Language of document : ECLI:EU:C:2009:144


SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

7 ta’ Ottubru 2010 (*)

“Sitt Direttiva tal-VAT – Ammont taxxabbli – Sistema ta’ promozzjoni ta’ bejgħ – Skema ta’ premjijiet għal lealtà li tippermetti lill-klijenti jirċievu punti mingħand il-kummerċjanti u jsarrfuhom fi premjijiet għal lealtà – Ħlasijiet magħmula mill-amministratur tal-iskema lill-fornituri li jipprovdu l-premjijiet għal lealtà – Ħlasijiet magħmula mill-kummerċjant lill-amministratur tal-iskema li jipprovdi l-premjijiet għal lealtà”

Fil-Kawżi magħquda C‑53/09 u C‑55/09,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill-House of Lords (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-15 ta’ Diċembru 2008, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, fis-6 u fid-9 ta’ Frar 2009 rispettivament, fil-proċeduri

Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

vs

Loyalty Management UK Ltd (C-53/09),

Baxi Group Ltd (C-55/09),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas (Relatur), U. Lõhmus u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Jannar 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Loyalty Management UK Ltd, minn G. Sinfield, solicitor, u D. Milne, QC,

–        għal Baxi Group Ltd, minn B. Cooper, solicitor, u D. Scorey, barrister,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth u S. Hathaway, bħala aġenti, assistiti minn R. Hill, barrister,

–        għall-Gvern Elleniku, minn K. Georgiadis u I. Bakopoulos kif ukoll minn M. Tassopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Afonso u R. Lyal, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal‑Artikoli 5, 6, 11A(1)(a), kif ukoll tal-Artikolu 17(2), fil‑verżjoni tiegħu li tirriżulta mill‑Artikolu 28f(1) tas‑Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l‑armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, tal-10 ta’ April 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 274, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn il-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (iktar ’il quddiem il-“Commissioners”) u Loyalty Management UK Ltd (iktar ’il quddiem “LMUK”) (Kawża C‑53/09) u Baxi Group Ltd (iktar ’il quddiem “Baxi”) (Kawża C-55/09) dwar il-klassifikazzjoni, fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), tal-korrispettiv għall-ħlasijiet mill-amministratur tal-iskema ta’ premjijiet għal lealtà lill-fornituri, li jipprovdu l-premjijiet għal lealtà lill-klijenti, u mill-kummerċjant lill-amministratur tal-iskema ta’ premjijiet għal lealtà, li jipprovdi tali premjijiet, rispettivament.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, għandhom ikunu suġġetti għall-VAT.

4        Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva:

“1.      ‘Provvista ta’ oġġetti’ tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà korporali [tanġibbli].

[…]

6.      L-applikazzjoni minn persuna taxxabbli ta’ oġġetti li jifformaw parti mill-assi tan-negozju tagħha għall-użu privat tagħha jew tal-persunal tagħha, jew biex issir it-tneħħija tagħhom mingħajr ħlas, jew b’mod iktar ġenerali, l-applikazzjoni tagħhom għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha, fejn i[l-VAT] fuq l-oġġetti in kwistjoni jew il-partijiet komponenti tagħhom […] setgħet titnaqqas kollha jew parti minnha, għandhom jitqiesu bħala provvisti bi ħlas. Iżda applikazzjonijet biex jingħataw kampjuni jew rigali ta’ valur żgħir għall-iskopijiet tan‑negozju tal-persuna taxxabbli m’għandhomx ikunu hekk meqjusa.”

5        L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“1.       ‘Provvista tas-servizzi’; tfisser kull operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ oġġetti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 5.

[…]

2.       Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala provvisti ta’ servizzi bi ħlas:

[…]

b)       il-provvista ta’ servizzi magħmula mingħajr ħlas minn persuna taxxabbli għall-użu privat tagħha jew għall-persunal tagħha jew b’mod iktar ġenerali għal skopijiet barra dawk tan-negozju tiegħu.

[…]”

6        L-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li:

“A. Fit-territorju tal-pajjiż

1.      L-ammont taxxabbli għandu jkun:

a)      fir-rigward ta’ provvisti ta’ oġġetti u servizzi barra dawk msemmija f’(b), (ċ) u (d) isfel, dak kollox li jikkostitwixxi l‑konsiderazzjoni [korrispettiv] li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur mix-xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tat-tali provvisti”,

7        Skont l-Artikolu 17(2), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill‑Artikolu 28f(1) ta’ din id-direttiva:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizi jintużaw għall-iskop tat‑transazzjonijiet taxxabbli tagħha, il-persuna taxxabbli tkun intitolata li tnaqqas mit-taxxa li għandu jħallas:

a)      il-[VAT] imħalsa għal merkanzija jew servizzi pprovduti jew li se jkunu pprovduti lilha minn persuna taxxabbli oħra li għandha tħallas it-taxxa fit-territorju tal-pajjiż;

b)      il-[VAT] dovut jew imħallas għal merkanzija importata fit-territorju tal-pajjiż;

c)      il-[VAT] dovuta skond l-Artikoli 5(7) (a), 6(3) u 28a(6).”

8        L‑Artikoli 14, 16, 24, 26, 73, 74 u 168 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), essenzjalment jirriproduċu l-kliem tal-Artikoli 5, 6, 11A(1)(a), kif ukoll tal-Artikolu 17(2) fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28f(1) tas-Sitt Direttiva.

