ir-riżorsi jinkludu, mhux l-inqas, ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT (59). Fl-aħħar mill-aħħar, hemm rabta diretta bejn l-impożizzjoni tal-VAT mill-Istati Membri u t-tqegħid għad-dispożizzjoni għall-baġit tal-Unjoni tar-riżorsi tal-VAT korrispondenti (60).

101. Barra minn hekk, interpretazzjoni estiża tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu fis-sens li tinkludi l-VAT, hija konformi mal-għanijiet tal-Konvenzjoni PIF, li huwa intiż, b’mod ġenerali ħafna, li jiżgura l-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li permezz tiegħu tali frodi għandu jiġi miġġieled bil-qawwa (61).

102. Min-naħa l-oħra, jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni PIF jiġi esklużivament ristrett għal każijiet ta’ frodi fil-qasam tad-dazji doganali u tal-imposti jew taxxi agrikoli, dan inaqqas sostanzjalment il-kontribuzzjoni ta’ dan l-istrument għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Tali interpretazzjoni ristretta tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni PIF, kif jidher li huwa tal-idea l-Kunsill, imur kontra r-regola li tgħid li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni minn istituzzjoni tal-Unjoni ma għandhiex taffettwa l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni (62).

103. Għaldaqstant, il-Konvenzjoni PIF timponi obbligu fuq l-Istati Membri li jippenalizzaw taħt id-dritt penali każijiet ta’ frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT, u fi kwalunkwe każ, frodi ta’ ċerta gravità. Dan l-obbligu huwa ta’ importanza partikolari ineżami peress li, minħabba ċ-ċirkustanzi li fihom ħafna drabi jkun hemm frodi fil-qasam tal-VAT, is-sanzjonijiet amministrattivi biss possibbilment ma jservux ta’ deterrent suffiċjenti. Fil-fatt, diversi individwi u kumpanniji involuti f’tali każijiet ta’ frodi fi kwalunkwe każ ikunu jinsabu f’sitwazzjoni finanzjarja estremament prekarja.

104. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk is-sanzjonijiet kriminali previsti fis-sistema nazzjonali humiex “effettivi, proporzjonati u dissważivi” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF. Din l-evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet li saru iktar ’il fuq (63); id-dispożizzjoni li tipprovdi l-piena inkwistjoni għandha tiġi eżaminata b’riferiment għall-irwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni kollha kemm hi, inklużi l-progress u l-karatteristiċi speċjali tal-proċedura quddiem id-diversi awtoritajiet nazzjonali, f’kull każ li fih tqum din il-kwistjoni.

105. Jekk, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji kollha, l-effett fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-termini ta’ preskrizzjoni jkun li, bis-saħħa ta’ din il-leġiżlazzjoni, il-pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, fir-realtà ser jiġu possibbilment imposti biss rarament, din il-leġiżlazzjoni tkun tikkontradixxi l-obbligu impost fuq l-Istati Membri taħt l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni PIF li jimponu pieni kriminali adatti għall-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

C –    L-impatt li l-inkompatibbiltà possibbli tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-preskrizzjoni mad-dritt tal-Unjoni ser ikollha fuq il-kawża prinċipali

106. Fil-każ li l-qorti tar-rinviju, fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti iktar ’il fuq, tasal għall-konklużjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-preskrizzjoni, u, b’mod partikolari, id-dispożizzjoni li hemm riferiment għaliha fit-talba għal deċiżjoni preliminari, inkluża fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 160 tal-codice penale Taljan, kif emendat bil-Liġi Nru 251/2005, tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, għandha tiġi finalment indirizzata l-kwistjoni dwar l-impatt li din il-konklużjoni għandha għall-kawża prinċipali.

107. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni (64).

108. Għal dan il-għan, huwa responsabbiltà tagħhom, l-ewwel u qabel kollox, l-obbligu li jinterpretaw u japplikaw id-dritt nazzjonali konformement mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, sa fejn ikun possibbli, il-qrati nazzjonali għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali abbażi tal-kliem u tal-iskop tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minn dawn id-dispożizzjonijiet (65). B’kunsiderazzjoni għad-dritt nazzjonali kollu u b’applikazzjoni tal-metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti mid-dritt nazzjonali, huma għandhom jagħmlu dak kollu possibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom sabiex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jkunu kompletament effettivi u sabiex jilħqu eżitu li huwa konformi mal-għan imfittex mid-dritt tal-Unjoni (66).

109. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju jkollha teżamina jekk, permezz ta’ interpretazzjoni konformement mad-dritt tal-Unjoni, jistax jintlaħaq eżitu li l-effett tiegħu jkun is-sospensjoni tal-preskrizzjoni, sakemm tkun pendenti l-kawża prinċipali quddiem il-qrati kriminali Taljani, jew mill-inqas quddiem organi ġudizzjarji partikolari.

110. L-obbligu tal-interpretazzjoni konformement mad-dritt tal-Unjoni, madankollu, huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (67).

111. Jekk il-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, ma tistax tikseb eżitu konformi mad-dritt tal-Unjoni, din tkun obbligata tiżgura l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni, billi ma tapplikax, fejn huwa neċessarju, fuq awtorità tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni li tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk adottata sussegwentement, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna l-konstatazzjoni ta’ nullità minn qabel tagħha ta’ din id-dispożizzjoni permezz ta’ proċedura leġiżlattiva jew kostituzzjonali (68).

112. Konsegwentement, jekk ikun neċessarju, il-qorti tar-rinviju jkollha tonqos milli tapplika dispożizzjoni bħall-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 160 tal-codice penale Taljan, kif emendata nil-Liġi Nru 251/2005, jekk din id-dispożizzjoni tkun tirrifletti nuqqas sistematiku, li jipprekludi l-kisba ta’ eżitu konformi mad-dritt tal-Unjoni peress li t-termini ta’ preskrizzjoni jkunu eċċessivament qosra.

113. Madankollu, jeħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni f’iktar dettall lill-kwistjoni dwar jekk tali approċċ imurx kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ legalità tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege). Dan jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li huma l-bażi tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri (69), u li issa jgawdi l-istatus ta’ dritt fundamentali tal-Unjoni skont l-Artikolu 49 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali. Skont il-prinċipju ta’ omoġeneità (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta), fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 tal-Karta, għandha tingħata kunsiderazzjoni b’mod partikolari lill-Artikolu 7 tal-KEDB u lill-ġurisprudenza mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB).

114. Il-prinċipju tal-legalità tal-pieni jgħid li ħadd ma għandu jinstab ħati ta’ att jew ta’ ommissjoni li ma kinux punibbli fil-mument li twettqu, skont id-dritt nazzjonali jew internazzjonali, u li ma għandhiex tiġi imposta piena iktar severa minn dik li kienet applikabbli fil-mument li twettaq ir-reat (l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta). Dan il-prinċipju huwa akkumpanjat bir-regola li d-direttivi ma jistgħux jiġu invokati direttament sabiex tiġi ddeterminata jew aggravata r-responsabbiltà kriminali (70).

115. Kuntrarjament għall-fehma ta’ G, Anakiev u tal-Gvern Taljan, madankollu, f’każ bħal dak preżenti, ma hemmx riskju ta’ kunflitt mal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni. Fil-fatt, minn perspettiva sostantiva, dan il-prinċipju jeżiġi sempliċement li l-leġiżlazzjoni tipprovdi definizzjoni ċara tar-reati u tal-pieni korrispondenti (71). Madankollu, id-dispożizzjonijiet dwar il-preskrizzjoni ma jipprovdu xejn dwar ir-responsabbiltà kriminali ta’ att jew tal-piena marbuta miegħu, iżda jikkonċernaw biss il-kwistjoni dwar jekk hijiex possibbli l-prosekuzzjoni ta’ reat u, konsegwentement, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola nullum crimen, nulla poena sine lege (72). Għall-istess raġuni, anki l-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-piena l-iktar favorevoli (it-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (73)) ma japplikax għal kwistjonijiet ta’ preskrizzjoni.

116. Huwa f’dan ir-rigward, barra minn hekk, li l-kawża preżenti tvarja fundamentalment mill-kawża Berlusconi et, li, għad-differenza ta’ din il-kawża, kienet tikkonċerna emenda tad-dispożizzjonijiet sostantivi tad-dritt nazzjonali u b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet penali applikabbli għal ċerti reati, li, inter alia, taw lok għal pieni iktar favorevoli u għaldaqstant indirettament kellhom impatt fuq il-preskrizzjoni tal-proċeduri (74).

