Language of document : ECLI:EU:C:2014:354

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fit-22 ta’ Mejju 2014 (1)

Kawża C‑108/13

Mac GmbH

vs

Ministère de l’Agriculture, de l’Agroalimentaire et de la Forêt

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza)]

“Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq — Importazzjoni parallela — Rekwiżit, fl-Istat ta’ esportazzjoni, ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq mogħtija skont id-Direttiva 91/414/KEE”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d’État (Franza) fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Mac GmbH (iktar ’il quddiem “Macˮ) u l-Ministru responsabbli mill-agrikoltura u s-sajd dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jawtorizza t-tqegħid fis-suq fi Franza, bħala importazzjoni parallela, ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li għandu tali awtorizzazzjoni fir-Renju Unit, tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE.

2.        Hija tqajjem il-kwistjoni jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tillimita l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela skont proċedura semplifikata biss għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom, fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni, awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq (iktar ’il quddiem l-“ATSˮ) skont id-Direttiva 91/414/KEE (2) (iktar ’il quddiem id-“Direttivaˮ), li jimpedixxu, b’dan il-mod, l-importazzjoni parallela mill-ġdid ta’ dawn il-prodotti.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-dritt primarju

3.        L-Artikolu 34 TFUE jipprojbixxi, bejn l-Istati Membri, ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, kif ukoll il-miżuri kollha li għandhom effett ekwivalenti. Skont l-Artikolu 36 TFUE, “[i]d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 34 u 35 KE inklużi m’għandhomx jeskludu projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet dwar l-importazzjoni, esportazzjoni jew transitu meta dawn ikunu ġustifikati abbażi ta’ […] il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni jew ta’ annimali, jew il-preservazzjoni tal-pjanti […]. Madankollu dawn il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet m’għandhomx jikkostitwixxu la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membriˮ.

2.      Id-Direttiva

4.        Id-Direttiva tipprovdi regoli uniformi dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-għoti, għar-reviżjoni u għall-irtirar ta’ ATS ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (3), bil-għan, minn naħa waħda, li jeliminaw l‑ostakoli għall-moviment liberu tal-imsemmija prodotti u ta’ prodotti veġetali li jirriżultaw mill-eżistenza ta’ liġijiet nazzjonali differenti (4) u, min-naħa l-oħra, li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent kontra t-theddid u r-riskji li jirriżultaw mill-użu mhux kontrollat ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (5).

5.        Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, “[l]-Istati Membri għandhom jistipulaw illi l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti ma jistgħux jiġu introdotti fis-suq u użati fit-territorju tagħhom sakemm ma jkunux awtorizzaw il-prodott skond din id-Direttiva […].ˮ L-importazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tal-Komunità għandha titqies li tikkostitwixxi “introduzzjoni [tqegħid] fis-suqˮ għall-iskopijiet tad-Direttiva (6).

6.        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jipprovdi, fil-punti (b) sa (f), il-kundizzjonijiet fir-rigward, b’mod partikolari, tal-effikaċja u n-nuqqas ta’ effetti dannużi fuq is-saħħa tal-bnedmin, tal-annimali u fuq l-ambjent, li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jissodisfa sabiex jiġi awtorizzat. Skont il-paragrafu (3) tal-istess artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti “tiġi stabbilita minn testijiet u analiżi uffiċjali jew rikonoxxuti uffiċjalment imwettqa taħt kondizzjonijiet agrikoli, tas-saħħa tal-pjanti u ambjentali relevanti għall-użu tal-prodott għall-ħarsien tal-pjanti kkonċernat u li jirrappreżentaw dawk il-kondizzjonijiet li jeżistu fl-inħawi fejn il-prodott huwa mistenni li jintuża, fit-territorju ta’ l-Istat Membru interessat.ˮ

7.        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva, “[a]pplikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti għandha ssir minn jew f’isem il-persuna responsabbli sabiex ipoġġiha għall-ewwel darba fis-suq ġo Stat Membru lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru meta l-prodott għall-ħarsien tal-pjanti huwa intiż biex jitpoġġa fis-suq”. Meta prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jkun diġà ġie awtorizzat fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru li fih tiġi sottomessa applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandu, skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva, jastjeni, sakemm il-kundizzjonijiet agrikoli, tal-protezzjoni tal-pjanti u ambjentali, b’mod partikolari klimatiċi, rilevanti għall-użu tal-prodott ikunu komparabbli fir-reġjuni inkwistjoni, milli jitlob ir-repetizzjoni ta’ testijiet u analiżijiet li jkunu diġà twettqu u, taħt ċerti kundizzjonijiet, jawtorizza wkoll it-tqegħid fis-suq tal-imsemmi prodott fit-territorju tiegħu. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva ma fiha l-ebda dispożizzjoni li tirregola l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ ATS fil-każ fejn il-prodott huwa s-suġġett ta’ importazzjoni parallela.

3.      Ir-Regolament Nru 1107/2009

8.        Minkejja li ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, ir-Regolament Nru 1107/2009, li daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Diċembru 2009 u li ssostitwixxa d-Direttiva, fih dispożizzjonijiet li għandhom jitfakkru. L-Artikolu 52(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kummerċ parallel”, jipprovdi:

“Prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun awtorizzat fi Stat Membru wieħed (Stat Membru ta’ oriġini) jista’, soġġett għall-għoti ta’ permess kummerċjali parallel, jiġi introdott, imqiegħed fis-suq jew użat fi Stat Membru ieħor (Stat Membru ta’ introduzzjoni), jekk dan l-Istat Membru jiddetermina li l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti huwa identiku fil-kompożizzjoni għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti diġà awtorizzat fit-territorju tiegħu (prodott ta’ referenza). L-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni.ˮ

9.        Il-paragrafu 2 tal-istess artikolu jipprovdi li l-permess kummerċjali parallel għandu jingħata skont proċedura semplifikata fi żmien 45 jum ta’ ħidma minn meta tiġi rċevuta applikazzjoni kompleta, u li, fuq talba, l‑Istati Membri għandhom jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni meħtieġa biex jevalwaw jekk il-prodott huwiex identiku mal-prodott ta’ referenza. Il-paragrafu 3 jispeċifika, fil-punti (a) sa (c), il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom jitqiesu li huma identiċi għall-prodotti ta’ referenza (7) filwaqt li l-paragrafu 4 jipprovdi li “[i]r-rekwiżiti ta’ informazzjoni jistgħu jiġu emendati jew ikkompletati u għandhom jiġu stabbiliti dettalji oħra u rekwiżiti speċifiċiˮ, b’mod partikolari, “fil-każijiet ta’ applikazzjoni għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li għalih diġà ngħata permess kummerċjali parallelˮ. Il-paragrafi 5 sa 8 jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq u għall-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għalihom ikun ingħata permess kummerċjali parallel, il-perijodu u l-kundizzjonijiet ta’ validità ta’ dan tal-aħħar, b’mod partikolari fil-każ ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza mid-detentur tagħha, kif ukoll is-sistema li għaliha tali permess huwa suġġett u l-kundizzjonijiet għall-irtirar tiegħu, fil-każ ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni tal-prodott fl-Istat Membru ta’ oriġini. Il‑paragrafu 9 jipprovdi li meta l-prodott li għalih jintalab il-permess ma huwiex identiku għall-prodott ta’ referenza fis-sens tal-paragrafu 3, l-Istat Membru ta’ introduzzjoni jista’ jagħti biss awtorizzazzjoni wara evalwazzjoni kompleta skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1107/2009, li jirriproduċi, essenzjalment, l-Artikolu 4 tad-Direttiva. Finalment, il‑paragrafi 10 u 11 jipprovdu, rispettivament, ċerti eċċezzjonijiet għall‑applikazzjoni tas-sistema ta’ permess kummerċjali parallel u dispożizzjonijiet fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-permessi għal kummerċ parallel.

