Language of document : ECLI:EU:T:2023:314

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

7 ta’ Ġunju 2023 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ revoka ta’ deċiżjonijiet jew ta’ kanċellazzjoni ta’ entrati – Revoka ta’ deċiżjoni vvizzjata bi żball manifest imputabbli lill-EUIPO – Artikolu 103(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Assenza ta’ żball manifest”

Fil-Kawża T‑519/22,

Société des produits Nestlé SA, stabbilita fi Vevey (l-Isvizzera), irrappreżentata minn A. Jaeger-Lenz, A. Lambrecht, u A-C Salger, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn V. Ruzek, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

European Food SA, stabbilita fi Păntășești (ir-Rumanija), irrappreżentata minn I. Speciac, avukat,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. J. Costeira, Presidenta, U. Öberg u P. Zilgalvis (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur:. V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat l-assenza ta’ talba mill-partijiet għall-iffissar ta’ seduta fi żmien tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Société des produits Nestlé SA, SA, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tas‑27 ta’ Ġunju 2022 (Każ R 894/2020‑1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fl‑20 ta’ Novembru 2001, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-EUIPO għas-sinjal verbali FITNESS, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat (issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 (KE) Nru 207/2009 tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat, huwa stess issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 29, 30 u 32 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

4        L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 3/2003 tas‑6 ta’ Jannar 2003. Din it-trade mark ġiet irreġistrata fit‑30 ta’ Mejju 2005 bin-numru 2470326.

5        Fit‑2 ta’ Settembru 2011, l-intervenjenti, European Food SA, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti kollha koperti minnha.

6        Ir-raġunijiet invokati insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 59(1)(a) tar-Regolament 2017/1001), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament 2017/1001).

7        Fit‑18 ta’ Ottubru 2013, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fl-intier tagħha.

8        Fis‑16 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem il-EUIPO mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Matul il-proċedimenti tal-appell, l-intervenjenti pproduċiet provi ġodda insostenn tat-talba tagħha li t-terminu “fitness” kellu kontenut deskrittiv għall-prodotti inkwistjoni.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ġunju 2015 fil-Każ R 2542/2013‑4, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ċaħad għaliex tardivi, mingħajr ma ħadhom inkunsiderazzjoni, serje ta’ provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu.

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Awwissu 2015, l-intervenjenti ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell.

11      Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2016, European Food vs EUIPOSociété des produits Nestlé (FITNESS) (T‑476/15, iktar ’il quddiem l-“ewwel sentenza ta’ annullament”, EU:T:2016:568), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell. Hija kkonkludiet li, meta qies li l-provi prodotti mill-intervenjenti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni minħabba l-produzzjoni tardiva tagħhom, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi.

12      L-EUIPO appella mill-ewwel sentenza ta’ annullament. Permezz tas-sentenza tagħha tal‑24 ta’ Jannar 2018, EUIPO vs European Food (C‑634/16 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-appell”, EU:C:2018:30), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Ġunju 2018 fil-Każ R 755/2018-2, it-Tieni Bord tal-Appell ikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. B’mod partikolari, huwa kkunsidra li mill-ewwel sentenza ta’ annullament u mis-sentenza fl-appell jirriżulta li huwa kien obbligat jeżamina l-appell quddiemu billi jieħu inkunsiderazzjoni l-provi prodotti mill-intervenjenti għall-ewwel darba quddiem ir-Raba’ Bord tal-Appell fil-Każ R 2542/2013-4. Fid-dawl tal-imsemmija elementi, il-Bord tal-Appell qies li t-trade mark ikkontestata kienet deskrittiva u nieqsa minn kull karattru distintiv.

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑11 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell.

15      Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Société des produits Nestlé vs EUIPO European Food (FITNESS) (T‑536/18, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem it-tieni sentenza ta’ annullament”), EU:T:2019:737, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell. B’mod partikolari, hija ddeċidiet li t-Tieni Bord tal-Appell kien ikkunsidra b’mod żbaljat li mill-ewwel sentenza ta’ annullament u mis-sentenza fl-appell kien jirriżulta li huwa kien obbligat jieħu inkunsiderazzjoni l-provi prodotti mill-intervenjenti għall-ewwel darba quddiem ir-Raba’ Bord tal-Appell.

