Language of document : ECLI:EU:T:2013:113

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’Awla)

7 ta’ Marzu 2013 (*)

“Ambjent – Direttiva 2003/87/KE – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Regoli tranżitorji li jikkonċernaw l-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas mill-2013 – Punti ta’ riferiment li għandhom jiġu applikati għall-kalkolu tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑370/11,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn M. Szpunar, B. Majczyna, C. Herma u M. Nowacki, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. White, K. Herrmann u K. Mifsud-Bonnici, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, tas-27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 130, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Dittrich (Relatur), President, I. Wiszniewska-Białecka u M. Prek, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Novembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-13 ta’ Ottubru 2003, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw id-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva [tal-Kunsill] 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631) li ġiet emendata l-aħħar bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU L 140, p. 63) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”). Din l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġiet stabbilita bil-għan li jitnaqqsu tali emissjonijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

2        Skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni Ewropea għandha tadotta miżuri ta’ implementazzjoni armonizzati madwar l-Unjoni fir-rigward tal-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija obbligata b’mod partikolari li tistabbilixxi l-punti ta’ riferiment ta’ kull settur u tieħu bħala punt tat-tluq tagħha, f’dan ir-rigward, ir-rendiment medju tal-ogħla 10 % tal-installazzjonijiet l-iktar effiċjenti f’settur jew f’subsettur tal-Unjoni fis-snin 2007 u 2008. Abbażi ta’ dawn il-punti ta’ riferiment, għandu jiġi kkalkolat in-numru ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas mill-2013 f’kull installazzjoni kkonċernata.

3        Fis-27 ta’ April 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/278/UE li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 130, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, din tapplika għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas għall-installazzjonijiet fissi msemmija fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87 matul il-perijodi ta’ skambju li jibda mill-2013, bl-eċċezzjoni tal-allokazzjoni provviżorja ta’ kwoti mingħajr ħlas għall-immodernizzazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku b’applikazzjoni tal-Artikolu 10ċ ta’ din id-direttiva. Skont il-premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata, l-allokazzjonijiet għandhom jiġu ffissati qabel il-perijodu ta’ skambju sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq. Fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-punti ta’ riferiment imsemmija fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87.

 Il-proċedura u talbiet tal-partijiet

4        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2011, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat dan ir-rikors.

5        Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

6        It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tat-28 ta’ Novembru 2012. Matul din is-seduta, ir-Repubblika tal-Polonja indikat li l-kunsiderazzjonijiet tagħha relatati mas-settur tal-industrija kimika u ma’ dik tar-raffinerija li ġew inkużi fir-rikors, esposti fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma biss intiżi li jsostnu dan l-aħħar motiv u ma jikkostitwixxux motiv awtonomu.

7        Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

8        Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

 Id-dritt

9        Insostenn tar-rikors, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE, moqri flimkien mal-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, peress li l-Kummissjoni ma ħaditx kont tal-ispeċifiċità ta’ kull Stat Membru fil-qasam tal-karburant, użat ir-rendiment ta’ riferiment tal-gass naturali sabiex tikkalkula l-indiċi ta’ emissjonijiet u ħadet il-gass naturali bħala karburant ta’ riferiment. It-tieni motiv jikkonċerna ksur allegat tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll tal-Artikolu 191(2) TFUE, moqri flimkien mal-paragrafu 3 tiegħu, peress li l-Kummissjoni ma ħaditx kont, sabiex telabora d-deċiżjoni kkontestata, tad-differenza fis-sitwazzjoni eżistenti bejn ir-reġjuni tal-Unjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, stabbilixxiet il-punti ta’ riferiment ta’ emissjoni f’livell ikar restrittiv minn dak rikjest mill-għanijiet tad-Direttiva 2003/87. Ir-raba’ motiv jikkonċerna l-allegat ksur tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tagħha, u l-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE, moqri flimkien mal-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE

10      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE, moqri flimkien mal-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE minħabba l-fatt li dik id-deċiżjoni tinċidi fuq id-dritt ta’ Stat Membru li jiddetermina l-kundizzjonijiet tal-użu tar-riżorsi tiegħu tal-enerġija, fuq l-għażla bejn sorsi differenti tal-enerġija u fuq l-istruttura ġenerali tal-provvista tiegħu tal-enerġija. Fil-fehma tagħha, billi adottat regoli sabiex jiġu definiti l-punti ta’ riferiment ta’ emissjoni għal ċerti prodotti li joriġinaw minn istallazzjonijiet li jaqgħu taħt l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, il-Kummissjoni pprivileġġat il-gass naturali, li huwa dominanti biss f’ċerti Stati Membri, meta mqabbel ma’ karburanti oħra bħall-faħam, li jintuża bħala l-karburant prinċipali fi Stati Membri oħra. Il-Kummissjoni ħadet il-gass naturali bħala karburant ta’ riferiment sabiex tistabbilixxi l-punti ta’ riferiment tal-prodott, tas-sħana u tal-karburanti. Peress li t-teknoloġija tal-faħam qiegħda tirriżulta fi tnaqqis kostanti tal-intensità ta’ emissjoni, din l-għażla hija waħda arbitrarja u mhux iġġustifikata. Istallazzjoni li tuża t-teknoloġija l-iktar riċenti tal-faħam għalhekk tikseb inqas kwoti mingħajr ħlas meta mqabbla ma’ istallazzjoni oħra li tuża teknoloġija iktar antika, iżda li tkun ibbażata fuq il-gass naturali, u dan kollu jirriżulta fi tnaqqis drastiku tal-kompetittività tal-impriżi li jużaw it-teknoloġija tal-faħam. Din is-sitwazzjoni twassal għal tnaqqis tal-produzzjoni tagħhom u, konsegwentement, għal tnaqqis tal-prodott gross domestiku (PGD) tal-Istati Membri li jużaw il-faħam bħala karburant prinċipali, kif ukoll għal “telf ta’ faħam”, jiġifieri għal rilokazzjonijiet tal-attivitajiet ta’ impriżi fis-setturi esposti għal kompetizzjoni internazzjonali qawwija, li huma stabbiliti fl-Unjoni, lejn pajjiżi terzi fejn l-eżiġenzi fil-qasam tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra huma inqas stretti. L-orjentazzjoni mill-ġdid tal-impriżi lejn l-akkwist ta’ teknoloġija tal-gass b’konsegwenza tad-deċiżjoni kkontestata, iżżid il-bżonnijiet ta’ gass naturali tal-Istat ikkonċernat, tfixkel il-bilanċ enerġetiku ta’ dan tal-aħħar u tirrikjedi definizzjoni mill-ġdid tal-politika tal-enerġija fl-intier tagħha.

11      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE, jeħtieġ li jiġi rrilevat li dik id-dispożizzjoni ġiet introdotta bit-Trattat ta’ Lisbona u tikkonċerna l-miżuri tal-istituzzjonijiet meħuda fil-qasam tal-politika tal-enerġija, b’mod konformi tal-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu.

12      Fil-fatt, skont l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE, il-miżuri neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija, imsemmija fil-paragrafu 1 tiegħu, ma għandux jinċidi fuq id-dritt ta’ Stat Membru li jiddetermina l-kundizzjonijiet tal-użu tar-riżorsi tiegħu tal-enerġija, l-għażla tiegħu bejn sorsi differenti tal-enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tiegħu tal-enerġija, mingħajr preġudizzju għall-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE.

13      Issa, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi miżura ta’ eżekuzzjoni tad-Direttiva 2003/87, peress li hija bbażata fuq il-bażi legali tal-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva. Din tal-aħħar, min-naħa tagħha, għandha, bħala bażi legali l-Artikolu 175(1) KE (li sar, wara l-emenda, l-Artikolu 192(1) TFUE). Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi miżura adottata fil-qasam tal-politika tal-ambjent u mhux miżura adottata skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE.

14      B’mod kuntrarju għal dak li tallega ir-Repubblika tal-Polonja, il-formulazzjonijiet fil-preambolu tad-Direttiva 2003/87 u tad-deċiżjoni kkontestata li jagħmlu riferiment, min-naħa, għat-Trattat KE u partikolarment għall-Artikolu 175 tiegħu, u min-naħa l-oħra għad-Direttiva 2003/87 u għall-Artikolu 10a, ma jippremettux li jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat KE jew tad-Direttiva 2003/87 jikkostitwixxu l-bażi legali ta’ dik id-direttiva jew tad-deċiżjoni kkontestata. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom, l-għan u l-kontenut tal-att. F’dan il-każ, id-Direttiva 2003/87 ġiet adottata fuq bażi legali waħda kkostitwita mill-Artikolu 175(1) KE u l-Artikolu 10a tal-imsemmija direttiva jikkostitwixxi l-bażi legali waħda tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑155/07, Ġabra p. I‑8103, punti 34 sa 38, u l-ġurisprudenza ċċitata).

15      Konsegwentement, peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata abbażi ta’ direttiva li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE, u li l-għażla tal-bażi legali tal-imsemmija direttiva ma hijiex ikkontestata mir-Repubblika tal-Polonja, l-ilment ibbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu ta’ dik id-dispożizzjoni għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud.

16      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumentazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja li ssostni li l-evalwazzjoni dwar il-konformità mad-dritt ta’ kull att tal-Unjoni għandha ssir inkonnessjoni ma’ kull dispożizzjoni tat-trattat u mhux billi jittieħed kont biss tad-dispożizzjonijiet relatati mal-politika li l-għanijiet tagħha għandhom jintlaħqu minn att partikolari. F’dak ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE jinkludi d-dritt ta’ Stat Membru li jiddetermina l-kundizzjonijiet tal-użu tar-riżorsi tiegħu tal-enerġija, l-għażla tiegħu bejn sorsi differenti tal-enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE. Dan id-dritt jikkostitwixxi prinċipju li huwa marbut mal-politiki kollha tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjoni tal-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE. Skont ir-Repubblika tal-Polonja, il-miżuri adottati fil-kuntest ta’ politiki oħra ma jistgħux jippreġudikaw dan id-dritt. L-Istati Membri qatt ma attribwew kompetenza esklużiva lill-Unjoni fil-qasam imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE.

17      Issa huwa veru li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE, il-miżuri stabbiliti b’mod konformi mal-proċedura prevista fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u li jkunu neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, ma jistgħux jaffettwaw id-dritt ta’ Stat Membru li jiddetermina l-kundizzjonijiet tal-użu tar-riżorsi tiegħu tal-enerġija, l-għażla tiegħu bejn sorsi differenti tal-enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu. Madankollu ma jeżisti xejn li jippremetti l-preżunzjoni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE, jistabbilixxi projbizzjoni ġenerali sabiex ma jiġix mittiefes dan id-dritt u li hija applikabbli fil-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑490/10, punt 77). Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 194 TFUE huwa dispożizzjoni ġenerali li tapplika fil-kuntest tal-enerġija biss u, għaldaqstant, jiddefinixxi kompetenza settorjali (konklużjonijiet tal-avukat ġenerali Mengozzi fil-kuntest tas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33). Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi rrilevat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE jagħmel riferiment espress għall-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE. Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE jipprevedi li l-projbizzjoni sabiex ma jiġix mittiefes id-dritt ta’ Stat Membru li jiddetermina l-kundizzjonijiet tal-użu tar-riżorsi tiegħu tal-enerġija, l-għażla tiegħu bejn sorsi differenti tal-enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu, tapplika mingħajr preġudizzju għall-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE. Għalkemm huwa veru li din id-dispożizzjoni tal-aħħar hija biss ta’ natura proċedurali, xorta jibqa’ l-fatt li hija tipprovdi għal regoli speċifiċi relatati mal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent. Isegwi li d-dritt imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi miżura adottata mill-Unjoni fil-kuntest tal-politika tagħha fil-qasam tal-ambjent.

18      Hemm lok li jiġi rrilevat li l-miżuri msemmija fl-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE jimplikaw intervent tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-politika tal-enerġija (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Jannar 2001, Spanja vs Il-Kunsill, C‑36/98, Ġabra p. I‑779, punt 54, u tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑176/03, Ġabra p. I‑7879, punt 44). Madankollu, l-Artikolu 192(2) TFUE għandu jinqara fid-dawl tal-paragrafu 1 tiegħu. Skont l-Artikolu 192(1) TFUE, il-Kunsill għandu jaġixxi skont il-proċedura hemm prevista meta huwa jiddeċiedi dwar liema azzjonijiet għandhom jittieħdu mill-Unjoni sabiex twettaq l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent imsemmija fl-Artikolu 191 TFUE. Skont l-Artikolu 192(2) TFUE, il-proċedura deċiżjonali hemm prevista tapplika, b’deroga għal dik prevista fil-paragrafu 1, meta l-Kunsill jadotta d-dispożizzjonijiet u l-miżuri hemm enumerati. Għaldaqstant jirriżulta mill-kliem stess ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet li l-Artikolu 192(1) TFUE jikkostitwixxi fil-prinċipju l-bażi legali tal-atti adottati mill-Kunsill bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 191 TFUE. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 192(2) TFUE ġie redatt b’tali mod li huwa applikabbli meta jkunu kkonċernati l-miżuri li huma indikati fih, bħal dawk li jinċidu b’mod sinjifikattiv fuq l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti tal-enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tiegħu tal-enerġija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 45 u 46).

