Language of document : ECLI:EU:T:2010:69

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

4 ta’ Marzu 2010(*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam – Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq – Teħid ta’ kampjuni – Nuqqas ta’ kooperazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Dannu – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑409/06,

Sun Sang Kong Yuen Shoes Factory (Hui Yang) Corp. Ltd, stabbilita f’Hui Yang City (Iċ-Ċina), irrappreżentata minn I. MacVay, solicitor, R. Thompson, QC, u K. Beal, barrister,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, avukat,

konvenut,

sostnut mill-

Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. van Vliet u T. Scharf, bħala aġenti,

mill-

Confédération européenne de l’industrie de la chaussure (CEC), stabbilita fi Brussell, irrappreżentata inizjalment minn P. Vlaemminck, G. Zonnekeyn u S. Verhulst, sussegwentement minn Vlaemminck u A. Hubert, avukati,

u minn

BA.LA. di Lanciotti Vittorio & C. Sas, stabbilita f’Monte Urano (l-Italja), u s-sittax-il intervenjent ieħor li ismu huwa mniżżel fl-anness, irrappreżentati minn G. Celona, P. Tabellini u C. Cavaliere, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1472/2006, tal-5 ta’ Ottubru 2006, [li] jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn [żraben] bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam (ĠU L 352M, p. 485-525), sa fejn jirrigwarda lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Frar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 1(1), (2) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), jipprovdi:

“1.      Dazju kontra xiri taħt il-prezz [Dazju antidumping] jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott mixtri taħt il-prezz li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità tikkawża ħsara [dannu].

2.      Prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala mixtri taħt il-prezz jekk il-prezz ta’ l-esportazzjoni tiegħu għall-Komunità ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur.

[…]

4.      Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘prodott simili’ għandu jiġi interpretat biex ifisser prodott li jkun identiku, jiġifieri, l-istess f’kull lat, bħall-prodott taħt kunsiderazzjoni, jew fin-nuqqas ta’ prodott bħal dan, prodott ieħor li għalkemm ma jkunx l-istess f’kull lat, ikollu karatteristiċi li jixbħu mill-qrib dawk tal-prodott ikkunsidrat.”

2        Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku “I[i]l-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti mill-pajjiż esportatur.”

3        Fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem l-“MET”, l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

“Fl-investigazzjonijiet ta’ kontra d-dumping dwar importazzjonijiet [...] mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina [...], il-valur normali irid jiġi stabilit skond kif provdut fil-paragrafi 1 u 6, jekk ikun jidher, fuq il-bażi ta’ talbiet li jkunu sostanzjati b’mod xieraq minn wieħed jew aktar produtturi li jkunu qed jiġu investigati […], li l-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq jipprevalu għal dan il-produttur jew produtturi għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat. Meta dan ma jkunx il-każ, ir-regoli [imsemmija hawn fuq] fis-sotto-paragrafu (a) għandhom japplikaw.”

4        Skont l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku:

“Pretensjoni [Talba] skond is-subparagrafu (b) [tal-Artikolu 2(7)] trid issir bil-kitba u jkun fiha biżżejjed evidenza illi l-produttur jopera skond il-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq, jiġifieri jekk:

–        id-deċiżjonijiet tad-ditti rigward il-prezzijiet, l-infiq u [l-]inputs oħra, li jinkludu per eżempju l-materja prima, l-ispejjeż fuq it-teknoloġija u tax-xogħol, il-produzzjoni, il-bejgħ u l-investimenti, isiru bi tweġiba għas-sinjali tas-suq filwaqt li jirriflettu l-provvista u d-domanda, u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat f’dan ir-rigward, u n-nefqiet fuq inputs maġġuri jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq,

[…]

Għandu jiġi stabbilit jekk il-produttur jilħaqx il-kriterja msemmija hawn fuq fi żmien tliet xhur mill-bidu ta’ l-investigazzjoni, wara konsultazzjoni speċifika tal-Kumitat Konsultattiv u wara li l-industrija tal-Komunità tkun ingħatat l-opportunità li tikkommenta. Din id-deċiżjoni għandha tibqa’ fis-seħħ matul l-investigazzjoni kollha.”

5        Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 9(5) u l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku:

“5. […]

Madankollu, fejn japplika l-Artikolu 2(7)(a), għandu jiġi speċifikat dazju individwali għall-esportaturi li jistgħu juru, fuq bażi ta’ pretensjonijiet sostanzjati li:

a)      fil-każ ta’ ditti li huma kompletament jew parzjalment ta’ sidien barranin jew intrapriżi konġunti, huma liberi li jibgħatu lura lejn pajjiżhom il-kapital u l-profitti;

b)      il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni u l-kwantitajiet u l-kondizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ huma determinati liberament;

c)      il-maġġoranza ta’ l-ishma jappartjenu lil persuni privati, l-uffiċjali ta’ l-Istat li jidhru fuq il-Bord tad-Diretturi jew li għandhom karigi maniġerjali importanti jew huma fil-minoranza jew għandu jintwera’ li l-kumpannija hi xorta waħda indipendenti biżżejjed mill-indħil ta’ l-Istat;

d)      il-konverżjonijiet tal-kambju jitwettqu skont ir-rata fis-suq; u

e)      l-indħil ta’ l-Istat mhux tali li jippermetti ħelsien mir-restrizzj onijiet ta’ miżuri jekk l-esportaturi individwali jingħatawlhom rati differenti ta’ dazju.

Fejn il-Kummissjoni llimitat l-eżaminazzjoni tagħha skond l-Artikolu 17, kwalunkwe dazju kontra l-bejgħ taħt il-prezz [dazju antidumping] applikat għall-importazzjonijiet minn esportaturi jew produtturi li għamlu lilhom infushom magħrufa skond l-Artikolu 17 imma ma ġewx inklużi fl-eżaminazzjoni ma għandux jaqbeż il-marġini medja stabbilit għall-partijiet fil-kampjun. Għall-iskopijiet ta’ dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tinjora kwlaunkwe marġini żero u de minimis, u marġini stabbiliti fiċ-ċirkustanzi li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 18. Dazji individwali għandhom jiġu applikati għall-importazzjonijiet minn kwlaunkwe esportatur jew produttur li huwa mogħti trattament individwali, kif previsti fl-Artikolu 17.”

6        L-Artikolu 2(8) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jipprovdu:

“8. Il-prezz fuq l-esportazzjoni għandu jkun il-prezz attwalment imħallas jew li għandu jitħallas għall-prodott meta mibjugħ għall-esportazzjoni mill-pajjiż ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità.

9. F’każijiet fejn ma hemm ebda prezz ta’ l-esportazzjoni [... hu] jista’ jiġi kostrutt fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti impurtati huma l-ewwel mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti, jew, jekk il-prodotti ma humiex mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti, jew ma humiex mibjugħin mill-ġdid fil-kundizzjoni li fiha ġew impurtati, fuq kwlaunkwe bażi raġjonevoli.”

7        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

“10. Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ magħmula kemm jista’ jkun kważi fl-istess ħin u b’kont dovut meħud ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragun tal-prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni kif stabbiliti ma humiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm disposizzjoni, f’forma ta’ aġġustamenti, f’kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragun tal-prezzijiet […]”

8        Skont l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku:

“Soġġetti għad-disposizzjonijiet rilevanti li jirregolaw paragun xieraq, l-eżistenza ta’ marġini ta’ bejgħ taħt il-prezz [marġni ta’ dumping] matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għandha normalment tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ paragun ta’ valur normali medju peżat ma’ medja peżata tal-prezzijiet tat-transizzjonijiet kollha ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità, jew b’paragun tal-valuri normali individwali u l-prezzijiet individwali ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità fuq bażi ta’ transizzjoni ma’ transizzjoni. Madanakollu, valur normali stabbilit fuq bażi ta’ medja peżata jista’ jiġi mqabbel ma’ prezzijiet tat-transizzjonijiet individwali kollha ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità, jekk hemm mudell ta’ prezzijiet ta’ l-esportazzjoni li ma jaqbilx b’mod sinifikanti fost xerrejja differenti, reġjuni jew perjodi ta’ żmien differenti, u jekk il-metodi speċifikati fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu ma kienux jirriflettu il-grad sħiħ tal-bejgħ taħt il-prezz [tad-dumping] ipprattikat. Dan il-paragrafu ma għandux iħalli barra l-użu ta’ teħid ta’ kampjuni skond l-Artikolu 17.”

9        Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu, l-Artikolu 3(2), (3) u (6) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

“2. Il-ħsara trid tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u għandha tinvolvi eżaminazzjoni objettiva kemm ta’ (a) il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett ta’ l-importazzjonijiet mibjugħin taħt il-prezz fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għall-prodotti simili; u kemm (b) l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija Komunitarja.

3. [...] Fejn għandu x’jaqsam l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm waqgħat sinifikanti fil-prezzijiet mix-xiri taħt il-prezz ta’ l-importazzjonijiet meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili ta' l-industrija Komunitarja, jew jekk l-effett ta’ importazzonijiet bħal dawn huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żjidiet fil-prezz, li setgħu jseħħu, sa grad sinifikanti. L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.

[…]

6. Għandu jiġi muri, mill-evidenza rilevanti kollha ppreżentata fejn jidħol il-paragrafu 2, li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping qegħdin jikkawżaw ħsara skond it-tifsira ta’ dan ir-Regolament. B’mod speċifiku, dan għandu jinvolvi dimostrazzjoni li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati skond il-paragrafu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija Komunitarja kif stabbilita fil-paragrafu 5, u li dan l-impatt jeżisti sa grad li jagħmlu possibbli li jiġi kklasifikat bħala materjali.”

10      Skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, “[l]- ammont tad-dazju proviżjonali kontra l-bejgħ taħt il-prezz [dazju proviżjonali antidumping] ma għandux jaqbeż il-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz [il-marġni tad-dumping] stabbilit, iżda għandu jkun inqas mill-marġini jekk dazju inqas kien ikun xieraq biex ineħħi l-ħsara lill-industrija Komunitarja.”

11      Fir-rigward tat-teknika dwar l-użu tal-kampjuni, l-Artikolu 17(1) u (3) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

“1. F’każijiet fejn in-numru ta’ min qiegħed jilmenta, l-esportaturi jew l-importaturi, it-tipi ta’ prodott jew it-transizzjonijiet huma kbar, l-investigazzjoni tista’ tiġi limitata għal numru raġjonevoli ta’ partijiet, prodotti, jew transizzjonijiet bl-użu ta’ teħid ta’ kampjuni li huma statistikament validi fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli fiż-żmien ta’ l-għażla, jew għall-akbar volum ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet rappreżentanti li jistgħu b’mod raġjonevoli jiġu investigati fiż-żmien disponibbli.

[…]

3. F’każijiet fejn l-eżaminazzjoni tkun ġiet limitata skond dan l-Artikolu, il-marġini individwali tal-bejgħ taħt il-prezz [tad-dumping] għandu, madanakollu, jiġi kkalklulat għal kwalunkwe esportatur jew produttur mhux inizzjalment magħżul li jissottometti l-informazzjoni neċessarja fi żmien il-limiti ta’ żmien previsti f’dan id-Regolament, ħlief fejn in-numru ta’ esportaturi jew produtturi jkun daqshekk kbir li eżaminazzjonijiet individwali kienu jkunu ta’ piż mhux dovut u kienu jkunu ta’ xkiel għat-tmiem ta’ l-investigazzjoni f’qasir żmien.”

12      Skont l-Artikoli 18(1), (3), (4) u (6) tar-Regolament bażiku:

“1. F’każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta aċċess għal, jew inkella ma tagħtix informazzjoni neċessarja fi żmien il-limiti ta’ żmien mogħtija f’dan ir-Regolament, jew timpedixxi l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet proviżjonali jew finali, affirmattivi jew negattivi, jistgħu jiġu magħmula fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. Fejn jinstab li parti interessata tkun forniet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha tiġi injorata u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli. Partijiet interessati għandhom jiġu magħmula konxji mill-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ koperazzjoni.

[…]

3. Fejn l-informazzjoni sottomessa minn parti interessata ma tkunx ideali f’kull rispett, din ma għandhiex madanakollu tiġi injorata, sakemm in-nuqqasijiet ma jkunux tali li jikkawżaw diffikultà mhux dovuta fil-wasla għas-sejba preċiża b’mod raġjonevoli u li l-informazzjoni tiġi sottomessa kif xieraq f’qasir żmien u li din tista’ tiġi vverifikata, u li l-parti tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista’.

4. Jekk evidenza jew informazzjoni ma humiex aċċettati, il-parti li tforni l-informazzjoni għandha tiġi infurmata mill-ewwel bir-raġunijiet segwenti u għandha tiġi mogħtija l-opporunità li tagħti iktar spjegazzjonjiet fi żmien il-limitu ta’ żmien speċifikat. Jekk l-ispjegazzjonijiet jiġu kkunsidrati mhux soddisfaċenti, ir-raġunijiet għal ċaħda ta’ evidenza jew informazzjoni bħal din għandhom jiġu rivelati u mogħtija f’sejbiet pubblikati.

[…]

6. Jekk parti interessata ma tikkoperax, jew tikkopera biss parzjalment, sabiex informazzjoni rilevanti tiġi b’hekk miżmuma, ir-riżultat jista jkun inqas favorevoli għall-parti milli kieku kienet ikkoperat.”

13      Skont il-punt 3 tal-Anness II tal-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ 1994 (GATT) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21 p. 189, iktar ’il quddiem il-“kodiċi antidumping tal-1994”), inkluż fl-Anness 1 A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ (WTO) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21 p. 82):

“3. Kull informazzjoni li tista’ tiġi verifikata, li tiġi sottomessa b’mod xieraq sabiex tkun tista’ tintuża fl-investigazzjonijiet mingħajr ħafna diffikultajiet, li tiġi pprovduta f’ċerti ħin, u, fejn hija applikabbli, li tiġi fornita b’mezz ta’ lingwa kompjuterizzata kif rikjesta mill-awtoritajiet, għandha titqies meta jsiru d-determinazzjonijiet […]”

14      L-Artikolu 20(1), (2), (4) u (5) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

“1. Min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, u r-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni, jistgħu jitolbu żvelar tad-dettalji taħt il-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet fuq il-bażi li fuqha ġew imposti l-miżuri proviżjonali. Talbiet għal żvelar bħal dan għandhom jiġu magħmula bil-miktub immedjatament wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżjonali, u l-iżvelar għandu jsir bil-miktub kemm jista’ jkun malajr possibbli wara.

2. Il-partijiet msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitolbu żvelar finali tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali fuq il-bażi li fuqha huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi, jew it-terminazzjoni ta’ investigazzjoni jew proċeduri mingħajr impożizzjoni tal-miżuri, b’attenzjoni partikolari mogħtija lill-iżvelar ta’ kwalunkwe fatti jew kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk użati għal kwalunkwe miżuri proviżjonali.

[…]

4. Żvelar finali għandu jiġi mogħti bil-miktub. Għandu jsir, filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, kemm jista’ jkun malajr u, normalment, mhux iktar tard minn xahar qabel deċiżjoni definittiva jew mis-sottomissjoni mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe proposta għal azzjoni finali skond l-Artikolu 9. Fejn il-Kummissjoni ma tkunx fil-pożizzjoni li tiżvela xi fatti jew kunsiderazzjonijiet f’dak il-ħin, dawn għandhom jiġu żvelati kemm jista jkun malajr wara. L-iżvelar ma għandux jippreġudika kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li tista’ tittieħed mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill imma, fejn deċiżjoni bħal din tkun ibbażata fuq kwalunkwe fatti u kunsiderazzjonijiet differenti, dawn għandhom jiġu mikxufa kemm jista jkun malajr.

