Language of document : ECLI:EU:C:2015:77

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

11 ta’ Frar 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Servizzi postali — Direttiva 97/67/KE — Artikolu 12 — Fornitur tas-servizz universali — Tariffi speċjali — Applikazzjoni għall-intermedjarji li jiġbru flimkien oġġetti postali — Obbligu ta’ nondiskriminazzjoni”

Fil-Kawża C‑340/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour d’appel de Brussell (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

bpost SA

vs

Institut belge des services postaux et des télécommunications (IBPT),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal bpost SA, minn H. Gilliams, J. Bocken u T. Baumé, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, bħala aġent, assistita minn S. Depré u P. Vernet, avukati,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u F. Gloaguen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Svediż, minn E. Karlsson u A. Falk, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u F. W. Bulst, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71), kif emendat bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008 (ĠU L 52, p. 3, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 97/67”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn bpost SA (iktar ’il quddiem “bpost”), fornitur tas-servizz postali universali fil-Belġju, u l-Institut belge des services postaux et des télécommunications (IBPT) fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li timponi lil bpost il-ħlas ta’ multa minħabba fil-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fl-implementazzjoni tat-tariffi kuntrattwali dwar l-2010.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Permezz tal-emendi li saru bid-Direttivi 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Ġunju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 316) u 2008/6, id-Direttiva 97/67 tkompli l-proċess tal-liberalizzazzjoni gradwali tas-suq tas-servizzi postali mibdi fl-1998.

4        Il-premessa 8 tad-Direttiva 97/67 hija fformulata kif ġej:

“Billi miżuri li jfittxu li jiżguraw il-liberalizzazzjoni bil-mod u kkontrollata tas-suq u li jiżguraw bilanċ adattat fl-applikazzjoni tiegħu huma meħtieġa sabiex jiggarantixxu, mal-Komunità kollha, u bla ħsara għall-obbligi u drittijiet tal-fornituri tas-servizz universali l-forniment ħieles ta’ servizzi [l-libertà li jiġu pprovduti servizzi] fis-settur postali nnifsu”.

5        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:

1)      servizzi postali: servizzi li jinvolvu l-clearance, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali;

[…]

16)      mittenti: persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-oriġini ta’ oġġetti postali

[…]”

6        L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva jaqra’ kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħu passi biex jiżguraw li t-tariffi għal kull wieħed mis-servizzi li jagħmlu parti mill-forniment ta’ servizz universali jkunu jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin:

–        il-prezzijiet għandhom ikunu jistgħu tali li l-utenti jistgħu jifilħuhom, u għandhom ikunu tali li l-utenti kollha jkollhom aċċess għas-servizzi provduti, irrispettivament mis-sitwazzjoni ġeografika, u fid-dawl ta’ kondizzjonijiet nazzjonali speċifiċi. L-Istati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ jew jintroduċu il-forniment ta’ servizz postali mingħajr ħlas għall-użu minn persuni għomja jew b’vista mnaqqsa,

–        il-prezzijiet għandhom ikunu orjentati lejn l-ispiża u jagħtu inċentivi għal forniment effiċjenti ta’ servizz universali. Kull meta jkun meħtieġ għal raġunijiet relatati ma’ l-interess pubbliku, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li tariffa uniformi għandha tkun applikata għat-territorju nazzjonali kollu tagħhom u/jew transkonfini għal servizzi pprovduti b’tariffa bil-biċċa u għal oġġetti postali oħra,

–        l-applikazzjoni ta’ tariffa uniformi ma għandhiex teskludi d-dritt ta’ fornitur(i) ta’ servizz universali li jikkonkludi/u ftehim individwali dwar prezzijiet ma’ l-utenti,

–        it-tariffi għandhom ikunu trasparenti u non-diskriminatorji,

–        kull fejn il-fornituri tas-servizz universali japplikaw tariffi speċjali, per eżempju għal servizzi għal negozji, dawk li jibagħtu l-posta bl-ingrossa jew konsolidaturi ta’ posta minn utenti differenti, huma għandhom japplikaw il-prinċipji tat-trasparenza u n-non-diskriminazzjoni rigward it-tariffi u l-kondizzjonijiet assoċjati. It-tariffi, flimkien mal-kondizzjonijiet assoċjati, għandhom japplikaw ugwalment kemm bejn partijiet terzi differenti u kemm bejn partijiet terzi u l-fornituri tas-servizz universali li jfornu servizzi ekwivalenti. Kwalunkwe tariffa bħal din għandha tkun ukoll disponibbli għall-utenti, b’mod partikolari utenti individwali u impriżi żgħar u ta’ daqs medju, li jużaw il-posta taħt kondizzjonijiet simili.”

