Language of document : ECLI:EU:T:2013:450

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Settembru 2013 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-Belġju, tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Awstrija tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Eċċezzjoni ta’ illegalità —Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Ugwaljanza fit-trattament — Proporzjonalità — Nuqqas ta’ retroattività”

Fil-Kawża T‑386/10,

Aloys F. Dornbracht GmbH & Co. KG, stabbilita fi Iserlohn (il‑Ġermanja), inizjalment irrappreżentata minn H. Janssen, T. Kapp u M. Franz, sussegwentement minn H. Janssen u T. Kapp, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u A. Antoniadis, bħala aġenti, assistiti minn A. Böhlke, avukat,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Simm u F. Florindo Gijón, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett, fil-prinċipju, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 – Installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju), u, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti f’din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Frar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 – Installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju. Dan il-ksur, li fih ħadu sehem 17-il impriża, allegatament seħħ matul diversi perijodi bejn is-16 ta’ Ottubru 1992 u d-9 ta’ Novembru 2004 u kien ħa l-forma ta’ numru ta’ ftehim antikompetittivi jew ta’ prattiki miftiehma li jkopru t-territorju tal-Belġju, tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Awstrija (premessi 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata u l-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni).

2        Iktar preċiżament, il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur ikkonstatat kien jikkonsisti, l-ewwel nett, fil-koordinazzjoni, mill-imsemmija manifatturi tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, taż-żidiet fil-prezzijiet annwali u ta’ elementi oħra ta’ tarifikazzjoni, fil-kuntest ta’ laqgħat regolari fi ħdan l-assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti, it-tieni nett, fl-iffissar jew fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet fl-okkażjoni ta’ okkorrenzi speċifiċi bħaż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, l-introduzzjoni tal-Euro kif ukoll tat-taxxi tat-toroq u t-tielet nett, fl-iżvelar u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li l-iffissar tal-prezzijiet fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju kien isegwi ċiklu annwali. F’dan il-kuntest, il-manifatturi kienu jistabbilixxu listi tal-prezzijiet li ġeneralment kienu jibqgħu fis-seħħ għal sena u li kienu jservu ta’ bażi tar-relazzjonijiet kummerċjali mal-grossisti (premessi 152 sa 163 tad-deċiżjoni kkontestata).

3        Il-prodotti kkonċernati mill-akkordju huma l-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju li jagħmlu parti minn wieħed mit-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti li ġejjin: viti u fittings, diviżorji tad-doċċa u aċċessorji kif ukoll oġġetti taċ-ċeramika (iktar ’il quddiem it-“tliet sotto-gruppi ta’ prodotti”) (premessi 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        Ir-rikorrenti, Aloys F. Dornbracht GmbH & Co. KG, li timmanifattura, fir-rigward tat-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti, viti u fittings, tinsab fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 34 sa 36 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Fil-15 ta’ Lulju 2004, Masco Corp. u s-sussidjarji tagħha, fosthom Hansgrohe AG, li timmanifattura viti u fittings, u Hüppe GmbH, li timmanifattura diviżorji tad-doċċa, informaw lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju u talbu sabiex jibbenefikaw mill-immunità minn multi skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni”) jew, fin-nuqqas ta’ dan, minn tnaqqis tal-ammont ta’ dawn il-multi. Fit-2 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tagħti immunità kundizzjonali favur Masco, skont il-punti 8(a) u 15 tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni (premessi 126 sa 128 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Fid-9 u fl-10 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni pproċediet, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), għal spezzjonijiet għall-għarrieda fil-bini ta’ diversi kumpanniji u assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti li joperaw fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju (premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Fil-15 u fid-19 ta’ Novembru 2004, Grohe Beteiligungs GmbH u s-sussidjarji tagħha kif ukoll American Standard Inc. (iktar ’il quddiem “Ideal Standard” u s-sussidjarji tagħha rispettivament talbu l-immunità minn multi skont il-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, it-tnaqqis tal-ammont tagħhom (premessi 131 u 132 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Bejn il-15 ta’ Novembru 2005 u s-16 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, lil diversi kumpanniji u assoċjazzjonijiet li joperaw fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, inkluż lir-rikorrenti (premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Fis-17 u fid-19 ta’ Jannar 2006, Roca SARL kif ukoll Hansa Metallwerke AG u s-sussidjarji tagħha rispettivament talbu sabiex jibbenefikaw mill-immunità minn multi skont il-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, mit-tnaqqis tal-ammont tagħhom. Fl-20 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrenti talbu wkoll sabiex jibbenefikaw minn tali immunità minn multi jew, fin-nuqqas ta’ dan, mit-tnaqqas tal-ammont tagħha (premessi 135 sa 138 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Fis-26 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kienet ġiet innotifikata lir-rikorrenti (premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Mit-12 sal-14 ta’ Novembru 2007, inżammet seduta li fiha pparteċipaw ir-rikorrenti (premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Fid-9 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni bagħtet lil ċerti kumpanniji, inkluż lir-rikorrenti, ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti, li tiġbed l-attenzjoni tagħhom għal ċerti provi li hija kellha l-intenzjoni tibbaża ruħha fuqhom fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali (premessi 147 u 148 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Bejn id-19 ta’ Ġunju 2009 u t-8 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni supplimentari, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, lil diversi kumpanniji, fosthom lir-rikorrenti (premessi 149 sa 151 tad-deċiżjoni kkontestata)

14      Fl-23 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

15      Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni fl-ewwel lok ikkunsidrat li l-prattiki deskritti fil-punt 2 iktar ’il fuq kienu jagħmlu parti minn pjan globali intiż sabiex jirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn id-destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni u kienu jippreżentaw il-karatteristiċi ta’ ksur uniku u kontinwat, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kien ikopri t-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq u kien ikopri t-territorju tal-Belġju, tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Awstrija (premessi 778 u 793 tad-deċiżjoni kkontestata) (iktar ’il quddiem il-“ksur ikkonstatat”). F’dan ir-rigward, hija enfasizzat b’mod partikolari l-fatt li dawn il-prattiki kienu konformi ma’ mudell rikorrenti li kien irriżulta li kien l-istess fis-sitt Stati Membri li kienu qegħdin jiġu investigati mill-Kummissjoni (premessi 778 u 793 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija nnotat ukoll l-eżistenza ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti li jirrigwardaw it-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq, li hija semmiet “organi ta’ koordinazzjoni”, ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti li jinkludu membri li l-attività tagħhom kienet tikkonċerna minn tal-inqas tnejn minn dawn it-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti, li hija semmiet “assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodotti”, kif ukoll ta’ assoċjazzjonijiet speċjalizzati li jinkludu membri li l-attività tagħhom kienet tirrigwarda wieħed minn dawn it-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti (premessi 796 u 798 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, hija kkonstatat il-preżenza ta’ grupp ċentrali ta’ impriżi li kien ipparteċipa fl-akkordju f’diversi Stati Membri u fil-kuntest ta’ organi ta’ koordinazzjoni u ta’ assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodotti (premessi 796 u 797 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur ikkonstatat, il-Kummissjoni indikat li, għalkemm hija kienet manifattur ta’ viti u ta’ fittings, hija xorta waħda kellha għarfien tal-gammi differenti ta’ prodotti li kienu s-suġġett tal-ksur ikkonstatat, fid-dawl tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat kollużivi tal-organi ta’ koordinazzjoni li huma l-Arbeitskreis Sanitärindustrie (iktar ’il quddiem l-“ASI”), fl-Awstrija, u l-IndustrieForum Sanitär, fil-Ġermanja (premessa 872 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, fir-rigward tal-portata ġeografika tal-akkordju, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti ma setgħetx titqies bħala li għandha għarfien totali tagħha, iżda biss, fid-dawl tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat taż-żewġ organi ta’ koordinazzjoni msemmija iktar ’il fuq u tal-assoċjazzjoni speċjalizzata fil-Ġermanja, fis-sotto-grupp tal-vit u tal-fittings, l-Arbeitsgemeinschaft Sanitärindustrie (iktar ’il quddiem l-“AGSI”), tal-aġir kollużiv li seħħ fil-Ġermanja u fl-Awstrija (premessa 873 tad-deċiżjoni kkontestata)

17      Fit-tieni lok, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa imposta fuq kull impriża, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”) (premessa 1184 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      L-ewwel nett il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont bażiku tal-multa. Sabiex tagħmel dan, hija ppreċiżat, fid-deċiżjoni kkontestata, li dan il-kalkolu kien ibbażat, għal kull impriża, fuq il-bejgħ tagħha f’kull Stat Membru, immultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur ikkonstatat f’kull Stat Membru u għal kull sotto-grupp ta’ prodotti kkonċernati, b’mod li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ċerti impriżi jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom biss f’ċerti Stati Membri jew biss f’wieħed mis-sotto-gruppi ta’ prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq (premessa 1197 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Wara li għamlet din il-preċiżazzjoni, il-Kummissjoni ffissat għal 15 % il-koeffiċjent relatat mal-gravità tal-ksur ikkonstatat, skont il-punti 20 sa 23 tal-Linji gwida tal-2006. Għal dan il-għan, hija ħadet inkunsiderazzjoni erba’ kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ dan il-ksur, jiġifieri n-natura, il-partijiet tas-suq meħuda flimkien, il-portata ġeografika u t-twettiq (fil-premessi 1210 sa 1220 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ffissat il-koeffiċjent li għandu jiġi applikat, skont it-tul ikkonstatat tal-ksur, fil-konfront tal-ammont bażiku tal-multa ddeterminata għar-rikorrenti, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-punt 24 tal-Linji gwida tal-2006, għal 6.66 għall-Ġermanja, peress li r-rikorrenti kienet ipparteċipat hemmhekk fil-ksur ikkonstatat mis-6 ta’ Marzu 1998 sad-9 ta’ Novembru 2004, u għal 3.66 għall-Awstrija, peress li r-rikorrenti kienet ipparteċipat hemmhekk fil-ksur ikkonstatat mit-2 ta’ Marzu 2001 sad-9 ta’ Novembru 2004 (premessa 1223 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Fl-aħħar, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-punt 25 tal-Linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni ddeċidiet, sabiex tiddiswadi lill-impriżi inkwistjoni milli jipparteċipaw fi ftehim orizzontali ta’ ffissar tal-prezzijiet simili għall-ftehim li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata u fid-dawl tal-erba’ kriterji ta’ evalwazzjoni msemmija fil-punt 19 iktar ’il fuq, li żżid l-ammont bażiku tal-multa billi tapplika ammont addizzjonali ta’ 15 % (premessi 1224 u 1225 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Minn dan irriżulta, fir-rigward tar-rikorrenti, ammont bażiku tal-multa li jammonta għal EUR [kunfidenzjali](1) (premessa 1226 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      It-tieni nett, il-Kummissjoni eżaminat l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li jistgħu jiġġustifikaw aġġustament tal-ammont bażiku tal-multa Hija ma kkonstatat ebda ċirkustanza aggravanti jew attenwanti fir-rigward tar-rikorrenti.

24      It-tielet nett, sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni applikat, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali miksub matul is-sena finanzjarja preċedenti (iktar ’il quddiem il-“limitu ta’ 10 %”). L-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti wara l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % kien ta’ EUR 12 517 671 (premessi 1261 u 1264 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni affermat li r-rikorrenti ma kellhiex dritt tibbenefika minn tnaqqis tal-multi abbażi tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, peress li l-provi prodotti minnha ma setgħux jitqiesu li kienu ta’ valur miżjud sinjifikattiv skont il-punt 21 ta’ din il-komunikazzjoni (premessa 1304 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Fid-dawl ta’ dan li ntqal, il-Kummissjoni kkonstatat, fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipat, mis-6 ta’ Marzu 1998 sad-9 ta’ Novembru 2004, fi ftehim kontinwat jew fi prattiki miftiehma fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju li jkopru t-territorji tal-Ġermanja u tal-Awstrija.

27      Għal dan il-ksur ikkonstatat, fl-Artikolu 2(6) tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti multa ta’ EUR 12 517 671.

28      Fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ordnat lill-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni, minn naħa, itemmu, jekk mhux diġà kienu għamlu dan, il-ksur ikkonstatat u, min-naħa l-oħra, jastjenu minn kull att jew aġir bħal dak deskritt fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll minn kwalunkwe att jew aġir li għandu għan jew effett identiku jew li jixxiebah.

29      L-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata jelenka d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, fosthom ir-rikorrenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

30      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti bdiet din l-azzjoni.

31      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Marzu 2011, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba.

32      Fis-7 ta’ April 2011, il-Kunsill issottometta n-nota ta’ intervent tiegħu. Il-partijiet prinċipali ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-imsemmija nota.

33      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lir-rikorrenti. Din wieġbet għal dawn il-mistoqsijiet, fit-terminu mogħti, permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Jannar 2012

34      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tad-29 ta’ Frar 2012.

35      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernaha;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

36      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

37      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003;

–        tiddeċiedi kif jixraq fuq l-ispejjeż.

 Id-dritt

38      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni sabiex tissanzjona l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, huwa bbażat fuq l-istħarriġ tal-legalità, previst fl-Artikolu 263 TFUE, li huwa kkompletat, meta titressaq quddiem din il-qorti talba f’dan is-sens, minn ġurisdizzjoni sħiħa, irrikonoxxuta lil din il-qorti bis-saħħa tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra p. I‑13085, punti 53, 63 u 64). Din il-ġurisdizzjoni sħiħa tawtorizza lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, għaldaqstant, skont il-każ, tikkanċella, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME et vs Il‑Kummissjoni, C‑272/09 P, Ġabra p. I‑12789, punt 103, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il‑Kummissjoni (T‑11/06, Ġabra p. II‑6681, punt 265).

39      F’dan il-każ huwa paċifiku li, permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali l-ewwel żewġ kapijiet ta’ talbiet intiżi rispettivament, minn naħa, sabiex id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċernaha, tiġi annullata u, min-naħa l-oħra, sussidjarjament, sabiex l-ammont tal-multa imposta fuqhom, titnaqqas.

40      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fir-risposta, il-Kummissjoni ssostni li, essenzjalment, l-ewwel kap ta’ talbiet huwa inammissibbli minħabba li dan ma jista’ jiġi sostnut minn ebda motiv fir-rikors.

41      Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra u tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-ammissibbiltà tal-ewwel kap ta’ talbiet tat-talba. It-tieni nett, hija ser teżamina, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, il-fondatezza tat-talbiet, imressqa b’mod prinċipali, intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata u sussegwentement, it-tielet nett, il-fondatezza tat-talbiet, imressqa sussidjarjament, essenzjalment intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tbiddel, billi topera tnaqqis, l-ammont tal-multa li l-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti.

I –  Fuq l-ammissibbiltà

42      Il-Kummissjoni ssostni li, essenzjalment, l-ewwel kap ta’ talbiet huwa inammissibbli peress li l-motivi invokati mir-rikorrenti huma intiżi biss għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa. Barra minn hekk, hija tqis li t-tentattiv tar-rikorrenti, fir-replika, intiż sabiex jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ motivazzjoni tat-talba, għandu jiġi miċħud bħala tardiv.

43      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li mill-fatti ppreżentati fir-rikors għandu jiġi dedott li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. Barra minn hekk, fir-replika, hija tippreċiża li din in-nullità tirriżulta mill-fatt li hija ma pparteċipatx fil-ksur ikkonstatat, sa fejn, hekk kif il-Kummissjoni kkonkludiet fil-punt 873 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma kellhiex għarfien dwar il-portata ġeografika, jiġifieri sitt Stati Membri, ta’ dan il-ksur.

44      L-ewwel nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tal-ewwel kap ta’ talbiet, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta rikorrent ma jinvoka ebda motiv insostenn ta’ kap ta’ talbiet, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, li skontha l-motivi invokati għandhom ikunu s-suġġett ta’ espożizzjoni sommarja, ma hijiex issodisfatta u dan il-kap ta’ talbiet għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Mejju 1998, Metsä-Serla et vs Il‑Kummissjoni, T‑339/94 sa T‑342/94, Ġabra p. II‑1727, punt 62, u tat-23 ta’ Marzu 2004, Theodorakis vs Il‑Kunsill, T‑310/02, ĠabraSP p. I‑A‑95 u II‑427, punti 21 u 22).