16      L-intervenjenti appellat mit-tieni sentenza ta’ annullament. Permezz tad-digriet tagħha tat‑18 ta’ Marzu 2020, European Food vs EUIPO (C‑908/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:212), il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddikjaratx l-appell ammissibbli.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ottubru 2021 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑2021), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell ippreżentat mill-intevenjenti. Fir-rigward tal-provi prodotti quddiem ir-Raba’ Bord tal-Appell, huwa qies li l-intervenjenti ma kinitx iġġustifikat b’mod adegwat il-produzzjoni tardiva tal-imsemmija provi u li, konsegwentement, hija kienet obbligata teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod negattiv u li ma taċċettahomx.

18      Fl‑24 ta’ Diċembru 2021, l-intervenjenti ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali rikors kontra d-deċiżjoni tal‑2021, irreġistrat bħala Kawża T‑799/21.

19      Permezz ta’ komunikazzjoni datata 15 ta’ Frar 2022, il-Bord tal-Appell informa lill-partijiet bl-intenzjoni tiegħu li jirrevoka d-deċiżjoni tal‑2021 skont l-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001.

20      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-Ewwel Bord tal-Appell irrevoka d-deċiżjoni tal‑2021. L-ewwel, huwa qies li l-approċċ adottat fl-imsemmija deċiżjoni li t-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat‑13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kien japplika b’analoġija fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq raġunijiet assoluti ta’ invalidità kien manifestament żbaljat, sa fejn mis-sentenza mogħtija fl-appell kien jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma kinitx applikabbli fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq raġunijiet assoluti ta’ invalidità. It-tieni, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li r-riferiment, fil-punti 57 u 58 tad-deċiżjoni tal‑2021, għas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Cesea Group vs UASI Mangini оC. (Mangiami) (T‑250/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:516), kienet ukoll żbaljata, sa fejn l-imsemmija sentenza kienet ibbażat ruħha fuq ir-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95, li tikkostitwixxi lex specialis li tapplika speċifikament għall-prova tal-użu u li b’hekk ma setgħetx tiġi trasposta għall-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

 Ittalbiet talpartijiet

21      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

22      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż sostnuti minnu fil-każ li tinżamm seduta.

23      L-intervenjenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Iddritt

24      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tal-Artikolu 103(1) tar-Regolament 2017/1001, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 70 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jikkompleta r-Regolament 2017/1001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 37), it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001 u, it-tielet, fuq il-ksur tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2017/1001, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 70 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/625.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 103(1) tar-Regolament Nru 1001/2002 ikkunsidrat flimkien malArtikolu 70(1) tarRegolament ta’ Implimentazzjoni 2018/625

25      Ir-rikorrenti ssostni li r-revoka tad-deċiżjoni tal‑2021 skont l-Artikolu 103(1) tar-Regolament 2017/1001 hija illegali. F’dan ir-rigward, iċ-ċitazzjoni żbaljata mill-Bord tal-Appell tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 kif ukoll tal-ġurisprudenza dwar ir-Regola 22(2) tal-istess regolament ma tistax titqies bħala żball manifest fis-sens tal-Artikolu 103(1) tar-Regolament 2017/1001 u fiha nnifisha ma tiġġustifikax ir-revoka tad-deċiżjoni tal‑2021. Skont ir-rikorrenti, il-kunċett ta’ “żball manifest” għandu żewġ livelli: għandu jkun faċilment perċepibbli u ta’ gravità eċċezzjonali tali li trendi d-dispożittiv tad-deċiżjoni preċedenti mhux plawżibbli. Issa, f’dan il-każ, il-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell ifformulati fil-punti 60 sa 62 tad-deċiżjoni tal‑2021 ma humiex ibbażati fuq applikazzjoni b’analoġija tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95. Iċ-ċitazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija żball purament formali u mingħajr effett fuq il-fondatezza jew fuq il-plawżibbiltà tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tal‑2021.

