Language of document : ECLI:EU:C:2010:561

Kawża C-104/09

Pedro Manuel Roca Álvarez

vs

Sesa Start España ETT SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia)

“Politika soċjali — Trattament ugwali tal-ħaddiema rġiel u tal-ħaddiema nisa — Direttiva 76/207/KEE — Artikoli 2 u 5 — Dritt għal leave ta’ ommijiet impjegati — Possibbiltà ta’ użu mill-omm impjegata jew mill-missier impjegat — Omm mhux impjegata — Esklużjoni tad-dritt għal leave għall-missier impjegat”

Sommarju tas-sentenza

Politika soċjali — Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol — Trattament ugwali

(Direttiva tal-Kunsill 76/207, Artikoli 2(1), (3) u (4), u (5)

L-Artikolu 2(1), (3) u (4), u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 76/207, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens illi jipprekludu miżura nazzjonali li tistipula illi l-ħaddiema nisa, ommijiet ta’ tarbija u li għandhom l-istatus ta’ impjegat, jistgħu jibbenefikaw minn leave, skont diversi modalitajiet, matul l-ewwel disa’ xhur wara t-twelid ta’ din it-tarbija, filwaqt li ħaddiema rġiel, missirijiet ta’ tarbija u li għandhom l-istess status, ma jistgħux jibbenefikaw mill-istess leave ħlief meta l-omm ta’ din it-tarbija jkollha wkoll l-istatus ta’ impjegat.

Fil-fatt, peress illi l-leave jista’ jittieħed kemm mill-missier impjegat kif ukoll mill-omm impjegata, li jfisser illi n-nutrizzjoni u l-kura tat-tarbija jistgħu jingħataw kemm mill-missier kif ukoll mill omm, tali leave jidher li jingħata lill-ħaddiema fil-kwalità tagħhom ta’ ġenituri tat-tarbija. Għaldaqstant ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jiżgura l-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara wara t‑tqala tagħha jew il-protezzjoni tar-relazzjonijiet speċjali bejn l-omm u t-tarbija tagħha. Barra minn hekk, il-fatt li l-benefiċċju tal-leave inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa miċħud lill-missirijiet li għandhom l-istatus ta’ impjegat, minħabba l-fatt biss illi omm it-tarbija ma hijiex impjegata wkoll, jista’ jkollu bħala effett illi mara li taħdem għal rasha, ikollha tillimita l-attività professjonali tagħha u terfa’ waħidha l-piż li jirriżulta mit-twelid tat-tarbija tagħha, mingħajr ma tkun tista’ tirċievi għajnuna minn missier it-tarbija. Konsegwentement, tali miżura ma tistax tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha l-effett li telimina jew li tnaqqas l-inugwaljanzi fattwali li jistgħu jeżistu għan-nisa, fir-realtà tal-ħajja soċjali, skont l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 76/207, u lanqas bħala miżura intiża sabiex twassal għal ugwaljanza sostanzjali u mhux formali billi tnaqqas l‑inugwaljanzi fattwali li jistgħu jeżistu fil-ħajja soċjali u, b’hekk, tipprevjeni jew tikkumpensa, skont l-Artikolu 157(4) TFUE, għal żvantaġġi fil-karriera professjonali tal-persuni kkonċernati.

(ara l-punti 31, 37, 38, 39 u d-dispożittiv)