45      Barra minn hekk, dejjem skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm għandu jiġi ammess li l-formolazzjoni tal-motivi fir-rikors ma għandhiex għalfejn tkun konformi mat-terminoloġija u mat-tqassim tar-Regoli tal-Proċedura u għalkemm it-tressiq ta’ dawn il-motivi, abbażi tas-sustanza tagħhom għajr milli tal-kwalifika legali tagħhom, jista’ jkun biżżejjed, ir-rikors għandu xorta waħda jindika dawn il-motivi b’biżżejjed ċarezza (digrieti tal-Qorti Ġenerali, tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il‑Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra p. II‑523, punt 21 u tal-20 ta’ Jannar 2012, Groupe Partouche vs Il‑Kummissjoni, T‑315/10, punt 20; sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-25 ta’ Ottubru 2012, Arbos vs Il‑Kummissjoni, T‑161/06, punt 22).

46      F’dan il-każ, sabiex tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel kap ta’ talbiet, huwa neċessarju, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 44 u 45 iktar ’il fuq, li jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti qajmitx motivi u, għall-inqas b’mod sommarju, punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dawn l-ilmenti huma bbażati li, essenzjalment, isostnu dan il-kap ta’ talbiet.

47      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi. Il-motivi huma bbażati, l-ewwel nett, essenzjalment, fuq żbalji ta’ evalwazzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-ksur li hija akkużata bih u tal-ammont tal-multa imposta fuqha, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % imsemmi fl-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament, it-tielet nett, fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-parteċipazzjoni individwali tar-rikorrenti fil-ksur ikkonstatat, bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ir-raba’ nett, fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-ħames nett, fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċitajiet ekonomiċi limitati tar-rikorrenti, bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, is-sitt nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Linji gwida tal-2006, li jipprevedu metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multi iktar sever minn dak tal-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) [EA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-1998”), fir-rigward ta’ aġir preċedenti għall-adozzjoni tagħhom, is-seba’ nett, fuq il-fatt li l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jikser il-prinċipju ta’ preċiżjoni u, it-tmien nett, fuq l-illegalità tal-Linji gwida tal-2006, sa fejn dawn jagħtu lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa wisq. Dawn l-aħħar motivi jikkostitwixxu eċċezzjonijiet ta’ illegalità.

48      Ċertament għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti qajmet dawn it-tmien motivi, mingħajr ma ppreċiżat liema mill-ewwel żewġ kapijiet ta’ talbiet dawn kienu jsostnu.

49      Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li, bl-eċċezzjoni tat-tielet motiv, li, essenzjalment, sa fejn dan huwa intiż sabiex il-Qorti Ġenerali temenda l-parametri tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-dawl tas-sitwazzjoni tagħha stess, meta mqabbla ma’ dik tal-parteċipanti l-oħra, huwa invokat insostenn tat-tieni kap ta’ talbiet, l-ewwel, it-tieni, ir-raba’ u l-ħames motivi huma intiżi, essenzjalment, sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-diversi ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur ikkonstatat, il-Kummissjoni wettqet diversi żbalji ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw b’illegalità d-deċiżjoni kkontestata, li fir-rigward tagħhom hija għandha tannulla d-deċiżjoni kkontestata jew, minn tal-inqas, tnaqqas l-ammont tal-multa li kienet imposta fuq ir-rikorrenti. Fir-rigward tas-sitt motiv, għandu jitqies li, billi tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Linji gwida tal-2006 għall-aġir li bih ir-rikorrenti hija akkużata, li huwa preċedenti għall-adozzjoni ta’ dawn il-linji gwida, hija essenzjalment titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa, applikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, huwa vvizzjat b’illegalità, li fir-rigward tagħha hija għandha tannulla d-deċiżjoni kkontestata jew minn tal-inqas, tnaqqas l-ammont tal-multa li kienet imposta fuqha, speċjalment peress li kieku l-Kummissjoni kienet applikat il-Linji gwida tal-1998 l-ammont ta’ din il-multa kienu jkunu iżgħar. Fir-rigward tas-seba’ u tat-tmien motivi, għandu jiġi kkonstatat li, billi tqajjem l-illegalità rispettivament tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Linji gwida tal-2006, ir-rikorrenti trid turi li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din hija bbażata għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, fuq dan l-artikolu u fuq dawn il-linji gwida, hija vvizzjata b’illegalitajiet, li fid-dawl tagħhom il-Qorti Ġenerali għandha tannulla d-deċiżjoni kkontestata jew, minn tal-inqas, tnaqqas l-ammont tal-multa li hija imponiet fuqha.

50      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bl-eċċezzjoni tat-tielet motiv, il-motivi l-oħra tqajmu fir-rikors ukoll insostenn tal-ewwel kap ta’ talbiet. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni hemm lok li l-ewwel kap ta’ talbiet jiġi ddikjarat ammissibbli.

51      It-tieni nett, fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-argumenti żviluppati mir-rikorrenti, fir-replika, sabiex turi li hija ma pparteċipatx fi ksur uniku u kontinwat li jestendi għal sitt Stati Membri, għandu jitfakkar li mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li r-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi espożizzjoni sommarja tal-motivi mqajma u li ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jamplifika motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-26 ta’ Ġunju 2008, Alferink et vs Il‑Kummissjoni, T‑94/98, Ġabra. p. II‑1125, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’dan il-każ, fir-rigward tal-portata ġeografika tal-ksur ikkonstatat, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, f’żewġ istanzi fit-talba, in sostenn tal-ewwel u tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa li hija imponiet fuqha, li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-istess fatturi bħal dawk użati għall-impriżi li kellhom għarfien totali tal-ksur ikkonstatat, filwaqt li, fil-premessa 873 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonkludiet li l-għarfien tar-rikorrenti fir-rigward tal-portata ġeografika ta’ dan il-ksur kien limitat għat-territorju ta’ żewġ Stati Membri (il-Ġermanja u l-Awstrija) mis-sitt Stati Membri koperti minn dan tal-aħħar. Bara minn hekk, f’żewġ istanzi, ir-rikorrenti tallega li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kienet għaldaqstant limitat għat-territorju ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri.

53      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-karatteristiċi l-oħra essenzjali tal-ksur ikkonstatat, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fit-talba, ir-rikorrenti ma kkontestatx dawn il-karatteristiċi u b’mod partikolari l-fatt li dan il-ksur kien jikkonċerna t-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq, iżda llimitat ruħha ssostni hija kienet biss attiva fis-suq ta’ wieħed minn dawn it-tliet sotto-gruppi.

54      Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti fir-replika intiżi sabiex tiġi kkontestata l-portata ġeografika tal-ksur ikkonstatat jikkostitwixxu amplifikazzjoni ta’ lment imressaq fit-talba u għaldaqstant dawn għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argumenti l-oħra żviluppati fir-replika, li huma intiżi sabiex jikkontestaw il-karatteristiċi l-oħra essenzjali tal-ksur ikkonstatat, dawn ma jikkostitwixxux amplifikazzjoni ta’ lment mressaq fit-talba u għandhom, fid-dawl tat-tardività tagħhom, jiġu ddikjarati inammissibbli.

II –  Fuq il-mertu

55      Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 49 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tqajjem tmien motivi in sostenn tar-rikors. L-ewwel, it-tieni, ir-raba’, il-ħames u s-sitt motivi tqajmu in sostenn kemm tat-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tat-talbiet intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti (l-ewwel u t-tieni kapijiet ta’ talbiet). It-tielet motiv huwa mressaq biss in sostenn tat-talbiet intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tnaqqas’ dan l-ammont (it-tieni kap ta’ talbiet). Fir-rigward tas-seba’ u tat-tmien motivi, hekk kif jirriżulta minn dan l-istess punt, għandu jitqies li dawn jikkostitwixxu eċċezzjonijiet ta’ illegalità.

56      Għaldaqstant, l-ewwel nett, hemm lok li jiġu eżaminati ż-żewġ eċċezzjonijiet ta’ illegalità mqajma fil-kuntest tas-seba’ u tat-tmien motivi. It-tieni nett, hekk kif indikat fil-punt 41 iktar ’il fuq, ser jiġu eżaminati, minn naħa, it-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, it-talbiet intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali teżerċità l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tbiddel, billi topera tnaqqis, l-ammont tal-multa imposta.

A –  Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità

1.     Fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq l-illegalità tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003

57      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni, fir-rigward tal-eċċezzjoni bbażata fuq l-illegalità tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 (iktar ’il quddiem l-“ewwel eċċezzjoni”), li dan l-artikolu, li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, jikser il-“prinċipju ta’ preċiżjoni”, sa fejn dan l-artikolu jsemmi biss il-gravità u t-tul tal-ksur bħala parametri għall-kalkolu tal-ammont tal-multa, mingħajr ma jiddefinixxi dawn il-kunċetti b’mod iktar preċiż, li jimplika li l-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni kważi llimitata fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multa.

58      Il-Kummissjoni sostnuta mill-Kunsill, tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti in sostenn tal-ewwel eċċezzjoni

59      Għalkemm, f’dan il-każ, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-“prinċipju ta’ preċiżjoni”, hemm lok li jiġi kkonstatat li, essenzjalment, huwa għall-prinċipji ta’ legalità tal-pieni u ta’ ċertezza legali hija tirreferi meta targumenta li l-kunċetti ta’ gravità u ta’ tul tal-ksur ma humiex preċiżi biżżejjed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, C‑352/09 P, Ġabra p. I‑2359, punt 80). Huwa għaldaqstant fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ prinċipji li l-ewwel eċċezzjoni għandha tiġi eżaminata.

60      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ legalità tal-pieni kif jinsab fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 389) u li ġie stabbilit b’mod partikolari permezz tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1960 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), huwa korrollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jeħtieġ li leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u s-sanzjonijiet (ara s-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 80, u l-ġurisprudenza ċċitata, ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 66, u tad-19 ta’ Mejju 2010, Wieland-Werke et vs Il‑Kummissjoni, T‑11/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 58).

61      Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeħtieġ li tali leġiżlazzjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li din timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar jistgħu isiru jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jadottaw l-aġir tagħhom b’mod konsegwenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-prinċipji ta’ legalità tal-pieni u ta’ ċertezza legali, ma huwiex meħtieġ li t-termini tad-dispożizzjonijiet li bis-saħħa tagħhom dawn is-sanzjonijiet huma imposti jkunu tant preċiżi li l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jkunu prevedibbli b’ċertezza assoluta. Fil-fatt l-eżistenza ta’ termini vagi fid-dispożizzjoni mhux neċessarjament twassal għal ksur ta’ dawn iż-żewġ prinċipji u l-fatt li liġi tagħti setgħa diskrezzjonali fih innifsu ma jmurx kontra r-rekwiżit ta’ previdibbiltà, bil-kundizzjoni li l-portata u l-metodi ta’ eżerċizzju ta’ tali setgħa jkunu ddefiniti b’biżżejjed ċarezza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punt 71, u Wieland-Werke et vs Il‑Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punti 62 u 63).

63      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċ-ċarezza tal-liġi għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti, iżda wkoll tal-preċiżazzjonijiet magħmula minn ġurisprudenza stabbilita u ppubblikata (sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑266/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 40). Hija enfasizzat ukoll li l-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multi fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ġew b’mod partikolari mislufa mill-Kummissjoni sabiex jiġu stabbiliti linji gwida u ppermettewlha tiżviluppa prassi deċiżjonali magħrufa u aċċessibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

64      Fir-rigward tal-validità tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 fid-dawl tal-prinċipji ta’ legalità tal-pieni u ta’ ċertezza legali, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet, fir-rigward ta’ argumenti essenzjalment simili għal dawk imressqa mir-rikorrenti in sostenn tal-ewwel eċċezzjoni, li l-paragrafi (2) u (3) ta’ dan l-artikolu, li għandhom jinqraw flimkien, peress li jillimitaw is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-imsemmija prinċipji (sentenza Wieland-Werke et vs Il‑Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punt 63 sa 72).

65      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti hemm lok li l-ewwel eċċezzjoni tiġi miċħuda bħala infondata.

2.     Fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq l-illegalità tal-Linji gwida tal-2006

66      Mit-talba u mill-ittra tat-30 ta’ Jannar 2012 jirriżulta li r-rikorrenti ssostni, fir-rigward tal-eċċezzjoni bbażata fuq l-illegalità tal-Linji gwida tal-2006 (iktar ’il quddiem it-tieni eċċezzjoni”), li dawn tal-aħħar, b’mod partikolari l-punti 35 u 37 tagħhom, huma illegali, peress li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali kważi illimitata li huma jagħtu lill-Kummissjoni, huma jiksru l-prinċipji ta’ legalità tal-pieni u ta’ ċertezza legali.

67      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tat-tieni eċċezzjoni.

68      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ linji gwida essenzjalment tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-linji gwida jiddeterminaw, b’mod ġenerali u astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali ta l-impriżi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 211 u 213).

69      It-tieni nett, mill-punt 2 tal-Linji gwida tal-2006 jirriżulta li dawn tal-aħħar jifformaw parti mill-kuntest legali stabbilit mill-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003. Issa, fil-punti 59 sa 64 iktar ’il fuq ġie stabbilit li dan l-artikolu kien jissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ legalità tal-pieni u ta’ ċertezza legali.

70      It-tielet nett, hemm lok li jiġi enfasizzat li, billi adottat il-Linji gwida tal-2005, il-Kummissjoni ma eċċedietx il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilha permezz tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 250).

71      Fil-fatt, huwa previst li sabiex tiddetermina l-ammont tal-multi l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur. Issa, il-Linji gwida tal-2006 jipprovdu, fil-punt 19 tagħhom, li l-ammont bażiku tal-multa huwa marbut ma’ proporzjoni tal-valur tal-bejgħ, iddeterminat abbażi tal-livell ta’ gravità tal-ksur, immultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ ksur

72      B’mod iktar preċiż, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-gravità tal-ksur, skont il-punti 21 sa 23 tal-Linji gwida tal-2006, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent ‘gravità tal-ksur’”) huwa ffissat fuq livell li jista’ jogħla sa 30 % filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, il-partijiet tas-suq meħuda flimkien tal-partijiet kollha kkonċernati, il-portata ġeografika tal-ksur u t-twettiq jew le tal-ksur, peress li huwa mifhum li l-ftehim ta’ ffissar tal-prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u ta’ limitazzjoni tal-produzzjoni jinsabu, minn natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar serji. Skont il-punt 25 tal-Linji gwida tal-2006, huwa ppreċiżat li, b’għan ta’ dissważjoni, il-Kummissjoni tinkludi fl-ammont bażiku proporzjon, li jippermetti li jiġi kkalkolat ammont addizzjonali (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent ‘ammont addizzjonali’”), inkluż bejn il-15 % u l-25 % tal-valur tal-bejgħ, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi ċċitati iktar ’il fuq.

73      Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul tal-ksur, il-punt 24 tal-Linji gwida tal-2006 jipprevedi li, minn naħa, l-ammont iddeterminat skont il-valuri ta’ bejgħ huwa mmultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur u, min-naħa l-oħra, li l-perijodi ta’ inqas minn sitt xhur huma kkalkolati bħala nofs sena u dawk ta’ iktar minn sitt xhur iżda inqas minn sena huma kkalkolati bħala sena sħiħa.

74      Skont il-punti 27 sa 31 tal-Linji gwida tal-2006, l-ammont bażiku jista’ sussegwentement jiġi aġġustat sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi aggravanti u attenwanti u sabiex tiġi żgurata natura suffiċjentement dissważiva fir-rigward tal-ammont tal-multa. Skont il-punti 34 ta’ dawn il-linji gwida, dan jista’ wkoll jitnaqqas sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni.

75      Fil-punt 32 tal-Linji gwida tal-2006 huwa wkoll ppreċiżat li skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-ammont finali tal-multa għal kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li jipparteċipaw fil-ksur ma għandux f’kull każ ikun iktar minn 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali mwettaq matul is-sena finanzjarja preċedenti.