19      Fit-tieni lok, sa fejn ir-Repubblika tal-Polonja invokat ksur tal-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, jeħtieġ li jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tipprevedi li, b’deroga għall-proċedura ta’ deċiżjoni prevista fil-paragrafu 1 tiegħu u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 114 TFUE, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’mod unanimu skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jikkonsulta l-Parlament, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u l-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea għandu jadotta miżuri li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija.

20      Hemm lok li jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi miżura ta’ eżekuzzjoni tad-Direttiva 2003/87 u li hija bbażata fuq il-bażi legali tal-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva. Din l-aħħar dispożizzjoni ġiet introdotta fid-Direttiva 2003/87 bid-Direttiva 2009/29.

21      Issa, kif tirrikonoxxi r-Repubblika tal-Polonja, hija ma fformulatx ilmenti kontra d-Direttiva 2009/29. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità li tikkonċerna l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, ir-Repubblika tal-Polonja ma tistax tinvoka b’mod utli l-ksur tal-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata peress li dan tal-aħħar ma jikkostitwixxix miżura ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmi Artikolu 10a. Madankollu, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-argumentazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, invokata dwar l-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-allegat ksur tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 (ara l-punti 104 sa 107 iktar ’il fuq).

22      Għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-Artikolu 191(2) TFUE, moqri flimkien mal-paragrafu 3 tiegħu

23      Dan il-motiv jinkludi żewġ partijiet. L-ewwel parti tikkonċerna l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u t-tieni parti l-allegat ksur tal-Artikolu 191(2) TFUE, moqri flimkien mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

24      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, essenzjalment, li, billi ddeterminat b’mod uniformi fid-deċiżjoni kkontestata l-punti ta’ riferiment ex ante sabiex jiġi kkalkulat in-numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet li għandhom jiġu allokati lill-istallazzjonijiet ikkonċernati mingħajr ħlas, il-Kummissjoni ffavoriet b’mod arbitrarju l-istallazzjonijiet li jużaw il-gass naturali meta mqabbla ma’ dawk li jużaw sorsi oħra ta’ enerġija. B’hekk, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

25      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi miżura ta’ eżekuzzjoni tad-Direttiva 2003/87 li stabbilixxiet, skont l-Artikolu 1 tagħha, skema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra ġewwa l-Unjoni sabiex tippromwovi t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mod effettiv rigward spejjeż u effiċjenza ekonomika. Skont it-tieni paragrafu tal-istess artikolu, din id-direttiva tipprovdi wkoll għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sabiex jintlaħqu l-livelli tat-tnaqqis ikkunsidrati meħtieġa xjentifikament biex jimpedixxu bidla perikoluża fil-klima.

26      Għal dawn l-għanijiet, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi li l-kwantità ta’ kwoti madwar l-Unjoni maħruġa kull sena mill-2013 għandha tonqos b’mod lineari min-nofs il-perijodu ta’ bejn l-2008 u l-2012. Skont it-tieni paragrafu tal-istess artikolu, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-kwantità totali ta’ kwoti għall-Unjoni kollha relattivi għas-sena 2013. F’dan ir-rigward, hija adottat id-Deċiżjoni 2010/634/UE, tat-22 ta’ Ottubru 2010, li taġġusta l-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha skont l-Iskema tal-Unjoni għall-2013 u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/384/UE (ĠU L 279, p. 34). Din il-kwantità totali għandha tiġi ddistribwita skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 10, 10a u 10ċ tad-Direttiva 2003/87. Għalhekk, parti mill-kwoti tiġi allokata mingħajr ħlas abbażi tal-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva u tad-deċiżjoni kkontestata. Parti minn dawk il-kwoti tiġi allokata mingħajr ħlas għall-immodernizzar tal-produzzjoni tal-elettriku, b’mod konformi mal-Artikolu 10ċ tal-imsemmija direttiva. Il-kwoti kollha li ma jiġux allokati mingħajr ħlas skont l-imsemmija Artikoli 10a u 10ċ jiġu rkantati mill-2013 mill-Istati Membri, skont l-Artikolu 10 ta’ din l-istess direttiva.

27      Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont il-premessa 15 tad-Direttiva 2009/29, l-allokazzjoni tal-kwoti hija bbażata fuq l-irkant. L-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 u d-deċiżjoni kkontestata, li għandha bħala bażi legali l-imsemmi artikolu, jimplementaw skema tranżitorja li tikkonċerna l-għoti ta’ kwoti mingħajr ħlas lis-setturi minbarra dawk tal-produzzjoni tal-elettriku msemmija fl-Artikolu 10ċ tad-Direttiva 2003/87. In-natura tranżitorja tal-allokazzjoni mingħajr ħlas tirriżulta, b’mod manifest, mir-regoli msemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 10a(11) tad-Direttiva 2003/87, li jistabbilixxu li l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għandha tonqos kull sena wara l-2013 bi kwantitajiet ugwali, sabiex dawn ikunu f’ammont ta’ 30 % mill-2020, bil-għan li ma jibqgħux jingħataw iktar kwoti mingħajr ħlas fl-2027.

28      Bil-għan li jiġu ddeterminati l-modalitajiet ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas, il-Kummissjoni, b’mod konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87, għandha tiddefinixxi tliet tipi ta’ punti ta’ riferiment ex ante. Fil-fatt, hija ddefinixxiet punti ta’ riferiment tal-prodott meta, skont il-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-kumplessità tal-proċessi tal-produzzjoni, kienu jeżistu definizzjonijiet u klassifikazzjonijiet ta’ prodotti li jippermettu l-verifikazzjoni tad-data relatata mal-produzzjoni u l-applikazzjoni tal-punti ta’ riferiment tal-prodott b’mod uniformi fi ħdan l-Unjoni kollha bil-għan li jiġu attribwiti l-kwoti ta’ emissjonijiet. F’każijiet fejn ma kienx possibbli li jiġi kkalkulat punt ta’ riferiment ta’ prodott, iżda fejn kienu ġew ġenerati emissjonijiet ta’ gassijiet serra li setgħu jagħtu lok għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas, il-Kummissjoni użat mudelli ġeneriċi ta’ riżerva, skont il-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, il-punt ta’ riferiment tas-sħana ġie definit għall-proċessi li jikkunsmaw is-sħana meta jintuża trasportatur tas-sħana li jista’ jitkejjel. Barra minn hekk, il-punt ta’ riferiment tal-karburant ġie definit għal każijiet meta tiġi kkunsmata sħana li ma tistax titkejjel. Il-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata tiddikjara li l-valuri tal-punti ta’ riferiment tas-sħana u tal-karburanti ġew ikkalkulati abbażi tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ sempliċità bl-użu tal-effiċjenza ta’ riferiment ta’ karburant disponibbli b’mod wiesa’ li jista’ jitqies bħala t-tieni l-aħjar fir-rigward tal-effiċjenza fil-gassijiet serra, meta jitqiesu t-tekniki effiċjenti fl-enerġija. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat li dan il-karburant kien il-gass naturali. Fil-fehma tagħha, li kieku intgħażlet il-bijomassa bħala r-riferiment, il-karburant l-iktar effiċjenti mil-lat tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, dan kien jirriżulta fi kwantitajiet negliġibbli ta’ kwoti mingħajr ħlas għall-produzzjoni tas-sħana u l-konsum tal-karburant.

29      Għalhekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni, waqt li ddeterminat il-punti ta’ riferiment ta’ prodott, ta’ sħana jew ta’ karburanti fid-deċiżjoni kkontestata, kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

30      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C-127/07, Ġabra p. I-9895, punt 23, u tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja, C‑505/09 P, punt 64).

31      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-punti ta’ riferiment ta’ prodott definiti fid-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-applikazzjoni tagħhom, bl-istess mod, kemm għal impriżi li jużaw il-gass naturali kif ukoll għal dawk li jużaw il-faħam li jarmu ħafna dijossidju tal-karbonju (CO2) iwassal għal distrosjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u b’hekk jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fehma tagħha, dawn l-impriżi jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti minħabba l-użu ta’ karburanti differenti. Madankollu u mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, l-imsemmija impriżi ġew ittrattati b’mod ugwali mid-deċiżjoni kkontestata. Sabiex din id-deċiżjoni tkun konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-punt ta’ riferiment ta’ prodott għandu jiġi kkorreġut b’mod adegwat, pereżempju, b’mod konformi mal-proposta tar-Repubblika tal-Polonja dwar il-parametri ta’ emissjonijiet tal-karburanti.

32      Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li ttrattat b’mod ugwali l-istallazzjonijiet li jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti minħabba l-użu ta’ karburanti differenti. Madankollu, hija ssostni li din l-ugwaljanza fit-trattament fid-deċiżjoni kkontestata hija ġġustifikata oġġettivament fid-dawl tad-Direttiva 2003/87.

33      Skont il-ġurisprudenza, tali trattament huwa ġġustifikat jekk ikun ibbażat fuq kriterju oġġettiv u raġjonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et, punt 30 iktar ’il fuq, punt 47).

34      Skont il-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġi definit il-punt ta’ riferiment ta’ prodott, ma saret l-ebda distinzjoni abbażi ta’ kriterji ġeografiċi jew abbażi tat-teknoloġiji, tal-materja prima jew tal-karburanti użati, sabiex ma jkunux imxekkla l-vantaġġi komparattivi fil-qasam tal-effiċjenza mil-lat tal-emissjonijiet tal-karbonju mifruxa fl-ekonomija tal-Unjoni, u sabiex tissaħħaħ l-armonizzazzjoni tal-allokazzjoni tranżizzjonali tal-kwoti tal-emissjonijiet mingħajr ħlas.

35      Fid-dawl tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, kif stabbiliti bid-Direttiva 2003/87 għall-perijodi ta’ skambju mill-2013, jeħtieġ għalhekk li jiġi eżaminat jekk l-ugwaljanza fit-trattament tal-istallazzjonijiet li jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti minħabba l-użu ta’ karburanti differenti waqt id-determinazzjoni tal-punti ta’ riferiment ta’ prodott, hijiex iġġustifikata.

36      Il-Qorti tal-Unjoni rrikonoxxiet setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-awtoritajiet tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilhom, meta l-azzjoni tagħhom tkun timplika għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u meta jkunu mitluba jagħmlu evalwazzjonijiet u eżamijiet kumplessi. Madankollu, anki fil-preżenza ta’ tali setgħa, l-awtoritajiet tal-Unjoni huma obbligati li jibbażaw l-għażla tagħhom fuq kriterji oġġettivi u xierqa fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ fatt kollha kif ukoll l-informazzjoni teknika u xjentifika disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-att inkwistjoni (ara s-sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et, punt 30 iktar ’il fuq, punti 57 u 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87, l-istabbiliment ta’ skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra huwa intiż sabiex jippromwovi t-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mod effettiv rigward spejjeż u effiċjenza ekonomika. Madakollu, din l-iskema ma tnaqqasx minnha nfisha dawn l-emissjonijiet, iżda tħeġġeġ u tiffavorixxi t-twettiq tal-inqas spejjeż sabiex jinkiseb tnaqqis fl-imsemmija emissjonijiet fuq livell speċifiku (sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et, punt 30 iktar ’il fuq, punt 31). Skont it-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, din id-direttiva tipprovdi wkoll għal tnaqqis ikbar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sabiex jintlaħqu l-livelli tat-tnaqqis kunsidrati meħtieġa xjentifikament biex jimpedixxu bidla perikoluża fil-klima. Skont il-premessa 20 tad-Direttiva 2003/87, din tal-aħħar hija intiża sabiex tinkoraġġixxi l-użu ta’ teknoloġija ta’ użu iktar effiċjenti tal-enerġija, inkluża t-teknoloġija l-produzzjoni konġunta tat-tisħin u l-elettriku, li jippoduċu inqas emissjonijiet għal kull unità tal-produzzjoni.

