Language of document : ECLI:EU:T:2022:390

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

22 ta’ Ġunju 2022 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Suq Finlandiż tat-trasport bl-ajru – Għajnuna mogħtija mill-Finlandja lil Finnair fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 – Rikapitalizzazzjoni ta’ kumpannija tal-ajru mwettqa mill-proprjetarji pubbliċi u privati tagħha pro rata mal-istruttura ta’ proprjetà preeżistenti – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Qafas temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat – Miżura intiża li tirrimedja disturb gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru – Deroga minn ċerti rekwiżiti tal-qafas temporanju – Assenza ta’ bbilanċjar tal-effetti ta’ benefiċċju tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta – Ugwaljanza fit-trattament – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑657/20,

Ryanair DAC, stabbilita f’Swords (l‑Irlanda), irrappreżentata minn F.‑C. Laprévote, V. Blanc, E. Vahida, S. Rating u I.‑G. Metaxas-Maranghidis, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, S. Noë u F. Tomat, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn T. Stéhelin u P. Dodeller, bħala aġenti,

u minn

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn H. Leppo u A. Laine, bħala aġenti,

intervenjenti,



IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn A. Kornezov, President, E. Buttigieg, K. Kowalik-Bańczyk, G. Hesse (Relatur) u D. Petrlík, Imħallfin,

Reġistratur: I. Pollalis, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑8 ta’ Diċembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Ryanair DAC, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2020) 3970 final tad‑9 ta’ Ġunju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57410 (2020/N) – Il-Finlandja COVID‑19: Rikapitalizzazzjoni ta’ Finnair (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fit‑3 ta’ Ġunju 2020, ir-Repubblika tal-Finlandja kkomunikat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, miżura ta’ għajnuna fil-forma ta’ rikapitalizzazzjoni (ħruġ ta’ drittijiet) ta’ ammont li, skont il-kundizzjonijiet definittivi tal-ħruġ tad-drittijiet, seta’ jvarja minn EUR 499 miljun sa EUR 512 miljun (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”). L-azzjonijiet il-ġodda kienu offruti lill-azzjonisti kollha tal-benefiċjarja, Finnair, Plc (iktar ’il quddiem il-“benefiċjarja” jew “Finnair”), pro rata għall-ishma eżistenti tagħhom fil-kapital tagħha.

3        Il-miżura inkwistjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Din ingħatat wara l-għoti ta’ garanzija mill-Istat favur Finnair li l-Kummissjoni ddikjarat, fid-deċiżjoni tagħha C(2020) 3387 final tat‑18 ta’ Mejju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56809 (2020/N) – Il-Finlandja COVID‑19: Garanzija mill-Istat mogħtija lil Finnair (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar il-garanzija mill-Istat”), kompatibbli mas-suq intern, fid-dawl tal-punti 3.2 u 3.4 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Marzu 2020, intitolata “Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID‑19” (ĠU 2020, C 91 I, p. 1) u emendata fit‑3 ta’ April u fit‑8 ta’ Mejju 2020 (iktar ’il quddiem il-“qafas temporanju”). Din il-garanzija mill-Istat kienet tkopri 90 % ta’ self ta’ EUR 600 miljun miksub minn Finnair mingħand fond ta’ pensjoni.

4        Fid‑9 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha hija ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-miżura inkwistjoni, minħabba li din kienet kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Il-Kummissjoni evalwat il-kompatibbiltà ta’ kull miżura li tagħmel parti mit-tranżazzjoni globali, jiġifieri l-garanzija mill-Istat u r-rikapitalizzazzjoni. B’mod partikolari, hija eżaminat jekk kinux jeżistu effetti li jirriżultaw mill-preżenza kumulattiva taż-żewġ miżuri u vverifikat jekk dawn l-effetti kumulattivi possibbli kinux kompatibbli mas-suq intern.

 Ittalbiet talpartijiet

5        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

6        Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

7        Ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Finlandja jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Iddritt

8        Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha u, ir-raba’ wieħed, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

 Fuq lammissibbiltà

9        Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, tikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel tliet motivi. Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma tistax tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata peress li hija ma stabbilixxietx li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq tat-trasport bl-ajru Finlandiż kienet affettwata b’mod sostanzjali. Ir-rikorrenti llimitat ruħha li tindika li hija kienet tipprovdi servizzi fuq ir-rotta Helsinki (il-Finlandja)-Vjenna (l-Awstrija) matul is-sajf tal‑2020, iżda ddikjarat li temmet tali servizzi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tiddubita wkoll li r-rikorrenti stabbilixxiet li hija kienet parti interessata, peress li hija ma pprovdiet l-ebda prova li tista’ turi li hija kienet f’kompetizzjoni mal-benefiċjarja tal-għajnuna.

10      Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà.

11      Għandu jitfakkar li, meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet abbażi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9), bħal f’dan il-każ, hija mhux biss tiddikjara l-miżuri inkwistjoni bħala kompatibbli mas-suq intern, iżda wkoll tirrifjuta, b’mod impliċitu, li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Jekk, wara l-eżami preliminari, il-Kummissjoni tikkonstata li l-miżura nnotifikata tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, hija marbuta tieħu, abbażi tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 2015/1589, deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, tali deċiżjoni tistieden lill-Istati Membri kkonċernati u lill-partijiet interessati l-oħra sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu ddeterminat, li normalment ma jaqbiżx xahar (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 46).

12      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ddeċidiet, wara eżami preliminari, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-miżura inkwistjoni, minħabba li din kienet kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Sa fejn il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma nfetħitx, il-partijiet interessati, li setgħu jippreżentaw osservazzjonijiet matul din il-fażi, ma kellhomx din il-possibbiltà. Bħala rimedju, huma għandhom id-dritt li jikkontestaw, quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għalhekk, rikors ippreżentat minn parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE li huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata huwa ammissibbli peress li l-awtur ta’ dan ir-rikors għandu l-għan li jissalvagwardja d-drittijiet proċedurali li huwa għandu taħt din l-aħħar dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il‑Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

13      Fir-rigward tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, impriża kompetitriċi tal-benefiċjarja ta’ miżura ta’ għajnuna mingħajr dubju tinsab fost il-“partijiet interessati”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederlan et vs Il‑Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 50; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il‑Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 59).

