Language of document : ECLI:EU:T:2013:9

Kawża T‑182/10

Associazione italiana delle società concessionarie per la costruzione e l’esercizio di autostrade e trafori stradali (Aiscat)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Konċessjoni diretta tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u tal-ġestjoni ulterjuri ta’ parti minn awtostrada — Deċiżjoni li li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-ilment — Rikors għal annullament — Att li jista’ jiġi kkontestat — Locus standi — Interess individwali — Ammissibbiltà — Kunċett ta’ għajnuna — Riżorsi tal-Istat”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-15 ta’ Jannar 2013

1.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Atti li jistgħu jiġu kkontestati mill-awtur ta’ lment li jallega għajnuna mill-Istat — Ittra tal-Kummissjoni li tinforma lil-lanjant bl-assenza ta’ raġunijiet suffiċjenti sabiex tiddeċiedi dwar il-każ — Deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 — Att li jista’ jiġi kkontestat

(Artikolu 108(2) u (3) TFUE u 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 4, 13 u 20(2))

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tikkwalifikax bħala għajnuna mill-Istat miżura nazzjonali mingħajr il-ftuħ ta’ proċedura ta’investigazzjoni formali — Rikors tal-persuni interessati fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet — Distinzjoni bejn ir-rikors intiż għall-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali u r-rikors li jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni

(Artikolu 108(2) u (3) TFUE u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

3.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat — Rikors ta’ assoċjazzjoni responsabbli sabiex tiddefendi l-interessi kollettivi ta’ impriża — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikolu 108(2) u (3) TFUE u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

4.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat — Rikors ta’ assoċjazzjoni responsabbli sabiex tiddefendi l-interessi kollettivi ta’ impriża — Ammissibbiltà — Ħtieġa ta’ mandat speċifiku stabbilit mill-impriżi membri — Assenza

(Artikolu 108(2) u (3) TFUE u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

5.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat — Impriża kompetitriċi tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna — Dritt għal azzjoni legali — Kundizzjonijiet — Rikors ta’ assoċjazzjoni responsabbli sabiex tiddefendi l-interessi kollettivi tal-membri tagħha — Membri tal-assoċjazzjoni affettwati individwalment — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

(Artikolu 108(2) u (3) TFUE u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

6.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat — Impriża kompetitriċi tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna — Dritt għal azzjoni legali — Kundizzjonijiet — Rikors ta’ assoċjazzjoni responsabbli sabiex tiddefendi l-interessi kollettivi tal-membri tagħha — Wiri tal-effett sostanzjali tal-pożizzjoni kompetittiva ta’ dawn — Evalwazzjoni

(Artikoli 108(2) u (3) TFUE u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Għajnuna mir-riżorsi tal-Istat — Finanzjament tal-bini ta’ parti minn awtostrada permezz taż-żieda tal-ħlas fuq partijiet oħra tal-awtostrada — Somom li jgħaddu direttament u esklużivament bejn il-kumpanniji privati li jamministraw il-partijiet ikkonċernati — Esklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

1.      Fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, l-eżami ta’ lment jirrikjedi neċessarjament il-ftuħ tal-fażi preliminari ta’ investigazzjoni li l-Kummissjoni hija obbligata tagħlaq bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE. Fl-ipoteżi fejn il-Kummissjoni tikkonstata, wara l-eżami ta’ lment, li investigazzjoni ma tippermettix li jiġi konkluż li teżisti għajnuna mill-Istat, hija għandha tirrifjuta b’mod impliċitu li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, miżura li huwa impossibbli li tiġi kkwalifikata bħala sempliċi miżura provviżorja. Għalhekk, ladarba l-lanjant ikun ippreżenta osservazzjonijiet kumplimentari wara l-ewwel ittra tal-Kummissjoni, li tinformah, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li hija tikkunsidra li ma hemmx raġunijiet biżżejjed sabiex tiddeċiedi dwar il-każ, il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament, tagħlaq il-fażi preliminari tal-eżami billi tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 4(2), (3) jew (4) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri deċiżjoni li tikkonstata l-ineżistenza tal-għajnuna, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet jew li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Barra minn hekk, sabiex jiġi determinat jekk att tal-Kummissjoni jikkostitwixxix tali deċiżjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss l-essenza tiegħu u mhux il-fatt jekk jissodisfax jew le ċerti eżiġenzi formali, li fin-nuqqas tagħhom il-Kummissjoni tkun tista’ taħrab mill-istħarriġ tal-qorti sempliċement minħabba interpretazzjoni żbaljata ta’ tali eżiġenzi formali.