38      Dawn l-għanijiet huma riflessi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 li jinkludi regoli li jippermettu li jiġu ddeterminati l-punti ta’ riferiment ex ante. Skont din id-dispożizzjoni, dawn il-punti ta’ riferiment għandhom jiġu ddeterminati b’mod li jiġi żgurat li l-modalitajiet tal-allokazzjoni tal-kwoti jkunu jinkoraġġixxu l-użu ta’ tekniki effikaċi sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u sabiex jittejjeb ir-rendiment tal-enerġija, bl-użu ta’ tekniki l-iktar effiċjenti, soluzzjonijiet u proċessi alternattivi ta’ produzzjoni, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet tal-iskart, l-użu tal-bijomassa u tal-ġabra u l-ħażna tas-CO2, fejn dawn il-mezzi ikunu disponibbli, u ma jinkoraġġixxux l-emissjonijiet.

39      Fid-dawl ta’ dawn ir-regoli, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, kif sostniet il-Kummissjoni, id-distinzjoni tal-punti ta’ riferiment ta’ prodott abbażi tal-karburant użat ma tinkoraġġixxix lill-istallazzjonijiet industrijali li jużaw karburant li jarmi ħafna CO2 sabiex jfittxu soluzzjonijiet li jippermettu t-tnaqqis fl-emissjonijiet tagħhom, iżda għall-kuntrarju, tħeġġeġ iż-żamma tal-istatus quo, u dan imur kontra t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87. Barra minn hekk, tali distinzjoni timplika r-riskju ta’ tisħiħ fl-emissjonijiet, peress li l-istallazzjonijiet industrijali li jużaw karburant li ma jarmix ħafna CO2 jistgħu jitwasslu sabiex jissostitwixxu dan tal-aħħar b’karburant li jarmi iktar CO2 sabiex ikunu jistgħu jiksbu iktar kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas.

40      Fit-tieni lok, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ eżekuzzjoni li jkunu kompletament armonizzati fi ħdan l-Unjoni relatati mal-allokazzjoni tal-kwoti mingħajr ħlas. Ir-raba’ subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni jipprovdi li għal kull settur u subsettur, il-punt ta’ riferiment għandu jiġi kkalkulat għall-prodotti aktar milli għall-inputs, sabiex jiġu mmassimizzati kemm jista’ jkun it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-effiċjenza enerġetika matul kull proċess ta’ produzzjoni tas-settur jew subsettur ikkonċernat.

41      L-applikazzjoni ta’ fattur ta’ korrezzjoni skont il-karburant użat minn stallazzjoni mal-punt ta’ riferiment ta’ prodott, kif proposta mir-Repubblika tal-Polonja bħala possibbiltà sabiex jiġi kkoreġut dan il-punt ta’ riferiment, tirriżulta f’sitwazzjoni fejn in-numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil tali stallazzjoni jkun differenti skont l-input, jiġifieri skont il-karburant użat minn din tal-aħħar. Fil-fatt, skont l-Artikolu 10(2)(a) tad-deċiżjoni kkontestata, dan in-numru għandu jiġi kkalkulat, fil-prinċipju, abbażi tal-punt ta’ riferiment ta’ prodott u tal-livell storiku ta’ attività relatat mal-prodott rilevanti. L-introduzzjoni ta’ fattur addizzjonali li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-karburant użat ma tinkoraġġixxix l-armonizzazzjoni sħiħa fi ħdan l-Unjoni tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni relatati mal-allokazzjoni armonizzata tal-kwoti mingħajr ħlas, li fil-kuntest tagħhom il-punt ta’ riferiment huwa, fil-prinċipju, ikkalkulat għall-prodotti, kif rikjest mill-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, iżda tirriżulta f’regoli differenti skont l-input tal-istallazzjonijiet tal-istess settur jew subsettur. F’dan ir-rigward, jeħtieġ ukoll li jiġi rrilevat li, skont il-premessa 8 tad-Direttiva 2009/29, il-leġiżlatur kien jipprevedi, fid-dawl tal-esperjenza miksuba matul l-ewwel u t-tieni perijodi ta’ skambju, li jimplementa skema iktar armonizzata ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet sabiex jiġu sfruttati aħjar il-benefiċċji ta’ skambju ta’ kwoti, biex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u biex tiġi faċilitata r-rabta bejn is-sistemi differenti ta’ skambju.

42      Fit-tielet lok, il-premessa 17 tad-Direttiva 2009/29 tindika li, fid-dawl tal-għanijiet tal-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni u biex jiġi żgurat l-ogħla livell possibbli ta’ effiċjenza ekonomika fit-trasformazzjoni tal-ekonomija tal-Unjoni għal ekonomija sigura u sostenibbli b’livell baxx ta’ karbonju ma huwiex kunsiljabbli li fil-kuntest tal-iskema tal-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, s-setturi ekonomiċi jiġu ttrattati b’mod differenti skont l-Istat Membru. It-tweġiba negattiva tal-leġiżlatur għal tali trattament differenti jmur kontra l-argumentazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja li ssostni li l-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 għandhom jieħdu kont tal-kuntest speċifiku ta’ kull Stat Membru. Fil-fatt, jekk il-partijiet tad-diversi enerġiji primarji fil-konsum mill-Istati Membri huma, kif tiddikjara r-Repubblika tal-Polonja, daqshekk differenti, l-introduzzjoni ta’ fattur ta’ korrezzjoni skont il-karburant użat jista’ jirriżulta fi trattament differenti tas-setturi skont l-Istat Membru.

43      F’dan ir-rigward, jeħtieġ ukoll li jiġi rrilevat li, minħabba n-nuqqas ta’ tali fattur ta’ korrezzjoni, l-ebda stallazzjoni ma tikseb vantaġġ kompetittiv permezz ta’ kwantità ikbar ta’ kwoti mingħajr ħlas minħabba l-karburant użat. Kif tindika l-premessa 23 tad-Direttiva 2009/29, il-leġiżlatur kien jipprevedi li l-allokazzjoni tranżitorja ta’ kwoti mingħajr ħlas lill-istallazzjonijiet għandha ssir b’osservanza tar-regoli armonizzati fi ħdan l-Unjoni, jiġifieri “punti ta’ riferiment ex ante”, sabiex jiġu mnaqqsa kemm jista’ jkun id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fl-Unjoni. Għalhekk, id-dikjarazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, li d-determinazzjoni tal-punti ta’ riferiment ta’ prodott fid-deċiżjoni kkontestata twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandha tiġi miċħuda.

44      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ugwaljanza fit-trattament tal-istallazzjonijiet li jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti minħabba l-użu ta’ karburanti differenti waqt id-determinazzjoni tal-punti ta’ riferiment ta’ prodott tista’ tiġi kkunsidrata bħala oġġettivament iġġustifikata.

45      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-punti ta’ riferiment tas-sħana u tal-karburanti definiti fid-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, billi użat il-gass naturali bħala karburant ta’ riferiment sabiex tiddefinixxi dawk il-punti ta’ riferiment, il-Kummissjoni ffavoriet b’mod arbitrarju l-istallazzjonijiet li jużaw dan is-sors tal-enerġija, meta mqabbla ma’ dawk li jużaw sorsi oħra bħall-faħam jew il-faħam kannella. B’hekk, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament billi pprivileġġat l-Istati Membri li l-istruttura tal-provvista tal-enerġija tagħhom hija bbażata prinċipalment fuq il-gass naturali u ħafna inqas fuq il-faħam, meta mqabbla ma’ Stati Membri fejn l-istruttura inkwistjoni hija sinjifikattivament differenti. Il-Qorti Ġenerali kkonfermat li l-fatt li l-Kummissjoni għandha tittratta b’mod uniformi l-Istati Membri fil-kuntest tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ma jippermettilhiex li tinjora l-kuntest speċifiku tas-suq tal-enerġija nazzjonali ta’ kull Stat Membru. Fil-Polonja, il-faħam u l-faħam kannella, fl-2009 kien jikkostitwixxi sa 57 % tal-konsum tal-enerġija primarja, filwaqt li l-parti tal-gass naturali u l-enerġiji rinnovabbli kienu jikkostitwixxu 14 % u 5 % rispettivament mill-imsemmi konsum, li jikkostitwixxu ammonti inferjuri għal dawk ikkonstatati fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, fil-Polonja, 92 % tal-elettriku jiġi prodott mill-faħam jew mill-faħam kannella. Għalhekk, ir-Repubblika tal-Polonja għandha l-ogħla rata ta’ industriji mhedda mill-fenomenu msejjaħ “telf ta’ faħam”.

46      Qabel xejn, fir-rigward tad-data relatata mal-konsum tal-enerġija primarja u l-produzzjoni tal-elettriku invokata mir-Repubblika tal-Polonja, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-allokazzjoni tal-kwoti mingħajr ħlas lill-produtturi tal-elettriku hija, fil-prinċipju, eskluża bis-saħħa tal-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87. Jekk il-Kummissjoni ma tikkontestax id-data relatata mal-konsum tal-enerġija primarja fil-Polonja u fi Stati Membri oħra, dik li tikkonċerna l-produzzjoni tal-elettriku ma hijiex rilevanti għal każ ineżami.

47      Jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, il-valuri tal-punti ta’ riferiment tas-sħana u tal-karburanti ġew ikkalkulati abbażi tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ sempliċità billi intuża r-rendiment ta’ riferiment ta’ karburant li huwa ampjament disponibbli li jista’ jiġi kkunsidrat bħala soluzzjoni li hija t-tieni l-aħjar għażla mil-lat tal-effiċjenza fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, meta jitqiesu t-tekniki effiċjenti fl-enerġija. Kif ġie diġà indikat (ara l-punt 28 iktar ’il fuq), dan il-karburant kien il-gass naturali peress li, skont il-Kummissjoni, li kieku ntgħażlet il-bijomassa bħala r-riferiment, il-karburant l-iktar effiċjenti mil-lat tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, dan kien jirriżulta fi kwantitajiet negliġibbli ta’ kwoti mingħajr ħlas għall-produzzjoni tas-sħana u l-konsum tal-karburant. B’hekk, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li l-istallazzjonijiet li jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti minħabba l-użu ta’ karburanti differenti ġew ittrattati b’mod ugwali. Madankollu, hija sostniet li dan it-trattament huwa oġġettivament iġġustifikat fid-dawl tad-Direttiva 2003/87.

48      Fid-dawl tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, kif stabbilita fid-Direttiva 2003/87 għall-perijodi ta’ skambju mill-2013, jeħtieġ għalhekk li jiġi eżaminat jekk id-determinazzjoni ta’ punti ta’ riferimenti ta’ sħana u ta’ karburanti ddefiniti permezz tal-użu tar-rendiment ta’ riferiment tal-gass naturali hijiex oġġettivament iġġustifikata. Filwaqt li kellha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, il-Kummissjoni kienet obbligata li tibbaża l-għażla tagħha fuq kriterji oġġettivi u adegwati meta mqabbla mal-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara l-punt 36 iktar ’il fuq).

49      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, minħabba l-għażla li għandu jintuża r-rendiment ta’ riferiment tal-gass naturali sabiex jiġu ddeterminati l-punti ta’ riferiment tas-sħana u tal-karburanti, l-istallazzjonijiet ikkonċernati ser jirċievu inqas kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas milli kien jirċievu li kieku l-Kummissjoni għażlet karburant li jarmi iktar CO2 bħall-faħam. Għalhekk, ma jistax jiġi kkontestat li l-għażla tal-gass naturali, bħala karburant li jarmi ftit CO2, hija intiża sabiex jiġu mnaqqsa l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. B’mod iktar preċiż, l-għażla hija intiża sabiex tinkoraġġixxi l-użu ta’ tekniki effiċjenti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u sabiex jittejjeb ir-rendiment tal-enerġija, kif previst mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87. Fil-fatt, sabiex jiġu evitati l-ispejjeż addizzjonali iġġenerati mix-xiri b’irkant tal-kwoti ta’ emissjonijiet fuq is-suq, l-istallazzjonijiet ikkonċernati ser jitwasslu sabiex ma jeċċedux il-kwoti allokati mingħajr ħlas.

50      Fit-tieni lok, hemm lok li jiġi rrilevat li l-għażla li jintuża r-rendiment ta’ karburant ieħor minflok il-gass naturali, pereżempju l-faħam, sabiex jiġu ddeterminati l-punti ta’ riferimenti tas-sħana u tal-karburanti, ma kinitx tippermetti li jiġi evitat il-fatt li l-istallazzjonijiet li jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti minħabba l-użu ta’ karburanti differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali. Fil-fatt, li kieku dawn il-punti ta’ riferiment kienu bbażati fuq karburant li jarmi iktar CO2 mill-gass naturali, dan kien sempliċiment jirriżulta f’punti ta’ riferiment tas-sħana u tal-karburanti iktar għoljin. Dan jista’ jwassal biss għal żieda, għall-istess fattur, tan-numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas allokati lill-istallazzjonijiet kollha kkonċernati, u għalhekk bl-istess mod, lill-istallazzjonijiet li jużaw karburant li jarmi inqas CO2.