5. Rappreżentazzjonijiet magħmula wara li jingħata t-tagħrif finali għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk riċevuti fi żmien perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f’kull każ, li għandu jkun mill-inqas 10 t’ijiem, waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta lill-urġenza tal-kwistjoni.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-Regolament ikkontestat

15      Ir-rikorrenti, Sun Sang Kong Yuen Shoes Factory (Hui Yang) Corp. Ltd, hija kumpannija li tipproduċi u tesporta ż-żraben, stabbilita fiċ-Ċina fis-sena 2000.

16      L-importazzjonijiet ta’ żraben li ġejjin miċ-Ċina li jaqgħu f’ċerti kategoriji tan-Nomenklatura Magħquda kienu suġġetti għal sistema ta’ kwoti kwantitattivi li skadiet fl-1 ta’ Jannar 2005.

17      Wara lment ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2005 mill-Confédération européenne de l’industrie de la chaussure (CEC), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bdiet proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċertu żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam. L-avviż tal-ftuħ ta’ din il-proċedura ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Lulju 2005 (ĠU C 166, p. 14, iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ bidu ta’ proċedura”).

18      Minħabba n-numru kbir ta’ partijiet ikkonċernati, fil-punt 5(1)(a) tal-avviż ta’ bidu ta’ proċedura, ġie kkunsidrat illi tintuża t-teknika tat-teħid ta’ kampjuni, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, fil-punt 5.1(b) tal-avviż ta’ bidu ta’ proċedura, il-Kummissjoni speċifikat li, sabiex tikseb informazzjoni li tħoss li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, kienet se tibgħat kwestjonarji, b’mod partikolari, lill-produtturi-esportaturi Ċiniżi u Vjetnamiżi inklużi fil-kampjuni kif ukoll lill-awtoritajiet tal-pajjiżi esportaturi kkonċernati.

19      Ir-rikorrenti kkuntattjat lill-Kummissjoni u fit-23 u fil-25 ta’ Lulju 2005 għaddietilha l-informazzjoni mitluba fil-punt 5(1)(a), (i) u (e) tal-avviż ta’ bidu ta’ proċedura sabiex tkun parti mill-kampjun ta’ prodotturi-esportaturi li din l-istituzzjoni kienet ipproponiet li tistabbilixxi skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku sabiex tingħata l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem “MET”) jew, fin-nuqqas, sabiex tibbenefika minn trattament individwali (iktar ’il quddiem “IT”).

20      Peress illi ntgħażlet sabiex tagħmel parti mill-kampjun ta’ produtturi-esportaturi Ċiniżi, ir-rikorrenti ġiet mitluba tirrispondi l-kwestjonarju tal-Kummissjoni mhux iktar tard mit-12 ta’ Settembru 2005, f’liema data hija bagħtet ir-risposta tagħha għall-imsemmi kwestjonarju.

21      Il-Kummissjoni għamlet żjara ta’ verifika fil-bini tar-rikorrenti bejn l-4 u s-7 ta’ Ottubru 2005. Permezz ta’ posta elettronika tal-21 ta’ Ottubru 2005, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni lista finali tal-bejgħ tagħha fis-suq Komunitarju, tranżazzjoni wara l-oħra.

22      Permezz ta’ faks tat-12 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti l-konklużjonijiet preliminari tagħha dwar it-talba tagħha għal MET/IT. Fir-rigward tal-kriterju dwar id-deċiżjonijiet tal-impriżi (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni stqarret li, fir-rigward tal-bejgħ, ir-rikorrenti kienet obbligata, bl-Istatut u bil-liċenzja kummerċjali tagħha, li tesporta l-produzzjoni kollha tagħha u li ma kienet ħadet l-ebda azzjoni sabiex tibdel din is-sitwazzjoni. Minn dan kien jirriżulta li r-rikorrenti kienet suġġetta għal interferenza sinjifikattiva mill-Istat, li permezz tal-liċenzja kummerċjali, kien illimita l-attività tagħha għall-esportazzjoni biss. Barra minn hekk, fir-rigward tal-istess kriterju, il-Kummissjoni rrilevat li, f’dak li jikkonċerna r-ripatrijazzjoni tal-profitti, ir-rikorrenti ma setgħetx tagħmel dan mingħajr awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u minkejja l-fatt li r-rikorrenti kienet tissodisfa l-kriterji l-oħra msemmija fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni pproponiet li tiċħad it-talba tal-MET inkwistjoni.

23      Il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti sabiex tibgħatilha l-kummenti eventwali tagħha fuq dan id-dokument sad-19 ta’ Diċembru 2005, f’liema data din tal-aħħar bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha. Fir-rigward tal-esportazzjoni tal-produzzjoni kollha tagħha, ir-rikorrenti enfasizzat li din kienet għażla tagħha, ibbażata fuq kunsiderazzjonijeit ta’ “konvenjenza amministrattiva” marbuta mal-intaxxar tagħha tal-VAT kif ukoll fuq il-fatt li l-prodotti tagħha kienu intiżi esklużivament għas-swieq Komunitarji u dawk tal-Istati Uniti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti pproduċiet ċertifikat tal-Uffiċċju tal-Kummerċ Barrani u tal-Kooperazzjoni Ekonomika tad-distrett ta’ Hui Yang fil-belt ta’ Hui Zhou (Provinċja ta’ Guangdong Province, iċ-Ċina), li hija kienet tista’ tibdel l-Istatut tagħha dwar id-destinazzjoni tal-produzzjoni tagħha, mingħajr restrizzjonijiet min-naħa tal-awtoritajiet Ċiniżi f’dan ir-rigward. F’dak li jirrigwarda r-ripatrijazzjoni tal-profitti, ir-rikorrenti sostniet li l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva kienet purament formali, peress li l-uniku għan tagħha kien li tikkontrolla l-validità tad-dokumentazzjoni relatata, jiġifieri dik dwar il-konstatazzjoni tal-profitti, il-pagament tat-taxxi rilevanti, il-fatt li l-amministrazzjoni tal-kumpannija effettivament iddeċidiet dwar it-tqassim tal-profitti, eċċ. Bħala prova ta’ dawn l-allegazzjonijiet, ir-rikorrenti pproduċiet ċirkulari tal-amministrazzjoni Ċiniża kif ukoll opinjoni legali bid-dettalji dwar l-applikazzjoni taċ-ċirkulari inkwistjoni.

24      Il-Kummissjoni rrispondiet permezz ta’ faks tat-23 ta’ Frar 2006, li permezz tagħha spjegat li ma riditx tibdel l-evalwazzjoni inizjali tagħha. Dwar id-destinazzjoni tal-produzzjoni tar-rikorrenti, il-Kummissjoni enfasizzat li l-osservazzjonijiet sottomessi ma kinux jibdlu l-fatt li matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, ir-rikorrenti kienet ipprojbita milli tbigħ fuq is-suq Ċiniż u li kull bidla f’din is-sitwazzjoni kienet suġġetta għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Istat. Fir-rigward tar-ripatrijazzjoni tal-profitti, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti f’dan ir-rigward, li l-proċedura amministrattiva ma kinitx tammonta għal interferenza sinjifikattiva mill-Istat skont l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Madankollu, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet dwar il-produzzjoni tar-rikorrenti, il-Kummissjoni sostniet li din tal-aħħar ma kinitx tissodisfa l-kriterju inkwistjoni. Għalhekk ir-rikorrenti ma ngħatatx MET.

25      Permezz ta’ faks tal-24 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li ma kienx irnexxielha tikseb kampjun rappreżentattiv ta’ tranżazzjonijiet dwar il-bejgħ fis-suq Komunitarju sabiex tikkalkola l-prezzijiet tal-esportazzjoni kif ukoll il-prezzijiet CIF fil-fruntiera tal-Komunità. Dan kien dovut għall-fatt li d-data fil-lista tal-bejgħ tar-rikorrenti fis-suq Komunitarju, tranżazzjoni wara l-oħra, ipprovduta minnha, kienet sostanzjalment sopravvalutata meta mqabbla maċ-ċifri totali reali, fatt li kien ikkonfermat mir-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-marġni tad-dumping kien ikkalkolat skont id-data disponibbli, b’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

26      Il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti tibgħatilha l-kummenti eventwali tagħha fuq dan id-dokument sas-6 ta’ Marzu 2006, f’liema data din tal-aħħar għamlet l-osservazzjonijiet tagħha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti enfasizzat li l-ilmenti tal-Kummissjoni kienu magħmula b’mod tant vag li ma setgħetx tifhem f’hiex kienet tikkonsisti s-sopravalutazzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti qatt ma kkonfermat l-eżistenza ta’ sopravalutazzjoni, u spjegat kemm-il darba li l-esportazzjonijiet tagħha kienu saru permezz ta’ kumpanniji ta’ kummerċ indipendenti, u li għalhekk kien imposibbli għaliha li tkun taf id-destinazzjoni finali tal-prodott f’kull każ. Iktar minn hekk, il-bejgħ kollu tar-rikorrenti sar FOB, b’tali mod li r-rikorrenti ma kellhiex id-data relatati mal-prezzijiet CIF fil-fruntiera tal-Komunità. Matul il-verifika fuq il-post, il-Kummissjoni ma allegatx li l-informazzjoni ma kinitx korretta u lanqas ikkontestat l-eżattezza tad-data miġbura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti kkontestat l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku għall-finijiet tal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni jew tal-marġni tad-dumping.

27      Fit-23 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni addottat ir-Regolament (KE) Nru 553/2006 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ ċerti żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Vjetnam (ĠU L 98, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”).

28      Skont il-premessa 9 tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni dwar id-dumping u d-dannu kopriet il-perijodu bejn l-1 ta’ April 2004 u l-31 ta’ Marzu 2005 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tal-elementi rilevanti għall-evalwazzjoni tad-dannu kopra l-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u l-31 ta’ Marzu 2005 (iktar ’il quddiem “il-perijodu kkunsidrat”).

29      Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi stabbilit valur normali għal dak li jirrigwarda l-produtturi-esportaturi Ċiniżi u Vjetnamiżi li ma setgħux jingħataw MET, saret żjara ta’ verifika fuq is-sit ta’ tliet kumpanniji Brażiljani, sabiex jiġi stabbilit il-valur normali abbażi ta’ data minn pajjiżi analogu, f’dan il-każ, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil (premessa 8 tar-Regolament provviżorju).

30      Fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, mill-premessi 10, 11, 40 u 41 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li dan jinkludi essenzjalment sandlijiet, buts, żraben informali u żraben formali, ilkoll prodotti bil-parti ta’ fuq tal-ġilda naturali jew rikostitwita. Barra minn hekk, mill-premessi 12 sa 31 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li l-Kummissjoni eskludiet mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat iż-żraben tal-isports b’teknoloġija speċjali (Special Technology Athletic Footwear) u li hija inkludiet iż-żraben għat-tfal.

31      Fir-rigward tal-prodott simili, fil-premessa 46 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prodott ikkonċernat u ż-żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam u mibjugħa fis-suq domestiku tagħhom, kif ukoll iż-żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda prodotti u mibjugħa fil-Komunità Ewropea mill-industrija Komunitarja, kienu simili mil-lat tal-karatteristiċi essenzjali fiżiċi u tekniċi tagħhom u tal-użu tagħhom u kienu meqjusa mill-utenti bħala li jistgħu jiġu skambjati. Għaldaqstant, skont il-premessa 52 tar-Regolament provviżorju, it-tipi kollha ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda naturali jew rikostitwita u mibjugħa fil-pajjiżi kkonċernati u fil-Brażil u dawk prodotti u mibjugħa fis-suq Komunitarju mill-industrija Komunitarja kienu simili għal dawk esportati mill-pajjiżi kkonċernati lejn il-Komunità.

32      Mill-premessa 57 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li, sabiex tistabbilixxi d-dumping, il-Kummissjoni rrikorriet għat-teknika tat-teħid tal-kampjuni. Għal dan il-għan, hija ħadet kampjun li kien jinkludi tlettax-il produttur-esportatur Ċiniż li jirrappreżentaw iktar minn 20 % tal-volum tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn il-Komunità. Skont il-premessa 8(c) tar-Regolament provviżorju, ir-rikorrenti hija l-ħdax-il kumpannija fil-lista tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi li jagħmlu parti mill-kampjun.

33      Skont il-premessa 69 tar-Regolament provviżorju, ir-rikorrenti ma ngħatatx l-MET minħabba li ma kinitx tissodisfa l-ewwel kriterju dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat (ara l-punti 22 sa 24 iktar ’il fuq).

34      Fir-rigward tat-talba għal IT, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 94 tar-Regolament provviżorju, li r-rekwiżit li impriża tesporta l-produzzjoni tagħha kollha jew parti sinjifikattiva minnha jfisser ukoll li din ma kinitx tissodisfa l-kriterju stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu (9)(5)(b) tar-Regolament bażiku (ara l-punt 5 iktar ’il fuq).

35      Fir-rigward tal-prezz tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni spjegat, fil-premessa 130 tar-Regolament provviżorju, li, meta l-bejgħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità twettaq minn kumpanniji ta’ kummerċ indipendenti, dan kien stabbilit abbażi tal-prezzijiet tal-prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lill-kumpanniji ta’ kummerċ mill-produtturi kkonċernati, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku (ara l-punt 6 iktar ’il fuq).

36      Skont il-premessa 131 tar-Regolament provviżorju, il-paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ġie kkalkolat skont il-livell meta l-prodott jitlaq mill-fabbrika. Għall-finijiet ta’ paragun xieraq, tqisu, fil-forma ta’ aġġustamenti, id-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tagħhom, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku (premessa 132 tar-Regolament provviżorju).

37      Fir-rigward tad-dannu, il-Kummissjoni eżaminat, b’mod partikolari, il-livell tat-traħħis tal-prezzijiet tal-importazzjoni. Għal dan l-għan, il-prezzijiet tal-importazzjoni CIF, fil-fruntiera tal-Komunità, wara d-dazju, ġew aġġustati b’żieda sabiex jitqisu l-ispejjeż li l-importaturi jbatu fil-Komunità, bħalma huma dawk marbuta mal-iżvilupp, mal-għażla tal-materja prima, eċċ, u ġew imqabbla mal-prezzijiet tal-industrija Komunitarja fil-livell meta l-prodott jitlaq mill-fabbrika u fl-istess stadju kummerċjali. Dan il-paragun wassal għal marġni tat-traħħis ta’ 12.8 % għaż-żraben li joriġinaw miċ-Ċina (premessi 167 u 168 tar-Regolament provviżorju).

38      B’ittra tas-7 ta’ April 2006, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti, b’applikazzjoni tal-Artikoli 14(2) u 20(1) tar-Regolament bażiku, rispettivament, kopja tar-Regolament provviżorju u dokument b’informazzjoni fuq id-dettalji li kienu l-bażi tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġew imposti d-dazji antidumping provviżorji (iktar ’il quddiem id-“dokument interim ta’ informazzjoni”). Il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti tissottomettilha l-kummenti eventwali tagħha fuq dawn id-dokumenti sat-8 ta’ Mejju 2006.

