Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' April 2009 - Gem-Year u Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang) vs Il-Kunsill

(Kawża T-172/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Gem-Year Industry Co. Ltd u Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang) Co. Ltd (rappreżentanti: K. Adamantopoulos u Y. Melin, lawyers)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 tas-26 ta' Jannar 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, sa fejn

wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni tal-fatti sabiex jikkonkludi li l-produtturi Komunitarji li ressqu l-ilment kellhom locus standi, bi ksur tal-Artikolu 5(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku;

kiser l-Artikolu 1(1), (2) u (4), l-Artikolu 2(8) u l-Artikolu 5(2) u (10) tar-Regolament bażiku billi imponiet dazji anti-dumping fir-rigward ta' diversi prodotti differenti;

kiser l-Artikolu 3(3) u (4) tar-Regolament bażiku peress li jistabbilixxi l-industrija Komunitarja sostniet ħsara materjali abbażi ta' żball manifest ta' evalwazzjoni tal-fatti tal-każ;

b'mod inġustifikat jiċħad it-talbiet għal trattament ta' ekonomija tas-suq ta' prodotturi esportaturi Ċiniżi bi ksur tat-tieni part tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku;

jikser l-Artikolu 2(7)(ċ) kif interpretat fid-dawl tal-Ftehim WTO u l-paragrafu 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina fil-WTO, peress li ċaħad it-talba għal trattament ta' ekonomija tas-suq tal-prodotturi li joperaw fl-industrija tal-qfieli bbażata fuq sitwazzjoni li teżisti f'industrija oħra;

il-konstatazzjonijiet tiegħu huma bbażati fuq informazzjoni insuffiċjenti bi ksur tal-obbligu li kull każ individwali jiġi eżaminat fl-aspetti rilevanti kollha tiegħu bir-reqqa u b'imparzjalità, kif iggarantit mis-sistema legali Komunitarja fi proċeduri amministrattivi;

jikser l-Artikoli 1(1)u 1(2), l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8, l-Artikolu 10(1), l-Artikolu 11 u l-Artikolu 15 tar-regolament bażiku kontra s-sussidji, peress li juża r-rifjut tat-trattament tal-ekonomija tas-suq sabiex jikkumpensa sussidji;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti qed jitolbu l-annullament tar-Regolament (KE) Nru 91/2009 tas-26 ta' Jannar 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina1, abbażi ta' dawn ir-raġunijiet:

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni tal-fatti applikati fil-kawża sabiex ikkonkluda li l-persuni li ressqu l-ilment kellhom locus standi taħt l-Artikolu 5(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku2, peress li allegatament huwa kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-marġni ta' żball fl-istatistiċi li uża sabiex jikkalkola l-produzzjoni totali Komunitarja u kien imissu għaldaqstant ikkoreġa din il-figura. Minbarra dan, ir-rikorrenti jsostnu li r-regolament ikkontestat jikser l-Artikoli 1(1), (2) u (4), 2(8), 5(2) u (10) tar-Regolament bażiku billi impona dazji anti-dumping kontra diversi prodotti differenti, fejn investigazzjoni anti-dumping ma tistax tkopri iktar minn prodott wieħed. Minbarra dan, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni tal-fatti tal-każ u kiser l-Artikolu 3(3) u (4) tar-Regolament bażiku meta kkonkluda fil-Premessa 161 tar-regolament ikkontestat li l-industrija Komunitarja sostniet ħsara materjali, filwaqt li din il-konstatazzjoni hija bbażata biss fuq indikatur ta' ħsara negattiv wieħed, fuq sejba kuntradittorja, u fuq diversi valutazzjonijiet spekulattivi.

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li r-Regolament ikkontestat jkiser it-tieni parti tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ), peress li ċaħad it-talba għal trattament ta' ekonomija tas-suq ta' produtturi esportaturi Ċiniżi għar-raġuni li l-ispejjeż tal-inputs prinċipali tagħhom ma kinux jirriflettu prezz tas-suq mhux distort u li huwa internazzjonali, filwaqt li din id-dispożizzjoni sempliċement teħtieġ lill-kumpanniji li qed jitolbu trattament ta' ekonomija tas-suq li juru li huma jixtru l-input prinċipali tagħhom b'valur tas-suq.

Minbarra dan, qed jiġi sostnut li r-regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 2(7)(ċ) kif interpretat fid-dawl tal-Ftehim WTO u l-paragrafu 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina fil-WTO, peress li ċaħad it-talba għal trattament ta' ekonomija tas-suq ta' produtturi fl-industrija tal-qfieli bbażata fuq sitwazzjoni li teżisti f'industrija oħra. Minbarra dan, ir-rikorrenti jsostnu li l-konklużjonijiet tar-regolament ikkontestat huma bbażati fuq informazzjoni insuffiċjenti bi ksur tal-obbligu li kull każ individwali jiġi eżaminat fl-aspetti rilevanti kollha tiegħu bir-reqqa u b'imparzjalità, kif iggarantit mis-sistema legali Komunitarja fi proċeduri amministrattivi.

Fl-aħħar nett, ir-rkorrenti jsostnu li r-regolament ikkontestat jikser l-Artikoli 1(1) u (2), l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1) tar-regolament bażiku kontra s-sussidji3 peress li ma stabbiliex jekk is-sussidji kkonstatati matul l-investigazzjoni anti-dumping kinux sussidji hekk kif iddefiniti f'dawn l-artikoli; fi kliem ieħor, li kontribuzzjoni finanzjarja seħħet, kienet speċifika, tat benefiċċju u li l-industrija UE sostniet dannu bħala konsegwenza ta' dan. Bl-istess mod, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni qatt ma analizzat il-ħsara, skont l-Artikolu 8 tar-regolament bażiku kontra s-sussidji, jew ma kkalkolat il-benefiċċju mogħti lill-benefiċjarju kif stipulat fl-Artikoli 5 u 6 ta' dan ir-regolament. Minbarra dan, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma segwietx il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 10(1) u (11), u lanqas ma stabbiliet, abbażi tal-fatti, l-eżistenza ta' sussidju ta' kumpens u ħsara kkawżata minħabba dan kif meħtieġ mill-Artikolu 15 tar-regolament bażiku kontra s-sussidji peress li tuża r-rifjut tat-trattament tal-ekonomija tas-suq sabiex tikkumpensa sussidji.

____________

1 - ĠU L 29, 31.1.2009

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 340, p. 17)

3 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta' Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità (ĠU L 288, p. 1)