Language of document : ECLI:EU:C:2020:55

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit‑30 ta’ Jannar 2020(1)

Kawża C654/18

Interseroh Dienstleistungs GmbH

vs

SAA Sonderabfallagentur Baden-Württemberg GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Stuttgart (il-Qorti Amministrattiva ta’ Stuttgart, il-Ġermanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skart – Trasport ta’ skart ġewwa l-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1013/2006 – Klassifikazzjoni ta’ taħlita ta’ skart tal-karta – il-Konvenzjoni ta’ Basel – Proċedura ta’ kontroll applikata fuq skart elenkat bħala ‘Aħdar’ – Klassifikazzjoni ta’ taħlita ta’ skart tal-karta li fiha impuritajiet”






1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Verwaltungsgericht Stuttgart (il-Qorti Amministrattiva ta’ Stuttgart, il-Ġermanja) titlob direzzjoni dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjeġġi ta’ skart (2). Hija tixtieq tiddetermina jekk tip ta’ skart kompost prinċiparjament minn prodotti tal-karti għandux jiġi kklassifikat bħala skart hekk imsejjaħ “aħdar” u għaldaqstant suġġett għall-proċedura ta’ kontroll flessibbli stipulata f’dan ir-regolament. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk dan it-tip ta’ skart jistax jiġi kklassifikat bħala “aħdar” jekk ikun fih sa 10 % ta’ impuritajiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni ta’ Basel

2.        Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll ta’ Movimenti Transkonfinali ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi Tiegħu (3) huwa definit fl-Artikolu 1. Skont l-Artikolu 1(1)(a) “skart perikoluż” huwa suġġett għar-regoli dwar movimenti transkonfinali (4). L-Artikolu 1(2) jistipula li skart li jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji elenkati fl-Anness II huwa wkoll suġġett għar-regoli dwar movimenti transkonfinali: dan jaqa’ taħt kategorija wiesgħa ta’ “skart ieħor” għall-iskopijiet tal-Konvenzjoni ta’ Basel (5).

3.        L-Artikolu 2(8) jispeċifika li “‘l-immaniġar ta’ skart perikoluż u skart ieħor b’mod ambjentalment san’ ifisser it-teħid tal-passi prattikabbli kollha sabiex jiġi żgurat li skart perikoluż u skart ieħor jiġi mmaniġat b’mod li jipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kontra effetti ħżiena li jistgħu jirriżultaw minn dan it-tip ta’ skart” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4.        Il-Konvenzjoni ta’ Basel ġiet emendata sabiex tinkludi l-Anness IX li daħal fis-seħħ fis‑6 ta’ Novembru 1998. Il-paragrafu li jiftaħ dan l-Anness jgħid, “skart li jinsab [hemmhekk] ma huwiex skart kopert mill-Artikolu 1, paragrafu 1(a), tal-Konvenzjoni sakemm dan ma fihx materjal kopert mill-Anness I sal-punt li jibda jesebixxi xi karatteristika ta’ Anness III” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Sezzjoni B3 tal-Konvenzjoni tkopri “skart li fih prinċiparjament kostitwenti organiċi, li jista’ jkun fihom metalli u materjali inorganiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Kodiċi B3020 tkopri “Skart ta’ karta, kartun u prodotti tal-karti” (6).

 Id-Deċiżjoni tal-OECD

5.        L-Istati Membri kienu awtorizzati mill-Kunsill sabiex jivvutaw f’isem (dik li kienet) il-Komunità favur id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-OECD, C(2001)107/Finali, li tikkonċerna r-reviżjoni tad-Deċiżjoni C(92)39/Finali dwar il-kontroll ta’ movimenti transkonfinali ta’ skart destinat għal operazzjonijiet ta’ rkupru (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-OECD”) (7). Din id-deċiżjoni bdiet torbot lill-Istati Membri u lill-Komunità hekk kif tlestew il-proċeduri neċessarji tal-Komunità.

6.        Il-Kapitolu II, Parti B jistabbilixxi sistema ta’ kontroll b’żewġ livelli li għandha tiġi applikata għall-movimenti transkonfinali ta’ skart. Il-Punt 2(a) jgħid li l-“proċedura ta’ kontroll Ħadra” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tapplika għall-iskart elenkat fl-Anness IX mal-Konvenzjoni ta’ Basel (“Skart elenkat bħala ‘Aħdar’”) (8).

7.        Skont punt 4(a) ta’ Kapitolu II, Parti B, pajjiż Membru jżomm id-dritt li “jikkontrolla, fuq bażi eċċezzjonali, ċertu skart b’mod differenti, f’konformità mal-leġiżlazzjoni domestika u r-regoli ta’ dritt internazzjonali, sabiex jipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont punt 4(b), pajjiż Membru jista’ jirregola skart elenkat bħala “Aħdar” daqslikieku dan kien suġġett għar-rekwiżiti iżjed stretti tal-proċedura ta’ kontroll Oranġjo (9).

8.        Il-Punt 8 ta’ Kapitolu II, Parti B jgħid li “taħlita ta’ skart, li għaliha ma teżistix entrata waħdanija, għandha tkun suġġett għas-segwenti proċedura ta’ kontroll:

(i) taħlita ta’ żewġ tipi jew aktar (ta’ skart elenkat bħala “Aħdar”) għandha tkun suġġett għall-proċedura ta’ kontroll Ħadra, sakemm il-kompożizzjoni ta’ din it-taħlita ma tfixkilx l-irkupru ambjentalment san tagħha;

(ii) taħlita ta’ (skart elenkat bħala “Aħdar”) u iżjed minn ammont de minimis ta’ skart Oranġjo jew taħlita ta’ żewġ tipi jew aktar ta’ skart Oranġjo għandha tkun suġġett għall-proċedura ta’ kontroll Oranġjo, sakemm il-kompożizzjoni ta’ din it-taħlita ma tfixkilx l-irkupru ambjentalment san tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9.        Il-Parti C hija intitolata “proċedura ta’ kontroll Ħadra” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija tistipula “Movimenti transkonfinali ta’ skart suġġett għall-proċedura ta’ kontroll Ħadra għandhom ikunu suġġetti għall-proċeduri kollha eżistenti li normalment jiġu applikati għat-tranżazzjonijiet kummerċjali.

Irrispettivament minn jekk skart huwiex inkluż fil-lista ta’ skart li huwa suġġett għall-proċedura ta’ kontroll Ħadra (Appendiċi 3), skart ma jistax ikun suġġett għall-proċedura ta’ kontroll Ħadra jekk ikun ikkontaminat b’materjal ieħor sal-punt li (a) jiżdiedu r-riskji assoċjati mal-iskart sal-punt li jirrenduh adattat sabiex ikun suġġett għall-proċedura ta’ kontroll oranġjo, meta wieħed iqis il-kriterji fl-Appendiċi 6 ta’ din id-deċiżjoni, jew (b) jiġi ostakolat l-irkupru tal-iskart b’mod ambjentalment san” (10) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Regolament Nru 1013/2006

10.      Id-dikjarazzjonijiet li jsegwu jinsabu fil-premessi ta’ Regolament Nru 1013/2006.

–        L-għan u l-komponent ewlieni u predominanti ta’ dan ir-Regolament [Regolament Nru 1013/2006] huwa l-protezzjoni tal-ambjent, filwaqt li l-effetti tiegħu fuq il-kummerċ internazzjonali huma biss inċidentali (11).

–        Permezz tal-adozzjoni ta’ regolament dwar vjeġġi ta’ skart, il-Kunsill stabbilixxa regoli sabiex inaqqas u jikkontrolla tali movimenti mfassla, inter alia, sabiex is-sistema Komunitarja eżistenti għas-superviżjoni u l-kontroll ta’ movimenti ta’ skart tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Basel (12).

–        Huwa meħtieġ li l-kontenut tad-“Deċiżjoni tal-OECD” jiġi nkorporat fil-leġiżlazzjoni Komunitarja (13).

–        Huwa importanti li jiġu organizzati u regolati s-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart b’mod li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġu ppreżervati, protetti u mtejba l-kwalità tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem u b’mod li jippromovi applikazzjoni aktar uniformi tar-Regolament fil-Komunità kollha (14).

–        Għalkemm is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart fi Stat Membru huma kwistjonijiet għal dak l-Istat Membru, is-sistemi nazzjonali li jikkonċernaw vjeġġi ta’ skart għandhom jieħdu kont tal-ħtieġa għal koerenza mas-sistema Komunitarja sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem (15).

–        Fil-każ ta’ vjeġġi ta’ skart destinat għal operazzjonijiet ta’ rimi u skart mhux elenkat, inter alia, fl-Anness III jew IIIA destinat għal operazzjonijiet ta’ rkupru, huwa xieraq li jiġu żgurati l-aqwa superviżjoni u kontroll billi jkun meħtieġ permess bil-miktub bil-quddiem għal tali vjeġġi. Tali proċedura għandha, imbagħad, tagħti lok għal notifika minn qabel, li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jkunu informati bix-xieraq sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Għandha wkoll tippermetti lil dawk l-awtoritajiet iqajmu oġġezzjonijiet motivati għal tali vjeġġi (16).

–        Fil-każ ta’ vjeġġi ta’ skart elenkat fl-Anness III, IIIA jew IIIB destinat għal operazzjonijiet ta’ rkupru, huwa xieraq li jiġi żgurat livell minimu ta’ superviżjoni u kontroll billi jinħtieġ li tali trasporti jkunu akkumpanjati minn ċerta informazzjoni (17).