39      Permezz ta’ posta elettronika tas-27 ta’ April 2006, ir-rikorrenti lmentat għaliex l-informazzjoni fid-dokument interim ta’ informazzjoni ma kinitx kompleta billi enfasizzat id-data marbuta mal-aġġustamenti tal-prezzijiet għall-finijiet tal-kalkolu tad-dumping u tal-livell tat-traħħis. Ir-rikorrenti reġgħet sostniet dawn l-oġġezzjonijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha tat-8 ta’ Mejju 2006.

40      Permezz ta’ posta elettronika tas-16 ta’ Mejju 2006, ir-rikorrenti enfasizzat, b’mod partikolari, li l-aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni tagħha b’15 % għall-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp kien inqas mill-ispejjeż li effettivament għamlet, peress illi huwa ma qisx l-ispejjeż u l-marġni sinjifikattivi tal-kumpanniji ta’ kummerċ, li permezz tagħhom ċerti produtturi Ċiniżi jittrasportaw il-merkanzija tagħhom lejn is-suq Komunitarju.

41      Permezz ta’ faks tas-7 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni, skont l-Artikoli 20(2) sa (4) tar-Regolament bażiku, bagħtet lir-rikorrenti dokument finali ta’ informazzjoni fuq il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġiet proposta l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping definittivi.

42      Taħt il-kapitolu Ħ ta’ dan id-dokument, il-Kummissjoni esponiet il-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar il-miżuri antidumping definittivi li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kien ser jipproponi. Fir-rigward tat-tip ta’ miżuri, il-Kummissjoni osservat, l-ewwel nett, illi l-impenji min-naħa tal-produtturi li ma jbigħux inqas mill-prezz li kien jelimina d-dannu sinjifikattiv li l-industrija Komunitarja batiet ma jikkostitwixxux miżuri adegwati, u, it-tieni nett, li kien hemm lok li tiġi applikata sistema ta’ dazji differenti (punti 278 sa 291 tad-dokument finali ta’ informazzjoni).

43      F’dak li jirrigwarda s-sistema ta’ dazji differenti, il-Kummissjoni osservat illi l-volum ta’ importazzjonijiet kellu effett ta’ dannu sinjifikattiv fuq l-industrija Komunitarja mill-1 ta’ Jannar 2005, jiġifieri mid-data meta skadiet is-sistema ta’ kwoti (ara l-punt 16 iktar ’il fuq). Fil-fatt, matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2005, inkluż fil-perijodu ta’ investigazzjoni (ara l-punt 28 iktar ’il fuq), l-industrija Komunitarja ġarrbet, proporzjonalment, it-tnaqqis l-iktar sinjifikattiv matul il-perijodu kkunsidrat f’dak li jirrigwarda diversi indikaturi ekonomiċi, bħalma huma d-dħul, il-prezz tal-bejgħ, il-partijiet fis-suq, il-bejgħ, l-impjieg u l-produzzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tat attenzjoni partikolari għall-element kwantitattiv tal-prattiki tad-dumping sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dannu. B’hekk, hija qieset illi l-importazzjonijiet li jaqbżu ċertu volum biss kienu l-oriġini tad-dannu u li, għalhekk, interferenza fil-forma ta’ dazji ad valorem ma kinitx meħtieġa sabiex il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni ġusta jerġgħu jiġu stabbiliti. Għaldaqstant, dazji antidumping għandhom jiġu applikati biss għall-kwantitajiet ta’ prodotti li jmorru lil hinn minn ċertu volum fis-sena. F’din il-kawża, tali sistema ta’ dazji differenti għandha tkun biżżejjed sabiex telimina d-dannu inkwantu din tikkunsidra l-effetti tas-sistema ta’ kwoti u tibbilanċja l-interessi tal-partijiet ikkonċernati. B’hekk id-dazji antidumping proposti għandhom jiġu applikati għall-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina li jaqbżu l-140 miljun par żarbun fis-sena. Dan il-volum jirrifletti l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-importazzjonijiet li oriġinaw miċ-Ċina fl-2005 filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-kwantitajiet importati fl-2004 (punti 285 sa 287 u 291 tad-dokument finali ta’ informazzjoni).

44      B’hekk, il-Kummissjoni pproponiet l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping definittiv, ekwivalenti għall-marġni ta’ eliminazzjoni tad-dannu, fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina li jaqbżu l-140 miljun par żarbun fis-sena. Dan il-marġni ġie stabbilit fuq il-livell tat-traħħis tal-prezzijiet ta’ riferiment, jiġifieri 23 % (punt 293 tad-dokument finali ta’ informazzjoni).

45      Il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti tibgħatilha l-kummenti tagħha fuq id-dokument finali ta’ informazzjoni sas-17 ta’ Lulju 2006.

46      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni kopja tal-liċenzja kummerċjali tagħha kif ukoll tad-deċiżjoni li permezz tagħha biddlet l-Istatut tagħha, sabiex il-prodotti tagħha minn dakinhar ’il quddiem ikunu intiżi kemm għall-esportazzjoni kif ukoll għas-suq Ċiniż. Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Awwissu 2002, il-Kummissjoni rrifjutat li terġa’ tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-għoti tal-MET għaliex it-terminu previst għal dan il-għan kien skada.

47      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali. Skont l-ewwel żewġ paragrafi tiegħu, dan id-dokument kellu l-għan li jinforma lill-partijiet ikkonċernati b’bidla fil-konfigurazzjoni tad-dazji antidumping definittivi li kienu ser jiġu proposti. Id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kummerċ” tal-Kummissjoni kien eżamina l-osservazzjonijiet ippreżentati minn ċerti partijiet ikkonċernati dwar is-sistema ta’ dazji differenti inizjalment maħsuba (ara l-punti 42 sa 44 iktar ’il fuq). Permezz ta’ dan id-dokument, il-Kummissjoni abbandunat l-idea ta’ din is-sistema. Fil-kuntest tal-approċċ ġdid tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat li ż-żieda vera ta’ dannu mill-importazzjonijiet seħħet matul is-sena 2004 u baqgħet sejra sa tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni, u li l-2005 kienet l-ewwel sena li matulha l-importazzjonijiet ta’ żraben ġejjin miċ-Ċina ma baqgħux suġġetti għas-sistema ta’ kwoti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet volum ta’ importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu billi bbażat ruħha fuq l-importazzjonijiet li oriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam fl-2003, jiġifieri 109 miljun par żarbun. Skont dan l-approċċ ġdid, l-impatt ekonomiku ta’ dan il-volum għandu jiġi kkunsidrat meta jiġi stabbilit il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu. B’hekk, minn naħa, il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu tnaqqas sabiex jitqies il-volum tal-importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu, u min-naħa l-oħra, id-dazji definittivi ġew applikati mill-ewwel par importat. Skont dan il-metodu, li jistabbilixxi erba’ stadji li huma mniżżla f’dan id-dokument, il-Kummissjoni kkonkludiet, għall-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina, u fuq il-bażi tar-“regola tal-inqas dazju”, l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping definittiv ugwali għal-livell meħtieġ sabiex jiġi eliminat d-dannu, li f’dan il-każ kien ta’ 16.5 %.

48      Għall-finijiet tal-formalizzazzjoni ta’ din il-proposta ġdida, il-Kummissjoni hemżet, mal-ittra tat-28 ta’ Lulju 2006, il-punti li kellhom jitniżżlu taħt il-kapitolu il-ġdid Ħ tad-dokument finali ta’ informazzjoni u li jissostitwixxu dawk imniżżla taħt il-kapitolu li jikkorrispondi għal dan tal-aħħar (ara l-punt 42 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni esponiet, fil-punti 278 u 279 li kellhom jitniżżlu taħt il-kapitolu l-ġdid Ħ tad-dokument finali ta’ informazzjoni, li huma biss l-importazzjonijiet li jaqbżu ċertu volum qabel skadiet is-sistema ta’ kwoti li setgħu jikkawżaw dannu sinjifikattiv, u dan minkejja l-fatt, fil-kuntest li jiġi stabbilit il-livell ġdid tal-eliminazzjoni tad-dannu abbażi tar-riżultati tal-perijodu ta’ investigazzjoni, li ċerti kwantitajiet importati li ma kkawżawx dannu kellhom jiġu kkunsidrati. Għaldaqstant, il-kwantitajiet li ma kkawżawx dannu sinjifikattiv kellhom jitqiesu fl-iffissar tal-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu. Fil-punt 280 tal-istess dokument, il-Kummissjoni spjegat il-metodu li ġie implementat.

49      Ir-rikorrenti bagħtet il-kummenti tagħha dwar id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali fit-2 ta’ Awwissu 2006.

50      Fil-5 ta’ Ottubru 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1472/2006, [li] jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn [żraben] bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam (ĠU L 352M, p. 485, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”). Bis-saħħa tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda naturali jew rikostutwita, bl-esklużjoni taż-żraben tal-isports, taż-żraben b’teknoloġija speċjali, tal-papoċċi u ta’ żraben oħra ta’ ġewwa u ta’ żraben b’maskretta protettiva li joriġinaw miċ-Ċina u li jaqgħu taħt diversi subtitoli tan-Nomenkaltura Magħquda (Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat). Ir-rata ta’ dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, għaż-żraben immanifatturati mir-rikorrenti ġiet stabbilita bħala 16.5 %. Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ikkontestat, dan kien applikabbli għal perijodu ta’ sentejn.

51      Fir-rigward tad-definizzjoni tal-prodott simili, il-Kunsill ikkonferma, fil-premessi 40 u 41 tar-Regolament ikkontestat, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 52 tar-Regolament provviżorju (ara l-punt 31 iktar ’il fuq).

52      Skont il-premessa 77 tar-Regolament ikkontestat, il-fatt li żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi ppreżentaw l-Istatut ta’ Assoċjazzjoni mibdul tagħhom seħħ tard wisq sabiex dan ikun jista’ jiġi kkunsidrat. Fil-fatt ma kienx baqa’ żmien sabiex issir verifika skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament bażiku. Fi kwalunkwe każ, dawn ir-restrizzjonijiet ma kinux l-unika raġuni li għaliha l-kumpanniji ma ġewx mogħtija MET.

53      B’hekk, il-konklużjoni negattiva bbażata fuq ir-Regolament provviżorju fir-rigward tal-għoti tal-MET lir-rikorrenti ġiet ikkonfermata fil-premessa 78 tar-Regolament ikkontestat.

54      Fir-rigward tat-talba għal IT, il-Kunsill ikkonferma, fil-premessa 83 tar-Regolament ikkontestat, il-konklużjoni negattiva li għaliha kienet waslet il-Kummissjoni fil-premessa 94 tar-Regolament provviżorju (ara l-punt 34 iktar ’il fuq).

55      Fir-rigward tal-prezz tal-esportazzjoni u tal-paragun mal-valur normali, il-Kunsill ikkonferma, fil-premessi 123 u 138 tar-Regolament ikkontestat, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessi 128 sa 133 tar-Regolament provviżorju (ara l-punti 35 u 36 iktar ’il fuq).

56      Fir-rigward tal-livell ta’ dazju meħtieġ sabiex id-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina jiġi eliminat, il-Kunsill spjega, fil-premessi 296 sa 301 tar-Regolament ikkontestat, filwaqt li rrefera għall-punti 275 sa 280 tal-kapitolu l-ġdid Ħ tad-dokument finali ta’ informazzjoni u mehmuża mad-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali (ara l-punt 47 iktar ’il fuq), illi kien hemm lok li l-partikolaritajiet tal-proċedura preżenti jitqiesu, u b’mod partikolari l-fatt illi sal-1 ta’ Jannar 2005 kien hemm is-sistema ta’ kwoti. Peress illi s-sistema ta’ kwoti ma kkawżatx dannu sinjifikattiv lill-industrija Komunitarja, minkejja li ż-żieda fl-importazzjonijiet wara l-iskadenza ta’ din is-sistema kellha effett partikolarment dannuż, il-Kunsill qies illi huma biss l-importazzjonijiet li jaqbżu ċertu volum qabel ma twaqqfet din is-sistema ta’ kwoti li setgħu jikkawżaw dannu sinjifikattiv. B’hekk, il-livell ta’ dannu, stabbilit fuq il-bażi tar-riżultati tal-perijodu ta’ investigazzjoni, għandu jqis il-fatt illi ċerti volumi ta’ importazzjonijiet ma kkawżawx dannu sinjifikattiv. Din l-operazzjoni, li kienet ibbażata fuq il-valur tal-volumi importati fl-2003, wasslet sabiex, għall-importazzjonijiet li ġejjin miċ-Ċina, il-livell ta’ dannu jiġi stabbilit fl-ammont ta’ 16.5 % u dan minflok il-livell ta’ 23 % li kieku kien jiġi applikat, skont il-premessa 295 tar-Regolament ikkontestat, li kieku l-Kunsill ma kkunsidrax il-partikolaritajiet tal-kawża preżenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

57      Permezz ta’ att ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2006 fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

58      Permezz ta’ rikors ippreżentat fit-2 ta’ April 2007 fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni informat lill-Qorti Ġenerali li hija kienet qed tirrinunzja milli tippreżenta nota ta’ intervent iżda li kienet se tieħu sehem fis-seduta.

59      Permezz ta’ rikors ippreżentat fil-5 ta’ April 2007 fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, is-CEC talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

60      Permezz ta’ rikorsi ippreżentati fit-13 ta’ April 2007 fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, il-Provincia di Ascoli Piceno (l-Italja), il-Comune di Monte Urano (l-Italja), il-kumpannija BA.LA. di Lanciotti Vittorio & C. Sas u s-sittax-il intervenjent ieħor li ismu huwa mniżżel fl-anness (iktar ’il quddiem il-“produtturi Taljani” talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

61      Permezz ta’ digriet tal-4 ta’ Settembru 2007, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta t-talbiet għal intervent ippreżentati mill-Kummissjoni, mis-CEC u mill-produtturi Taljani. Min-naħa l-oħra, it-talbiet tal-Provincia di Ascoli Piceno u tal-Comune di Monte Urano ġew miċħuda.

62      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali kienet inbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, u għalhekk, il-kawża preżenti ġiet assenjata lilha.

63      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Ottubru 2007, il-Provincia di Ascoli Piceno u l-Comune di Monte Urano ppreżentaw, skont l-Artikolu 57(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell li permezz tiegħu huma talbu l-annullament tad-digriet tal-4 ta’ Settembru 2007 inkwantu l-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet tagħhom għal intervent. Permezz ta’ digriet tal-25 ta’ Jannar 2008 [C‑461/07 P(I) Provincia di Ascoli Piceno u Comune di Monte Urano vs Il-Kunsill, Ġabra p. I-11] il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad dan l-appell.

64      Is-CEC u l-produtturi Taljani ppreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom fil-15 u fit-18 ta’ Ottubru 2007 rispettivament.

65      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu bil-miktub għal diversi mistoqsijiet.

66      Permezz ta’ ittri li waslu fit-2 ta’ Frar 2009, il-partijiet ikkonformaw ruħhom mal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura meħuda mill-Qorti Ġenerali.

67      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Frar 2009, il-Kunsill talab sabiex ċerti partijiet mir-risposti tar-rikorrenti dwar it-tieni motiv kif ukoll id-dokumenti annessi magħhom, jitneħħew mill-proċess għaliex l-imsemmija tweġibiet ma kellhomx x’jaqsmu mal-mistoqsijiet magħmula, iżda kienu jikkostitwixxu motivi ġodda.

68      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-seduta tat-18 ta’ Frar 2009.