117. Fl-isfond ta’ dan, ir-rekwiżiti dwar il-legalità tal-pieni huma kompletament issodisfatti f’każ bħal dak inkwistjoni, peress li r-responsabbiltà kriminali tal-aġir li huma akkużati bih l-imputati u l-piena korrispondenti jirriżultaw direttament mid-dritt penali Taljan, b’mod iktar preċiż mill-Artikoli 2 u 8 tad-DL 74/2000. La r-responsabbiltà kriminali u lanqas il-piena, tal-aġir inkwistjoni ma jirriżultaw direttament mid-dispożizzjonijiet taħt id-dritt tal-Unjoni bħall-Artikoli 4(3) TUE u 325 TFUE, id-Direttiva 2006/112, ir-Regolament Nru 2988/95 jew il-Konvenzjoni PIF.

118. Għaldaqstant, għad-differenza tal-kawża Berlusconi et, f’din il-kawża, l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti taħt id-dritt tal-Unjoni ma tagħtix lok, fiha nfisha, għall-obbligi min-naħa ta’ individwi u, b’mod partikolari, ma tiddeterminax jew ma taggravax ir-responsabbiltà kriminali tal-individwi. Din tkun sempliċement teħles, fuq livell proċedurali, lill-awtoritajiet nazzjonali tal-prosekuzzjoni mir-restrizzjonijiet li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni.

119. Mill-prinċipju ta’ legalità tal-pieni ma jistax jiġi dedott li r-regoli applikabbli dwar it-tul, il-proċess u l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni għandhom neċessarjament dejjem ikunu ddeterminati skont id-dispożizzjonijiet legali li kienu fis-seħħ fil-mument li fih twettaq l-att. Ma teżisti ebda aspettattiva leġittima f’dan ir-rigward.

120. Il-perijodu ta’ żmien li fih tista’ ssir il-prosekuzzjoni ta’ reat jista’ pjuttost jiġi emendat anki wara li jkun twettaq ir-reat, sakemm it-terminu ta’ preskrizzjoni ma jkunx skada (75). Fl-aħħar mill-aħħar, is-sitwazzjoni hawnhekk tixbah lil dik fil-kuntest ta’ applikazzjoni ta’ regoli proċedurali ġodda għal sitwazzjonijiet, li filwaqt li nbdew fil-passat, għadhom ma ntemmux (76).

121. Fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, dan ifisser li, fil-każijiet kollha fejn il-preskrizzjoni ma tkunx għadha skadiet (77), hemm marġni diskrezzjonali sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati tal-Istati Membri jridu jeżawrixxu b’mod sħiħ, b’kunsiderazzjoni debita għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, meta japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

122. Madankollu, dan ma jfissirx li termini ta’ preskrizzjoni ġodda jiġu direttament dedotti mid-dritt tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, ma hemm ebda dispożizzjonijiet fl-Artikoli 4(3) TUE u 325 tat-TFUE, fir-Regolament Nru 2988/95 u fil-Konvenzjoni PIF li huma suffiċjentement speċifiċi b’mod li jkunu jistgħu jiġu applikati direttament fir-rigward ta’ individwi. L-istess japplika, anki minħabba n-natura legali tagħha, għad-Direttiva 2006/112 (78).

123. It-tul u l-proċess tat-termini ta’ preskrizzjoni għandhom pjuttost ikunu s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt nazzjonali li huma konformi mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, id-dritt tal-Unjoni jkollu, l-iktar l-iktar, effett indirett fuq il-kawża prinċipali, sa fejn jgħin lill-qorti nazzjonali tistabbilixxi l-kriterji korretti sabiex tapplika d-dritt nazzjonali konformement mad-dritt tal-Unjoni.

124. Din ma timplikax l-abolizzjoni sħiħa tal-preskrizzjoni iżda l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni adatta dwar il-preskrizzjoni (79), li trendi l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fi smigħ xieraq ta’ tul raġonevoli (Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB) prospett realistiku.