 Id-dritt nazzjonali

9        Mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali huma l-Artikoli 2, 5, 19, 24, 25, u 26 tal-Liġi tal-1994 dwar il‑VAT (Value Added Tax Act 1994), kif ukoll il-paragrafi 1 sa 5 tal-Anness 4 u l‑paragrafu 6 tal-Anness 6 tagħha. Dawn id-dispożizzjonijiet jirriproduċu l‑Artikoli analogi li jinsabu fis-Sitt Direttiva.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Kawża C‑53/09

10      LMUK topera skema ta’ premjijiet għal lealtà tal-klijenti. Fil-kuntest ta’ din l-iskema, il-klijenti jirċievu punti li jistgħu jsarrfu fi premjijiet għal lealtà, li jikkonsistu f’oġġetti jew servizzi, meta jixtru kwantitajiet kbar ta’ oġġetti jew ta’ servizzi minn għand bejjiegħa bl-imnut li jipparteċipaw fl-imsemmija skema. F’din l-istess iskema jeżistu erba’ parteċipanti, jiġifieri l-isponsers, li f’dan il każ huma l-bejjiegħa bl-imnut li jipprovaw iħajjru lill-klijenti jixtru iktar minn għandhom, il-klijenti, l-amministraturi tal-iskema kkonċernata, li f’dan il-każ hija LMUK, u l-fornituri, li f’dan il-każ huma l-kumpanniji li jipprovdu l-premjijiet għal lealtà lill-klijienti meta dawn isarrfu l-punti.

11      L-isponsers jagħtu punti lill-klijenti għal kull xirja skont is-somma li tintefaq. Meta l-klijenti jakkumulaw numru biżżejjed ta’ punti, huma jistgħu jirċievu premju għal lealtà meta jsarrfu l-punti tagħhom, bla ħlas, jew bi prezz orħos. Il-premjijiet għal lealtà huma pprovduti mill-fornituri.

12      Fil-kuntest ta’ din l-iskema, l-isponsers iħallsu lil LMUK somma speċifika għal kull punt mogħti. Huma jħallsu wkoll miżata annwali għall-kummerċjalizzazzjoni, l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-iskema inkwistjoni. Il-fornituri jirċievu somma fissa min-naħa ta’ LMUK għal kull punt li jissarraf, li tissejjaħ il-“kummissjoni”.

13      Il-fornituri joħorġu fattura lil LMUK li tinkludi l-VAT fuq l-imsemmija kummissjoni. Meta LMUK ipprovat tnaqqas din il-VAT tal-input, il-Commissioners iddeċidew li t-taxxa mħallsa kienet tikkostitwixxi taxxa fuq kummissjoni li tirrappreżenta ħlas bħala korrispettiv għal tranżazzjonijiet imwettqa mill-fornituri, mhux għall-benefiċċju ta’ LMUK, iżda għall-benefiċċju tal-klijenti, minkejja li dawn it-tranżazzjonijiet huma mħallsa, kollha jew parti minnhom, minn LMUK. Għaldaqstant, il-Commissioners qiesu li l-kummissjoni inkwistjoni kienet il-korrispettiv, imħallas minn terz, inkambju għal provvista ta’ premjijiet għal lealtà lill-klijenti, u li konsegwentement, LMUK ma kellhiex id-dritt tnaqqas it-taxxa tal-input imħallsa fuq din il-kummissjoni.

14      LMUK appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-VAT and Duties Tribunal. Din il-qorti qieset li l-provvista tal-oġġetti magħmula mill-fornituri lill-klijenti meta jsarrfu l-punti, għandha tiġi kkunsidrata bħala provvista ta’ servizzi pprovduta lil LMUK.

15      Il-Commissioners appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-High Court of Justice (England & Wales). Din il-qorti, filwaqt li biddlet is-sentenza tal-VAT and Duties Tribunal, ikkonkludiet li l-fornituri kienu qegħdin jipprovdu l-premjijiet għal lealtà lill-klijenti u li l-kummissjoni inkwistjoni kienet korrispettiv imħallas minn terz, f’dan il-każ minn LMUK, inkambju għall-imsemmija provvista. Il-Commissioners qajmu wkoll “argument sussidjarju” quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), rigward il-każ fejn ir-rikompensi kienu jikkonsistu f’oġġetti u li skont dan, jekk il-fornituri kienu jipprovdu tali oġġetti lil LMUK, minn dan jirriżulta li LMUK kienet il-persuna taxxabbli għat-taxxa tal-output fuq il-preżunta provvista sussegwenti ta’ dawn l-istess oġġetti lill-klijenti skont l-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva. Il-High Court of Justice (England & Wales) iddeċidiet favur il-Commissioners rigward l-argument sussidjarju.

16      LMUK appellat quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) li biddlet is-sentenza tal-High Court of Justice (England & Wales). Il-Court of Appeal (England & Wales) qieset li LMUK kienet tħallas il-kummissjoni lill-fornituri bħala korrispettiv għall-provvista ta’ servizz ipprovdut minn dawn lil LMUK. Konsegwentement, LMUK kellha d-dritt tnaqqas il-VAT li kellha titħallas fuq din il-kummissjoni.