B –    Id-dritt nazzjonali

10.      Skont l-Artikolu L. 253‑1 tal-Kodiċi rurali, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali (8), “[i]t-tqegħid fis-suq, l-użu u ż-żamma mill-utent finali ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti huma pprojbiti jekk ma jkollhomx awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq […]ˮ.

11.      L-Artikolu R 253‑2 tal-Kodiċi rurali, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali (9), jipprovdi:

“L-introduzzjoni fit-territorju nazzjonali ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li joriġina minn Stat li jinsab fiż-Żona Ekonomika Ewropea u li fih diġà jibbenefika minn [ATS] mogħtija skont id-Direttiva […], u li huwa identiku għal prodott [ta’ referenza] hija awtorizzata taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

Il-prodott ta’ referenza għandu jibbenefika minn [ATS] mogħtija mill-Ministru responsabbli mill-agrikoltura […]

L-identiċità tal-prodott introdott fit-territorju nazzjonali mal-prodott ta’ referenza għandha tiġi evalwata fid-dawl tat-tliet kriterji li ġejjin:

oriġini komuni taż-żewġ prodotti fis-sens li ġew immanifatturati skont l-istess formula, mill-istess kumpannija jew minn impriżi relatati jew li joperaw taħt liċenzja;

manifattura bl-użu tal-istess sustanza jew sustanzi attivi;

effetti simili taż-żewġ prodotti, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi li jistgħu jeżistu fuq il-livell tal-kundizzjonijiet agrikoli, tal-protezzjoni tal-pjanti u ambjentali, b’mod partikolari dawk klimatiċi, marbuta mal-użu tal-prodotti.”

12.      Skont l-Artikolu R. 253‑53 (10), digriet tal-Ministru responsabbli mill-agrikoltura għandu jistabbilixxi l-lista ta’ informazzjoni li għandha tingħata insostenn tal-applikazzjoni għat-tqegħid fis-suq fit-territorju nazzjonali ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li joriġina minn Stat li huwa parti fil-Ftehim ŻEE, b’mod partikolari dik relatata mal-applikant għall-awtorizzazzjoni u mal-prodott li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni. Dan l-istess artikolu jipprovdi li, sabiex tiġi stabbilita l-identiċità bejn il-prodott introdott fit-territorju nazzjonali u l-prodott ta’ referenza, il-Ministru responsabbli mill-agrikoltura jista’ juża l-informazzjoni li tinsab fil-fajl tal-prodott ta’ referenza, jitlob lid-detentur tal-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza sabiex jagħtih l-informazzjoni li huwa għandu, kif ukoll jitlob informazzjoni mill-awtoritajiet tal-Istat li awtorizza l-prodott li huwa s-suġġett tal-introduzzjoni fit-territorju nazzjonali skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(5) tad-Direttiva.

13.      L-Artikolu R. 253‑55 tal-Kodiċi rurali, fil-verżjoni tiegħu fis‑seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva li hija s‑suġġett tal-kawża prinċipali (11), jipprovdi:

“L-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-prodott introdott fit-territorju nazzjonali tista’ tiġi rrifjutata jew irtirata:

1°      Għal raġunijiet ibbażati fuq il-protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent;

2°      Għal nuqqas ta’ identiċità, fis-sens tal‑Artikolu R. 253‑52 mal-prodott ta’ referenza;

3°      Għal nuqqas ta’ konformità tal-imballaġġ u tal-ittikkettjar mal-kundizzjonijiet imposti mill-Artikoli 1 sa 4 tad‑Digriet tal-11 ta’ Mejju 1937 dwar l-applikazzjoni tal-Liġi tal-4 ta’ Awwissu 1903 dwar il-ġlieda kontra l-frodi fil-kummerċ ta’ prodotti użati għall-qerda tal-parassiti.

Qabel ir-rifjut jew l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, l-applikant għall-awtorizzazzjoni jew id-detentur tagħha għandu jingħata l-opportunità li jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-agrikoltura.ˮ

III – Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.      Il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti Cerone kellu, fil-perijodu li fih seħħew il-fatti, ATS fi Franza, mogħtija lil Bayer Cropscience France, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Sussegwentement, il‑kummerċjalizzazzjoni ta’ dan il-prodott ġiet awtorizzata fir-Renju Unit bħala importazzjoni parallela taħt l-isem “Agrotech Ethephonˮ (12).

15.      Fis-27 ta’ Novembru 2007, Mac issottomettiet applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela fi Franza tal-prodott Agrotech Ethephon sabiex tbigħu taħt l-isem “Mac Ethephoneˮ.

16.      Fl-20 ta’ Frar 2008, l-Aġenzija Franċiża tas-Sigurtà Sanitarja tal-Ikel (iktar ’il quddiem l-“AFSSAˮ) adottat opinjoni favorevoli għal din l-applikazzjoni, filwaqt li spjegat li s-sustanza attiva tal-prodott Agrotech Ethephon kellha l-istess oriġini bħall-prodott ta’ referenza Cerone, u li l-kompożizzjonijiet integrali tagħhom setgħu jiġu kkunsidrati identiċi.

17.      Fid-29 ta’ Mejju 2009, il-Ministru responsabbli mill-agrikoltura ċaħad l‑imsemmija applikazzjoni, għaliex il-prodott Agrotech Ethephon fir-Renju Unit ma kellux ATS mogħtija skont id-Direttiva, kuntrarjament għal dak stabbilit mill-Artikolu R. 253‑52 tal-Kodiċi rurali Franċiż (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rifjutˮ).

18.      Fil-21 ta’ Lulju 2009, Mac ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut billi sostniet, b’mod partikolari, li d‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu R. 253‑52 tal-Kodiċi rurali kienu inkompatibbli mal-Artikolu 34 TFUE peress li ma kinux jippermettu l‑għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela għal prodott li diġà kellu tali awtorizzazzjoni fl-Istat ta’ esportazzjoni.

19.      Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Frar 2011, il-President tat-Tribunal amministrattiv ta’ Pariġi bagħat ir-rikors quddiem il-Conseil d’État (13), li ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“L-Artikoli 34 u 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta b’mod partikolari l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq bħala importazzjoni parallela ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għall-kundizzjoni li l-prodott ikkonċernat jibbenefika, fl-Istat ta’ esportazzjoni, minn awtorizzazzjoni maħruġa skont id-Direttiva […], u, konsegwentement, ma tippermettix il-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq bħala importazzjoni parallela ta’ prodott li jibbenefika, fl-Istat ta’ esportazzjoni, minn awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq bħala importazzjoni parallela u li jkun identiku għal prodott awtorizzat fl-Istat ta’ importazzjoni?ˮ

20.      Mac, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u għamlu sottomissjonijiet orali waqt is-seduta tas-6 ta’ Marzu 2014.

IV – Sommarju tal-osservazzjonijiet imressqa mill-partijiet

21.      Mac tikkunsidra, prinċipalment, li r-rekwiżit ta’ ATS mogħtija skont id-Direttiva fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni kuntrarja għall-Artikolu 34 TFUE. Fl-opinjoni tagħha, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-ewwel tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fi Stat Membru, li jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, u l-importazzjoni parallela ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti meta mqabbel ma’ prodott li diġà għandu ATS fl-Istat Membru ta’ importazzjoni, li taqa’, għall-kuntrarju, taħt il-moviment liberu tal-merkanzija.

22.      Fl-ewwel lok, hija tosserva li l-prodott ta’ referenza tal‑prodott li hija tixtieq timporta kellu diġà żewġ ATS skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fi Franza u fir-Renju Unit (taħt l-isem “Ceroneˮ), kif ukoll awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela fir-Renju Unit (taħt l-isem “Agrotech Ethephonˮ). F’tali ċirkustanzi, li tissuġġetta l-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni għall-kundizzjoni addizzjonali li l-prodott li ser jiġi importat ikollu ATS mogħtija skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fir-Renju Unit — li, barra minn hekk, ma setgħetx tiġi ssodisfatta, peress li d-Direttiva ma kinitx tipprovdi għal proċedura għall- awtorizzazzjoni ta’ prodott importat parallelament — jikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva msemmija fl-Artikolu 34 TFUE, kif ukoll applikazzjoni żbaljata tad‑Direttiva.