125. Fost il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-qorti tar-rinviju f’dan il-kuntest hemm, b’mod partikolari, l-applikazzjoni tar-regoli tal-preskrizzjoni mingħajr it-terminu ta’ preskrizzjoni assolut kif previst fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 160 tal-codice penale Taljan, kif emendat bil-Liġi Nru 251/2005. Kif diġà sostnejt (80), jidher minn informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li d-dritt Taljan jipprevedi reati, inkluż fil-qasam tal-kriminalità ekonomika, li fir-rigward tagħhom ma japplika ebda terminu ta’ preskrizzjoni assolut.

126. Sussidjarjament, jista’ jiġi kkunsidrat l-approċċ li jiġu applikati termini ta’ preskrizzjoni riveduti għal reati fiskali, li ġew estiżi b’terz, kif hemm ipprovdut preżentement fil-Liġi Nru 148/2011 (81) (82). Fl-aħħar nett, possibbiltà oħra tista’ tkun li r-regoli ta’ preskrizzjoni preċedenti, kif kienu jirriżultaw mill-codice penale Taljan fil-verżjoni tiegħu qabel l-emenda bil-Liġi Nru 251/2005, jitqiesu li għadhom applikabbli għall-każ preżenti.

127. Liema minn dawn il-possibbiltajiet tintgħażel hija fl-aħħar mill-aħħar kwistjoni tad-dritt nazzjonali u l-interpretazzjoni tiegħu, li l-evalwazzjoni tagħha għandha ssir biss mill-qorti nazzjonali. Mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, l-uniku rekwiżit huwa li s-soluzzjoni adottata tkun applikata fi smigħ xieraq (Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB) b’mod nondiskriminatorju u tkun ibbażata fuq kriterji ċari, komprensibbli, kif ukoll applikabbli b’mod ġenerali.

VII – Konklużjoni

128. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari mressqa mit-Tribunale di Cuneo:

1)      L-Artikoli 4(3) TUE u 325 tat-TFUE, ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 u d-Direttiva 2006/112/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jeżiġu lill-Istati Membri jipprovdu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fir-rigward ta’ irregolaritajiet fil-qasam tal-VAT.

2)      L-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Lulju 1995, jobbliga lill-Istati Membri jippenalizzaw frodi fil-qasam tal-VAT permezz ta’ pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi, li, minn tal-inqas fil-każijiet serji ta’ frodi, għandhom jinkludu wkoll pieni ta’ priġunerija.

3)      Dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali dwar it-termini ta’ preskrizzjoni ta’ proċeduri li, minħabba raġunijiet sistematiċi, ikollha l-effett li f’numru ta’ każijiet li jeżentaw mill-pieni lil persuni responsabbli għal frodi fil-qasam tal-VAT, hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq. Fi proċeduri kriminali pendenti, il-qrati nazzjonali għandhom jonqsu milli japplikaw tali dispożizzjoni.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Ara l-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom, tas-7 ta’ Ġunju 2007, dwar is-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 163, p. 17) (iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji”).


3 – Sentenza Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270).


4 – Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).


5 – Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fil-Lussemburgu fis-26 ta’ Lulju 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 8, p. 57). L-abbrevjazzjoni “PIF” tikkorrispondi għat-terminu bil-Franċiż ta’ “protezzjoni tal-interessi finanzjarji” (“protection des intérêts financiers”).


6 – Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistemi komuni fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).


7 – Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat bit-Trattat ta’ Maastricht.


8 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 9.


9 – Kodiċi Kriminali.


10 – GURI Nru 285 tas-7 ta’ Diċembru 2005.


11 – Digriet Leġiżlattiv.


12 – Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 74/2000 huwa intitolat “Nuova disciplina dei reati in materia di imposte sui redditi e sul valore aggiunto” (Dispożizzjonijiet ġodda li jirregolaw reati fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul u tal-VAT), ippubblikat f’GURI Nru 76 tal-31 ta’ Marzu 2000.


13 – Il-frażi “missing traders” (kummerċjanti nieqsa) tirreferi għal kumpanniji li huma esklużivament involuti fil-produzzjoni ta’ dokumenti fiskali għall-finijiet tal-evażjoni tat-taxxa.


14 – Fil-lingwa tal-kawża: udienza preliminare.


15 – Minn dak iż-żmien, il-funzjonijiet tat-Tribunale di Mondovi ġew amalgamati ma’ dawk tat-Tribunale di Cuneo.


