Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata mill-Corte d'appello di Torino (L-Italja) fil-25 ta' Lulju 2007 - Bavaria N.V. u Bavaria Italia s.r.l vs Bayerischer Brauerbund e.V

(Kawża C-343/07)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte d'appello ta' Torino.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Bavaria N.V. u Bavaria Italia s.r.l.

Konvenuta: Bayerischer Brauerbund e.V.

Domandi preliminari

jekk ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/20011 tat-28 ta' Ġunju 2001 huwiex jew le null, ukoll bħala invalidità li tirriżulta minn dik ta' atti oħra, fid-dawl tal-punti li ġejja:

Ksur tal-prinċipji ġenerali

id-dispożizzjonijiet flimkien ta' l-Artikolu 1(1) u ta' l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2081/922 huma nulli, f'każ fejn tkun tista' ssir ir-reġistrazzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi relatati mal-"birra", li hija xarba alkoħolika inkluża (b'mod żbaljat) fl-Anness I iċċitat iktar 'il fuq fost il-"prodotti ta' l-ikel" imsemmija fl-Artikolu 1(1), u li mhijiex inkluża fost il-"prodotti agrikoli" msemmija fl-Anness I tat-Trattat KE u fl-Artikolu 32 (li qabel kien l-Artikolu 38) u fl-Artikolu 37 KE (li qabel kien l-Artikolu 43) tat-Trattat, li fuqu l-Kunsill ibbaża s-setgħat tiegħu sabiex jippromulga r-Regolament (KEE) Nru 2081/1992?

l-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/1992 huwa null safejn jipprovdi proċedura mħaffa ta' reġistrazzjoni li hija tali li tillimita u tippreġudika d-drittijiet ta' l-operaturi ikkonċernati b'mod sostanzjali, peress li ma jipprovdi ebda dritt ta' oppożizzjoni, bi ksur ċar tal-prinċipji ta' trasparenza u taċ-ċertezza legali; dan iseħħ, b'mod partikolari, kemm fid-dawl tal-kumplessità tal-proċedura ta' reġistrazzjoni ta' l-istess IGP "Bayerisches Bier" infisha, li ħadet iktar minn 7 snin, minn 1994 sa 2001, kif ukoll mir-rikonoxximent espliċitu fit-13-il premessa tar-Regolament (KE) Nru 692/033, fejn l-Artikolu 15 tiegħu ħassar l-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/1992 għar-raġunijiet iċċitati iktar 'il fuq?

Nuqqas ta' kundizzjonijiet formali

l-indikazzjoni "Bayerisches Bier" ma tissodisfax il-kundizzjonijiet mitluba mill-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 sabiex tkun eliġibbli għar-reġistrazzjoni skond il-proċedura simplifikata li din id-dispożizzjoni tipprovdi, peress li fil-mument tal-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, din l-indikazzjoni ma kinitx "protetta legalment" u lanqas "stabbilita permezz ta' l-użu" fil-Ġermanja?

il-fatt dwar jekk il-kundizzjonijiet għal reġistrazzjoni ta' l-indikazzjoni "Bayerisches Bier" kinux sodisfatti ma ġiex raġonevolment ikkunsidrat la mill-Gvern Ġermaniż qabel ma ppreżenta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni lill-Kummissjoni, u lanqas mill-Kummissjoni nfisha wara li kienet irċeviet l-applikazzjoni, kuntrarjament kif previst mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-6 ta' Diċembru 2001 fil-kawża C-269/99, Kuhre Spreewalder Gurken)?

l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' l-indikazzjoni "Bayerisches Bier" ma ġietx ippreżentata fiż-żmien stipulat mill-Gvern Ġermaniż, kif previst mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 (terminu ta' sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament, fl-24 ta' Lulju 2003), peress li l-applikazzjoni ppreżentata inizjalment mir-rikorrenti kienet tipprovdi tmien indikazzjonijiet differenti, bil-possibbiltà ta' varjazzjonijiet addizzjonali u indefiniti, li jingħaqdu flimkien fl-indikazzjoni unika attwali "Bayerisches Bier" biss wara li l-iskadenza finali ta' l-24 ta' Jannar 1994?

Nuqqas ta' kundizzjonijiet sostanzjali

l-indikazzjoni "Bayerisches Bier" ma tissodisfax il-kundizzjonijiet sostanzjali stabbiliti fl-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha bħala indikazzjoni ġeografika protetta, fid-dawl tan-natura ġenerika ta' din l-indikazzjoni li storikament indikat birra prodotta skond metodu ta' produzzjoni partikolari li għandu l-oriġni tiegħu fil-Bavarja matul is-seklu XIX u minfejn b'hekk inxterdet fil-bqija ta' l-Ewropa u fid-dinja kollha (il-metodu magħruf bħala "metodu Bavariż" b'fermentazzjoni baxxa) u anki llum huwa terminu ġeneriku għall-birra f'numru ta' lingwi Ewropej (id-Daniż, l-Iżvediż, il-Finlandiż) u li, f'kull każ, jista' unikament u ġenerikament jindika "birra prodotta fil-Bavarja Ġermaniża", ta' kull tip fost in-numru kbir u divers eżistenti, mingħajr ma tista' tiġi stabbilita "rabta diretta" (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Novembru 2000 fil-kawża C-312/98, Warsteiner) bejn kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (birra) u l-oriġni ġeografiku speċifiku tiegħu (il-Bavarja), u mingħajr ma wieħed jirreferi għal "każijiet eċċezzjonali" mitluba skond id-dispożizzjoni iċċitata iktar 'il fuq sabiex tkun tista' ssir ir-reġistrazzjoni ta' indikazzjoni ġeografika li tinkludi l-isem ta' pajjiż; minħabba li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-paragrafu preċedenti, l-indikazzjoni "Bayerisches Bier" hija indikazzjoni "ġenerika" li, bħala tali, ma tistax tiġi rreġistrata skond l-Artikoli 3(1) u 17(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92?

l-indikazzjoni "Bayerisches Bier" ma kellhiex tiġi rreġistrata skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92, peress illi "Bayerisches Bier", fid-dawl "tar-reputazzjoni u l-fama tat-trade mark u t-tul ta' żmien li ilha tintuża" tat-trade marks Bavaria, "tista' tqarraq lill-konsumatur dwar l-identità vera tal-prodott"?

sussidjarjament jekk id-domanda (A) hija kkunsidrata inammissibbli jew infondata, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/01, tat-28 ta' Ġunju 2001, m'għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rikonoxximent ta' l-IGP "Bayerisches Bier" li tinsab fih ma jippreġudikax il-validità u l-possibbiltà li jintużaw it-trade marks preżistenti ta' terzi li jinkludu l-kelma "Bavaria"?

____________

1 - ĠU L 182, p. 3

2 - ĠU L 208, p. 1

3 - ĠU L 99, p. 1