23.      Barra minn hekk, li tintalab tali awtorizzazzjoni ma jikkorrispondix ma’ għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin jew tal‑annimali jew tal-ambjent — li għalih, mill-bidu nett, id-deċiżjoni ta’ rifjut ma tagħmel l-ebda riferiment —, peress li l-analiżijiet meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti r-riskji relatati mal-prodott importat kienu diġà saru u peress li kienu saru analiżijiet simili fuq il-prodott ta’ referenza. Anki jekk jitqies iġġustifikat għal dan il-għan, tali rekwiżit ikun, fi kwalunkwe każ, sproporzjonat, peress li jeżistu miżuri alternattivi inqas restrittivi, bħall-possibbiltà li jiġu kkonsultati l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ esportazzjoni fil-kuntest tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni stabbilita mid-Direttiva, li tiżgura t‑traċċabbiltà ta’ kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti u tippermetti li tiġi vverifikata faċilment l-identiċita bejn il-prodott li tintalab l-importazzjoni parallela tiegħu u l-prodott ta’ referenza.

24.      Fit-tieni lok, Mac tilmenta li l-awtoritajiet Franċiżi rrifjutaw l-applikazzjoni tagħha abbażi tas-sempliċi konstatazzjoni li l-prodott inkwistjoni ma kellux, fir-Renju Unit, ATS mogħtija “skontˮ id-Direttiva, mingħajr ma eżaminaw jekk l-imsemmi prodott kienx identiku għal prodott diġà ppreżentat fis-suq Franċiż u setax, għalhekk, jibbenefika mill-ATS mogħtija għal dan il-prodott. Hija ssostni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja pprovdiet regoli speċifiċi għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkunu s-suġġett ta’ importazzjoni parallela, billi ssuġġettaw tali tqegħid għall-kundizzjoni waħdanija li tkun diġà ngħatat ATS fl-Istat Membru ta’ importazzjoni għal prodott identiku għall-prodott importat. Din il-ġurisprudenza għandha tiġi estiża għall-prodotti li huma s-suġġett ta’ importazzjonijiet paralleli suċċessivi, tal-inqas f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, jiġifieri meta l-prodott huwa importat mill-ġdid fl-Istat Membru li fih tkun ingħatat l-ewwel ATS abbażi tad-Direttiva.

25.      Sussidjarjament, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal biex tikkunsidra li l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE ma jipprekludux ir-rekwiżit ta’ ATS mogħtija skont id-Direttiva, Mac issostni li l-awtorizzazzjoni parallela mogħtija fir-Renju Unit għandha tiġi kkunsidrata li ngħatat “skontˮ id-Direttiva għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu R. 253‑52 tal-Kodiċi rurali, kif ġie aċċettat fl-opinjoni favorevoli tal-AFSSA, peress li din hija bbażata fuq is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni stabbilita mid-Direttiva. Hija ssostni li diversi Stati Membri, fosthom ir-Repubblika Franċiża, awtorizzaw importazzjonijiet paralleli suċċessivi ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti abbażi ta’ din is-sistema.

26.      Skont il-Gvern Franċiż, prodott għall-protezzjoni tal-pjanti ma jista’ jibbenefika biss minn awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela jekk kien is-suġġett, fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni, ta’ ATS abbażi tad-Direttiva. Dan ir-rekwiżit huwa ġġustifikat minħabba l-ħtieġa li jinżamm, fil-kuntest ta’ importazzjoni parallela, livell ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bnedmin tal-inqas ekwivalenti għal dak żgurat mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Dan ma jkunx il-każ jekk il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni semplifikata bis-saħħa tal-importazzjoni parallela kienet applikata għal prodott li ma kienx is-suġġett, fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni, ta’ evalwazzjoni kompleta skont l‑Artikolu 4(1) tad-Direttiva. Fil-fatt, peress li l-ġurisprudenza ma titlobx identiċità perfetta bejn il-prodott ta’ referenza u l-prodott importat b’mod parallel, dan tal-aħħar jista’ jkollu xi differenzi meta mqabbel ma’ tal-ewwel f’dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni tiegħu kif ukoll l-ippakkjar, l-ittikkettjar jew l-imballaġġ tiegħu. Mingħajr evalwazzjoni kompleta fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni, jista’ jkun li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni ma jkollhomx għad-dispożizzjoni tagħhom l-informazzjoni kollha neċessarja għal paragun bejn il-prodott inkwistjoni u l-prodott ta’ referenza awtorizzat fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat. Fil-każ ta’ prodott li huwa s-suġġett ta’ importazzjonijiet paralleli suċċessivi, ikun hemm saħansitra riskju ta’ diskrepanza sinjifikattiva bejn dan il-prodott u l-prodott ta’ referenza fl-ewwel Stat Membru ta’ esportazzjoni.

27.      Il-Gvern Franċż josserva li l-pożizzjoni li huwa jiddefendi ġiet adottata mill-Kummissjoni fil-Linji gwida tagħha dwar il-kummerċ parallel tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti skont ir‑Regolament Nru 1107/2009 (14) (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida dwar il-kummerċ parallelˮ), li fihom hija tispjega li ma jistax jingħata permess ta’ importazzjoni parallela abbażi tal-Artikolu 52 ta’ dan ir-regolament għal prodott li huwa stess kien is-suġġett ta’ importazzjoni parallela.

28.      Finalment, il-Gvern Franċiż josserva li s-sistema relatata mat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għall-finijiet ta’ kummerċ parallel tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju, stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, li skontu l-ebda prodott għall-protezzjoni tal-pjanti ma jista’ jitqiegħed fis-suq u jintuża fi Stat Membru mingħajr ma l-ewwel tingħata ATS mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat skont id-Direttiva. Skont il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet, l-applikazzjoni ta’ tali sistema ma għandiex tiġi estiża għal prodotti li huma s-suġġett ta’ importazzjonijiet paralleli suċċessivi.

29.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ssostni, preliminarjament, li minkejja li ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-każ inkwistjoni, l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1107/2009, li jirregola l-proċedura semplifikata għall-għoti ta’ permessi ta’ kummerċ parallel, jista’ jservi ta’ sostenn għall‑interpretazzjoni sabiex tingħata risposta għad-domanda tal-Conseil d’État.

30.      Hija tfakkar li mill-ġurisprudenza u b’mod partikolari mis‑sentenza British Agrochemicals Association (15), jirriżulta li d‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva ma humiex applikabbli għall-importazzjoni parallela ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, u li, konsegwentement, tali importazzjoni għandha tiġi analizzata abbażi tal-Artikoli 34 TFUE sa 36 TFUE, filwaqt li l-Istati Membri għandhom madankollu jiżguraw li jiġu osservati l-obbligi u l-projbizzjonijiet previsti mid‑Direttiva. Hija tirrileva li b’mod partikolari mis-sentenza Escalier u Bonnarel (16), jirriżulta li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti importat għandu jiġi kkunsidrat li diġà ġie awtorizzat fl-Istat Membru ta’ importazzjoni jekk prodott identiku diġà kien is-suġġett ta’ ATS f’dan l-Istat, sakemm dan ma jkunx prekluż minn kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-protezzjoni effettiva tas-saħħa tal-bnedmin, tal-annimali u tal-ambjent. B’analoġija ma’ sitwazzjoni ta’ importazzjoni parallela “sempliċiˮ, fil-każ ta’ importazzjoni “doppjaˮ bħal f’din il-kawża, ikun meħtieġ u biżżejjed li l-awtoritajiet nazzjonali jiżguraw li l-prodott inkwistjoni jkun identiku għall-prodott li jkun diġà rċieva ATS skont id-Direttiva. Ir-rifjut assolut ta’ importazzjoni tal-prodott inkwistjoni ikun limitazzjoni partikolarment severa għall-moviment liberu tal-merkanzija li tmur lil hinn ħafna minn kontroll li jiżgura l-identiċità ta’ dan il-prodott ma’ prodott ta’ referenza, identiċità li, barra minn hekk, f’din il-kawża ma ġietx ikkontestata mill-awtoritajiet Franċiżi.