26      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li, fil-punti 61 u 62 tad-deċiżjoni tal‑2021, il-Bord tal-Appell kien, ġustament, b’mod partikolari insista fuq il-ġustifikazzjoni adegwata tal-produzzjoni tardiva tal-provi bħala fattur li kien jipprevali fuq il-kunsiderazzjonijiet favur it-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija provi. Ir-rekwiżit ta’ ġustifikazzjoni adegwata la huwa marbut mar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 u lanqas mar-Regola 22(2) tal-istess regolament. Dan l-approċċ huwa konformi mal-ġurisprudenza u b’mod partikolari mal-punt 44 tat-tieni sentenza ta’ annullament.

27      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti targumenta li l-motivazzjoni mogħtija mill-Bord tal-Appell, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, hija pjuttost inkompleta. Bl-istess mod, hija tindika li teżisti diverġenza fid-dikjarazzjoni tal-iżbalji allegati bejn il-komunikazzjoni tal-Bord tal-Appell tal‑15 ta’ Frar 2022 u l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. L-imsemmija komunikazzjoni ssuġġeriet li l-allegat żball kien jinsab fl-“approċċ strett għall-produzzjoni ta’ provi ġodda”.

28      L-EUIPO jqis li l-Bord tal-Appell ma kisirx l-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001. Huwa jsostni li l-iżbalji manifesti identifikati fid-deċiżjoni kkontestata affettwaw il-mertu tal-eżami mwettaq mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni tal‑2021 u li kienu tali li ma kinux jippermettu ż-żamma tad-dispożittiv ta’ din l-aħħar deċiżjoni mingħajr analiżi ġdida. B’mod iktar preċiż, skont l-EUIPO, l-applikazzjoni b’analoġija tar-regoli inkwistjoni kellha rwol determinanti fil-konklużjoni tal-Bord tal-Appell, ifformulata fil-punt 61 tad-deċiżjoni tal‑2021, li kien neċessarju li jiġi adottat approċċ strett f’dak li jirrigwarda l-produzzjoni ta’ provi ġodda sabiex jiġi prodott livell suffiċjenti ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà għall-proċeduri. Din il-konklużjoni tikkostitwixxi l-bażi tal-konklużjonijiet l-oħra tal-Bord tal-Appell. B’mod partikolari, dan l-“approċċ strett f’dak li jirrigwarda l-produzzjoni ta’ provi ġodda” wassal lill-imsemmi bord sabiex iqis li huwa kien obbligat jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu b’mod negattiv.

29      Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ ġustifikazzjoni adegwata għall-produzzjoni tardiva tal-provi, l-EUIPO jqis li l-intervenjenti kienet ipproduċiet waħda, peress li hija kienet invokat in-neċessità li tirrispondi għat-talbiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, iżda li l-Bord tal-Appell kien, b’mod żbaljat, ċaħadha, fil-punt 54 tad-deċiżjoni tal‑2021, billi bbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza dwar ir-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95. Fir-rigward tal-punt 43 tas-sentenza fl-appell, l-EUIPO jqis li l-parti tas-sentenza li tipprovdi li “hija l-parti li tippreżenta l-provi għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell li għandha tiġġustifika r-raġunijiet li għalihom dawn il-provi huma prodotti f’dan l-istadju tal-proċedimenti kif ukoll li turi l-impossibbiltà ta’ tali produzzjoni matul l-istanza quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni” ma tistax tiġi interpretata, fid-dawl tal-ġurisprudenza preċedenti, bħala li tirrikjedi li l-parti turi l-impossibbiltà li tipproduċi l-provi kkonċernati fi stadju preċedenti tal-proċedimenti. Tali approċċ iċaħħad mhux biss lill-Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001 mill-effett utli tiegħu, iżda jkun ukoll irrikonċiljabbli mal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-appell.

30      Fl-aħħar nett, l-EUIPO jfakkar, bħall-Bord tal-Appell, li din il-kawża għandha storja partikolarment twila li hija dovuta għal żbalji proċedurali. Huwa għalhekk fl-interess tal-partijiet u fl-interess tal-proċedura li jiġi rrimedjat l-iżball imwettaq fid-deċiżjoni tal‑2021 minflok ma wieħed jistenna s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, u dan ikompli jdewwem il-proċedura.