7        Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/6, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu konformi ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010.

 Id-dritt Belġjan

8        L-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 kif emendat bid-Direttiva 2002/39, ġie traspost fl-ordinament ġuridiku Belġjan permezz tal-Artikolu 144b tal-Liġi tal-21 ta’ Marzu 1991, li tirriforma ċerti impriżi pubbliċi ekonomiċi (Moniteur belge tas-27 ta’ Marzu 1991, p. 6155), kif emendat bid-Digriet Irjali tas-7 ta’ Ottubru 2002 (Moniteur belge tal-25 ta’ Ottubru 2002, p. 49053) u bil-Liġi tat-13 ta’ Diċembru 2010 (Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 2010, p. 83267).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Fil-Belġju, bpost hija l-fornitur storiku tas-servizzi postali, li hija essenzjalment inkarigata mid-distribuzzjoni ta’ posta li b’mod partikolari tinkludi l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u l-kunsinna ta’ oġġetti postali lid-destinatarji.

10      Mhux biss bpost tipprovdi s-servizzi ta’ distribuzzjoni postali lill-pubbliku ġenerali, iżda wkoll lil żewġ kategoriji speċifiċi ta’ klijenti, jiġifieri l-mittenti ta’ posta bil-kwantità (iktar ’il quddiem il-“mittenti”) u l-intermedjarji.

11      Il-mittenti huma l-konsumaturi finali ta’ servizzi ta’ distribuzzjoni ta’ posta. Huma jiddefinixxu l-messaġġ li għandu jkun is-suġġett ta’ posta u huma fl-oriġini tat-talba għall-oġġetti postali. Min-naħa tagħhom, l-intermedjarji jipprovdu lill-mittenti servizzi ta’ routing upstream tas-servizz ta’ distribuzzjoni ta’ posta. Dawn is-servizzi jistgħu jinkludu preparazzjoni tal-posta qabel ma jgħadduha lil bpost (l-issortjar, l-istampar, it-tqegħid f’envelopp, l-ittikkettjar, l-indirizzar u t-twaħħil tal-bolli) kif ukoll id-depożitu ta’ posta (ġbir mill-mittenti, ġbir flimkien u t-tqegħid tal-posta f’boroż tal-posta, it-trasport u d-depożitu f’postijiet magħżula mill-operatur postali).

12      Tipi differenti ta’ tariffi huma applikati minn bpost, fosthom it-tariffi kuntrattwali li huma tariffi speċjali meta mqabbla mat-tariffa standard imħallsa mill-pubbliku ġenerali. Dawn it-tariffi speċjali jirriżultaw minn kuntratt bejn bpost u l-klijenti kkonċernati, li jista’ jipprovdi għal tnaqqis lil ċerti klijenti li jiġġenera dħul mill-bejgħ speċifiku favur l-operatur. It-tnaqqis kuntrattwali l-iktar frekwenti huwa t-tnaqqis kwantitattiv mogħti skont il-volum tal-oġġetti postali ġġenerat matul perijodu ta’ referenza, u t-tnaqqis operattiv, li jingħata favur ċertu tranżazzjonijiet ta’ routing u li jingħataw inkambju għall-ispejjeż evitati minn bpost.

13      L-IBPT hija l-awtorità regolatorja nazzjonali fis-settur tas-servizzi postali skont id-Direttiva 97/67.

14      Fl-2010, bpost informat lill-IBPT b’bidla fis-sistema ta’ tnaqqis għat-tariffi kuntrattwali dwar is-servizzi ta’ distribuzzjoni ta’ reklamar u posta amministrattiva. Din il-posta tirrappreżenta madwar 20 % mid-dħul mill-bejgħ ta’ bpost fis-settur postali.