69      Waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali talbet lir-rikorrenti sabiex tipproduċi dokument u tagħti informazzjoni bil-miktub. Ir-rikorrenti għamlet dan permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Frar 2009.

70      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat sa fejn jikkonċernaha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

71      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

72      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

73      Is-CEC u l-produtturi Taljani jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

74      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq sitt motivi bbażati rispettivament fuq:

–        ksur tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku;

–        ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku;

–        ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku;

–        ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, ksur tad-drittijiet tad-difiża u nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-dannu subit mill-industrija Komunitarja;

–        żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-dannu subit mill-industrija Komunitarja;

–        ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku u żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar il-paragun bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku

 Argumenti tal-partijiet

75      Ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-ewwel kriterju msemmi fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku ma kienx sodisfatt fil-każ tagħha. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li l-provi dokumentarji pprovduti matul il-proċedura amministrattiva juru li hija kienet ħielsa sabiex tiddeċiedi li tikkummerċjalizza l-prodotti tagħha fis-suq nazzjonali jew għall-esportazzjoni. Fil-fatt, l-obbligu li tagħmel talba sabiex tikseb liċenzja kummerċjali u sabiex temendaha jeżisti għal finijiet ta’ reġistrazzjoni u għalhekk ma jurix interferenza mill-Istat skont l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, ir-rikorrenti spjegat lill-Kummissjoni li l-fatt li l-produzzjoni kollha tagħha kienet intiża għall-esportazzjoni kienet deċiżjoni kummerċjali tagħha (ara l-punti 22 u 23 iktar ’il fuq).

76      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi tat MET lil kumpannija oħra tal-kampjun, Foshan City Nanhai Golden Step Industrial Co., Ltd (iktar ’il quddiem “Golden Step”), minkejja li ma kien hemm xejn x’jiġġustifika din id-differenza fit-trattament.

77      Ir-rikorrenti tfakkar li fit-13 ta’ Lulju 2006, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu previst sabiex isiru l-osservazzjonijiet fuq id-dokument finali ta’ informazzjoni, hija kienet bagħtet lill-Kummissjoni l-istess provi bħal dawk prodotti minn Golden Step, jiġifieri kopja tal-liċenzja tagħha kummerċjali u tal-Istatut emendat tagħha li juri li hija ma kinitx għadha suġġetta għal obbligu ta’ esportazzjoni (ara l-punt 46 iktar ’il fuq). Ir-rifjut tal-Kummissjoni li teżamina dawn il-provi jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku, kif ukoll tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali, peress li Golden Step ukoll ipproduċiet provi wara l-iskadenza tat-terminu previst għall-kummenti fuq id-dokument interim ta’ informazzjoni (ara l-punt 38 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, ir-Regolament bażiku ma jipprovdix terminu għall-produzzjoni tal-provi f’każ ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi. Iktar minn hekk, il-Kummissjoni ma rrispettatx it-terminu ta’ tliet xhur stipulat fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal MET tar-rikorrenti.

78      L-evalwazzjoni magħmula fil-premessa 77 tar-Regolament ikkontestat, li n-nuqqas ta’ eżami tal-informazzjoni inkwistjoni kien dovut għall-impossibbiltà li ssir verifika, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament bażiku (ara l-punt 52 iktar ’il fuq), kienet żbaljata. Fil-fatt, l-ewwel nett, għaddew iktar minn tliet xhur bejn it-13 ta’ Lulju (id-data meta ġew ipprovduti l-provi addizzjoni) u l-5 ta’ Ottubru 2006 (id-data tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat), it-tieni nett, l-ebda verifika ma saret fir-rigward tal-provi tal-istess tip prodotti minn Golden Step, it-tielet nett, ir-rikorrenti ġiet informata biss fis-7 ta’ Lulju 2006 li l-Kummissjoni kienet lesta tirċievi provi addizzjonali u, ir-raba’ nett, li kien preċiżament bħala risposta għall-konstatazzjonijiet magħmula waqt iż-żjara ta’ verifika li r-rikorrenti pproduċiet il-provi inkwistjoni. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni meta tiġi biex tiddeċiedi jekk tikkunsidrax provi prodotti wara l-iskadenza tat-termini preskritti.

79      L-argument li, anki li kieku r-rikorrenti kellha tingħata l-MET it-terminu li kellha l-Kummissjoni ma kienx biżżejjed sabiex tikkalkola l-valur normali, ma għandux jintlaqa’. Fil-fatt, din il-kunsiderazzjoni ma għandhiex tiġġustifika, fir-rigward tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, ir-rifjut li jingħata dan l-istatus. Barra minn hekk, id-datal dwar l-ispejjeż ta’ produzzjoni tar-rikorrenti kienet diġà ngħatat fil-kuntest tal-kwestjonarju antidumping u ġiet ivverifikata matul iż-żjara tal-Kummissjoni fuq il-post. Iktar minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 78 iktar ’il fuq, kienu għaddew tliet xhur minn meta ngħatat din l-aħħar informazzjoni dwar id-destinazzjoni tal-produzzjoni tar-rikorrenti u l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

80      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kunsill li r-rifjut tat-tieni motiv iwassal għar-rifjut tal-ewwel wieħed. Fil-fatt, anki jekk jiġi deċiż li hija ma kkooperatx f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni, il-valur normali seta’ ġie kkalkolat abbażi tal-informazzjoni mill-kontijiet tagħha stess, sabiex jiġi stabbilit marġni ta’ dumping individwali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tat l-informazzjoni kollha mitluba lilha mingħajr kontestazzjoni, b’tali mod li l-Artikolu 18(6) ma huwiex applikabbli. Din l-aħħar dispożizzjoni għandha l-effett li tipprekludi operatur li ma jkunx ta informazzjoni rilevanti milli joġġezzjona dwar il-fatt li n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tiegħu wassal għal konsegwenzi sfavorevoli fil-konfront tiegħu. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda dispożizzjoni u lanqas prassi li tista’ tipprekludi lir-rikorrenti milli tingħata MET jekk hija tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan l-istatus.

81      Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tagħti lir-rikorrenti l-MET hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u tikser, għalhekk, l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

82      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

83      Mill-premessa 125 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li, “[g]ħall-kumpanniji fil-kampjun li ma ssodisafawx il-kriterji [MET], kienet ikkalkulata medja waħda ddiferenzjata [peżata] tal-marġni ta’dumping waħda”, li “din il-medja ddiferenzjata [peżata] tal-marġni tad-dumping tapplika għall-kumpanniji li kkooperaw li ma ddaħħlux fil-kampjun” u li, “billi l-parteċipazzjoni kienet għolja, l-istess marġni tad-dumping ġie applikat ukoll għall-produtturi Ċiniżi l-oħra kollha li jesportaw”. Barra minnhekk, fil-premessa 146 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill indika li “il-livell tal-koperazzjoni kien għoli u għaldaqstant, f’konsistenza mal-prattika standard, kien meqjus adatt li l-marġni ta’ dumping ikun stabbilit għall-produtturi esportaturi li ma koperawx fil-livell tal-medja ddiferenzjata [peżata] tal-marġni ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi li kkoperaw fil-kampjun fil-pajjiżi kkonċernati” Mill-qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-legalità ta’ liema ma ġietx ikkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali, jirriżulta li fil-każ li r-rikorrenti kisbet MET iżda kienet ġiet ikkunsidrata bħala li ma kkooperatx, l-istituzzjonijiet xorta kienu jagħtuha l-medja peżata tal-marġni tad-dumping li ġiet stabbilita għall-produtturi-esportaturi li kienu inklużi fil-kampjun, peress li ma kinitx ikkooperat. Minn dan jirriżulta li, anki li kieku l-istituzzjonijiet kienu żbaljati meta ma tawx l-MET lir-rikorrenti, dak l-iżball ma setax kellu effett sinjifikattiv fuq ir-riżultat li kieku l-Qorti Ġenerali kellha tikkonferma l-evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet li r-rikorrenti ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Konsegwentement jekk il-Qorti Ġenerali kellha tiċħad it-tieni motiv billi tikkontesta l-evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet f’dan ir-rigward, żball eventwalment kommess mill-istituzzjonijiet fir-rigward tal-għoti tal-MET ma setax kellu effett sinjifikattiv fuq il-marġni tad-dumping applikat għar-rikorrenti u għalhekk ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika l-annullament tar-Regolament ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni, T‑126/99, Ġabra p. II‑2427, punt 49).

84      Għaldaqstant it-tieni motiv għandu jiġi eżaminat l-ewwel.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku

 L-argumenti tal-partijiet

85      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni applikat l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-punt 3 tal-Anness II tal-Kodiċi antidumping tal-1994, b’mod żbaljat (ara l-punti 12 u 13 iktar ’il fuq). Fil-fatt, kif ir-rikorrenti spjegat fil-posta elettronika tagħha tas-6 ta’ Marzu 2006, (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), ir-raġunament li l-Kummissjoni segwit fil-komunikazzjoni tagħha tal-24 ta’ Frar 2006 (ara l-punt 25 iktar ’il fuq) ma jiġġustifikax l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kisret ukoll l-Artikolu 18(3) u (4) tar-Regolament bażiku.

86      Fir-rigward ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, ir-rikorrenti tenfasizza li, billi informatha iktar minn erba’ xhur wara ż-żjara ta’ verifika li l-lista tal-bejgħ tagħha fis-suq Komunitarju, tranżazzjoni wara l-oħra, liema lista hija kienet ipprovdiet waqt iż-żjara ta’ verifika, ma kinitx affidabbli, il-Kummissjoni naqset mill-obbligi tagħha li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet.

87      Ir-risposta inizjali għall-kwestjonarju antidumping, mogħtija mir-rikorrenti fit-12 ta’ Settembru 2005, kienet turi li l-esportazzjoni intiża għas-suq Ewropew matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kienet tammonta għal [kunfidenzjali] (1) pari żraben. Dik kienet iċ-ċifra korretta aċċettata mill-Kummissjoni matul iż-żjara ta’ verifika. Id-differenza bejn din iċ-ċifra u ċ-ċifra [kunfidenzjali] pari żraben esportati, imsemmija fid-dokument ippreżentat mir-rikorrenti fid-19 ta’ Settembru 2005, tirriżulta, l-ewwel nett, mill-inklużjoni f’din l-aħħar ċifra ta’ [kunfidenzjali] parti esportati mhux intiżi għas-suq Komunitarju, it-tieni nett, mill-fatt li r-rikorrenti ma kinitx taf id-destinazzjoni finali tal-produzzjoni tagħha kollha, peress illi hija tesporta permezz ta’ kumpanniji ta’ kummerċ indipendenti u, it-tielet nett, mill-inklużjoni, fl-imsemmija lista, tal-bejgħ ta’ żraben li ma jaqgħux fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

88      Wara numru ta’ kontrolli x’aktarx intiżi sabiex jistabbilixxu d-destinazzjoni finali tal-esportazzjonijiet rilevanti u sabiex jeskludu l-bejgħ tal-prodotti minbarra dak tal-prodott ikkonċernat, ir-rikorrenti ppreżentat lista finali fil-21 ta’ Ottubru 2005, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti sabiex jintbagħat il-materjal ikkorreġut wara ż-żjara ta’ verifika.

89      Fir-rigward ta’ kif tmexxiet din iż-żjara, l-aġenti tal-Kummissjoni, fl-ewwel jum, għażlu kampjun ta’ 21 tranżazzjoni (li minnhom 12 kienu jirrigwardaw il-prodott ikkonċernat) u l-għada, eżaminaw id-dokumenti relatati magħhom. Barra minn hekk, huma għażlu 13-il tranżazzjoni relatati mal-bejgħ għall-esportazzjoni lejn is-suq Komunitarju sabiex jivverifikaw il-prezzijiet għall-esportazzjoni abbażi tad-dokumenti relatati. Il-prezzijiet tal-esportazzjoni vverifikati rriżultaw li kienu korretti. Għaldaqstant il-Kunsill huwa inkorrett meta jsostni li l-aġenti tal-Kummissjoni ma setgħux jagħżlu u jivverifikaw kampjun ta’ tranżazzjonijiet matul iż-żjara. Fuq kollox, minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-ebda verifika ma kienet meħtieġa wara li ġiet ippreżentata l-lista finali tal-21 ta’ Ottubru 2005 (ara l-punti 21 u 88 iktar ’il fuq), peress li dak id-dokument kien sempliċement ineħħi l-bejgħ mhux intiż għas-suq Komunitarju u l-bejgħ ta’ prodotti li ma jaqgħux fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, jiġifieri materjal irrilevanti, u ma jżid xejn. Għaldaqstant il-verifika ma kinitx ivvizzjata.

90      Fi kwalunkwe każ, u kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, ir-rikorrenti ma kisret l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament bażiku meta ppreżentat il-lista finali tal-21 ta’ Ottubru 2005. Anki li kieku l-fatti mressqa mill-Kunsill setgħu jwasslu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku (quod non), ma kien hemm ebda raġuni għalfejn il-Kummissjoni ma kellhiex tuża l-prezzijiet tal-esportazzjoni (l-uniku materjal rilevanti) ivverifikati waqt iż-żjara fuq il-post u mhux ikkontestati, peress li l-ilmenti tal-Kunsill kienu jikkonċernaw biss il-volum ta’ żraben esportati. Dawk il-prezzijiet kienu jikkostitwixxu d-data disponibbli għall-Kummissjoni skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku.

91      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma rrisponditx il-kummenti magħmula mir-rikorrenti fil-posta elettronika tagħha tas-6 ta’ Marzu 2006, u lanqas esponiet il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-ispjegazzjonijiet mogħtija matul iż-żjara ta’ verifika, li kienu jagħmluha possibbli li tikkjarifika d-diskrepanzi kollha, tikkonferma d-data kollha dwar il-prezzijiet u tifhem l-partikolaritajiet tal-katina ta’ distribuzzjoni tar-rikorrenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma eżaminatx din il-lista b’kura u imparzjalità.

92      Matul iż-żjara ta’ verifika r-rikorrenti ma ġietx informata dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx ser taċċetta korrezzjonijiet ġodda, minkejja li hija kienet tat lill-Kummissjoni spjegazzjonijiet dwar id-diffikultajiet sabiex saret il-lista finali. Min-naħa l-oħra, jirriżulta b’mod ċar mill-aġir tal-Kummissjoni li hija ma kinitx eskludiet l-fatt li teżamina l-listi kkorreġuti, ħaġa li hija kienet diġà għamlet fir-rigward ta’ data oħra.

93      Fir-rigward tad-data dwar il-prezz CIF, fil-fruntiera tal-Komunità, (ara l-punti 25 u 26 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ssostni li matul l-investigazzjoni hija spjegat li l-irċevuti tal-bejgħ tagħha kienu saru bi prezzijiet FOB u mhux bi prezzijiet CIF, fil-fruntiera tal-Komunità. Għaldaqstant ir-rikorrenti ma hijiex f’pożizzjoni li tagħti data dwar l-ispejjeż magħmula minn meta l-prodott jitlaq mill-fabbrika u jasal fil-fruntiera tal-Komunità, li jinkludu l-profitti sostanzjali tal-kumpanniji ta’ kummerċ indipendenti, liema ammont ir-rikorrenti ma tafx x’inhu. Kien għaliex ir-rikorrenti ma setgħetx tikseb il-valuri CIF, fil-fruntiera tal-Komunità, li hija talbet lill-Kummissjoni tapplika d-data affidabbli pprovduta mill-kumpanniji ta’ kummerċ indipendenti, dwar l-ispejjeż magħmula bejn il-bejgħ FOB u l-wasla tal-prodott fil-fruntiera tal-Komunità. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti aġixxiet “bl-aħjar mod li setgħet” sabiex tagħti l-informazzjoni li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, informazzjoni li l-Kummissjoni setgħet tikkompleta sabiex tasal għal “konklużjoni raġonevolment korretta”.

