Language of document : ECLI:EU:C:2024:184

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

29 ta’ Frar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ta’ Asoċjazzjoni KE‑Alġerija – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti Alġerini u s-superstiti tagħhom – Trasferiment ta’ benefiċċji lejn l-Alġerija bir-rati applikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru debitur – Benefiċċji tas-superstiti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika l-prinċipju tal-pajjiż ta’ residenza – Klawżola ta’ residenza li tinkludi tnaqqis tal-ammont tal-benefiċċju tas-superstiti għall-benefiċjarji residenti fl-Alġerija”

Fil-Kawża C‑549/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa miċ-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Awwissu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Awwissu 2022, fil-proċedura

X

vs

Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl, J. Passer u M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Ġunju 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għar-Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank, minn C. Speear, W. van den Berg u M. Van der Ent-Eltink, bħala konsulenti,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u H. S. Gijzen, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann, D. Martin u F. van Schaik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Ottubru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 68(4) tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra (ĠU 2005, L 265, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn X u r-Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank (il-Bord tad-Diretturi tal-Bank tas-Sigurtà Soċjali, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“SVB”) dwar it-tnaqqis tal-ammont tal-benefiċċju tas-superstiti mħallas lil X minħabba r-residenza tagħha fl-Alġerija.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IlFtehim ta’ Assoċjazzjoni KEAlġerija

3        Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija ġie ffirmat f’Valencia (Spanja) fit‑22 ta’ April 2002 u approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/690/KE, tat‑18 ta’ Lulju 2005 (ĠU 2006, L 173M, p. 1). Skont l-Artikolu 110(1) tiegħu, huwa daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Settembru 2005, kif jirriżulta mill-informazzjoni ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2006, L 173M, p. 112). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 110(2) tiegħu, mid-dħul fis-seħħ tiegħu, huwa ssostitwixxa l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, iffirmat fl-Alġeri (l-Alġerija) fis‑26 ta’ April 1976 u approvat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2210/78, tas‑26 ta’ Settembru 1978 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 13, p. 40, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Kooperazzjoni KEE‑Alġerija”).

4        L-Artikolu 1 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija jipprevedi:

“1.      Hija stabbilita assoċjazzjoni bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Alġerija, min-naħa l-oħra.

2.      L-għanijiet ta’ dan il-ftehim huma:

–        jipprovdi qafas xieraq għad-djalogu politiku bejn il-Partijiet sabiex jippermetti li jissaħħu r-relazzjonijiet tagħhom u l-kooperazzjoni tagħhom fl-oqsma kollha li huma jikkunsidraw rilevanti,

–        jippromwovi l-kummerċ u l-espansjoni ta’ relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali armonjużi bejn il-Partijiet u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal-liberalizzazzjoni gradwali tal-kummerċ fi prodotti, servizzi u kapital,

–        jiffaċilita l-iskambji umani, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi,

–        jinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-pajjiżi tal-Magreb billi jiffaċilita l-kummerċ u l-kooperazzjoni fi ħdan il-grupp tal-Magreb kollu u bejnu u l-Komunità u l-Istati Membri tagħha,

–        jippromwovi l-kooperazzjoni fil-qasam ekonomiku, soċjali, kulturali u finanzjarju.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        L-Artikolu 68 ta’ dan il-Ftehim huwa fformulat kif ġej:

“1.      B’riżerva għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi segwenti, il-ħaddiema ta’ nazzjonalità Alġerina u l-membri tal-familja tagħhom li joqogħdu magħhom għandhom jibbenefikaw, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, minn trattament ħieles minn kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità meta mqabbla ma’ ċittadini tal-Istati Membri fejn ikunu impjegati.

Il-kunċett ‘sigurtà soċjali’ għandu jkopri l-fergħat tas-sigurtà soċjali li jirrigwardaw il-benefiċċji tal-mard u tal-maternità, l-invalidità, il-benefiċċji tax-xjuħija u tas-superstiti, il-benefiċċji tal-inċidenti industrijali u mard ikkaġunat mix-xogħol u l-benefiċċji tal-mewt, tal-qgħad u tal-familja.