–        Fil-kunsiderazzjoni tat-taħlitiet ta’ skart li għandhom jiġu miżjuda fl-Anness IIIA, l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi kkunsidrata, inter alia: il-proprjetajiet tal-iskart bħall-karatteristiċi perikolużi possibbli tiegħu, il-potenzjal tiegħu għal kontaminazzjoni u l-istat fiżiku tiegħu; l-aspetti ta’ mmaniġġar bħall-kapaċità teknoloġika sabiex jiġi rkuprat l-iskart u l-benefiċċji ambjentali derivanti mill-operazzjoni ta’ rkupru, inkluż jekk jistax jiġi imfixkel l-immaniġġar ambjentalment san tal-iskart (18).

11.      L-Artikolu 1(1) jipprovdi li r-Regolament Nru 1013/2006 jistabbilixxi proċeduri u reġimi ta’ kontroll għall-vjeġġi tal-iskart, skont l-oriġini, id-destinazzjoni u r-rotta tal-vjaġġ, it-tip ta’’ skart trasportat u t-tip ta’ trattament li għandu jiġi applikat fuq l-iskart fid-destinazzjoni tiegħu. Skont l-Artikolu 1(2)(a), ir-Regolament japplika, inter alia, għal vjeġġi ta’ skart bejn l-Istati Membri.

12.      L-Artikolu 2 jelenka sensiela ta’ definizzjonijet, li fosthom is-segwenti huma pertinenti:

“‘skart’ tfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness I mad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-iskart (19) li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi (20).

‘skart perikoluż’ huwa skart kif definit fid-[Direttiva 91/689/KEE] (21).

‘taħlita ta’ skart’ tfisser skart li jirriżulta minn taħlit intenzjonat jew mhux intenzjonat ta’’ żewġ tipi differenti jew aktar ta’’ skart u li għal liema taħlita ma teżistix entrata waħdanija fl-Annessi III, IIIB, IV u IVA. Skart trasportat fi vjeġġ wieħed ta’’ skart, li jikkonsisti f’’żewġ tipi jew aktar ta’ skart, fejn kull skart huwa separat, mhuwiex taħlita ta’ skart (22).

[…]

‘rkupru’ huwa kif definit fl-Artikolu 1(1)(f) tad-[Direttiva 2006/12] (23).

[…]

‘maniġġar ambjentalment san’ tfisser it-teħid tal-passi prattikabbli kollha sabiex jiġi żgurat li l-iskart ikun maniġġat b’mod li jipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kontra effetti ħżiena li jistgħu jirriżultaw minn tali skart (24).

[…]

‘Konvenzjoni ta’ Basel’ tfisser il-Konvenzjoni ta’ Basel tat-22 ta’ Marzu 1989 dwar il-kontroll ta’ movimenti transkonfinali ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu (25).

‘Deċiżjoni tal-OECD’ tfisser id-Deċiżjoni C(2001)107/Finali tal-Kunsill tal-OECD li tikkonċerna d-Deċiżjoni C(92)39/Finali dwar il-kontroll ta’ movimenti transkonfinali ta’ skart destinat għal operazzjonijiet ta’ rkupru” (26).

13.      L‑Artikolu 3 huwa l-ewwel artikolu fit-Titolu II (“Vjeġġi fil-Komunità bi jew mingħajr transitu minn pajjiżi terzi”). L‑Artikolu 3(1)(a) jgħid li vjeġġi ta’ kull skart li jkunu destinati għal operazzjonijiet ta’ rimi huma suġġetti għall-proċedura ta’ notifika minn qabel stipulata fl‑Artikolu 4 (ser ninterrompi: proċedura li tieħu ħafna ħin amministrattivament u li relattivament tqum ħafna flus) (27). Skont l‑Artikolu 3(1)(b), ċertu skart li jkun destinat għall-irkupru huwa wkoll suġġett għal din il-proċedura. Dan jinkludi “skart li mhux klassifikat taħt entrata waħdanija f’xi wieħed mill-Annessi III, IIIB, IV jew IVA” u “taħlit ta’ skart mhux klassifikat taħt entrata f’xi wieħed mill-Annessi III, IIIB, IV IVA ħlief jekk elenkati fl-Anness IIIA” (28). L‑Artikolu 3(2) jgħid li r-rekwiżiti ġenerali ta’ informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 18 (proċedura inqas oneruża) japplikaw għal skart destinat għall-irkupru li hu elenkat fl-Anness III jew IIIB, u għal “taħlitiet, mhux klassifikati taħt entrata waħda fl-Anness III, ta’ żewġ tipi jew aktar ta’ skart elenkati fl-Anness III kemm-il darba l-kompożizzjoni ta’ dawn it-taħlitiet ma tfixkilx l-irkupru ambjentalment san tagħhom u sakemm tali taħlitiet huma elenkati fl-Anness IIIA, skond l-Artikolu 58” (29). Kull tip ta’ skart kopert bl‑Artikolu 3(2) huwa skart elenkat bħala “Aħdar”.

14.      L‑Artikolu 4 huwa intitolat “Notifika” u japplika fejn in-notifikatur għandu l-intenzjoni li jittrasporta skart kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a) jew (b). In-notifikatur għandu jippreżenta minn qabel notifika bil-miktub lil u permezz tal-awtorità kompetenti tad-dispaċċ. In-notifikatur għandu jipprovdi dokumenti ta’ notifika u ta’ moviment kif stipulat fir-Regolament, jikkonkludi kuntratt mad-destinatarju, jistabbilixxi garanzija finanzjarja jew assigurazzjoni ekwivalenti u jagħmel notifika għall-iskopijiet tal‑Artikolu 4 (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ notifika minn qabel”).

15.      L‑Artikolu 18 jelenka r-“rekwiżiti ġenerali ta’ informazzjoni” u jistipula li l-iskart imsemmi, inter alia, fl‑Artikolu 3(2) huwa suġġett għar-rekwiżiti proċedurali deskritti hemmhekk. Il-persuna li torganizza l-vjeġġ taħt il-ġurisdizzjoni tal-pajjiż tad-dispaċċ għandha tiżgura li l-iskart huwa akkumpanjat mid-dokument li jinsab fl-Anness VII mar-regolament. Dan id-dokument għandu jiġi ffirmat minn din il-persuna u mill-impjant ta’ rkupru (jew mil-laboratorju) u d-destinatarju meta l-iskart in kwistjoni jkun riċevut (iktar ’il quddiem il-“Proċedura ta’ kontroll Ħadra”) (30).

16.      L‑Artikolu 28(1) jipprovdi li, “[j]ekk l-awtoritajiet kompetenti tad-dispaċċ u tad-destinazzjoni ma jistgħux jaqblu dwar il-klassifikazzjoni fir-rigward tad-distinzjoni bejn dak li huwa skart u dak li mhuwiex skart, il-materja in kwistjoni għandha tiġi trattata bħallikieku kienet skart. Dan għandu jkun bla preġudizzju għad-dritt tal-pajjiż tad-destinazzjoni li jittratta l-materjal trasportat skond il-liġi nazzjonali tiegħu, wara l-wasla tal-materjal trasportat, u fejn tali liġi tikkonforma mal-liġi [Komunitarja] jew internazzjonali”. Skont l‑Artikolu 28(2), “[j]ekk l-awtoritajiet kompetenti tad-dispaċċ u tad-destinazzjoni ma jistgħux jaqblu dwar il-klassifikazzjoni ta’ l-iskart notifikat kif elenkat fl-Anness III, IIIA, IIIB jew IV, l-iskart għandu jitqies bħala elenkat fl-Anness IV”. Skart li huwa elenkat fl-Anness IV huwa suġġett għall-proċedura ta’ notifika u kunsens minn qabel stipulata fl‑Artikolu 4 (31).

17.      L‑Artikolu 58 jipprovdi għall-emendi għall-Annessi mar-Regolament Nru 1013/2006. Skont l‑Artikolu 58(1), il-Kummissjoni għandha l-poter li tadotta atti delegati sabiex temenda, inter alia, l-Annessi III u IIIA sabiex jittieħed kont tal-bidliet miftehma skont il-Konvenzjoni ta’ Basel u d-Deċiżjoni OECD.

18.      L-Anness III jelenka ċertu kategoriji ta’ skart li huma suġġetti għall-proċedura ta’ kontroll Ħadra stipulata fl‑Artikolu 18. Il-preambolu għall-Anness III jgħid, “[i]rrispettivament mill-inklużjoni jew nuqqas ta’ inklużjoni ta’ tipi ta’ skart f’din il-lista, dawn ma jistgħux ikunu suġġetti għar-rekwiżit ġenerali li jkunu akkumpanjati minn ċerta informazzjoni [kif stipulat fl‑Artikolu 18] jekk ikunu kontaminat b’materjali oħra sal-punt li:

(a) jiżdiedu r-riskji assoċjati ma’ l-iskart b’mod suffiċjenti li jkun xieraq li huma jiġu sottoposti għall-proċedura ta’ kontroll tan-notifika u l-kunsens bil-miktub minn qabel, meta jittieħed kont tal-karatteristiċi perikolużi elenkati fl-Anness III tad-[Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE] (32); jew

(b) jiġi impedit l-irkupru ta’ l-iskart b’mod ambjentalment san”.