31      L-intervenjenti ssostni li l-iżball inkwistjoni jista’ faċilment jiġi skopert u huwa ta’ natura evidenti ħafna. Fil-fehma tagħha, fid-deċiżjoni tal‑2021, il-Bord tal-Appell wettaq l-analiżi kollha tiegħu billi telaq mill-premessa li r-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 kienet applikabbli f’dan il-każ. Minħabba dan l-iżball, il-Bord tal-Appell ħass li kien obbligat jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu fis-sens tal-inammissibbiltà tal-provi, minkejja li kien ikkunsidra li dawn tal-aħħar kienu prima facie rilevanti. B’dan il-mod, l-imsemmi bord wettaq żball ta’ liġi sa fejn illimita l-każijiet li fihom huwa seta’ jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu fis-sens tal-ammissibbiltà tal-provi tardivi għas-sitwazzjonijiet ikkaratterizzati minn ċirkustanzi ġodda.

32      Skont l-Artikolu 103(1) tar-Regolament 2017/1001, meta l-EUIPO jieħu deċiżjoni vvizzjata bi żball manifest attribwibbli lilu, huwa għandu jinkariga ruħu li jirrevoka din id-deċiżjoni.

33      Konformement mal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Delegat 2018/625, meta l-EUIPO jikkonstata li deċiżjoni għandha tiġi rrevokata jew entrata fir-reġistru tiġi rrevokata konformement mal-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001, huwa għandu jinforma lill-parti kkonċernata bir-revoka jew bil-kanċellazzjoni prevista.

34      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li żball jista’ biss jiġi kkwalifikat bħala manifest meta dan ikun jista’ jinstab b’mod evidenti, skont il-kriterji li għalihom il-leġiżlatur ried jissuġġetta l-eżerċizzju mill-amministrazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, u meta l-provi prodotti huma suffiċjenti sabiex irendu mhux plawżibbli l-evalwazzjoni magħżula minn din l-amministrazzjoni, mingħajr ma din l-evalwazzjoni tkun tista’ tiġi aċċettata bħala ġġustifikata jew koerenti (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2021, Marina Yachting Brand Management vs EUIPO, (MARINA YACHTING), T‑169/20, EU:T:2021:609, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001, ġie deċiż li n-natura “manifesta” jew flagranti tal-iżball li jiġġustifika l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ revoka ta’ deċiżjoni preċedenti tikkwalifika żbalji li jippreżentaw grad għoli ta’ evidenza li ma jippermettix iż-żamma tad-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni preċedenti mingħajr analiżi ġdida li titwettaq sussegwentement mill-istanza li tkun ħadet l-imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2021, MARINA YACHTING, T‑169/20, EU:T:2021:609, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell qajjem żewġ motivi li jiġġustifikaw ir-revoka tad-deċiżjoni tal‑2021. L-ewwel, huwa qies, fil-punti 26 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-approċċ li skontu kien possibbli li wieħed jibbaża ruħu fuq ir-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 u li jqis li din ir-regola kienet tapplika, b’analoġija, fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kien manifestament żbaljat, sa fejn, kif kien jirriżulta mill-punti 48 u 49 tas-sentenza fl-appell, l-imsemmija regola ma kinitx applikabbli fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell żied, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan kien żball manifest fis-sens tal-Artikolu 103(1) tar-Regolament 2017/1001, sa fejn il-Bord tal-Appell kien deher li injora s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess kawża, u b’hekk kiser il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata. It-tieni, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien żbaljat, fil-punti 57 u 58 tad-deċiżjoni tal‑2021, li jsir riferiment għas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Mangiami (T‑250/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:516), dwar l-applikazzjoni tar-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95, li kienet tapplika għall-prova tal-użu, u li jqis li din il-ġurisprudenza kienet kompletament trasponibbli għall-kuntest ta’ invalidità inkwistjoni.

37      Għandu jiġi evalwat jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 35 iktar ’il fuq, iċ-ċirkustanzi rrilevati mill-Bord tal-Appell jistgħux jiġu kkwalifikati bħala żbalji manifesti fis-sens tal-Artikolu 103(1) tar-Regolament 2017/1001.