Dawn id-dispożizzjonijiet, madankollu, ma għandhomx irendu applikabbli ir-regoli ta’ koordinazzjoni oħra pprovduti fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità bbażata fuq l-Artikolu [42]tat-Trattat [FUE] li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ħlief skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 70 tal-Ftehim.

[…]

4.      Il-ħaddiema inkwistjoni għandhom ikunu jistgħu jittrasferixxu liberament lejn l-Alġerija, bir-rati applikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru jew Stati Membri debituri, kwalunkwe pensjonijiet jew annwalitajiet fir-rigward tax-xjuħija, tal-istatus ta’ superstiti, tal-inċidenti industrijali jew tal-mard ikkaġunat mix-xogħol, ħlief fil-każ ta’ benefiċċji speċjali mhux kontributorji.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

[…]”

6        L-Artikolu 70 tal-imsemmi ftehim jipprovdi li:

“1.      Qabel tmiem l-ewwel sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni għandu jadotta dispożizzjonijiet biex jimplimenta l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 68.

2.      Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni għandu jadotta regoli dettaljati għall-kooperazzjoni amministrattiva li tipprovdi l-garanziji għall-ġestjoni u s-superviżjoni neċessarji għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Labbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

7        Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/699/UE tal‑21 ta’ Ottubru 2010 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali (ĠU 2010, L 306, p. 14), tinkludi, fl-anness, abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni”) li huwa intiż li jimplementa l-Artikolu 70 ta’ dan il-ftehim.

8        Dan l-abbozz ġie adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni anness mal-proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea fit‑12 ta’ Diċembru 2007 (COM (2007) 790 final).

9        L-Artikolu 1(1) tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

[…]

(i)      ‘benefiċċji esportabbli” tfisser,

(i)      fir-rigward tal-Istati Membri:

[…]

–        il-pensjonijiet tas-superstiti,

[…]

fis-sens tar-[Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72 )], bl-eċċezzjoni ta’ benefiċċji speċjali mhux kontributorji fi flus kif elenkati fl-Anness X għar-Regolament;

[…]”

10      L-Artikolu 2 ta’ dan l-abbozz, intitolat “Persuni koperti” jipprovdi:

“Din id-deċiżjoni għandha tapplika:

(a)      għall-ħaddiema li huma ċittadini Alġerini u li huma jew kienu impjegati legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u li huma jew li kienu soġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, u s-superstiti tagħhom,

[…]”

11      L-Artikolu 4 tal-imsemmi abbozz, intitolat “Revoka ta’ Klawsoli ta’ Residenza”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-benefiċċji esportabbli fit-tifsira tal-Artikolu 1(1)(i) li għalihom għandhom id-dritt il-persuni msemmija fl-Artikolu 2(a) u (c) m’għandhom ikunu soġġetti għal ebda tnaqqis, modifika, sospensjoni, irtirar jew konfiska minħabba l-fatt li l-benefiċjarju jkun qiegħed jirresjedi,

(i)      għall-fini ta’ benefiċċju skont il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, fit-territorju tal-Alġerija, jew

(ii)      għall-fini ta’ benefiċċju skont il-leġislazzjoni tal-Alġerija, fit-territorju ta’ Stat Membru.”

 Iddritt Olandiż

 LANW

12      L-Artikolu 14(1) tal-Algemene nabestaandenwet (il-Liġi Ġenerali dwar l-Assigurazzjoni tas-Superstiti, iktar ’il quddiem l-“ANW”) huwa fformulat kif ġej:

“Il-qarib superstiti huwa intitolat għall-benefiċċju tas-superstiti jekk huwa jew hija:

a.      ikollu wild mhux miżżewweġ taħt l-età ta’ 18-il sena, liema wild ma jkunx jgħix ma’ familja ta’ persuna oħra; jew

b.      ikun f’pożizzjoni ta’ inkapaċità għax-xogħol.