16 – Giudice dell’Udienza Preliminare.


17 – L-uniċi eċċezzjonijiet għall-ġurisdizzjoni tagħha li tagħti deċiżjonijiet preliminari huma ċerti partijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirrigwardaw il-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni (ara s-sitt sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275(1) TFUE).


18 – Sentenzi Cowan (186/87, EU:C:1989:47, punt 19), Placanica (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133, punt 68) u Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 33).


19 – Sentenza Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 27 u 28).


20 – Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta’ Maastricht.


21 – Protokoll Nru 36 tat-Trattat UE u tat-Trattat FUE (ĠU 2008, C 115, p. 322).


22 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Weryński (C‑283/09, EU:C:2011:85, punti 30 u 31).


23 – Protokoll li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ deċiżjoni preliminari, iffirmat fi Brussell fid-29 ta’ Novembru 1996 (ĠU 1997, C 151, p. 1). Bħall-Konvenzjoni PIF infisha, dan il-Protokoll Addizzjonali ġie konkluż fuq il-bażi tal-Artikolu K3(2)(c) UE u daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Ottubru 2002.


24 – Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat bit-Trattat ta’ Amsterdam.


25 – Ara, minn naħa, id-dikjarazzjoni tar-Repubblika Taljana skont l-Artikoli 35(2) u (3)(b) UE (notifika ppubblikata fil-ĠU 1999, L 114, p. 56) u, min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni tar-Repubblika Taljana tad-19 ta’ Lulju 2002 fil-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni PIF, din tal-aħħar disponibbli fuq is-sit internet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (kif aġġornata fl-20 ta’ Frar 2015): http://www.consilium.europa.eu/fr/documents-publications/agreements-conventions/ratification/?v=decl&aid=1996090&pid=I.


26 – Sentenzi Beck u Bergdorf (C‑355/97, EU:C:1999:391, punt 22), Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 46) u Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 54).


27 – Sentenzi Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 61), Beck u Bergdorf (C‑355/97, EU:C:1999:391, punt 22), Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 46) u Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 53 u 54).


28 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270) u Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105).


29 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270) u d-digriet Mulliez et (C‑23/03, C‑52/03, C‑133/03, C‑337/03 u C‑473/03, EU:C:2006:285), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ma rreferietx għall-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma minn diversi partijiet fil-kawża prinċipali, iżda rrispondiet immedjatament għall-kontenut tad-domandi preliminari.


30 – Ara l-punti 57 sa 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il quddiem.


31 – Fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza E u F (C‑550/09, EU:C:2010:382) irrispondiet għal talba għal deċiżjoni preliminari ta’ qorti Ġermaniża li wkoll kienet teżiġi deċiżjoni dwar il-ftuħ abbażi ta’ att ta’ akkuża mfassal mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku. Ara, barra minn hekk, b’mod iktar ġenerali, is-sentenzi AGM-COS.MET (C‑470/03, EU:C:2007:213, punt 45) u Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415, punti 28 sa 32).


32 – Sentenzi Asjes et (209/84 sa 213/84, EU:C:1986:188, punti 71 u 72), Vlaamse Reisbureaus (311/85, EU:C:1987:418, punt 10), Cipolla et (C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punti 46 u 47) kif ukoll API et (C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13, EU:C:2014:2147, punti 28 u 29).


33 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑156/98, EU:C:2000:467, punt 22), Il-Kummissjoni vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punti 72 u 73), 3M Italia (C‑417/10, EU:C:2012:184, punti 41 sa 44) kif ukoll P (C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 18).


34 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 74 sa 121 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35 – L-aħħar punt huwa enfasizzat fis-sentenza Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (C‑484/08, EU:C:2010:309, punt 46), b’referenza għall-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħ b’kompetizzjoni libera, li huwa wkoll stabbilit fl-Artikolu 119 TFUE.


36 – Ara, fl-istess sens, is-sentenza Échirolles Distribution (C‑9/99, EU:C:2000:532, punt 25), għal darba oħra fir-rigward tal-prinċipju tal-ekonomija tas-suq miftuħ b’kompetizzjoni libera, stabbilit fl-Artikolu 119 TFUE


37 – Sentenzi Franzén (C‑189/95, EU:C:1997:504, punt 79) u Belgian Electronic Sorting Technology (C‑657/11, EU:C:2013:516, punt 28) kif ukoll Deċiżjoni Szabó (C‑204/14, EU:C:2014:2220, punt 16).


