Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social de Terrassa (Spanja) fit-22 ta’ Frar 2017 – Gardenia Vernaza Ayovi vs Consorci Sanitari de Terrassa

(Kawża C-96/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Social de Terrassa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Gardenia Vernaza Ayovi

Konvenuta: Consorci Sanitari de Terrassa

Domandi preliminari

Ir-rimedju legali li joffri l-ordinament ġuridiku għal tkeċċija dixxiplinari kkwalifikata bħala illegali u b’mod speċifiku r-rimedju indikat mill-Artikolu 96(2) tar-Real Decreto Legislativo (digriet leġiżlattiv irjali) Nru 5/2015, tat-30 ta’ Ottubru, li permezz tiegħu jiġi approvat it-test ikkonsolidat tal-Ley del Estatuto Básico del Empleado Público (regolamenti tal-persunal bażiċi għas-servizz pubbliku), jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ l-impjieg” tal-Klawżola 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP 1 ?

Il-Klawżola 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, tqis bħala diskriminatorja sitwazzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 96(2) tar-Real Decreto Legislativo (digriet leġiżlattiv irjali) Nru 5/2015, tat-30 ta’ Ottubru, li permezz tiegħu jiġi approvat it-test ikkonsolidat tal-Ley del Estatuto Básico del Empleado Público (regolamenti tal-persunal bażiċi għas-servizz pubbliku) fejn t-tkeċċija dixxiplinari ta’ ħaddiem permanenti fis-servizz tal-amministrazzjoni pubblika, meta titqies li tkun abużiva, jiġifieri illegali, dejjem tirrikjedi r-reintegrazzjoni tal-ħaddiem, iżda fejn jekk dan ikun ħaddiem temporanju jew temporanju b’kuntratt għal żmien indeterminat li jkun iwettaq l-istess funzjonijiet bħal ħaddiem permanenti, huwa possibbli li minflok ir-reintegrazzjoni jingħata kumpens?

Jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-istess domanda preċedenti, mhux fid-dawl tal-imsemmija direttiva iżda fid-dawl tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ikun ġustifikat trattament mhux ugwali f’din iċ-ċirkustanza?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.