Language of document : ECLI:EU:F:2013:38

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

19 ta’ Marzu 2013

Kawża F‑10/12

José Joaquín Infante García-Consuegra

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Remunerazzjoni – Allowance ta’ kuljum – Trasferiment – Għoti tal-allowance ta’ kuljum – Uffiċjal li huwa proprjetarju ta’ akkomodazzjoni li tinsab fil-post ta’ assenjazzjoni l-ġdid – Prova li ġew sostnuti spejjeż ikkawżati mill-installazzjoni provviżorja fil-post ta’ assenjazzjoni l-ġdid”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu J. J. Infante García-Consuegra essenzjalment jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Mejju 2011 li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea rrifjutat li tatih il-benefiċċju tal-allowance ta’ kuljum.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati nofs l-ispejjeż sostnuti minn José Joaquín Infante García-Consuegra. José Joaquín Infante García-Consuegra għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rimbors ta’ spejjeż – Allowance ta’ kuljum – Kundizzjonijiet għall-għoti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 20 u 71; Anness VII, Artikolu 10(1))

2.      Uffiċjali – Rimbors ta’ spejjeż – Allowance ta’ kuljum – Kundizzjonijiet għall-għoti – Spejjeż u inkonvenjenzi kkawżati mill-ħtieġa li wieħed jiċċaqlaq jew li jinstalla ruħu, b’mod provviżorju, fil-lok ta’ assenjazzjoni – Oneru tal-prova tal-uffiċjal – Osservanza tal-għażla ta’ akkomodazzjoni tal-uffiċjal mill-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 20; Anness VII, Artikolu 10(1))

3.      Uffiċjali – Rimbors ta’ spejjeż – Allowance ta’ kuljum – Kundizzjonijiet għall-għoti – Spejjeż ikkawżati mill-obbligu li wieħed jirrisjedi fil-post ta’ assenjazzjoni – Kunċett – Spejjeż ikkawżati minn obbligi li jirriżultaw mill-kwalità tal-uffiċjal ta’ proprjetarju ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-lok ta’ assenjazzjoni l-ġdid – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 20; Anness VII, Artikolu 10(1))

1.      L-għan tal-Artikolu 71 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi li l-uffiċjal għandu dritt għar-rimbors tal-ispejjeż li huwa sostna, b’mod partikolari, mat-trasferiment tiegħu, huwa li jiġi evitat li l-uffiċjal ma jbatix waħdu l-ispejjeż sostnuti u li huma marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

Huwa fir-rigward ta’ dan l-għan li hemm lok li japplika l-Artikolu 10(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi l-għoti ta’ allowance ta’ kuljum lill-uffiċjal li jiġġustifika li jinsab obbligat jibdel ir-residenza sabiex jissodisfa l-obbligi tal-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri dawk li jirrisjedi fil-post tal-assenjazzjoni tiegħu jew f’distanza tali minn dan il-post li ma xxekkilx l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

L-għoti tal-allowance ta’ kuljum huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet: minn naħa, għall-kundizzjoni li tinbidel ir-residenza sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi tal-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, għall-kundizzjoni li jiġu sostnuti spejjeż jew inkonvenjenzi kkawżati min-neċessità li wieħed jiċċaqlaq jew li jinstalla ruħu b’mod provviżorju fil-post ta’ assenjazzjoni. Billi dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi, l-allowance ta’ kuljum ma tistax, b’mod partikolari, tingħata lill-uffiċjal li ma jiġġustifikax li sostna tali spejjeż jew tali inkonvenjenzi.

Għall-kuntrarju, il-leġiżlatur tal-Unjoni qatt ma ssuġġetta l-għoti tal-allowance ta’ kuljum għall-kundizzjoni, għall-uffiċjal ikkonċernat, li jiġġustifika li kellu l-obbligu li jżomm, b’mod provviżorju, residenza fil-post ta’ oriġini tiegħu jew fil-post ta’ assenjazzjoni preċedenti u li dan huwa wkoll, b’mod temporanju, sors ta’ spejjeż. Għaldaqstant ikun bi ksur tal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali kif ukoll tal-formulazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-kundizzjoni addizzjonali tat-“tieni” spiża tkun imposta mill-istituzzjoni sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-allowance ta’ kuljum.