51      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argumentazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja relatata man-neċessità li jittieħed kont tal-kuntest speċifiku tas-suq tal-enerġija nazzjonali, huwa veru li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/87 u għaldaqstant, sabiex jagħżlu l-miżuri li jikkunsidraw l-iktar adatti sabiex jintlaħaq, fil-kuntest speċifiku ta’ suq tal-enerġija nazzjonali, l-għan stabbilit mill-imsemmija direttiva (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Settembru 2009, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, T‑183/07, Ġabra p. II‑3395, punt 88, u Estonja vs Il-Kummissjoni, T‑263/07, Ġabra p. II‑3463, punt 53).

52      Madankollu, din il-ġurisprudenza tikkonċerna l-elaborazzjoni ta’ pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti qabel il-bidu tat-tieni perijodu ta’ skambju ta’ kwoti, jiġifieri l-perijodu 2008-2012, u għaldaqstant taqa’ f’kuntest legali differenti minn dak tad-deċiżjoni kkontestata.

53      Fil-fatt, ir-regoli introdotti bid-Direttiva 2009/29 għall-perijodi ta’ skambju mill-2013 biddlu mill-qiegħ il-metodi għall-kalkolu tal-allokazzjoni tal-kwoti sabiex tiġi implementata skema iktar armonizzata ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet bil-għan li jiġu sfruttati aħjar il-benefiċċji ta’ skambju ta’ kwoti, li tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u li tiġi ffaċilitata r-rabta bejn is-sistemi differenti ta’ skambju, kif ġie diġà ddikjarat fil-premessa 8 tad-Direttiva 2009/29.

54      Ir-regoli viġenti għall-perijodi ta’ skambju ta’ bejn l-2005 u l-2007 u bejn l-2008 u l-2012 kienu intiżi sabiex kull Stat Membru jiżviluppa pjan nazzjonali li jippreċiża l-kwantità totali ta’ kwoti li jkollu l-intenzjoni li jalloka għall-perjodu kkunsidrat u l-mod kif jipproponi li jattribwihom. Dan il-pjan kellu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, li jinkludu l-kriterji enumerati fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87 fil-verżjoni tagħha qabel l-emenda bid-Direttiva 2009/29. Skont il-punt 1 ta’ dan l-Anness, il-kwantità totali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati fil-perijodu kkunsidrat kellha tkun konsistenti mal-obbligu tal-Istat Membru li jillimita l-emissjonijiet tiegħu skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE, tal-25 ta’April 2002, dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 42, p. 24) u l-Protokoll ta’ Kyoto, filwaqt li jitqiesu, minn naħa waħda, l-proporzjon tal-emissjonijiet ġenerali li dawn il-kwoti jirrappreżentaw meta mqabbla mal-emissjonijiet provenjenti minn sorsi mhux koperti mid-Direttiva 2003/87 fil-verżjoni tagħha qabel l-emenda bid-Direttiva 2009/29 u, min-naħa l-oħra, il-politiki nazzjonali dwar l-enerġija, u għandhom ikunu konsistenti mal-programm nazzjonali tal-bidla fil-klima. Sa fejn dan il-pjan kien inkompatibbli, partikolarment, mal-kriterji ta’ dak l-Anness III, il-Kummissjoni setgħet tiċħdu. Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87, qabel ma ġiet emendata bid-Direttiva 2009/29, għall-perijodi ta’ skambju ta’ bejn l-2005 u l-2007 u bejn l-2008 u l-2012, l-Istati Membri kellhom jallokaw mill-inqas 95 % u 90 % rispettivament tal-kwoti mingħajr ħlas.

55      Għall-kuntarju, għall-perijodi ta’ skambju mill-2013, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi li l-kwantità ta’ kwoti madwar il-Komunità maħruġa kull sena mill-2013 għandha tonqos f’mod lineari min-nofs il-perijodu ta’ bejn l-2008 u l-2012. Din il-kwantità għandha tonqos b’fattur lineari ta’ 1.74 % meta mqabbel mal-medja tal-kwanitità totali annwali tal-kwoti maħruġa mill-Istati Membri konformement mad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni għall-perjodu ta’ bejn l-2008 u l-2012. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2010/634, li permezz tagħha hija ddeterminat il-kwantità totali ta’ kwoti għall-2013 mal-Unjoni kollha, billi bbażata ruħha fuq il-kwantitajiet totali tal-kwoti maħruġa jew li jridu jinħarġu mill-Istati Membri konformement mad-deċiżjonijiet tagħha relatati mal-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti għall-perijodu ta’ bejn l-2008 u l-2012.

56      Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq għandha tinqara fid-dawl tad-dritt applikabbli matul it-tieni perijodu ta’ skambju. Il-Qorti Ġenerali kienet obbligata tinterpreta l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, fil-verżjoni tiegħu qabel ma ġie emendat bid-Direttiva 2009/29, li jagħmel riferiment għall-Anness III tal-imsemmija direttiva kif jirriżulta wkoll mill-punt 80 tas-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2007, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (T‑374/04, Ġabra p. II‑4431, punt 80), li jsir riferiment espress għalih mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq. Issa, b’mod kuntrarju għall-punt 1 ta’ dan l-Anness III, l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 ma għadux jirreferi għall-politika nazzjonali tal-enerġija. Għall-kuntraju, skont il-premessa 8 tad-Direttiva 2009/29, wara t-tieni perijodu ta’ skambju, il-leġiżlatur qies li kien essenzjali li tiġi implementata skema iktar armonizzata ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet sabiex jiġu sfruttati aħjar il-benefiċċji ta’ skambju ta’ kwoti, biex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u biex tiġi ffaċilitata r-rabta bejn is-sistemi differenti ta’ skambju. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiżdied li, filwaqt li l-leġiżlatur, fil-kuntest tal-allokazzjoni tranżitorja ta’ kwoti mingħajr ħlas għall-immodernizzar tal-produzzjoni tal-elettriku, skont l-Artikolu 10ċ(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/87, ħa inkunsiderazzjoni l-mixxela ta’ enerġiji nazzjonali, dan ma għamilx l-istess fir-rigward tal-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għas-setturi industrijali msemmija fl-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva.

57      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Polonja li hija għandha l-ogħla rata ta’ industriji li huma mhedda mill-fenomenu msejjaħ “telf ta’ faħam”, jeħtieġ li jiġi rrilevat li fost ir-regoli tranżitorji msemmija fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 hemm ir-regoli partikolari għall-istallazzjonijiet tas-setturi jew tas-subsetturi li huma esposti għal riskju kbir ta’ telf ta’ faħam. Dawn tal-aħħar għandhom jirċievu, fil-prinċipju, fl-2013 u f’kull sena sussegwenti sal-2020, skont l-Artikolu 10a(1) u (12) tad-Direttiva 2003/87, kwantità ta’ kwoti mingħajr ħlas li jirrappreżentaw 100 % tal-kwantità ddeterminata skont il-miżuri msemmija fl-imsemmi paragrafu 1. Bil-għan li tiddetermina dawn is-setturi jew subsetturi, il-Kummissjoni għandha tadotta bħala kriterju għall-analiżi tagħha, l-inkapaċità tal-inustriji li jirkupraw l-ispiża diretta tal-kwoti meħtieġa u l-ispejjeż indiretti li jirriżultaw miż-żieda tal-prezz tal-elettriku, minħabba l-implementazzjoni tal-imsemmija direttiva fuq il-prezz tal-prodotti, mingħajr ma jbatu telf kbir mill-ishma tas-suq bi gwadann għal istallazzjonijiet inqas effiċjenti fil-qasam tal-emissjonijiet tal-karbonju li huma stabbiliti barra l-Unjoni. Issa, l-elementi prodotti mir-Repubblika tal-Polonja ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li dawn ir-regoli ma jistgħux manifestament jirrimedjaw il-fenomenu msejjaħ “telf ta’ faħam”.

58      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, id-determinazzjoni mill-Kummissjoni tal-punti ta’ riferiment tas-sħana u tal-karburanti billi użat ir-rendiment ta’ riferiment tal-gass natruali jista’ jiġi kkunsidrat bħala oġġettivament iġġustifikat.

59      Għaldaqstant, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 191(2) TFUE, moqri flimkien mal-paragrafu 3 tiegħu

60      Ir-Repubblika tal-Polonja tikkonferma li, billi pprivileġġat sors tal-enerġija meta mqabbel ma’ sorsi oħra u billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-istruttura enerġetika tal-produzzjoni tal-enerġija ta’ Stati Membri differenti, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 191(2) TFUE, moqri flimkien mal-paragrafu 3 tiegħu, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jimponu fuq l-istituzzjonijiet responsabbli għall-implementazzjoni tal-politika tal-Unjoni fil-qasam ambjentali, l-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn ir-reġjuni differenti tal-Unjoni waqt it-twettiq tal-politika inkwistjoni.

61      F’dak ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi miżura ta’ eżekuzzjoni tad-Direttiva 2003/87 u li l-Artikolu 10a ta’ din id-Direttiva jikkostitwixxi l-bażi legali tagħha. Skont dak li ġie stabbilit fil-kuntest tal-ewwel motiv (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-assenza ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità li tikkonċerna l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, l-argument tar-Repubblika tal-Polonja relatat mal-allegat ksur tal-Artikolu 191(2) TFUE, moqri flimkien mal-paragrafu 3 tiegħu, huwa ineffettiv. Madankollu, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-argument tar-Repubblika tal-Polonja, ibbażat fuq l-Artikolu 191(2) TFUE, moqri flimkien mal-paragrafu 3, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-allegat ksur tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 (ara l-punti 108 sa 111 iktar ’il quddiem).

62      Konsegwentement, it-tieni parti ta’ dan il-motiv u għalhekk dan il-motiv fl-intier tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

63      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, essenzjalment, li, billi stabbilixxiet, fid-deċiżjoni kkontestata, il-punti ta’ riferiment ex ante f’livell iktar restrittiv minn dak rikjest mill-għanijiet tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ propozjonalità. B’mod iktar preċiż, hija ssostni li l-għan tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jorbot lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri huwa dak ta’ tnaqqis ta’ 20 % minn issa sal-2020. Issa, minħabba d-deċiżjoni kkontestata, it-tnaqqis ser jeċċedi l-20 % mill-2013. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat in-natura adegwata u neċessarja tad-deċiżjoni kkontestata billi ddefiniet, b’mod strett wisq, il-punti ta’ riferiment. Barra minn hekk, minħabba n-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-preġudizzju u l-benefiċċju li jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar ma hijiex proporzjonata fis-sens strett.

64      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma għandhomx jeċċedu l-limitu ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u dan bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u bil-kundizzjoni li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, Ġabra p. I‑7027, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      F’dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, hemm lok li jiġi rikonoxxut li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’qasam bħal dak fil-każ ineżami, u din min-naħa tagħha timplika għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fiha hija mitluba tagħmel evalwazzjonijiet kumplessi mwettqa fid-dawl tal-għan ġenerali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra permezz ta’ skema ta’ skambju ta’ kwoti b’mod effettiv rigward spejjeż u effiċjenza ekonomika (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 u l-premessa 5 tad-Direttiva 2003/87). Hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-kamp, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom jilħqu, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punti 80 u 81, u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura xierqa tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, billi ddefiniet b’mod strett wisq il-punti ta’ riferiment, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest speċifiku ta’ kull Stat Membru, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat żewġ għanijiet tad-Direttiva 2003/87, jiġifieri l-effettività tal-miżuri adottati min-naħa ta’ spejjeż kif ukoll l-effiċjenza ekonomika tagħhom. Billi tat lill-istallazzjonijiet inqas kwoti mingħajr ħlas minn kemm kien hemm bżonn sabiex jintlaħqu l-għanijiet marbuta mal-volum tal-produzzjoni u mal-livelli ta’ emissjoni, il-Kummissjoni ppruvat tikseb akkost ta’ kollox l-ikbar tnaqqis ta’ emissjoni possibbli, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tad-deċiżjonijiet tagħha.

67      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-għan prinċipali ddikjarat tad-Direttiva 2003/87, qabel ma ġiet emendata bid-Direttiva 2009/29, kien li jitnaqqsu, b’mod sostanzjali, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra bil-għan li jiġu osservati l-obbligi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fid-dawl tal-Protokoll ta’ Kyoto, approvat bid-Deċiżjoni 2002/358 (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑504/09 P, punt 77, u Il-Kummissjoni vs L-Estonja, punt 30 iktar ’il fuq, punt 79). Skont il-premesssa 4 tad-Direttiva 2003/87, dan il-protokoll jobbliga lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha li jnaqqsu l-emissjonijiet atropoġeniċi globali tagħhom ta’ gassijiet serra bi 8 % meta mqabbla mal-livell fl-1990 matul il-perijodu ta’ bejn l-2008 u l-2012.