31.      Fis-seduta, il-Kummissjoni speċifikat l-argument tagħha billi spjegat li sitwazzjoni bħal dik f’din il-kawża, li fiha prodott li kien diġà s-suġġett ta’ importazzjoni parallela fi Stat Membru huwa importat mill-ġdid, minn dan l-Istat, fl-Istat Membru li minnu huwa kien preċedentement esportat hija differenti minn sitwazzjoni klassika ta’ importazzjoni doppja li tinvolvi tliet Stati Membri. Hija tal-opinjoni li l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni, li tissuġġetta l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq bħala importazzjoni parallela għall-kundizzjoni li l-prodott importat mill-ġdid ikollu, fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni, ATS mogħtija skont id-Direttiva.

V –    Analiżi ġuridika

32.      Permezz tad-domanda preliminari tiegħu, il-Conseil d’État jistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l‑Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela għal prodott għall‑protezzjoni tal-pjanti li fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni ma għandux ATS mogħtija abbażi tad-Direttiva, iżda għandu biss awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela.

A –    Osservazzjonijiet preliminari

33.      Skont l-Artikoli 9 TFUE u 11 TFUE, l-Unjoni tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin u tal-ambjent fid-definizzjoni u fl‑implementazzjoni tal-politika u tal-azzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, il-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bnedmin u tal-annimali u l‑preservazzjoni tal-pjanti tikkostitwixxi waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE, li jistgħu jiġġustifikaw miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Bl‑istess mod, skont il-ġurisprudenza, jistgħu jikkostitwixxu tali ġustifikazzjoni rekwiżiti imperattivi għall-protezzjoni tal-ambjent (17). Il‑prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, intiżi sabiex jipproteġu l-pjanti kontra l-organiżmi li jagħmlu ħsara jew sabiex jeqirdu pjanti mhux mixtieqa (18), ma għandhomx biss riperkussjonijiet favorevoli fuq il‑produzzjoni tal-pjanti u l-użu tagħhom jista’ jirriżulta f’riskji u perikoli għall-bniedem, l-annimali u l-ambjent. It-tqegħid tagħhom fis‑suq jeħtieġ għalhekk analiżi minn qabel dwar is-sigurtà, l-innokwità u l-effikaċja tagħhom.

34.      Il-kummerċ parallel, hekk imsejjaħ għaliex iseħħ fuq barra u b’mod parallel man-netwerks ta’ distribuzzjoni implementati mill‑manifatturi u l-fornituri, jikkonsisti fl-importazzjoni, fit-territorju ta’ Stat Membru, li fih prodott għandu prezz għoli, tal-istess prodott ppreparat jew mixtri fi Stat Membru ieħor li fih il-prezz tax-xiri huwa iktar baxx sabiex jinkiseb profitt kummerċjali. Sakemm ikun limitat għal prodotti awtentiċi, u jirrifletti d-differenzi fil-prezzijiet, il-kummerċ parallel għandu jkun distint mill-kummerċ frawdulenti ta’ prodotti foloz (19).

35.      Il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat approċċ pjuttost favorevoli għall‑importazzjonijiet paralleli, għaliex dawn huma kkunsidrati bħala wieħed mill-fatturi ta’ integrazzjoni tas-suq, prova tal-vivaċità tal‑kompetizzjoni. Fil-fatt, il-kummerċ parallel bħala regola joħloq kompetizzjoni b’saħħitha, joffri tnaqqis fil-prezzijiet lill-konsumaturi u jirriżulta direttament mill-iżvilupp tas-suq intern, li jiggarantixxi l‑moviment liberu tal-merkanzija (20). B’dan il-mod, l-importazzjonijiet paralleli jibbenefikaw minn ċerta protezzjoni fid-dritt tal-Unjoni inkwantu jiffavorixxu l-iżvilupp tal-kummerċ u t-tisħiħ tal-kompetizzjoni (21).

36.      Peress li tali protezzjoni ma tistax tingħata għad-detriment ta’ rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ protezzjoni tal-ambjent, bilfors hemm ċerta tensjoni bejn id-diversi għanijiet elenkati iktar ’il fuq (kif ukoll bejn l‑interessi ekonomiċi antagonistiċi li fuqhom huma bbażati), li tagħhom din il-kawża tikkostitwixxi eżempju ċar. Hija tirrikjedi t-tiftix ta’ bilanċ bejn dawn id-diversi għanijiet u interessi, li ħafna drabi diffiċilment jinstab. It‑tiftix ta’ tali bilanċ huwa l-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif espost fil-qosor fil-punti li ġejjin.

B –    Tfakkir tal-ġurisprudenza fil-qasam tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti bħala importazzjoni parallela

37.      Kuntrarjament għar-Regolament Nru 1107/2009, id-Direttiva ma fiha l-ebda dispożizzjoni dwar il-kummerċ parallel ta’ prodotti għall‑protezzjoni tal-pjanti. Kien fis-sentenza British Agrochemicals Association (22) li l-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat dan is-suġġett għall-ewwel darba, billi ttrasponiet, mutatis mutandis, fil-kuntest tal-kummerċ ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti r-raġunament li hija kienet żviluppat għall-prodotti mediċinali fis-sentenzi tagħha De Peijper (23) u Smith & Nephew u Primecrown (24). Peress li l-għanijiet tal‑protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-eliminazzjoni ta’ ostakoli għall‑kummerċ li għandhom jintlaħqu mid-direttivi relatati mal-prodotti mediċinali (25) u għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti huma relattivament simili, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li kien hemm ċertu paralleliżmu bejn iż-żewġ sistemi ta’ awtorizzazzjoni (26).

38.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ma għandhomx japplikaw “meta l-importazzjoni fi Stat Membru ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jibbenefika minn ATS mogħtija skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi importazzjoni parallela meta mqabbla ma’ prodott għall‑protezzjoni tal-pjanti li diġà jibbenefika minn ATS fl-Istat Membru ta’ importazzjoniˮ (27), iżda li tali sitwazzjoni hija rregolata mid‑dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal‑merkanzija. Fl-opinjoni tagħha, “meta jingħataw żewġ ATS skont id-Direttiva, l-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent li hija tfittex li tilħaq ma japplikawx bl-istess modˮ, b’tali mod li, “f’sitwazzjoni bħal din, l‑applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-proċedura għall‑għoti ta’ ATS tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u tirriskja li tmur kontra, mingħajr ġustifikazzjoni, il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija stabbilit fl-Artikolu 30 tat-Trattat [34 TFUE]ˮ (28).

39.      Filwaqt li telqet minn dawn il-premessi, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet proċedura “semplifikataˮ ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti bħala importazzjoni parallela, li fil-kuntest tagħha hija l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ importazzjoni li għandha tivverifika li l-prodott li ser jiġi importat “mingħajr ma jkun identiku fuq kull punt ma’ prodott diġà awtorizzat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għandu, tal-inqas, ikollu oriġini komuni ma’ dan il-prodott fis-sens li jkun ġie mmanifatturat mill-istess kumpannija jew minn impriża relatata jew li topera taħt liċenzja skont l-istess formula, ikun ġie mmanifatturat bl-użu tal-istess sustanza attiva u, barra minn hekk, ikollu l-istess effetti fid-dawl tad-differenzi li jistgħu jeżistu fuq il-livell tal-kundizzjonijiet agrikoli, tal-protezzjoni tal-pjanti u ambjentali, b’mod partikolari, klimatiċi, fir-rigward tal-użu tal-prodottˮ (29). Jekk wara dan l-eżami, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ importazzjoni tikkonstata li l-kriterji kollha huma ssodisfatti, “il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li ser jiġi importat għandu jiġi kkunsidrat li diġà tqiegħed fis-suq fl-Istat Membru ta’ importazzjoni u, konsegwentement, għandu jkun jista’ jibbenefika mill-ATS mogħtija lill-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li diġà tqiegħed fis-suq, sakemm ma jkunx hemm kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-protezzjoni effettiva tas-saħħa tal-bnedmin, tal-annimali u tal-ambjent li jipprekluduhˮ (30).