Parti I tal-lista tipprovdi li t-tipi ta’ skart elenkati fl-Anness IX mal-Konvenzjoni ta’ Basel huma suġġetti għall-proċedura ta’ kontroll Ħadra fl‑Artikolu 18 tar-regolament (33).

19.      L-Anness IIIA huwa intitolat “Taħlitiet ta’ żewġ tipi jew aktar ta’ skart elenkati fl-Anness III u mhux klassifikati taħt entrata waħda kif imsemmi fl-artikolu 3(2)”. Il-preambolu tal-Anness IIIA huwa formulat bl-istess termini bħal dak tal-Anness III. Punt 3(g) jelenka “taħlitiet ta’ skart ikklassifikati taħt l-entrata [sic] B3020 ta’ Basel ristretti għal karta jew kartun mhux ibbliċjati jew minn karti jew kartun immewġin, karta oħra jew kartun ieħor, magħmul(a) prinċipalment minn polpa kimika ibbliċjata fil-biċċa l-kbira mhux miżbugħ(a), karta jew kartun magħmulin prinċipalment minn polpa mekkanika (pereżempju gazzetti, ġurnali u materjal simili stampat)”.

20.      Parti I ta’ Anness V, Lista B, tinkorpora Anness IX mal-Konvenzjoni ta’ Basel fit-test tar-Regolament Nru 1013/2006. Il-Kodiċi B3020 hija miktuba hekk:

“Skart ta’ karta, kartun u prodotti tal-karti

Il-materjali li ġejjin, sakemm ma jkunux imħallta bi skart perikoluż:

Skart u Ruttam ta’ karti jew ta’ kartuna ta’:

–        Karta jew kartun mhux ibbliċjati jew ta’ karti jew kartun immewġin

–        Karti jew kartun ieħor, magħmul prinċipalment minn polpa ibbliċjata kimikament, mhux ikkuluriti fil-massa

–        Karti jew kartun magħmul prinċipalment minn polpa mekanika (per eżempju, gazzetti, ġurnali u materjal stampat b’mod simili)

–        oħra, li jinkludu imma mhux limitati għal

1. kartun laminat;

2. ruttam mhux selezzjonat”.

 Sfond fattwali, proċedura u d-domandi preliminari

21.      Interseroh Dienstleistungs GmbH (iktar ’il quddiem “Interseroh”) tiġbor imballaġġi ta’ bejgħ użati (l-imballaġġi ħfief) mingħand konsumaturi finali privati fit-territorju Ġermaniż kollu u sussegwentement tikkunsinnahom għall-irkupru. Hija titrasporta l-iskart ta’ karti ppreparat bil-vapur min-naħa għal oħra tal-fruntiera għar-riċiklaġġ ġewwa fabbrika tal-karti ġewwa Hoogezand (il-Pajjiżi l-Baxxi). Karti u kartun ġodda jiġu prodotti mill-iskart tal-karta. Il-bejjiegħ mill-Pajjiżi l-Baxxi, ESKA Graphic Board BV (iktar ’il quddiem “ESKA”) jistipula li l-iskart tal-karta għandu jkollu dawn l-ispeċifikazzjonijiet. Dan għandu jkun magħmul minn tal-inqas 90 % ta’ karti, kartun u kartunċin (KKK) użat, imbattal mir-residwu u kompatibbli mas-sistema u taħlitiet ibbażati fuq il-KKK, bl-eċċezzjoni ta’ ppakkjar għal likwidi inkluż biċċiet tal-ippakkjar bħal tabelli eċċ. Apparti minn hekk, it-tip ta’ skart ma jistax ikollu iżjed minn 10 % ta’ impuritajiet (iktar ’il quddiem “it-taħlita ta’ skart inkwistjoni”) (34).

22.      Fl‑20 ta’ Mejju 2015, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċieda fi proċeduri li kienu jinvolvu lill-ESKA li taħlita tal-iskart tal-karta, irrispettivament mill-preżenza ta’ impuritajiet, taqa’ taħt il-Kodiċi ta’ Basel B3020. Konsegwentement, kwalunkwe taħlita ta’ skart bħal din kienet tikkostitwixxi skart elenkat bħala “Aħdar” u kienet taqà taħt il-lista ta’ skart suġġett għall-proċedura ta’ kontroll Ħadra taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1013/2006. Dan kien abbażi tal-verżjoni tal-Kodiċi ta’ Basel B3020 bil-lingwa Olandiża.

23.      Qabel, Interseroh kienet topera fuq il-premessa li vjeġġi transkonfinali ta’ skart ta’ din ix-xorta kienu suġġetti għall-proċedura iżjed oneruża ta’ notifika minn qabel skont l‑Artikolu 4 tar-Regolament Nru 101/2006. Madankollu, b’riżultat tas-sentenza tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) tal‑20 ta’ Mejju 2015, hija ħadet il-pożizzjoni li l-proċedura ta’ kontroll Ħadra taħt l‑Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament għandha tapplika abbażi tal-fatt li l-iskart li kienet titrasporta lejn il-Pajjiżi l-Baxxi għall-irkupru kellu jiġi kklassifikat bħala skart elenkat bħala “Aħdar” taħt il-Kodiċi ta’ Basel B3020.

24.      L-awtorità nazzjonali kompetenti fil-‘Land’ ta’ Baden-Wüttemberg fil-Ġermanja, is-SAA Sonderabfallagentur Baden-Württemberg GmbH (iktar ’il quddiem l-“SBW”), ma taqbilx ma’ din l-interpretazzjoni. Hija ma taqbilx abbażi tal-verżjoni Ġermaniża tal-Kodiċi ta’ Basel B3020.

25.      Fl‑1 ta’ Ġunju 2016, Interseroh fetħet kawża quddiem il-qorti tar-rinviju fejn talbet dikjarazzjoni li hija intitolata li ġġorr it-taħlita ta’ skart inkwistjoni bil-vapur lejn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea skont il-proċedura ta’ kontroll Ħadra taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1013/2006. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tixtieq tistabilixxi jekk l-iskart inkwistjoni għandux jiġi kklassifikat bħala skart elenkat bħala “Aħdar” għall-iskopijiet ta’ dan ir-regolament u għalhekk ressqet is-segwenti domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 3(2) tar-[Regolament Nru 1013/2006],

li jipprevedi li l-vjaġġi tal-iskart segwenti intiż għall-irkupru huma suġġetti għar-rekwiżiti ġenerali fil-qasam tal-informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 18, sakemm il-kwantità ta’ skart ittrasferit teċċedi l-20 kilogramma:

(a) l-iskart elenkat fl-Anness III jew III B;

(b) it-taħlit ta’ skart, li ma huwiex ikklassifikat f’entrata waħda fl-Anness III, ta’ mill-inqas żewġ tipi ta’ skart elenkati fl-Anness III, sa fejn il-kompożizzjoni ta’ dan it-taħlit ma tipprekludix l-irkupru tagħhom skont ir-rispett tal-ambjent, u sa fejn dan it-taħlit huwa elenkat fl-Anness III A, skont l-Artikolu 58;

għandu jiġi interpretat fis-sens li t-taħlit ta’ skart tal-karta, tal-kartun u ta’ prodotti tal-karta, kompost b’tali mod li kull tip ta’ skart meqjus individwalment jaqa’ taħt l-ewwel tliet inċiżi tal-entrata B3020 tal-Anness IX mal-Konvenzjoni ta’ Basel, u jinkludi minn tal-inqas 10 % ta’ impuritajiet, jaqa’ taħt l-entrata B3020 tal-Konvenzjoni ta’ Basel u għalhekk huwa suġġett għar-rekwiżiti ġenerali fil-qasam tal-informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 18 u mhux għall-obbligu ta’ notifika msemmi fl-Artikolu 4?

Fil-każ li r-risposta għad-domanda 1 tkun fin-negattiv:

(2) L-Artikolu 3(2) tar-[Regolament Nru 1013/2006],

li jipprevedi li l-vjaġġi tal-iskart segwenti intiż għall-irkupru huma suġġetti għar-rekwiżiti ġenerali fil-qasam tal-informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 18, sakemm il-kwantità ta’ skart ittrasferit teċċedi l-20 kilogramma:

(a) l-iskart elenkat fl-Anness III jew III B;

(b) it-taħlit ta’ skart, li ma huwiex ikklassifikat f’entrata waħda fl-Anness III, ta’ mill-inqas żewġ tipi ta’ skart elenkati fl-Anness III, sa fejn il-kompożizzjoni ta’ dan it-taħlit ma tipprekludix l-irkupru tagħhom skont ir-rispett tal-ambjent, u sa fejn dan it-taħlit huwa elenkat fl-Anness III A, skont l-Artikolu 58;

għandu jiġi interpretat fis-sens li t-taħlit ta’ skart tal-karta, tal-kartun u ta’ prodotti tal-karta, kompost b’tali mod li kull tip ta’ skart meqjus individwalment jaqa’ taħt l-ewwel tliet inċiżi tal-entrata B3020 tal-Anness IX mal-Konvenzjoni ta’ Basel, u jinkludi minn tal-inqas 10% ta’ impuritajiet, ma għandux jiġi kklassifikat taħt il-punt 3(g) tal-Anness III A u għalhekk ma huwiex suġġett għar-rekwiżiti ġenerali fil-qasam tal-informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 18, iżda għall-obbligu ta’ notifika msemmi fl-Artikolu 4?”