[…]”

13      L-Artikolu 17(1) u (3) tal-ANW, kif emendata bil-Wet woonlandbeginsel in de sociale zekerheid (il-Liġi dwar il-Prinċipju tal-Pajjiż ta’ Residenza fis-Sigurtà Soċjali), li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2012, jipprovdi:

“1.      Il-benefiċċju tas-superstiti gross għandu jiġi ffissat għal ammont tali li, wara t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-paga u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li għandhom jitnaqqsu f’ras il-għajn fuq dan l-ammont għal persuna li għadha ma laħqitx l-età tal-irtirar, b’teħid inkunsiderazzjoni biss tal-kreditu ta’ taxxa ġenerali msemmi fl-Artikolu 22 tal-Wet op de loonbelasting 1964 (il-Liġi tal‑1964 dwar it-Taxxa fuq il-Paga), il-benefiċċju tas-superstiti nett ikun ekwivalenti għal 70 % tal-paga minima netta.

[…]

3.      Għal qarib superstiti li jirrisjedi barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, jew barra minn wieħed mill-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea, jew barra minn Stat kontraenti għal-Ftehim [taż-Żona Ekonomika Ewropea] jew barra mill-Isvizzera, il-benefiċċju tas-superstiti gross għandu jkun perċentwali ffissat b’ordni ministerjali tal-ammont stabbilit skont il-paragrafi 1, 2 jew 5. Il-perċentwali għandu jiġi stabbilit b’mod li jirrifletti r-relazzjoni bejn il-livell ta’ spejjeż tal-pajjiż fejn jirrisjedi s-superstiti u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi. Il-perċentwali ma għandux jaqbeż il‑100 %.”

 IrRegolament dwar ilPrinċipju talPajjiż ta’ Residenza

14      L-Artikolu 1 tar-Regeling woonlandbeginsel in de sociale zekerheid 2012 (ir-Regolament tal‑2012 dwar il-Prinċipju tal-Pajjiż ta’ Residenza fis-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-prinċipju tal-pajjiż ta’ residenza”) jipprovdi:

“Il-perċentwali msemmi […] fl-Artikolu 17(3) […] tal-ANW […] għal pajjiż ta’ residenza li ma huwiex:

a.      Il-Pajjiżi l-Baxxi,

b.      wieħed mill-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea,

c.      wieħed mill-Istati l-oħra partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u

d.      L-Isvizzera

jammonta għall-perċentwali li jinsab fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.”

15      Skont l-Anness ta’ dan ir-regolament, għal dak li jirrigwarda l-Alġerija, il-fattur tal-pajjiż ta’ residenza msemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament dwar il-prinċipju tal-pajjiż ta’ residenza għandu jkun ta’ 60 % mill‑1 ta’ Jannar 2013 u ta’ 40 % mill‑1 ta’ Jannar 2016.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

16      X tirrisjedi fl-Alġerija. Il-konjuġi tagħha ħadem fil-Pajjiżi l-Baxxi u kien assigurat taħt l-ANW fil-mument tal-mewt tiegħu. Bħala superstiti tal-konjuġi tagħha, hija għandha dritt għal benefiċċju tas-superstiti taħt l-ANW mill‑1 ta’ Jannar 1999.

17      Permezz ta’ deċiżjonijiet tad‑19 ta’ Settembru 2018, minn naħa, is-SVB, wara sentenza tar-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) tal‑10 ta’ Novembru 2016, stabbilixxa mill-ġdid, b’effett retroattiv, il-benefiċċju tas-superstiti ta’ X li kien intemm fl‑1 ta’ Novembru 2012. Min-naħa l-oħra, is-SVB informa lil X li dan il-benefiċċju tas-superstiti kien ser jitnaqqas mill‑1 ta’ Jannar 2013 minħabba li, minn din id-data, dan kellu jitħallas skont il-prinċipju tal-pajjiż ta’ residenza, jiġifieri skont perċentwali li jirrifletti l-livell tal-għoli tal-ħajja f’dan il-pajjiż meta mqabbel mal-għoli tal-ħajja fil-Pajjiżi l-Baxxi. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness tar-Regolament dwar il-prinċipju tal-pajjiż ta’ residenza, dan il-perċentwali ġie stabbilit, għall-Alġerija, għal 60 % tal-ammont massimu tal-benefiċċju tas-superstiti mill‑1 ta’ Jannar 2013, u għal 40 % tal-imsemmi ammont massimu mill‑1 ta’ Jannar 2016.