40.      Dawn il-prinċipji ġew ikkonfermati fis-sentenza Escalier u Bonnarel (31), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li operatur li jimporta prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għall-bżonnijiet tal-impriża agrikola tiegħu biss, u mhux sabiex iqegħedhom fis-suq, huwa wkoll obbligat li jikseb l-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela skont il-proċedura semplifikata deskritta fis-sentenza British Agrochemicals Association. Il-Qorti tal-Ġustizzja mill-ġdid ikkonfermat il-ġurisprudenza tagħha fil‑każ ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Franċiża, li l-leġiżlazzjoni tagħha kienet tillimita, fl-opinjoni tal-Kummissjoni b’mod inadegwat, il-benefiċcju tal-proċedura semplifikata ta’ awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għall-każijiet biss fejn il-prodott ta’ importazzjoni u l-prodott ta’ referenza kellhom oriġini komuni (32). Filwaqt li ċaħdet ir-rikors, hija b’mod partikolari spjegat li, “[s]abiex jiġi vverifikat jekk prodott awtorizzat fi Stat Membru ieħor skond id-Direttiva [...] għandux jiġi kkunsidrat bħala wieħed li huwa diġà awtorizzat fl-Istat Membru ta’ importazzjoni, huma l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru li għandhom jivverifikaw, [...] l-ewwel nett, jekk l-importazzjoni [...] [t]ikkostitwixxix importazzjoni parallela fir-rigward ta’ prodott li diġà jibbenefika minn ATS fl-Istat Membru ta’ importazzjoni u, it-tieni nett, li jiġi eżaminat, fuq talba ta’ persuni kkonċernati, jekk il-prodott ikkonċernat jistax jibbenefika minn ATS mogħtija fir-rigward ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li diġà jinsab fis-suq ta’ dan l-Istat Membruˮ (33).

C –    Analiżi tad-domanda preliminari

41.      Mill-punti fil-qosor preċedenti jirriżulta li l-proċedura semplifikata ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq jew ta’ użu ta’ prodott importat b’mod parallel meta mqabbel ma’ prodott ta’ referenza tistrieħ fuq il-premessa li, meta ċerti kundizzjonijiet huma ssodisfatti, il-prodott li ser jiġi importat ma għandux bżonn ATS, peress li “għandu jiġi kkunsidrat li diġà tqiegħed fis-suq fl-Istat Membru ta’ importazzjoniˮ (34).

42.      F’dan is-sens, ma iniex konvint li l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq għandha tinqara, kif jissuġġerixxu s-sottomissjonijiet tal-Gvern Franċiż, bħala deroga minn jew eċċezzjoni għall-prinċipju stabbilit fl‑Artikolu 3(1) tad-Direttiva, li kull prodott li jitqiegħed fis-suq ta’ Stat Membru jeħtieġ li jkun preċedentement awtorizzat mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat skont id-Direttiva. Jidhirli li iktar għandu jiġi interpretat bħala applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għal sitwazzjonijiet mhux imsemmija fid-Direttiva u li jibqgħu rregolati, fil-livell tad-dritt tal‑Unjoni, biss bid-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija. Fil-fatt, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar li l-għan tal-proċedura ta’ kontroll semplifikata huwa li jiġi vverifikat jekk il-prodott li ser jiġi importat jistax jibbenefika minn ATS mogħtija lil prodott diġà preżenti fis-suq ta’ dan l-Istat (35). Jekk dan huwa l-każ, huwa għalhekk taħt il-kappa ta’ din l-ATS, skont id-Direttiva, li l-prodott importat jista’ jinbiegħ u jintuża fl-Istat Membru ta’ importazzjoni. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tirriżulta mill-punt 29 tas‑sentenza Escalier u Bonnarel, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li l‑Istati Membri għandhom iwettqu l-verifiki meħtieġa fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll semplifikata “peress li huma obbligati jirrispettaw l-obbligi u l-projbizzjonijiet previsti mid-Direttivaˮ (36).

43.      Huwa b’dan il-mod li l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq spjegat li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti introdott fit-territorju ta’ Stat Membru permezz ta’ importazzjoni parallella ma jibbenefikax “la minn metodu awtomatiku u lanqas minn wieħed assolut u inkundizzjonali ta’ ATS mogħtija fir-rigward ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti li jinsab diġà fis-suq ta’ dan l-Istatˮ (37). L-ewwel nett, awtorizzazzjoni, mogħtija wara proċedura ta’ kontroll, għandha tinkiseb minn kull importatur, irrispettivament mill-fatt jekk il-prodott kienx importat jew le għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni. It-tieni nett, il-prodott importat għandu jissodisfa ċerti kundizzjonijiet intiżi sabiex tkun ivverifikata l-identiċità tiegħu mal-prodott ta’ referenza. It-tielet nett, anki meta dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti, il-prodott importat jista’ ma jibbenefikax mill-ATS mogħtija lill-prodott ta’ referenza jekk kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-protezzjoni effettiva tas-saħħa tal-bnedmin, tal-annimali u tal-ambjent jipprekluduha (38).

44.      F’dan il-kuntest, il-verifika tal-identiċità bejn il-prodott li ser jiġi importat u l-prodott ta’ referenza għandha rwol fundamentali, peress li huwa biss jekk tiġi stabbilita din l-identiċità li l-prodott jista’ jiġi kkunsidrat li diġà ġie awtorizzat fl-Istat Membru ta’ importazzjoni u b’hekk jibbenefika mill-ATS tal-prodott ta’ referenza. Il-mekkaniżmu ta’ kontroll stabbilit mis-sentenza British Agrochemicals Association huwa bbażat, fil-fatt, fuq l-idea li, jekk il-prodott jista’ jiġi kkunsidrat identiku għal dak ta’ referenza u jekk ma jkun hemm l-ebda raġuni bbażata fuq il‑protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin jew tal-annimali jew tal-ambjent li tipprekludih milli jibbenefika mill-ATS mogħtija lill-prodott ta’ referenza, il-fatt li l-importazzjoni tiġi ssuġġettata għall-kundizzjoni li l-prodott li ser jiġi importat ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ eżami taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva jikkostitwixxi restrizzjoni għall-kummerċ bejn Stati Membri pprojbita bl-Artikolu 34 TFUE. Huwa biss jekk l-identiċità bejn il-prodott li ser jiġi importat u l-prodott ta’ referenza tiġi eskluża jew ma tistax tiġi stabbilita li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni leġittimament jistgħu jitolbu (jew aħjar ikunu obbligati jitolbu), sabiex jawtorizzaw l-importazzjoni, li jiġu osservati l-kundizzjonijiet imsemmija fid-Direttiva (39).

45.      F’din il-kawża tqum il-kwistjoni jekk humiex biss il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li ġew awtorizzati skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni li jistgħu jibbenefikaw mill-proċedura ta’ kontroll semplifikata deskritta iktar ’il fuq.

46.      Skont il-Gvern Franċiż, risposta negattiva għal din id-domanda tirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq. Kuntrarjament għal dan il-gvern, jien ma narax li indikazzjonijiet ċari f’dan is-sens, u lanqas min-naħa l-oħra fis-sens kuntrarju, jistgħu jinsiltu minn din il-ġurisprudenza.