76      Fl-aħħar, minn naħa, il-Kummissjoni eċċezzjonalment tipprevedi, fil-punt 35 tal-Linji gwida tal-2006, li għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kapaċità kontributtiva ta’ impriża. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din id-dispożizzjoni ma tagħtix marġni illimitat lill-Kummissjoni, peress li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba assenza ta’ kapaċità kontributtiva huma deskritti b’mod preċiż ħafna fihom. Għaldaqstant, f’dan il-punt huwa ppreċiżat li, minn naħa, ebda tnaqqis tal-ammont tal-multa ma huwa mogħti fuq is-sempliċi konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni finanzjarja sfavorevoli jew defiċitarja u li, min-naħa l-oħra, tnaqqis jista’ jingħata biss abbażi ta’ provi oġġettivi li l-impożizzjoni ta’ multa tkun tqiegħed f’perikolu, b’mod irrimedjabbli, il-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u tkun twassal sabiex l-attiv tagħha jitlef kull valur.

77      Min-naħa l-oħra, fil-punt 37 tal-Linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni ssostni li l-karatteristiċi ta’ kawża jew in-neċessità li jintlaħaq livell dissważiv f’kawża speċifika jistgħu jiġġustifikaw li hija titbiegħed mill-metodoloġija deskritta fil-Linji gwida tal-2006. Peress li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-punt ma jawtorizzawhiex titbiegħed mill-prinċipji stabbiliti mill-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, hemm lok li jitqies li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, dawn ma jagħtux setgħa diskrezzjonali kważi illimitata lill-Kummissjoni u li, għaldaqstant, dan il-punt ma jidderogax mill-prinċipju ta’ legalità tal-pieni.

78      Minn dan jirriżulta li l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-Linji gwida tal-2006, sa fejn din tifforma parti mill-kuntest legali stabbilit mill-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, ikkontribwixxiet sabiex jiġu ppreċiżati l-limiti tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta minn din id-dispożizzjoni (sentenza Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punt 82) u ma kisritx il-prinċipju ta’ legalità tal-pieni, iżda kkontribwixxiet għall-osservanza tiegħu.

79      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li t-tieni eċċezzjoni tiġi miċħuda bħala infondata.

B –  Fuq it-talbiet, imressqa b’mod prinċipali, intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

80      Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 49 iktar ’il fuq, l-ewwel, it-tieni, ir-raba’, il-ħames u s-sitt motivi tqajmu b’mod partikolari in sostenn tat-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata.

81      Sa fejn il-Kummissjoni applikat il-Linji gwida tal-2006 fid-deċiżjoni kkontestata u sa fejn, hekk kif ġie konkluż fil-punt 78 iktar ’il fuq, it-tieni eċċezzjoni għandha tiġi miċħuda, hemm lok li l-ewwel jiġi eżaminat is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività li jirriżulta mill-applikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-aġir li bih hija akkużata r-rikorrenti, li huwa preċedenti għall-adozzjoni tagħhom. Sussegwentement ser jiġu eżaminati l-ewwel, it-tieni, ir-raba’ u l-ħames motivi mqajma sa fejn dawn huma intiżi sabiex juru li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’illegalitajiet li jirriżultaw minn diversi żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni.

1.     Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività

82      Ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-akkordju jikkonċerna perijodu bejn l-1992 u l-2004, il-Kummissjoni kien imissha applikat il-Linji ta’ gwida tal-1998. Skontha, sa fejn il-Kummissjoni kkalkolat l-ammont tal-multi abbażi tal-Linji gwida tal-2006 hija kisret il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività. Hija żżid li l-applikazzjoni tal-Linji gwida tal-1998 kienet twassal għal multa iżgħar.

83      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti in sostenn tas-sitt motiv.

84      L-ewwel nett f’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tad-dispożizzjonijiet kriminali, kif jinsab fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u li ġie stabbilit, b’mod partikolari, permezz tal-Artikolu 7 tal-KEDB, li l-qorti tal-Unjoni tiżgura l-osservanza tiegħu, jippermetti li tiġi opposta l-applikazzjoni retroattiva ta’ interpretazzjoni ġdida ta’ norma li tistabbilixxi ksur, meta r-riżultat ta’ din l-interpretazzjoni ma kinitx raġonevolment prevedibbli fil-mument li fih twettaq il-ksur (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punti 87 sa 89, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-2 ta’ Frar 2012, Denki Kagaku Kogyo u Denka Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑83/08, punt 120).

85      It-tieni nett, skont ġurisprudenza wkoll stabbilita, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(5) tar-Regolament Nru 1/2003, li minnhom jirriżulta li d-deċiżjonijiet li jimponu multi minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma humiex ta’ natura kriminali, il-Kummissjoni hija obbligata tosserva l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività f’kull proċedura amministrattiva li tista’ twassal għal sanzjonijiet b’applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 202; ara s-sentenza Denki Kagaku Kogyo u Denka Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punt 122). Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li temenda politika repressiva, f’dan il-każ il-politika ġenerali tagħha tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-multi. Fil-fatt, tali emenda, b’mod partikolari jekk din issir permezz tal-adozzjoni ta’ regoli ta’ kondotta bħall-linji gwida, jista’ jkollha effetti fir-rigward tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 222).

86      It-tielet nett, sabiex tiġi mistħarrġa l-osservanza tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, kien ġie deċiż li kien hemm lok li jiġi vverifikat jekk l-emenda inkwistjoni kinitx raġonevolment prevedibbli fiż-żmien li fih twettaq il-ksur ikkonċernat (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 224). Il-portata tal-kunċett ta’ prevedibbiltà tiddependi kunsiderevolment mill-kontenut tat-test inkwistjoni, mill-qasam li huwa jkopri kif ukoll min-numru u mill-kwalità tad-destinatarji tiegħu. Il-prevedibbiltà tal-liġi ma tipprekludix li l-persuna kkonċernata jkollha tasal sabiex tirrikorri għal kjarifiki sabiex tevalwa, b’mod raġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att speċifiku. Dan huwa applikabbli speċjalment għall-professjonisti, li huma mdorrijin jeżerċitaw prudenza kbira fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom. Wieħed jista’ wkoll jistenna mingħandhom li huma jagħtu attenzjoni partikolari biex jevalwaw ir-riskji li dan jinvolvi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 219).

87      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni, kif jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 teħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’, fl-osservanza tal-limitu previst mill-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament, tgħolli f’kull mument il-livell tal-multi jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni. Minn dan jirriżulta li l-impriżi involuti fi proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal multa ma jistgħux ikollhom aspettattivi leġittimi la fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni mhux ser taqbeż il-livell tal-multi applikat preċedentement u lanqas fir-rigward ta’ metodu ta’ kalkolu tal-ammont ta’ dawn tal-aħħar, iżda, għall-kuntrarju, dawn l-impriżi għandhom iqisu l-possibbiltà li, f’kull mument, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tgħolli l-livell tal-ammont tal-multi fir-rigward ta’ dak applikat fil-passat, jew billi tgħolli l-livell tal-ammont tal-multi meta tistabbilixxi multi f’deċiżjonijiet individwali, jew billi tapplika, għal każijiet individwali, regoli ta’ kondotta ta’ portata ġenerali bħal linji gwida (sentenzi Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punti 90 u 91, u Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punti 227 sa 230).

88      F’dan il-każ, minn naħa, hemm lok li jitfakkar li fil-punti 69 u 78 iktar ’il fuq diġà ġie konkluż li l-Linji gwida tal-2006 jifformaw parti mill-kuntest legali stabbilit mill-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 u li dawn jikkontribwixxu sabiex jiġu ppreċiżati l-limiti tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta minn din id-dispożizzjoni. Fil-punt 75 iktar ’il fuq il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari kkonstatat li, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-punt 32 tal-Linji gwida tal-2006 jillimita l-ammont finali tal-multa għal kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li jipparteċipaw fil-ksur għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali mwettaq matul is-sena finanzjarja preċedenti.

89      Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi rrilevat li, anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni espliċita relatata ma’ reviżjoni perjodika tal-Linji gwida tal-1998, ir-rikorrenti kien imissha, fid-dawl tal-ġurisprudenza eżistenti, ħadet inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li, wara li l-ksur kien twettaq, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tadotta u li tapplika Linji gwida ġodda għall-kalkolu tal-ammont tal-multi (sentenza Denki Kagaku Kogyo u Denka Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punt 116).

90      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-Linji gwida tal-2006 u, b’mod partikolari, il-metodu l-ġdid ta’ kalkolu tal-ammont tal-multi li dawn jinkludu, fuq il-preżunzjoni li dan kellu effett aggravanti meta mqabbel ma’ dak previst mil-Linji gwida tal-1998 fir-rigward tal-livell tal-multi imposti, kienu raġonevolment prevedibbli għal impriżi bħar-rikorrenti fiż-żmien meta twettaq il-ksur ikkonstatat u li, billi applikat il-Linji gwida tal-2006 fid-deċiżjoni kkontestata għal ksur imwettaq qabel l-adozzjoni tagħhom, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punti 231 u 232, u tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 25).

91      Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-ksur li r-rikorrenti hija akkużata bih u fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha

92      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li t-titolu tal-ewwel motiv, kif jirriżulta mit-talba, jiġifieri “l-konvenuta ma tiħux inkunsiderazzjoni diversi ċirkustanzi attenwanti li jiffavorixxu lir-rikorrenti, bi ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003”, jista’ jagħti x’jinftiehem li r-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’diversi illegalitajiet li jirriżultaw mill-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, mill-Kummissjoni, taċ-ċirkustanzi attenwanti, li abbażi tagħhom kien imissha naqqset l-ammont tal-multa li hija imponitilha.

93      Madankollu, iċ-ċirkustanzi li tinvoka r-rikorrenti, li huma tlettax, imsemmija rispettivament f’diversi partijiet li jaqsmu l-ewwel motiv, jirreferu, essenzjalment, għal diversi żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, l-ewwel nett, għal xi wħud, fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-ksur li hija takkuża r-rikorrenti bih (ir-raba’, is-sitt, is-seba’, it-tmien u l-ħdax-il parti) u, it-tieni nett, għall-oħrajn, fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa li hija imponitilha (l-ewwel, it-tieni, it-tielet, il-ħames, id-disa’, l-għaxar, it-tnax u t-tlettax-il parti).

a)     Fuq l-iżbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-ksur li r-rikorrenti hija akkużata bih

94      L-ewwel nett hemm lok li jiġu eżaminati s-sitt, is-seba’ u t-tmien parti tal-ewwel motiv, sa fejn dawn huma essenzjalment intiżi sabiex juru li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi kkonkludiet li r-rikorrenti kienet ipparteċipat, fl-Awstrija, fil-ksur ikkonstatat, b’mod li l-eventwali parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur tkun limitata għall-Ġermanja.

95      It-tieni nett, ser jiġu eżaminati r-raba’ u l-ħdax-il parti tal-ewwel motiv inkwantu dawn huma essenzjalment intiżi sabiex juru applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE, sa fejn ċertu aġir li bih hija akkużata r-rikorrenti ma jikkostitwixxix ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

 Fil-kuntest tas-sitt, tas-seba’ u tat-tmien parti tal-ewwel motiv, ibbażati fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti, fl-Awstrija, fil-ksur ikkonstatat

96      L-ewwel nett hemm lok li tiġi eżaminata s-seba’ parti tal-ewwel motiv, sussegwentement, is-sitt parti tiegħu u, fl-aħħar nett, it-tmien parti tiegħu.

–       Fil-kuntest tas-seba’ parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-allinjament mir-rikorrenti tal-prezzijiet ipprattikati fl-Awstrija fuq dawk ipprattikati fil-Ġermanja

97      Ir-rikorrenti tafferma li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fil-premessa 351 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kienet allinjat il-prezzijiet li hija kienet tipprattika fl-Awstrija fuq dawk ipprattikati fil-Ġermanja, mhux abbażi ta’ ftehim mal-kompetituri tagħha, iżda abbażi ta’ deċiżjoni awtonoma. Barra minn hekk, hija ssostni li l-provi prodotti f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 404 tad-deċiżjoni kkontestata jmorru lura għal żmien li fih hija kienet għada ma kinitx membru tal-organu ta’ koordinazzjoni ASI jew kienu jikkonċernaw diviżorji tad-doċċa, sotto-grupp ta’ prodotti li hija ma kinitx timmanifattura.

98      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tas-seba’ parti tal-ewwel motiv.

99      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi kkunsidrat li huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti tinterpreta l-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata fis-sens li l-Kummissjoni akkużatha li allinjat il-prezzijiet pprattikati fl-Awstrija fuq dawk ipprattikati fil-Ġermanja. Fil-fatt, il-premessa 351 tad-deċiżjoni kkontestata hija waħda mill-premessi li fihom il-Kummissjoni ċaħdet l-argument żviluppat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. Ir-rikorrenti sostniet li, minkejja l-parteċipazzjoni kontinwa tagħha għal-laqgħat tal-organu ta’ koordinazzjoni ASI mill-2001, hija qatt ma kienet użat l-informazzjoni dwar il-prezzijiet skambjata matul dawn il-laqgħat u kienet iffissat il-prezzijiet tagħha fis-suq Awstrijak b’riferiment għall-prezzijiet ipprattikati mill-kumpannija parent tagħha fis-suq Ġermaniż u, f’kull każ, li l-iskambju ta’ informazzjoni ma kellu ebda impatt fuq is-suq.

100    Bi tweġiba għall-argument żviluppat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni essenzjalment qieset, fil-premessa 350 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fid-dawl tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għal-laqgħat tal-organu ta’ koordinazzjoni ASI mill-2001, din tal-aħħar ma setgħetx ma tiħux inkunsiderazzjoni direttament jew indirettament, l-informazzjoni dwar il-prezzijiet żvelata mill-kompetituri tagħha. Fil-premessa 351 ta’ din id-deċiżjoni, hija spjegat li l-fatt li l-koordinazzjoni tal-prezzijiet setgħet ma kellhiex impatt fuq is-suq jew fuq il-prezzijiet għall-konsumatur finali ma jbiddilx il-konstatazzjoni li din il-koordinazzjoni kellha għan antikompetittiv. F’din l-istess premessa, hija ppreċiżat li hija qatt ma affermat li r-rikorrenti kienet iddiskutiet dwar l-applikazzjoni, fit-territorju Awstrijak, tal-prezzijiet applikati fil-Ġermanja, iżda li kienet, għall-kuntrarju, qieset li l-membri tal-organu ta’ koordinazzjoni ASI kienu ddiskutew il-politika tal-prezzijiet tagħhom, filwaqt li ħadu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi ta’ dawn tal-aħħar fis-suq Ġermaniż. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni relatata mal-allinjament tal-prezzijiet fl-Awstrija fuq il-prezzijiet ipprattikati fil-Ġermanja ma hijiex speċifikament indirizzata lir-rikorrenti, iżda tikkonċerna, b’mod ġenerali, il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet stabbilit mill-manifatturi kollha tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju fi ħdan l-organu ta’ koordinazzjoni ASI, u dan anki qabel ir-rikorrenti ma kienet affiljat miegħu. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-organu ta’ koordinazzjoni ASI kien assoċjazzjoni nazzjonali għall-professjonisti li tiġbor fi ħdanha l-produtturi tat-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, huwa b’mod ineffettiv li r-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-provi prodotti mill-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 404 tad-deċiżjoni kkontestata kienu jikkonċernaw prodotti li hija ma kinitx timmanifattura.

101    It-tieni nett, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, qieset li r-rikorrenti kienet allinjat il-prezzijiet fl-Awstrija fuq dawk ipprattikati fil-Ġermanja, abbażi ta’ ftehim mal-kompetituri tagħha, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tillimita ruħha tafferma, mingħajr ma tissostanzja din l-affermazzjoni, li dan l-allinjament kien jirriżulta minn deċiżjoni awtonoma. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

102    It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif għamlet il-Kummissjoni fil-premessa 350 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kkonfermat, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kienet ipparteċipat fl-iskambju ta’ informazzjoni dwar iż-żidiet fil-prezzijiet matul il-laqgħat tal-organu ta’ koordinazzjoni ASI mill-2001, filwaqt li ppreċiżat li qatt ma użat l-informazzjoni skambjata matul dawn il-laqgħat relatata mal-prezzijiet. Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat din il-konstatazzjoni. Din l-ammissjoni ta’ parteċipazzjoni hija barra minn hekk ikkorroborata mill-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, debitament sostnuti minn provi preċiżi, konkordanti u mhux ikkontestati mir-rikorrenti, imsemmija fil-premessi 325 sa 339 tad-deċiżjoni kkontestata, li juru li hija pparteċipat, b’mod regolari, mill-2001, għal-laqgħat tal-organu ta’ koordinazzjoni ASI li matulhom il-manifatturi tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju kkoordinaw il-prezzijiet tagħhom fis-suq Awstrijak. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni stabbilixxiet kif meħtieġ mil-liġi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fi ftehim antikompetittivi li jikkonsistu fil-koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet.