26.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi mill-Interseroh, mill-SBW, mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u Pollakk u mill-Kummissjoni Ewropea. Interseroh, l-SWB u l-Kummissjoni attendew is-smigħ fit‑18 ta’ Settembru 2019 u għamlu sottomissjonijiet orali.

 Evalwazzjoni

 Rimarki preliminari

27.      Huwa fatt paċifiku li l-iskart tal-karta li Interseroh iġġorr bil-vapur mill-Ġermanja għall-Pajjiżi l-Baxxi huwa magħmul minn taħlita ta’ skart u għaldaqstant jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006 (35). Kif tiddikjara l-qorti tar-rinviju, tal-inqas 90 % ta’ din it-taħlita huwa magħmul minn dak li jista’ jiġi ġenerikament deskritt bħala skart ta’ karta, kartun u prodotti ta’ karti. L-iskart jinkludi wkoll massimu ta’ 10 % ta’ impuritajiet (36). Huwa wkoll fatt mhux ikkontestat li t-taħlita ta’ skart inkwistjoni hija destinata għall-irkupru għall-iskopijiet ta’ dan ir-regolament.

28.      Ma hemm xejn fid-deċiżjoni tar-rinviju li jissuġġerixxi li t-taħlita ta’ skart inkwistjoni fiha skart perikoluż kif iddefinit fir-regoli rilevanti tal-Unjoni (37).

29.      Permezz taż-żewġ domandi mressqa, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk dan l-iskart jistax jiġi kklassifikat bħala skart elenkat bħala “Aħdar” għall-iskopijiet tar-Regolament Nru 1013/2006? Liema dispożizzjonijiet ta’ dak ir-regolament japplikaw għat-taħlita ta’ skart inkwistjoni? Dan l-iskart huwa suġġett għall-proċedura tan-notifika minn qabel skont l-Artikolu 4, li hija iktar oneruża u għalja, jew għandha tapplika l-proċedura ta’ kontroll Ħadra li hi inqas oneruża u li tinsab fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1013/2006?

30.      Għaldaqstant sejjer nikkunsidra d-domandi tal-qorti tar-rinviju flimkien.

 Ir-Regolament Nru 1013/2006

31.      L-għan ewlieni tar-Regolament Nru 1013/2006 huwa l-protezzjoni tal-ambjent. Il-qafas proċedurali ġenerali pprovdut fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1013/2006 huwa li l-proċess normali huwa li vjeġġi ta’ skart ikunu suġġetti għall-proċedura ta’ notifika minn qabel (38). Għaldaqstant, il-proċedura ta’ kontroll normali hija li l-Artikolu 4 japplika sabiex jiżgura superviżjoni u kontroll ottimu sabiex l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem jiġu protetti.

32.      Madankollu, l-Artikolu 3(2) jipprovdi speċifikament għal skart elenkat bħala “Aħdar” li jkun destinat għall-irkupru. Skart elenkat fl-Anness III jew taħlitiet li mhux klassifikati taħt entrata waħdanija (f’dak l-Anness) ta’ żewġ tipi jew aktar ta’ skart elenkati (kif iddefinit fl-Anness IIIA) għandhom ikunu suġġetti għall-proċedura ta’ kontroll Ħadra, kemm-il darba l-kompożizzjoni ta’ dawn it-taħlitiet ma tfixkilx l-irkupru ambjentalment san tagħhom. Għaldaqstant, għal dan it-tip ta’ skart huwa meħtieġ livell inqas ta’ superviżjoni u kontroll u għaldaqstant għandha tapplika l-proċedura fl‑Artikolu 18 tar-regolament (39).

33.      It-taħlita ta’ skart inkwistjoni għandha tiġi kklassifikata bħala skart elenkat bħala “Aħdar” għall-iskopijiet tar-Regolament Nru 1013/2006?

34.      Hemm tliet partijiet għat-tweġiba ta’ din id-domanda. L-ewwel, it-taħlita ta’ skart inkwistjoni taqa’ taħt l-Anness III ma’ dan ir-regolament? It-tieni, jekk ma taqax, hija koperta bl-Anness IIIA mar-regolament? It-tielet, premess li fir-realtà ebda tip ta’ skart ma hu kompletament nieqes mill-impuritajiet, liema livell ta’ kontaminazzjoni ta’ skart li kieku jkun jikkwalifika bħala skart elenkat bħala “Aħdar” għandu jwassal biex dan l-iskart ma jibqax jikkwalifika għat-trattament taħt l‑Artikolu 18, iżda minflok jeħtieġ notifika minn qabel taħt l‑Artikolu 4?

 Anness III mar-Regolament Nru 1013/2006

35.      Interseroh targumenta li t-taħlita ta’ skart inkwistjoni taqà taħt l-intestatura ġenerali ta’ Kodiċi B3020 peress li hija magħmula minn karta, kartun u prodotti tal-karti. Madanakollu ma hemmx kontestazzjoni li l-iskart li Interseroh ittrasportat mill-Ġermanja għall-Pajjiżi l-Baxxi kien magħmul minn taħlita ta’ skart tal-karta (kif ukoll sa 10 % ta’ impuritajiet). Fid-dawl tad-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li dan it-tip ta’ skart huwa magħmul minn taħlita ta’ skart kopert b’indiċi wieħed sa tlieta tal-Kodiċi B3020, jiena ma nistax naqbel mas-sottomissjoni ta’ Interseroh.

36.      Skont id-definizzjoni fl‑Artikolu 2(3), taħlita ta’ skart tfisser skart li jirriżulta minn taħlit intenzjonat jew mhux intenzjonat ta’ żewġ tipi differenti jew aktar ta’ skart u li għal liema taħlita ma teżistix entrata waħdanija, inter alia, fl-Anness III. L‑Artikolu 3(2) jgħid li sabiex taħlita ta’ skart li ma hijiex klassifikata taħt entrata waħdanija f’dan l-Anness tikkwalifika bħala skart elenkat bħala “Aħdar”, din trid tkun magħmula minn żewġ tipi jew aktar ta’ skart elenkati fl-Anness III u trid tkun elenkata bħala taħlita fl-Anness IIIA.

37.      Il-Parti I tal-Anness III jistipula li skart elenkat fl-Anness IX mal-Konvenzjoni ta’ Basel huwa suġġett għall-proċedura ta’ kontroll Ħadra. L-Anness IX mal-Konvenjoni ta’ Basel huwa elenkat fl-Anness V mar-Regolament Nru 1013/2006. Għaldaqstant, Kodiċi B3020 tal-Konvenzjoni ta’ Basel li jikkonċerna skart ta’ karta, kartun u prodotti tal-karti huwa inkorporat f’dan ir-regolament. L-ewwel tliet inċiżi tal-Kodiċi B3020 ikopru “skart u Ruttam ta’ karti jew ta’ kartuna” ta’, rispettivament: “Karta jew kartun mhux ibbliċjati jew ta’ karti jew kartun immewġin”; “Karti jew kartun ieħor, magħmul prinċipalment minn polpa ibbliċjata kimikament, mhux ikkuluriti fil-massa”; u “Karti jew kartun magħmul prinċipalment minn polpa mekanika (per eżempju, gazzetti, ġurnali u materjal stampat b’mod simili)”.

38.      L-ewwel tliet inċiżi tal-Kodiċi B3020 għalhekk ikopru kategoriji speċifiċi ta’ skart tal-karta. Sabiex l-iskart inkwistjoni jaqà taħt l-Anness III, irid neċessarjament jintwera li dan jaqa’ taħt inċiż speċifiku ta’ Kodiċi B3020. Dan isegwi minn qari tal-formulazzjoni tal-Anness III flimkien ma’ dak tal‑Artikolu 3(2)(b), li jindika vjeġġi ta’ skart li huma eliġibbli għall-proċedura ta’ kontroll Ħadra bħala li jinkludu “taħlitiet, mhux klassifikati taħt entrata waħda fl-Anness III, ta’ żewġ tipi jew aktar ta’ skart elenkati fl-Anness III […] sakemm tali taħlitiet huma elenkati fl-Anness IIIA […]” (40). Huwa għaldaqstant ċar li Anness III ma jkoprix taħlitiet ta’ skart, peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kategoriji elenkati (41).

39.      Mistoqsija iżjed diffiċli hija jekk it-taħlita ta’ skart inkwistjoni taqax taħt ir-raba’ inċiż tal-Kodiċi B3020. Dan l-inċiż huwa fformulat b’mod inqas preċiż mill-ewwel tliet inċiżi u jkopri “oħra”, li jinkludu imma mhux limitati għal kartun laminat (42) u ruttam mhux selezzjonat. Ma jistax jiġi miċħud li l-kelma “oħra” tissuġġerixxi kategorija potenzjalment wiesgħa.

40.      Madanakollu, hemm numru ta’ argumenti li jimmilitaw kontra l-interpretazzjoni ta’ “oħra” b’mod tant wiesa’ li t-taħlita ta’ skart inkwistjoni tispiċċa taqa’ taħt din il-kategorija. Livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem huma wħud mill-għanijiet tar-Regolament Nru 1013/2006 (43). Jekk il-kelma “oħra” tiġi interpretata bħala li tfisser “addizzjonali” jew “iżjed” kategoriji ta’ skart, dan jisfaxxa u jbiddel kompletament l-għan u l-istruttura ta’ dan ir-regolament.