Barra minn hekk, ħlief sabiex jiġi eskluż b’mod awtomatiku, bi ksur tar-Regolamenti tal-Persunal, lill-uffiċjali l-benefiċċju tal-allowance ta’ kuljum, ma jistax jitqies li huma biss il-persuni marbuta mal-istituzzjonijiet permezz ta’ impjieg prekarju (uffiċjali bi prova, membri tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt, esperti nazzjonali ssekondati) li jistgħu jitqiesu bħala li jinstallaw ruħhom b’mod provviżorju fil-post ta’ assenjazzjoni għaż-żmien kollu li fih ma sarx iċ-ċaqliq. Fil-fatt, dak li huwa deċiżiv f’dan ir-rigward ma hijiex in-natura prekarja tar-relazzjoni tal-impjieg, iżda s-sitwazzjoni prekarja tal-akkomodazzjoni li fiha tkun tinsab il-persuna li, skont ir-Regolamenti tal-Persunal, tkun obbligata tirrisjedi fil-post ta’ assenjazzjoni fejn hija ntalbet teżerċita l-funzjonijiet tagħha f’istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni. Il-prekarjetà tal-akkomodazzjoni fil-fatt hija kunċett distint mill-prekarjetà tal-impjieg. Uffiċjal li jbiddel il-post ta’ assenjazzjoni għaldaqstant għandu jkun jista’ jitqies bħala li nstalla ruħu, b’mod temporanju, fil-post tal-assenjazzjoni l-ġdida tiegħu.

(ara l-punti 27 sa 29, 39 u 44)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Frar 1987, Mouzourakis vs Il-Parlament, 280/85, punti 9 u 12

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Settembru 1990, Beltrante et vs Il-Kunsill, T‑48/89, punt 28; 10 ta’ Lulju 1992, Benzler vs Il-Kummissjoni, T‑63/91, punti 20 u 21

2.      Għalkemm, fil-kuntest ta’ talba għal allowance ta’ kuljum, wara l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjal, ikun l-imsemmi uffiċjal li jkollu jagħti prova li huwa sostna xi spejjeż jew xi inkonvenjenzi kkawżati min-neċessità li jiċċaqlaq jew li jinstalla ruħu b’mod provviżorju fil-post ta’ assenjazzjoni, tkun l-amministrazzjoni li jkollha tosserva l-għażla tal-persuna kkonċernata, jiġifieri l-libertà li jiddetermina li jirrisjedi, matul dan il-perijodu, kif huwa jixtieq. Għalhekk, ħlief fil-każ ta’ dubji serji jew ta’ indizji gravi fir-rigward ta’ nuqqas ta’ korrispondenza effettiva tal-ispejjeż invokati mas-sitwazzjoni reali tal-persuna kkonċernata, ma hijiex l-amministrazzjoni li għandha tikkontesta l-għażla tal-uffiċjal, li tista’ tikkonsisti li dan jirrisjedi b’mod temporanju billi jsostni xi spejjeż, pereżempju ta’ kamra ta’ lukanda jew f’appartament bl-għamara li jkun mikri, jew mingħajr ma jbati tali spejjeż, pereżempju għand membru tal-familja tiegħu jew ħabib jew saħansitra f’appartament li huwa proprjetà tiegħu.

(ara l-punt 30)

3.      Fil-kuntest ta’ talba għal allowance ta’ kuljum, wara l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjal, l-ispejjeż li l-uffiċjal fi kwalunkwe każ għandu jsostni bħala proprjetarju ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-lok ta’ assenjazzjoni, bħalma huma l-ispejjeż ta’ rimbors ta’ self ipotekarju magħmul sabiex jinxtara l-imsemmi appartament, l-ispejjeż tal-komun, tal-manutenzjoni u tal-elettriku, ma jistgħux jitqiesu bħala spejjeż ikkawżati mill-obbligu ta’ residenza stabbilit fl-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Sabiex jibbenefika mill-allowance ta’ kuljum, l-uffiċjal għandu jiġġustifika li sostna spejjeż ikkawżati mill-obbligu li jirrisjedi fil-lok tal-assenjazzjoni tiegħu u mhux ikkawżati minn obbligi li jirriżultaw mill-kwalità tiegħu ta’ proprjetarju ta’ proprjetà immobbli li tinsab f’dan l-istess post.

(ara l-punti 33 u 34)