103    Minn naħa, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li n-nota ta’ qiegħ il-paġna 404 tad-deċiżjoni kkontestata fiha informazzjoni relatata ma’ perijodu preċedenti għall-affiljazzjoni tar-rikorrenti mal-organu ta’ koordinazzjoni ASI. Fil-fatt, din in-nota ta’ qiegħ il-paġna hija intiża sabiex issostni l-konstatazzjoni li tinsab fil-premessa 351 tad-deċiżjoni kkontestata relatata mal-allinjament tal-prezzijiet Awstrijaċi fuq il-prezzijiet applikati fil-Ġermanja. Issa, fil-punt 100 iktar ’il fuq ġie indikat li din il-konstatazzjoni kienet tikkonċerna, b’mod ġenerali, il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet stabbilit mill-manifatturi kollha tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju fi ħdan l-organu ta’ koordinazzjoni ASI, qabel ir-rikorrenti ma kienet affiljat miegħu.

104    Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-arranġamenti inkwistjoni ma kinux ġew implementati mir-rikorrenti sa fejn hija kienet allinjat il-prezzijiet tagħha fuq dawk tal-kumpannija parent Ġermaniża tagħha u ma kinitx użat l-informazzjoni skambjata matul il-laqgħat tal-organu ta’ koordinazzjoni ASI ma jistax iwarrab l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

105    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-seba’ parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fil-kuntest tas-sitt parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-iskambju ta’ informazzjoni fl-Awstrija

106    Ir-rikorrenti ssostni li hija ma pparteċipatx fl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva, għajr ta’ dik relatata mal-prezzijiet, fl-Awstrija. In sostenn ta’ din l-affermazzjoni, hija tispjega li ebda wieħed mid-dokumenti ċċitati mill-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 387 tad-deċiżjoni kkontestata ma jagħti prova li hija pparteċipat fi skambju ta’ informazzjoni illegali fl-Awstrija.

107    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti in sostenn tas-sitt parti tal-ewwel motiv.

108    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, fuq il-preżunzjoni li l-imsemmija argumenti huma totalment jew parzjalment fondati, l-iżball li għaldaqstant jivvizzja l-konstatazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fi skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva fl-Awstrija ma jistax iwassal għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti. Fil-fatt, ġie stabbilit, fil-kuntest tal-eżami tas-seba’ parti tal-ewwel motiv, li l-Kummissjoni kienet validament ikkonkludiet li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet fis-suq Awstrijak mit-2 ta’ Marzu 2001 sad-9 ta’ Novembru 2004. Issa, mill-premessa 341 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-iskambju ta’ informazzjoni kien isostni l-mekkaniżmu prinċipali ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet. Fil-premessa 395 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa għaldaqstant b’riferiment għall-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet li l-Kummissjoni kkonkludiet li kienu jeżistu arranġamenti kollużivi stabbiliti mill-manifatturi tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju fl-Awstrija.

109    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tal-konklużjoni misluta fir-rigward tas-seba’ parti, ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni fuq is-sitt parti.

–       Fil-kuntest tat-tmien parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-portata tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju

110    Fil-kuntest tat-tmien parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti b’mod partikolari ssostni, minn naħa, li l-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 796 u 834 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li l-gruppi multinazzjonali ppermettew li jiġi solidament organizzat l-akkordju, lil hinn mill-fruntieri u mis-sotto-gruppi ta’ prodotti, permezz tal-iffissar iċċentralizzat tal-prezzijiet u taċ-ċirkolazzjoni tajba tal-informazzjoni fi ħdan l-imsemmija gruppi, ma tikkonċernahiex peress li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ikkonstatat ma kellhiex, fin-nuqqas ta’ awtonomija tal-fergħa fl-Awstrija, fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet, meta mqabbla mas-sede tal-kumpannija fil-Ġermanja, portata multinazzjonali u, min-naħa l-oħra, peress li hija kienet preżenti biss fis-suq ta’ wieħed mis-sotto-gruppi ta’ prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

111    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti in sostenn tat-tmien parti tal-ewwel motiv.

112    F’dan ir-rigward, minn naħa, hemm lok li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, li jinsabu fil-premessi 796 u 834 tad-deċiżjoni kkontestata, li skonthom il-gruppi nazzjonali organizzaw solidament l-akkordju lil hinn mill-fruntieri u mis-sotto-gruppi ta’ prodotti permezz tal-iffissar iċċentralizzat tal-prezzijiet, jitqiegħdu mill-ġdid fil-kuntest tagħhom. Fil-fatt, dawn il-konstatazzjonijiet jifformaw parti mir-raġunament tal-Kummissjoni, fil-premessi 793 sa 894 tad-deċiżjoni kkontestata, li abbażi tiegħu din tal-aħħar riedet tistabbilixxi li l-arranġamenti kollużivi stabbiliti mill-manifatturi tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju f’sitt Stati Membri u li kienu jkopru t-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq kellhom il-karatteristiċi ta’ ksur uniku u kontinwat. Għaldaqstant, dawn il-konstatazzjonijiet ma kinux intiżi sabiex japplikaw speċifikament, fihom infushom, għar-rikorrenti.

113    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, wara li kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat, fil-premessa 850 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li, għall-finijiet li tattribwixxi r-responsabbiltà għal tali ksur lil impriża li personalment ipparteċipat biss f’parti mill-arranġamenti antikompetittivi, kien biżżejjed li tingħata prova li permezz tal-aġir tagħha stess din l-impriża riedet tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni li l-parteċipanti kollha riedu jilħqu u li hija kellha għarfien tal-aġir materjali previst jew imwettaq minn impriżi oħra fit-tħaddin ta’ dawn l-għanijiet, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih jew li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju tiegħu. Issa, fil-premessi 872 u 873 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur uniku u kontinwat sa fejn, fid-dawl tal-parteċipazzjoni tagħha għal-laqgħat tal-organi tal-koordinazzjoni ASI, fl-Awstrija, u IndustrielForum Sanitär, fil-Ġermanja, hija setgħet raġonevolment jkollha għarfien dwar il-gamem differenti ta’ prodotti li huma s-suġġett tal-ksur ikkonstatat, Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-portata ġeografika ta’ dan il-ksur, il-Kummissjoni qieset li l-rikorrenti ma setgħetx tkun taf li aġir kollużiv kien eżista fl-Awstrija u fil-Ġermanja.

114    Issa, f’dan ir-rikors, ir-rikorrenti ma kkontestatx l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat, jiġifieri ksur uniku u kontinwat, kif ġie indikat fil-premessi 793 sa 849 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, hekk kif ġie stabbilit fil-punti 53 u 54 iktar ’il fuq, huwa b’mod tardiv li hija kkontestat l-għarfien tagħha ta’ waħda mill-karatteristiċi essenzjali ta’ dan il-ksur, jiġifieri l-fatt li dan il-ksur kien jikkonċerna tliet sotto-gruppi ta’ prodotti.

115    Għaldaqstant, il-fatt, invokat mir-rikorrenti, li skontu l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, li jinsabu b’mod partikolari fil-premessi 793 u 834 tad-deċiżjoni kkontestata, relatati mal-iffissar iċċentralizzat tal-prezzijiet u mas-sotto-gruppi ta’ prodotti kkonċernati mill-akkordju ma japplikawx fir-rigward tagħha ma jistgħux jikkonfutaw ir-raġunament tal-Kummissjoni relatat, minn naħa, mal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat u, min-naħa l-oħra, mal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’tali ksur u, għaldaqstant, iwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

116    Mill-premessi preċedenti jirriżulta li t-tmien parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

117    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet misluta fil-punti 1105, 109 u 116 iktar ’il fuq, hemm lok li jitqies li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ evalwazzjoni, tikkonkludi li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ikkonstatat ma kinitx limitata għall-Ġermanja, iżda kienet tkopri l-Awstrija wkoll.

 Fil-kuntest tar-raba’ u tal-ħdax-il parti tal-ewwel motiv, ibbażati fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE

118    Għandu jiġi rrilevat li r-raba’ parti tal-ewwel motiv hija essenzjalment ibbażata fuq l-allegazzjonijiet li skonthom, minn naħa, il-koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet kienet tissodisfa talba tal-klijentela, jiġifieri l-grossisti, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li tali talba tiġi ssodisfatta ma kienx jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Fir-rigward tal-ħdax-il parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li t-trasparenza tas-suq ma hijiex ta’ ħsara għall-kompetizzjoni.

119    Qabel ma jiġu eżaminati r-raba’ u l-ħdax-il parti tal-ewwel motiv, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE, hemm lok li titfakkar il-ġurisprudenza relatata mal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE.

120    F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 101(1) TFUE, il-ftehim kollu bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-prattiki miftiehma kollha li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri u li għandhom bħala għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern huma inkompatibbli mas-suq intern.

121    Sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, huwa biżżejjed li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod stabbilit (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p.II‑1711, punt 256, u tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il‑Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 199).

122    Ftehim fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jiġi kkunsidrat bħala konkluż meta jkun hemm qbil tal-intenzjonijiet fuq il-prinċipju nnifsu ta’ restrizzjoni għall-kompetizzjoni, anki jekk l-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni ppjanata jkunu għadhom is-suġġett ta’ negozjati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza HFB Holding et vs Il‑Kummissjoni, punt 121 iktar ’il fuq, punti 151 sa 157 u 206).

123    Il-kunċett ta’ prattika miftiehma jirreferi għal forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma twasslet sal-istadju li fih ftehim veru u proprju ġie konkluż, intenzjonalment tissostitwixxi kooperazzjoni prattika bejniethom b’riskju għall-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 115, u Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punt 158).

124    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 101(1) TFUE jipprekludi kull kuntatt dirett jew indirett bejn operaturi ekonomiċi li jista’ jew jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew inkella jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li l-operatur ekonomiku nnifsu ddeċieda li japplika jew li għandu l-intenzjoni li jadotta fis-suq, meta dawn il-kuntatti jkollhom bħala għan jew bħala effett ir-restrizzjoni għall-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 123 iktar ’il fuq, punti 116 u 117).

125    Skambju ta’ informazzjoni huwa kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni meta huwa jnaqqas jew jelimina l-grad ta’ inċertezza fuq il-funzjonament tas-suq inkwistjoni bir-riżultat li l-kompetizzjoni bejn impriżi hija ristretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata).

126    Fil-fatt, l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva jelimina l-inċertezza relatata mal-aġir futur ta’ kompetitur u għalhekk jinfluwenza, direttament jew indirettament, l-istrateġija tad-destinatarju tal-informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat‑23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administratión del Estado, C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li huwa għandu l-intenzjoni jsegwi fi ħdan is-suq intern u l-kundizzjonijiet li huwa għandu l-intenzjoni jirriżerva għall-klijentela tiegħu (ara s-sentenza Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, punt 125 iktar ’il fuq, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata).

127    Għalkemm huwa minnu li dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija ma jeskludix id-dritt tal-operaturi li jadottaw ruħhom b’mod intelliġenti għall-aġir ikkonstatata jew mistenni tal-kompetituri tagħhom, dan madankollu jipprekludi strettament kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi, li jkollu bħala għan jew bħala effett li jwassal għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni, fid-dawl tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti, tal-importanza u tan-numru ta’ impriżi, kif ukoll tal-volum tal-imsemmi suq (ara s-sentenza Thyssen Stahl vs Il Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fil-kuntest tar-raba’ parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-koordinazzjoni tal-prezzijiet kienet tissodisfa talba tal-klijentela

128    Fil-kuntest tar-raba’ parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 101 TFUE ma ġiex miksur, peress li l-koordinazzjoni taż-żidiet futuri fil-prezzijiet kienet intiża sabiex tissodisfa talba tal-klijentela, jiġifieri l-grossisti, li kienu jeżerċitaw pressjoni sinjifikattiva fuq il-manifattur ta’ installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju. Barra minn hekk, hija ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuqha, bħala ċirkustanza attenwanti, il-pressjoni li l-grossisti kienu eżerċitaw fuq il-manifatturi ta’ installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, filwaqt li din il-pressjoni kienet tikkostitwixxi waħda mir-raġunijiet għall-ksur ikkonstatat.

129    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tar-raba’ parti tal-ewwel motiv.

130    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-allegazzjoni tar-rikorrenti li skontha peress li l-koordinazzjoni bejn il-produtturi kienet intiża sabiex tissodisfa talba tal-klijentela, jiġifieri l-grossisti, din ma kinitx tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni analizzat ir-rwol tal-grossisti f’dan il-każ. Fil-fatt, fil-premessa 740 tad-deċiżjoni kkontestata, hija indikat li, wara l-introduzzjoni ta’ tariffi tat-triq fl-Awstrija, il-grossisti kienu talbu lill-manifatturi ta’ installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, fil-kuntest tal-organu ta’ koordinazzjoni ASI, japplikaw żieda fil-prezzijiet ta’ 0.6 % u mhux żieda ta’ 0.2 % kif kienet ġiet deċiża minn dawn tal-aħħar. Bl-istess mod, fil-premessi 657 u 658 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li ċerti manifatturi Awstrijaċi kienu spjegaw li r-raġuni għall-koordinazzjoni taż-żieda fil-prezzijiet mal-introduzzjoni tal-Euro kienet il-pressjoni eżerċitata mill-grossisti. Fl-aħħar, fil-premessi 931 sa 934 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, b’mod ġenerali, li l-manifatturi ta’ installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju kienu invokaw is-setgħa ta’ xiri u l-pressjoni tal-grossisti sabiex jiġġustifikaw l-arranġamenti kollużivi u bħala ċirkustanza attenwanti. Hija madankollu rrifjutat li tilqa’ dawn l-argumenti.

131    It-tieni nett, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 120 sa 127 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li fil-punt 102 iktar ’il fuq ġie stabbilit li r-rikorrenti kienet ipparteċipat f’arranġamenti antikompetittivi li jikkonsistu fil-koordinazzjoni taż-żidiet futuri fil-prezzijiet fis-suq Awstrijak. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors u hekk kif hija kkonfermat bi tweġiba għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma kkontestatx il-parteċipazzjoni tagħha fl-arranġamenti kollużivi stabbiliti mill-manifatturi ta’ installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju fis-suq Ġermaniż, kif ikkonstatat mill-Kummissjoni fil-premessi 246 sa 252 tad-deċiżjoni kkontestata.

132    Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti u jekk kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 657 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-grossisti kienu talbu lill-manifatturi jadottaw aġir partikolari ma jistax jeżenta lil dawn tal-aħħar mir-responsabbiltà li huma għandhom minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fi prattiki antikompetittivi. Barra minn hekk, hekk kif ġustament issostni l-Kummissjoni fil-premessa 934 tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm il-kundizzjonijiet fis-swieq tal-input jew tal-output tas-suq ikkonċernat mill-akkordju jistgħu jinfluwenzaw l-aġir tal-atturi preżenti f’dan l-aħħar suq, dan bl-ebda mod ma jiġġustifika li dawn l-atturi, minflok ma jirrispondu indipendentement għall-kundizzjonijiet tas-suq, jikkooperaw mal-kompetituri tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 121 iktar ’il fuq, punt 178, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 423).

133    Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-allegata setgħa ta’ xiri tal-grossisti, fuq il-preżunzjoni li din hija stabbilita, ma tistax fl-ebda każ tiġġustifika l-arranġamenti kollużivi stabbiliti mill-manifatturi ta’ installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju.

134    Fit-tieni lok, sa fejn ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li fl-istadju tal-kalkolu tal-ammont tal-multa ma kkunsidratx il-pressjoni eżerċitat mill-grossisti, bħala ċirkustanza attenwanti, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, pressjoni, irrispettivament mill-grad tagħha, ma tistax tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti. L-eżistenza ta’ tali pressjoni ma tbiddel xejn mir-realtà u mill-gravità tal-ksur imwettaq. Ir-rikorrenti setgħet tiddenunċja l-pressjoni li hija kienet is-suġġett tagħha lill-awtoritajiet kompetenti u setgħet tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni minflok tipparteċipa fl-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 370, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 339).