18      X ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni, li ġie ddikjarat infondat permezz ta’ deċiżjoni tas-SVB tal‑4 ta’ Diċembru 2018.

19      Peress li r-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) iddikjarat infondat ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar, X appellat quddiem iċ-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju.

20      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija jipprekludix it-tnaqqis tal-ammont tal-benefiċċju tas-superstiti ta’ X, ibbażat fuq il-prinċipju tal-pajjiż ta’ residenza.

21      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, din il-qorti għandha dubji dwar jekk persuna bħal X taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-dispożizzjoni. Hija tenfasizza li din tal-aħħar, kuntrarjament għall-Artikolu 68(1) u (3) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija, tirreferi biss għall-ħaddiema u mhux għall-membri tal-familja tagħhom.

22      Barra minn hekk, fil-każ li s-superstiti, bħala benefiċjarji ta’ benefiċċji, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 68(4) ta’ dan il-ftehim, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk humiex biss is-superstiti residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi li jibbenefikaw mit-trasferiment liberu tal-ammonti tal-benefiċċji tagħhom lejn l-Alġerija jew jekk, kif hija għandha tendenza li tikkunsidra, dawk residenti fl-Alġerija jistgħux ukoll jinvokaw din id-dispożizzjoni.

23      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija għandux effett dirett. Fil-fehma tagħha, l-Artikolu 68 ta’ dan il-ftehim jipprevedi ċertu numru ta’ prinċipji ġenerali, iżda, skont l-Artikolu 70 tal-imsemmi ftehim, il-kontenut materjali preċiż ta’ dawn il-prinċipji u l-modalitajiet ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati partijiet għall-istess ftehim huma rregolati minn deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni. Madankollu, din il-qorti tqis li, b’analoġija b’mod partikolari mas-sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 1991, Kziber (C‑18/90, EU:C:1991:36), u tal‑5 ta’ April 1995, Krid (C‑103/94, EU:C:1995:97), kif ukoll id-digrieti tat‑13 ta’ Ġunju 2006, Echouikh (C‑336/05, EU:C:2006:394), u tas‑17 ta’ April 2007, El Youssfi (C‑276/06, EU:C:2007:215), in-neċessità li tiġi adottata tali deċiżjoni ma tipprekludix li ċerti elementi ta’ dan l-Artikolu 68, bħall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, li tinsab fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, jista’ jkollhom effett dirett.

24      Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija, il-qorti tar-rinviju tqis li la l-kliem u lanqas l-għan u n-natura tiegħu, kif jirriżultaw mill-Artikolu 1 tiegħu, ma jipprekludu r-rikonoxximent tal-effett dirett ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, hija tirrikonoxxi li l-obbligu li jiġu esportati l-benefiċċji favur persuni residenti fl-Alġerija jista’ jkun suġġett, fl-eżekuzzjoni tiegħu, għall-intervent ta’ att ulterjuri, jiġifieri att li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva li tiżgura l-garanziji ta’ ġestjoni u ta’ kontroll neċessarji msemmija fl-Artikolu 70(2) ta’ dan il-ftehim.