94      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

95      Għandu jiġi rrilevat li l-partijiet ma jaqblux fir-rigward tal-fatti relatati ma’ dan il-motiv. B’mod partikolari, filwaqt li r-rikorrenti tallega li l-aġenti tal-Kummissjoni setgħu jagħżlu kampjun ta’ bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn is-suq Komunitarju, jeżaminaw id-dokumentazzjoni relatata u, finalment, jivverifikaw il-prezzijiet tal-esportazzjoni, il-Kunsill jikkontesta dan fil-parti l-kbira tiegħu. Il-Kunsill isostni li l-aġenti tal-Kummissjoni ma setgħux jeżaminaw id-dokument relatati mal-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn is-suq Komunitarju matul iż-żjara ta’ verifika fuq il-post u, għalhekk, ma setgħux jivverifikaw il-prezzijiet tal-esportazzjoni.

96      F’dan ir-rigwrd, għandu jiġi osservat li l-Kunsill ma jikkontestax li l-aġenti tal-Kummissjoni effettivament għażlu, fl-ewwel jum taż-żjara ta’ verifika fuq il-post, kampjun ta’ bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn is-suq Komunitarju. Skont il-Kunsill, dan kien dovut għall-fatt li, f’dan l-istadju, l-aġenti tal-Kummissjoni ma kinux għadhom stabbilixxew liema miż-żewġ settijiet ta’ ċifri pprovduti mir-rikorrenti fit-12 u fid-19 ta’ Settembru 2005 rispettivament, kien korrett. Għaldaqstant, li kieku ġie ppruvat li l-lista tad-19 ta’ Settembru 2005, abbażi ta’ liema saret il-verifika, kienet korretta, l-għada, l-aġenti tal-Kummissjoni kienu jipproċedu sabiex jivverifikaw il-kampjun magħżul, peress li sadattant ir-rikorrenti tkun ġabret id-dokumenti kollha relatati mat-tranżazzjonijiet magħżula fil-kampjun.

97      Madankollu, għandu jiġi rrilevat, kif għamel il-Kunsill, li l-verifika ta’ kampjun ta’ tranżazzjonijiet għall-finijiet tal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni abbażi tat-tranżazzjonijiet kollha inklużi fil-lista tal-bejgħ fis-suq Komunitarju, tranżazzjoni wara l-oħra, ma għandha l-ebda utilità meta ġie stabbilit li dik il-lista tinkludi wkoll il-bejgħ għall-esportazzjoni li ma kellux ikun inkluż. Fil-fatt, jekk jiġi stabbilit li tali lista fiha volum sostanzjali ta’ bejgħ mhux identifikat, kemm jekk huma prodotti mhux koperti bid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, kemm jekk huma prodotti li ma humiex esportati lejn is-suq Komunitarju, il-verifika ta’ kampjun ta’ bejgħ, anki jekk jirriżulta li hija konklużiva, ma ssolviex il-problema li t-tranżazzjonijiet kollha li jidhru fil-lista ma jistgħux jintużaw peress li ma humiex affidabbli.

98      F’din il-kawża, l-ewwel nett, ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li, matul iż-żjara ta’ verifika, l-aġenti tal-Kummissjoni qablu mar-rappreżentanti tar-rikorrenti dwar il-volum totali tal-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn is-suq Komunitarju ([kunfidenzjali] pari żraben). Il-partijiet jaqblu wkoll dwar il-fatt li dan il-volum ħareġ mill-ktieb tad-debituri tar-rikorrenti. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni fid-19 ta’ Settembru 2005 ([kunfidenzjali] pari żraben, ara l-punt 87 iktar ’il fuq, kien jirreferi għal volum ta’ esportazzjonijiet sopravvalutati b’madwar 60 % meta mqabbla mal-esportazzjonijiet reali tal-prodott ikkonċernat lejn is-suq Komunitarju, mingħajr ma kien possibbli li matul iż-żjara ta’ verifika jiġu identifikati l-esportazzjonijiet mhux rilevanti. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rikorrenti, fit-12 ta’ Settembru 2005, kienet diġà indikat tielet ċifra ta’ [kunfidenzjali] pari żraben. Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti kellha d-data relatata mal-volum totali tal-esportazzjonijiet tagħha lejn is-suq Komunitarju, il-listi li hija pprovdiet matul il-proċedura kellhom informazzjoni inkonsistenti li, barra minn hekk, ma kinux jipprovdu d-dettalji li setgħu jiċċaraw il-kontradizzjonijiet ikkonstatati. Fl-aħħar nett, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva ma kinux konvinċenti sabiex jispjegaw id-diskrepanzi kkonstatati.

99      Fit-tieni lok, bħala risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni rrilevat li, jekk il-lista ta’ bejgħ fis-suq Komunitarju, tranżazzjoni wara l-oħra, li ġiet ippreżentata mir-rikorrenti qabel u matul iż-żjara ta’ verifika, ma kienx fiha diskrepanzi kkonstatati, hija kienet tipproċedi bil-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni billi tikkunsidra t-tranżazzjonijiet kollha mniżżla fiha. Kien ikun hemm preżunzjoni li din il-lista hija affidabbli jekk, apparti mill-qbil tagħha mal-volum totali tal-prodott ikkonċernat skont il-ktieb tad-debituri, il-verifika tal-kampjun tat-tranżazzjonijiet kienet saret b’suċċess.

100    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li l-proċess ma fih xejn li juri li l-aġenti tal-Kummissjoni effettivament ivverifikaw l-informazzjoni relatata mal-kampjun tal-bejgħ stabbilit matul iż-żjara ta’ verifika. L-elementi li fuqhom tistrieħ ir-rikorrenti, li jikkonsistu f’noti żgħar magħmula bl-idejn mill-aġenti tal-Kummissjoni fil-ġenb ħdejn ċerti tranżazzjonijiet li kienu parti mil-lista tal-bejgħ tar-rikorrenti fis-suq Komunitarju, tranżazzjoni wara l-oħra, juru, l-iktar, li dawn l-aġenti għażlu dan il-bejgħ għall-kampjun, iżda mhux li huma vverifikaw id-dokumenti relatati ma’ kull waħda minnhom.

101    Fir-raba’ lok, mill-proċess ma jirriżultax li l-Kummissjoni indikat, jew matul iż-żjara ta’ verifika fuq il-post, jew wara, li hija kienet disposta tirċievi u tivverifika lista ta’ bejgħ fis-suq Komunitarju, tranżazzjoni wara l-oħra, li kienet tikkorrispondi għall-volum totali korrett tal-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fis-suq Komunitarju. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-komunikazzjoni invokata mir-rikorrenti insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha tikkonsisti f’posta elettronika datata 13 ta’ Ottubru 2005, mibgħuta mill-avukat tagħha lil membru tal-persunal tagħha. Din il-posta elettronika turi, l-ewwel nett, li aġent tal-Kummissjoni kien aċċetta li jestendi t-terminu mogħti sabiex tiġi pprovduta data dwar il-kalkolu tal-valur normali (spejjeż ta’ produzzjoni) sal-21 Ottubru 2005 u, it-tieni nett, li dan l-istess aġent ried ikun jaf jekk il-lista ta’ bejgħ tar-rikorrenti fis-suq Komunitarju, tranżazzjoni wara l-oħra, li kienet għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, kinitx definittiva.

102    Minbarra l-fatt li din il-posta elettronika ma hijiex mibgħuta mill-Kummissjoni, iżda mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li din ma tindikax li l-Kummissjoni kienet tat terminu li jiskadi fil-21 ta’ Ottubru 2005 sabiex tiġi pprovduta verżjoni kkorreġuta tal-lista’ ta’ bejgħ fis-suq Komunitarju, tranżazzjoni wara l-oħra. Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni kienet aċċettat data kkorreġuta relatata mal-valur normali ppreżentata wara ż-żjara ta’ verifika, bħall-ispejjeż ta’ produzzjoni, ma jfissirx li din l-istituzzjoni kienet lesta sabiex b’mod ġenerali taċċetta data kkorreġuta mogħtija wara ż-żjara ta’ verifika fir-rigward ta’ kwalunkwe aspett ieħor. Fil-fatt, kif jirriżulta min-notamenti bl-idejn li saru matul iż-żjara ta’ verifika fuq it-tabelli dwar l-ispejjeż ta’ produzzjoni ppreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest tar-risposta tagħha għall-kwestjonarju antidumping, l-aġenti tal-Kummissjoni talbu lir-rikorrenti sabiex tagħmel korrezzjoni waħda speċifikata, jiġifieri, li żżid ammont speċifikat mal-ispejjeż li għamlet Sun Sang Kong Yuen (Hong Kong).

103    Fil-ħames lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku jittrasponi, fid-dritt Komunitarju, il-kontenut tal-punt 6.8 u tal-Anness II tal-Kodiċi antidumping tal-1994, fid-dawl ta’ liema għandu jiġi interpretat sa fejn possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2008, Reliance Industries vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑45/06, Ġabra p. II‑2399, punt 91). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-ikors għal data disponibbli huwa ġġustifikat meta impriża tirrifjuta li tikkoopera jew meta hija tagħti informazzjoni falza jew qarrieqa, peress li t-tieni sentenza tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku ma tirrikjedix aġir intenzjonali.

104    Fil-fatt, il-livell tal-isforzi magħmula minn persuna kkonċernata sabiex tippreżenta ċerta informazzjoni mhux bilfors huwa marbut mal-kwalità sostanzjali tal-informazzjoni mogħtija, u fi kwalunkwe każ, ma huwiex l-uniku element li jista’ jistabbilixxi dan. Għaldaqstant, meta l-informazzjoni mitluba, finalment, ma tinkisibx, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tirrikorri għad-data disponibbli fir-rigward tal-informazzjoni mitluba (ara, fir-rigward tal-punt 6.8 tal-Kodiċi antidumping tal-1994, ir-rapport tal-bord speċjali stabbilit taħt id-WTO intitolat “Eġittu – Miżuri antidumping definittivi għall-importazzjonijiet ta’ sodda tax-xibka tal-azzar mit-Turkija” u adottat fl-1 ta’ Ottubru 2002, punt 7.242).

105    Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament bażiku, li jipprovdi li, meta l-informazzjoni mogħtija ma hijiex l-aħjar waħda possibbli f’kull aspett, xorta ma għandhiex tiġi injorata, sakemm ma hijiex tali li tagħmilha eċċessivament diffiċli li jintlaħqu konklużjonijiet korretti b’mod raġonevoli, tingħata kif xieraq f’qasir żmien, tkun tista’ tiġi vverifikata u l-parti tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista’. Il-fatt li tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista’ jikkostitwixxi għalhekk waħda mill-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex il-Kummissjoni tkun obbligata tikkunsidra l-informazzjoni defiċjenti. Kif jirriżulta mill-punt 98 iktar ’il fuq, minkejja l-fatt li r-rikorrenti kellha l-volum totali tal-esportazzjonijiet tagħha lejn is-suq Komunitarju, id-data li hija tat lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva dwar il-bejgħ tagħha għall-esportazzjoni kienet inkonsistenti, b’tali mod li ma tistax titqies li aġġixxiet bl-aħjar mod li setgħet.

106    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tikkunsidra, għall-finijiet tal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni, listi ta’ bejgħ lejn is-suq Komunitarju, tranżazzjoni wara l-oħra, ippreżentati mir-rikorrenti qabel iż-żjara ta’ verifika peress li l-użu tad-data kollha hemm inkluża kien neċessarjament wassal għal riżultat żbaljat (ara l-punti 97 sa 99 iktar ’il fuq).

107    F’dak li jirrigwarda l-lista ppreżentata fil-21 ta’ Ottubru 2005, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk l-istituzzjonijiet huma intitolati jikkunsidraw informazzjoni li ġiet mibgħuta lilhom wara t-termini stabbiliti minnhom stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2006, Shandong Reipu Biochemicals vs Il-Kunsill, T‑413/03, Ġabra p. II‑2243, punt 67), il-Kummissjoni kienet intitolata tirrifjuta li tikkunsidra din il-lista, peress li ma setgħetx tiġi vverifikata ħlief jekk issir żjara oħra.

108    F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni ma eċċedietx il-marġni ta’ evalwazzjoni tagħha meta kkunsidrat li l-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni ma setax isir b’mod validu abbażi ta’ data disponibbli waqt iż-żjara ta’ verifika (ara l-punti 97 sa 99 iktar ’il fuq). Din l-evalwazzjoni tfisser li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-lista ppreżentata wara l-imsemmija żjara ma setgħetx tkun utli għall-finijiet tal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni, peress illi hija ma kinitx ivverifikat it-tranżazzjonijiet magħżula fil-kampjun fuq il-post. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li t-tranżazzjonijiet magħżula fil-kampjun kienu jidhru wkoll fil-lista ppreżentata fil-21 ta’ Ottubru 2005 huwa irrilevanti.

109    Fid-dawl tal-kontradizzjonijiet sinjifikattivi kkonstatati fir-rigward tal-listi ta’ bejgħ fis-suq Komunitarju, tranżazzjoni wra l-oħra, ippreżentati mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma kkooperatx fir-rigward tal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni tagħha skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

110    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-iżball allegat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv ma jistax iwassal għall-illegalità tar-Regolament ikkontestat, peress li, anki jekk ir-rikorrenti kienet ingħatat MET, l-istituzzjonijiet kienu, fi kwalunkwe każ, jagħtuha l-medja peżata tal-marġni tad-dumping tal-kampjun. Minn dan isegwi li l-ewwel motiv għandu wkoll jiġi miċħud.

111    Fid-dawl taċ-ċaħda tat-tieni motiv, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba tal-Kunsill sabiex ċerti partijiet mit-tweġibiet tar-rikorrenti għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali jitneħħew mill-proċess (ara l-punt 67 iktar ’il fuq).

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku

 L-argumenti tal-partijiet

112    Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, ir-rikorrenti tqis li l-Kunsill ma kkunsidrax, fir-Regolament ikkontestat, il-fatt li hija kienet tbigħ il-prodotti tagħha lil kumpanniji ta’ kummerċ indipendenti li kellhom rwol ta’ intermedjarju bejn il-produtturi Ċiniżi u d-distributuri fis-suq Komunitarju.

113    Skont ir-rikorrenti, il-kumpanniji ta’ kummerċ indipendenti bħall-kumpannija Pagoda, li hija negozjant intermedjarju fil-bejgħ tar-rikorrenti għas-suq Komunitarju, ibatu parti sostanzjali mill-ispejjeż tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni, b’mod partikolari fil-marketing, fl-organizzazzjoni tal-esportazzjonijiet u fir-riċerka u l-iżvilupp. Dawn l-ispejjeż, kif ukoll il-marġni tal-qligħ tal-kumpanniji ta’ kummerċ kellhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġi stabbilit il-prezz CIF, fil-fruntiera tal-Komunità, u għalhekk sabiex jiġi kkalkolat it-traħħis tal-prezzijiet u d-dannu li jirriżulta mill-esportazzjonijiet tar-rikorrenti.