14      Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, ir-rikorrenti wriet, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, li hija kienet kompetitriċi ta’ Finnair. Fil-fatt, hija spjegat li hija kienet tipprovdi servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri minn u lejn il-Finlandja għal iktar minn 17‑il sena. Huwa stabbilit ukoll li r-rikorrenti kellha, qabel il-bidu tal-pandemija tal‑COVID‑19, sehem mis-suq ta’ dawn is-servizzi, anki jekk dan kien żgħir. Ir-rikorrenti indikat ukoll li, fl‑2019, hija kienet ittrasportat iktar minn 100 000 passiġġier mill-Finlandja u lejha, u li l-programm inizjali tagħha, qabel il-bidu tal-pandemija tal‑COVID‑19, għall-istaġun tas-sajf tal‑2020 kien jinkludi sitt rotot bi tluq minn tliet ajruporti Finlandiżi. Ir-rikorrenti spjegat ukoll, mingħajr ma dan ġie kkontestat, li l-attivitajiet tagħha fil-Finlandja kienu ġew iktar milquta mill-pandemija minn dawk tal-benefiċjarja.

15      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li r-rikorrenti waqfet milli tipprovdi s-servizzi tagħha fil-Finlandja minħabba l-pandemija tal-COVID‑19. Fil-fatt, fid-dawl tal-fatti esposti fil-punt 14 iktar ’il fuq u taċ-ċirkustanzi li kkawżaw dan il-waqfien ta’ servizzi, għandu jiġi kkonstatat li dan kien probabbilment temporanju u li r-relazzjoni kompetittiva bejn ir-rikorrenti u l-benefiċjarja ma kinitx waqfet fil-mument tal-preżentata tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, NeXovation vs Il‑Kummissjoni, C‑665/19 P, EU:C:2021:667, punt 63). Barra minn hekk, ir-rikorrenti indikat fis-seduta li hija kienet reġgħet qiegħda topera titjiriet minn u lejn il-Finlandja.

16      Minn dan isegwi li r-rikorrenti, kompetitriċi tal-benefiċjarja, uriet li hija kienet parti interessata fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, li għandha interess li tiżgura s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali li hija tislet mill-Artikolu 108(2) TFUE.

17      F’dan il-każ, mill-punti 33 sa 39 tar-rikors jirriżulta li, permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti għandha biss l-intenzjoni li tikseb ir-rispett tad-drittijiet proċedurali li hija għandha skont l-Artikolu 108(2) TFUE, u dan minkejja li t-tielet motiv huwa l-uniku wieħed li huwa intiż espliċitament għall-protezzjoni tad-drittijiet tagħha. Għaldaqstant, hemm lok li tiġi aċċettata l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha. Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat liema huma l-motivi tar-rikors li jistgħu jkunu ammissibbli sa fejn huma intiżi li jistabbilixxu l-imsemmi ksur.

18      It-tielet motiv, intiż sabiex jinkiseb ir-rispett tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, huwa ammissibbli. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li hija għandha d-dritt, sabiex turi l-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha, li tinvoka argumenti intiżi sabiex juru li l-konstatazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern li kienet waslet għaliha il-Kummissjoni kienet żbaljata, fatt li, a fortiori, huwa ta’ natura li jistabbilixxi li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji waqt l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern. Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tista’ teżamina l-argumenti fuq il-mertu ppreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel żewġ motivi li għalihom hija tirreferi fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, sabiex tivverifika jekk dawn humiex ta’ natura li jsostnu l-motiv espressament imressaq minnha dwar l-eżistenza ta’ dubji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑287/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:395, punti 57 sa 60, u tas‑6 ta’ Mejju 2019, Scor vs Il‑Kummissjoni, T‑135/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:287, punt 77).

19      Fir-rigward tar-raba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni li tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi enfasizzat li l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jaqa’ taħt il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni u ma huwiex relatat mal-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punti 67 sa 72).

 Fuq ilmertu

20      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-legalità ta’ deċiżjoni, bħad-deċiżjoni kkontestata, li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, ibbażata fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, tiddependi fuq il-punt dwar jekk l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha, matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura nnotifikata, kellhiex oġġettivament tqajjem dubji rigward il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern, peress li tali dubji għandhom jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li għaliha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 1(h) ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 80, u tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 38).

21      Il-legalità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet meħuda fi tmiem il-proċedura ta’ eżami preliminari għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni mhux biss abbażi tal-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha fil-mument meta adottatha, iżda wkoll skont l-informazzjoni li hija seta’ kellha għad-dispożizzjoni tagħha (sentenzi tad‑29 ta’ April 2021, Achemos Grupė u Achema vs Il‑Kummissjoni, C‑847/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:343, punt 41, u tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 42).

22      Il-prova tal-eżistenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna inkwistjoni, li għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kif ukoll fil-kontenut tagħha, għandha tiġi prodotta mill-applikant għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, abbażi ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 82, u tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 40).

23      F’dan il-każ, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina l-argumenti mressqa mir-rikorrenti intiżi sabiex jiġi stabbilit li, wara eżami preliminari, il-Kummissjoni kellu jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament 2015/1589.

 Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ilksur taddrittijiet fundamentali tarrikorrenti

24      It-tielet motiv, li fil-kuntest tiegħu r-rikorrenti tirreferi wkoll għall-ewwel u għat-tieni motiv tagħha, jinqasam f’sitt partijiet, ibbażati fuq indizji differenti li juru li l-Kummissjoni kellha jkollha dubji fis-sens mogħti lil dan il-kunċett mill-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589.

–       Fuq lindizju dwar ksur talArtikolu 107(3)(b) TFUE, sa fejn ilmiżura inkwistjoni ma tirrimedjax disturb gravi talekonomija talFinlandja

25      Essenzjalment, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma stabbilixxietx li l-miżura inkwistjoni kienet intiża sabiex tirrimedja disturb gravi tal-ekonomija Finlandiża.

26      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u mir-Repubblika tal-Finlandja, tikkontesta dan l-argument.