38 – Sentenzi Alsatel (247/86, EU:C:1988:469, punti 7 u 8) u Hennen Olie (C‑302/88, EU:C:1990:455, punt 20); ara wkoll il-konklużjonijiet reċenti tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Wagner-Raith (C‑560/13, EU:C:2014:2476, punti 16 sa 48).


39 – Sentenzi SARPP (C‑241/89, EU:C:1990:459, punt 8), Ritter-Coulais (C‑152/03, EU:C:2006:123, punt 29), Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 42), Aventis Pasteur (C‑358/08, EU:C:2009:744, punt 50) u Centre public d’action sociale d’Ottignies-Louvain-La-Neuve (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 37).


40 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (68/88, EU:C:1989:339, punt 24), Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270, punt 65), Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 94) u Fiamingo et (C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punti 62 u 64).


41 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (68/88, EU:C:1989:339, punti 23 u 24) u Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270, punti 64 u 65); ara fl-istess sens, is-sentenza SGS Belgium et (C‑367/09, EU:C:2010:648, punt 41).


42 – Sentenza Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 25 u 36).


43 – L-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji; ara wkoll is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑132/06, EU:C:2008:412, punt 39) u Belvedere Costruzioni (C‑500/10, EU:C:2012:186, punt 22) kif ukoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑539/09, EU:C:2011:733, punti 71 u 72).


44 – Sentenza Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 26 u 36).


45 – Ara l-punti 92 sa 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46 – Sentenza Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 34). Mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2988/95 jidher ċar li l-Istati Membri huma liberi li jirrikorru għal pieni kriminali.


47 – Ara, f’dan is-sens, anki jekk f’kuntest differenti, is-sentenzi von Colson und Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 28), Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punti 102 sa 104) u Fiamingo et (C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 61 l-aħħar parti).


48 – Kif diġà stqarrejt fil-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2004:624, punt 91).


49 – Ara, mill-ġdid, il-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2004:624, punt 107).


50 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2004:624, punt 108).


51 – Din il-possibbiltà hija pprovduta lill-Istati Membri permezz tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2988/95.


52 – Sentenza Belvedere Costruzioni (C‑500/10, EU:C:2012:186, punt 28).


53 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑132/06, EU:C:2008:412, punti 43 sa 47 u 52).


54 – Fl-istess sens, ara l-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2004:624, punt 110).


55 – Rapport ta’ spjegazzjoni marbut mal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, approvat mill-Kunsill fis-26 ta’ Mejju 1997 (ĠU 1997, C 191, p. 1); ara, b’mod partikolari l-aħħar paragrafu tal-ispjegazzjonijiet tal-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni (ĠU 1997, C 191, p. 4,).


56 – Skont il-fehma tal-Gvern Ġermaniż, l-inklużjoni tal-VAT fl-oqsma li fihom id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-Istat Membri jintroduċi pieni kriminali hija biss ipprovduta fi proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni li għadha pendenti: Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni kriminali tal-interessi finanzjarji tal-Komunità, KUMM(2001), 272 finali (ĠU C 240 E, p. 125).


57 – Sentenzi Antonissen (C‑292/89, EU:C:1991:80, punt 18), Skov u Bilka (C‑402/03, EU:C:2006:6, punt 42) u Quelle (C‑404/06, EU:C:2008:231, punt 32).


58 – Ara, dwar dan, l-estratt rilevanti mir-Rapport ta’ spjegazzjoni fil-ĠU 1997, C 191, p. 4, l-aħħar paragrafu.


59 – Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji.


60 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑539/09, EU:C:2011:733, punt 72) u Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 26).


61 – Il-premessi 1 u 2 tal-Att tal-Kunsill li jfassal il-Konvenzjoni PIF (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 9).


62 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑437/04, EU:C:2007:178, l-aħħar parti tal-punt 56).


63 –      Ara, iktar ’il fuq, il-punti 86 sa 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


64 – Rapport 1/09 (EU:C:2011:123, punt 68); fir-rigward b’mod partikolari tad-direttivi, ara, barra minn hekk, inter alia, is-sentenza Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 48).