L-obbligu tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni fi tmiem il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni, jew il-kwalifika ġuridika tar-reazzjoni tagħha għal ilment, huwa suġġett għal kundizzjoni dwar il-kwalità tal-informazzjoni ppreżentata mil-lanjant, jiġifieri, ir-rilevanza tagħhom jew in-natura dettaljata tagħhom. Il-livell baxx tal-kwalità tal-informazzjoni ppreżentata insostenn ta’ lment għalhekk ma jistax jeħles lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tibda l-fażi preliminari ta’ investigazzjoni u lanqas li tagħlaq dan l-eżami permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999. Tali interpretazzjoni ma timponilhiex obbligu ta’ eżami żmiżurat fil-każ fejn l-informazzjoni pprovduta mil-lanjant tkun vaga jew tikkonċerna qasam wiesa’ ħafna.

Minn dan jirriżulta li, f’każ fejn il-Kummissjoni tkun ħadet pożizzjoni fis-sens li, skont hi, il-miżuri li jilmenta dwarhom il-lanjant ma kinux jammontaw għal għajnuna mill-Istat, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkwalifikata bħala deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li jgħid, “[f]ejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni”. Tali deċiżjoni hija att li jista’ jiġi kkontestat.

(ara l-punti 27-31, 33)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 40-43)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 48)

4.      Ma huwiex neċessarju li assoċjazzjoni li l-missjonijiet statutorji tagħha jinkludu d-difiża tal-interessi tal-membri tagħha jkollha, wkoll, mandat jew prokura speċifika, stabbiliti mill-membri li hija tiddefendi l-interessi tagħhom, sabiex jiġi lilha rikonoxxut locus standi quddiem il-qrati tal-Unjoni. Bl-istess mod, sa fejn il-preżentazzjoni ta’ rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni tkun koperta mill-missjonijiet statutorji ta’ tali assoċjazzjon, il-fatt li wħud mill-membri tagħha jistgħu, sussegwentement, jieħdu distanza mill-preżentazzjoni ta’ rikors ma huwiex ta’ natura li jħassar il-locus standi tagħha.

(ara l-punti 53, 54)

5.      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn assoċjazzjoni li taġixxi fl-interess kollettiv tal-membri tagħha kontra d-deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, fl-istadju tal-ammissibbiltà, tiddeċiedi b’mod definittiv dwar ir-rapporti ta’ kompetizzjoni bejn il-membri tar-rikorrenti u l-impriża li bbenefikat mill-għajnuna. F’dan il-kuntest, hija biss l-assoċjazzjoni li għandha tindika b’mod pertinenti r-raġunijiet għalfejn l-allegata għajnuna tista’ taffettwa ħażin l-interessi leġittimi ta’ membru tagħha jew iktar billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħhom fuq is-suq inkwistjoni

(ara l-punt 60)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 61, 64-66, 69, 78, 79)

7.      Huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat li huma kkunsidrati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Din id-dispożizzjoni tkopri kull mezz pekunjarju li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex isostnu operaturi ekonomiċi, mingħajr ma huwa rilevanti jekk dawn il-mezzi jkunux jew le jagħmlu kontinwament parti mill-patrimonju tal-Istat. Konsegwentement, anki jekk is-somom li jikkorrispondu għall-miżura inkwistjoni ma humiex b’mod permanenti fil-pussess tal-awtoritajiet pubbliċi, il-fatt li huma kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat.

F’każ fejn is-somom inkwistjoni għalhekk jgħaddu direttament u esklużivament bejn kumpanniji privati, mingħajr ma xi organu pubbliku ma jikseb, anki b’mod temporanju, il-pussess jew il-kontroll tagħhom, dawn ma humiex riżorsi tal-Istat. Dan huwa l-każ meta, fil-kuntest tal-finanzjament tat-twettiq ta’ parti minn awtostrada permezz ta’ żieda tal-ħlas fuq partijiet oħra, is-somom jikkorrispondu għas-somma taż-żieda tal-ħlas huma mħallsa direttament lill-konċessjonarju tal-parti tal-awtostrada kkonċernata, minn konċessjonarji oħra, bħala kumpanniji privati.

(ara l-punti 103-105)