27      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, l-għajnuna maħsuba sabiex tirrimedja disturb gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern.

28      L-Artikolu 107(3)(b) TFUE huwa deroga mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat stabbilit fl-Artikolu 107(1) TFUE. Għalhekk għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara s-sentenza tad‑9 ta’ April 2014, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑150/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:191, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-Artikolu 107(1) TFUE jippreċiża li kull għajnuna, “ta’ kwalunkwe forma”, mogħtija mill-Istati jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat hija inkompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, l-Artikolu 107(3)(b) TFUE japplika għall-għajnuna individwali (sentenza tal‑14 ta’ April 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (Finnair I; COVID‑19), T‑388/20, taħt appell, EU:T:2021:196, punt 32).

29      Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tista’ tiddikjara għajnuna kompatibbli mal-Artikolu 107(3) TFUE biss meta hija tkun tista’ tikkonstata li din l-għajnuna tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet imsemmija, għanijiet li l-impriża benefiċjarja ma tistax tilħaq permezz tal-mezzi tagħha f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Fi kliem ieħor, il-miżura inkwistjoni ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern jekk twassal għal titjib fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża benefiċjarja mingħajr ma tkun neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan previst mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE, jiġifieri li jiġi rrimedjat id-disturb gravi tal-ekonomija Finlandiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2009, Kronoply vs Il‑Kummissjoni, T‑162/06, EU:T:2009:2, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (Finnair I; COVID‑19), T‑388/20, taħt appell, EU:T:2021:196, punt 33).

30      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-Artikolu 107(3)(b) TFUE ma jeżiġix li l-għajnuna inkwistjoni tista’, waħedha, tirrimedja disturb gravi tal-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, ladarba l-Kummissjoni tikkonstata r-realtà ta’ disturb gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru, dan tal-aħħar jista’ jiġi awtorizzat, jekk ikunu ssodisfatti wkoll il-kundizzjonijiet l-oħra previsti minn dan l-artikolu, jagħti għajnuna mill-Istat, fil-forma ta’ skemi ta’ għajnuna jew għajnuna individwali, li tikkontribwixxi sabiex jiġi rrimedjat l-imsemmi disturb gravi. B’hekk dan jista’ jinvolvi diversi miżuri ta’ għajnuna li, kull waħda, tikkontribwixxi għal dan l-għan. Għaldaqstant, ma jistax ikun meħtieġ li miżura ta’ għajnuna, sabiex tkun ibbażata b’mod validu fuq l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, tkun tirrimedja fiha nnifisha disturb gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru (sentenza tal‑14 ta’ April 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (Finnair I; COVID‑19), T‑388/20, taħt appell, EU:T:2021:196, punt 41).

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni li ddikjarat li l-miżura inkwistjoni kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE, għas-sempliċi raġuni li din il-miżura ma setgħetx tirrimedja, waħedha, id-disturb gravi tal-ekonomija tal-Finlandja kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID‑19.

32      Fit-tieni lok, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-miżura inkwistjoni ma tirrimedjax id-disturb gravi tal-ekonomija Finlandiża, iżda, għall-kuntrarju, taggravah billi tibbenefika biss lil Finnair, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni ddikjaratx b’mod ġust li din il-miżura kkontribwixxiet għat-twettiq ta’ dan l-għan imsemmi fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE, konformement mal-ġurisprudenza esposta fil-punt 29 iktar ’il fuq.

33      F’dan il-każ, ir-rikorrenti la tikkontesta l-fatt li l-pandemija tal-COVID‑19 ħolqot disturb gravi tal-ekonomija Finlandiża u lanqas li s-settur tat-trasport bl-ajru kollu kemm hu ntlaqat b’mod partikolari mill-kriżi kkawżata minn din il-pandemija.

34      Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta l-konklużjoni li l-garanzija mill-Istat u l-miżura inkwistjoni huma tant marbuta mill-qrib li għandhom jiġu kkunsidrati bħala intervent wieħed.

35      L-għan ta’ dawn iż-żewġ miżuri huwa, essenzjalment, li Finnair tiġi pprovduta biżżejjed likwidità sabiex jinżammu l-vijabbiltà tagħha u s-servizzi tagħha ta’ trasport bl-ajru fi żmien fejn il-pandemija tal-COVID‑19 ħolqot disturb gravi tal-ekonomija Finlandiża kollha u sabiex jiġi evitat li falliment eventwali ta’ Finnair joħloq disturb ikbar tal-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat (paragrafu 41 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-falliment jew in-nuqqas ta’ Finnair kienu jirriskjaw li joħolqu disturb b’mod gravi tal-ekonomija Finlandiża minħabba r-rwol importanti ta’ din tal-aħħar għall-konnettività nazzjonali u internazzjonali tal-pajjiż kif ukoll minħabba l-piż ekonomiku u soċjali tagħha għal diversi fornituri u ħaddiema fil-Finlandja u għalhekk ikkonkludiet li l-miżuri li kienet tibbenefika minnhom Finnair kienu jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet iċċitati fl-Artikolu 107(3) TFUE, jiġifieri li jiġi rrimedjat disturb gravi tal-ekonomija ta’ dan il-pajjiż (paragrafi 84 sa 86 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Fuq dan il-punt, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li Finnair kienet topera network intern u internazzjonali li kien jiżgura l-konnettività tal-Finlandja. Fil-fatt, Finnair kienet it-trasportatur bl-ajru ewlieni fil-Finlandja fl‑2019 bi kważi 15‑il miljun passiġġier ittrasportati, jiġifieri 67 % tal-passiġġieri kollha ttrasportati lejn, minn u ġewwa l-Finlandja dik is-sena. Finnair kienet topera fil-maġġoranza tal-ajruporti reġjonali Finlandiżi u kellha network internazzjonali vast, ta’ iktar minn 100 rotta, li kienu jagħqdu lill-Finlandja maċ-ċentri prinċipali tan-negozju fl-Ewropa u f’reġjuni oħra tad-dinja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (Finnair I; COVID‑19), T‑388/20, taħt appell, EU:T:2021:196, punti 45 u 57).