25      Finalment, it-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija jipprekludix tnaqqis tal-benefiċċji skont il-prinċipju tal-pajjiż ta’ residenza. Hija tqis li, minkejja li l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni anness mal-proposta msemmija fil-punt 8 ta’ din is-sentenza għadu ma ġiex adottat, l-Artikolu 4 tiegħu jista’ jipprovdi indikazzjonijiet dwar il-portata tal-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija li jissuġġerixxi li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-prinċipju tal-projbizzjoni tal-klawżoli ta’ residenza.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, iċ-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 68(4) tal-Ftehim [ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għas-superstiti ta’ ħaddiem deċedut li jirrisjedi fl-Alġerija u li jixtieq jesporta l-benefiċċju tiegħu tas-superstiti lejn l-Alġerija?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv,

2)      L-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni [KE‑Alġerija], għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa għandu effett dirett, b’tali mod li l-persuni li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni għandhom id-dritt li jinvokawh direttament quddiem il-qrati tal-Istati Membri sabiex jeskludu l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali li jmorru kontrih?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv,

3)      L-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni [KE‑Alġerija] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż ta’ residenza, kif previst fl-Artikolu 17(3) tal-[ANW], li twassal għal limitazzjoni tal-esportazzjoni tal-benefiċċju tas-superstiti lejn l-Alġerija?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq ittieni domanda

27      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija għandux jiġi interpretat fis-sens li għandu effett dirett, b’tali mod li l-persuni li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni għandhom id-dritt jinvokawha direttament quddiem il-qrati tal-Istati Membri sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali li jmorru kontriha.

28      Minn dan l-Artikolu 68(4) jirriżulta li l-ħaddiema ta’ nazzjonalità Alġerina jibbenefikaw mill-libertà li jittrasferixxu lejn l-Alġerija, bir-rati applikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri debituri, il-pensjonijietu l-annwalitajiet tax-xjuħija, tas-superstiti u tal-inċidenti fuq il-post tax-xogħol jew ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, kif ukoll ta’ invalidità, fil-każ ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol jew ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, bl-eċċezzjoni tal-benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja.

29      Barra minn hekk, mill-Artikolu 70 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija jirriżulta li, qabel tmiem l-ewwel sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta, minn naħa, id-dispożizzjonijiet li jippermettu li tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 68 u, min-naħa l-oħra, il-modalitajiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva li tiżgura l-garanziji ta’ ġestjoni u ta’ kontroll neċessarji għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, minkejja li l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/699, imsemmija fil-punt 7 ta’ din is-sentenza, li tinkludi fl-anness abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni intiż sabiex jimplimenta l-Artikolu 70 tal-imsemmi ftehim, l-imsemmija dispożizzjonijiet, li kellhom jiġu adottati mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni qabel tmiem l-ewwel sena wara l‑1 ta’ Settembru 2005, data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija, għadhom ma ġewx adottati.

30      Għal dak li jirrigwarda l-effett dirett possibbli tal-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dispożizzjoni ta’ ftehim konkluż mill-Unjoni ma’ Stati terzi għandha titqies bħala li hija ta’ effett dirett meta, fid-dawl tal-kliem tagħha kif ukoll tal-għan u tan-natura tal-ftehim, hija tinkludi obbligu ċar u preċiż li ma huwiex suġġett, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tiegħu, għal intervent ta’ ebda att ulterjuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 1987, Demirel, 12/86, EU:C:1987:400, punt 14, u tas‑26 ta’ Mejju 2011, Akdas et, C‑485/07, EU:C:2011:346, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija jistabbilixxi f’termini ċari, preċiżi u inkundizzjonati d-dritt ta’ trasferiment liberu lejn l-Alġerija tal-pensjonijiet u tal-annwalitajiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, u dan bir-rati applikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru debitur. Għaldaqstant, skont il-formulazzjoni tagħha stess, l-imsemmija dispożizzjoni tinkludi, għall-Istati Membri, obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż li jikkonsisti f’li jippermetti lill-persuni kkonċernati jibbenefikaw minn tali trasferiment liberu, obbligu li bħala tali ma huwiex suġġett, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ ebda att ulterjuri.