41.      Il-qorti tar-rinviju ssenjalat li r-raba’ inċiż tal-Kodiċi B3020 kif riprodott fl-Anness V mar-Regolament Nru 1013/2006 huwa differenti fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi (44). Hija ġurisprudenza stabbilita li meta dan jiġri fir-rigward ta’ test tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata b’referenza għall-għan u l-istruttura ġenerali tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (45).

42.      It-terminu “skart” huwa ddefinit fid‑Direttiva 2006/12 u din id-definizzjoni hija użata wkoll fir‑Regolament Nru 1013/2006 (46). Skart ma huwiex sinonimu mà “ruttam”, li għandu jingħata t-tifsira ordinarja tiegħu u jiġi interpretat skont l-għan tar-Regolament Nru 1013/2006. Fil-kuntest tal-Anness III u sabiex jiġi stabbilit x’jikkwalifika bħala skart elenkat bħala “Aħdar”, il-kelma “ruttam” impliċitament tirreferi għal “framment jew fdal” jew “biċċiet skattati”, li jistgħu jiġu ġġenerati, per eżempju, fil-proċess ta’ produzzjoni ta’ skart ta’ karta, kartun u prodotti tal-karti skont il-Kodiċi B3020. Din l-interpretazzjoni hija konsistenti mal-għan espress fil-premessa 15 għar-Regolament Nru 1013/2006 meta dan it-tip ta’ skart jitħalla jkun suġġett għall-proċedura iżjed sempliċi ta’ kontroll Ħadra li hija stipulata fl‑Artikolu 18 (47).

43.      L-istruttura ta’ dan ir-regolament tindika li taħlitiet ta’ skart mhux klassifikati taħt entrata waħdanija fl-Anness III jikkwalifikaw biss bħala skart elenkat bħala “Aħdar” jekk jaqgħu taħt il-lista eżawrjenti fl-Anness IIIA, li hija intitolata “Taħlitiet ta’ żewġ tipi jew aktar ta’ skart elenkati fl-Anness III u mhux klassifikati taħt entrata waħda kif imsemmi fl-Artikolu 3(2)”. L-Anness IIIA ma kien ikollu ebda skop li kieku r-raba’ inċiż tal-Kodiċi B3020 kien jirregola dawn it-tipi ta’ skart.

44.      L-istorja leġiżlattiva turi li l-Annessi mar-Regolament Nru 1013/2006 ġew emendati sabiex jittieħed kont tal-iżvilupp xjentifiku u tekniku. Ċertu dispożizzjonijiet, inkluż l-Annessi III u IIIA, ġew emendati b’riżultat ta’ bidliet maqbula taħt il-Konvenzjoni ta’ Basel u d-Deċiżjoni tal-OECD (48). Permezz tar-Regolament (KE) Nru 664/2011 (49) il-Kummissjoni tat effett, inter alia, għat-talba tar-Renju Unit li taħlitiet ta’ skart ikklassifikati taħt il-Kodiċi ta’ Basel B3020 jiġu kkunsidrati għall-inklużjoni fl-Anness IIIA mar-Regolament Nru 1013/2006 (50). Sussegwentement għall-emendi introdotti mill-Kummissjoni fir-Regolament Nru 1013/2006, saret referenza espliċita għal taħlitiet magħmula minn skart li jaqa’ taħt kategoriji speċifiċi f’Kodiċi ta’ Basel partikolari.

45.      Dawn il-bidliet leġiżlattivi jissuġġerixxu li l-istruttura tar-Regolament Nru 1013/2006 hija mfassla sabiex tiżgura li l-Anness III ma jkoprix taħlitiet ta’ skart li jaqgħu f’żewġ kategoriji speċifiċi jew iżjed f’Kodiċi ta’ Basel partikolari. Għall-fini ta’ bon ordni nżid li l-preambolu tal-Anness III jindika li l-leġiżlatura ħadet kont li l-iskart li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu li hu suġġett għall-proċedura ta’ kontroll Ħadra jistà wkoll ikun fih livell ta’ kontaminazzjoni. Sejjer neżamina din il-kwistjoni iktar ’il quddiem (51).

46.      Finalment, Interseroh tissottometti wkoll li l-kelma “oħra” għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa peress li l-Kodiċi B3020 tal-Konvenzjoni ta’ Basel huwa bbażat fuq punt 47.07 tas-sistema armonizzata ta’ nomenklatura (iktar ’il quddiem “SAN”) li tapplika għal moviment transkonfinali ta’ merkanzija għall-iskopijiet tal-liġi doganali internazzjonali (52). Fil-kuntest ta’ din is-sistema, “oħra” hija interpretata b’mod wiesa’.

47.      Din is-sottomissjoni hija fundamentalment diffetuża. Hija tonqos milli tieħu kont tal-fatt li l-għanijiet tar-Regolament Nru 1013/2006 u s-SAN ma humiex l-istess. Premessa 1 tispjega b’mod ċar ħafna li l-għan predominanti tar-Regolament Nru 1013/2006 huwa l-protezzjoni tal-ambjent, filwaqt li l-effetti tiegħu fuq il-kummerċ internazzjonali huma biss inċidentali. Minn dan isegwi li s-SAN hija sempliċiment irrilevanti għall-interpretazzjoni tar-raba’ inċiż tal-Kodiċi B3020 għall-iskopijiet tar-Regolament Nru 1013/2006.

48.      Għaldaqstant qiegħed nikkonkludi li t-taħlita ta’ skart inkwistjoni ma taqax taħt l-Anness III mar-Regolament Nru 1013/2006.

 Anness IIIA mar-Regolament Nru 1013/2006

49.      It-taħlita ta’ skart inkwistjoni taqa’ taħt Anness IIIA mar-Regolament Nru 1013/2006?

50.      Fil-fehma tiegħi, it-tweġiba għal din id-domanda għandha tkun “le”, għar-raġunijiet li jsegwu.

51.      Jiena ninterpreta l-punt 3(g) tal-Anness IIIA bħala li jkopri taħlitiet ta’ skart li huma magħmula minn materjali li jaqgħu taħt inċiżi wieħed sa tlieta tal-Kodiċi B3020. Imqiegħda b’mod differenti, punt 3(g) tal-Anness IIIA jkopri taħlitiet ta’ skart magħmula minn materjali li kienu jaqgħu taħt wieħed mill-ewwel tliet indiċi tal-Kodiċi B3020 (u għaldaqstant kienu jkunu koperti bl-Anness III) li kieku ma kinux f’forma magħquda (senjatament, li kieku ma kinux taħlita). Din l-interpretazzoni hija konsistenti mal-intestatura tal-Anness IIIA (“Taħlitiet ta’ żewġ tipi jew aktar ta’ skart elenkati fl-anness III u mhux klassifikati taħt entrata waħda kif imsemmi fl-Artikolu 3(2)”). Hija wkoll konsistenti mal-istruttura leġiżlattiva li hija bbażata fuq il-premessa li l-Konvenzjoni ta’ Basel u d-Deċiżjoni tal-OECD huma l-pilastri ewlenin tar-Regolament Nru 1013/2006 (53). Dawn l-istrumenti internazzjonali jirriflettu l-fatt li skart elenkat bħala “Aħdar” (li kategorija minnu huwa “skart ta’ karta, kartun u prodotti tal-karti”) għandu jkun suġġett għall-proċedura ta’ kontroll Ħadra, pjuttost milli l-proċedura ta’ notifika minn qabel applikata taħt l‑Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1013/2006. Jekk tipi ta’ skart oħra li ma humiex klassifikati taħt Kodiċi B3020 (hawnhekk, tipi ta’ skart li għandhom sa 10 % ta’ impuritajiet) (54) huma mħallta ma’ tipi ta’ skart li jaqgħu taħt dan il-kodiċi, it-tip ta’ skart li jirriżulta fil-prinċipju ma jaqax taħt punt 3(g) tal-Anness IIIA (55).

52.      Dan għaliex il-formulazzjoni tal-preambolu tal-Anness IIIA tirrifletti dik tal-introduzzjoni tal-Anness III. Hija tgħid li minkejja li taħlita ta’ skart hija inkluża fil-lista elenkata hawnhekk, din ma tistax tkun suġġett tal-proċedura ta’ kontroll Ħadra jekk tiġi kkontaminata b’materjali oħra. Il-livell ta’ kontaminazzjoni ma huwiex definit b’mod preċiż. Żewġ kriterji alternattivi huma elenkati li, jekk jiġu skattati, jeskludu it-tip ta’ skart milli jiġi trattat skont il-proċedura ta’ kontroll Ħadra. Fl-ewwel lok, huwa neċessarju li l-awtoritajiet kompetenti jiddeterminaw jekk il-livell ta’ kontaminazzjoni bl-impuritajiet ikabbarx ir-riskji assoċjati mal-iskart sal-punt li jkun xieraq li huma jiġu sottoposti għall-proċedura ta’ notifika minn qabel għal skart perikoluż elenkata f’dak li kien l-Anness III mad-Direttiva 91/689. Fit-tieni lok, il-proċedura ta’ kontroll Ħadra taħt l‑Artikolu 18 ma tistax tapplika f’każijiet fejn il-livelli ta’ kontaminazzjoni huma tant li jipprevjenu l-irkupru tal-iskart b’mod ambjentalment san (56).

53.      Il-preżenza ta’ dawn iż-żewġ kriterji alternattivi turi li l-leġiżlatura tal-Unjoni kienet konxja li huwa teknikament diffiċli (jekk mhux impossibbli) li jiġi żgurat li kwalunkwe tip ta’ skart huwa totalment pur. L-applikazzjoni taż-żewġ kriterji hija intiża sabiex tindirizza s-sitwazzjoni fejn skart elenkat bħala “Aħdar” huwa kkontaminat b’materjali oħra.