47.      Fil-fatt, sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet ikkonfrontata biss b’sitwazzjonijiet li fihom il-prodotti importati b’mod parallel kienu jibbenefikaw, fl-Istat ta’ esportazzjoni, minn ATS konformi mad-Direttiva, ħaġa li tista’, fl-opinjoni tiegħi, tispjega t-terminoloġija użata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’siltiet differenti mis-sentenzi ċcitati fil-punti 37 sa 39 iktar ’il fuq, li jidhru li effettivament jillimitaw l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ kontroll semplifikata għal dawn is-sitwazzjonijiet biss (40). Barra minn hekk, jekk l-ilment li wassal għar-rikors fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Franza (EU:C:2008:104) kien effettivament jikkonċerna sitwazzjoni ta’ “importazzjoni doppjaˮ− peress li l-prodott inkwistjoni kien ġie importat b’mod parallel l-ewwel darba mill-Ġermanja għall-Awstrija u t-tieni darba mill-Awstrija għal Franza − (41), in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li dwaru ġiet ikkritikata r-Repubblika Franċiża kien jirrigwarda r-rekwiżit ta’ oriġini komuni tal-prodott importat u tal-prodott ta’ referenza, b’tali mod li kemm l-argumenti tal-partijiet kif ukoll is‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kienu jirrigwardaw biss dan l‑aspett (42).

48.      Fis-sentenza British Agrochemicals Association, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li joriġina minn pajjiż terz, li, għaldaqstant, ma jibbenefikax minn ATS mogħtija skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, jista’ jitqiegħed fis-suq ta’ Stat Membru bħala importazzjoni parallela skont il-proċedura ta’ kontroll semplifikata u dan minkejja li l-identiċità tiegħu ma’ prodott diġà awtorizzat f’dan l-Istat tkun ġiet stabbilita. Jekk jiġi argumentat bil-kontra, jista’ jiġi konkluż li, minbarra l-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet imsemmija fil-punt 43 hawn fuq, il-ġurisprudenza tirrikjedi wkoll, sabiex prodott importat b’mod parallel jista’ jibbenefika minn ATS mogħtija lill-prodott ta’ referenza, li dan ikun ġie awtorizzat skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fl-Istat Membru jew fl-Istat ŻEE minn fejn joriġina.

49.      Madankollu, jidhirli li tali konklużjoni hija eċċessiva. Fil-fatt, bl-esklużjoni tal-importazzjonijiet paralleli li joriġinaw minn pajjiż terz mill-proċedura ta’ kontroll semplifikata, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-opinjoni tiegħi, kellha l-ħsieb li tirriżerva l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura biss għall-prodotti li jkunu diġà tqiegħdu b’mod legali fis-suq ta’ Stat Membru u li jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija (43). Din il-limitazzjoni hija essenzjalment iġġustifikata mill-fatt li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell internazzjonali tal-kundizzjonijiet li fihom il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jistgħu jitqiegħdu fis-suq, il-prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi ma joffrux l-istess garanziji, fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent, bħall-prodotti li jirriżultaw mis‑sistema armonizzata stabbilita fil-livell tal-Unjoni (44). Il-prodotti li kisbu awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela mogħtija minn Stat Membru abbażi tal‑proċedura ta’ kontroll semplifikata jagħmlu parti minn tali sistema u joffru, bħala prinċipju, l-istess garanziji bħal dawk li jibbenefikaw minn ATS mogħtija skont id-Direttiva. Minkejja li ma kinux is-suġġett ta’ proċedura għall-awtorizzazzjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fl-Istat Membru fejn huma ġew importati b’mod parallel, huma xorta ġew issuġġettati għal tali proċedura fl-Istat Membru fejn huma tqiegħdu fis-suq tal-Unjoni għall-ewwel darba.

50.      Il-Gvern Franċiż jiġġustifika r-rifjut li jawtorizza l-importazzjoni parallela ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li kienu s-suġġett biss ta’ awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni billi jsostni li dawn il-prodotti ma joffrux l-istess garanziji ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin u tal-ambjent bħall-prodotti awtorizzati skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Fil-fatt, huma jista’ jkollhom differenzi ta’ formulazzjoni, ta’ ppakkjar, ta’ ttikkettjar u ta’ imballaġġ meta mqabbla mal-prodott ta’ referenza awtorizzat fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni, bil-konsegwenza li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni “jista’ ma jkollhomx l-elementi kollha neċessarji għall-paragun bejn da[w]n il-prodott[i] u l-prodott ta’ referenza li huma awtorizzawˮ.

51.      Kif indikajt iktar ’il fuq, l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela huwa suġġett għall-verifika tal-identiċita bejn il‑prodott li ser jiġi importat u l-prodott ta’ referenza awtorizzat fl-Istat ta’ importazzjoni. Kif ġustament isostni l-Gvern Franċiż, din il-verifika hija possibbli biss jekk l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni jkollhomx għad-dispożizzjoni tagħhom l-informazzjoni kollha meħtieġa għal dan il-għan.

52.      Kif enfasizzat diversi drabi il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn l‑awtoritajiet normalment għandhom il-mezzi leġiżlattivi u amministrattivi li jistgħu jobbligaw lill-manifattur, lir-rappreżentant maħtur tiegħu jew lid-detentur ta’ liċenzja tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li diġà jibbenefika minn ATS sabiex jipprovdi l-informazzjoni kollha li huwa għandu u li jidhrilhom li huma neċessarji (45). Barra minn hekk, huma jista’ jkollhom aċċess għall-fajl sottomess fil-kuntest tal-applikazzjoni għal ATS ta’ dan il-prodott (46) u jistgħu jitolbu wkoll informazzjoni mingħand l-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih il-prodott li ser jiġi importat ġie awtorizzat (47). Meta dan il-prodott ikun ġie awtorizzat biss bħala importazzjoni parallela, tali informazzjoni tista’ tirrigwarda kemm l-imsemmi prodott kif ukoll il-prodott li jkun serva bħala prodott ta’ referenza għall-finijiet tal-importazzjoni parallela. Barra minn hekk, tista’ tinkiseb informazzjoni wkoll, fil-kuntest tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni prevista mid-Direttiva, mill-Istat Membru li minnu l-prodott ġie esportat għall-ewwel draba u fejn huwa jibbenefika minn ATS konformi mad-Direttiva. Barra minn hekk, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, fejn prodott awtorizzat fi Stat Membru b’mod konformi mad-Direttiva jiġi importat b’mod parallel f’dan l-Istat wara li jkun ġie esportat u importat b’mod parallel fi Stat Membru ieħor, l-informazzjoni neċessarja sabiex isiru l-verifiki meħtieġa fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll semplifikata għandha, bħala prinċipju, tkun iktar faċli li tinstab, peress li l-prodott ta’ referenza fl-Istat ta’ importazzjoni jikkoinċidi ma’ dak li kien is-suġġett tal-ewwel esportazzjoni.

53.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, projbizzjoni assoluta ta’ importazzjoni parallela ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li kienu s-suġġett ta’ importazzjoni parallela fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni, bħal dik fis-seħħ fi Franza, ibbażata fuq allegata insuffiċjenza sistematika ta’ informazzjoni li tista’ titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istat ta’ importazzjoni jew fuq is-sempliċi “possibbiltàˮ ta’ tali insuffiċjenza, ma tistax tkun iġġustifikata, tal-inqas fil-każijiet ta’ “importazzjoni parallela mill-ġdidˮ bħal dik f’din il-kawża.

54.      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-informazzjoni li ma tirrigwardax is-sustanza attiva tal-prodott li ser jiġi importat jew l‑oriġini tiegħu iżda l-ko-formulanti tiegħu kif ukoll l-ippakkjar, l-ittikkettjar u l-imballaġġ tiegħu, ċertament huwa veru, kif isostni l‑Gvern Franċiż, li din mhux bilfors tinġabar waqt il-verifiki fil‑kuntest tal-proċedura ta’ kontroll semplifikata stabbilita mill‑ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq (48), peress li din il-proċedura hija intiża biss sabiex tistabbilixxi jekk il-prodott importat b’mod parallel jistax jibbenefika minn ATS mogħtija lill-prodott ta’ referenza.