15      Din is-sistema l-ġdida ta’ tnaqqis tikkonsisti fi tnaqqis kwantitattiv mogħti skont il-volum ta’ posta ġġenerat, li ngħata kemm lill-mittenti kif ukoll lill-intermedjarji. Madankollu, it-tnaqqis mogħti lil dawn tal-aħħar kien ikkalkolat mhux fuq il-bażi tal-volum totali ta’ posta mill-mittenti kollha li huma jipprovdulhom is-servizzi tagħhom, iżda fuq il-volum tal-posta ġġenerata individwalment minn kull klijent tagħhom (iktar ’il quddiem it-“tnaqqis kwantitattiv għal kull mittent”).

16      Minbarra t-tnaqqis kwantitattiv għal kull mittent, is-sistema l-ġdida inkludiet ukoll tnaqqis operattiv, imsejjaħ “Indirect Channel Rebate”. Dan it-tnaqqis huwa inkambju għall-ispejjeż evitati minn bpost minħabba fit-teħid ta’ responsabbiltà mill-intermedjarji ta’ ċerti tranżazzjonijiet taħt is-servizz ta’ distribuzzjoni ta’ posta.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2011, l-IBPT kkunsidrat li bpost kienet kisret, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ nondiskriminazzjoni f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis kwantitattiv tat-tariffi kuntrattwali dwar l-2010.

18      F’din id-deċiżjoni, l-IBPT ikkontestat lil bpost li kienet qed iċċaħħad lill-intermedjarji mill-ogħla tnaqqis fuq il-kwantitajiet ta’ posta ġġenerata, peress li huma jiddepożitaw volum ta’ posta li huwa komparabbli ma’ dik iddepożitata mill-ikbar mittenti. Konsegwentement, din is-sistema qed twettaq diskriminazzjoni għad-dannu tal-intermedjarji.

19      Fit-23 ta’ Settembru 2011, bpost talbet lill-Cour d’appel de Bruxelles tannulla d-deċiżjoni ta’ IBPT.

20      Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux mal-portata tal-ħames inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 u mal-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lil din id-dispożizzjoni fis-sentenza Deutsche Post et (C‑287/06 à C‑292/06, EU:C:2008:141).

21      Filwaqt li tirrikonoxxi li l-portata tal-ħames inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 ma jidhirx li nbidel wara li ġie emendat bid-Direttiva 2008/6, din il-qorti għad għandha dubji dwar jekk din id-dispożizzjoni tirrigwardax indistintament it-tnaqqis operattiv u t-tnaqqis kwantitattiv, jew jekk, madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jeskludi t-tnaqqis kwantitattiv.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour d’appel de Bruxelles iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-ħames inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 1997/67/KE, kif emendat bid-Direttivi 2002/39/KE 2 u 2008/06/KE 3, għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi obbligu ta’ nondiskriminazzjoni, b’mod partikolari fir-relazzjonijiet bejn il-fornitur tas-servizz universali u l-intermedjarji, fejn f’dak li sjikkonċerna t-tnaqqis operattiv mogħti minn dan il-fornitur, it-tnaqqis esklużivament kwantitattiv jibqa’ suġġett għall-applikazzjoni tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 12 [ta’ din id-direttiva]?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija pożittiva, it-tnaqqis esklużivament kwantitattiv jissodisfa l-obbligu ta’ nondiskriminazzjoni previst fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 12 [ta’ din id-direttiva] meta d-differenza fil-prezz li huwa jistabbilixxi hija bbażata fuq fattur oġġettiv fir-rigward tas-suq ġeografiku u ta’ servizzi rilevanti u li hija ma għandhiex effett ta’ esklużjoni jew li tinkoraġġixxi l-fedeltà?

3)      Jekk ir-riposta għall-ewwel domanda hija negattiva, it-tnaqqis kwantitattiv mogħti lill-intermedjarju jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst mill-ħames inċiż tal-Artikolu 12 [tal-istess direttiva], meta d-daqs tiegħu ma jkunx ugwali mat-tnaqqis li jingħata lil kunsinnatur li jiddepożita numru ta’ oġġetti postali ekwivalenti, iżda mat-tnaqqis kollu li jingħata lill-kunsinnaturi kollha abbażi tan-numru ta’ oġġetti postali ta’ kull wieħed minn dawn il-kunsinnaturi li l-intermedjarju jkun ġabar l-oġġetti postali tiegħu?”