135    Għaldaqstant hemm lok li jitqies li, f’dan il-każ, huwa b’mod ġust li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqisx il-pressjoni tal-grossisti bħala ċirkustanza attenwanti.

136    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fil-kuntest tal-ħdax-il parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-benefiċċji tat-trasparenza fis-suq għall-kompetizzjoni

137    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 991 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha l-armonizzazzjoni tad-dati li fihom il-prezzijiet huma ffissati tikkonferma l-metodu ta’ funzjonament taċ-ċikli tal-prezzijiet, għaliex din tirrendi s-suq trasparenti, tinjora l-fatt li, minn naħa, it-trasparenza tas-suq fiha nnifisha ma hijiex ta’ ħsara għall-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, din l-armonizzazzjoni u din it-trasparenza kienu jikkonċernaw id-data u mhux il-prezzijiet.

138    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti in sostenn tal-ħdax-il parti tal-ewwel motiv.

139    F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 120 sa 127 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 991 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wieġbet għall-argumenti mressqa mir-rikorrenti, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, relatati mal-allegati benefiċċji li jirriżultaw mill-armonizzazzjoni tad-data taż-żidiet fil-prezzijiet. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li dawn l-argumenti kienu jikkonfermaw it-trasparenza fis-suq u l-funzjonament taċ-ċikli tal-prezzijiet, kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata.

140    Bħal fil-kuntest tar-raba’ parti tal-ewwel motiv, minn naħa, għandu jitfakkar li fil-punt 102 iktar ’il fuq ġie stabbilit li r-rikorrenti kienet ipparteċipat f’arranġamenti antikompetittivi li jikkonsistu fil-koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet fis-suq Awstrijak. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti naqset milli tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fl-arranġamenti kollużivi stabbiliti mill-manifatturi ta’ installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju fis-suq Ġermaniż, kif ikkonstatata mill-Kummissjoni fil-premessi 246 sa 252 tad-deċiżjoni kkontestata. Għandu wkoll jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-parti tal-ewwel motiv, hekk kif jirriżulta mill-premessi 152 sa 163 tad-deċiżjoni kkontestata, li essenzjalment isir riferiment għalihom fil-punt 2 iktar ’il fuq, il-koordinazzjoni taż-żidiet futuri fil-prezzijiet ikkonstatata mill-Kummissjoni fis-suq Ġermaniż u dak Awstrijak kienet tikkonċerna kemm id-data ta’ dawn iż-żidiet kif ukoll l-ammont tagħhom.

141    Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm huwa permissibbli li kull manifattur jemenda liberament il-prezzijiet tiegħu u li għal dan il-għan jieħu inkunsiderazzjoni l-aġir, attwali jew prevedibbli, tal-kompetituri tiegħu, huwa min-naħa l-oħra kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat FUE li manifattur jikkoopera mal-kompetituri tiegħu, b’liema mod ikun, sabiex jiddetermina linja ta’ azzjoni kkoordinata relatata ma’ żieda fil-prezzijiet u sabiex jiżgura li din tirnexxi billi tiġi eliminata minn qabel kull inċertezza fir-rigward tal-aġir reċiproku relatat mal-elementi essenzjali ta’ din l-azzjoni, bħar-rata, l-għan, id-data u l-post taż-żidiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Lulju 1972, ICI vs Il‑Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punt 118).

142    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet korretta meta qieset li l-arranġamenti kollużivi stabbiliti fis-suq Awstrijaku u f’dak Ġermaniż kienu jikkostitwixxu ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Minn dan jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti relatat mat-trasparenza fis-suq ma jistax jiġi milqugħ.

143    Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-ħdax-il parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)     Fuq l-iżbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

144    Permezz tal-ewwel, tat-tieni, tat-tielet, tal-ħames, tad-disa’, tat-tnax u tat-tlettax‑il parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti essenzjalment tilmenta li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji ta’ evalwazzjoni, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, diversi ċirkustanzi li hija tikklassifika bħala attenwanti, li fid-dawl tagħhom kien imissu tnaqqas l-ammont tal-multa li hija imponietilha.

145    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

146    L-ewwel nett, qabel kollox, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie konkluż fil-punti 69 u 78 iktar ’il fuq, l-adozzjoni tal-Linji gwida tal-2006 tifforma parti mill-kuntest legali stabbilit mill-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 u, għaldaqstant ikkontribwixxiet sabiex jiġu ppreċiżati l-limiti tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta minn din id-dispożizzjoni u ma kisritx il-prinċipju ta’ legalità tal-pieni, iżda kkontribwixxiet għall-osservanza tiegħu.

147    Sussegwentement, hemm lok li jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mil-Linji gwida tal-2006, il-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tiffissa l-multa jinvolvi żewġ fażijiet. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tiddetermina ammont bażiku għal kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi. Dan l-ammont bażiku jippermetti li tiġi riflessa l-gravità tal-ksur inkwistjoni, u dan billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-punt 22 tal-imsemmija linji gwida, elementi speċifiċi għalih, bħan-natura tiegħu, il-partijiet tas-suq meħuda flimkien tal-partijiet kollha kkonċernati, il-portata ġeografika tal-ksur u t-twettiq jew le tiegħu. It-tieni nett, il-Kummissjoni tista’ taġġusta dan l-ammont bażiku billi żżidu jew tnaqqsu, u dan fid-dawl taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li jikkaratterizzaw il-parteċipazzjoni ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati li pparteċipaw fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-25 ta’ Ottubru 2011, Aragonesas Industrias u Energía vs Il‑Kummissjoni, T‑348/08, Ġabra p. II‑7583, punti 260 u 264, u l-ġurisprudenza ċċitata).

148    Fir-rigward, iktar preċiżament, tal-ewwel fażi tal-metodu għall-iffissar tal-multi, skont il-punti 13 sa 25 tal-Linji gwida tal-2006, għandu ċertament jiġi rrilevat li ammont bażiku tal-multa li huwa marbut mal-koeffiċjent “gravità tal-ksur”, li jirrifletti l-livell ta’ gravità tal-ksur fih innifsu u li jista’ jiġi ffissat, ġeneralment, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 72 iktar ’il fuq, f’livell li jista’ jasal sa 30 % tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, u dan billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi msemmija fil-punt 22 tal-Linji gwida tal-2006 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aragonesas Industrias u Energía vs Il‑Kummissjoni, punt 147 iktar ’il fuq, punt 261). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li f’din l-ewwel fażi, huma wkoll meħuda inkunsiderazzjoni elementi oġġettivi relatati mas-sitwazzjoni speċifika u individwali ta’ kull impriża li pparteċipat f’dan il-ksur. Fil-fatt, il-koeffiċjent “gravità tal-ksur” huwa applikat flimkien ma’ żewġ parametri oġġettivi individwali, jiġifieri, minn naħa, l-valur tal-bejgħ, tal-prodotti jew tas-servizzi, magħmul minn kull waħda minnhom, li miegħu jirrelata direttament jew indirettament il-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fi ħdan it-territorju taż-ŻEE, u, min-naħa l-oħra, t-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur globali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aragonesas Industrias u Energía vs Il‑Kummissjoni, punt 147 iktar ’il fuq, punt 269).

149    Barra minn hekk, l-ammont bażiku tal-multa jista’, skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 25 tal-Linji gwida tal-2006, jiġi kkompletat billi jiġi applikat ammont addizzjonali, li l-għan tiegħu huwa li jiddisswadi lill-impriżi milli jipparteċipaw b’mod partikolari fi ftehim orizzontali ta’ ffissar tal-prezzijiet. Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 72 iktar ’il fuq, il-koeffiċjent “ammont addizzjonali” li japplika irrispettivament mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur, huwa ddeterminat, f’livell bejn il-15 % u l-25 % tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fid-dawl tal-fatturi msemmija fil-punt 22 tal-Linji gwida tal-2006 (sentenza Aragonesas Industrias u Energía vs Il‑Kummissjoni, punt 147 iktar ’il fuq, punt 261).

150    L-ewwel nett, b’mod prinċipali, hemm lok li jiġu eżaminati l-ewwel, it-tielet, u l-ħames, id-disa’ u l-għaxar parti tal-ewwel motiv, fil-kuntest tad-disa’ u tal-għaxar parti tiegħu, ibbażati fuq żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-gravità tal-ksur ikkonstatat. It-tieni nett, ser jiġu eżaminati t-tieni, it-tnax u t-tlettax il-parti tal-ewwel motiv, ibbażati fuq żbalji ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti.

 Fil-kuntest tal-ewwel, tat-tielet, tal-ħames, tad-disa’ u tal-għaxar parti tal-ewwel motiv, ibbażati fuq żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-gravità tal-ksur ikkonstatat

–       Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li r-rikorrenti kienet timmanifattura biss oġġetti li jaqgħu taħt wieħed mit-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti koperti mill-ksur ikkonstatat

151    Ir-rikorrenti ssostni li hija timmanifattura biss viti u fittings ta’ kwalità għolja għall-kmamar tal-banju u li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-attività tagħha kienet limitat għal parti ta’ wieħed mit-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti koperti mill-ksur ikkonstatat.

152    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel motiv.

153    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif tfakkar fil-punt 112 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni stabbilixxiet, fil-premessi 793 sa 849 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-arranġamenti kollużivi stabbiliti mill-manifatturi ta’ installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju f’sitt Stati Membri u li kienu jkopru tliet sotto-gruppi ta’ prodotti kellhom il-karatteristiċi ta’ ksur uniku u kontinwat u, fil-premessa 872 ta’ din id-deċiżjoni, li r-rikorrenti setgħet raġonevolment tkun taf bil-fatt li dan il-ksur kien jikkonċerna tliet sotto-gruppi ta’ prodotti. Barra minn hekk, fil-punt 54 iktar ’il fuq ġie rrilevat li dawn il-konstatazzjonijiet kienu ġew tardivament ikkontestata mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

154    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li l-parteċipazzjoni limitata tar-rikorrenti fil-ksur ikkonstatat, jiġifieri f’dak li jirrigwarda wieħed biss mis-sotto-gruppi ta’ prodotti, jew anki, f’parti mis-sotto-grupp tal-viti u tal-fittings, ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 148 iktar ’il fuq, hekk kif ġie indikat fil-punt 18 iktar ’il fuq, dan l-ammont bażiku huwa kkalkolat, għal kull impriża, abbażi tal-valur tal-bejgħ f’kull Stat Membru u għas-sotto-grupp ta’ prodotti kkonċernat.

155    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li r-rikorrenti ma kellhiex għarfien tal-ksur ikkonstatat u pparteċipat fih biss fi tnejn mis-Stati Membri li dan kien ikopri

156    Ir-rikorrenti essenzjalment tilmenta li, fl-istadju tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, hekk kif hija kkonkludiet fil-premessa 873 tad-deċiżjoni kkontestata, hija pparteċipat fil-ksur ikkonstatat biss fi tnejn mis-sitt Stati Membri li dan ikopri. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, hija tqis li, abbażi tal-premessa li l-Linji gwida tal-2006 huma applikabbli f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha tapplika, meta hija ffissat l-ammont bażiku tal-multa, billi tibbaża ruħha fuq dawn il-linji gwida, koeffiċjent “gravità tal-ksur” u koeffiċjent “ammont addizzjonali” ta’ inqas minn 15 %.

157    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tat-tielet parti tal-ewwel motiv.

158    Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett li, fil-premessi 872 u 873 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur ikkonstatat, jiġifieri fi ksur uniku u kontinwat, it-tieni nett li, hekk kif ġie konkluż fil-punti 53 u 54 iktar ’il fuq, huwa b’mod tardiv li r-rikorrenti kkontestat il-kamp materjali ta’ dan il-ksur quddiem il-qorti tal-Unjoni u, it-tielet nett li, il-Kummissjoni żammet lir-rikorrenti responsabbli għat-twettiq ta’ dan il-ksur.

159    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu, meta wieħed jew iktar mill-elementi ta’ din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom infushom u meħuda waħedhom, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Għalhekk, meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet minħabba l-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat kollu kemm hu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 123 iktar ’il fuq, punt 81, u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 258).

160    Impriża li tkun ipparteċipat f’tali ksur uniku u kontinwat permezz ta’ aġir tagħha stess, li kien jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma b’għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u li kien intiż sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq tal-ksur kollu kemm hu tista’ għaldaqstant tkun responsabbli għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur. Dan huwa l-każ meta jiġi stabbilit li bl-aġir tagħha stess din l-impriża kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li hija kellha għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ippjanat jew imwettaq minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedih u li hija kienet lesta taċċetta r-riskju (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 123 iktar ’il fuq, punti 87 u 203, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 159 iktar ’il fuq, punt 83).

161    Għalhekk, impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwat, f’liema każ il-Kummissjoni tista’ timputalha r-responsabbiltà għal dan l-aġir kollu, u għalhekk għall-ksur kollu kemm hu. Impriża tista’ wkoll tkun ipparteċipat direttament biss f’parti mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwat, iżda kellha għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur kollu l-ieħor ippjanat jew imwettaq mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju għall-ksib tal-istess għanijiet, jew setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet lesta taċċetta r-riskju. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni tista’ wkoll timputa lil din l-impriża r-responsabbiltà għall-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi tali ksur u, konsegwentement, ir-responsabbiltà għal dan tal-aħħar kollu kemm hu.

162    Fit-tielet lok, f’dan il-każ, l-ewwel nett, hekk kif ġie konkluż fil-punt 79 iktar ’il fuq, it-tieni eċċezzjoni mqajma mir-rikorrenti, li tikkonċerna l-Linji gwida tal-2006, għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Għaldaqstant, hemm lok li jiġu evalwati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fir-rigward tal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-portata ġeografika limitata għal żewġ Stati Membri tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ikkonstatat, fl-istadju tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, abbażi ta’ dawn il-linji gwida.

163    It-tieni nett, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 19 u 21 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa, b’mod partikolari billi ffissat għal 15 % il-koeffiċjent “gravità tal-ksur” u l-koeffiċjent “ammont addizzjonali”, fid-dawl tal-erba’ kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ dan il-ksur ikkonstatat, jiġifieri n-natura, il-partijiet tas-suq meħuda flimkien, il-portata ġeografika u t-twettiq. Fir-rigward tal-portata ġeografika tal-ksur ikkonstatat, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ksur uniku u kontinwat inkwistjoni kien ikopri għall-inqas sitt Stati Membri (premessa 1213 tad-deċiżjoni kkontestata)

164    Madankollu, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 16 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 873 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fir-rigward tal-portata ġeografika tal-ksur ikkonstatat, ir-rikorrenti ma setgħetx titqies bħala li kellha għarfien tal-ksur ikkonstatat fl-intier tiegħu, iżda biss tal-aġir kollużiv li kien hemm fl-Awstrija u fil-Ġermanja.

165    Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 158 sa 161 iktar ’il fuq, mill-konklużjoni misluta mill-Kummissjoni fil-premessa 873 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, peress li r-rikorrenti ma kellhiex għarfien tal-portata ġeografika globali tal-ksur uniku u kontinwat inkwistjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx takkużaha li pparteċipat fil-ksur hekk ikkonstatat u, għaldaqstant, hija ma setgħetx iżżommha responsabbli għal dan il-ksur fl-intier tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-istadju tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kien imissha ffissat il-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” fid-dawl ta’ din il-konklużjoni.

166    Issa, huwa paċifiku li, fid-deċiżjoni kkontestata, dawn iż-żewġ koeffiċjenti ġew iffissati għal 15 % fid-dawl tal-uniċi karatteristiċi essenzjali tal-ksur ikkonstatat jiġifieri, b’mod partikolari, il-portata ġeografika tiegħu, inkwantu dan kien ikopri it-territorju ta’ sitt Stati Membri.

167    Għaldaqstant, billi fl-istadju tal-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-portata ġeografika limitata għal żewġ Stati Membri, li hija kienet taf biha, tal-ksur li pparteċipat fih, il-Kummissjoni wettqet żewġ żbalji ta’ evalwazzjoni.

168    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi milqugħa bħala fondata.