17      Adita minn appell tal-Commissioners, il-House of Lords ikkonkludiet li deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/112, li qabel kienet is-Sitt Direttiva, kienet neċessarja sabiex tiddeċiedi l-kawża quddiemha.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-House of Lords iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin;

“Fiċ-ċirkustanzi fejn persuna taxxabbli (iktar ’il quddiem il-“promotur”) teżerċità attività kummerċjali fejn tamministra skema ta’ premjijiet għal lealtà għal diversi klijenti partecipanti [...], li permezz tagħha il-promotur jidħol f’diversi ftehim kif ġej:

a)       Ftehim ma’ diversi kumpanniji msejħa “sponsers” li jipprovdu li l-isponsers jagħtu “punti” lill-klijenti [...] li jixtru oġġetti jew servizzi mill-isponsers u l-isponsers jagħmlu ħlasijiet lill-promotur;

b)       Ftehim mal-[klijenti] li jinkludu dispożizzjonijiet li, meta jixtru oġġetti u/jew servizzi mill-isponsers, huma jirċievu punti li jistgħu jsarrfu f’oġġetti u/jew servizzi; u

ċ)       Ftehim ma’ diversi kumpanniji (imsejħa “fornituri”) li jipprovdu li l-fornituri jaċċettaw, fost l-oħrajn, li jipprovdu oġġetti u/jew servizzi lil [klijenti] għal prezz li huwa inqas milli kieku jkun pagabbli jew għal ebda ħlas meta l-[klijent] isarraf il-punti u min-naħa tiegħu il-promotur iħallas “ħlas għas-servizz [kummissjoni]” li huwa kkalkulat skont in-numru ta’ punti li jistgħu jissarrfu ma’ dak il-fornitur matul il-perijodu rilevanti.

1)      Kif għandhom jiġu interpretati l-Artikoli 14, 24 u 73 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112 [...] (li qabel kienu l-Artikoli 5, 6 u 11A(1)(a) ta[s-Sitt Direttiva]) fil-każ fejn il-ħlasijiet isiru mill-promotur lill-fornituri?

2)      B’mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati bħala li l-ħlasijiet bħal dawk li jsiru mill-promotur lill-fornituri għandhom jiġu kkunsidrati bħala:

a)      korrispettiv biss għall-provvista ta’ servizzi mill-fornituri lill-promotur jew

b)      korrispettiv biss għall-provvista ta’ oġġetti u/jew servizzi mill-fornituri lill-[klijenti]; jew

ċ)      korrispettiv parzjalment għall-provvista ta’ servizzi mill-fornituri lill-promotur u parzjalment għall-provvista ta’ oġġetti u/jew servizzi mill-fornituri lill-[klijenti]?

3)      Jekk ir-risposta għad-domanda 2 hija (ċ), u għalhekk il-kummissjoni inkwistjoni hija l-korrispettiv għal żewġ provvisti mill-fornituri, waħda lill-promotur u waħda lill-[klijenti], liema huma l-kriterji stabbiliti mid-dritt Komunitarju sabiex jiġi stabbilit kif ħlas bħal kummissjoni għandu jitqassam bejn dawn iż-żewġ provvisti?”

 Kawża C-55/09

19      Baxi tagħmel parti minn grupp ta’ kumpanniji li jipproduċu boilers u prodotti oħra simili għat-tisħin. Dan il-grupp ta’ kumpanniji stabbilixxa skema ta’ premjijiet għal lealtà tal-klijenti, li f’dan il-każ huma l-installaturi tal-boilers, intiża sabiex tħajjarhom jixtru l-prodotti tagħhom. Għall-finijiet tal-istess użu ta’ kliem kif użat fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, Baxi taġixxi bħala sponser fil-kuntest ta’ din l-iskema.

20      Il-klijenti li jieħdu sehem fl-imsemmija skema jirċievu punti li jistgħu jsarrfu f’premjijiet għal lealtà, li jikkonsistu f’oġġetti jew f’servizzi, meta jixtru prodotti ta’ Baxi. Madankollu għandu jingħad li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda biss il-premjijiet għal lealtà li jikkonsistu f’oġġetti.

21      Baxi tat l-amministrazzjoni tal-iskema ta’ premijiet għal lealtà inkwistjoni b’subappalt lil @1 Ltd (iktar ’il quddiem “@1”). Skont il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ din l-iskema, il-klijenti jinsabu f’relazzjoni kuntrattwali ma’ Baxi.

22      L-amministrazzjoni minn @1 tal-iskema ta’ premijiet għal lealtà inkwistjoni tinkludi, b’mod partikolari, il-kummerċjalizzazzjoni tagħha lill-klijenti permezz ta’ katalgi u tal-internet, l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni, l-amministrazzjoni tal-kontijiet tal-klijenti, l-għażla, ix-xiri u l-provvista ta’ premjijiet għal lealtà, kif ukoll servizz ta’ għajnuna bit-telefon.

23      Għaldaqstant, differenza sinjifikattiva bejn din l-iskema u dik inkwistjoni fil-Kawża C‑53/09 tinsab fil-fatt li @1 tagħżel u tixtri l-premjijiet għal lealtà u tipprovdihom lill-klijenti. Konsegwentement, din il-kumpannija taġixxi kemm bħala amministratriċi tal-iskema ta’ premjijiet għal lealtà tal-klijenti kif ukoll bħala fornitur. Il-premjijiet għal lealtà huma pprovduti biss meta jissarfu l-punti. Ma huwiex possibbli li jingħata premju għal lealtà permezz ta’ xiri bi prezz imraħħas. Baxi tħallas lil @1 il-prezz ta’ bejgħ bl-imnut tal-premjijiet għal lealtà, flimkien ma’ ċerti spejjeż għal servizzi speċifiċi.