 Fuq id-domandi preliminari

23      Preliminarjament, għandu jingħad li l-kawża prinċipali tikkonċerna rikors għal annullament ippreżentat minn bpost kontra d-deċiżjoni tal-IBPT li timponilha multa għall-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba fl-implementazzjoni tat-tnaqqis kwantitattiv għal kull mittent.

24      Il-kwistjoni dwar jekk dan it-tnaqqis jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 jew pjuttost dak tal-ħames inċiż ta’ dan l-istess artikolu ma huwiex determinanti għall-kontroll tal-legalità tad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju hija meħtieġa li twettaq.

25      Fil-fatt, jirriżulta mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 li t-tariffi ta’ kull wieħed mis-servizzi li jagħmel parti mis-servizz universali għandu jikkonforma b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kemm f’dak li jirrigwarda t-“tariffi” (ir-raba’ inċiż) kif ukoll it-“tariffi speċjali” (il-ħames inċiż).

26      Minn dan jirriżulta li l-evalwazzjoni tan-natura allegatament diskriminatorja tat-tnaqqis kwantitattiv applikat minn bpost matul l-2010 ma huwiex effettwat mill-fatt li dan it-tnaqqis jaqa’ taħt ir-raba’ inċiż minflok il-ħames inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67, jew bil-maqlub.

27      Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jiġi biss ivverifikat jekk il-prattika inkwistjoni tirrispetta l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi Ruckdeschel et, 117/76 u 16/77, EU:C:1977:160, punt 7, kif ukoll Almer Beheer u Daedalus Holding, C‑441/12, EU:C:2014:2226, punt 47).

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi preliminari, meħuda flimkien, għandhom jinftehmu bħala li essenzjalment qed jikkonċernaw, jekk il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tat-tariffi postali previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi sistema ta’ tnaqqis kwantitattiv għal kull mittent, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li t-tnaqqis kwantitattiv huwa tnaqqis fit-tariffi, fejn ir-rata tiżdied skont il-volum tal-oġġetti postali ġġenerat matul perijodu ta’ referenza.

30      Skont bpost, it-tnaqqis kwantitattiv għal kull mittent ġie introdott fit-tariffi kuntrattwali tagħha dwar l-2010 sabiex tintemm il-prattika ta’ numru limitat ta’ intermedjarji li jiġbru l-posta ta’ numru ta’ mittenti, b’tali mod sabiex jibbenefikaw minn tnaqqis kwantitattiv ogħla mingħajr ma jaffettwaw ebda intervent operattiv.

31      Hekk kif ġie indikat fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, jirriżulta mid-deċiżjoni tal-IBPT tal-20 ta’ Lulju 2011 li din l-awtorità kkunsidrat li t-tnaqqis kwantitattiv għal kull mittent jiddiskrimina bejn, minn naħa, il-mittenti l-kbar li jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis kwantitattiv ogħla fuq il-volumi ta’ posta fdati lil bpost u, min-naħa l-oħra, l-intermedjarji li jafdawlhom volum ta’ posta komparabbli, iżda permezz tal-ġbir flimkien ta’ din il-posta mid-diversi impriżi jew amministrazzjonijiet.

32      Huwa stabbilit li sa fejn it-tnaqqis kwantitattiv huwa kkalkolat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ individwalment iġġenerat minn kull mittent, mittent li jafda lil bpost volum ta’ posta importanti jibbenefika minn tnaqqis ogħla għal dak li jikseb intermedjarju li miegħu jiddepożita volum ta’ posta ekwivalenti, li jirriżulta mill-aggregazzjoni tal-posta minn diversi mittenti.

33      Filwaqt li huwa veru li tali konstatazzjoni twassal għall-konklużjoni li t-tnaqqis kwantitattiv għal kull mittent jintroduċi trattament differenti bejn il-mittenti u l-intermedjarji, xorta jibqa’ l-fatt li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, dan it-trattament differenti ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 ħlief jekk, minn naħa, il-mittenti u l-intermedjarji huma f’sitwazzjoni komparabbli fis-suq tad-distribuzzjoni ta’ posta u, min-naħa l-oħra, l-ebda għan leġittimu ma jista’ jiġġustifika dan it-trattament differenti.