–       Fil-kuntest tal-ħames parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-intensità mhux sinjifikattiva tal-ftehim dwar viti u fittings

169    Ir-rikorrenti tosserva li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni qieset li l-ftehim bejn il-manifatturi tad-diviżorji tad-doċċa kienu partikolarment intensi. A contrario, il-ftehim kienu inqas intensi fir-rigward taż-żewġ sotto-gruppi l-oħra ta’ prodotti, fatt li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni.

170    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti esposti mir-rikorrenti insostenn tal-ħames parti tal-ewwel motiv.

171    F’dan ir-rigward, minn naħa, kif tfakkar fil-punt 16 iktar ’il fuq, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur ikkonstatat, jiġifieri fi ksur uniku u kontinwat li jirrigwarda, b’mod partikolari, it-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq u, kif ġie deċiż fil-punti 53 u 54 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kkontestat b’mod tardiv din il-karatteristika essenzjali tal-imsemmi ksur, li hija l-portata materjali tiegħu. Għaldaqstant, fid-dawl tal-punt 22 tal-Linji gwida tal-2006 u skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 147 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet tiddetermina b’mod validu l-ammont bażiku tal-multa fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-gravità tal-ksur meħud fit-totalità tiegħu. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li din tal-aħħar kellha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-intensità speċifika, fl-ipoteżi li din tkun stabbilita, tal-arranġamenti kollużivi fir-rigward ta’ wieħed mis-sotto-gruppi tal-prodotti inkwistjoni.

172    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument imqajjem mir-rikorrenti li jipprovdi li l-arranġamenti kollużivi li jirrigwardaw il-viti u fittings kienu inqas intensi minn dawk li jikkonċernaw id-diviżorji tad-doċċa, għandu jiġi kkonstatat li għal dak li jirrigwarda daw iż-żewġ sotto‑gruppi ta’ prodotti, il-Kummissjoni ġabret provi li juru li l-manifatturi tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju kienu pparteċipaw f’restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li kienu fost l-iktar serji, jiġifieri l-koordinazzjoni taż-żidiet annwali fill-prezzijiet futuri kif ukoll il-koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet futuri fl-okkażjoni ta’ avvenimenti speċifiċi. Barra minn hekk, fil-Ġermanja, ir-ritmu tal-laqgħat kollużivi ma kienx inqas regolari u iktar sporadiku fir-rigward tal-viti u fittings milli fir-rigward tad-diviżorji tad-doċċa, kif jirriżulta mill-Annessi 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-Awstrija, il-laqgħat kollużivi fir-rigward tat-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti kienu jsiru dejjem fi ħdan l-istess assoċjazzjoni, l-organu ta’ koordinazzjoni ASI, u dan jimplika li ma tista’ ssir ebda distinzjoni bejn is-sotto-gruppi ta’ prodotti għal dak li jirrigwarda l-perijodiċità tal-laqgħat.

173    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ħames parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fil-kuntest tad-disa’ parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-akkordju ma setax jagħmel ħsara lis‑swieq downstream

174    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-akkordju kien jirrigwarda biss il-prezzijiet gross u mhux il-parametri determinanti tal-kompetizzjoni, jiġifieri t-tnaqqis u l-bonusijiet, u dan jimplika li l-akkordju seta’ jkollu biss impatt żgħir fuq is-swieq downstream. Hija sostniet ukoll li, fi kwalunkwe każ, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-tnaqqis bażiku, waqt il-laqgħa tal-assoċjazzjoni speċjalizzata AGSI tas-6 ta’ Marzu 1998, kien imur kontra l-interessi tagħha u ma kienx ħlief każ iżolat. Għal dak li jirrigwarda d-diskussjoni dwar l-iskontijiet u l-marġini, fil-kuntest tal-laqgħa tal-organu ta’ koordinazzjoni ASI tas-7 ta’ Novembru 2002, invokata mill-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 403 tad-deċiżjoni kkontestata, din l-iktar tikkostitwixxi tentattiv sabiex jiġi kkoordinat, f’każ eċċezzjonali, tnaqqis uniku u insinifikanti, li ma jaqax taħt l-Artikolu 101 TFUE.

175    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti esposti mir-rikorrenti insostenn tad-disa’ parti tal-ewwel motiv.

176    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li mill-kliem tal-Artikolu 101(1)(a) TFUE jirriżulta li prattika miftiehma għandha għan antikompetittiv jekk tikkonsisti b’mod partikolari f’“l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju”. Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 101 TFUE jfittex, bħar-regoli l-oħra tal-kompetizzjoni stabbiliti fit-Trattat, li jipproteġi mhux biss l-interessi diretti tal-kompetituri jew tal-konsumaturi, iżda l-istruttura tas-suq u, b’hekk, il-kompetizzjoni bħala tali, ġie deċiż li l-imsemmi kliem ma jippermettix li jiġu kkunsidrati bħala pprojbiti biss il-prattiki miftiehma li għandhom effett dirett fuq il-prezz imħallas mill-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punti 36 sa 38). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk prattika miftiehma hijiex ipprojbita mill-Artikolu 101(1) TFUE, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti tagħha huwa superfluwu meta jkun jidher li din għandha l-għan li tipprevjeni, tillimita jew toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni (ara s-sentenza T‑Mobile Netherlands et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).

177    It-tieni nett, mis-sistema tas-sanzjonijiet għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, kif stabbilita bir-Regolamenti Nru 17 u 1/2003 u interpretata mill-ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta li l-akkordji, bħalma huma l-kartelli, jistħoqqilhom, minħabba n-natura tagħhom stess, il-multi l-iktar iebsin. L-impatt konkreti li jista’ jkollhom fuq is-suq, b’mod partikolari l-kwistjoni dwar sa fejn ir-restrizzjoni għall-kompetizzjoni wasslet għal prezz tas-suq ogħla minn dak li kien jipprevali fil-każ tal-assenza tal-kartell, ma huwiex kriterju deċiżiv sabiex jiġi stabbilit il-livell tal-multi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-19 ta’ Mejju 2010, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, T‑127/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

178    It-tielet nett, barra minn hekk, għandu jitfakkar li huwa minnu li, bil-kontra tal-Linji gwida tal-2006, il-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998 kienu jipprovdu li. fil-prinċipju, l-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ gravità ta’ ksur kienet tieħu inkunsiderazzjoni, sa fejn seta’ jitkejjel, l-impatt konkret ta’ dan il-ksur fuq is-suq. Madankollu, skont dawn il-Linji gwida tal-aħħar, il-ftehim jew il-prattiki miftiehma intiżi b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, sabiex jikkoordinaw iż-żidiet fil-prezzijiet setgħu jiġu kklassifikati, abbażi tan-natura tagħhom stess, bħala “serji ħafna”, mingħajr in-neċessità li tali aġir ikun ikkaratterizzat minn impatt jew estensjoni ġeografika partikolari. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, għalkemm id-deskrizzjoni tal-ksur “serjuˮ fil-Linji gwida tal-1998 kienet tirreferi espliċitament għall-impatt fuq is-suq u għall-effetti fuq żoni wiesgħa tas-suq komuni, dik ta’ ksur “serju ħafnaˮ, min-naħa l-oħra ma kienet issemmi l-ebda rekwiżit la ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas tal-effetti fuq żona ġeografika partikolari (ara s-sentenza KME Germany et vs Il-Kummissjoni, punt 177 iktar ’il fuq, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

179    Mill-kunsiderazzjonijiet u minn dak li tfakkar fil-punti 176 sa 178 iktar ’il fuq jirriżulta li jekk ikun jeżisti ksur li jinsab fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar serji, in-natura tiegħu stess tippermetti, waħedha, mhux biss li jiġi kkonstatat li dan jaqa’ taħt aġir pprojbit skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE, iżda anki li jiġi evalwat, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi li pparteċipaw fih, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 103 TFUE u tar-Regolament Nru 1/2003, il-livell tal-gravità tiegħu.

180    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm fil-kuntest ta’ din il-parti tal-ewwel motiv ir-rikorrenti tikkontesta li ffissat il-prezzijiet li kellhom jitħallsu mill-konsumatur finali, hija ma tikkontestax li ħadet sehem fl-arranġamenti kollużivi dwar il-prezzijiet gross. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet u ta’ dak li tfakkar fil-punti 176 sa 178 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti hija żbaljata meta ssostni li, peress li l-akkordju kien jirrigwarda prinċipalment il-prezzijiet gross, dan ma setax ikollu impatt fuq is-swieq downstream. Fil-fatt, jekk jiġi preżunt li dan kien l-għan prinċipali tal-prattiki implementati fil-kuntest tal-akkordju, għandu jiġi rrilevat li l-prezzijiet gross jikkostitwixxu l-bażi li fir-rigward tagħha l-prezzijiet ta’ bejgħ lill-klijenti huma kkalkolati. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li koordinazzjoni bejn kompetituri tal-prezzijiet gross tista’ tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni u, konsegwentement, tikkostitwixxi prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. Fid-dawl tal-istess ġurisprudenza, ir-rikorrenti kienet ukoll żbaljata meta invokat il-fatt li d-diskussjonijiet kollużivi kienu iżolati jew ma ngħatawx segwitu fil-fatt min-naħa tagħha, minħabba nuqqas ta’ interess.

181    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fil-premessa 1211 tad-deċiżjoni kkontestata li l-arranġamenti kollużivi inkwistjoni, sa fejn kienu intiżi għall-koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet futuri kienu jikkostitwixxu, min-natura tagħhom stess, ksur li jinsab fost l-iktar serju tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fid-dawl tan-natura stess tal-ksur ikkonstatat, kien ukoll ġust li l-Kummissjoni tuża l-istess livell ta’ gravità sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta.

182    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-disa’ parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fil-kuntest tal-għaxar parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-akkordju ma għamilx ħsara lill-ekonomija

183    Ir-rikorrenti ssostni li l-akkordju ma għamilx ħsara lill-ekonomija, b’mod partikolari, lill-konsumaturi peress li, l-ewwel nett, akkordju ma jistax ikun effettiv meta jirrigwarda parti mis-suq daqshekk żgħira bħal dik ikkonstatata mill-Kummissjoni fil-premessa 1212 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tieni nett, il-fatt li kien hemm fluss kbir ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri ma jurix is-solidità tal-akkordju, u t-tielet nett, l-assenza totali ta’ mekkaniżmu ta’ ritaljazzjoni, f’dan il-każ, għandu tendenza jikkaratterizza kooperazzjoni okkażjonali, grad dgħajjef ta’ organizzazzjoni u, minħabba f’hekk, assenza ta’ impatt fuq l-ekonomija.

184    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti esposti mir-rikorrenti insostenn tal-għaxar parti tal-ewwel motiv.

185    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif ġie ddikjarat fil-punt 179 iktar ’il fuq, jekk ikun hemm ksur, bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, li jinsab fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar serji, in-natura tiegħu stess tippermetti, waħedha, li għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi li pparteċipaw fih, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 103 TFUE u tar-Regolament Nru 1/2003, jiġi evalwat il-livell ta’ gravità tiegħu.

186    Barra minn hekk, ġie deċiż li l-evalwazzjoni ta’ ftehim skont l-Artikolu 101(1) TFUE ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest konkret fejn huwa jkollu effett jekk dan ikun ftehim li jinkludi restrizzjonijiet manifesti tal-kompetizzjoni bħall-iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-suq jew il-kontroll tas-swieq (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il‑Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 136).

187    F’dan il-każ, il-prattiki miftiehma li r-rikorrenti hija akkużata li pparteċipat fihom kienu jinkludu restrizzjonijiet manifesti tal-kompetizzjoni. Fil-fatt fil-punt 102 iktar ’il fuq, ġie deċiż li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’arranġamenti antikompetittivi li kienu jikkonsistu fil-koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezz. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tipprova effetti antikompetittivi.

188    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament qieset, fil-premessa 1211 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-arranġamenti kollużivi f’dan il-każ kienu jinsabu fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar serji. A fortiori, il-fatt li l-ftehim inkwistjoni ma għamlux ħsara lill-ekonomija, jekk jiġi preżunt li dan huwa minnu, ma jista’ bl-ebda mod jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.

189    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mminata mill-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq l-allegata assenza ta’ mekkaniżmu ta’ ritaljazzjoni. Fil-fatt, għalkemm l-eżistenza ta’ miżuri ta’ kontroll tal-implementazzjoni ta’ akkordju tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza aggravanti, l-assenza ta’ tali miżuri ma jistgħux, fihom infushom, jikkostitwixxu ċirkustanza attenwanti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 393).

190    Ma jistax ikun mod ieħor għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li, fir-rigward tal-parti żgħira tas-suq, imsemmija fil-premessa 1212 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-impriżi li pparteċipaw fil-ksur ikkonstatat, dan il-ksur ma setax jagħmel ħsara lill-ekonomija. Fil-fatt, mill-imsemmija premessa jirriżulta li l-parti tas-suq inkwistjoni ġiet stmata mill-Kummissjoni għal 54.3 %. Issa, tali parti tas-suq, jekk jiġi preżunt li din hija stabbilita, ma tistax tiġi kklassifikata bħala żgħira. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistabbilixxix kif l-imsemmija parti tas-suq kienet insuffiċjenti sabiex tagħmel ħsara lill-ekonomija. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

191    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-għaxar parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fil-kuntest tat-tieni, t-tnax u t-tlettax-il parti tal-ewwel motiv, ibbażati fuq żbalji ta’ evalwazzjoni rigward iċ-ċirkustanzi attenwanti tar-rikorrenti stess

–       Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-rwol emulattiv tar-rikorrenti

192    Ir-rikorrenti ssostni li hija qatt ma għamlet parti mill-grupp ċentrali ta’ impriżi identifikati mill-Kummissjoni, iżda bil-kontra, hija kellha sempliċement rwol emulattiv, u dan jiġġustifika tnaqqis tal-multa, kif jirriżulta a contrario mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu 2011, Areva et vs Il-Kummissjoni (T‑117/07 u T‑121/07, Ġabra p. II‑633, punt 308). Barra minn hekk, hija tfakkar li ma pparteċipatx mill-bidu tal-laqgħat fl-Awstrija.

193    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti esposti mir-rikorrenti insostenn tat-tieni parti tal-ewwel motiv.

194    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, għalkemm ir-rwol esklużivament passiv jew emulattiv ta’ impriża kien jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti, skont l-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida tal-1998, dan ma għandux il-każ fil-Linji gwida tal-2006. It-tielet inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 jipprovdi li ċirkustanza attenwanti tista’ tiġi kkonstatata mill-Kummissjoni meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment ridotta u b’hekk turi li hija effettivament eskludiet lilha nnifisha mill-applikazzjoni tal-ftehim li jikkostitwixxi ksur billi adottat aġir kompetittiv fis-suq. Huwa ċar li s-sempliċi fatt li impriża tkun ipparteċipat fi ksur għal tul iqsar mill-oħrajn ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti, peress li din iċ-ċirkustanza diġà hija riflessa fl-ammont bażiku tal-multa.

195    F’dan il-każ huwa importanti li jiġi rrilevat li, sabiex turi li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ikkonstatat kienet sostanzjalment ridotta, ir-rikorrenti sempliċement iddikjarat li qatt ma għamlet parti mill-grupp ċentrali ta’ impriżi.

196    Madankollu, l-ewwel nett, mill-punt 5.2.3.2 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-konstatazzjoni mill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ grupp ċentrali ta’ impriżi, li pparteċipa fl-akkordju f’diversi Stati Membri u li jappartjenti għal mill-inqas organu ta’ koordinazzjoni wieħed li kien ikopri t-tliet sotto-gruppi kollha ta’ prodotti, kellha l-għan li tikkontribwixxi sabiex tintwera l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat. Din il-konstatazzjoni bl-ebda mod ma timplika li l-impriżi li ma kinux jappartjenu għal dan il-grupp ċentrali ta’ impriżi kienu pparteċipaw fil-ksur ikkonstatat b’mod iktar sporadiku.