24      Baxi talbet li titnaqqas il-VAT minn fuq l-ammont li hija ħallset lil @1. Il-Commissioners qiesu li l-ammont tal-prezz ta’ bejgħ bl-imnut tal-oġġetti mħallas minn Baxi lil @1 kien jinqasam f’żewġ partijiet. Parti mill-imsemmi ammont kienet tikkostitwixxi l-korrispettiv għall-provvista ta’ servizzi provduti minn @1 lil Baxi, li fir-rigward tagħhom, hija kella d-dritt li tnaqqas il-VAT li kienet iffatturata minn @1. Il-parti l-oħra kienet tikkostitwixxi l-korrispettiv għall-provvista ta’ oġġetti minn @1 lill-klijenti, miksuba mingħand terz, li fir-rigward tagħha, Baxi ma setgħetx tnaqqas din it-taxxa.

25      Baxi appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-VAT and Duties Tribunal. Din il-qorti ċaħdet it-talba ta’ Baxi billi ddeċidiet li @1 kienet tipprovdi l-premjijiet għal lealtà lil Baxi li mbagħad kienet tipprovdihom lill-klijenti mingħajr korrispettiv. Konsegwentement, Baxi setgħet tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa fuq il-provvista ta’ oġġetti li bbenefikat minnha, iżda kienet obbligata tiddikjara l-VAT tal-output miġbura fuq l-għoti sussegwenti tal-oġġetti lill-klijenti.

26      Baxi appellat minn din is-sentenza quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), li ddeċidiet li @1 kienet ipprovdiet il-premjijiet għal lealtà lill-klijenti u mhux lil Baxi, iżda li @1 kienet ipprovdiet ukoll provvista ta’ servizzi lil Baxi li kienet tinkludi, b’mod partikolari, il-provvista ta’ oġġetti lill-klijenti. Il-prezz imħallas minn Baxi kien jikkostitwixxi l-korrispettiv tal-provvista ta’ dan is-servizz u għaldaqstant hija kellha d-dritt li tqis il-VAT kollha iffatturata minn @1 bħala taxxa tal-input.

27      Il-Commissioners appellaw quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) li ddeċidiet li Baxi kellha d-dritt li tirkupra l-VAT fuq il-ħlas totali tagħha lil @1. Fil-fehma tagħha, Baxi kellha tiġi kkunsidrata li għamlet il-ħlas totali inkambju għas-servizz li ġie pprovdut lilha minn @1 u li parti minnu kien jikkonsisti fil-provvista tal-oġġetti lill-klijenti, u b’dan il-mod il-promozzjoni ta’ Baxi, fit-tnissil tal-lealtà tal-klijenti u fil-ħelsien ta’ din tal-aħħar mill-obbligi tagħha fil-konfront tal-klijenti skont l-iskema ta’ premjijiet għal lealtà.

28      Adita minn appell tal-Commissioners, il-House of Lords ikkonkludiet li deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/112, li qabel kienet is-Sitt Direttiva, kienet neċessarja sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-kawża quddiemha.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-House of Lords iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“F’ċirkustanzi fejn

a)       persuna taxxabbli topera skema ta’ promozzjoni tan-negozju immexxija minn kumpannija ta’ pubbliċità u marketing li permezz tagħha l-klijenti tal-persuna taxxabbli jingħataw “punti” skont l-oġġetti li jixtru mill-persuna taxxabbli;

b)       klijenti jsarrfu l-punti billi jiksbu [f’]oġġetti bħala rigal [premjijiet għal lealtà] mill-kumpannija ta’ pubbliċità u marketing mingħajr ma jħallsu għalihom;

ċ)       il-persuna taxxabbli ftehmet ma’ dik il-kumpannija l-oħra li tħallasha l-prezz bl-imnut rakkomandat għar-rigali [l-prezz ta’ bejgħ bl-imnut tal-premjijiet għal lealtà].

1)      Kif għandhom jiġu interpretati l-Artikoli 14, 24 u 73 u 168 tad‑Direttiva 2006/112[...] (preċedentement l-Artikoli 5, 6 u 11A(1)(a) u 17(2) [fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill‑Artikolu 28f(1)] tas‑[Sitt Direttiva]) fir-rigward tal-ħlasijiet mill-persuna taxxabbli lill-kumpannija l-oħra?

2)      B’mod partikolari, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’tali mod li l-ħlasijiet mill-persuna taxxabbli lill-kumpannija l-oħra għandhom jiġu kklassifikati:

a)      biss bħala korrispettiv għall-provvista ta’ servizzi mill-kumpannija l-oħra lill-persuna taxxabbli;

b)      biss bħala korrispettiv miksub minn terzi għall-provvista ta’ oġġetti mill-kumpannija l-oħra lill-klijenti;

ċ)      bħala korrispettiv in parti għall-provvista ta’ servizzi mill-kumpannija l-oħra lill-persuna taxxabbli u in parti għall-provvista ta’ oġġetti mill-kumpannija l-oħra lill-klijenti jew

d)      bħala korrispettiv għall-provvista kemm tas-servizzi ta’ pubbliċità u marketing kif ukoll tar-rigali mill-kumpannija l-oħra lill-persuna taxxabbli?