34      Sabiex tiġi ddeterminata l-bażi li fuqha għandha titwettaq it-tqabbil tas-sitwazzjonijiet rispettivi tal-mittenti u tal-intermedjarji, għandu jitqies il-fatt li s-sistema introdotta minn bpost fl-2010 kienet tinkludi kemm it-tnaqqis kwantitattiv kif ukoll it-tnaqqis operattiv.

35      Madankollu, sabiex tiġi stabbilita diskriminazzjoni għad-dannu tal-intermedjarji fil-kuntest tal-għoti ta’ tnaqqis kwantitattiv għal kull mittent, għandu jiġi limitat it-tqabbil tas-sitwazzjonijiet tal-mittenti u tal-intermedjarji, peress li dawn tal-aħħar sempliċement jiġbru l-posta ta’ numru ta’ mittenti u jerġgħu joħorġulhom fattura għas-servizz ta’ distribuzzjoni ta’ posta pprovdut minn bpost, wara li jnaqqsu s-servizzi ta’ routing li jippermettulhom li jibbenefikaw mit-tnaqqis operattiv.

36      Fl-osservazzjonijiet tagħhom, bpost u l-Gvern Franċiż josservaw li l-għan tat-tnaqqis kwantitattiv jikkonsisti fl-istimulazzjoni tat-talba fil-qasam tas-servizzi postali li bħalissa qed iħabbtu wiċċhom ma’ offerta ta’ servizzi ta’ spedizzjoni kompetituri dejjem tikber, b’mod partikolari dik tal-posta elettronika.

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-mittenti huma l-uniċi li jistgħu jgħollu tali talba peress li huma “għall-oriġini ta’ oġġetti postali”, kif ippreċiżat mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “mittent” fil-punt 16 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/67.

38      Bil-kontra, meta l-intermedjarji jafdaw lil bpost il-posta li jkunu ġabru qabel mingħand mittenti differenti, dan ma għandux bħala effett li jżid il-volum globali ta’ posta favur bpost. Minn dan jirriżulta li, ħlief sal-punt limitat li tali intermedjarji huma stess mittenti, l-attività tagħhom ma tikkontribwixxix, minnha nfisha, għaż-żieda fil-volum tal-posta fdata lil bpost.

39      Barra minn hekk, l-applikazzjoni tas-sistema ta’ tnaqqis kwantitattiv li kienet fis-seħħ qabel l-2010, li tgħid li t-tnaqqis mogħti lil intermedjarju kien ikkalkolat fuq il-bażi tal-volum totali ta’ posta mill-mittenti kollha li huma jipprovdulhom is-servizzi tagħhom, kienet tikkomprometti l-għan li tiżdied it-talba għas-servizzi postali.

40      Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali qies fil-punti 69 u 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, mittent li ma jiġġenerax biżżejjed posta biex jibbenefika minn tnaqqis kwantitattiv ma jibbenefika minn l-ebda tnaqqis taħt it-tnaqqis kwantitattiv għal kull mittent, u dan kemm jekk jiddeċiedi li jikkonsenja huwa nnifsu l-posta tiegħu lil bpost jew li jafda intermedjarju b’dan ix-xogħol. Madankollu, fil-kuntest tas-sistema ta’ tnaqqis kwantitattiv li kienet applikata qabel l-2010, dan l-istess mittent seta’ jiġi attribwit b’mod indirett tali tnaqqis, għall-istess volum ta’ posta, jekk huwa ddeċieda li juża s-servizzi ta’ intermedjarju, peress li l-volum tiegħu ta’ posta kien ser ikun ikkonsolidat ma’ dak ta’ mittenti oħra li jużaw is-servizzi tal-istess intermedjarju.

41      F’dan l-aħħar każ, il-mittent inkwistjoni indirettament jibbenefika minn tnaqqis mingħajr ma jżid il-volum tiegħu ta’ posta, li ma kienx ta’ natura li jħeġġu jiġġenera iktar posta fil-futur. Tali sitwazzjoni, li tmur b’mod ċar kontra l-għan imfittex minn bpost billi tintroduċi sistema ta’ tnaqqis kwantitattiv, jista’ jwassal lil dan l-operatur li jirrestrinġi, jew jelimina, din is-sistema sabiex jitħares l-ekwilibriju finanzjarju tagħha. Madankollu, din id-deċiżjoni, jista’ wkoll ikollha min-naħa tagħha, impatt negattiv fuq it-talba għas-servizzi postali b’mod ġenerali u għalhekk fuq l-ekwilibriju finanzjarju ta’ bpost.