38      Barra minn hekk, Finnair kienet l-operatur prinċipali tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru fil-Finlandja u kellha network Asjatiku estiż. Għalkemm dan in-network kien essenzjali għall-kummerċ bejn l-impriżi Finlandiżi u Asjatiċi, huwa kien b’mod speċjali iktar importanti fil-kuntest tal-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID‑19. Fil-fatt, Finnair kienet kuljum topera rotot ta’ merkanzija lejn il-Korea t’Isfel, iċ-Ċina u l-Ġappun sabiex tissodisfa d-domanda Finlandiża għal prodotti farmaċewtiċi u tagħmir mediku, neċessarji sabiex jiġi affaċċjat il-virus (sentenza tal‑14 ta’ April 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (Finnair I; COVID‑19), T‑388/20, taħt appell, EU:T:2021:196, punt 47).

39      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li Finnair kellha piż ekonomiku u soċjali importanti fil-Finlandja. Fil-fatt, fl‑2017, Finnair kienet is-sittax‑il kumpannija l-iktar importanti fil-Finlandja abbażi tal-kontribuzzjoni tagħha għall-prodott domestiku gross (PDG) ta’ dan il-pajjiż, b’valur miżjud li jammonta għal EUR 600 miljun, u fl‑2019 hija kellha madwar 6 800 impjegat.

40      Ir-rikorrenti ssostni li dawn iċ-ċifri huma insuffiċjenti, meta mqabbla mal-PDG tal-Finlandja (madwar EUR 241 biljun fl‑2019) jew man-numru totali ta’ persuni li għandhom impjieg (2.5 miljun persuna), sabiex jiġġustifikaw il-miżura inkwistjoni. Madankollu, anki jekk il-valur miżjud ta’ Finnair jikkostitwixxi biss parti mill-PDG Finlandiż u l-impjegati ta’ Finnair jirrappreżentaw biss parti min-numru ta’ persuni impjegati fil-Finlandja, dan ma jistax iqiegħed f’dubju l-importanza ta’ Finnair għal din l-ekonomija. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jitfakkar li Finnair kienet qiegħda tittrasporta, waħedha, 67 % tal-passiġġieri kollha li jivvjaġġaw lejn, minn u ġewwa l-Finlandja u li hija kienet l-unika kumpannija tal-ajru li kellha servizzi, f’intervalli regolari, lejn il-parti l-kbira tal-ajruporti reġjonali Finlandiżi matul is-sena kollha. Xi 50 % tal-passiġġieri ttrasportati minn Finnair fuq dawn it-titjiriet interni kienu qegħdin jivvjaġġaaw għal raġunijiet professjonali. Għaldaqstant, Finnair għandha rwol importanti fit-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri f’pajjiż fejn, minħabba l-klima u l-ġeografija, il-metodi l-oħra ta’ trasport mhux dejjem ikunu alternattiva sodisfaċenti għall-avjazzjoni. Barra minn hekk, matul il-pandemija, Finnair kienet qiegħda tikkoopera mal-Huoltovarmuuskeskus (l-Aġenzija Nazzjonali għall-Provvista ta’ Emerġenza, il-Finlandja) u kienet tuża n-network internazzjonali tagħha sabiex tissodisfa d-domanda Finlandiża ta’ tagħmir neċessarju sabiex tiġi affaċċjata l-pandemija tal‑COVID‑19. Issa, is-sigurtà tal-provvista tal-prodotti farmaċewtiċi u mediċi inkwistjoni hija strateġika kemm sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-persuni residenti fil-Finlandja kif ukoll sabiex jiġu limitati l-miżuri ta’ konteniment u tirkupra malajr l-ekonomija Finlandiża. Diversi impriżi Finlandiżi kienu jiddependu fuq is-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija pprovduti minn Finnair u xi wħud kienu jiddependu wkoll fuq ix-xiri li Finnair kienet tagħmel. Fil-fatt, ix-xiri ta’ Finnair mill-fornituri tagħha tela’ għal EUR 1.9 biljun fl‑2019, fejn 40 % minnu kien ġej minn impriżi Finlandiżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (Finnair I; COVID‑19), T‑388/20, taħt appell, EU:T:2021:196, punti 44 sa 53).

41      Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, il-Kummissjoni qieset ġustament li, minħabba r-rwol importanti ta’ Finnair għall-konnettività nazzjonali u internazzjonali tal-Finlandja u l-piż ekonomiku u soċjali tagħha għal diversi fornituri u ħaddiema Finlandiżi, il-miżura inkwistjoni kkontribwixxiet għat-twettiq ta’ għan iċċitat fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE, jiġifieri li tirrimedja d-disturb gravi tal-ekonomija ta’ dan il-pajjiż u fl-ebda każ ma kienet taggrava d-disturb tal-ekonomija Finlandiża, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti.

42      L-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti f’dan ir-rigward ma humiex tali li jbiddlu din il-konklużjoni.

43      L-ewwel, fir-rigward tad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni meħuda skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, ir-rikorrenti ssostni li dawk li kienu jirrigwardaw impriżi, meħuda individwalment, kienu jikkonċernaw banek u operatur ta’ network ferrovjarju ta’ Stat Membru. Hija ssostni li għalkemm bank jista’ jkollu importanza sistemika għal ekonomija u li network ferrovjarju jista’ jkollu rwol importanti għall-ekonomija u għall-popolazzjoni ta’ pajjiż, dan ma huwiex il-każ ta’ Finnair.

44      Issa, għandu jitfakkar li huwa biss fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE li għandha tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, u mhux fid-dawl ta’ allegata prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2013, Nitrogéművek Vegyipari vs Il‑Kummissjoni, T‑387/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:98, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kwalunkwe każ, is-sempliċi fatt li Finnair la hija bank u lanqas operatur ta’ network ferrovjarju ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li hija ma hijiex importanti għall-ekonomija Finlandiża. Dan il-fatt waħdu lanqas ma jista’ jistabbilixxi li l-miżura inkwistjoni ma kinitx tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ għan imsemmi fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE u li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern.

45      It-tieni, fir-rigward tal-allegati diffikultajiet finanzjarji ta’ Finnair qabel il-pandemija tal-COVID‑19, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax li din il-kumpannija tal-ajru ma kinitx, qabel il-pandemija tal-COVID‑19, impriża f’diffikultà fis-sens tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 [TFUE] (ĠU 2014, L 187, p. 1).