55.      Madankollu, nirrileva, fl-ewwel lok, li dan il-fatt biss ma jeskludix li din l-informazzjoni xorta tista’ tkun inkisbet matul l‑imsemmija verifiki (49) jew li din tista’ tinkiseb mill-Istat Membru fejn il-prodott huwa importat, pereżempju billi jintuża l-fajl ippreżentat meta saret l-applikazzjoni għal ATS fl-Istat Membru li minnu l-prodott ġie esportat għall-ewwel darba. Fil-każ ta’ importazzjoni parallela mill-ġdid ta’ prodott, din l-informazzjoni tista’, bħala prinċipju, faċilment tinkiseb mill-fajl tal-prodott ta’ referenza fl-Istat ta’ importazzjoni mill-ġdid.

56.      Fit-tieni lok, nosserva li l-leġiżlazzjoni dwar l-importazzjonijiet paralleli ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fis-seħħ fi Franza fid-data tad-deċiżjoni ta’ rifjut, ma kinitx tipprovdi li l-verifiki fil-kuntest tal-proċedura semplifikata ta’ awtorizzazzjoni tirrigwarda wkoll il-ko-formulanti jew l-ippakkjar tal-prodott li ser jiġi importat, peress li s-suġġett ta’ dawn il-verifiki kien limitat għal dak rikjest mis-sentenza British Agrochemicals Association. Minn dan jirriżulta li l-ebda kontroll fir-rigward tal-imsemmija elementi ma kien mitlub fil-mument meta l-AFSSA tat il-parir tagħha dwar l-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

57.      Fit-tielet lok, meta, wara l-proċedura ta’ kontroll, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni jikkonkludu, abbażi tal-elementi għad-dispożizzjoni tagħhom, li l-prodott li tiegħu qed tintalab l-awtorizzazzjoni ġarrab bidliet, matul l-importazzjonijiet paralleli preċedenti, b’mod li ma jistax jibqa’ jitqies bħala importazzjoni parallela meta mqabbel mal-prodott ta’ referenza jew meta jevalwaw li l-informazzjoni disponibbli ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-identiċità tiegħu mal-prodott ta’ referenza jew meta jiddeċiedu li ma hemmx garanzija ta’ livell adegwat ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin jew tal-annimali jew tal-ambjent, huma jkunu ġġustifikati li jiċħdu l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni.

58.      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti mressqa mill‑Gvern Franċiż li jikkonċernaw l-allegata diffikultà li jitkejjel l-impatt negattiv potenzjali ta’ eventwali bidliet li prodott li kien is-suġġett ta’ importazzjonijiet paralleli suċċessivi seta’ ġarrab fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu u/jew l-ippakkjar tiegħu lanqas ma jistgħu jiġġustifikaw projbizzjoni assoluta ta’ importazjzoni mill-ġdid, tal-inqas f’każ bħal dak f’din il-kawża.

59.      Projbizzjoni assoluta ta’ importazzjoni ta’ ċertu prodott taqa’, bħala definizzjoni, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE, u tikkostitwixxi l-iktar miżura detrimentali għall-moviment liberu tal‑merkanzija li Stat Membru jista’ jadotta meta jkun qed isegwi l-għanijiet previsti mill-Artikolu 36 TFUE. Ir-rifjut sistematiku min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat li jagħtu l-permess mitlub għall-finijiet tal-importazzjoni ta’ prodotti suġġetti għal sistemi ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva sabiex jiġu kkummerċjalizzati u użati f’dan l-Istat Membru jikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal tali projbizzjoni. B’mod ġenerali, projbizzjoni ta’ importazzjoni jew ta’ użu li hija ta’ natura assoluta ma tistax tkun ikkunsidrata proporzjonata jekk jeżistu miżuri alternattivi li bihom jistgħu xorta jintlaħqu l-għanijiet imsemmija mill‑Istat Membru kkonċernat, iżda li għandhom effett inqas restrittiv fuq il-kummerċ fi ħdan l‑Unjoni (50). Kif fakkret ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fis-sentenza tagħha Escalier u Bonnarel (EU:C:2007:659), il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li għalkemm huma l-awtoritajiet nazzjonali “li għandhom jiżguraw l-osservanza stretta tal-għan essenzjali tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjentˮ, “il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li, sabiex jiġi protett il-moviment liberu tal-merkanzija, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tiġi applikata fil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali li huma leġittimament segwitiˮ.

60.      Għar-raġunijiet kollha msemmija hawn fuq, jiena tal-opinjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, inkwantu teskludi l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela abbażi tal-proċedura semplifikata ta’ kontroll prevista mill-ġurisprudenza British Agrochemicals Association (EU:C:1999:129) għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li joriġinaw minn Stat Membru ieħor fejn kienu ġew importati b’mod parallel minn Franza, u b’hekk timpedixxi l-importazzjoni tagħhom mill‑ġdid f’dan l-Istat Membru, tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bnedmin jew tal-annimali u l-ambjent.

VI – Konklużjoni

61.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Conseil d’État Franċiż:

“L-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq bħala importazzjoni parallela għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti importat mill-ġdid fl-imsemmi Stat Membru wara li kien ġie importat b’mod parallel fi Stat Membru ieħor, għall-kundizzjoni li huwa jibbenefika, fl-Istat ta’ esportazzjoni, minn awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq mogħtija skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.ˮ


1 –      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332). Id-Direttiva 91/414 ġiet emendata diversi drabi u tħassret permezz tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, p. 1).


3 – Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, “prodotti għall-ħarsien tal-pjantiˮ huma “sustanzi attivi u preparazzjonijiet li jkollhom fihom sustanza attiva waħda jew aktar, imħejjija fil-forma li biha jkunu sejrin jiġu forniti lill-utentˮ, u huma intiżi sabiex jaqdu l-funzjonijiet elenkati fl-istess dispożizzjoni.


4 – Il-ħames u s-sitt premessi.


5 – Ara, b’mod partikolari, id-disa’ premessa.


6 – It-tieni sentenza tal-Artikolu 2(10).


7 – Jiġifieri: “(a) huma ġew manifatturati mill-istess kumpannija jew minn impriża assoċjata jew taħt liċenzja skont l-istess proċess ta’ manifattura; (b) huma identiċi fl-ispeċifikazzjoni u l-kontenut mas-sustanzi attivi, l-aġenti protettivi u s-sinerġisti, u fit-tip ta’ formulazzjoni; u (c) huma jew l-istess jew ekwivalenti fil-ko-formulanti preżenti u d-daqs, il-materjal jew il-forma tal-imballaġġ, f’termini tal-impatt negattiv potenzjali fuq is-sigurtà tal-prodott fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew tal-ambjentˮ.


8 – Verżjoni fis-seħħ mill-31 ta’ Diċembru 2006 sal-14 ta’ Lulju 2010.


9 – Verżjoni fis-seħħ mill-20 ta’ Marzu 2007 sal-1 ta’ Lulju 2012.


10 – Verżjoni fis-seħħ mill-20 ta’ Marzu 2007 sal-1 ta’ Lulju 2012.


11 – Verżjoni fis-seħħ mit-23 ta’ Settembru 2006.


12 – Id-detentur tal-awtorizzazzjoni kienet il-kumpannija Agrotech Trading Gmbh. Il-prodott ta’ referenza fir-Renju Unit kien il-prodott Cerone, li l-ATS tiegħu kienet inkisbet minn Bayer Cropscience Ltd.


13 – B’applikazzjoni tal-Artikolu R. 351‑2 tal-Kodiċi tal-ġustizzja amministrattiva.


14 – “Guidance document concerning the parallel trade of plant protection productsˮ DG SANCO/10524/2012 tal-31 ta’ Mejju 2012, b’mod partikolari p. 4.


15 – (C‑100/96, EU:C:1999:129).


16 – (C‑260/06 u C‑261/06, EU:C:2007:659).


17 – Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑28/09, EU:C:2011:854, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18 – Ara l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva.