38      Fir-rigward, fl-ewwel lok, taċ-ċitazzjoni, fil-punt 40 tad-deċiżjoni tal‑2021, tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, ma huwiex ikkontestat li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq raġunijiet assoluti ta’ invalidità, kif ġie deċiż mill-Qorti Ġenerali u kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-appell, punt 49, u l-ewwel sentenza ta’ annullament, punt 60).

39      Madankollu, la mid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fl-aħħar tad-deċiżjoni tal‑2021 ma jirriżulta li r-riferiment, fil-punt 40 ta’ din tal-aħħar, għar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 kien ikollu influwenza fuq il-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jiġu aċċettati l-provi ġodda prodotti mill-intervenjenti b’tali mod li l-iżball imwettaq ma kienx jippermetti ż-żamma tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tal‑2021 mingħajr analiżi ġdida.

40      Fil-fatt, il-Bord tal-Appell wasal, fil-punt 62 tad-deċiżjoni tal‑2021, għall-konklużjoni li, fl-assenza ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni aċċettabbli dwar il-produzzjoni tardiva tal-provi, huwa kien obbligat jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu b’mod negattiv u ma kellux jaċċetta l-provi addizzjonali. Issa, dan ir-rekwiżit, kif jirriżulta mill-kriterji msemmija mill-Bord tal-Appell, fil-punt 43 tad-deċiżjoni tal‑2021, jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 44 tat-tieni sentenza ta’ annullament.

41      Fir-rigward tar-raġunament li wasslu għall-konklużjoni msemmija iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell qabelxejn irrefera, fil-punt 41 tad-deċiżjoni tiegħu tal‑2021, għat-tieni sentenza ta’ annullament, li minnha kien jirriżulta b’mod partikolari li l-provi prodotti tardivament ma kinux awtomatikament ammissibbli u li kienet il-parti li tipproduċi dawn il-provi li kellha tiġġustifika r-raġunijiet li għalihom dawn il-provi kienu ġew prodotti f’dan l-istadju tal-proċedimenti kif ukoll li turi l-impossibbiltà ta’ tali produzzjoni matul l-istanza quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

42      Sussegwentement, wara li speċifika, fil-punt 43 tad-deċiżjoni tal‑2021, il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 47 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-provi prodotti għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell kienu prima facie rilevanti. Madankollu, skont l-imsemmi bord, xejn ma kien juri li dawn il-provi kienu ġodda sa fejn ma kinux disponibbli jew li ma kienx possibbli li jiġu prodotti matul il-proċedimenti ta’ kanċellazzjoni. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell qies li l-provi addizzjonali setgħu diġà jiġu prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

43      Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 54 tad-deċiżjoni tal‑2021, li l-ġustifikazzjoni tal-produzzjoni tardiva tal-provi inkwistjoni mill-intervenjenti, jiġifieri l-konstatazzjoni, mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, tal-insuffiċjenza tal-provi inizjalment prodotti, ma tistax titqies bħala prova ġdida li tiġġustifika l-produzzjoni ta’ provi addizzjonali fl-istadju tal-appell.

44      Minn dan isegwi li ma ntweriex li r-riferiment żbaljat għar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 kellu impatt fuq ir-raġunament magħmul mill-Bord tal-Appell jew fuq il-konklużjoni tiegħu.

45      Fir-rigward tal-kunsiderazzjoni li tinsab fil-punt 61 tad-deċiżjoni tal‑2021, f’dak li jirrigwarda n-neċessità li jiġi adottat approċċ strett dwar il-produzzjoni ta’ provi ġodda, mir-raġunament tal-Bord tal-Appell ma jirriżultax b’mod ċar li din kienet ibbażata fuq ir-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95.

46      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-possibbiltà li jiġu trasposti, f’dan il-każ, il-prinċipji stabbiliti fil-punt 27 tas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Mangiami (T‑250/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:516), il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 57 tad-deċiżjoni tal‑2021, li l-ammissjoni ta’ provi addizzjonali prodotti għall-ewwel darba fl-istadju tar-rikors mingħajr ġustifikazzjoni valida ċċaħħad mill-effett tagħhom ir-Regola 37(b)(iv) u r-Regola 39(3) tar-Regolament Nru 2868/95. Sabiex jasal għal din il-konklużjoni, l-imsemmi bord qies b’mod partikolari, fil-punt 58 tad-deċiżjoni tal‑2021, li l-prinċipji stabbiliti fl-imsemmija sentenza, li ngħatat fil-kuntest tal-prova tal-użu, kienu kompletament trasponibbli għall-kuntest tal-invalidità.