46      Min-naħa l-oħra, id-dokument intitolat “Informazzjoni Finanzjarja 2019, Finnair”, prodott bħala anness mar-rikors, invokat mir-rikorrenti insostenn tal-argument tagħha ma jurix l-eżistenza ta’ diffikultajiet li jolqtu lil Finnair qabel il-bidu tal-pandemija tal-COVID‑19 li setgħu joħolqu dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern. Għall-kuntrarju, minkejja li l-profitti ta’ Finnair naqsu b’ 25 % fl‑2019 meta mqabbla ma’ dawk tal‑2018, dan id-dokument jikkonferma li, minkejja dan it-tnaqqis, Finnair baqgħet impriża li tiġġenera profitt qabel il-pandemija tal-COVID‑19.

47      It-tielet, fir-rigward tal-importanza ta’ Finnair għall-konnettività tal-Finlandja, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tesaġera din l-importanza, peress li żewġ terzi mill-biljetti mibjugħa minn din il-kumpannija tal-ajru huma biljetti intiżi sabiex jiżguraw il-konnettività. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li n-numru ta’ passiġġieri barra minn din il-konnettività ttrasportati minn Finnair ma huwiex l-uniku fattur li ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li l-miżura inkwistjoni tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 84 sa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, ċertament, it-trasport tal-passiġġieri, iżda wkoll it-trasport tal-merkanzija, l-impjiegi, ix-xiri mingħand fornituri Finlandiżi u l-kontribuzzjoni għall-PDG. Anki jekk jiġi aċċettat li żewġ terzi tal-biljetti mibjugħa minn Finnair kienu biljetti intiżi sabiex jiżguraw il-konnettività, xorta jibqa’ l-fatt li, qabel il-pandemija tal-COVID‑19, Finnair kellha rwol importanti fil-konnettività tal-pajjiż (ara l-punti 37 sa 40 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti ma jistax jistabbilixxi li l-miżura inkwistjoni ma kinitx tikkontribwixxi sabiex jiġi rrimedjat id-disturb gravi tal-ekonomija Finlandiża u li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern.

48      Ir-raba’, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-falliment ta’ Finnair neċessarjament jipperikola l-ekonomija u l-konnettività Finlandiżi, ir-rikorrenti tikkritika b’mod iktar partikolari lill-Kummissjoni talli ma wrietx, minn naħa, li Finnair kienet neċessarjament tfalli mingħajr il-miżura inkwistjoni u li l-attivitajiet kollha tagħha kienu għalhekk jieqfu u, min-naħa l-oħra, li l-ebda kumpannija tal-ajru oħra ma kienet f’pożizzjoni li tadatta ruħha u li topera r-rotot operati preċedentement minn Finnair. Ir-rikorrenti tqis li l-fallimenti tal-kumpanniji tal-ajru Malev u Spanair juru, f’dan ir-rigward, li l-falliment ta’ kumpannija nazzjonali jista’ jżid il-konnettività ta’ pajjiż u jwassal għas-suċċess tal-ajruport prinċipali tagħha.

49      F’dan ir-rigward, minkejja li l-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-falliment jew in-nuqqas ta’ Finnair seta’ jikkawża disturb gravi tal-ekonomija Finlandiża, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni ma kinitx teħtieġ li hija tiżgura ruħha li, fl-assenza ta’ intervent mill-Istat, Finnair bilfors kienet tieqaf mill-attivitajiet kollha tagħha. Kien biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-miżura inkwistjoni kienet neċessarja fid-dawl tad-diffikultajiet serji li Finnair kienet qiegħda tiltaqa’ magħhom sabiex iżżomm l-attivitajiet tagħha minħabba r-riskji li kien hemm għas-solvenza tagħha.

50      Fuq dan il-punt, għandu jiġi rrilevat li d-domanda għat-titjiriet kemm interni kif ukoll internazzjonali sofriet b’mod gravi minħabba l-firxa tal-COVID‑19 u tar-restrizzjonijiet fuq it-titjiriet li jirriżultaw minnha. Huwa stabbilit li l-kollass tad-domanda kellu effett negattiv immedjat u drammatiku fuq il-fluss ta’ flus ta’ Finnair. Fir-rebbiegħa tal‑2020, din tal-aħħar kienet annullat parti kbira mit-titjiriet tagħha u kellha, sussegwentement, tirrimborsa lill-passiġġieri (paragrafu 81 tad-deċiżjoni kkontestata). Finnair imbagħad kienet ippruvat tikseb finanzjament fis-swieq tal-kreditu, iżda, minħabba s-sitwazzjoni u l-perspettivi inċerti, hija ma setgħetx tkopri l-bżonnijiet kollha tagħha ta’ likwidità. Fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-garanzija mill-Istat, hija rnexxielha tikseb faċilità ta’ kreditu u kienet innegozjat faċilità ta’ bejgħ u ta’ kiri tal-ajruplani tagħha mhux vinkolati, sabiex tikseb fondi addizzjonali. Finnair kienet implimentat ukoll miżuri trażversali kbar ta’ tnaqqis tal-ispejjeż sabiex tippreżerva l-likwidità tagħha.

51      Minkejja dawn il-miżuri, abbażi tal-previżjonijiet finanzjarji ta’ Finnair għall‑2020 sal‑2022, il-Kummissjoni kkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kapital tal-impriża kien ser jonqos b’mod kunsiderevoli meta mqabbel mas-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel il-pandemija tal-COVID‑19. Fid-dawl ta’ dawn il-previżjonijiet, il-Kummissjoni qieset li, minkejja s-self iggarantit mill-Istat miksub minn Finnair, l-assenza ta’ żieda fil-kapital u l-impossibbiltà li tissellef fis-swieq b’mod li jkun suffiċjenti sabiex jiġu koperti l-bżonnijiet kollha tagħha ta’ likwidità setgħu jesponu lil Finnair għal kriżi ta’ likwidità u, konsegwentement, għar-riskju li ma tkunx tista’ tonora l-obbligi tagħha ta’ ħlas u li jkollha tissuġġetta ruħha għal proċedura ta’ insolvenza (paragrafi 4, 80 u 81 tad-deċiżjoni kkontestata).