68      Mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 u mill-premessa 3 tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta li, wara li ġiet emendata bid-Direttiva 2009/29, id-Direttiva 2003/87 tipprovdi għal tnaqqis ikbar ta’ gassijiet serra sabiex tilħaq livelli tat-tnaqqis ikkunsidrati meħtieġa xjentifikament biex jimpedixxu bidla perikoluża fil-klima. Kif jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll mill-premessi 3, 5, 6 u 13 tad-Direttiva 2009/29, l-għan prinċipali tad-Direttiva 2003/87, wara li ġiet emendata bid-Direttiva 2009/29, huwa li jitnaqqsu min issa sal-2020 l-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra tal-Unjoni tal-inqas b’20 % meta mqabbla mal-livelli tagħhom fl-1990.

69      Dan l-għan għandu jintlaħaq filwaqt li jiġu osservati numru ta’ għanijiet sussidjarji u bl-użu ta’ ċerti strumenti. L-istrument prinċipali għal dan l-għan huwa kkostitwit minn skema ta’ skambju ta’ drittijiet ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87 u mill-premessa 2 ta’ din tal-aħħar. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva isostni li din l-iskema tiffavorixxi t-tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet b’manjiera effettiva rigward spejjeż u effiċjenza ekonomika. L-għanijiet sussidjarji l-oħra li din l-iskema għandha tissodisfa huma, b’mod partikolari, hekk kif huwa espost fil-premessi 5 u 7 ta’ din id-direttiva, iż-żamma tal-iżvilupp ekonomiku u tal-impjieg kif ukoll dak tal-integrità tas-suq intern u tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni (sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, punt 67 iktar ’il fuq, punt 77, u Il-Kummissjoni vs L-Estonja, punt 30 iktar ’il fuq, punt 79).

70      Fir-rigward tal-għan prinċipali tad-Direttiva 2003/87, jiġifieri t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fi ħdan l-Unjoni, ir-Repubblika tal-Polonja tirrikonoxxi li l-miżuri inklużi fid-deċiżjoni kkontestata jwasslu sabiex dan jitwettaq.

71      Madankollu, billi tiddikjara li d-deċiżjoni kkontestata, billi tiddefinixxi b’mod strett wisq il-punti ta’ riferiment, tikser, billi ma tiħux inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali, żewġ għanijiet oħra tad-Direttiva 2003/87, jiġifieri l-effettività tal-miżuri adottati min-naħa ta’ spejjeż kif ukoll l-effiċjenza ekonomika tagħhom, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta li d-deċiżjoni kkontestata twassal għal tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’kundizzjonijiet effiċjenti f’termini ekonomiċi u ta’ spejjeż.

72      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-determinazzjoni tal-punti ta’ riferiment tikkostitwixxi biss ċertu parti mill-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, li l-loġika ekonomika tagħha hija li t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra meħtieġ sabiex jinkiseb riżultat ambjentali stabbilit minn qabel isir bl-inqas spejjeż (sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et, punt 30 iktar ’il fuq, punt 32). Din id-determinazzjoni tifforma parti mir-regoli tranżitorji li jikkonċernaw l-għoti ta’ kwoti mingħajr ħlas previsti fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87. Dawn il-miżuri huma intiżi, kif jirriżulta mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex jiżguraw li l-modalitajiet tal-allokazzjoni tal-kwoti jinkoraġġixxu l-użu ta’ tekniki effiċjenti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u jittejjeb ir-rendiment tal-enerġija, u billi ma jiġix imħeġġeġ it-tisħiħ tal-emissjonijiet. L-allokazzjoni tal-kwoti, kif jirriżulta mill-premessa 15 tad-Direttiva 2009/29, hija bbażata fuq il-prinċipju tal-irkantar, kif previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87. Jirriżulta wkoll mill-imsemmija premessa li dan il-prinċipju ntgħażel sabiex l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra tingħata l-ogħla effiċjenza ekonomika. B’mod partikolari, billi tippermetti l-bejgħ tal-kwoti allokati, din l-iskema hija intiża sabiex tħeġġeġ lil kull parteċipant fl-imsemmija skema jemetti kwantità ta’ gassijiet serra li hija inqas mill-kwoti li ġew inizjalment mogħtija lilu, sabiex iċedi l-bqija tagħhom lil parteċipant ieħor li pproduċa kwantità ta’ emissjonijiet li teċċedi l-kwoti allokati (sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et, punt 30 iktar ’il fuq, punt 32).

73      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-leġiżlatur, fil-kuntest tal-funzjonament tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti, ħa inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni u l-ekonomija tar-reġjuni differenti. Fil-fatt, minn naħa, ir-regoli tal-funzjonament mill-2013 ser jiġu introdotti b’mod progessiv. Għalhekk, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87, il-kwantità ta’ kwoti madwar l-Unjoni maħruġa kull sena mill-2013 għandha tonqos f’mod lineari min-nofs il-perjodu mill-2008 sal-2012. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10a(11) tad-Direttiva 2003/87, il-kwantità tal-kwoti allokati mingħajr ħlas fl-2013 għandha tikkorrispondi għal-80 % tal-kwantità determinata skont il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni. Sussegwentement, l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għandha tonqos kull sena b’ammonti ugwali sakemm dawn ikunu f’ammont ta’ 30 % mill-2020, bil-ħsieb li tintlaħaq sitwazzjoni fejn ma jkun hemm l-ebda allokazzjoni mingħajr ħlas fl-2027. Konsegwentement, skont dawn ir-regoli, l-istallazzjonijiet li jarmu ħafna CO2, bħal dawk li jużaw il-faħam f’ċerti reġjuni tal-Unjoni u li għalhekk għandhom bżonn ta’ numru kbir ta’ kwoti għall-produzzjoni tagħhom, għandhom jiksbu fil-bidu tat-tielet perijodu ta’ skambju kwantità ikbar ta’ kwoti mingħajr ħlas sabiex ikopru l-bżonnijiet tagħhom.

74      Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-premessa 17 tad-Direttiva 2009/29, il-leġiżlatur inserixxa mekkaniżmi sabiex isostni l-isforzi tal-Istati Membri, li huma kkaratterizzati minn dħul per capita relattivament baxx u minn perspettivi qawwija ta’ tisħiħ, sabiex inaqqsu l-intensità tal-faħam mill-ekonomija tagħhom minn issa sal-2020. Għalhekk, skont l-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva 2003/87, 88 % tal-kwantità totali tal-kwoti li għandhom ikunu rkantati għandhom jiġu distribwiti fost l-Istati Membri f’ishma li huma identiċi għas-sehem tal-Istat Membru kkonċernat ta’ emissjonijiet verifikati fil-kuntest tal-iskema ta’ skambu ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-2005 jew għall-medja tal-Istat Membru kkonċernat fil-perijodu mill-2005 sal-2007, skont liema waħda tkun l-ogħla. Sussegwentement, skont il-paragrafu 2(b) ta’ dan l-artikolu, 10 % tal-kwantità totali ta’ kwoti li għandhom ikunu rkantati għandhom jiġu distribwiti fost ċerti Stati Membri bil-għan tas-solidarjetà u t-tkabbir ġewwa l-Unjoni, bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet u li jadattaw ruħhom għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima. Kif jirriżulta mill-Anness II a tad-Direttiva 2003/87, ir-Repubblika tal-Polonja hija waħda mill-benefiċjarji prinċipali ta’ 10 % addizzjonali tad-dħul iġġenerat mill-irkantijiet. Dan jgħodd ukoll fir-rigward tat-2 % tal-kwantità totali ta’ kwoti li għandhom jiġu irkantati ddistribwiti bejn l-Istati Membri li l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra, fl-2005, kienu mill-inqas 20 % inqas mil-livelli tal-emissjonijiet tagħhom fis-sena ta’ riferiment li huma applikabbli għalihom skont il-protokoll ta’ Kyoto, skont l-Artikolu 10(2)(c) tad-Direttiva 2003/87, moqri flimkien mal-Anness II ċ ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 10 c(1)(c) tad-Direttiva 2003/87, Stat Membru li fih, fl-2006, iktar minn 30 % tal-elettriku kien prodott minn karburant wieħed li huwa magħmul mill-fossili, u li fih il-PGD per capita fi prezzijiet tas-suq ma kienx jeċċedi l-50 % tal-PGD medju per capita fi prezzijiet tas-suq tal-Unjoni, jista’ jagħti allokazzjoni tranżitorja ta’ kwoti mingħajr ħlas lill-istallazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku.

75      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja tillimita ruħha sabiex tikkontesta n-natura xierqa tad-deċiżjoni kkontestata inkonnessjoni mat-twettiq tal-imsemmija għanijiet sussidjarji mingħajr ma tiżviluppa l-argument tagħha b’mod iktar approfondit u mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87. Għalhekk, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni ċertament li l-istallazzjonijiet li jakkwistaw numru ta’ kwoti mingħajr ħlas inferjuri għall-kwantitajiet li huma jarmu fil-kuntest tal-proċess tagħhom ta’ produzzjoni, jinvestu f’teknoloġiji li jużaw l-istess karburant, iżda li l-emissjonijiet tagħhom huma madankollu baxxi. Madankollu, hija ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn l-investimenti jistgħu bl-istess mod jippromwovu l-iżvilupp ta’ setturi ekonomiċi ġodda li jistgħu joħolqu l-impjiegi. Għaldaqstant l-argument tar-Repubblika tal-Polonja għandu portata dejqa wisq u konsegwentement għandu jiġi miċħud.

76      Minn dak li ntqal jirriżulta li r-Repubblika tal-Polonja ma pproduċiet l-ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li d-determinazzjoni tal-punti ta’ riferiment kienet manifestament inadegwata inkonnessjoni mal-għanijiet li kellha tilħaq.

77      Fit-tieni lok, fir-rigward tan-natura neċessarja tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, billi tiddefinixxi b’mod strett wisq il-punti ta’ riferiment, id-deċiżjoni kkontestata tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ tnaqqis li jikkonċernaw il-volumi ta’ emissjoni. Fil-fehma tagħha, id-Direttiva 2003/87 ma tipprovdix għal mekkaniżmu ta’ korrezzjoni meta n-numru ta’ kwoti mingħajr ħlas ikun insuffiċjenti għall-istallazzjonijiet ikkonċernati, iżda meta t-twettiq tal-għanijiet ta’ tnaqqis ikun żgurat. Barra minn hekk, il-livelli dgħajjfa wisq tal-punti ta’ riferiment jwasslu għal tnaqqis puntwali drastiku tal-volumi ta’ kwoti mingħajr ħlas fl-2013. L-istallazzjonijiet ikkonċernati mhux ser ikollhom biżżejjed ħin sabiex jimmodifikaw it-teknoloġija tagħhom jew il-karburant użat. Hija ddikjarat li hija pproponiet, waqt il-fażi tal-iżvilupp tad-deċiżjoni kkontestata, l-introduzzjoni ta’ koeffiċjent korrettur li kellu japplika għall-punti ta’ riferiment kollha u li kellu jiġi applikat abbażi tar-riżultati tal-istallazzjonijiet tal-faħam l-iktar effiċjenti jew tal-istallazzjonijiet li jużaw karburant li jarmi iktar emissjonijiet mill-gass naturali u mnaqqas għall-90 % tal-valur tiegħu, u dan kien jippermetti, pereżempju, li jintlaħqu t-tliet għanijiet sussidjarji tad-Direttiva 2003/87, jiġifieri li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mod effettiv min-naħa ta’ spejjeż u b’mod effiċjenti fil-livell ekonomiku. Il-Kummissjoni ċaħdet din il-proposta.

78      Insostenn tal-argument tagħha li l-punti ta’ riferiment ġew iddeterminati b’mod strett wisq, ir-Repubblika tal-Polonja tindika li l-prezz tas-suq tal-kwoti ta’ emissjoni, li jammonta għal madwar EUR 15 għal kull tunellata ta’ CO2, jista’ jilħaq, waqt it-tielet perijodu ta’ skambju, bejn EUR 30 għal kull tunellata CO2 jew EUR 48 għal kull tunellata CO2. Fir-rigward tal-industrija tas-siment, il-punt ta’ riferiment għall-clinker, kif iffissat mill-Kummissjoni, jimplika tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ mill-inqas 30 % għall-istallazzjonijiet minħabba l-użu ta’ karburant ieħor. Fir-rigward tas-settur tas-sħana, l-applikazzjoni tal-punt ta’ riferiment tas-sħana stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata twassal, mingħajr ma jittieħed kont tal-korrezzjonijiet għall-iffrankar, għal defiċit ta’ kwoti ta’ madwar 50 % ta’ dan is-settur. Sussegwentement, l-industrija kimika Pollakka jkollha tbati spejjeż li jammontaw għal EUR 257 miljun fl-2013 u EUR 381 miljun fl-2020. Għalhekk, għall-produzzjoni tas-soda, huwa neċessarju li l-emissjonijiet jitnaqqsu bi 30 %. Fir-rigward tal-industrija tal-karta, is-settur Pollakk għandu jnaqqas l-emissjonijiet b’madwar 45 %. Fir-rgward tas-settur tar-raffinerija, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li d-defiċit tal-kwoti ser tkun ta’ 28 % fl-2013. Barra minn hekk, dawn is-setturi industrijali diġà japplikaw l-aħjar tekniki disponibbli sabiex inaqqsu l-emissjonijiet.