32      Ċertament, minn naħa, dan id-dritt ta’ trasferiment liberu ma huwiex assolut, peress li l-effetti konkreti tiegħu f’kull każ partikolari jiddependu, kif jindika l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija, mir-“rati applikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru jew Stati Membri debituri”. Madankollu, din il-frażi ma tistax tiġi interpretata bħala li tippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu b’mod diskrezzjonali l-imsemmi dritt ta’ trasferiment liberu u b’hekk iċaħħduh mis-sustanza tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2003, Deutscher Handballbund, C‑438/00, EU:C:2003:255, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Min-naħa l-oħra, l-eżekuzzjoni jew l-effetti tad-dritt previst f’din id-dispożizzjoni ma humiex suġġetti għall-intervent ta’ att ieħor, b’mod partikolari għall-adozzjoni, mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 70(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑13 ta’ Ġunju 2006, Echouikh, C‑336/05, EU:C:2006:394, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, ir-rwol li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tagħti lill-imsemmi Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jikkonsisti fl-iffaċilitar tar-rispett tad-dritt ta’ trasferiment liberu lejn l-Alġerija tal-pensjonijiet u tal-annwalitajiet imsemmija fl-Artikolu 68(4) ta’ dan il-ftehim, iżda ma jistax jitqies li jikkundizzjona l-applikazzjoni immedjata ta’ dan id-dritt (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 1991, Kziber, C‑18/90, EU:C:1991:36, punt 19).

34      Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-għan u n-natura tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, minn naħa, li l-għanijiet ta’ dan il-ftehim, kif previsti fl-Artikolu 1(2) tiegħu, jinsabu fl-estensjoni diretta ta’ dawk li fuqhom kien ibbażat il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni KEE‑Alġerija (ara, b’analoġija, id-digriet tat‑13 ta’ Ġunju 2006, Echouikh, C‑336/05, EU:C:2006:394, punt 40), u, min-naħa l-oħra, li l-għan ta’ dan l-aħħar ftehim, li jikkonsisti fil-promozzjoni ta’ kooperazzjoni globali bejn il-partijiet kontraenti b’mod partikolari fil-qasam tal-ħaddiema, jikkonferma li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 39(1) ta’ dan il-ftehim ta’ kooperazzjoni jista’ jirregola direttament is-sitwazzjoni legali tal-individwi, b’tali mod li din id-dispożizzjoni għandha effett dirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 1998, Babahenini, C‑113/97, EU:C:1998:13, punti 17 u 18 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      Għaldaqstant, l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija, li jixhdu rieda li jissaħħu u jiġu approfonditi l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni KEE‑Alġerija, għandhom a fortiori jitqiesu li jikkonfermaw l-effett dirett tad-dritt ta’ trasferiment liberu lejn l-Alġerija tal-pensjonijiet u l-annalitajiet imsemmija fl‑Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Gattoussi, C‑97/05, EU:C:2006:780, punt 27).

36      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu effett dirett, b’tali mod li l-persuni li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni għandhom id-dritt jinvokawha direttament quddiem il-qrati tal-Istati Membri sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali li jmorru kontriha.

 Fuq lewwel domanda

37      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għas-superstiti ta’ ħaddiem li, filwaqt li jixtieq jittrasferixxi l-benefiċċju tas-superstiti tagħhom lejn l-Alġerija, ma humiex huma stess ħaddiema u jirrisjedu fl-Alġerija.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li dan l-Artikolu 68(4) isemmi espressament biss “[i]l-ħaddiema”, li jirreferi għall-“ħaddiema ta’ nazzjonalità Alġerina” imsemmija fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-formulazzjoni ta’ dan il-paragrafu 4, fost il-benefiċċji li jistgħu jiġu ttrasferiti liberament lejn l-Alġerija hemm il-pensjonijiet u l-annwalitajiet tas-superstiti. Issa, bħala definizzjoni, ma humiex il-ħaddiema, iżda s-superstiti tagħhom, li jistgħu jibbenefikaw minn tali benefiċċji. Għaldaqstant, u kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija jkun imċaħħad minn effett utli jekk dawn is-superstiti jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tiegħu.