52      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li kumpannija oħra tal-ajru kienet possibbilment sabet “soluzzjonijiet oħra tas-suq” permezz ta’ tranżazzjoni ta’ bejgħ u ta’ kiri jew permezz tat-tnaqqis tal-persunal tagħha ma jistax iqiegħed inkwistjoni dak li ntqal iktar ’il fuq.

53      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li Finnair fittxet soluzzjonijiet oħra ta’ finanzjament, simili għal dawk li r-rikorrenti ssemmi fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, qabel ma bagħtet lir-Repubblika tal-Finlandja talba bil-miktub għal rikapitalizzazzjoni, iżda ma rnexxilhiex tikseb finanzjament fis-swieq li jippermettilha tkopri l-bżonnijiet kollha tagħha ta’ likwidità. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li r-rikapitalizzazzjoni inkwistjoni kellha żewġ konsegwenzi prinċipali għal Finnair. Minn naħa, din ippermettiet li jiżdied il-kapital ta’ Finnair u għalhekk li jitjieb il-proporzjon tad-dejn tagħha kif ukoll il-perspettivi tagħha li terġa’ tikseb l-aċċess għas-swieq finanzjarji b’kundizzjonijiet raġonevoli. Min-naħa l-oħra, din ippermettiet li tiġi injettata l-likwidità f’Finnair. Huwa għalhekk li l-awtoritajiet Finlandiżi u l-Kummissjoni qiesu li l-likwidità miksuba permezz tar-rikapitalizzazzjoni ma setgħetx tinkiseb permezz ta’ mezzi oħra (paragrafu 42 tad-deċiżjoni kkontestata). Għall-kuntrarju, xejn mill-proċess, b’mod partikolari xi element ipprovdut mir-rikorrenti, ma jippermetti li jiġi konkluż li “soluzzjonijiet oħra ta’ finanzjament” kienu jippermettu li jintlaħaq l-għan imfittex mill-miżura inkwistjoni filwaqt li jiġi żgurat li r-riżultat imfittex jinkiseb fir-rigward taż-żewġ komponenti tagħha.

54      Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni stabbilixxiet li l-miżura inkwistjoni kienet neċessarja fid-dawl tad-diffikultajiet serji li Finnair kienet qiegħda tiltaqa’ magħhom sabiex iżżomm l-attivitajiet tagħha minħabba r-riskji għas-solvenza tagħha.

55      Barra minn hekk, anki jekk l-eżempji ta’ Malev u ta’ Spanair, invokati mir-rikorrenti, juru li l-falliment ta’ kumpannija tal-ajru ma jwassalx neċessarjament għal telf ta’ konnettività għall-Istat Membru kkonċernat, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-importanza ta’ Finnair għall-konnettività tal-pajjiż ma kinitx l-uniku element meħud inkunsiderazzjoni sabiex tiġi deċiża l-importanza tagħha għall-ekonomija Finlandiża (ara l-punt 47 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tippreżenta l-ebda element li jista’ jiċċara s-sitwazzjoni għall-Qorti Ġenerali dwar il-konsegwenzi ta’ dawn iż-żewġ fallimenti fuq l-impjieg, il-fornituri u, fl-aħħar mill-aħħar, il-valur miżjud maħluq tal-ekonomija taż-żewġ Stati Membri kkonċernati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-analoġija magħmula mir-rikorrenti bejn dawn il-fallimenti u l-każ inkwistjoni ma jistax ikollha effett fuq il-konstatazzjoni li l-miżura inkwistjoni rrimedjat disturb gravi tal-ekonomija Finlandiża.

56      Bl-istess mod, l-argument tar-rikorrenti li hija għandha flotta kbira ta’ ajruplani li setgħu jiġu rrilokati malajr sabiex tissostitwixxi lil Finnair fil-każ ta’ waqfien ta’ attivitajiet jikkonċentra fuq il-konnettività tal-Finlandja u jinjora l-fatturi l-oħra meħuda inkunsiderazzjoni, bħall-impjieg lokali, il-fornituri lokali u l-valur miżjud maħluqa minn din tal-aħħar tal-ekonomija Finlandiża.

57      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, għalkemm il-miżura inkwistjoni twassal, ċertament, għal titjib fis-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Finnair, din hija madankollu neċessarja sabiex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet previsti mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE, jiġifieri li jiġi rrimedjat id-disturb gravi tal-ekonomija Finlandiża, u dan konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq. Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li, fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda indizju li juri l-eżistenza ta’ dubji fis-sens tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament 2015/1589.

58      Għaldaqstant, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq lindizju dwar ksur talpunt 3.11 talqafas temporanju

59      Essenzjalment, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji peress li l-miżura inkwistjoni kienet tiddevja minn ċerti rekwiżiti previsti fil-punt 3.11 tal-qafas temporanju.

60      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Finlandja, tikkontesta dan l-argument.

61      Hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3) TFUE, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, il-Kummissjoni tista’ tadotta regoli ta’ kondotta sabiex tistabbilixxi l-kriterji li abbażi tagħhom hija biħsiebha tevalwa l-kompatibbiltà, mas-suq intern, ta’ miżuri ta’ għajnuna previsti mill-Istati Membri. Bl-adozzjoni ta’ tali regoli u bit-tħabbir, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn dak il-mument għall-każijiet koperti minnhom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax, bħala prinċipju, tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, minħabba ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-ksur tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2016, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 39 u 40).

62      Għalkemm, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija marbuta bl-oqfsa li hija tadotta, l-adozzjoni ta’ tali oqfsa madankollu ma teżentahiex mill-obbligu tagħha li teżamina ċ-ċirkustanzi speċifiċi eċċezzjonali li Stat Membru jinvoka, f’każ partikolari, sabiex jitlob l-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2016, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punti 70 sa 72, u tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 41).