114    Minkejja l-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bir-rwol tal-kumpanniji ta’ kummerċ u bil-marġni tal-qligħ f’ċifri, hija naqset mill-obbligu tagħha li teżamina b’mod oġġettiv l-elementi kollha rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 3 tal-Kodiċi antidumping tal-1994. Billi naqset milli tikkunsidra l-ispejjeż kollha li saru bejn il-prezz FOB tar-rikorrenti u l-prezz fil-wasla tagħhom fil-fruntiera tal-Komunità, minn naħa waħda, u billi ma qisitx il-marġni tal-qligħ tal-kumpanniji ta’ kummerċ indipendenti, bħalma hija Pagoda, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni b’hekk, wettqet kalkolu żbaljat tal-marġni tat-traħħis li jirrigwarda r-rikorrenti. Kalkolu korrett kien iwassal għal inqas dazju antidumping, jew saħansitra għal ebda dazju antidumping.

115    Minn dan jirriżulta li, kieku r-rikorrenti ingħatat l-MET, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi hawn fuq imsemmija, seta’ jagħti lok għal marġni ta’ dannu inqas mill-marġni ta’ dumping tagħha.

116    Il-Kunsill jikkontesta, l-ewwel nett, l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv, filwaqt li jenfasizza li l-motiv inkwistjoni ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura, peress li ma jesponix b’mod ċar il-fatti li fuqhom huwa bbażat. Fil-fatt, il-motiv ma għandux argumenti koerenti u l-affermazzjonijiet li fih ma jikkontradixxux il-fatti stabbiliti mill-istituzzjonijiet u lanqas juru żball min-naħa tagħhom.

117    Sussegwentement, il-Kunsill isostni li r-rikorrenti ma spjegatx li r-raġuni li għaliha l-ebda prezz tal-esportazzjoni ma kien ġie stabbilit fil-konfront tagħha kienet għaliex hija ma kellhiex lista affidabbli tal-bejgħ tagħha fis-suq Komunitarju, tranżazzjoni wara l-oħra. Għaldaqstant, il-prezz tal-esportazzjoni tagħha ma setax jintuża sabiex jiġu kkalkolati marġni ta’ traħħis fir-rigward tal-importazzjonijiet Ċiniżi. Dawn il-marġni kienu ġew stabbiliti b’riferiment għall-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-impriżi li kienu magħżula fil-kampjun u li kkooperaw bis-sħiħ. Għalhekk, anki kieku l-istituzzjonijiet kellhom iżidu l-prezzijiet tal-esportazzjoni tar-rikorrenti bil-marġni tal-impriżi ta’ kummerċ intermedjarji, din il-konklużjoni ma tibdilx ir-riżultat finali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

118    L-ewwel nett, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ssollevata mill-Kunsill u mfissra fil-qosor fil-punt 116 iktar ’il fuq, għandha tiġi miċħuda. Ir-rikorrenti spjegat b’mod ċar li l-fatt li kumpanniji ta’ kummerċ, bħall-kumpannija Pagoda, ma ttiħdux inkunsiderazzjoni, u konsegwentement lanqas ġew ikkunsidrati l-marġni tal-qligħ tagħhom, sabiex jiġi kkalkolat il-marġni tad-dannu, kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, inkwantu dik id-dispożizzjoni titlob eżami oġġettiv tat-traħħis tal-prezzijiet. Barra minn hekk, billi spjegat b’mod espliċitu li l-kumpanniji ta’ kummerċ indipendenti jagħmlu l-marġni tal-qligħ tagħhom qabel id-dħul tal-prodotti fit-territorju Komunitarju, ir-rikorrenti wriet ir-raġuni li għaliha hija tikkunsidra li l-istituzzjonijiet kellhom jikkunsidraw l-imsemmija marġni fil-kuntest tal-kalkolu tal-prezzijiet tal-esportazzjoni tagħha, jekk riedu jikkalkolaw dan it-traħħis b’mod oġġettiv. Ir-rikorrenti għalhekk esponiet l-ilmenti tagħha b’mod preċiż biżżejjed sabiex tippermetti lill-Kunsill sabiex jifhem in-nuqqasijiet li ġie kkritikat għalihom, u l-importanza ta’ dawn in-nuqqasijiet fil-kuntest tal-kalkolu tad-dannu, u sabiex il-Qorti tevalwa l-fondatezza tal-allegazzjonijiet inkwistjoni.

119    F’dak li jirrigwarda l-fondatezza tal-motiv, mill-punti 112 sa 115 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti tilmenta li l-Kunsill ma kkunsidrax l-marġni tal-qligħ tal-kumpanniji ta’ kummerċ, b’mod partikolari tal-kumpannija Pagoda, fil-kalkolu tal-prezz CIF, fil-fruntiera tal-Komunità, tal-esportazzjonijiet tagħha għall-finijiet tal-kalkolu tat-traħħis tal-prezzijiet.

120    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-eżami tat-tieni motiv (ara l-punti 95 sa 110 iktar ’il fuq), l-istituzzjonijiet ma eċċedewx il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom meta kkunsidraw li l-lista tal-bejgħ fis-suq Komunitarju, tranżazzjoni wara l-oħra, ippreżentata mir-rikorrenti, ma setgħetx tintuża għall-finijiet tal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni tal-prodotti mmanifatturati minnha. Għaldaqstant, anki jekk l-istituzzjonijiet kellhom jikkunsidraw l-involviment tal-kumpannija ta’ kummerċ Pagoda fil-kalkolu tal-prezzijiet CIF, fil-fruntiera tal-Komunità, tar-rikorrenti, meta kienu qed jikkalkolaw il-marġni tat-traħħis tal-prezzijiet, dan ma seta’ kellu l-ebda effett fuq il-kalkolu ta’ dan il-marġni tat-traħħis. Fil-fatt, peress li l-prezz tal-esportazzjoni tal-prodotti tar-rikorrenti ma ġiex użat għall-finijiet tal-kalkolu tat-traħħis tal-prezzijiet, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-marġni tal-qligħ ta’ Pagoda fil-kuntest tat-trasport tal-imsemmija prodotti lejn is-suq Komunitarju, ma jistax jaffettwa l-marġni tat-traħħis tal-prezzijiet stabbilit abbażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ kumpanniji oħra fil-kampjun li kkooperaw bis-sħiħ.

121    Minn dan jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

122    Ir-rikorrenti ssostni illi l-istituzzjonijiet la kkomunikaw b’mod adegwat l-analiżi fattwali ġdida dwar id-dannu subit mill-industrija Komunitarja u lanqas offrewlha l-possibbiltà li tippreżenta l-kummenti tagħha fuq din l-evalwazzjoni ġdida dwar il-konfigurazzjoni tad-dazji definittivi (ara l-punti 41 sa 48 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma spjegatx biżżejjed ir-raġunijiet li minħabba fihom biddlet l-analiżi tagħha u l-użu ta’ data differenti minn dik li kienet tinsab fl-ewwel proposta tagħha.

123    Minkejja li fid-dokument finali ta’ informazzjoni l-Kummissjoni qieset illi l-importazzjoni ta’ volum ta’ 140 miljun par żarbun fis-sena ma kellhiex effett dannuż għall-industrija Komunitarja, fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, hija baxxiet din iċ-ċifra b’mod sinjifikattiv għal 41.5 miljun par żarbun, u dan mingħajr ma spjegat ir-raġunijiet li jiġġustifikaw din il-bidla li kellha l-“effet pervers” li biddlet, permezz ta’ manipulazzjoni fuq il-bażi tas-snin ta’ riferiment, il-valur tad-dazji imposti bejn iċ-Ċina u l-Vjetnam. Filwaqt illi l-miżuri antidumping huma maħsuba sabiex jirrispondu għall-prattiki żleali tad-dumping, il-ħsieb ekonomiku wara l-kwoti huwa li permezz tagħhom tiġi stabbilita sistema ta’ dazji differenti maħsuba sabiex jilqgħu għall-pressjonijiet li jirriżultaw mill-volum ta’ importazzjonijiet li madankollu ma jistgħux jitqiesu bħala prattiki żleali. Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, it-terminu ta’ ħamest’ijiem mogħti mill-Kummissjoni lir-rikorrenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-proposta ġdida huwa insuffiċjenti, u dwar dan ir-rikorrenti lmentat waqt il-proċedura amministrattiva.

124    Il-premessa 301 tar-Regolament ikkontestat, li segwiet l-aħħar proposta tal-Kummissjoni, ma tinkludix motivazzjoni biżżejjed fir-rigward ta’ din id-diverġenza u ma tindikax ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu ġdid. Min-naħa l-oħra, il-premessa 301 tar-Regolament ikkontestat tillimita ruħha sabiex tirrepeti l-kliem tal-punt 280 tad-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, li ma fihx iktar informazzjoni. Barra minn hekk, id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali ma jinkludi l-ebda ċifra jew kalkolu li fuqu l-metodu deskritt fil-premessa 301 tar-Regolament ikkontestat huwa bbażat u ma jispjegax l-użu tas-snin, tal-valuri u tal-volumi differenti minn dawk li ġew użati fl-ewwel proposta. B’hekk, l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku li jitlob il-komunikazzjoni tal-elementi speċifiċi tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni tipproponi l-adozzjoni tal-miżuri definittivi. Fil-fatt, l-evalwazzjoni fattwali li fuqha l-approċċ il-ġdid huwa bbażat la kien ġie spjegat u lanqas iġġustifikat.

125    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti għaliex ma ppermettitilhiex li ssostni b’mod utli l-pożizzjoni tagħha fuq numru sinjifikattiv ta’ kwistjonijiet, bħalma huma n-natura raġonevoli tal-proposta l-ġdida, l-eżattezza u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati, il-kalkoli użati u l-provi ppreżentati mill-Kummissjoni insostenn tat-talbiet tagħha fuq id-dumping u tad-dannu subit mill-industrija Komunitarja. Fil-fatt, iż-żewġ sistemi huma kkaratterizzati minn differenzi fundamentali fl-analiżi fattwali li fuqhom huma bbażati. Dawn id-differenzi wasslu għal konsegwenzi radikalment opposti għall-produtturi Ċiniżi u Vjetnamiti mingħajr, madankollu, ma l-Kummissjoni spjegat kif kienet waslet għal dan ir-riżultat u mingħajr ma tat l-okkażjoni lill-partijiet ikkonċernati sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

126    It-tentattiv tal-Kunsill li jimminimizza d-differenzi bejn iż-żewġ proposti billi jispjega li s-sistema adottata tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li huma biss l-importazzjonijiet ’il fuq minn ċertu livell ta’ volum li jikkawżaw dannu, li jwassal għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu, jikser l-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku. Il-fatt illi r-rikorrenti setgħet tissottometti xi osservazzjonijiet dwar din is-sistema, f’terminu iqsar mit-terminu minimu ta’ għaxart’ijiem stabbilit mill-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku, ma jistax, għalhekk, jintuża kontriha u lanqas jista’ jirrimedja l-insuffiċjenza tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk it-terminu mogħti mill-Kummissjoni kienx adegwat għall-finijiet tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-portata tal-bidla fil-metodu adottat mill-Kummissjoni kif ukoll min-nuqqas ta’ data jew ta’ spjegazzjoniijiet fuq l-evalwazzjoni ġdida ġuridika u fattwali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li, peress illi l-istituzzjonijiet ma spjegawx b’mod adegwat il-metodu u l-evalwazzjoni tal-fatti li huma użaw, il-fatt li r-rikorrenti setgħet tissottometti xi kummenti huwa ta’ valur limitat u ma jimplikax illi r-rekwiżiti tal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju jew tad-dritt tad-WTO ġew sodisfatti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess kienet adottat skeda stretta ħafna, u dan wassal sabiex kull estensjoni tat-terminu mogħti mill-Kummissjoni sabiex jiġu sottomessi kummenti fuq id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali kienet ġiet eskluża. Iktar minn hekk, id-diskussjonijiet li damu serjin għal bosta xhur, kienu jirrigwardaw is-sistema tad-dazji differenti u mhux is-sistema finalment adottata.

127    Ir-rikorrenti tqis illi, minħabba n-nuqqasijiet fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali u minħabba t-terminu insuffiċjenti stabbilit, hija ma kellhiex il-possibbiltà li tispjega lill-Kummissjoni r-raġunijiet għaliex hija taħseb li l-approċċ adottat ma kienx adegwat jew mhux raġonevoli, u lanqas kellha l-possibbiltà li tippreżenta l-perspettiva tagħha fuq il-metodu jew id-data f’ċifri li fuqhom il-proposta mniżżla f’dan id-dokument kienet ibbażata.

128    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti żżid tgħid illi, li kieku kienet tpoġġiet f’pożizzjoni sabiex tifformula b’mod adegwat il-kummenti tagħha dwar id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, hija kienet tissottometti, l-ewwel nett, illi s-sistema proposta kienet tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku, inkwantu hija twassal għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq importazzjonijiet li ma jikkawżaw l-ebda dannu; it-tieni nett, ir-rikorrenti tissottometti illi marġni ta’ dannu individwali seta’ jiġi kkalkolat għaliha u, it-tielet nett, illi l-aħħar proposta tal-Kummissjoni ma kinitx raġonevoli u porporzjonata, inkwantu l-evalwazzjoni fattwali reveduta, li ma ġiet la spjegata u lanqas iġġustifikata, kellha l-“effett pervers” li tbiddel il-portata tal-miżuri antidumping bejn iċ-Ċina u l-Vjetnam.

129    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mis-CEC, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

130    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni illi l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku għaliex il-Kummissjoni, minn naħa, ma kkomunikatx il-fatturi li fuqhom hija bbażat il-kalkolu magħmul fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, u min-naħa l-oħra, ma tathiex terminu suffiċjenti u konformi mal-paragrafu 5 tal-istess artikolu sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet kompluti dwar l-approċċ il-ġdid tagħha.

131    It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-istituzzjonijiet ma spjegawx la fid-dokument finali ta’ informazzjoni jew fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali u lanqas fir-Regolament ikkontestat, il-motivi li jiġġustifikaw il-metodu implementat sabiex titqies l-eżistenza ta’ volum ta’ importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu u li jnaqqsu l-marġni tad-dannu minflok jeżenta l-importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu mill-impożizzjoni tad-dazji antidumping. Dawn iċ-ċirkustanzi jikkostitwixxu ksur tad-drittijet tad-difiża tar-rikorrenti kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni.

132    Preliminarjament, hemm lok li jiġi osservat illi l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku jistabbilixxi l-modalitajiet dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari tal-esportaturi, li jinstemgħu, liema dritt jikkostitwixxi wieħed mid-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mis-sistema legali Komunitarja u jinkludi d-dritt li wieħed ikun informat dwar il-fatti prinċipali u l-kunsiderazzjonijiet li ser iservu bħala bażi għall-intenzjoni li jiġu rrakkomandati d-dazji antidumping definittivi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 1991, Al-Jubail Fertilizer vs Il-Kunsill, C‑49/88, Ġabra p. I‑3187, punt 15, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Novembru 1998, Champion Stationery et vs Il-Kunsill, T‑147/97, Ġabra p. II‑4137, punt 55).

133    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku jiġu interpretati bħala ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, hekk kif imħarsa mis-sistema legali Komunitarja, inkluż minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Novembru 2002, Kundan et Tata vs Il-Kunsill, T‑88/98, Ġabra p. II‑4897, punt 131).