39      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, sabiex jikkontesta tali konklużjoni, is-SVB jinvoka l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35), u li jipprovdi li l-membri tal-familja ta’ ħaddiem għandhom biss drittijiet idderivati, u mhux drittijiet proprji, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li japplikaw esklużivament għall-ħaddiema (sentenzi tat‑30 ta’ April 1996, Cabanis-Issarte, C‑308/93, EU:C:1996:169, u tal‑21 ta’ Frar 2006, Hosse, C‑286/03, EU:C:2006:125).

40      Issa, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, diversi drabi, li tali ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta fil-kuntest ta’ ftehim bħall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 1998, Babahenini, C‑113/97, EU:C:1998:13, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tas‑17 ta’ April 2007, El Youssfi, C‑276/06, EU:C:2007:215, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fit-tieni lok, għalkemm ma hemm l-ebda dubju li l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija japplika meta s-superstiti jkunu jirrisjedi fl-Istat Membru debitur, għandu jiġi rrilevat li jmur kontra l-loġika li fuqha huwa bbażat il-prinċipju stess tat-trasferiment liberu tal-benefiċċji lejn l-Alġerija li jkun meħtieġ li l-benefiċjarju jkun obbligat jirrisjedi fl-Istat Membru debitur, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 46 u 47 tal-konklużjonijiet tiegħu.

42      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għas-superstiti ta’ ħaddiem li, filwaqt li jixtiequ jittrasferixxu l-benefiċċju tas-superstiti tagħhom lejn l-Alġerija, ma humiex huma stess ħaddiema u jirrisjedu fl-Alġerija.

 Fuq ittielet domanda

43      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li jitnaqqas l-ammont ta’ benefiċċju tas-superstiti minħabba l-fatt li l-benefiċjarju ta’ dan il-benefiċċju ma jirrisjedix fl-Alġerija.

44      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li t-tnaqqis inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta mil-liġi dwar il-prinċipju tal-pajjiż ta’ residenza fil-qasam tas-sigurtà soċjali, li introduċiet dan il-prinċipju b’mod partikolari fir-rigward tal-benefiċċji tas-superstiti mħallsa taħt l-ANW. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi prinċipju huwa intiż sabiex jiggarantixxi li l-benefiċċji marbuta mal-paga minima Olandiża u li jitħallsu barra mill-Pajjiżi l-Baxxi jirriflettu r-relazzjoni bejn il-livell tal-għoli tal-ħajja fil-pajjiż ta’ residenza tal-benefiċjarju u dak tal-għoli tal-ħajja fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-benefiċċju tas-superstiti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa preċiżament parti mill-benefiċċji marbuta mal-paga minima Olandiża, peress li, skont l-Artikolu 17(1) tal-ANW, l-ammont nett tiegħu huwa ekwivalenti għal 70 % ta’ din il-paga minima netta.

45      F’dan ir-rigward, waqt is-seduta, is-SVB indika li dan huwa perċentwali massimu, peress li l-ammont tal-benefiċċju rċevut minn kull superstiti huwa kkalkolat skont id-dħul tiegħu. Barra minn hekk, matul din is-seduta, il-Gvern Olandiż ippreċiża li l-benefiċċju tas-superstiti huwa assigurazzjoni kontra r-riskju u li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa għal dan il-benefiċċju huwa l-istess għall-persuni assigurati kollha. Huwa indika wkoll li l-paga minima fil-Pajjiżi l-Baxxi hija adattata skont l-għoli tal-ħajja f’dan l-Istat Membru.

46      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija, jipprevedi d-dritt tat-trasferiment liberu tal-benefiċċji li jiġu mħallsa lejn l-Alġerija “bir-rati applikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru jew Stati Membri debituri”.