63      F’dan il-każ, l-awtoritajiet Finlandiżi nnotifikaw il-miżura inkwistjoni skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-miżura inkwistjoni fid-dawl tal-punt 3.11 tal-qafas temporanju. Madankollu, hija rrinunzjat milli tapplika ċerti rekwiżiti ta’ dan il-qafas sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi ta’ din il-miżura, jiġifieri s-sehem ta’ investituri privati u l-fatt li l-Istat bħala azzjonist storiku ma żiedx is-sehem tiegħu fil-kapital tal-benefiċjarja meta mqabbel ma’ dak li kellu qabel il-pandemija. Il-Kummissjoni ppreċiżat li hija kienet ser tapplika l-istess approċċ fil-futur għal sitwazzjonijiet komparabbli li għandhom l-istess karatteristiċi u li hija kienet ser tibda l-proċedura li temenda l-qafas temporanju sabiex tintegra dan l-approċċ fih.

64      In-nuqqas ta’ qbil tal-partijiet jirrigwarda għalhekk ir-rekwiżiti previsti fil-punt 3.11 tal-qafas temporanju li l-Kummissjoni ma applikatx. Dan jirrigwarda, l-ewwel nett, ir-rekwiżit li l-miżuri individwali ta’ rikapitalizzazzjoni adottati fil-kuntest tal-COVID‑19 jinkludu mekkaniżmu ta’ żieda tar-remunerazzjoni, li jżid ir-remunerazzjoni tal-Istat, sabiex il-benefiċjarja tiġi inċentivata tixtri lura s-sehem sottoskritt mill-Istat, sussegwentement, il-projbizzjoni għall-benefiċjarji milli jakkwistaw sehem ta’ iktar minn 10 % f’impriżi kompetituri sakemm mill-inqas 75 % ta’ dawn il-miżuri ma jkunux ġew mifdija u, fl-aħħar nett, il-projbizzjoni għall-benefiċjarji milli jiddistribwixxu d-dividendi sakemm l-imsemmija miżuri ma jkunux ġew mifdija kompletament. Ir-rikorrenti ssostni li, billi għamlet hekk, il-Kummissjoni ħolqot artifiċjalment eċċezzjoni għall-qafas temporanju u kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Finlandja jsostnu, għall-kuntrarju, li kienu jeżistu ċirkustanzi speċifiċi li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 iktar ’il fuq, kienu jiġġustifikaw l-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE għall-fatti tal-każ u, għaldaqstant, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq.

65      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-miżura inkwistjoni, minn naħa, kienet taqa’ f’qafas regolamentari kkaratterizzat minn ċirkustanzi eċċezzjonali pprovokati mill-pandemija tal-COVID‑19 u, min-naħa l-oħra, kienet ikkaratterizzata minn karatteristiċi partikolari ħafna li kienu speċifiċi għaliha.

66      F’dak li jirrigwarda l-qafas regolamentari li taqa’ fih il-miżura inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li l-pandemija tal-COVID‑19 wasslet għal ċirkustanzi eċċezzjonali. Id-diversi miżuri ta’ konteniment adottati mill-Istati Membri, bħall-miżuri ta’ tbegħid soċjali, ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment, it-tqegħid fi kwarantina u l-miżuri ta’ iżolament, kellhom bħala konsegwenza l-kollass tad-domanda għat-trasport bl-ajru u laqtu direttament u serjament lill-impriżi attivi f’dan is-settur.

67      Ir-riperkussjonijiet ekonomiċi ta’ dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali kienu jirrikjedu azzjoni immedjata kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-Unjoni. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni adottat il-qafas temporanju fid‑19 ta’ Marzu 2020, jiġifieri ftit jiem wara li l-ewwel miżuri ta’ konteniment kienu ġew adottati mill-Istati Membri, sabiex dawn ikunu jistgħu jaġixxu bl-urġenza li s-sitwazzjoni kienet tirrikjedi. F’din il-perspettiva, il-Kummissjoni indikat, fil-qafas temporanju, il-kundizzjonijiet li l-miżuri temporanji ta’ għajnuna mill-Istat kellhom jissodisfaw sabiex jitqiesu li huma kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u jiġu awtorizzati malajr ħafna wara n-notifika tagħhom mill-Istat Membru kkonċernat. Dan il-qafas, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ urġenza estrema prevalenti fl-adozzjoni tiegħu, ma setax jipprevedi l-miżuri kollha li l-Istati Membri setgħu jadottaw favur operaturi ekonomiċi milquta mill-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID‑19. Sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni u tat-tipi differenti ta’ miżuri li l-Istati Membri kellhom l-intenzjoni li jużaw sabiex jiġu affaċċjati l-konsegwenzi negattivi ta’ din il-pandemija, il-Kummissjoni emendat il-qafas temporanju diversi drabi. B’hekk, b’mod partikolari fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet ser tibda l-proċedura sabiex temenda l-qafas temporanju għal darba oħra, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni t-tip ta’ miżuri temporanji ta’ għajnuna bħal dawk inkwistjoni. Din l-emenda saret finalment fid‑29 ta’ Ġunju 2020, jiġifieri madwar għoxrin jum wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

68      Fir-rigward tal-karatteristiċi speċifiċi tal-miżura inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li din il-miżura kellha karatteristiċi partikolari ħafna li l-Kummissjoni ma kinitx ikkunsidrat fil-mument tal-adozzjoni tal-qafas temporanju. Fil-fatt, minn naħa, din il-miżura ma kellhiex l-għan li żżid is-sehem tal-Istat, l-azzjonist storiku, peress li dan kien jissottoskrivi l-azzjonijiet il-ġodda biss pro rata għas-sehem preċedenti tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-miżura inkwistjoni kienet tipprevedi sehem privat sostanzjali. Fil-fatt, is-sehem tal-investituri privati fir-rikapitalizzazzjoni ta’ Finnair kien jirrappreżenta tal-inqas 30 % tal-kapital il-ġdid injettat, peress li banek privati impenjaw ruħhom li jissottoskrivu l-azzjonijiet il-ġodda li l-investituri privati attwali jew potenzjali ma jkunux xtraw. Kif ippreċiżat ir-Repubblika tal-Finlandja, dan l-impenn tal-banek privati ggarantixxa li s-sehem tal-Istat ma jiżdiedx. Il-metodu ta’ rikapitalizzazzjoni kellu għalhekk il-konsegwenza li l-ammont tal-għajnuna mill-Istat kien ferm inqas minn dak li kien ikun neċessarju mingħajr dan is-sehem privat. Fil-qosor, ir-rikapitalizzazzjoni ta’ Finnair kienet tinvolvi s-sehem simultanju u fl-istess kundizzjonijiet tal-kapital kemm pubbliku kif ukoll privat, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-proporzjon bejn l-azzjonijiet miżmuma mill-azzjonisti pubbliċi u dawk miżmuma mill-azzjonisti privati baqa’ l-istess.