134    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, l-impriżi kkonċernati minn investigazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ regolament antidumping għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, fejn ikunu jistgħu jressqu b’mod effettiv il-perspettiva tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika antidumping u tad-dannu li jirriżulta minnha (sentenzi AlJubail Fertilizer vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 132 iktar ’il fuq, punt 17 u tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, C‑458/98 P, Ġabra p. I‑8147, punt 99 ; sentenzi Champion Stationery et vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 132 iktar ’il fuq, punt 55, u Kundan u Tata vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 133 iktar ’il fuq, punt 132).

135    F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat ukoll illi n-natura inkompleta tal-informazzjoni finali twassal għall-illegalità ta’ regolament li jimponi dazji antidumping definittivi biss jekk, minħabba din l-omissjoni, dawn il-partijiet ikkonċernati ma kinux f’pożizzjoni li jiddefendu kif suppost l-interessi tagħhom. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-omissjoni tirrigwarda fatti jew kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk użati għall-miżuri provviżorji u, li skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku, għandhom jingħataw attenzjoni partikolari fl-informazzjoni finali. Dan huwa wkoll il-każ, bl-istess argumenti, u kif jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament bażiku, meta l-omissjoni tirrigwarda fatti jew kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill wara l-komunikazzjoni tad-dokument finali ta’ informazzjoni.

136    F’din il-kawża, u kif ġie osservat fil-punti 42 sa 44 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni l-ewwel nett stabbilixxiet, fid-dokument finali ta’ informazzjoni, sistema ta’ dazji differenti, ibbażata fuq il-fatt li l-importazzjonijiet li jaqbżu l-140 miljun par żarbun fis-sena biss kienu jikkawżaw dannu fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku. Din l-evalwazzjoni tistrieħ fuq l-eżistenza tas-sistema ta’ kwoti kwantitattivi sal-1 ta’ Jannar 2005, li kienu waqfu tali dannu, kif ukoll fuq il-kalkolu tal-kwantitajiet li ġew importati miċ-Ċina fl-2005. Skont din il-proposta, dazju antidumping definittiv kellu jiġi applikat għall-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina u li jaqbżu l-140 miljun par żarbun fis-sena. Dan id-dazju kien daqs il-marġni tat-traħħis tal-prezzijiet ta’ riferiment, li f’din il-kawża kien 23 %.

137    Madankollu, kif ġie spjegat fil-punti 47 u 48 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni biddlet, fil-kuntest tad-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, il-proposta tagħha dwar il-forma tad-dazji meħtieġa għall-eliminazzjoni tad-dannu. Dan l-approċċ ġdid jistrieħ ukoll fuq l-eżistenza ta’ volum ta’ importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku. Madankollu, skont id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, kemm il-metodu ta’ kalkolu ta’ dan il-volum li ma jikkawżax dannu kif ukoll l-impatt ta’ dan il-volum fuq il-forma tad-dazji definittivi proposti huma differenti minn dawk imsemmija fid-dokument finali ta’ informazzjoni.

138    B’mod partikolari, fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, l-ewwel nett, il-Kummissjoni fakkret illi l-marġni tat-traħħis tal-prezzijiet ta’ riferiment għall-importazzjonijiet li ġejjin miċ-Ċina għola għal 23 %. It-tieni nett, hija stabbilixxiet illi matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, il-volum ta’ importazzjonijiet li ġejjin minn dawn iż-żewġ pajjiżi għola għal 38 %. Din il-perċentwali, applikata għat-totalità tal-importazzjonijiet li ġew miċ-Ċina u mill-Vjetnam fl-2003 (109 miljun par żarbun), tikkorrispondi għal madwar 41.5 miljun par żarbun; volum li tqis illi ma jikkawżax dannu għall-industrija Komunitarja. It-tielet nett, il-Kummissjoni qieset li dan il-volum jirrappreżenta 28.26 % tal-importazzjonijiet li ġew miċ-Ċina fl-2005. Ir-raba’ nett u fl-aħħar nett, hija naqset il-marġni tad-dannu li inizjalment kien stabbilit (23 %) għal 28.26 %, u li dan ta’ lok għal marġni ta’ dannu “peżat” ta’ 16.5 %.

139    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-differenzi bejn il-metodu ppreżentat fid-dokument finali ta’ informazzjoni u dak ippreżentat fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali huma s-segwenti. L-ewwel nett, minflok ma ġie stabbilit il-volum annwali ta’ importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu fil-livell ta’ importazzjonijiet li ġew miċ-Ċina fl-2005, il-Kummissjoni stabbilixxiet dan il-volum annwali billi mmultiplikat il-109 miljun par żarbun importat fl-2003 b’38 %. Din il-perċentwali tirrappreżenta l-importazzjonijiet li oriġinaw minn dan il-pajjiż fuq l-importazzjonijiet kollha li ġew minn dawn iż-żewġ pajjiżi magħżula matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. It-tieni nett, minflok li dan il-volum annwali, li fil-punti 278 sa 280 tad-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali ġie kkwalifikat bħala li ma jikkawżax dannu, ma ġie eżentat mill-applikazzjoni ta’ dazju antidumping, il-Kummissjoni għażlet li tikkunsidra dan il-volum filwaqt li tnaqqas il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu u tapplika d-dazji antidumping sa mill-ewwel par żarbun importat.

140    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat illi l-fatt li l-Kummissjoni biddlet l-analiżi tagħha wara li l-partijiet ikkonċernati ssottomettew il-kummenti dwar id-dokument finali ta’ informazzjoni ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ksur tad-drittijiet tad-difiża. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament bażiku, id-dokument finali ta’ informazzjoni ma jipprojbixxix lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill milli jieħdu deċiżjonijiet ulterjuri. Din id-dispożizzjoni timponi biss fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tikkomunika, mill-iktar fis possibbli, il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk li fuqhom huwa bbażat l-approċċ inizjali inkluż fid-dokument finali ta’ informazzjoni. Fil-fatt, huwa permezz ta’ din l-ispjegazzjoni li l-partijiet ikkonċernati huma f’pożizzjoni li jifhmu l-motivi li wasslu lill-istituzzjonijiet sabiex jadottaw pożizzjoni differenti.

141    Għaldaqstant, sabiex jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni rrispettatx id-drittijiet tar-rikorrenti li jirriżultaw mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament bażiku, għad hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kkomunikatilhiex il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet użati għall-finijiet tal-analiżi l-ġdida dwar id-dannu u dwar il-forma tal-miżuri meħtieġa sabiex jiġi eliminat id-dannu peress li dawn il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet huma differenti minn dawk użati fid-dokument finali ta’ informazzjoni (ara l-punt 135 iktar ’il fuq).

142    L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni spjegat fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali li l-proposta l-ġdida tagħha tippermetti li ma ssirx distinzjoni fost il-kategoriji differenti ta’ importaturi.

143    Fir-rigward, sussegwentement, tal-fatturi li abbażi tagħhom il-Kummissjoni pproċediet bl-aġġustament tal-marġni ta’ dannu minn 23 għal 16.5 %, huwa żbaljat li r-rikorrenti ssostni li hija ma kellhiex aċċess għalihom. Fil-fatt, il-metodu deskritt fil-punt 138 iktar ’il fuq dwar l-aġġustament tal-marġni ta’ dannu li jieħu inkunsiderazzjoni l-volum ta’ importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu jinsab fid-dokument finali ta’ informazzoni addizzjonali. Huwa veru li dan id-dokument ma jipprovdix informazzjoni fuq il-volum eżatt tal-importazzjonijiet li ġejjin miċ-Ċina, li kieku kienet tippermetti li jiġi vverifikat li l-perċentwali ta’ 28.26 % tikkorrispondi għar-realtà. Madankollu, peress illi, skont il-Kummissjoni, 41.5 miljun par żarbun jirrappreżentaw 28.26 % taż-żraben kollha importati miċ-Ċina fl-2005, jista’ jiġi dedott illi dawn l-importazzjonijiet għolew għal 146.85 miljun par żarbun. Barra minn hekk, dan il-kalkolu ntuża mir-rikorrenti nnifisha fil-posta elettronika tagħha tat-2 ta’ Awwissu 2006 (ara l-punt 49 iktar ’il fuq).

144    Mill-kunsiderazzjonijiet li ppreċedew jirriżulta li l-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti r-raġunament li hija segwiet sabiex tikkalkola l-marġni ta’ dannu billi ħadet inkunsiderazzjoni l-volum tal-importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu. Hija spjegat ukoll iċ-ċifri kollha li hija qieset li kienu rilevanti f’dan ir-rigward, u għaldaqstant, id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma ġewx miksura f’dan ir-rigward.

145    Hemm lok li jiġi enfasizzat ukoll, kif wera l-Kunsill, li l-motiv tar-rikorrenti, hekk kif żviluppat fir-rikors, huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha u mhux fuq il-ksur tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku. Minn dan jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk is-sistema adottata fir-Regolament ikkontestat hijiex kompatibbli mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku, għaliex timponi dazji antidumping għal importazzjonijiet inqas mil-livell annwali li kien tqis li ma jikkawżax dannu, ma ġietx sottomessa bħala tali għall-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali.

146    Fir-rigward tat-terminu mogħti, il-partijiet jaqblu dwar il-fatt li dan skada fit-2 ta’ Awwissu 2006.

147    Il-Kummissjoni, billi tat lir-rikorrenti terminu ta’ inqas minn għaxart’ijiem sabiex tressaq il-kummenti tagħha dwar id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, kisret l-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Champion Stationery et vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 109 iktar ’il fuq, punt 80). Madankollu, din iċ-ċirkustanza fiha nnifisha ma tistax twassal għall-annullament tar-Regolament ikkontestat. Fil-fatt, fil-proċedura inkwistjoni, għad hemm il-ħtieġa li jiġi stabbilit illi minħabba l-fatt li t-terminu għad-dispożizzjoni kien iqsar mit-terminu legali, dan kien ta’ natura li affettwa b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, T‑35/01, Ġabra p. II‑3663, punt 331).

148    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat illi r-rikorrenti fakkret, fil-kuntest tal-posta elettronika tagħha tat-2 ta’ Awwissu 2006, fil-kalkoli tal-Kummissjoni u li hija ppreżentat kalkolu alternattiv li kien wassal għal riżultat differenti u, fl-opinjoni tagħha, xieraq. Għaldaqstant, ir-rikorrenti fehmet ir-raġunament tal-Kummissjoni u kienet f’pożizzjoni li tipproponilha approċċ ieħor mingħajr il-ħtieġa li tintalab estensjoni tat-terminu mogħti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat illi hija kienet f’pożizzjoni li ssostni b’mod xieraq il-perspettiva tagħha.

149    Minn dan jirriżulta li ma kienx hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

150    Bl-istess argumenti, hemm lok li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni dwar il-metodu implementat għall-kalkolu tal-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu jiġi rrifjutat. Fil-fatt, il-motivazzjoni tar-Regolament ikkontestat għandha tiġi evalwata billi tiġi kkunsidrata b’mod partikolari l-informazzjoni li ġiet mibgħuta lir-rikorrenti u billi jiġu kkunsidrati l-osservazzjonijiet li hija ssottomettiet matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Diċembru 1999, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, T‑33/98 u T‑34/98, Ġabra p. II‑3837, punt 107).

151    F’dan il-każ, u kif ġie osservat fil-punt 56 iktar ’il fuq, il-premessi 296 sa 301 tar-Regolament ikkontestat jinkludu l-evalwazzjonijiet li wasslu lill-Kunsill sabiex jadotta s-sistema finalment implementata. Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt illi l-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti r-raġunament li hija segwiet sabiex tikkalkola l-marġni tad-dannu billi ħadet inkunsiderazzjoni l-volum ta’ importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu u fid-dawl tal-fatt illi l-Kummissjoni spjegatilha wkoll iċ-ċifri kollha li hija qieset bħala rilevanti f’dan ir-rigward (ara l-punti 166 sa 168 iktar ’il quddiem), hemm lok li jiġi konkluż illi r-Regolament ikkontestat kien motivat kif meħtieġ mil-liġi.

152    Għaldaqstant ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar id-dannu subit mill-industrija Komunitarja

 L-argumenti tal-partijiet

153    Ir-rikorrenti tqis illi d-deċiżjoni dwar id-dannu ma hijiex ibbażata fuq perijodu twil biżżejjed ta’ importazzjonijiet normali u, għalhekk, ma hijiex ibbażata fuq data affidabbli u oġġettiva. Fil-fatt, peress illi l-perijodu ta’ investigazzjoni beda fl-1 ta’ April 2004 u ntemm fil-31 ta’ Marzu 2005, u peress illi l-Kummissjoni kkunsidrat biss perijodu ta’ tliet xhur, jiġifieri l-ewwel tliet xhur tal-2005, hija kienet konvinta li ż-żieda fl-importazzjonijet wara li s-sistema ta’ kwoti skadiet ikkawżat dannu partikolarment sinjifikattiv. L-indizji li juru l-eżistenza ta’ dannu sinjifikattiv fl-2004 u li għalihom il-Kummissjoni tagħmel riferiment fil-punt 277 li jinsab fil-kapitolu l-ġdid Ħ fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, ma jfissrux li fl-2004 effettivament seħħ dannu sinjifikattiv. In-nuqqas ta’ dannu sinjifikattiv fl-2004 huwa kkorroborat mill-fatt li ż-żieda fl-importazzjonijiet fl-2004 kienet minima meta mqabbla mas-sena 2003 u huwa kkonfermat mill-punt 285 tad-dokument finali ta’ informazzjoni.

154    L-ewwel tliet xhur tal-2005 jikkostitwixxu l-perijodu inizjali tal-ftuħ tas-suq li kien suġġett għal iktar minn tnax-il sena għall-applikazzjoni ta’ sistema ta’ kwoti kwantitattivi stretta. Kif ġie osservat mill-Kummissjoni fid-dokument finali ta’ informazzjoni, dan il-perijodu wara li s-sistema ta’ kwoti skadiet kien ġie artifiċjalment distort minħabba l-istennija marbuta ma’ dan l-avveniment. B’hekk, ir-Regolament ikkontestat kien ġie bbażat fuq data li tirrifletti perijodu qasir li ma jistax jipprovdi elementi affidabbli minħabba t-tneħħija tal-kwoti. Minn dan jirriżulta li l-Kunsill kiser l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda prova li l-Kummissjoni eżaminat l-elementi tad-dannu matul il-perijodu kollu kkunsidrat.

155    Finalment, ir-rikorrenti tfakkar li s-sistema ta’ kwota ma kinitx intiża sabiex isservi ta’ rimedju għall-konsegwenzi tal-importazzjonijiet li huma suġġett ta’ dumping.

156    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mis-CEC, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

157    L-ewwel nett, hemm lok li jiġi osservat li l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping ma tikkostitwixxix sanzjoni għal aġir preċedenti iżda miżura ta’ difiża u ta’ protezzjoni kontra l-kompetizzjoni żleali li tirriżulta mill-prattiki ta’ dumping. Huwa għaldaqstant neċessarju li l-investigazzjoni ssir fuq il-bażi ta’ informazzjoni kemm jista’ jkun attwali sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti dazji antidumping li huma adegwati sabiex jipproteġu l-industrija Komunitarja kontra l-prattiki ta’ dumping (sentenza Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 134 iktar ’il fuq, punti 91 u 92, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Novembru 2006, Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, T‑138/02, Ġabra p. II‑4347, punt 60).