47      Minn din il-preċiżazzjoni jirriżulta li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Istat Membru debitur għandu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jistabbilixxi regoli dwar il-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċji msemmija f’dan l-Artikolu 68(4). B’mod iktar konkret, sa fejn l-imsemmija preċiżazzjoni tinsab fid-dispożizzjoni ta’ dan il-ftehim li tirrigwarda t-trasferiment ta’ dawn il-benefiċċji lejn l-Alġerija, hija għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti, bħala prinċipju, lil dan l-Istat Membru jipprevedi regoli intiżi sabiex jadattaw l-ammont tal-imsemmija benefiċċji fl-okkażjoni ta’ dan it-trasferiment, bħar-regola bbażata fuq il-prinċipju tal-pajjiż ta’ residenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

48      Madankollu, tali regoli għandhom josservaw is-sustanza tad-dritt ta’ trasferiment liberu tal-benefiċċji, mingħajr ma jċaħħdu lil dan id-dritt mill-effett utli tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2003, Deutscher Handballbund, C‑438/00, EU:C:2003:255, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Issa, mill-elementi li jikkaratterizzaw il-benefiċċju tas-superstiti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, esposti fil-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-ammont tiegħu huwa stabbilit skont l-għoli tal-ħajja fil-Pajjiżi l-Baxxi u li, konsegwentement, dan il-benefiċċju huwa intiż li jiggarantixxi li s-superstiti jkollhom dħul bażiku kkalkolat skont l-għoli tal-ħajja f’dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, fir-rigward tat-trasferiment tal-imsemmi benefiċċju lejn l-Alġerija, kif previst fl-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija, il-fatt li l-ammont tiegħu jiġi adattat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-għoli tal-ħajja f’dan l-Istat terz ma jidhirx li jista’ jċaħħad mis-sustanza tiegħu d-dritt għal-libertà ta’ trasferiment, sakemm id-determinazzjoni tar-rata użata għall-finijiet ta’ dan l-adattament tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

50      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li l-Artikolu 4 tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jipprevedi l-projbizzjoni, b’mod partikolari, ta’ kull tnaqqis tal-ammont ta’ tali benefiċċju dovut skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru minħabba r-residenza tal-benefiċjarju tiegħu fl-Alġerija, għandu jiġi rrilevat li peress li sa issa dan l-abbozz għadu ma ġiex adottat mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, ma jistax ikollu effetti simili għal dawk bħal dispożizzjoni analoga, jiġifieri l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad‑19 ta’ Settembru 1980, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħaddiema Torok u għall-membri tal-familja tagħhom (ĠU 1983, C 110, p. 60), dan ġie rrikonoxxut permezz tas-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Akdas et (C‑485/07, EU:C:2011:346).

51      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix it-tnaqqis tal-ammont ta’ benefiċċju tas-superstiti minħabba l-fatt li l-benefiċjarju ta’ dan il-benefiċċju jirrisjedi fl-Alġerija, meta dan il-benefiċċju huwa intiż li jiggarantixxi dħul bażiku kkalkolat skont l-għoli tal-ħajja fl-Istat Membru debitur u meta t-tnaqqis hekk applikat josserva s-sustanza tad-dritt ta’ trasferiment liberu ta’ tali benefiċċju.

 Fuq lispejjeż

52      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 68(4) tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

għandu effett dirett, b’tali mod li l-persuni li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni għandhom id-dritt li jinvokawha direttament quddiem il-qrati tal-Istati Membri sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali li jmorru kontriha.

2)      L-Artikolu 68(4) tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

japplika għas-superstiti ta’ ħaddiem li, filwaqt li jixtiequ jittrasferixxu l-benefiċċju tas-superstiti tagħhom lejn l-Alġerija, ma humiex huma stess ħaddiema u jirrisjedu fl-Alġerija.

3)      L-Artikolu 68(4) tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix it-tnaqqis tal-ammont ta’ benefiċċju tas-superstiti minħabba l-fatt li l-benefiċjarju ta’ dan il-benefiċċju jirrisjedi fl-Alġerija, meta dan il-benefiċċju huwa intiż li jiggarantixxi dħul bażiku kkalkolat skont l-għoli tal-ħajja fl-Istat Membru debitur u meta t-tnaqqis hekk applikat josserva s-sustanza tad-dritt ta’ trasferiment liberu ta’ tali benefiċċju.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.