65 –      Dwar l-interpretazzjoni konformi mad-dritt primarju, ara s-sentenzi Murphy et (157/86, EU:C:1988:62, punt 11) u ITC (C‑208/05, EU:C:2007:16, punt 68); dwar l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformement mad-dritt sekondarju, ara s-sentenzi Marleasing (C‑106/89, EU:C:1990:395, punt 8), Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 113), Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 24) u Asociaţia Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 71).


66 – Sentenzi Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punti 115 sa 119), Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 111), Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 27), Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 38) u Schoenimport “Italmoda” Mariano Previti (C‑131/13, C‑163/13 u C‑164/13, EU:C:2014:2455, punt 52); b’mod simili, diġà kien hemm is-sentenza von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 28: “sa fejn permess mill-marġni ta’ diskrezzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha”).


67 – Sentenza Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 39); ara, barra minn hekk, is-sentenzi Kolpinghuis Nijmegen (80/86, EU:C:1987:431, punt 13) u Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 110).


68 – Sentenzi Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49, punti 21 u 24), Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 43) u Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 45).


69 – Sentenzi Advocaten voor de Wereld (C‑303/05, EU:C:2007:261, punt 49) u Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 70).


70 – Sentenzi X (14/86, EU:C:1987:275, punt 20), Kolpinghuis Nijmegen (80/86, EU:C:1987:431, punt 13), X (C‑74/95 u C‑129/95, EU:C:1996:491, punt 24), Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270, punt 74) kif ukoll Grøngaard u Bang (C‑384/02, EU:C:2005:708, punt 30).


71 – Sentenzi Advocaten voor de Wereld (C‑303/05, EU:C:2007:261, punt 50), Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 71) u Lafarge vs Il-Kummissjoni (C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 94).


72 – Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza tat-22 Ġunju 2000, Coëme et vs Il-Belġju (rikors Nru 32492/96 et, Recueil des arrêts et décisions 2000-VII, punt 149), u tas-17 ta’ Settembru 2009, Scoppola vs L-Italja (Nru 2) (rikors Nru 10249/03, punt 110); marbuta mas-sentenza tal-QEDB Coëme et vs Il-Belġju: Qorti Kostituzzjonali Taljana (Corte costituzionale), sentenza Nru 236 tad-19 ta’ Lulju2011, punt 15; li ngħatat preċedentement, fl-istess sens, il-Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża (BVerfGE 25, 269, 286 et seq.).


73 – Dwar il-fatt li dan il-prinċipju huwa mnaqqax fit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri kif ukoll fil-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ara, barra minn hekk, is-sentenza Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270, punt 68 u 69) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (EU:C:2004:624, punti 155 sa 157). Il-QEDB ukoll reċentement irrikonoxxiet dan il-prinċipju fil-kuntest tal-Artikolu 7 tal-KEDB (is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Scoppola vs L-Italja [Nru 2], rikors Nru 10249/03, punti 105 sa 109).


74 – Ara s-sentenza Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270, punti 18 sa 22) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (EU:C:2004:624, punt 31).


75 – QEDB, sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2000, Coëme et vs Il-Belġju (rikors Nru 32492/96 et, Recueil des arrêts et décisions 2000-VII, punt 149).


76 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Meridionale Industria Salumi et (212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270, punt 9), Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, EU:C:2002:57, punt 49), Molenbergnatie (C‑201/04, EU:C:2006:136, punt 31) u Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 45) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Moravia Gas Storage (C‑596/13 P, EU:C:2014:2438, punt 28 sa 31).


77 –      Fil-każ tal-akkużat G. Anakiev, l-atti li huma s-suġġett tal-akkuża, skont l-informazzjoni tal-qorti tar-rinviju, diġà huma preskritti.


78 – Sentenzi Arcaro (C‑168/95, EU:C:1996:363, punt 36), X (C‑74/95 u C‑129/95, EU:C:1996:491, punt 23) u Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270, punt 73).


79 – Ara, kif diġà semmejt iktar ’il fuq, il-punti 87 u 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


80 – Ara, iktar ’il fuq, punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


81 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punt (l) tal-Artikolu 2(36) (GURI Nru 216 tas-16 ta’ Settembru 2011).


82 – Wieħed mill-imputati, G. Anakiev, irrefera għal dawn id-dispożizzjonijiet l-ġodda fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.