197    It-tieni nett, fid-dawl tat-tielet inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006, ir-rikorrenti kellha tipprova li hija kienet eskludiet lilha nnifisha mill-applikazzjoni tal-ftehim li jikkostitwixxi ksur, iżda hija ma għamlitx dan. Bil-kontra, huwa importanti li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni rreferiet, fl-Annessi 2 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata, għad-dokumenti li jipprovaw il-preżenza regolari tar-rikorrenti għal-laqgħat tal-assoċjazzjoni speċjalizzata AGSI, fil-Ġermanja, sa mill-1996, u tal-organu ta’ koordinazzjoni ASI, fl-Awstrija, sa mill-2001. Issa, kif ir-rikorrenti kkonfermat bħala risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, hija ma tikkontestax li pparteċipat f’dawn il-laqgħat. Barra minn hekk, kif issemma fil-punt 102 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti rrikonoxxiet, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li pparteċipat fl-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet fi ħdan l-organu ta’ koordinazzjoni ASI, fl-Awstrija. Bl-istess mod, mir-risposta tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li hija pparteċipat fid-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet fi ħdan l-assoċjazzjoni speċjalizzata AGSI. Dawn id-diskussjonijiet tqiesu ta’ natura antikompetittivi mill-Kummissjoni u r-rikorrenti ma tikkontestax dan fil-kuntest tar-rikors preżenti.

198    It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-argument dwar id-dħul tardiv tar-rikorrenti, fl-Awstrija, fil-ksur ikkonstatat, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, kif tfakkar fil-punt 194 iktar ’il fuq, tali fatt ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma ressqet ebda argument tali li jispjega għaliex dan id-dħul tardiv, fl-Awstrija, fil-ksur ikkonstatat huwa tali li juri r-rwol passiv tagħha fi ħdan dan l-akkordju.

199    Ir-raba’ nett, ebda konklużjoni ma tista’ tinsilet f’dan il-każ mis-sentenza Areva et vs Il‑Kummissjoni, punt 192 iktar ’il fuq. Fil-fatt, għalkemm din is-sentenza tikkonferma li tista’ tiġi imposta żieda tal-ammont tal-multa fuq impriża li kellha rwol ta’ tmexxija f’akkordju, il-Qorti Ġenerali mkien ma tiddikjara li l-fatt li impriża ma kellhiex rwol ta’ tmexxija f’akkordju għandu jitqies bħala ċirkustanza attenwanti. Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-punt 308 ta’ din is-sentenza, li r-rikorrenti tirreferi espressament għalih, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ma tista’ tinsilet ebda konklużjoni f’dan il-każ, mill-fatt li fl-imsemmi punt 308, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet applikat, b’mod żbaljat, l-istess żieda tal-ammont bażiku tal-multa lil diversi impriżi minkejja li l-imsemmija impriżi kellhom rwol ta’ tmexxija matul perijodi sostanzjalment differenti.

200    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fil-kuntest tat-tnax-il parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs medju tar-rikorrenti

201    Ir-rikorrenti ssostni li, bil-kontra ta’ dak li l-punt 1 A tal-Linji gwida tal‑1998 kien jippermettilha li tagħmel, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni tal-fatt li hija kienet impriża ta’ daqs medju, li ma għandhiex servizz legali u li ma għandha ebda esperjenza fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni.

202    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti esposti mir-rikorrenti insostenn tat-tnax-il parti tal-ewwel motiv.

203    F’dan ir-rigward, minn naħa, kif jirriżulta mill-eżami tas-sitt motiv fil-punti 82 sa 91 iktar ’il fuq, il-Linji gwida tal-1998 ma japplikawx f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, ġie deċiż li għalkemm l-imsemmija Linji gwida kienu jipprevedu, fil-punt 1 A tagħhom, il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi ta’ daqs kbir għandhom, fil-parti l-kbira, għarfien u infrastrutturi ġuridiċi-ekonomiċi li jippermettulhom li jirrikonoxxu li l-aġir tagħhom jikkostitwixxi ksur u li jkunu konxji tal-konsegwenzi ta’ dan skont id-dritt tal-kompetizzjoni, dan bl-ebda mod ma jimplika li l-Kummissjoni kellha l-obbligu tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs żgħir ta’ ċerti impriżi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2009, CD-Contact Data vs Il‑Kummissjoni, T‑18/03, Ġabra p. II‑1021, punt 115).

204    Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza, l-impriżi ż-żgħar jew ta’ daqs medju ma humiex eżenti mid-dmir tagħhom li josservaw ir-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il‑Kummissjoni, T‑456/05 u T‑457/05, Ġabra p. II‑1443, punt 281).

205    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tnax-il parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq it-tlettax-il parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti

206    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni injorat il-fatt li hija kienet ikkooperat matul l-investigazzjoni u li kienet irrispondiet b’mod volontarju u fit-termini mogħtija għat-talbiet kollha għal informazzjoni kif ukoll għal talbiet oħra.

207    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti esposti mir-rikorrenti insostenn tat-tlettax-il parti tal-ewwel motiv.

208    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, kooperazzjoni matul l-investigazzjoni li ma tmurx lil hinn mill-obbligi li għandhom l-impriżi skont l-Artikolu 18(3) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003, ma tiġġustifikax tnaqqis tal-ammont tal-multa (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2012, Nynäs Petroleum u Nynas Belgium vs Il‑Kummissjoni, T‑347/06, punt 62).

209    F’dan il-każ, ir-rikorrenti sempliċement issostni li rrispondiet għat-talbiet għal informazzjoni li sarulha mill-Kummissjoni fit-termini mogħtija. Sa fejn dan l-aġir jaqa’ taħt l-obbligi msemmija fil-punt 208 iktar ’il fuq, dan ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.

210    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tlettax-il parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

211    Fid-dawl tal-konklużjonijiet misluta fil-punti 105, 109, 116, 136, 143, 155, 168, 173, 182, 191, 200, 205 u 210 iktar ’il fuq, l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ għal dak li jirrigwarda t-tielet parti tiegħu u l-kumplament tiegħu għandu jiġi miċħud.

212    Il-konsegwenzi li għandhom jiġu misluta mill-konklużjonijiet għal dak li jirrigwarda l-fondatezza tat-tielet parti tal-ewwel motiv fuq il-kalkolu tal-ammont tal-multa impost fuq ir-rikorrenti huma eżaminati mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fil-punti 245 et seq. iktar ’il quddiem.

3.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % imsemmi fl-Artikolu 23(2) tal-imsemmi regolament.

213    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 sa fejn, permezz ta’ interpretazzjoni tal-limitu ta’ 10 % previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tal-imsemmi regolament bħala limitu massimu tal-ammont tal-multa imposta, applikat fi tmiem il-proċess ta’ kalkolu b’tali mod li jista’ jiġi maqbuż matul id-diversi stadji tal-imsemmi kalkolu, u mhux bħala livell superjuri ta’ grad ta’ pieni li jistgħu jingħataw, iddeterminat fil-bidu tal-imsemmi process, kien impossibbli għall-Kummissjoni li tevalwa l-gravità tal-ksur li kienet qiegħda takkuża lir-rikorrenti bih. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ tali livell massimu tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

214    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti esposti mir-rikorrenti insostenn tat-tieni motiv.

215    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li, bil-kontra ta’ dak li tiddikjara r-rikorrenti, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huma identiċi fis-sustanza.

216    It-tieni nett, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, huwa biss l-ammont finali tal-multa imposta li għandu josserva l-limitu ta’ 10 % previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix lill-Kummissjoni li matul id-diversi stadji tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, tasal għal ammont intermedjarju superjuri għal dan il-limitu, sakemm l-ammont finali tal-multa ma jeċċedix l-imsemmi limitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punti 277 u 278 u tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑308/04 P, Ġabra p. I‑5977, punt 82).

217    Għaldaqstant, jekk jirriżulta li, fi tmiem il-kalkolu, l-ammont finali tal-multa għandu jitnaqqas bl-istess ammont ta’ dak li jaqbeż l-imsemmi limitu, il-fatt li ċerti fatturi bħall-gravità u t-tul tal-ksur ma humiex riflessi b’mod effettiv fl-ammont tal-multa imposta, huwa biss sempliċi konsegwenza tal-applikazzjoni ta’ dan il-limitu għall-imsemmi ammont finali (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 279).

218    Fil-fatt, il-limitu ta’ 10 % huwa intiż sabiex ma jiġux imposti multi meta jkun prevedibbli li l-impriżi, fid-dawl tad-daqs tagħhom, kif iddeterminat mid-dħul mill-bejgħ globali tagħhom, anki jekk b’mod approssimattiv u imperfett, mhux ser ikunu f’pożizzjoni li jħallsuhom (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 280).

219    Għaldaqstant, dan jikkonsisti f’limitu, applikabbli b’mod uniformi għall-impriżi kollha u fformulat skont id-daqs ta’ kull waħda minnhom, li għandu l-għan li jevita multi ta’ livell eċċessiv u sproporzjonat. Dan il-limitu għandu għalhekk għan distint u awtonomu meta mqabbel ma’ dak tal-kriterji tal-gravità u tat-tul tal-ksur (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punti 281 u 282).

220    L-unika konsegwenza possibbli ta’ dan il-limitu hija li l-ammont tal-multa kkalkolat fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji jiġi mnaqqas sal-livell massimu awtorizzat. L-applikazzjoni tiegħu timplika li l-impriża kkonċernata ma tħallasx il-multa li, fil-prinċipju, tkun dovuta abbażi ta’ evalwazzjoni bbażata fuq l-imsemmija kriterji (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 283).

221    Minn dik il-ġurisprudenza li tfakkret iktar ’il fuq jirriżulta li, f’dan il-każ, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 billi interpretat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament bħala limitu massimu tal-ammont tal-multa imposta, applikat fi tmiem il-proċess tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, b’tali mod li jista’ jiġi maqbuż matul id-diversi stadji tal-imsemmi kalkolu, u mhux bħala livell superjuri ta’ grad ta’ pieni li għandhom jingħataw, iddeterminat fil-bidu tal-imsemmi proċess.

222    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mminata mill-argumenti tar-rikorrenti.

223    L-ewwel nett, anki jekk kellu jitqies li l-applikazzjoni ta’ perċentwali ta’ 10 % bħala limitu tmur kontra l-għan ta’ dissważjoni li għandu r-Regolament Nru 1/2003 sa fejn l-ammont tal-multa effettivament impost għandu jitnaqqas sabiex jiġi kkunsidrat dan il-limitu, tali limitu huwa madankollu ġġustifikat bl-obbligu li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 281). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti tmur iktar kontra l-għan ta’ dissważjoni peress li din tal-aħħar tipproponi, għall-finijiet ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa, l-ewwel nett li jiġi applikat il-limitu ta’ 10 % u, it-tieni nett, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur, u dan iwassal inevitabbilment għal impożizzjoni ta’ multa li l-ammont tagħha jkun inqas mil-limitu ta’ 10 %. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-għan ta’ dissważjoni tar-Regolament Nru 1/2003 ma jistax jiġi milqugħ.

224    It-tieni nett, anki jekk id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata ma jsemmix espressament b’liema mod it-tul u l-gravità tal-ksur ittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, id-dispożittiv ta’ deċiżjoni għandu jinqara fid-dawl tar-raġunijiet li jsostnuh (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Marzu 2011, Altstoff Recycling Austria vs Il‑Kummissjoni, T‑419/03, Ġabra p. II‑975, punt 152). Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur ikkonstatat, rispettivament fil-premessi 1210 sa 1220 u 1221 sa 1223 tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti relatat mal-assenza ta’ riferiment, fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, tal-gravità u tat-tul tal-ksur ikkonstatat għandu jiġi miċħud bħala infondat.

225    It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, minn naħa, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 217 iktar ’il fuq, il-fatt li minħabba l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, ċerti fatturi bħall-gravità u t-tul tal-ksur ma humiex riflessi b’mod effettiv fl-ammont tal-multa imposta fuq parteċipant tal-ksur, bil-kontra ta’ parteċipanti oħra li ma bbenefikawx mit-tnaqqis bis-saħħa tal-imsemmi limitu, ma huwiex ħlief sempliċi konsegwenza tal-applikazzjoni ta’ dan il-limitu superjuri għall-ammont finali tal-multa imposta. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li s-sempliċi fatt li l-multa imposta fl-aħħar nett tammonta għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti, filwaqt li din il-perċentwali hija iktar baxxa għal parteċipanti oħra fl-akkordju, ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, din il-konsegwenza hija inerenti għall-interpretazzjoni tal-limitu ta’ 10 % bħala sempliċi limitu massimu awtorizzat li huwa applikat wara tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti jew minħabba l-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il‑Kummissjoni, T‑211/08, Ġabra p. II‑3729, punt 74). Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

226    Ir-raba’ nett, għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-Kummissjoni nnifisha ma hijiex ċerta mil-legalità tal-Linji gwida tal-2006, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jikkontribwixxix sabiex jiġi pprovat il-ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

227    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv.

4.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament inkwantu l-Kummissjoni injorat il-prassi deċiżjonali preċedenti

228    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament peress li l-paragun bejn, minn naħa, il-każ ineżami u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Lulju 2009, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Il-Każ COMP/39.396 — il-Karbur tal-Kalċju u rijaġenti bbażati fuq il-manjeżju għall-industriji tal-azzar u tal-gass), tal‑11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tat-Trattat ŻEE (Il-Każ COMP/38.543 — Servizzi ta’ Ġarr Internazzjonali), tas-7 ta’ Ottubru 2009, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/39.129 — Transformers tal-Elettriku), u tal-11 ta’ Ġunju 2008, dwar proċedimenti skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 taż-ŻEE (Każ COMP/38.695 — Klorat tas-Sodju), b’mod li juri li l-Kummissjoni ttrattat bl-istess mod sitwazzjonijiet li kienu differenti. Fil-fehma tagħha, minkejja li l-grad ta’ gravità tal-ksur ikkonstatat kien differenti ħafna minn dak tal-ksur inkwistjoni fl-imsemmija deċiżjonijiet preċedenti, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammonti bażiċi, il-Kummissjoni ffissat proporzjoni tal-valur tal-bejgħ kważi identiku bejn 15 u 19 %.

229    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti esposti mir-rikorrenti insostenn tar-raba’ motiv.

230    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma sservix bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa ddefinit mill-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, kif kompletat mil-Linji gwida (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, T‑329/01, Ġabra p. II‑3255, punt 108, u l-ġurisprudenza ċċitata).

231    Barra minn hekk, fir-rigward tal-marġni diskrezzjonali wiesa’ li għandha l-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, is-sempliċi fatt li hija qieset, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, li aġir jiġġustifika multa ta’ ċertu ammont ma jimplika bl-ebda mod li hija obbligata tagħmel l-istess evalwazzjoni f’deċiżjoni li tittieħed sussegwentement (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Archer Daniels Midland, punt 230 iktar ’il fuq, punti 109 u 110, u l-ġurisprudenza ċċitata).

232    Għaldaqstant, f’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li s-sempliċi invokazzjoni mir-rikorrenti tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt 228 iktar ’il fuq hija fiha nnifisha ineffettiva, sa fejn il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tevalwa bl-istess mod din il-kawża.

233    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

5.     Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċitajiet ekonomiċi limitati tar-rikorrenti

234    Ir-rikorrenti ssostni li fl-2009 l-uniku sit ta’ produzzjoni tagħha kien, fil-parti l-kbira tiegħu, inqered minn nirien, u r-riżultat ta’ dan kien li kwalunkwe produzzjoni kienet impossibbli għal diversi xhur u s-sitwazzjoni finanzjarja u r-riżultati tagħha kienu ddeterjoraw b’mod sinjifikattiv. Hija ssostni wkoll li talbet lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċitajiet ekonomiċi limitati tagħha waqt il-kalkolu tal-ammont tal-multa, iżda madankollu din la rreferiet għal din it-talba u lanqas eżaminat l-argumenti tagħha fid-deċiżjoni kkontestata. Hija tqis li, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammont tal-multa kellu jitnaqqas fir-rigward tagħha u dan anki jekk id-dħul mill-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkolata l-multa qies il-kapaċitajiet ekonomiċi limitati tagħha.

235    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti esposti mir-rikorrenti insostenn tal-ħames motiv.