19 – Is-sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva li għaliha huma sottomessi l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li twassal sabiex prodott partikolari jista’ jiġi awtorizzat f’ċerti Stati Membri u mhux f’oħrajn, żvelat, fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), kummerċ illegali u ta’ prodotti foloz. Skont rapport tal-2006 tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Prodotti tar-Raba’ (ECPA), il-bejgħ ta’ prodotti foloz jirrapreżenta 5 sa 7 % tas-suq Ewropew tal-prodotti għall-protezzjooni tal-pjanti, ara ECPA Position Paper: Counterfeiting and Illegal Trade in Plant Protection Products Across the EU and European Region, Brussels August 2006 ECPA, ref 15020.


20 – Ara DĠ “Impriżi u Industrija” tal-Kummissjoni, Gwida għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona li jirregolaw il-moviment liberu tal-merkanzija, 2010, p. 24, disponibbli fuq is-sit internet: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single‑market‑goods/files/goods/docs/art. 34‑36/new_guide_fr.pdf.


21 —      Sentenzi Sot. Lélos kai Sia et, C‑468/06 sa C‑478/06 (EU:C:2008:504, punt 37); X, C‑373/90 (EU:C:1992:17, punt 12) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro f’dik il-kawża (EU:C:1991:408, punti 5 u 6).


22 – EU:C:1999:129.


23 – 104/75, EU:C:1976:67. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tal-Artikoli 30 u 36 tat-Trattat KEE, li, jekk l-awtoritajiet sanitarji tal-Istat Membru għandhom diġà, wara l-importazzjoni preċedenti li kienet wasslet għall-għoti, min-naħa tagħhom, ta’ ATS, l-informazzjoni kollha għall-finijiet tal-kontroll tal-effikaċja u l-innokwità tal-prodott mediċinali, ma huwiex manifestament neċessarju, sabiex tiġi protetta s-saħħa u l-ħajja tal‑persuni, li l-imsemmija awtoritajiet jitolbu mingħand operatur ieħor, li jkun importa prodott mediċinali identiku f’kollox jew fejn id-differenzi ma għandhom l-ebda effett terapewtiku, li jerġa’ jissottometilhom l-informazzjoni msemmija hawn fuq.


24 – C‑201/94, EU:C:1996:432. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-Direttiva tal-Kunsill 65/65/KEE, tas-26 ta’ Jannar 1965, dwar l-approssimazzjoni ta’ dispożizzjonijiet stabbiliti b’liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva li għandhom x’jaqsmu ma’ prodotti mediċinali (ĠU 1965, 22, p. 369), ma kinitx applikabbli għal speċjalità farmaċewtika li għandha ATS fi Stat Membru u li l-importazzjoni tagħha fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi importazzjoni parallela meta mqabbla ma’ speċjalità farmaċewtika li diġà għandha ATS fi Stat Membru ieħor, minħabba li din l-ispeċjalità importata ma tistax, f’tali każ, tiġi kkunsidrata li tqegħdet għall-ewwel darba fis-suq fl-Istat Membru ta’ importazzjoni.


25 – Direttiva 65/65.


26 – Sentenza British Agrochemicals Association (EU:C:1999:129, punt 30); ara wkoll is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑114/04, EU:C:2005:471, punt 24).


27 – Sentenza British Agrochemicals Association (EU:C:1999:129, punt 31).


28 – Ibidem (punt 32).


29 – Punt 40.


30 – Punt 36.


31 –      EU:C:2007:659.


32 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑201/06, EU:C:2008:104).


33 – Punt 37. Bid-differenza ta’ dak li kienet stqarret fis-sentenza tagħha Kohlpharma (C‑112/02, EU:C:2004:208, punt 21) dwar l-importazzjoni ta’ prodotti mediċinali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kien leġittimu għar-Repubblika Franċiża li titlob, għall-finijiet tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-importazzjoni parallela ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, li dan il-prodott u dak li kien diġà awtorizzat f’dan l-Istat Membru jkollhom oriġini komuni. Skont il‑Qorti tal-Ġustizzja, jekk iż-żewġ prodotti ma jkollhomx oriġini komuni, għaliex ġew immanifatturati minn żewġ impriżi kompetituri, “il-prodott ta’ importazzjoni għandu, a priori, jiġi kkunsidrat bħala li huwa differenti mill-prodott ta’ referenza u, konsegwentement, li tqiegħed fis-suq għall-ewwel darba fl-Istat Membru ta’ importazzjoniˮ.


34 – Ara s-sentenza British Agrochemicals Assoiciation (EU:C:1999:129, punt 36), ara wkoll is-sentenza Escalier u Bonnarel (EU:C:2007:659, punt 32).


35 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Escalier u Bonnarel (EU:C:2007:659, punt 32).


36 –      Enfasi miżjuda minni. Ara wkoll il-punt 35 tal-istess sentenza. Madankollu nixtieq niġbed l-attenzjoni li s-sentenza British Agrochemicals Association (EU:C:1999:129, punt 36) tidher li hija iktar każ ta’ regola/eċċezzjoni: ara f’dan is-sens, pereżempju, il-punt 41.


37 – Sentenza Escalier u Bonnarel (EU:C:2007:659, punt 30).


38 – Ibidem.


39 – Ara s-sentenzi Escalier u Bonnarel (EU:C:2007:659, punt 30) u British Agrochemicals Association (EU:C:1999:129, punt 37).


40 – Madankollu, f’siltiet oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi, b’mod iktar ġeneriku, għal prodotti “diġà awtorizzati fi Stat Membru ieħorˮ, ara, pereżempju, is-sentenza Escalier u Bonnarel, (EU:C:2007:659, punt 28).


41 – Punt 13 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.


42 – Madankollu nirrileva li r-Repubblika Franċiża kienet inizjalment awtorizzat it-tqegħid fis-suq bħala importazzjoni parallela tal-prodott inkwistjoni, awtorizzazzjoni li kienet ġiet sussegwentement irtirata minħabba dubji tal-awtoritajiet Franċiżi dwar l-oriġini komuni ta’ dan il-prodott u tal-prodott ta’ referenza.


43 – Punti 43 u 44.


44 – Ara l-punti minn 41 sa 43.


45 – Ara s-sentenzi British Agrochemicals Association (EU:C:1999:129, punt 37); De Peijper (EU:C:1976:67, punt 27) u Smith & Nephew u Primecrown (EU:C:1996:432, punt 26).


46 – Ara s-sentenza British Agrochemicals Association (punt 34).


47 – F’dan ir-rigward, infakkar li d-Direttiva tipprovdi, fl-Artikolu 9(5) tagħha, li l-Istati Membri għandhom, jekk jintalbu, jipprovdu lil Stati Membri oħra l-fajls li huma obbligati jiftħu dwar kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni filwaqt li jipprovdulhom kull informazzjoni neċessarja sabiex l-applikazzjonijiet jinftehmu tajjeb. Barra minn hekk, l-AFSSA bbażat ruħha fuq din id-dispożizzjoni sabiex tikseb l-informazzjoni neċessarja sabiex tivverifika l-identiċità tal-prodott Agrotech Ethephon mal-prodott ta’ referenza Cerone. Proċedura ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri ad hoc hija prevista fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1107/2009.


48 – B’mod inċidentali, nirrileva li l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-għoti ta’ permess ta’ kummerċ parallel bis-saħħa tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1107/2009 huma iktar stretti minn dawk li huma ddefiniti fil-ġurisprudenza British Agrochemicals Association. Din id-dispożizzjoni fil-fatt tipprovdi, fil-paragrafu 3(b) tagħha, li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti huma meqjusa identiċi mal-prodotti ta’ referenza “jekk huma jew l-istess jew ekwivalenti fil-ko-formulanti preżenti u d-daqs, il-materjal jew il-forma tal-imballaġġ, f’termini tal-impatt negattiv potenzjali fuq is-sigurtà tal-prodott fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew tal-ambjent.ˮ


49 – Kif ġie spjegat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, din l-informazzjoni jeħtieġ li tkun inkluża f’applikazzjoni għal permess ta’ importazzjoni parallela sottomessa bis-saħħa tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1107/2009.


50 – Ara, bħala eżempju, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑100/08, EU:C:2009:537) u Kakavetsos-Fragkopoulos (C‑161/09, EU:C:2011:110).