42      Huwa minnu li fis-sentenza Deutsche Post et (EU:C:2008:141, punt 44), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 jipprekludi li jiġi rrifjutat lill-intermedjarji li jiġbru fi gruppi l-oġġetti postali ta’ diversi mittenti l-benefiċċju tat-tariffi speċjali li l-fornitur nazzjonali tas-servizz postali universali jagħti lill-istess mittenti.

43      Issa, fil-kuntest tar-raġunament li kien il-bażi ta’ din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari ċaħdet l-argument ta’ Deutsche Post AG u tal-Gvern Ġermaniż, li jgħid li l-fatt li l-intermedjarji jiġu permessi jibbenefikaw minn ċertu tnaqqis iqiegħed f’riskju l-ekwilibriju finanzjarju ta’ Deutsche Post AG (sentenza Deutsche Post et, EU:C:2008:141, punt 36).

44      Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Gvern Belġjan, Taljan u Svediż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, din il-ġurisprudenza madankollu ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali.

45      Fil-fatt, il-kawża li tat lok għas-sentenza Deutsche Post et (EU:C:2008:141) ma tikkonċernax tnaqqis kwantitattiv, iżda tnaqqis operattiv. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, li, sa fejn it-tariffi speċjali għandhom jieħdu kont ta’ spejjeż evitati, meta mqabbla mas-servizzi tradizzjonali jistgħu għaldaqstant jiġu stabbiliti b’tali mod li huma distinti mit-tariffi postali biss mill-fatt li l-ispejjeż effettivament evitati huma mnaqqsa minn dawn it-tariffi tal-aħħar, b’tali mod li dawn it-tariffi lill-intermedjarji ma jaffettwax l-ekwilibriju finanzjarju ta’ Deutsche Post AG, bħala fornitur tas-servizz postali universali.

46      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li jekk jirriżulta li l-konċessjoni lill-intermedjarji tat-tnaqqis fil-prezz li fil-preżent huwa konċess biss lill-klijenti fin-negozju ta’ Deutsche Post ikollu l-effett li l-imsemmi tnaqqis ikun eċċessiv meta mqabbel mal-ispejjeż evitati, din il-kumpannija jkollha d-dritt tnaqqas, sa fejn ikun meħtieġ, dan it-tnaqqis għall-benefiċjarji kollha ta’ dan (sentenza Deutsche Post et, EU:C:2008:141, punt 38).

47      Għalhekk, jekk il-mittenti u l-intermedjarji setgħu jkunu f’sitwazzjoni komparabbli f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis operattiv, hekk kif jirriżulta mis-sentenza Deutsche Post et (EU:C:2008:141), dan ma huwiex neċessarjament il-każ f’dak li jirrigwarda it-tnaqqis kwantitattiv, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, it-tnaqqis kwantitattiv għal kull mittent iwassal sabiex dawn tal-aħħar jafdaw iktar posta lil bpost li jippermettilha tikseb ekonomiji ta’ skala. Min-naħa l-oħra, l-attività mwettqa mill-intermedjarji ma tikkontribwixxix, minnha nfisha, kif ġie rrilevat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, għaż-żieda fil-posta fdata lil bpost u, għalhekk, għall-ksib ta’ dawn l-ekonomiji minn din tal-aħħar.

48      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija li l-mittenti u l-intermedjarji ma setgħux jkunu f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-għan imfittex mis-sistema tat-tnaqqis kwantitattiv għal kull mittent jiġifieri l-istimulazzjoni tat-talba fil-qasam tas-servizzi postali, peress li l-mittenti biss huma kapaċi li jiġu indotti, permezz ta’ din is-sistema, sabiex iżidu l-volum tagħhom ta’ posta fdata lil bpost u għalhekk id-dħul mill-bejgħ ta’ dan l-operatur. Konsegwentement, it-trattament differenti bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ klijenti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tas-sistema ta’ tnaqqis kwantitattiv għal kull mittent ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67.

49      Għalhekk, ir-risposta għad-domanda magħmula hija li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tat-tariffi previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix sistema ta’ tnaqqis kwantitattiv għal kull mittent, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tat-tariffi previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendat bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix sistema ta’ tnaqqis kwantitattiv għal kull mittent, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.