3)      Jekk ir-risposta għad-domanda 2 hija li tali ħlasijiet għandhom jiġu kklassifikati in parti bħala korrispettiv għall-provvista ta’ servizzi mill-kumpannija l-oħra lill-persuna taxxabbli u in parti bħala korrispettiv miksub minn terzi, jiġifieri mill-persuna taxxabbli lill-kumpannija l-oħra għall-provvista mill-kumpannija l-oħra ta’ oġġetti lill-klijenti, x’inhuma l-kriterji stabbiliti mid-dritt Komunitarju sabiex jiġi stabbilit kif għandu jitqassam il-ħlas bejn dawn iż-żewġ provvisti?”

30      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 2009, il‑Kawżi C‑53/09 u C‑55/09 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċeduri orali u bil-miktub kif ukoll tas-sentenza.

 Osservazzjonijiet preliminari

31      Filwaqt li l-qorti nazzjonali tirreferi kemm għas-Sitt Direttiva kif ukoll għad-Direttiva 2006/112 fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, hemm lok li jiġi rrilevat li din tal-aħħar ġiet adottata fit-28 ta’ Novembru 2006 u li d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2007, tiġi wara d-data tal-fatti tal-kawża prinċipali. Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għad-domandi fuq il-bażi tas-Sitt Direttiva biss.

32      Fir-rigward tal-Kawża C‑53/09, għandu jiġi kkonstatat ukoll li la d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u lanqas it-trattazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma rrigwardaw ir-relazzjonijiet bejn l-isponsers u l-amministratur tal-iskema ta’ premjijiet għal lealtà, jiġifieri LMUK. Konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun limitata għad-domandi kif magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq id-domandi preliminari

33      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fil-kuntest ta’ skema ta’ premjijiet għal lealtà tal-klijenti bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali:

–        ħlasijiet magħmula mill-amministratur tal-iskema inkwistjoni lill-fornituri li jipprovdu l-premjijiet għal lealtà lill-klijenti għandhomx jiġu kkunsidrati, fil-Kawża C‑53/09, bħala l-korrispettiv imħallas minn terz, għal provvista ta’ oġġetti lil dawn il-klijenti, u/jew, skont il-każ, għal provvista ta’ servizzi magħmula minn dawn il-fornituri għall-benefiċċju tal-imsemmija klijenti, u/jew, bħala korrispettiv għal provvista ta’ servizzi magħmula mill-imsemmija fornituri għall-benefiċċju tal-amministratur ta’ din l-iskema, u

–        ħlasijiet magħmula mill-isponser lill-amministratur tal-iskema inkwistjoni li jipprovdi premjijiet għal lealtà lill-klijenti għandhomx jiġu kkunsidrati, fil-Kawża C‑55/09, bħala l-korrispettiv, imħallas minn terz, għal provvista ta’ oġġetti magħmula mill-amministratur ta’ din l-iskema lil dawn il-klijenti u/jew bħala korrispettiv għal provvista ta’ servizzi magħmula minn dan l-amministratur għall-benefiċċju ta’ dan l-isponser.

 Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

34      Fil-kuntest tal-Kawża C-53/09, LMUK issostni li l-ħlasijiet li hija għamlet lill-fornituri jikkostitwixxu l-korrispettiv għas-servizzi li pprovdewlha l-fornituri. L-imsemmija servizzi jikkonsistu f’diversi servizzi kuntrattwali, li jinkludu li l-fornituri jaċċettaw li jipprovdu oġġetti jew servizzi lill-klijenti bi prezz orħos jew bla ħlas.

35      Fil-kuntest tal-Kawża C‑55/09, Baxi ssostni li l-ħlasijiet li hija għamlet lil @1 huma l-korrispettiv għas-servizzi li ngħatat minn din tal-aħħar. Dawn jikkonsistu f’diversi servizzi ta’ pubbliċità, fejn fosthom hemm il-provvista ta’ premjijiet għal lealtà lill-klijenti, kif ukoll l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-klijentela ta’ Baxi.

36      Skont il-Gvern tar-Renju Unit u dak Elleniku, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, il-ħlasijiet magħmula fil-Kawża C‑53/09 minn LMUK lill-fornituri għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-korrispettiv, imħallas minn terz, jiġifieri LMUK, għal provvista ta’ oġġetti magħmula mill-fornituri lill-klijenti u/jew, skont in-natura tal-premju għal lealtà, għal provvista ta’ servizzi magħmula minn dawn il-fornituri favur dawn il-klijenti.