47      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell irrefera wkoll għas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Mangiami (T‑250/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:516), għall-punti 43 u 54 tad-deċiżjoni tal‑2021. Minn naħa, fil-punt 43 ta’ din id-deċiżjoni, billi ċċita l-punt 24 tal-imsemmija sentenza, il-Bord tal-Appell qies li huwa kellu, fost l-oħrajn, jeżamina jekk il-persuna li titlob il-kanċellazzjoni kinitx qed tirreferi għal punti ta’ fatt ġodda sabiex tikkontesta n-natura reġistrabbli tat-trade mark preċedenti inkwistjoni jew jekk il-provi addizzjonali kinux disponibbli fil-mument meta dawn kellhom jiġu prodotti, peress li dawn iċ-ċirkustanzi setgħu b’mod partikolari jiġġustifikaw il-produzzjoni tardiva ta’ provi addizzjonali. Min-naħa l-oħra, fil-punt 54 tad-deċiżjoni tal‑2021, filwaqt li rrefera għall-punti 26 u 27 tas-sentenza msemmija iktar ’il fuq, l-imsemmi bord qies li l-konstatazzjoni, mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, tal-insuffiċjenza tal-provi ma setgħetx titqies bħala element li jiġġustifika l-produzzjoni ta’ provi addizzjonali prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell. Konsegwentement, huwa qies li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ma kinitx element ġdid.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 26 u 27 tas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Mangiami (T‑250/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:516), ġie deċiż li r-raġunament tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li kien wassal għall-konstatazzjoni tal-insuffiċjenza tal-prova tal-użu mit-trade mark preċedenti, ma setax jitqies, fih innifsu, bħala element ġdid li jiġġustifika l-produzzjoni ta’ provi addizzjonali prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell. Li jiġi aċċettat li tali raġunament tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kien jikkostitwixxi element ġdid kien jillimita kunsiderevolment il-portata tat-terminu previst fir-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan kien ifisser li l-Bord tal-Appell, kull darba li kien iqis li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet qieset b’mod żbaljat li l-provi tal-użu pprovduti kienu insuffiċjenti, seta’ jaċċetta l-provi addizzjonali tal-użu prodotti għall-ewwel darba quddiemu.

49      Issa, jekk jitqies li l-kunsiderazzjonijiet dwar il-ġustifikazzjoni tal-produzzjoni tal-provi addizzjonali f’kuntest ta’ applikazzjoni tar-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95 ma jistgħux jiġu trasposti għal każ irregolat mir-Regola 37(b)(iv) u mir-Regola 39(3) tal-istess regolament, l-eventwali żball imwettaq mill-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkwalifikat bħala manifest fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li l-Bord tal-Appell ma applikax ir-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95 fi proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, iżda rrefera, b’analoġija, għal ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

51      It-tieni, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li mir-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95 li, l-opponent għandha jipproduċi l-prova tal-użu tat-trade mark jew tal-eżistenza ta’ raġunijiet adegwati għan-nuqqas ta’ użu tiegħu, l-EUIPO għandu jistiednu sabiex jagħmel dan f’terminu li jagħti. Jekk l-opponent ma jipprovdix din il-prova fit-terminu mogħti, l-EUIPO għandu jiċħad l-oppożizzjoni. Min-naħa l-oħra, mir-Regola 37(b) (iv) tar-Regolament Nru 2868/95 jirriżulta li talba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea tinkludi fatti, provi u osservazzjonijiet ippreżentati insostenn tat-talba. Ir-Regola 39(3) tal-istess regolament min-naħa tagħha tistabbilixxi li, meta tali talba ma tissodisfax ir-Regola 37 tal-imsemmi regolament, l-EUIPO għandu jistieden lill-applikant jirrimedja, fit-terminu li huwa jimponilu, in-nuqqasijiet ikkonstatati u, jekk l-imsemmija nuqqasijiet ma jiġux irrimedjati fit-terminu stabbilit, l-EUIPO għandu jiċħad l-applikazzjoni bħala inammissibbli.