54.      It-taħlita ta’ skart inkwistjoni huwa preċiżament tiżwiqa ta’ skart bħal dan (57). L-10 % ta’ impuritajiet li jagħmlu parti minn din it-taħlita ta’ skart jipprekluduha milli tiġi trasportata taħt il-proċedura tal‑Artikolu 18?

55.      Fil-fehma tiegħi, punt 3(g) tal-Anness IIIA jippermetti li taħlita ta’ skart bħal ma hi dik inkwistjoni tibbenefika mill-proċedura ta’ kontroll Ħadra biss jekk ikun jista’ jintwera li riskju msemmi f’paragrafu (a) tal-preambolu ma huwiex preżenti (senjatament, riskju peress li l-iskart inkwistjoni għandu karatteristiċi perikolużi) u li l-preżenza ta’ impuritajiet ma timpedix l-irkupru tal-iskart inkwistjoni b’mod ambjentalment san (kif speċifikat permezz ta’ paragrafu (b) tal-preambolu).

56.      Allura liema livell ta’ kontaminazzjoni ta’ taħlita ta’ skart elenkat bħala “Aħdar” tipprekludi l-użu tal-proċedura stipulata fl‑Artikolu 18?

 Kontaminazzjoni u taħlitiet ta’ skart elenkati bħala “Ħodor”

57.      Interseroh targumenta li t-taħlita ta’ skart inkwistjoni għandha tibbenefika mill-proċedura ta’ kontroll Ħadra. L-SBW, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Polonja ma jaqblux. Il-Kummissjoni tissottometti li peress li r-Regolament Nru 1013/2006 ma jiffissax limiti minimi għal-livelli ta’ impuritajiet li jistgħu jiġu ttollerati fi skart elenkat bħala “Aħdar”, din hija materja li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiddeċiedu fuqha fuq bażi ta’ każ b’każ.

58.      It-test elenkat fil-preambolu kemm tal-Anness III kif ukoll tal-Anness IIIA huwa jekk l-iskart huwiex “kontaminat b’materjali oħra” sal-punt li: (a) “jiżdiedu r-riskji assoċjati ma’ l-iskart b’mod suffiċjenti li jkun xieraq li huma jiġu sottoposti għall-[proċedura ta’ kontroll tan-notifika […] minn qabel]” jew (b) “jiġi impedit l-irkupru ta’ l-iskart b’mod ambjentalment san”.

59.      Jekk tiġix issodisfatta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija essenzjalment kwistjoni ta’ fatti. Xi wħud minn dawn il-fatturi, jew kollha kemm huma, ikunu rilevanti: (i) it-tip ta’ impuritajiet; (ii) il-karatteristiċi tal-iskart li jikkostitwixxu l-impuritajiet u jekk dawn humiex perikolużi (iii) l-ammont ta’ impuritajiet; u (iv) it-tekonoloġija disponibbli (58).

60.      Il-faċilitajiet disponibbli fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni għall-irkupru ta’ dan l-iskart b’mod ambjentalment san jistgħu wkoll ivarjaw bejn l-Istati Membri tal-Unjoni.

61.      Il-qorti tar-rinviju ddeskriviet l-impuritajiet inkwistjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha. Hija tindika b’mod ċar li l-impuritajiet jammontaw għal massimu ta’ 10 % tat-taħlitiet ta’ skart. Madankollu d-deċiżjoni tar-rinviju ma tagħmel referenza għal ebda sejba fattwali rigward jekk dawn it-tipi ta’ skart jistgħux jiġu rkuprati b’mod ambjentalment san fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

62.      Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jissenjala li flimkien mal-iskart elenkat bħala “Aħdar”, it-taħlita ta’ skart inkwistjoni tikkostitwixxi tiżwiqa ta’ stejpils, klipps tal-karti – metall/plastik, tejp waħħali li jorbot, twieqi tal-plastik tal-envelops u partijiet tal-metall mill-fowlders. Ikun hemm ukoll fdal tal-ikel (per eżempju fil-kaxxi tal-kartunċin tal-pizza). Fil-Pajjiżi l-Baxxi, livell ta’ 2 % ta’ impuritajiet huwa aċċettabbli fil-prattika. Meta jinqabeż dan il-livell minimu, l-iskart tal-karti ma jibqax adattat biex jitqies bħala massa u jkun jeħtieġ li l-ewwel isir proċessar addizzjonali. F’każijiet bħal dawn ikun neċessarju li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu eżami inizjali tal-mod ta’ rkupru sabiex jistabbilixxu jekk il-proċedura ta’ notifika minn qabel għandhiex tiġi skattata.

63.      Hija ġurisprudenza stabbilita li t-testi tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sa fejn possibbli, b’mod li hu konsistenti mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta tali testi huma intiżi preċiżament sabiex jimplementaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni (59). It-titlu tal-Kodiċi ta’ Basel B3 (li minnu l-Kodiċi B3020 jifforma parti) jaqra b’dan il-mod: “skart li fih prinċipalment kostitwenti organiċi, li jista’ jkun fihom metalli u materjali inorganiċi”. Dawn il-kliem moqrija flimkien mal-preambolu tal-Annessi III u IIIA mar-Regolament Nru 1013/2006 għalija jissuġġerixxu li l-leġiżlatura kkunsidrat li skart jista’ jkun adattat għall-proċedura ta’ kontroll Ħadra skont l‑Artikolu 18, anki meta jkun hemm impuritajiet preżenti.

64.      Fi kwalunkwe każ partikolari, ikun madankollu neċessarju li jiġi determinat jekk il-livell ta’ impuritajiet ta’ skart elenkat bħala “Aħdar” jimpedixxix l-irkupru tal-iskart inkwistjoni b’mod ambjentalment san. Fil-prinċipju din hija kwistjoni ta’ fatti li jinkombi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (u forsi, jekk imbagħad ikun hemm litigazzjoni, lill-qrati nazzjonali) li jiddeterminawaha, pjuttost milli lil din il-Qorti tal-Ġustizzja (60). Imma dawn l-awtoritajiet kif suppost li jkunu jafu xi jfisser eżatt dan il-livell massimu ta’ impuritajiet?

65.      Il-Kummissjoni hija korretta fl-indikazzjoni tagħha li l-leġiżlazzjoni hija siekta fuq dan il-punt.

66.      Il-Manwal ta’ Gwida tal-OECD dwar il-kontroll ta’ movimenti transkonfinali ta’ skart rikuperabbli (61) jgħid li “taħlita ta’ skart elenkat bħala ‘Aħdar’ u iżjed minn ammont de minimis ta’ skart Oranġjo (62) […] għandu jkun suġġett għall-proċedura ta’ kontroll Oranġjo. L-interpretazzjoni tat-terminu ‘ammont de minimis’, fl-assenza ta’ kriterji li huma aċċettati internazzjonalment, għandha tkun definita skont regolamenti u proċeduri nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

67.      L-espressjoni Latina “de minimis” b’mod litterali tfisser “dwar affarijiet minimi”. Din tidher fil-kuntest legali fl-espressjoni “de minimis non curat lex” – “il-liġi ma tikkonċernax ruħha b’teftufiet”. Xi ħaġa li hija de minimis hija insinjifikanti tant li tista’ tiġi injorata.

68.      Fil-fehma tiegħi l-preżenza ta’ impuritajiet f’livell ta’ 10 % ma tistax tiġi klassifikata malajr bħala trivjali jew insinjifikanti. Ma naħsibx li wieħed jista’ jassumi li l-preżenza ta’ dan il-livell ta’ impuritajiet ma hijiex ser tikkawża diffikultajiet għall-irkupru tat-taħlita ta’ skart inkwistjoni b’mod ambjentalment san (63). Madankollu, Interseroh ikollha kull opportunità sabiex iġġib l-evidenza xjentifika neċessarja sabiex tissodisfa l-SWB li t-taħlita ta’ skart li tixtieq titrasporta ma tmurx kontra paragrafu (a) jew paragrafu (b) tal-preambolu tal-Anness IIIA mar-Regolament Nru 1013/2006.

69.      X’inhu allura l-livell xieraq?

70.      L-għanijiet tar-Regolament Nru 1013/2006 jinkudu l-promozzjoni ta’ applikazzjoni uniformi tar-regoli u koerenza fl-Unjoni Ewropea kollha (64). Għaldaqstant jiena tal-fehma li l-livell xieraq ta’ impuritajiet li jistgħu jiġu ttollerati ma għandux jiġi stabbilit biss fuq bażi ta’ każ b’każ.

71.      Il-Kummissjoni għandha poteri li tadotta leġiżlazzjoni ddelegata taħt l‑Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament Nru 1013/2006. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni hija assistita minn kumitat li jista’ jagħti pariri fuq żviluppi tekniċi – xi ħaġa li tkun kemm rilevanti kif ukoll ta’ utilità fl-iffissar tal-livelli ta’ impuritajiet li jistgħu jiġu ttollerati.