37      Fil-Kawża C‑55/09, l-imsemmija Gvernijiet u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-ħlasijiet magħmula minn Baxi lil @1 għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-korrispettiv, imħallas minn terz, jiġifieri Baxi, għal provvista ta’ oġġetti magħmula minn @1 lill-klijenti. Madankollu, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni jaċċettaw it-tnejn li huma, li parti mill-ħlasijiet li Baxi għamlet lil @1, jiġifieri d-differenza bejn il-prezz ta’ bejgħ bl-imnut tal-premjijiet għal lealtà, imħallsa minn Baxi lil @1, u l-prezz tax-xiri li għalih @1 takkwista l-premjijiet għal lealtà, jikkostitwixxi l-korrispettiv għas-servizzi li din il-kumpannija tipprovdi lil Baxi.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

38      Għandu jitfakkar li l-prinċipju tas-sistema komuni tal-VAT jinvolvi l-applikazzjoni, fir-rigward ta’ oġġetti u ta’ servizzi sal-istadju tal-bejgħ bl-imnut, ta’ taxxa ġenerali fuq il-konsum li għandha tkun eżattament proporzjonali għall-prezz tal-oġġetti u tas-servizzi, irrispettivament min‑numru ta’ tranżazzjonijiet li jkunu saru waqt il-proċess ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni qabel l-istadju li fih titħallas it-taxxa (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2006, Banca Popolare di Cremona, C-475/03, Ġabra p.  I-9373, punt 21).

39      Għandu jitfakkar ukoll li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-realtà ekonomika jikkostitwixxi kriterju fundamentali fl-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT (ara, minn naħa, għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ fejn hija stabbilita l-attività ekonomika fir-rigward tal-VAT, is-sentenzi tal-20 ta’ Frar 1997, DFDS, C-260/95, Ġabra p. I-1005, punt 23, u tat-28 ta’ Ġunju 2007, Planzer Luxembourg, C-73/06, Ġabra p. I-5655, punt 43, kif ukoll, min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tad-destinatarju ta’ provvista ta’ oġġetti, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Frar 2003, Auto Lease Holland, C-185/01, Ġabra p. I-1317, punti 35 u 36).

40      Fid-dawl ta’ dan li ntqal, sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, għandha tiġi ddeterminata, fl-ewwel lok, in-natura tat-tranżazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-iskemi ta’ premjijiet għal lealtà inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

41      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-iskemi ta’ premjijiet għal lealtà inkwistjoni kienu maħsuba sabiex iħajru klijenti jagħmlu x-xirjiet tagħhom mingħand ċerti kummerċjanti. Għal dan il-għan, LMUK fil-Kawża C‑53/09 u @1, fil‑Kawża C‑55/09, jipprovdu ċertu numru ta’ servizzi marbuta mal-amministrazzjoni ta’ dawn l-iskemi.

42      Madankollu, ir-realità ekonomika hija li, fil-kuntest tal-imsemmija skemi, premjijiet għal lealtà, li jistgħu jikkonsistu kemm f’oġġetti kif ukoll, fil-Kawża C-53/09, fi provvista ta’ servizzi, huma pprovduti mill-fornituri lill-klijenti.

43      Sabiex jiġi stabbilit jekk din it-tranżazzjoni, li tikkonsisti fil-provvista ta’ premjijiet għal lealtà, hijiex suġġetta għall-VAT, għandu jiġi vverifikat jekk, skont l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva din tikkostitwixxix provvista ta’ oġġett jew ta’ servizz magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

44      L-Artikolu 5(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li għandu jkun meqjus bħala provvista ta’ oġġetti, it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli bħala l-proprjetarju.

45      Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kunċett tal-provvista ta’ oġġett ma jirreferix għal trasferiment tad-dritt ta’ sid skont il-proċeduri previsti mil-liġi nazzjonali applikabbli, iżda jkopri kull trasferiment ta’ proprjetà tanġibbli minn parti waħda li tagħti s-setgħa lill-parti l-oħra li tiddisponi minnha bħallikieku kienet is-sid ta’ din il-proprjetà (ara s‑sentenzi tat-8 ta’ Frar 1990, Shipping u Forwarding Enterprise Safe, C‑320/08, Ġabra p. I-285, punti 7 u Auto Lease Holland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

46      L-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ provvista ta’ servizzi bħala kull tranżazzjoni li ma tikkostitwixxix provvista ta’ oġġett.

47      Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑53/09 jirriżulta li LMUK ikkonkludiet kuntratti mal-fornituri li bis-saħħa tagħhom, meta dawn jipprovdu premjijiet għal lealtà lill-klijenti li jsarrfu l-punti, LMUK tħallashom il-valur miftiehem għal dawn il-punti. Għaldaqstant, skont il-kuntratt konkluż bejn LMUK u kull fornitur, il-possibbiltà li l-fornitur jirċievi l-ħlas mingħand LMUK hija fil-fatt suġġetta għall-kundizzjoni li dawn jipprovdu l-premjijiet għal lealtà lill-klijenti, liema premjijiet jistgħu jingħataw mhux biss fil-forma ta’ oġġetti tanġibbli iżda wkoll ta’ servizzi. Fil-fatt, huwa biss b’dan il-mod li huma jistgħu jirċievu punti li sussegwentement jistgħu jagħtu lok għall-ħlas magħmul minn LMUK.

48      Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑55/09 jirriżulta wkoll li @1 takkwista provvisti ta’ premjijiet għal lealtà u li l-ħażna ta’ dawn il-premjijiet hija proprjetà tagħha. Konsegwentement, @1 mhux biss għandha d-dritt li titrasferixxi l-premjijiet għal lealtà lill-klijenti bħallikieku hija l-proprjetarja tagħhom iżda, fir-realtà hija fil-fatt il-proprjetarja tagħhom. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li @1 tiddistribbwixxi l-premjijiet għal lealtà lill-klijenti.