79      Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja li, minħabba d-deċiżjoni kkontestata, it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ser jeċċedi l-limitu ta’ 20 % mill-2013, jeħtieġ li jiġi rrilevat li din id-dikjarazzjoni ma hija sostnuta minn ebda element ta’ fatt u ma hija bbażata fuq l-ebda prova. Kif tosserva l-Kummissjoni, l-entità tat-tnaqqis ma tiddependix biss fuq il-livell tal-punti ta’ riferiment, iżda fuq diversi fatturi, fosthom is-sitwazzjoni ekonomika fl-Ewropa u l-kundizzjonijiet ekonomiċi li jvarjaw b’mod kostanti.

80      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Polonja li d-determinazzjoni tal-punti ta’ riferiment fid-deċiżjoni kkontestata timplika, għall-istallazjonijiet ta’ ċerti industriji, tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ iktar minn 20 % fl-2013, jeħtieġ li jitfakkar li l-għan prinċipali tad-Direttiva 2003/87 huwa t-tnaqqis globali ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni minn issa sal-2020 tal-inqas b’ 20 % meta mqabbla mal-livelli tagħhom fl-1990. Issa, il-fatt li d-determinazzjoni tal-punti ta’ riferiment tista’ twassal għal defiċit ta’ kwoti mingħajr ħlas ta’ iktar minn 20 % fl-2013 għall-istallazzjonijiet ta’ ċerti industriji, ma jippermettix li jiġi konkluż li dawn l-istallazzjonijiet ser inaqqsu wkoll l-emissjonijiet tagħhom għal tali livell. Fil-fatt, peress li, skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/87, mill-2013, l-Istati Membri għandhom jirkantaw il-kwoti kollha li ma jiġux allokati mingħajr ħlas, dawn l-istallazzjonijiet ma humiex obbligati li jattwaw tali tnaqqis, iżda jistgħu jixtru f’irkant il-kwoti li jkunu jonqsuhom. Għalhekk huma liberi li jiddeterminaw il-livell sa liema huma jixtiequ jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-għan li jitnaqqsu b’mod globali l-imsemmija emissjonijiet fl-Unjoni minn issa sal-2020 tal-inqas b’20 % meta mqabbla mal-livelli tagħhom fl-1990 huwa intiż sabiex jinkiseb tnaqqas b’mod medju u ma jikkonċernax stallazzjoni speċifika.

81      Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Polonja tiddikjara li kien neċessarju li jiġi introdott koeffiċjenti ta’ korrezzjoni li kellu jiġi applikat għall-punti kollha ta’ riferiment ta’ tnaqqis u li kellu jiġi applikat abbażi tar-riżultati tal-istallazzjonijiet tal-faħam l-iktar effiċjenti jew tal-istallazzjonijiet li jużaw karburant li jarmi iktar emissjonijiet mill-gass naturali u mnaqqas għall-90 % tal-valur tiegħu, u dan kien jippermetti li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mod effettiv min-naħa ta’ spejjeż u b’mod effiċjenti fil-livell ekonomiku. F’dan ir-rigward, minn naħa, hemm lok li jitfakkar, li, filwaqt li tiddetermina l-punti ta’ riferiment tal-emissjoni, il-Kummissjoni kellha tosserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87. Issa, l-introduzzjoni ta’ fattur addizzjonali li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ karburant użat ma tinkoraġġixxix l-armonizzazzjoni sħiħa fil-livell tal-Unjoni ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni relatati mal-allokazzjoni armonizzata tal-kwoti mingħajr ħlas, li fil-kuntest tagħhom il-punt ta’ riferiment għandu jiġi kkalkulat, fil-prinċipju, għall-prodotti, kif previst fl-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, iżda jkollha bħala konsegwenza regoli differenti għall-istallazzjonijiet tal-istess settur jew tal-istess subsettur (ara l-punt 41 iktar ’il fuq).

82      Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Polonja bl-ebda mod ma wriet li l-introduzzjoni ta’ tali koeffiċjent ta’ korrezzjoni jkun effiċjenti fid-dawl tal-għan prinċipali tad-Direttiva 2003/87, jiġifieri t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-inqas b’20 % minn issa sal-2020. Barra minn hekk, mill-iżviluppi tar-Repubblika tal-Polonja ma jirriżultax li l-introduzzjoni ta’ tali koeffiċjent ta’ korrezzjoni ikun effiċjenti fid-dawl tal-għanijiet imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 għad-determinazzjoni tal-punti ta’ riferiment, jiġifieri l-garanzija li l-modalitajiet tal-allokazzjoni tal-kwoti jinkoraġġixxu l-użu ta’ tekniki effiċjenti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u jittejjeb ir-rendiment tal-enerġija, u billi ma jiġix imħeġġeġ it-tisħiħ tal-emissjonijiet. Il-fatt li l-leġiżlatur għażel, bħala punt tat-tluq sabiex jiġu definiti l-prinċipji tal-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment ex ante għal kull settur jew subsettur, il-prestazzjoni medja ta’ 10 % tal-istallazzjonijiet l-iktar effiċjenti ta’ settur jew ta’ subsettur tal-Unjoni matul is-snin 2007 sa 2008, juri li huwa kien jipprevedi li jistabbilixxi dawn il-punti ta’ riferiment f’livell ambizzjuż. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, b’mod kuntrarju għal dak li tallega r-Repubblika tal-Polonja, din id-dispożizzjoni ma tipprevedix li l-istallazzjonijiet għandhom jiksbu, skont is-settur, kwantità ta’ kwoti mingħajr ħlas li jikkorrispondu għal emissjoni ta’ 10 % tal-istallazzjonijiet l-iktar effiċjenti billi jużaw karburant partikolari. Fir-rigward tar-riferiment magħmul mir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż u għall-effiċjenza fil-livell ekonomiku, diġà ġiet kkonstatat li l-leġiżlatur, fil-kuntest tal-funzjonament tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti, ħa inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni u tal-ekonomija ta’ diversi reġjuni (ara l-punti 73 u 74 iktar ’il fuq).

83      Jeħtieġ ukoll li jiġi rrilevat li l-awment mil-ġdid tal-livell ta’ punt ta’ riferiment minħabba l-introduzzjoni ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni għal ċerti stallazzjonijiet tirriżulta fi kwantità ikbar ta’ kwoti mingħajr ħlas. Issa, tali awment mill-ġdid jista’ jwassal sabiex tinqabeż il-kwantità annwali massima ta’ kwoti msemmija fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 u sabiex issir neċessarja l-applikazzjoni ta’ fattur ta’ korrezzjoni uniformi transsettorjali. L-applikazzjoni ta’ dan il-fattur iwassal għal tnaqqis uniformi tal-kwantitajiet inizjali ta’ kwoti mingħajr ħlas fis-setturi u subsettur ikkonċernati kollha. L-awment tal-kwantitajiet ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas għall-istallazzjonijiet imsemmija permezz tal-introduzzjoni ta’ tali koeffiċjent ta’ korrezzjoni jista’ għaldaqstant iwassal għal tnaqqis ta’ dan it-tip ta’ kwoti għall-istallazzjonijiet l-oħra.

84      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Polonja li l-limiti dgħajjfa wisq tal-punti ta’ riferiment iwasslu għal tnaqqis puntwali drastiku tal-volumi ta’ kwoti mingħajr ħlas fl-2013, jeħtieġ li jitfakkar li, għall-perijodi ta’ skambju mill-2013, l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet hija bbażata fuq il-prinċipju tal-irkantar (premessa 15 tad-Direttiva 2009/29). Barra minn hekk, qabel ma ġie emendat bid-Direttiva 2009/29, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87 kien jipprovdi li, għall-perijodi ta’ skambju ta’ bejn l-2005 u l-2007 u ta’ bejn l-2008 u l-2012, l-Istati Membri kellhom jallokaw tal-inqas 95 % u 90 % rispettivament tal-kwoti mingħajr ħlas. Issa, l-iskema stabbilita fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 hija intiża, skont il-premessa 21 tad-Direttiva 2009/29, sabiex ikun żgurat li l-kwantità ta’ kwoti li għandhom jingħataw mingħajr ħlas fl-2013 jirrappreżentaw 80 % tal-kwantità li tikkorrispondi għal perċentwal tal-emissjonijiet globali tal-Komunità matul il-perijodu mill-2005 sal-2007 fejn dawk l-istallazzjonijiet kienu sorsi ta’ emissjoni imniżżla bħala proporzjon tal-kwantità annwali ta’ kwoti madwar il-Komunità kollha.

85      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet obbligata, skont l-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, li tadotta miżuri ta’ implementazzjoni armonizzati b’mod sħiħ madwar l-Unjoni fir-rigward tal-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas u li tikkalkula l-punt ta’ riferiment, għal kull settur u subsettur, fil-prinċipju, għall-prodotti b’mod li jiġu mmassimizzati t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-benefiċċji tal-effiċjenza enerġetika. Inerentement tali regoli ġenerali jkollhom effett ikbar fuq ċerti stallazzjonijiet iktar milli fuq oħrajn. Madankollu, peress li l-evalwazzjoni tan-neċessità għandha titwettaq inkonnessjoni mal-istallazzjonijiet kollha kkonċernati fl-Unjoni kollha, din il-konstatazzjoni ma tippermettix li jiġi konkluż li l-livell tal-punti ta’ riferiment ma kienx manifestament neċessarju fid-dawl tal-għanijiet imsemmija fid-Direttiva 2003/87.

86      Sussegwentement, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 10a(11) tad-Direttiva 2003/87, kien previst it-tnaqqis progessiv tal-kwantitajiet ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas kull sena fi kwantitajiet ugwali, sabiex jintlaħaq 30 % sal-2020, bil-ħsieb li l-kwoti mingħajr ħlas jispiċċaw sal-2027. Barra minn hekk, peress li d-Direttiva 2009/29, li kienet tinkludi r-regoli li jippermettu li jiġu ddeterminati l-punti ta’ riferiment ex ante, ġiet adottata sentejn qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u iktar minn tliet snin u nofs qabel l-applikazzjoni ta’ dawn il-punti ta’ riferiment prevista mill-2013, ir-Repubblika tal-Polonja ma tistax tippretendi li l-istallazzjonijiet kkonċernati ma kellhomx biżżejjed ħin sabiex jippreparaw ruħhom għar-regoli li jirregolaw il-perijodi ta’ skambju mill-2013.

87      Fil-ħames lok, ir-Repubblika tal-Polonja tiddikjara li d-Direttiva 2003/87 ma tipprovdix għal mekkaniżmu ta’ korrezzjoni meta n-numru ta’ kwoti mingħajr ħlas ikun insuffiċjenti għall-istallazzjonijiet ikkonċernati, iżda meta t-twettiq tal-għanijiet ta’ tnaqqis ikun żgurat. Huwa veru li, bl-applikazzjoni ta’ fattur ta’ korrezzjoni uniformi transsettorjali, l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi għal mekkaniżmu ta’ korrezzjoni meta n-numru totali inizjali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas innotifikati mill-Istati Membri jeċċedi l-kwantità massima ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas. Għall-kuntrarju, din id-direttiva ma tipprovdix għal mekkaniżmu ta’ korrezzjoni fis-sens kuntrarju. B’mod iktar preċiż, l-imsemmija direttiva ma timponix fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tiddefinixxi l-punti ta’ riferiment ex ante b’tali mod li tiġi eżawrita l-kwantità annwali massima ta’ kwoti mingħajr ħlas imsemmija fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87. Għall-kuntrarju, peress li l-allokazzjoni tal-kwoti hija bbażata fuq il-prinċipju tal-irkantar, ir-regoli li jikkonċernaw l-għoti ta’ kwoti mingħajr ħlas, imsemmija fl-Artikolu 10a tal-imsemmija direttiva, huma ta’ natura tranżitorja.

88      Isegwi li r-Repubblika tal-Polonja ma pproduċiet l-ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li d-determinazzjoni tal-punti ta’ riferiment mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma kinitx manifestament mhux neċessarja fid-dawl tal-għanijiet imsemmija fid-Direttiva 2003/87.