236    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti jieħu inkunsiderazzjoni ta’ tnaqqis possibbli fid-dħul mill-bejgħ fl-2009 li seta’ jirriżulta min-nirien li qerdu l-uniku sit ta’ produzzjoni tagħha fl-2009. Fil-fatt, għalkemm mill-premessa 1200 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li huwa l-valur tal-bejgħ tas-sena finanzjarja 2003 li ntuża sabiex jiġi kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa, madankollu fil-premessa 1262 tal-imsemmija deċiżjoni hemm iċċarat li huwa abbażi tad-dħul mill-bejgħ tal-2009, is-sena li ħakmu n-nirien, li ġie kkalkolat il-limitu ta’ 10 % previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

237    It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-ilment dwar l-assenza tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċitajiet ekonomiċi tar-rikorrenti, huwa importanti li jiġi kkonstatat li matul il-proċedimenti amministrattivi din tal-aħħar ma kienet ipproduċiet ebda prova tali li tistabbilixxi, fir-rigward tal-punt 35 tal-Linji gwida tal-2006, li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha kienet tali li l-vijabbiltà tagħha kienet ipperikolata b’mod irrimedjabbli bl-impożizzjoni ta’ multa.

238    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti l-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

239    Mill-eżami tal-ewwel, it-tieni, ir-raba’, il-ħames u s-sitt motiv imqajma insostenn tat-talbiet għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ għal dak li jirrigwarda t-tielet parti tiegħu u li l-partijiet l-oħra tal-imsemmi motiv flimkien mat-tieni, ir-raba’, il-ħames u s-sitt motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati jew ineffettivi.

240    Għal dak li jirrigwarda l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mit-talbiet għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, fil-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu, li r-rikorrenti kienet kisret l-Artikolu 101 TFUE billi pparteċipat fi ksur fit-territorji tal-Ġermanja u tal-Awstrija. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li peress li l-Kummissjoni ma rripproduċietx f’dan l-Artikolu l-iżbalji li wettqet fl-istadju tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, għal dak li jirrigwarda l-portata ġeografika tal-ksur li din tal-aħħar akkużata bih, l-imsemmi Artikolu ma huwiex ivvizzjat minn illegalità. Għaldaqstant, l-imsemmija talbiet għall-annullament parzjali għandhom jiġu miċħuda sa fejn huma intiżi għall-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata.

241    It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, fid-dawl tal-konklużjonijiet misluta fil-punt preċedenti, minn fejn jirriżulta li l-rikorrenti kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE, huwa ġust li, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 msemmi fil-premessa 1182 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet, fl-Artikolu 2(6) tal-imsemmija deċiżjoni, li timponi multa fuq ir-rikorrenti. Għaldaqstant, it-talbiet għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda sa fejn huma intiżi għall-Artikolu 2(6) tal-imsemmija deċiżjoni.

242    Min-naħa l-oħra, sakemm l-Artikolu 2(6) tad-deċiżjoni kkontestata jiffissa l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti, sal-punt fejn taħt it-tieni kap tat-talbiet ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali, sussidjarjament, sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, din ser tislet il-konsegwenzi tal-iżbalji ta’ evalwazzjoni, kkonstatati fil-punt 167 iktar ’il fuq, rigward id-determinazzjoni tal-imsemmi ammont, fil-kuntest tal-eżami tal-imsemmi kap tat-talbiet.

243    Mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 240 sa 242 iktar ’il fuq jirriżulta li t-talbiet għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

C –  Fuq it-talbiet, ippreżentati b’mod sussidjarju, intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

244    Fid-dawl tat-tieni kap tat-talbiet li permezz tiegħu r-rikorrenti titlob, sussidjarjament, lill-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, huwa l-kompitu tagħha, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li teżamina, minn naħa, il-konsegwenzi misluta mill-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni, li huma esposti fil-punti 156 sa 168 iktar ’il fuq, dwar il-kalkolu tal-ammont tal-multa li hija imponiet fuq ir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, l-argumenti l-oħra li din tal-aħħar tippreżenta bl-għan li tikseb tnaqqis, mill-Qorti Ġenerali, tal-ammont tal-multa imposta fuqha.

1.     Fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-iżball imwettaq mill-Kummissjoni dwar l-ammont tal-multa

245    Fir-rigward taż-żewġ żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, kif irrilevati fil-punt 167 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 261 TFUE u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, li tissostitwixxi, għal dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma’ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi KME et vs Il‑Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 103, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Romana Tabacchi vs Il‑Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 265).

246    F’dan ir-rigward, minkejja li l-Linji gwida tal-2006 ma jaffettwawx l-evalwazzjoni tal-multi mill-qorti tal-Unjoni meta din tieħu deċiżjoni bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il‑Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punt 169), il-Qorti Ġenerali tqis xieraq, f’dan il-każ, li tispira ruħha minnha sabiex tikkalkola mill-ġdid l-ammont tal-multa, b’mod partikolari minħabba l-fatt li huma jippermettu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha f’dan il-każ u li jiġu imposti multi proporzjonati għall-impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur ikkonstatat.

247    F’dan il-każ, l-ewwel nett, kif jirriżulta mill-eżami tat-tielet parti tal-ewwel motiv fil-punti 156 sa 168 iktar ’il fuq, iż-żewġ żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni jinsabu fl-iffissar min-naħa tagħha, għall-finijiet ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, għal 15 % tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksurˮ u “ammont addizzjonaliˮ, fir-rigward tal-karatteristiċi essenzjali biss tal-ksur ikkonstatat jiġifieri, b’mod partikolari, il-portata ġeografika tiegħu inkwantu kien ikopri t-territorju ta’ sitt Stati Membri. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma pproduċietx prova li l-Kummissjoni żbaljat meta applikat il-fatturi l-oħra ta’ kalkolu tal-imsemmija multa. Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni dwar il-kalkolu tal-ammont tal-multa, huwa l-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma tagħha, sa fejn jikkonċerna biss l-iffissar tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksurˮ u “ammont addizzjonaliˮ.

248    It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni ġustament qieset, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) u mill-premessi 872 u 873 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet ipparteċipat, bejn is-6 ta’ Marzu 1998 u d-9 ta’ Novembru 2004, fi ksur uniku u kontinwat, li kien jikkonsisti f’akkordju sigriet intiż li jikkoordina ż-żidiet fil-prezzijiet futuri tat-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq, fit-territorji tal-Ġermanja u tal-Awstrija.

249    Barra minn hekk, fid-dawl mhux biss tan-natura tiegħu, iżda wkoll tal-portata ġeografika tiegħu, fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri, u tal-fatt li huwa dam għaddej, saħansitra kważi seba’ snin, ksur bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ jinsab fost dawk l-iktar serji. Issa, fid-dawl tal-fatt li, skont il-punt 23 tal-Linji gwida tal-2006, dawn ir-restrizzjonijiet tal-aħħar jiġġustifikaw li titqies proporzjoni mill-valur tal-bejgħ fil-quċċata tal-iskala minn 0 sa 30 %, il-Qorti Ġenerali hija tal-fehma li l-proporzjoni meqjusa f’dan il-każ, jiġifieri 15 %, tikkorrispondi għall-minimu fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011, Team Relocations vs Il‑Kummissjoni, T‑204/08 u T‑212/08, Ġabra p. II‑3569, punti 94, 100 u 118).

250    Għaldaqstant, fir-rigward tal-Linji gwida tal-2006 u tal-evalwazzjonijiet esposti fil-punt preċedenti, sabiex jiġi kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq, skont il-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, li tiffissa għal 15 % tal-valur tal-bejgħ tagħha tal-prodotti inkwistjoni fit-territorju tal-Ġermanja u tal-Awstrija, minn naħa, il-koeffiċjent “gravità tal-ksurˮ u, min-naħa l-oħra, il-koeffiċjent “ammont addizzjonaliˮ.

251    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 245 sa 250 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ffissat l-ammont totali tal-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti, għal dak li jikkonċerna l-ksur uniku u kontinwat li hija pparteċipat fih fil-Ġermanja u fl-Awstrija, għal EUR 12 517 671.

2.     Fuq l-argumenti addizzjonali mqajma mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet għat-tibdil tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha

252    F’dan ir-rigward huwa importanti li jitfakkar li, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. L-ewwel nett, din l-evalwazzjoni għandha titwettaq fl-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Romana Tabacchi vs Il‑Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 280) jew anki l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 187).

253    Imbagħad mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u li, abbażi ta’ dan, bl-eċċezzjoni ta’ motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti tal-Unjoni hija obbligata tqajjem ex officio, bħall-assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa l-obbligu tar-rikorrent li jqajjem il-motivi kontra din tal-aħħar u li jipproduċi l-provi insostenn tal-motivi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 64).

254    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġie rrilevat fil-punt 49 iktar ’il fuq, it-tielet motiv tqajjem mir-rikorrenti insostenn tat-tieni kap tat-talbiet u, minħabba f’hekk, huwa intiż sabiex isostni t-talba tar-rikorrenti intiża għat-tibdil tal-ammont tal-multa.

255    Insostenn tat-tielet motiv, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa billi applikat koeffiċjenti “gravità tal-ksurˮ u “ammont addizzjonaliˮ uniċi, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni sitt ċirkustanzi li ġejjin, li jikkaratterizzaw il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ikkonstatat. Għal dan il-għan, hija ssostni li, l-ewwel nett, hija pparteċipat biss fl-imsemmi ksur f’żewġ Stati Membri, it-tieni nett, l-ilment li sar kontriha kien jikkonċerna biss wieħed mit-tlett sotto-gruppi ta’ prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq, it-tielet nett, dan is-sotto-grupp kien is-suġġett ta’ ftehim inqas intens minn dak tad-diviżorji tad-doċċa, ir-raba’ nett, il-parteċipazzjoni tagħha ma kellhiex portata multinazzjonali, il-ħames nett, hija la kienet tagħmel parti mill-instigaturi tal-akkordju, la mill-grupp ċentrali ta’ impriżi u lanqas mill-impriżi li kienu jiftiehmu b’mod bilaterali qabel l-implementazzjoni tal-akkordju fil-kuntest tal-laqgħat tal-assoċjazzjonijiet u, is-sitt nett, hija pparteċipat għal-laqgħat ta’ tliet assoċjazzjonijiet biss.

256    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti esposti mir-rikorrenti insostenn tat-tielet motiv.

257    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li s-sitt ċirkustanzi msemmija mir-rikorrenti sabiex jikkaratterizzaw il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ikkonstatat jirripproduċu, għall-inqas fis-sustanza, uħud mill-argumenti li hija esponiet diġà, fil-kuntest tal-ewwel motiv, invokat ukoll insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet. Issa, mill-eżami tal-Qorti Ġenerali tal-imsemmi motiv jirriżulta li, bl-eċċezzjoni tal-argument ibbażat fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni rigward il-portata ġeografika tal-ksur li r-rikorrenti pparteċipat fih (it-tielet parti tal-ewwel motiv), l-imsemmija argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati jew ineffettivi.

258    It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li t-tielet parti tal-ewwel motiv hija riprodotta mir-rikorrenti taħt l-ewwel ċirkustanza msemmija taħt it-tielet motiv. Issa, l-imsemmija ċirkustanza, li tibbaża fuq il-portata ġeografika limitata għall-Ġermanja u l-Awstrija, tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur li hija akkużata bih, diġà ġiet eżaminata mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 247 sa 251 iktar ’il fuq, abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, sabiex jinbidel, eventwalment, l-ammont tal-multa.

259    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

260    Fit-tieni lok, minn naħa, il-Qorti Ġenerali tqis, abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li la ebda wieħed mill-elementi invokati mir-rikorrenti fi kwalunkwe titolu f’din il-kawża u lanqas ebda motiv ta’ ordni pubbliku, ma jiġġustifika li jsir użu mill-imsemmija setgħa, sabiex jitnaqqas b’mod xieraq l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti, kif hija ffissatu fil-punt 251 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tqis li, fid-dawl tal-elementi kollha mressqa quddiemha, multa ta’ EUR 12 517 671 tikkostitwixxi, fid-dawl tat-tul u tal-gravità tal-ksur li r-rikorrenti pparteċipat fih, sanzjoni xierqa li tippermetti t-trażżin, b’mod proporzjonali u dissważiv, tal-aġir antikompetittiv tagħha.

261    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, għal dak li jirrigwarda t-talbiet, ippreżentati b’mod sussidjarju, intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, fl-Artikolu 2(6) tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-imsemmi ammont huwa identiku għal dak iffissat mill-Qorti Ġenerali, abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fil-punt 251 iktar ’il fuq, dawn it-talbiet għandhom jiġu miċħuda.

262    Fid-dawl tal-konklużjonijiet misluta fil-punti 243 u 261 iktar ’il fuq, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

263    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

264    Għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill, għandu jitfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, il-Kunsill, bћala parti intervenjenti, gћandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Aloys F. Dornbracht GmbH & Co. KG, għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Pelikánová

Jürimäe

van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Settembru 2013.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawżaII – 2

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijietII – 7

Id-drittII – 8

I –  Fuq l-ammissibbiltàII – 8

II –  Fuq il-mertuII – 12

A –  Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ illegalitàII – 12

1.  Fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq l-illegalità tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003II – 12

2.  Fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq l-illegalità tal-Linji gwida tal-2006II – 14

B –  Fuq it-talbiet, imressqa b’mod prinċipali, intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestataII – 16

1.  Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattivitàII – 16

2.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-ksur li r-rikorrenti hija akkużata bih u fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhaII – 19

a)  Fuq l-iżbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-ksur li r-rikorrenti hija akkużata bihII – 19

Fil-kuntest tas-sitt, tas-seba’ u tat-tmien parti tal-ewwel motiv, ibbażati fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti, fl-Awstrija, fil-ksur ikkonstatatII – 19

–  Fil-kuntest tas-seba’ parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-allinjament mir-rikorrenti tal-prezzijiet ipprattikati fl-Awstrija fuq dawk ipprattikati fil-ĠermanjaII – 20

–  Fil-kuntest tas-sitt parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-iskambju ta’ informazzjoni fl-AwstrijaII – 22

–  Fil-kuntest tat-tmien parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-portata tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordjuII – 22

Fil-kuntest tar-raba’ u tal-ħdax-il parti tal-ewwel motiv, ibbażati fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUEII – 24

–  Fil-kuntest tar-raba’ parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-koordinazzjoni tal-prezzijiet kienet tissodisfa talba tal-klijentelaII – 26

–  Fil-kuntest tal-ħdax-il parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-benefiċċji tat-trasparenza fis-suq għall-kompetizzjoniII – 27

b)  Fuq l-iżbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrentiII – 29

Fil-kuntest tal-ewwel, tat-tielet, tal-ħames, tad-disa’ u tal-għaxar parti tal-ewwel motiv, ibbażati fuq żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-gravità tal-ksur ikkonstatatII – 30

–  Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li r-rikorrenti kienet timmanifattura biss oġġetti li jaqgħu taħt wieħed mit-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti koperti mill-ksur ikkonstatatII – 30

–  Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li r-rikorrenti ma kellhiex għarfien tal-ksur ikkonstatat u pparteċipat fih biss fi tnejn mis-Stati Membri li dan kien ikopriII – 31

–  Fil-kuntest tal-ħames parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-intensità mhux sinjifikattiva tal-ftehim dwar viti u fittingsII – 33

–  Fil-kuntest tad-disa’ parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-akkordju ma setax jagħmel ħsara lis‑swieq downstreamII – 34

–  Fil-kuntest tal-għaxar parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-akkordju ma għamilx ħsara lill-ekonomijaII – 37

Fil-kuntest tat-tieni, t-tnax u t-tlettax-il parti tal-ewwel motiv, ibbażati fuq żbalji ta’ evalwazzjoni rigward iċ-ċirkustanzi attenwanti tar-rikorrenti stessII – 38

–  Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-rwol emulattiv tar-rikorrentiII – 38

–  Fil-kuntest tat-tnax-il parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs medju tar-rikorrentiII – 40

–  Fuq it-tlettax-il parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni tar-rikorrentiII – 40

3.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % imsemmi fl-Artikolu 23(2) tal-imsemmi regolament.II – 41

4.  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament inkwantu l-Kummissjoni injorat il-prassi deċiżjonali preċedentiII – 44

5.  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċitajiet ekonomiċi limitati tar-rikorrentiII – 45

C –  Fuq it-talbiet, ippreżentati b’mod sussidjarju, intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrentiII – 47

1.  Fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-iżball imwettaq mill-Kummissjoni dwar l-ammont tal-multaII – 47

2.  Fuq l-argumenti addizzjonali mqajma mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet għat-tibdil tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhaII – 48

Fuq l-ispejjeżII – 50


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1 –      Data kunfidenzjali mħassra.