158    B’hekk, meta l-istituzzjonijiet jikkonstataw illi l-importazzjonijiet ta’ prodott li s’issa kien suġġett għal restrizzjonijiet kwantitattivi żdiedu wara li l-imsemmija restrizzjonijiet skadew, huma jistgħu jieħdu din iż-żieda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħhom dwar id-dannu subit mill-industrija Komunitarja

159    It-tieni nett, kif josserva l-Kunsill, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-punt 283 tad-dokument finali ta’ informazzjoni, li l-volum tal-prodotti importati żdied wara li s-sistema ta’ kwoti skadiet, ma turix li l-istituzzjonijiet ibbażaw ruħhom biss fuq dan l-element kwantittativ sabiex jikkonkludu l-eżistenza tad-dannu.

160    Finalment, kif jirriżulta mill-premessi 162, 168 sa 170, 187 sa 206 u 216 sa 240 tar-Regolament ikkontestat, l-istituzzjonijiet ħadu inkunsiderazzjoni bosta fatturi li jikkonċernaw id-dannu u r-rabta kawżali u li jirrigwardaw mhux biss l-aħħar tliet xhur tal-perijodu ta’ investigazzjoni iżda wkoll il-perijodu kkunsidrat.

161    Minn dan jirriżulta li l-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar il-paragun bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali

 L-argumenti tal-partijiet

162    Ir-rikorrenti ssostni illi, billi ma għamilx paragun xieraq bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali, il-Kunsill kiser l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, il-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tqabbel diversi mudelli ta’ żraben wassal għal riżultati distorti.

163    B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni poġġiet taħt l-istess numru ta’ kontroll ta’ prodott, diversi tipi ta’ żraben li għandhom spejjeż ta’ produzzjoni u prezzijiet meta l-prodott jitlaq mill-fabbrika sostanzjalment differenti. Għaldaqstant, il-paragun bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni u l-prezzijiet imħallsa fis-suq nazzjonali rriżulta f’“marġni ta’ dumping distorti ħafna”.

164    Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni tat eżempji ta’ numbru wieħed ta’ kontroll ta’ prodott li jinkludi stili differenti ta’ żraben bħaż-“żraben formali”, minn naħa waħda, u l-“mocassins”, min-naħa l-oħra. Huwa evidenti li dawn it-tipi ta’ żraben huma differenti fir-rigward tal-ġild użat, il-proċess tal-produzzjoni u l-kwalità, li jwassal għal prezzijiet differenti. Titjib żgħir fis-sistema użata kienet tissodisfa r-rekwiżiti ta’ paragun xieraq mingħajr ma jikkomprometti l-effettività tal-metodu. Il-Kummissjoni ngħatat provi ddettaljati matul il-proċedura amministrattiva li juru li diversi tipi ta’ żraben kienu tpoġġew taħt l-istess numru ta’ kontroll ta’ prodott. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kienet il-Kummissjoni li kellha tirranġa s-sistema tagħha u mhux ir-rikorrenti li tipproponilha sistema oħra.

165    Fir-rigward tal-argument tal-Kunsill f’dan ir-rigward, spjegat fil-premessa 143 tar-Regolament ikkontestat, li dak li kien importanti kien l-applikazzjoni konsistenti tas-sistema tan-numri ta’ kontroll ta’ prodott, ir-rikorrenti tirribati li l-applikazzjoni konsistenti ta’ metodu żbaljat ma tirrimedjax il-karattru żbaljat tal-metodu, li huwa marbut mill-qrib mal-paragun ta’ prodotti li ma humiex paragunabbli mill-perspettiva tal-konsumatur. Barra minn hekk, ma ġiet applikata l-ebda proċedura ta’ kontroll xierqa f’dan il-qasam.

166    L-argument ibbażat fuq l-aġġustamenti allegatament magħmula huwa ineffettiv, peress li l-aġġustamenti inkwistjoni ma jirrimedjawx il-konsegwenzi tan-nuqqasijiet hawn fuq imsemmija.

167    Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-konklużjonijiet tal-Kunsill li jinsabu fil-premessa 143 tar-Regolament ikkontestat huma vvizzjati minn nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li l-konstatazzjonijiet tal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet kienu ġġustifikati biss ipotetikament, mingħajr sostenn ta’ provi speċifiċi.

168    Barra minn hekk, l-elementi li fuqhom huma bbażati dawn il-konklużjonijiet ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrenti, ħaġa li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

169    Ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni applikat ukoll is-sistema tan-numri ta’ kontroll ta’ prodott sabiex tevalwa t-traħħis tal-prezzijiet u r-rati ta’ dazji antidumping li jeliminaw id-dannu. Għaldaqstant, l-approċċ tal-Kummissjoni kien manifestament inkorrett inkwantu jwassal, pereżempju, għall-paragun bejn il-prezz CIF ta’ żarbun Ċiniż tat-tip “mocassin” mal-prezz meta l-prodott jitlaq mill-fabbrika ta’ “żarbun formali” Taljan. Dan il-metodu jipprekludi l-possibbiltà ta’ “evalwazzjoni oġġettiva u raġonevoli” tal-fatti rilevanti sabiex jiġi stabbilit id-dannu.

170    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mis-CEC, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti inparti bħala inammissibbli u inparti bħala infondati. Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-argumenti tar-rikorrenti, għandu jiġi enfasizzat li motiv ibbażat fuq riferiment ġenerali għall-annessi mar-rikors huwa inammissibbli. Hekk hu fil-każ tal-argument dwar l-osservazzjonijiet sottomessi lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

171    F’dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ssollevata mill-Kunsill, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti esponiet l-ilmenti tagħha b’mod ċar biżżejjed sabiex il-Kunsill ikun jista’ jifhem il-kritika magħmula kontra r-Regolament ikkontestat, kif ukoll l-importanza tagħha fil-kuntest tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping u tad-dannu, u sabiex il-Qorti Ġenerali tevalwa l-fondatezza tal-allegazzjonijiet inkwistjoni. Barra minn hekk, ir-riferiment għall-annessi, kif magħmul f’din il-kawża, huwa intiż sabiex jiġu ppruvati l-allegazzjonijiet magħmula fir-rikors, li hija l-funzjoni primarja ta’ annessi.

172    Meta l-prodott ikkonċernat ikun fih sensiela wiesgħa ta’ oġġetti li għandhom differenzi kunsiderevoli fir-rigward tal-karatteristiċi u tal-prezzijiet tagħhom, jista’ jkun meħtieġ li jingħaqdu taħt kategoriji li huma ftit jew wisq omoġeni. L-għan ta’ dan huwa, kif sostnew il-partijiet, sabiex ikun jista’ jkun hemm paragun xieraq bejn prodotti paragunabbli u b’hekk jiġi evitat kalkolu żbaljat tal-marġni ta’ dumping u tad-dannu minħabba paraguni mhux xierqa.

173    F’dan il-każ, il-Kummissjoni talbet lill-operaturi Ċiniżi, Brażiljani u Komunitarji sabiex jistabbilixxu numri ta’ kontroll ta’ prodotti skont il-karatteristiċi kif spjegati fit-tabella segwenti:

Deskrizzjoni tal-oqsma

Spjegazzjoni

 

Kategorija ta’ żarbun

Indika l-kategorija ta’ żarbun. Agħżel minn fost:

 
 

- żraben formali

A

 

- sandlijiet

B

 

- thongs

C

 

- clogs

D

 

- Oħrajn: żraben tal-familja, mocassins, żraben minsuġa, eċċ.

E

Tip ta’ konsumatur

Indika t-tip ta’ konsumatur. Agħżel minn fost:

 
 

- irġiel

A

 

- nisa

B

 

- unisex

C

 

- tfal

D

Tip ta’ żarbun

Indika t-tip tal-prodott. Agħżel minn fost:

 
 

- ma jkoprix l-għaksa

A

 

- ikopri l-għaksa imma mhux il-pexxun

B

 

ikopri l-għaksa u l-pexxun

C

Materjal tal-qiegħ ta’ barra

Indika l-materjal tal-qiegħ ta’ barra. Agħżel minn fost:

 
 

- ġild jew taħlita ta’ ġild ma’ materjali oħra

1

 

- lastiku, kripp jew sufra

2

 

- PU (polyurethanes) – PVC (polyvinyl chloride)

3

 

- injam

4

 

- oħrajn

5

Inforra taż-żarbuna

Indika jekk iż-żarbuna għandhiex inforra. Agħżel minn fost:

 
 

- bl-inforra

1

 

- mingħajr inforra

2

174    B’hekk, żarbuna formali unisex li ma tkoprix il-pexxun, b’qiegħ ta’ barra tal-lastiku u bl-inforra tingħata n-numru ta’ kontroll ta’ prodott ACA21.

175    Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, mit-tabella annessa mad-dokument finali ta’ informazzjoni li tinsab fil-paġna 303 tal-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni kkalkolat valur normali għal kull numru ta’ kontroll ta’ prodott abbażi ta’ informazzjoni miġbura fil-Brażil. Minbarra hekk, mit-tabella li tinsab fil-paġna 302 tal-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni pparagunat, għal kull numru ta’ kontroll ta’ prodott, il-valur normali mal-prezz tal-esportazzjoni u kkalkolat marġni ta’ dumping ta’ 28.95 %.

176    Fir-rigward tal-kalkolu tad-dannu kkawżat mill-esportazzjonijiet li ġejjin miċ-Ċina, mit-tabella li tinsab fil-paġna 299 tal-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni kkalkolat prezz medju għal kull par żarbun li jaqa’ taħt kull numru ta’ kontroll ta’ prodott sabiex tipparaguna l-prezz ta’ riferiment li kienet tikseb l-industrija Komunitarja bi qligħ ta’ 6 % (ara l-premessa 292 tar-Regolament ikkontestat). Id-differenza pożittiva bejn iż-żewġ prezzijiet tikkostitwixxi t-traħħis tal-prezzijiet ta’ riferiment u, għalhekk, id-dannu subit mill-industrija Komunitarja, li ġie kkalkolat bħala 23 % (ara l-punt 56 iktar ’il fuq).

177    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tallega li l-kriterji użati sabiex jsiru l-kategoriji inkwistjoni kienu tant vagi li wasslu sabiex żraben b’karatteristiċi differenti ħafna, u konsegwentement bi prezzijiet differenti, ġew ikklassifikati taħt l-istess numru ta’ kontroll ta’ prodott. Dan ħoloq distorsjoni kemm fil-kalkolu tal-marġni ta’ dumping kif ukoll fil-kalkolu tad-dannu. Sabiex tipprova l-allegazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti ppreżentat tabella li fiha diversi numri ta’ kontroll ta’ prodott jinkludu żraben li d-differenza fil-prezzijiet tagħhom hija tali li l-prodotti relattivi ma baqgħux paragunabbli. Din id-data kienet ġejja minn ħames operaturi Ċiniżi, li tlieta minnhom kienu magħżula fil-kampjun. Pereżempju, in-numru ta’ kontroll ta’ prodott AAB21 jinkludi, skont l-informazzjoni mogħtija mill-produttur Nru 4, żraben bil-prezz meta l-prodott jitlaq mill-fabbrika ta’ USD 26.30 u żraben bil-prezz meta l-prodott jitlaq mill-fabbrika ta’ USD 112.09.

178    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li n-numri ta’ kontroll ta’ prodott huma stabbiliti skont il-karatteristiċi proprji ta’ kull sotto-kategorija ta’ oġġetti li jaqgħu fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat u mhux skont il-prezz ta’ kull wieħed minn dawn l-oġġetti. Għalhekk, il-fatt li numru ta’ kontroll ta’ prodott ikopri prodotti li jaqgħu f’firxa wiesgħa ta’ prezzijiet ma jurix, fih innifsu, li l-kriterji magħżula għall-implementazzjoni ta’ din is-sistema ma humiex rilevanti.

179    Kif jenfasizza l-Kunsill, ir-rikorrenti ma tispjegax liema kienu d-differenzi fiżiċi bejn iż-żraben mibjugħa bi prezz għoli u dawk mibjugħa bi prezz bass, u lanqas kif dawn id-differenza setgħu jiġu kkunsidrati f’sistema differenti. Barra minn hekk, kif spjega l-Kunsill fil-punt 143 tar-Regolament ikkontestat, id-differenzi fil-prezz jistgħu jkunu dovuti għal diversi fatturi, bħat-tendenzi tal-moda u l-psikoloġija tas-suq, li mhux bilfors jikkompromettu l-paragun tal-prodotti taħt l-istess numru ta’ kontroll ta’ prodott. Għalhekk ir-rikorrenti ma ppruvatx li s-sistema mfassla mill-Kummissjoni u bbażata fuq ħames karatteristiċi kienet manifestament inadegwata.

180    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-kamp relatat mal-kategorija taż-żraben “E” (Oħrajn) ikopri kemm iż-“żraben formali” kif ukoll il-“mocassins” (ara l-punt 164 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat, kif jagħmel il-Kunsill, li dan il-kamp jikkorrispondi biss għal wieħed mill-ħames kriterji użati sabiex tiġi stabbilita s-sistema ta’ numri ta’ kontroll ta’ prodott u li r-rikorrenti ma stabbilixxitx li d-differenzi kienu tant sinjifikattivi li jiġġustifikaw il-ħolqien ta’ kategoriji oħra ta’ żraben sabiex ikun hemm paragun xieraq.

181    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilmenti bbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni (ara l-punt 167 iktar ’il fuq), għandu jiġi osservat li, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni li d-diskrepanzi fil-prezz dovuti għal differenzi fiżiċi ma ġewx ikkunsidrati biżżejjed mis-sistema tan-numri ta’ kontroll ta’ prodott, l-istituzzjonijiet ma kinux obbligati jispjegaw f’iktar dettall ir-raġunijiet possibbli għal dawn id-diskrepanzi.

182    Għaldaqstant is-sitt motiv kif ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

183    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kunsill.

184    Skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni, is-CEC u l-produtturi Taljani għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Sun Sang Kong Yuen Shoes Factory (Hui Yang) Corp. Ltd għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea, il-Confédération européenne de l’industrie de la chaussure (CEC), BA.LA. di Lanciotti Vittorio & C. Sas u s-sittax-il intervenjent ieħor li ismu huwa mniżżel fl-anness għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Marzu 2010.

Firem


Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-Regolament ikkontestat

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar id-dannu subit mill-industrija Komunitarja

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar il-paragun bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


Anness

Calzaturificio Elisabet Srl, stabbilita f’Monte Urano (l-Italja),

Calzaturificio Iacovelli di Iacovelli Giuseppe & C. Snc, stabbilita f’Monte Urano,

Calzaturificio Leopamy Srl, stabbilita f’Monte Urano,

Calzaturificio Lunella Srl, stabbilita f’Monte Urano,

Calzaturificio Mia Shoe Snc di Gattafoni Carlo & C., stabbilita f’Monte Urano,

Calzaturificio Primitempi di Monaldi Geri, stabbilita f’Monte Urano,

Calzaturificio R. G. di Rossi & Galie Srl, stabbilita f’Monte Urano,

Calz. S. G. di Seghetta Giampiero e Sergio Snc, stabbilita f’Monte Urano,

Carim Srl, stabbilita f’Monte Urano,

Florens Shoes SpA, stabbilita f’Monte Urano,

Gattafoni Shoe Snc di Gattafoni Giampaolo & C., stabbilita f’Monte Urano,

Grif Srl, stabbilita f’Monte Urano,

Missouri Srl, stabbilita f’Monte Urano,

New Swing Srl, stabbilita f’Monte Urano,

Podosan Medical Shoes di Cirilli Michela, stabbilita f’Monte Urano,

Viviane Sas, stabbilita f’Monte Urano.


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1  Data kunfidenzjali moħbija.