89      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-proporzjonalità fis-sens strett tad-deċiżjoni kkontestata, jeħtieġ li jitfakkar li, b’applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, anki jekk din tkun xierqa u neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti b’mod leġittimu, id-deċiżjoni kkontestata ma għandhiex tikkawża inkonvenjenzi sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet inkwistjoni. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tirriżulta fi tnaqqis tal-kompetittività tal-impriżi li jinsabu fi Stati Membri fejn il-produzzjoni hija bbażata fuq l-użu tal-faħam bħala karburant, meta mqabbla ma’ impiżi kompetituri li jinsabu fi Stati Membri fejn il-produzzjoni hija bbażata fuq l-użu ta’ sorsi oħra tal-enerġija bħall-gass naturali. Fil-fehma tagħha, dan iwassal, fl-ewwel grupp ta’ Stati, għal żidiet drastiċi tal-prezz tal-oġġetti, li jkollhom konsegwenzi soċjali u ekonomiċi serji. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata għandha influwenza negattiva sinjifikattiva fuq il-funzjonament tas-suq intern u tikkostitwixxi ostaklu għall-funzjonament tajjeb tiegħu. Hija ssostni li, f’każ ta’ implementazzjoni tal-punti ta’ riferiment tas-sħana adottati mill-Kummissjoni, mill-2013, il-prezz tat-tisħin urban jiżdied b’madwar 22 %.

90      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li l-ispejjeż imsemmija mir-Repubblika tal-Polonja għall-istallazzjonijiet kkonċernati huma marbuta mal-obbligu li jixtru fi rkant il-kwoti li jkunu jonqsuhom, li hija r-regola ġenerali implementata bid-Direttiva 2009/29. Skont il-prinċipju ta’ min iħammeġ iħallas, imsemmi fl-Artikolu 174(2) KE, l-għan tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti kien li jiġi ffissat prezz għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u li jħallu f’idejn l-operaturi l-għażla bejn il-ħlas tal-prezz jew it-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2003/87, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw, fil-limiti previsti minn din id-dispożizzjoni, l-użu li għandu jsir mid-dħul ġenerat mill-irkant ta’ kwoti. Għalhekk, huma jistgħu jikkontribwixxu sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż imsemmija mir-Repubblika tal-Polonja għall-istallazzjonijiet ikkonċernati.

91      Fit-tieni lok, l-ispejjeż li huma effettivament suġġetti għalihom l-istallazzjonijiet li jużaw karburant li jarmi ħafna gassijiet serra matul il-perijodu ta’ skambju mill-2013, jiddependu fuq il-prezz tas-suq tal-kwoti ta’ emissjoni. Issa, skont ir-Repubblika tal-Polonja, dan il-prezz kien ta’ EUR 15 għal kull tunellata ta’ CO2 f’Lulju tal-2011. Il-Kummissjoni tindika li, f’Ottubru tal-2011, dan il-prezz kien ta’ EUR 11 għal kull tunellata ta’ CO2. Fir-rigward ta’ dan il-prezz għall-perijodu ta’ skambju mill-2013, huwa stmat, skont ir-Repubblika tal-Polonja, li jkun ta’ EUR 30 għal kull tunellata ta’ CO2 sa EUR 48 għal kull tunellata ta’ CO2. Peress li dawk l-estimi ma humiex madankollu ċerti, ma huwiex eskluż li l-prezz ta’ kwota ta’ emissjoni tkun iktar irħisa jew iktar għolja. Għalhekk, l-ispejjeż effettivi ma jistgħux jiġu ddeterminati bil-quddiem.

92      Fit-tielet lok, jeħtieġ li jitfakkar li l-leġiżlatur, waqt li stabbilixxa skema ta’ skambju, ħa inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni u l-ekonomija tad-diversi reġjuni (ara l-punti 73 u 74 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, huwa stabbilixxa regoli għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għat-tisħin urban kif ukoll għall-koġenerazzjoni bil-għan li tiġi sodisfatta domanda ekonomikament ġustifikabbli meta mqabbla mal-produzzjoni tas-sħana jew tal-kesħa (Artikolu 10a(4) tad-Direttiva 2003/87). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87, l-Istati Membri jistgħu wkoll jadottaw miżuri finanzjarji favur settur jew subsetturi kkunsidrati bħala esposti għal riskju sinjifikattiv ta’ telf ta’ faħam minħabba l-ispejjeż marbuta mal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jiġu riflessi fil-prezz tal-elettriku, bil-għan li jinkiseb kumpens għal dawk l-ispejjeż. Barra minn hekk, l-Artikolu 10a(12) tad-Direttiva 2003/87 jinkludi regola speċjali għall-allokazzjoni tal-kwoti mingħajr ħlas tal-istallazzjonijiet tas-setturi jew subsetturi li huma esposti għal riskju kbir ta’ telf ta’ faħam.

93      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-Repubblika tal-Polonja ma pproduċiet l-ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li d-determinazzjoni ta’ punti ta’ riferiment mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma kinitx manifestament mhux proporzjonata fis-sens strett.

94      Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 kif ukoll fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni li tadotta d-deċiżjoni kkontestata

95      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tagħha, u li marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87

96      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87 peress li, waqt li tiddefinixxi l-punti ta’ riferiment ex ante, hija kellha tagħżel bħala l-punt tat-tluq il-metodu msemmi f’din id-dispożizzjoni u sussegwentement tikkoreġi l-livell b’hekk miksub billi tieħu kont tal-acquis kollu tal-Unjoni, jiġifieri b’mod partikolari, tad-dritt tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-istruttura tal-provvista tagħhom tal-enerġija, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli, tal-prinċipji tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Billi indikat, fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma saret l-ebda distinzjoni abbażi ta’ kriterji ġeografiċi jew abbażi tat-teknoloġiji, tal-materja prima jew tal-karburanti użati, il-Kummissjoni eliminat il-possibbiltà li tapplika r-regoli tal-acquis imsemmija iktar ’il fuq.

97      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi li, fid-definizzjoni tal-prinċipji għall-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment ex ante f’setturi jew f’subsetturi individwali, il-punt tat-tluq għandu jkun ir-rendiment medju tal-istallazzjonijiet li jiffurmaw l-ogħla 10 % tal-aktar istallazzjonijiet effiċjenti f’settur jew subsettur fil-Komunità fis-snin 2007 u 2008.

98      Għalhekk, din id-dispożizzjoni tiddefinixxi biss il-metodu li għandu jservi bħala punt tat-tluq sabiex jiġu definiti l-prinċipji għall-istabbiliment ta’ punti ta’ riferiment ex ante. Issa, ir-Repubblika tal-Polonja ma ssostnix li l-Kummissjoni wettqet żball meta ddefinixxiet dak il-punt tat-tluq, iżda hija tiddikjara li, ġaladarba ġie definit l-imsemmi punt tat-tluq wara li ġie applikat il-metodu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni kellha tikkoreġih billi tieħu inkunsiderazzjoni l-acquis kollu tal-Unjoni, partikolarment d-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni invokati fil-kuntest tal-ewwel, it-tieni u t-tielet motiv. Madankollu, tali obbligu ta’ korrezzjoni ma jirriżulta bl-ebda mod minn din id-dispożizzjoni.

99      Abbażi tal-punt tat-tluq definit wara l-applikazzjoni tal-metodu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni kellha tiddetermina l-punti ta’ riferiment ex ante filwaqt li tosserva r-regoli msemmija fl-Artikolu 10a(1) tal-istess direttiva. Għalhekk, partikolarment skont it-tielet u r-raba’ subparagrafu tal-imsemmi paragrafu 1, id-determinazzjoni tal-punti ta’ riferiment kellha tiżgura li l-modalitajiet tal-allokazzjoni tal-kwoti jinkoraġġixxu l-użu ta’ tekniċi effiċjenti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u sabiex jittejjeb ir-rendiment tal-enerġija, bl-użu tat-tekniki l-iktar effiċjenti, soluzzjonijiet u proċessi alternattivi ta’ produzzjoni, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet tal-iskart, l-użu tal-bijomassa u tal-ġabra u l-ħażna tas-CO2, fejn dawn il-faċilitajiet ikunu disponibbli, u ma għandhiex tinkoraġġixxi t-tisħiħ tal-emissjonijiet. Barra minn hekk, il-punt ta’ riferiment għandu jiġi kkalkulat għall-prodotti u mhux għall-inputs, sabiex jiġu mmassimizzati kemm jista’ jkun it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-effiċjenza enerġetika matul kull proċess ta’ produzzjoni tas-settur jew subsettur ikkonċernat.

100    Kif diġà ġie rrilevat, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina l-livell tal-punti ta’ riferiment ta’ emissjoni. Madankollu, anki fil-preżenza ta’ tali setgħa, hija kienet obbligata li tibbaża l-għażla tagħha fuq kriterji oġġettivi u xierqa fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ fatt kollha kif ukoll l-informazzjoni teknika u xjentifika disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-att inkwistjoni (ara l-punt 36 iktar ’il fuq).

101    Mill-premessi 5 sa 12 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-determinazzjoni tal-punti ta’ riferiment mill-Kummissjoni kienet preċeduta minn analiżi kumpless u minn konsultazzjonijiet mas-settur u mas-subsetturi. Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-istabbiliment tal-valuri tal-punti ta’ riferiment, jirriżulta mill-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni eżaminat jekk il-punti tat-tluq, imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87, kinux jirriflettu biżżejjed it-tekniki l-iktar effiċjenti, is-soluzzjonijiet u l-proċessi alternattivi ta’ produzzjoni, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet tal-iskart, l-użu tal-bijomassa u tal-ġabra u l-ħażna tas-CO2, fejn dawn il-faċilitajiet ikunu disponibbli.

102    Ma jirriżultax minn din l-analiżi li l-Kummissjoni, waqt li ddeterminat il-punti ta’ riferiment abbażi tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

103    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-Repubblika tal-Polonja relatat mad-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni invokati fil-kuntest tal-ewwel, it-tieni, u t-tielet motiv.

104    Fil-fatt, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Polonja, ibbażat fuq l-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, li d-deċiżjoni kkontestata tinċidi b’mod kunsiderevoli fuq l-għażla tagħha bejn sorsi differenti tal-enerġija u fuq l-istruttura ġenerali tal-provvista tagħha tal-enerġija (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), jeħtieġ li jitfakkar li l-leġiżlatur, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2009/29, kellu l-intenzjoni li jimplementa skema iktar armonizzata ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni, kif tirriżulta mill-premessa 8 tagħha. Din l-iskema hija bbażata partikolarment fuq l-introduzzjoni tal-prinċipju tal-irkantar għall-allokazzjoni ta’ kwoti mill-2013, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87, u tipprovdi għal regoli tranżitorji li jikkonċernaw l-għoti ta’ kwoti mingħajr ħlas imsemmija fl-Artikolu 10a tal-imsemmija direttiva.

105    Kif diġà ġie kkonstatat, huwa inerenti li l-miżuri armonizzati b’mod sħiħ fil-livell tal-Unjoni relatati mal-allokazzjoni armonizzata tal-kwoti mingħajr ħlas, imsemmija fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, ikollhom effett ikbar fuq ċerti stallazzjonijiet iktar milli fuq oħrajn (ara l-punt 85 iktar ’il fuq). Bil-għan li jingħata kumpens għall-konsegwenzi negattivi eventwali tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, kif emendata bid-Direttiva 2009/29, mill-2013 għal ċerti Stati Membri, il-leġiżlatur ħa inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni u l-ekonomija ta’ diversi reġjuni (ara l-punti 73 u 74 iktar ’il fuq).

106    Ir-regoli tranżitorji li jikkonċeraw l-għoti ta’ kwoti mingħajr ħlas li, skont l-Artikolu 10a(11) tad-Direttiva 2003/87, ser jonqsu kull sena fi kwantitajiet ugwali, ma humiex limitati sabiex jiġu ddeterminati l-punti ta’ riferiment fid-deċiżjoni kkontestata. Huwa veru li l-valur tal-punti ta’ riferiment huwa determinanti sabiex tiġi kkalkulata l-kwantità ta’ kwoti mingħajr ħlas li għandhom jiġu allokati lil istallazzjoni (ara l-punt 41 iktar ’il fuq). Madankollu, skont l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, il-kwantità annwali massima ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas hija limitata. Jekk in-numru annwali provviżorju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas matul il-perijodu ta’ bejn l-2013 u l-2020, kif ippreżentat mill-Istati Membri, skont l-Artikolu 11(1) tal-imsemmija direttiva u tal-Artikolu 15(1) u (2)(e) tad-deċiżjoni kkontestata, jaqbeż il-limitu msemmi fl-Artikolu 10a(5) ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tapplika fattur ta’ korrezzjoni uniformi transsettorjali li jwassal għal tnaqqis tan-numru ta’ kwoti mingħajr ħlas fis-setturi kollha. Barra minn hekk, diġà ġie kkonstatat li l-għażla li jintuża r-rendiment ta’ karburant ieħor minflok il-gass naturali, pereżempju l-faħam, ma kinitx tippermetti li jiġi evitat il-fatt li l-istallazzjonijiet li jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti minħabba l-użu ta’ karburanti differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali (ara l-punt 50 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li l-istallazzjonijiet ma humiex obbligati li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra, iżda jistgħu jixtru b’irkant il-kwantitajiet li jkunu jonqsuhom. Għalhekk huma liberi li jiddeterminaw il-livell sa liema huma jixtiequ jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ara l-punt 80 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, fost ir-regoli tranżitorji msemmija fl-Artikolu 10a tal-istess direttiva hemm regoli partikolari għall-istallazzjonijiet tas-setturi jew tas-subsetturi li huma esposti għal riskju kbir ta’ telf ta’ faħam (ara l-punt 57 iktar ’il fuq).