52      Għandu jiġi kkonstatat li dawn huma żewġ kuntesti proċedurali ċertament distinti, iżda madankollu paragunabbli, sa fejn l-EUIPO jiffissa, fiż-żewġ kuntesti, terminu għall-produzzjoni tal-provi u jiċħad it-talbiet meta dawn il-provi ma jiġux prodotti. B’hekk, din id-differenza fil-proċeduri ma tistax tikkostitwixxi, fiha nnifisha, raġuni suffiċjenti sabiex jitqies li l-ġurisprudenza dwar il-prova tal-użu hija manifestament mhux trasponibbli għall-proċedimenti ta’ invalidità. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ċerti sentenzi oħra li għalihom irrefera l-Bord tal-Appell, jiġifieri s-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, New Yorker SHK Jeans vs UASI (C‑621/11 P, EU:C:2013:484), u tad‑29 ta’ Settembru 2011, New Yorker SHK Jeans vs UASI – Vallis K.-Vallis A. (FISHBONE) (T‑415/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:550), jirrigwardaw ukoll il-kwistjoni tal-użu ġenwin.

53      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li r-riferiment għas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Mangiami (T‑250/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:516), li kellha effett fuq il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tal-produzzjoni tardiva tal-provi, sar fil-punt 54 tad-deċiżjoni tal‑2021 u mhux fil-punti 57 u 58 tagħha.

54      Minn dan isegwi li s-sempliċi applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tar-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95 f’dan il-każ ma tistax tikkostitwixxi żball manifest fis-sens tal-Artikolu 103(1) tar-Regolament 2017/1001.

55      Fir-rigward tal-argument tal-EUIPO li l-intervenjenti pprovdiet il-ġustifikazzjoni għall-produzzjoni tardiva tal-provi, jiġifieri n-neċessità li tingħata risposta għall-konklużjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, iżda li l-Bord tal-Appell, b’mod żbaljat, ċaħadha, fil-punt 54 tad-deċiżjoni tal‑2021, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dawn l-argumenti ma jagħmlux parti mill-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata. Issa, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha tidher fit-test innifsu tagħha u ma tistax tingħata permezz ta’ spjegazzjonijiet sussegwenti pprovduti mill-EUIPO, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li, fl-assenza ta’ urġenza, ma humiex issodisfatti. Minn dan isegwi li d-deċiżjoni għandha, bħala prinċipju, tkun suffiċjenti fiha nnifisha u l-motivazzjoni tagħha ma tistax tirriżulta mill-ispjegazzjonijiet bil-miktub jew orali mogħtija sussegwentement, meta d-deċiżjoni inkwistjoni tkun diġà s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, Sony Computer Entertainment Europe vs EUIPO (Vieta Audio (Vita), T‑35/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:886, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      L-istess japplika għall-argumenti l-oħra tal-EUIPO, b’mod partikolari dawk ibbażati fuq il-fatt li din il-kawża għandha storja partikolarment twila u li huwa fl-interess tal-partijiet u tal-proċedura li jiġi rrimedjat l-iżball imwettaq fid-deċiżjoni tal‑2021. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi hekk allegati ma tista’ tikkostitwixxi żball manifest fis-sens tal-Artikolu 103(1) tar-Regolament 2017/1001.

57      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jintlaqa’ dan il-motiv u li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti u t-tieni u t-tielet motiv.

 Fuq lispejjeż

58      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

59      L-EUIPO u l-intervenjenti tilfu f’din il-kawża. Madankollu, ir-rikorrenti talbet li l-EUIPO jiġi kkundannat għall-ispejjeż biss. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni li ssir ir-revoka tad-deċiżjoni tal‑2021 hija imputabbli lill-Bord tal-Appell, l-EUIPO għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mir-rikorrenti u mill-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tas27 ta’ Ġunju 2022 (Każ R 894/2020-1) hija annullata.

2)      L-EUIPO għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn Société des produits Nestlé SA.

3)      European Food SA għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Costeira

Öberg

Zilgalvis

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑7 ta’ Ġunju 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.