72.      Il-Kummissjoni fil-fatt irrikonoxxiet, fil-gwida tagħha fuq “Mistoqsijiet komuni dwar Regolament (KE) 1013/2006 dwar vjeġġi ta’ skart”, li d-determinazzjoni ta’ x’inhu livell tollerabbli ta’ kontaminazzjoni hija materja li sar il-waqt (u forsi ilu li sar il-waqt) li tiġi eżaminata:

“Xi wħud mill-Istati Membri jemmnu li, fl-ispirtu ta’ approċċ armonizzat, il-prinċipju bażiku għal tipi ta’ skart elenkati bħala Ħodor għandu jkun kontaminazzjoni minima, indipendentement mill-operazzjoni ta’ rkupru li ssegwi jew mill-fatt jekk l-operazzjoni tkunx ser issir fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea bl-aħjar teknoloġija disponibbli jew f’pajjiż li ma huwiex fl-OECD u li għandu standards ambjentali baxxi peress li, fl-opinjoni tagħhom, il-kunċett ta’ klassifikazzjoni ta’ Aħdar jiġi mminat serjament jekk il-fatturi deċiżivi jkunu d-destinazzjoni finali u t-tip ta’ rkupru. Madanakollu, irid jingħad li [r-Regolament Nru 1013/2006] ma jippreskrivi ebda proċedura dwar kif għandhom jiġu evalwati dawn il-kriterji, u lanqas teżisti xi leġiżlazzjoni li torbot jew gwida tal-KE (65)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

73.      Sabiex jiġu stabbiliti regoli adattati rigward liema livell ta’ kontaminazzjoni jista’ jiġi ttollerat, ikun neċessarju li jittieħed kont tal-fehmiet tal-partijiet interessati u tal-esperti tal-industrija kif ukoll tal-informazzjoni dwar żviluppi xjentifiċi u tekniċi u tal-opinjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Dan ma huwiex eżerċizzju li għandha tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari.

74.      Sakemm ikun hemm l-inizjattiva leġiżlattiva adattata, l‑Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1013/2006 japplika fejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ dispaċċ u tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni ma jkunux jistgħu jaqblu dwar il-klassifikazzjoni ta’ kunsinna partikolari ta’ skart (u għaldaqstant dwar jekk tistax tintuża l-proċedura iżjed flessibbli ta’ kontroll Ħadra taħt l‑Artikolu 18). Konsegwentement, dak l-iskart jitqies bħala elenkat fl-Anness IV and għaldaqstant ikun suġġett għall-proċedura (iżjed oneruża) ta’ notifika u kunsens minn qabel stipulata fl‑Artikolu 4.

 Konklużjoni

75.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula hawn fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb għad-domandi mressqa mill-Verwaltungsgericht Stuttgart (il-Qorti Amministrattiva ta’ Stuttgart, il-Ġermanja) b’dan il-mod:

–        L-Anness III mar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart, li jagħmel riferiment għall-Kodiċi B3020 elenkat fl-Anness V miegħu, ma japplikax għal taħlitiet ta’ skart kif definiti fl‑Artikoli 2(3) u 3(2) ta’ dan ir-regolament.

–        Il-Punt 3(g) tal-Anness IIIA mar-Regolament Nru 1013/2006 ma japplikax għal taħlitiet ta’ skart li fihom livell ta’ impuritajiet sa massimu ta’ 10 % jekk dawn it-taħlitiet jiskattaw il-kriterji alternattivi ta’ esklużjoni stipulati f’paragrafi (a) u (b) tal-preambolu tal-Anness IIIA tiegħu.

–        Taħlitiet ta’ skart li fihom livell ta’ impuritajiet sa massimu ta’ 10 % jaqgħu biss taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura stipulata fl‑Artikolu 18 tar‑Regolament Nru 1013/2006 fejn il-kunsinnatarju iġib l-evidenza neċessarja biex jissodisfa lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li l-kriterji alternattivi ta’ esklużjoni stipulati f’paragrafi (a) u (b) tal-preambolu tal-Anness IIIA tiegħu ma jiġux skattati.

–        L‑Artikolu 28 tar‑Regolament Nru 1013/2006 japplika fejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ u tal-Istat Membru tad-destinazzjoni ma jkunux jistgħu jaqblu fuq il-klassifikazzjoni ta’ kunsinna partikolari ta’ skart. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iskart inkwistjoni jitqies bħala elenkat fl-Anness IV u għaldaqstant ikun suġġett għall-proċedura ta’ notifika u kunsens minn qabel stipulata fl‑Artikolu 4.


1      Lingwa Oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 (ĠU 2006 L 190, p. 1). Dan ir-Regolament ġie emendat numru ta’ drabi. L-iżjed bidliet riċenti ġew introdotti permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/2002 tal‑10 ta’ Novembru 2015 (ĠU 2015 L 294, p. 1).


3      Iffirmata ġewwa Basel fit‑22 ta’ Marzu 1989, u approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KKE tal‑1 ta’ Frar 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 18, p. 301 ‑ 303, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Basel”).


4      L-Anness I jelenka l-kategoriji ta’ skart li fil-prinċipju għandhom jiġu kkontrollati bħala perikolużi, filwaqt li l-Anness III jelenka l-karatteristiċi li huma speċifikati bħala “perikolużi”. Dawn jinkludu karatteristiċi splussivi, li jieħdu n-nar, velenużità akuta u sustanzi infettivi.


5      L-Anness II ikopri kategoriji ta’ skart li jeħtieġu kunsiderazzjoni speċjali. Dan jinkludi skart miġbur minn unitajiet domestiċi u residwi li jirriżultaw mill-inċinerazzjoni ta’ skart domestiku. Skart radjuattiv u skart iġġenerat mill-operazzjoni normali ta’ bastimenti hu eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni.


6      Ara punt 20 iktar ’il quddiem.


7      Id-Deċiżjoni C(2001)107/Finali tal-Kunsill tal-OECD li tikkonċerna r-reviżjoni tad-Deċiżjoni C(92)39/Finali dwar il-kontroll ta’ movimenti transkonfinali ta’ skart destinat għal operazzjonijiet ta’’ rkupru. Addendum għal din id-Deċiżjoni, C(2001)107/ADD1, li jinkludi d-dokumenti ta’ notifiki u movimenti u l-istruzzjonijiet dwar kif jiġu mimlija, ġie adottat mill-Kunsill fit‑28 ta’ Frar 2002. Sussegwentement l-addendum ġie nkorporat fid-Deċiżjoni bħala Sezzjoni C tal-Appendiċi 8 u l-verżjoni kompleta tad-Deċiżjoni nħarġet f’Mejju 2002 bħala C(2001)107/Finali. Emenda oħra ġiet introdotta iżjed tard permezz ta’ Deċiżjoni C(2004)20: ara https://www.oecd.org/environment/waste/30654501.pdf.


8      Appendiċi 3 jelenka l-iskart li hu suġġett għall-proċedura ta’ kontroll Ħadra. Din il-lista tinkludi skart elenkat fl-Anness IX mal-Konvenzjoni ta’ Basel.


9      Skart suġġett għall-proċedura ta’ kontroll Oranġjo huwa elenkat fl-Anness II mal-Konvenzjoni ta’ Basel (“kategoriji ta’ skart li jeħtieġu konsiderazzjoni speċjali”) u fl-Anness VIII (skart li huwa kkategorizzat bħala perikoluż għall-iskopijiet ta’ din il-Konvenzjoni).


10      Appendiċi 6 jelenka l-kriterji sabiex issir valutazzjoni skont l-approċċ tal-OECD li huwa bbażat fuq ir-riskju. Dawn jinkludu jekk l-iskart normalment jesebixxix karatteristiċi perikolużi elenkati f’Appendiċi 2 tad-Deċiżjoni tal-OECD, jekk ikunx tipikament ikkontaminat, in-natura tal-istat fiżiku tiegħu, il-livell ta’ diffikultà ta’ tindif f’każ ta’ tnixxija aċċidentali jew immaniġġar ħażin u l-valur ekonomiku tal-iskart.


11      Premessa 1.


12      Premessa 3.


13      Premessa 5.


14      Premessa 7.


15      Premessa 13.


16      Premessa 14.


17      Premessa 15.


18      Premessa 39.


19      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2006 (ĠU 2006 L 114, p. 9). L-Anness I ma’ din id-direttiva jelenka 16-il kategorija ta’ skart li jinkludu s-segwenti: “prodotti li d-detentur m’għandux aktar użu għalihom (eż. oġġetti skartati agrikoli, tad-dar, ta’ l-uffiċċji, kummerċjali u tal-ħwienet, eċċ.)” u (bħala kategorija finali) “kwalunkwe materjal, sustanza jew prodott li mhux inkluż fil-kategoriji msemmija hawn fuq”.


20      L-Artikolu 2(1).


21      L-Artikolu 2(2). Id-Direttiva tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 1991 fuq skart perikoluż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 78) tgħid li skart perikoluż juri xi waħda mill-proprjetajiet elenkati fl-Anness III ma’ din id-direttiva, intitolat “propjetajiet tal-iskart li jirrenduh perikoluż”. Il-propjetajiet elenkati jinkludu sustanzi splussivi, sustanzi “oxidizing”, sustanzi li jieħdu n-nar malajr, tossiċi, li jagħmlu l-ħsara, korrożivi, irritanti, li jġibu l-kankru, tossiċi għas-sistema riproduttiva, “mutagenic” u sustanzi ecotossiċi. Id-Direttiva 91/689/KKE sussegwentement ġiet imħassra u sostitwita bid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008 L 312, p. 3).