107    Isegwi li l-effetti tal-iskema ta’ skambju ta’ emissjoni fuq l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti tal-enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija, ddikjarati mir-Repubblika tal-Polonja, jirriżultaw, essenzjalment, mir-regoli msemmija fid-Direttiva 2003/87 u mhux mill-punti ta’ riferiment bħal dawk determinati fid-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, anki jekk jiġi preżunt li tali effetti jeżistu, ħaġa ma ntwerietx mir-Repubblika tal-Polonja, peress li hija tirreferi biss għall-ispejjeż addizzjonali marbuta ma’ numru insuffiċjenti ta’ kwoti mingħajr ħlas għall-operaturi ta’ stallazzjonijiet minħabba punti ta’ riferiment ex ante allegatament baxxi wisq (ara l-punt 78 iktar ’il fuq), dawn huma l-konsegwenza tal-imsemmija direttiva u mhux tad-deċiżjoni kkontestata li tikkostitwixxi biss applikazzjoni ġusta tagħha.

108    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-Artikolu 191(2) TFUE moqri flimkien mal-paragrafu 3 tiegħu, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, minħabba li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tiddefinixxi l-punt ta’ riferiment ta’ prodott, kriterji ġeografiċi, tat-teknoloġiji, tal-materja prima jew tal-karburanti użati, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli, imsemmi b’mod ġenerali fl-Artikolu 11 TFUE u implementat fil-qasam tal-ambjent fl-Artikolu 191(2) TFUE. Għall-kuntrarju ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-implementazzjoni tal-politika tagħha tal-protezzjoni tal-ambjent, tal-kriterju tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fir-reġjuni differenti tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 191(3) TFUE, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-vantaġġi u l-ispejjeż li jirriżultaw mill-implementazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent u, f’dak ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti soċjali, umanitarji u ambjentali kif ukoll tal-benefiċċji mhux materjali. Skont ir-Repubblika tal-Polonja, il-paragun ta’ din l-informazzjoni relatata mal-użu minnha ta’ sorsi differenti tal-enerġija ma’ dik ta’ Stati Membri oħra jikkonferma l-ispeċifiċità tagħha bħala Stat Membru li jikkonsma l-iktar faħam b’intensità qawwija, filwaqt li huwa wieħed mill-ikbar produtturi ta’ dan il-karburant. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata jobbligha li tiddefinixxi mill-ġdid il-politika tagħha tal-enerġija fl-intier tagħha.

109    Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li d-Direttiva 2003/87 hija bbażata fuq l-Artikolu 175(1) KE li jistabbilixxi li l-Kunsill kien awtorizzat li jiddeċiedi dwar l-azzjonijiet li għandha tieħu l-Komunità bil-għan li twettaq l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 174 KE (li sar, wara li ġie emendat, l-Arikolu 191 TFUE). Dawk l-għanijiet kienu, skont l-Artikolu 174(1) KE, is-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem, l-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali kif ukoll il-promozzjoni, fil-livell internazzjonali, ta’ miżuri sabiex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali. Skont il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, il-politika tal-Komunità fil-qasam tal-ambjent kellha l-mira ta’ protezzjoni ta’ livell għoli li tieħu kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Unjoni. Hija kienet ibbażata fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva, fuq il-prinċipju li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità tissewwa f’ras il-għajn u fuq il prinċipju ta’ min iniġġeż iħallas. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu kien jipprevedi li, fl-iżvilupp tal-politika tagħha fil-qasam tal-ambjent, il-Komunità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-vantaġġi u l-piżijiet li jistgħu jirriżultaw minn azzjoni jew minn nuqqas ta’ azzjoni.

110    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Polonja li l-Kummissjoni, waqt li tiddetermina l-punti ta’ riferiment ta’ prodott, ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-diversità tas-sitwazzjonijiet fir-reġjuni differenti tal-Unjoni, hemm lok li jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni kellha tadotta miżuri ta’ eżekuzzjoni armonizzati b’mod sħiħ fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, trattament differenzjat tar-reġjuni tal-Unjoni skont is-sorsi tal-enerġija fit-territorju tagħhom iwassal, fil-fatt, sabiex jiġu aċċettati livelli ogħla ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’ċerti reġjuni. Issa, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tal-imsemmija direttiva, il-punt ta’ riferiment għandu jiġi kkalkulat għall-prodotti b’mod li jiġi mmassimizzat it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-leġiżlatur, fil-kuntest tal-funzjonament tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti, ħa inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni u l-ekonomija tad-diversi reġjuni (ara l-punti 73 u 74 iktar ’il fuq).

111    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument li, minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-vantaġġi u l-piżijiet li jirriżultaw mid-determinazzjoni tal-punti ta’ riferiment ta’ prodott fid-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika tal-Polonja hija obbligata li tiddefinixxi mill-ġdid fl-intier tagħa l-politika tagħha tal-enerġija li hija bbażata fuq ir-riżorsi nazzjonali tal-faħam, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87, l-allokazzjoni tal-kwoti mingħajr ħlas lill-produtturi tal-elettriku hija, fil-prinċipju, eskluża. Il-possibbiltà tal-allokazzjoni b’mod tranżitorju ta’ kwoti mingħajr ħlas lill-istallazzjoniet tal-produzzjoni tal-elettriku hija prevista biss bħala eċċezzjoni fl-Artikolu 10ċ tal-imsemmija direttiva. Għalkemm huwa veru li l-politika tal-enerġija ta’ Stat Membru ma tikkonċernax biss is-settur tal-elettriku, iżda hija marbuta qabel kollox mal-istruttura tal-provvistà tiegħu tal-enerġija, mal-interdipendenza bejn is-sorsi tal-enerġiji użati u mal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent, hemm lok li jiġi rrilevat li d-determinazzjoni tal-punti ta’ riferiment ta’ prodott fid-deċiżjoni kkontestata ma timpedixxix l-użu ta’ teknoloġiji bbażati fuq il-faħam. Din id-deċiżjoni jista’ jkollha l-konsegwenza, minn naħa, li l-istallazzjonijiet li jużaw dawn it-teknoloġiji jkollhom jinvestu f’teknoloġiji innovattivi li jippermettu li jitnaqqas iktar u iktar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Permezz ta’ dan, ma huwiex eskluż li dawn l-istallazzjonijiet ikomplu jużaw teknoloġiji bbażati fuq il-faħam peress li, kif tikkonferma r-Repubblika tal-Polonja, dawn irreġistraw tnaqqis kostanti fl-intensità tal-emissjoni. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata jista’ jkollha l-konsegwenza li dawn l-istallazzjonijiet ikollhom, skont il-prinċipju ta’ min iniġġeż iħallas imsemmi fl-Artikolu 191(2) TFUE, jixtru b’irkant il-kwoti neċessarji sabiex ikopru dawn l-emissjonijiet iġġenerati mill-attività tagħhom tal-produzzjoni li ma jkunux koperti mill-kwoti allokati mingħajr ħlas. Madankollu, tali konsegwenzi kienu diġà ġew previsti f’din id-direttiva. Għalhekk, ir-Repubblika tal-Polonnja ma wrietx li d-deteriminazzjoni tal-punti ta’ riferiment ta’ prodott fid-deċiżjoni kkontestata tobbligha li tiddefinixxi mill-ġdid il-politika tagħha tal-enerġija fl-intier tagħha.

112    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Polonja bbażat fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE kif ukoll fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li jirriżulta mill-premessi relatati mal-ewwel motiv, mal-ewwel parti tat-tieni motiv u mat-tielet motiv li dan l-argument għandu jiġi miċħud.

113    Sa fejn ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, fir-replika tagħha, li d-deċiżjoni kkontestata għandha tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni fl-intier tagħha, hija ma tippreċiżax sal-grad rikjest mil-liġi, id-dispożizzjoni li allegatament ġiet miksura. Issa, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, kif ukoll skont l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu b’mod partikolari jkun jinkludi espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex il-konvenuta tkun tista’ tipprepara d-difiża tagħha u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Marzu 2008, European Service Network vs Il-Kummissjoni, T‑332/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 229, u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    Konsegwentement, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, moqri flimkien mal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva

115    Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Kummissjoni kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, peress li din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata b’kunsiderazzjoni tal-għanijiet ta’ din id-direttiva, jiġifieri t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-effettività tal-miżuri f’termini ta’ spejjeż u l-effiċjenza ekonomika tagħhom. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tal-imsemmija direttiva, il-Kummissjoni kienet obbligata li tiddefinixxi metodu li jippermetti l-istabbiliment ta’ punti ta’ riferiment ta’ emissjoni mingħajr ma jiġu emendati l-elementi essenzjali tal-imsemmija direttiva. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ din id-deċiżjoni fuq it-twettiq ta’ dawk l-għanijiet relatati mal-effettività tal-miżuri f’termini ta’ spejjeż u mal-effiċjenza ekonomika tagħhom, meta, skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, l-għanijiet kollha previsti f’din id-direttiva huma ta’ importanza ugwali.

116    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li dan l-argument huwa biss riproduzzjoni ta’ dak ippreżentat fil-kuntest tat-tielet motiv u relatat mal-allegata natura inadegwata tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 2003/87. Għalhekk dan għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet (ara l-punti 66 sa 76 iktar ’il fuq).

117    Għaldaqstant, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata

118    Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenzi li ġew attribwita lilha skont id-Direttiva 2003/87, peress li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-kuntest tal-ewwel, it-tieni u t-tielet motivi u li hija biddlet b’mod sostanzjali l-elementi essenzjali tal-imsemmija direttiva. Fl-opinjoni tagħha, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix miżura ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija direttiva, iżda miżura li toħloq politika awtonoma tal-Unjoni dwar il-klima.

119    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, dwar l-allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-kuntest tal-ewwel, it-tieni u t-tielet motiv, dan l-argument huwa biss riproduzzjoni ta’ dak ippreżentat fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv relatat mal-allegat obbligu ta’ korrezzjoni tal-punt tat-tluq sabiex jiġu definiti l-prinċipji ta’ stabbiliment tal-punti ta’ riferiment ex ante, imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87. Għalhekk dan għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet (ara l-punti 96 sa 114 iktar ’il fuq).

120    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat tibdil tal-elementi essenzjali tad-Direttiva 2003/87, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rekwiżit li l-miżuri ta’ eżekuzzjoni armonizzati b’mod sħiħ fil-livell tal-Unjoni relatati mal-allokazzjoni armonizzata tal-kwoti mingħajr ħlas huma intiżi sabiex jimmodifikaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-direttiva, jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tal-imsemmija direttiva. Issa, l-argument tar-Repubblika tal-Polonja relatat ma’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni diġà ġie miċħud fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv. Peress li r-Repubblika tal-Polonja ma tippreżenta, fil-kuntest ta’ din il-parti, l-ebda element addizzjonali, din għandha għalhekk tiġi wkoll imwarrba.

121    Fit-tielet lok, hemm lok li jiġi rrilevat li l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Polonja fil-kuntest ta’ din il-parti ma ma humiex kapaċi juru li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kieku l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-kuntest tal-ewwel, it-tieni u t-tielet motiv u li kieku hija biddlet b’mod sostanzjali l-elementi essenzjali tad-Direttiva 2003/87, hija kienet twettaq żball ta’ liġi waqt id-determinazzjoni tal-punti ta’ riferiment. Madankollu dawn l-argumenti ma jikkonċernawx il-kwistjoni dwar il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-punti ta’ riferiment.

122    Konsegwentement, it-tielet parti ta’ dan il-motiv u għalhekk dak il-motiv fl-intier tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

123    Minn dak kollu li ntqal, jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

124    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

125    Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata għall-ispejjeż.

Dittrich

Wiszniewska-Białecka

Prek

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Marzu 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.