49      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li fil-kawżi prinċipali, il-fornituri pprovdew l-oġġetti lill-klijenti, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tas-Sitt Direttiva, u fil-Kawża C‑53/09, ipprovdewlhom ukoll servizzi, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva.

50      Fit-tieni lok, għandu jiġi evalwat jekk dawn it-tranżazzjonijiet twettqux bi ħlas.

51      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi “bi ħlas”, fis-sens tal‑Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, teħtieġ l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-oġġett jew is‑servizz provdut u l-korrispettiv rċevut (ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi, is‑sentenza tat-8 ta’ Marzu 1988, Apple and Pear Development Council, 102/86, Ġabra p. 1443, punt 12).

52      Sabiex jiġi eżaminat jekk jeżistix korrispettiv u, f’tali każ, jekk teżistix rabta bejn dan il-korrispettiv u l-oġġett jew servizz ipprovdut, għandu jiġi rrilevat li l-ammont tal-prezz li l-klijenti jħallsu lill-isponsers għal oġġetti jew servizzi fil-Kawża C‑53/09 u lil Baxi għal oġġetti fil-Kawża C‑55/09 huwa l-istess, kemm jekk il-klijenti jipparteċipaw fl-iskema ta’ premjijiet għal lealtà kif ukoll jekk le.

53      F’dan il-kuntest għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ skema ta’ premjijiet għal lealtà li bis-saħħa tagħha kumpannija taż-żejt kienet tagħti oġġetti lix-xerrejja tal-fjuwil li jsarrfu l-punti li kellhom, skont il-kwantità ta’ fjuwil mixtrija, miksuba billi jitħallas il-prezz ta’ bejgħ bl-imnut mill-pompa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kumpannija taż-żejt ma setgħetx issostni b’mod validu li l-prezz imħallas mix-xerrejja tal-fjuwil kien fir-realtà jinkludi parti li tirrappreżenta l-valur tal-punti jew tal-oġġetti msarrfa mal-punti, peress li x-xerrejja tal-fjuwil kellhom iħallsu l-istess prezz ta’ bejgħ bl-imnut kemm jekk jieħdu l-punti kif ukoll jekk le (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 1999, Kuwait Petroleum C-48/97, Ġabra p. I‑2323, punt 31).

54      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-bejgħ tal-fjuwil li kien iwassal sabiex jingħataw punti lill-klijenti, minn naħa, u l-għoti ta’ oġġetti meta jissarrfu l-imsemmija punti, min-naħa l-oħra, kienu jikkostitwixxu żewġ tranżazzjonijiet distinti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kuwait Petroleum, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

55      Għaldaqstant, minn dan jirriżulta li fil-kawżi prinċipali, il-bejgħ ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi li jwasslu sabiex il-klijenti jingħataw punti, minn naħa, u l-għoti tal-premjijiet għal lealtà meta jissarfu l-punti, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu żewġ tranżazzjonijiet distinti.

56      Madankollu, kif jirrileva l-Gvern tar-Renju Unit, is-Sitt Direttiva ma teħtieġx li, sabiex provvista ta’ oġġetti jew servizzi tkun saret “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tagħha, il-korrispettiv għal din il-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi jinkiseb direttament mingħand id-destinatarju tagħha. Fil-fatt, l‑Artikolu 11A(1)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-korrispettiv jista’ jinkiseb mingħand terz.

57      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑53/09 jirriżulta li meta l-klijenti jsarrfu l-punti għand il-fornituri, dan iwassal għal għoti ta’ ħlas minn LMUK lil dawn tal-aħħar. Dan il-ħlas huwa kkalkolat billi jingħaddu flimkien il-kummissjonijiet, li jirrappreżentaw ammont fiss għal kull punt imsarraf fil-prezz tal-premju kollu għal lealtà jew parti minnu. F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat, kif isostni l-Gvern tar-Renju Unit, li dan il-ħlas jikkorrispondi għall-korrispettiv tal-provvista tal-premjijiet għal lealtà.

58      Fil-Kawża C‑55/09, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-premjijiet għal lealtà huma ffatturati minn @1 lil Baxi għall-prezz ta’ bejgħ bl-imnut flimkien mal-ispejjeż tal-kunsinna applikabbli fil-post fejn issir l-ordni sabiex il-proprjetà tiġi ttrasferita u fejn jissarrfu l-punti. Għaldaqstant, wara li jitnaqqas il-marġni ta’ profitt ta’ @1 li jikkonsisti fid-differenza bejn il-prezz ta’ bejgħ bl-imnut tal-premjijiet għal lealtà u l-prezz tax-xiri li għalih @1 takkwista l-premjijiet, il-ħlas ta’ Baxi lil @1 jikkostitwixxi l-korrispettiv għall-provvista tal-imsemmija premjijiet.

59      Fil-Kawża C‑55/09, Baxi madankollu ssostni li l-korrispettiv tal-ħlas ma jikkorrispondix għal provvista ta’ oġġetti, iżda għal servizz kumpless ta’ pubbliċità li fil-kuntest tiegħu il-provvista tal-premjijiet għal lealtà lill-klijenti hija fost servizzi oħrajn.