22      L-Artikolu 2(3),


23      L-Artikolu 2(6). L-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2006/12 jagħmel referenza għall-Anness II B ma’ din id-Direttiva. Ċertu operazzjonijiet ta’ rkupru bħal riċiklaġġ jew irkupru ta’ sustanzi organiċi li mhumiex użati bħala solventi u riċiklaġġ jew irkupru ta’ materjali inorganiċi oħra huma elenkati hawnhekk.


24      L-Artikolu 2(8).


25      L-Artikolu 2(16).


26      L-Artikolu 2(17).


27      Ara punt 14 iżjed ’l isfel.


28      Ara rispettivament l‑Artikolu 3(1)(b)(iii) u (iv) u punti 18 sa 20 iżjed ’l isfel.


29      L‑Artikolu 3(2) japplika jekk l-ammont ta’ skart imbarkat ikun akbar minn 20 kg. Ara wkoll l‑Artikolu 18 u l‑Artikolu 58.


30      Ara l‑Artikolu 18(1)(a) u (b) rispettivament. Il-formola li tinsab fl-Anness VII mar-regolament hija intitolata “Informazzjoni li takkumpanja vjeġġi ta’ skart kif imsemmi fl-Artikolu 3(2) u (4)”. Bil-għan li tiġi ffaċilitata s-sorveljanza tal-progress fuq ir-rotta tal-vjeġġi tal-iskart li jaqà fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 18, huwa neċessarju li tiġi inkluża informazzjoni fuq il-kunsinna, bħad-dettalji tal-persuna li torganizza l-vjeġġ u l-importatur/destinatarju; it-trasportaturi; fejn il-persuna li torganizza l-vjeġġ ma hijiex il-produttur jew il-kollettur, informazzjoni dwar il-produttur jew il-kollettur; u l-identifikazzjoni jew klassifikazzjoni tat-tip ta’ skart inkwistjoni.


31      Ara punt 14 iżjed ’il fuq.


32      Ara l‑Artikolu 2(2) deskritt f’punt 12 iżjed ’il fuq.


33      L-Anness V mar-Regolament 1013/2006 jinkludi Lista B.


34      Dawn l-impuritajiet huma speċifikati bħal mhux metalliċi u impuritajiet minerali li jiżnu iżjed minn 100g; ippakkjar għal likwidi inqas minn 4 %; oġġetti tal-plastik inqas minn 3 %; Metalli inqas minn 0.5 %; Impuritajiet oħra (ħġieġ, metall, plastik (eż. fojl, tazzi, basktijiet), materjal barrani (eż. lastku, ġebel, injam, tessut)) inqas minn 3.5 %.


35      L-Artikolu 1(1) u 2(a) tar-Regolament Nru 1013/2006.


36      Ara l-punt 21 iktar ’il fuq.


37      Ara l-punt 12 iktar ’il fuq.


38      L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 1013/2006.


39      Premessa 15 tar-Regolament Nru 1013/2006.


40      Enfasi tiegħi.


41      Sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018,  Mast-Jägermeister vs EUIPO (C‑217/17 P, EU:C:2018:534, punt 48).


42      Il-gwida tal-Kummissjoni tgħid li kartun tax-xorb bħal TetraPak jista’ jiġi kklassifikat bħala kartun laminat: ara ‘Frequently asked questions (FAQs) on Regulation (EC) No 1013/2006 on shipments of waste’, p. 19.


43      Il-premessi 1 u 13 tar-Regolament Nru 1013/2006.


44      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tgħid: “skont il-formulazzjoni tal-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża, punt 2 tar-rabà inċiż ikopri ‘nicht sortierten Ausschuss’ (‘ruttam mhux selezzjonat’) u mhux ‘nicht sortierte Abfälle’ (‘skart mhux selezzjonat’), kif ġie deċiż mill-[Raas van State] abbażi tal-verżjoni bil-lingwa Olandiża (‘ongesorteerd afval’). It-terminu ‘ruttam’ ma huwiex sinonimu mat-termini ‘skart’ jew ‘taħlita’. Addizzjonalment, il-verżjoni bil-lingwa Franċiża tagħmel distinzjoni bejn ‘mélange de déchets’ u ‘rebuts non triés’, bl-istess mod li l-verżjoni bil-lingwa Ingliża tagħmel distinzjoni bejn ‘mixture of wastes’ u ‘unsorted scrap’. It-termini ‘ruttam’ u ‘skart’ għaldaqstant ma humiex sinonimi. Peress li fl-intestatura tal-Kodiċi ta’ Basel B3020 fil-verżjoni bil-lingwa Daniża, il-kelma ‘skart’ ma hijiex użata, iżda minflok taqra ‘papier, karton en papierproducten’, it-terminu ‘afval’ f’punt 2 tar-rabà inċiż fil-verżjoni bil-lingwa Daniża ma jkoprix l-entratura kollha, iżda biss dak li ma jaqax taħt l-ewwel tliet inċiżi.” Ara punti 22 u 24 iżjed ’il fuq u n-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 47 iżjed ’l isfel.


45      Sentenza tat‑3 ta’ April 2008, Endendijk (C‑187/07, EU:C:2008:197, punti 22 sa 24).


46      Ara l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1013/2006.


47      Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jissuġġerixxi fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li l-verżjoni Olandiża tal-Anness IX għall-Konvenzjoni ta’ Basel tista’ tinqara bħallikieku r-raba’ inċiż japplika għal skart mhux selezzjonat pjuttost milli ruttam bħala forma distinta ta’ skart.


48      L-Artikolu 1 tar-Regolament 219/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2009 li jadatta numru ta’ atti soġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE fir-rigward tal-proċedura regolatorja bi skrutinju (ĠU 2009, L 87, p. 109). Ara punt 3.9 tal-Anness ma’ dan ir-regolament taħt l-intestatura “Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart” u s-sub intestatura “Emendi għall-Annessi”.


49      Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2011 tal‑11 ta’ Lulju 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vjaġġi ta’ skart biex jinkludi ċerti taħlitiet ta’ skart fl-Anness IIIA miegħu (ĠU 2011, L 182, p. 2).


50      Premessa 2 tar-Regolament Nru 664/2011: ara wkoll l-Artikolu 1.


51      Ara punt 57 et seq iktar ’il quddiem.


52      Is-sistema armonizzata ta’ nomenklatura għall-klassifikazzjoni ta’ merkanzija tippermetti li l-pajjiżi parteċipanti jikklassifikaw il-merkanzija li hija s-suġġett ta’ kummerċ fuq bażi komuni għal skopijiet doganali. Ara n-Nomenklatura annessa mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti adottata f’Ġunju 1983 u li daħlet fis-seħħ f’Jannar 1988. L-aħħar verżjoni ġiet emendata permezz tar-Rikomandazzjoni tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali tas‑27 ta’ Ġunju 2014 li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2017. Ara HS Convention: World Customs, ippubblikat fuq http://www.wcoomd.org/en/topics/nomenclature/instrument-and-tools/hs_convention.aspx., u HSN: World Customs Organisation, ippubblikat fuq http://www.wcoomd.org/en/topics/nomenclature/instrument-and-tools/hs-nomenclature-2017-edition.aspx.


53      Ara l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vjeġġi ta’ skart, COM(2003) 379 final, p. 5.


54      Ara punt 21 iktar’il fuq.


55      Sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Omni Metal Service (C-259/05, EU:C:2007:363, punt 35).


56      Anness III (a) u (b) – ara punt 68 iżjed ‘l isfel.


57      Ara punt 28 iżjed ’il fuq.


58      Premessa 39 tar-Regolament Nru 1013/2006.


59      Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2015, Philips Lighting Poland u Philips Lighting vs Council (C‑511/13 P, EU:C:2015:553, punt 60).


60      Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Alpenrind et (C‑527/16, EU:C:2018:669, punt 68).


61      Ippubblikat fuq https://www.oecd.org/env/waste/guidance-manual-control-transboundary-movements-recoverable-wastes.pdf.


62      Ara punt 7 u nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iżjed ’il fuq.


63      Ara l-premessa 3 tar‑Regolament Nru 1013/2006. Ara wkoll ir-rendikont tad-dibattitu fil-Kunsill tat‑2 ta’ Marzu 2004 2003/0139 COD “Rekwiżiti għat-trattament ta’ taħlita ta’ skart ‘Aħdar’ li mhux perikoluż. Hemm riskju li t-taħlita ta’ tipi differenti ta’ skart ‘Aħdar’ mhux perikoluż tfixkel l-irkupru tiegħu b’mod ambjentalment san. Il-maġġoranza tad-delegazzjonijiet qablu li approċċ ta’ prekawzjoni jistà jiġġustifika t-trattament ta’ dawn it-tip ta’ taħlitiet bħala skart perikoluż elenkat bħala ‘Oranġjo’, kif ġie propost mill-Kummissjoni. Oħrajn sostnew li skart aħdar imħallat għandu josserva biss id-Deċiżjoni tal-OECD li skontha: “taħlita ta’ żewġ tipi ta’ skart Aħdar għandhom ikunu suġġetti għall-proċedura ta’ kontroll Ħadra, sakemm il-kompożizzjoni ta’ din it-taħlita ma tfixkilx l-irkupru ambjentalment san tagħha’” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


64      Premessi 7 u 13 tar-Regolament Nru 1013/2006.


65      Il-gwida tal-Kummissjoni tinsab fi “Frequently asked questions (FAQ) on Regulation (EC) 1013/2006 on shipments of waste”, p. 33 (it-test komplet huwa aċċessibbli minn ec.europa.eu/environment/waste/shipments/pdf/faq.pdf).