60      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta tranżazzjoni tkun ikkostitwita minn sensiela ta’ elementi u ta’ azzjonijiet, hemm lok li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha li fihom isseħħ it-tranżazzjoni inkwistjoni, sabiex jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk humiex involuti żewġ provvisti distinti jew aktar jew jekk hijiex involuta provvista waħda u, min-naħa l-oħra, jekk, f’dan l-aħħar każ, din il-provvista waħda għandhiex tiġi kkunsidrata bħala provvista ta’ oġġetti jew bħala provvista ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN, C-111/05, Ġabra p. I-2697, punt 21, u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑55/09 jirriżulta li l-ħlasijiet magħmula minn Baxi lil @1 jikkorrispondu għall-ammont tal-prezz ta’ bejgħ bl-imnut tal-premjijiet għal lealtà flimkien mal-ispejjeż tal-ippakkjar u l-kunsinna u, li b’dan il-mod, @1 tikseb marġni ta’ profitt ikkostitwit mid-differenza bejn l-ammont tal-prezz ta’ bejgħ bl-imnut tal-premjijiet għal lealtà u l-ammont tal-prezz tax-xiri li għalih din takkwista dawn il-premjijiet.

62      Għaldaqstant, kif barra minn hekk jaċċettaw, fl-istess waqt, il-Gvern tar‑Renju Unit u l-Kummissjoni, ħlas bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑55/09 jista’ jinqasam f’żewġ partijiet u kull waħda minn dawn il-partijiet tikkorrispondi għal provvista distinta.

63      Konsegwentement, l-ammont tal-prezz tax-xiri jikkostitwixxi l-korrispettiv għall-provvista ta’ premjijiet għal lealtà lill-klijenti, filwaqt li d-differenza bejn l-ammont tal-prezz ta’ bejgħ bl-imnut, imħallas lil Baxi, u l-ammont tal-prezz tax-xiri imħallas minn @1 sabiex takkwista l-premjijiet għal lealtà, jiġifieri l-marġni ta’ profitt, jikkostitwixxi l-korrispettiv għas-servizzi li @1 tipprovdi lil Baxi.

64      Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-Kawża C-53/09, fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha, LMUK sostniet li l-ħlasijiet li hija għamlet lill-fornituri ma humiex il-korrispettiv ta’ żewġ jew diversi provvisti distinti. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha l-obbligu li tivverifika jekk dan huwiex il-każ.

65      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposti għad-domandi magħmula għandhom ikunu li, fil-kuntest ta’ skema ta’ premjijiet għal lealtà tal-klijenti, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, l-Artikoli 5, 6, 11A(1)(a) u l-Artikolu 17(2), fil‑verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28f(1) tas-Sitt Direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        ħlasijiet magħmula mill-amministratur tal-iskema inkwistjoni lill-fornituri li jipprovdu l-premjijiet għal lealtà lill-klijenti għandhom jiġu kkunsidrati, fil-Kawża C‑53/09, bħala l-korrispettiv imħallas minn terz, għal provvista ta’ oġġetti lil dawn il-klijenti, jew, skont il-każ, għal provvista ta’ servizzi pprovduti lil dawn. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha l-obbligu tivverifika jekk dawn il-ħlasijiet jinkludux ukoll il-korrispettiv għal provvista ta’ servizzi li tikkorrispondi għal provvista distinta, u

–        ħlasijiet magħmula mill-isponser lill-amministratur tal-iskema inkwistjoni li jipprovdi premjijiet għal lealtà lill-klijenti għandhom jiġu kkunsidrati, fil‑Kawża C‑55/09, parti bħala l-korrispettiv, imħallas minn terz, għall-provvista ta’ oġġetti lil dawn il-klijenti u parti bħala l-korrispettiv għal provvista ta’ servizzi magħmula mill-amministratur ta’ din l-iskema għall-benefiċċju ta’ dan l-isponser.

 Fuq l-ispejjeż

66      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

Fil-kuntest ta’ skema ta’ premjijiet għal lealtà tal-klijenti, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, l‑Artikoli 5, 6, 11A(1)(a), kif ukoll tal-Artikolu 17(2), fil‑verżjoni tiegħu li tirriżulta mill‑Artikolu 28f(1) tas‑Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l‑armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, tal-10 ta’ April 1995, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        ħlasijiet magħmula mill-amministratur tal-iskema inkwistjoni lill-fornituri li jipprovdu l-premjijiet għal lealtà lill-klijenti għandhom jiġu kkunsidrati, fil-Kawża C‑53/09, bħala l-korrispettiv, imħallas minn terz, għal provvista ta’ oġġetti lil dawn il-klijenti, jew, skont il-każ, għal provvista ta’ servizzi pprovduti lil dawn. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha l-obbligu tivverifika jekk dawn il-ħlasijiet jinkludux ukoll il-korrispettiv għal provvista ta’ servizzi li tikkorrispondi għal provvista distinta, u

–        ħlasijiet magħmula mill-isponser lill-amministratur tal-iskema inkwistjoni li jipprovdi premjijiet għal lealtà lill-klijenti għandhom jiġu kkunsidrati, fil-Kawża C‑55/09, parti bħala l-korrispettiv imħallas minn terz, għall-provvista ta’ oġġetti lil dawn il-klijenti u parti bħala l-korrispettiv għal provvista ta’ servizzi magħmula mill-amministratur ta’ din l-iskema għall-benefiċċju ta’ dan l-isponser.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.