69      Huwa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali u tal-karatteristiċi partikolari ħafna tal-miżura inkwistjoni li għandu jiġi vverifikat jekk l-elementi mressqa mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali kinux ta’ natura li jqajmu dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

70      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ żieda tar-remunerazzjoni li għandha tinċentiva lill-benefiċjarja li tixtri lura s-sehem sottoskritt mill-Istat, ir-rikorrenti ssostni li, skont il-paragrafu 61 tal-qafas temporanju, “kull” miżura ta’ rikapitalizzazzjoni – mingħajr eċċezzjoni – għandha tinkludi tali mekkaniżmu. Il-Kummissjoni eżentat b’mod żbaljat lir-Repubblika tal-Finlandja milli tipprovdi strateġija ta’ bejgħ mill-ġdid mill-Istat tas-sehem tiegħu mill-kapital ta’ Finnair li rriżulta mill-miżura inkwistjoni, minkejja li tali strateġija hija madankollu meħtieġa mill-punt 3.11.7 tal-qafas temporanju, intitolat “Strateġija ta’ ħruġ tal-Istat mill-parteċipazzjoni li tirriżulta mir-rikapitalizzazzjoni u obbligi ta’ rapportar”. F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li ma huwiex iġġustifikat li jiġu ttrattati b’mod differenti l-impriżi li fihom l-Istat kien azzjonist qabel il-pandemija tal-COVID‑19 minn dawk li fihom huwa ma kienx. It-trattament differenti tagħhom, kif tagħmel il-Kummissjoni, jidderoga mir-regola intiża sabiex tnaqqas id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u jikser il-prinċipju ta’ newtralità bejn proprjetà pubblika u proprjetà privata stabbilit fl-Artikolu 345 TFUE. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li huwa żbaljat li jiġi kkunsidrat, kif tagħmel il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li l-livell relattivament għoli ta’ dilwizzjoni tal-azzjonisti eżistenti jiġġustifika li jiġi rrinunzjat ir-rekwiżit ta’ mekkaniżmu ta’ żieda tar-remunerazzjoni.

71      Fuq dan il-punt, kif tenfasizza ċertament ir-rikorrenti, il-paragrafu 61 tal-qafas temporanju jipprovdi li “[k]ull miżura ta’ rikapitalizzazzjoni għandha tinkludi mekkaniżmu step-up li jżid ir-remunerazzjoni tal-Istat, biex il-benefiċjarju jkun inċentivat jixtri lura l-injezzjonijiet ta’ kapital mill-Istat”. Madankollu, la l-formulazzjoni tal-paragrafu 61 u lanqas il-kontenut tal-punt 3.11.7 ta’ dan il-qafas, invokat ukoll mir-rikorrenti, ma jeħilsu lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tivverifika jekk tali mekkaniżmu ta’ żieda tar-remunerazzjoni huwiex adattat għall-każ inkwistjoni, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ħafna tal-miżura inkwistjoni, u, jekk dan ma jkunx il-każ, li tapplika l-Artikolu 107(3)(b) TFUE direttament.

72      F’dan ir-rigward, fil-paragrafu 74 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-inċentivi, previsti fil-qafas temporanju, sabiex l-Istat ibigħ is-sehem tal-kapital akkwistat bħala għajnuna minħabba l-pandemija tal-COVID‑19 ma kinux adattati għar-rikapitalizzazzjonijiet tal-impriżi diġà miżmuma parzjalment mill-Istat u li fihom dan tal-aħħar u l-investituri privati ssottoskrivew pro rata għas-sehem preċedenti tagħhom. Sussegwentement, fil-paragrafi 92 u 93 ta’ dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li, għalkemm il-qafas temporanju kien jipprevedi mekkaniżmu ta’ żieda tar-remunerazzjoni tal-Istat f’żewġ stadji, il-miżura inkwistjoni kienet tindika li l-azzjonijiet ġodda, sottoskritti b’mod partikolari mill-Istat, kienu ġew offruti bi prezz li kien mill-inqas 20 % inqas minn dak tal-prezz tal-azzjonijiet ta’ Finnair matul il-ħmistax‑il jum qabel it-talba għal rikapitalizzazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni qieset li dan it-telf impost kien suffiċjenti sabiex ir-Repubblika tal-Finlandja titħallas suffiċjentement u kkonkludiet li żidiet oħra fir-remunerazzjoni tal-Istat ma kinux neċessarji, fid-dawl tal-paragrafi 60 sa 62 tal-qafas temporanju. Fl-aħħar nett, fil-paragrafu 111 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li, minħabba l-assenza ta’ żieda tas-sehem miżmum mill-Istat fil-kapital ta’ Finnair wara r-rikapitalizzazzjoni, ma kinitx meħtieġa strateġija ta’ ħruġ bħal dik prevista fil-punt 3.11.7 tal-qafas temporanju.

73      Ir-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li, peress li l-azzjonijiet il-ġodda sottoskritti mill-Istat kellhom prezz li kien mill-inqas 20 % inqas minn dak tal-prezz tal-azzjonijiet ta’ Finnair, dan it-telf impost kien suffiċjenti sabiex ir-Repubblika tal-Finlandja titħallas suffiċjentement. Hija takkuża, mill-banda l-oħra, lill-Kummissjoni li kkunsidrat li l-inċentiv għall-bejgħ mill-ġdid mill-Istat tas-sehem tal-kapital miksub taħt il-miżura inkwistjoni, li rriżulta mill-mekkaniżmi ta’ żieda tar-remunerazzjoni previsti mill-qafas temporanju, ma kienx xieraq f’dan il-każ.

74      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-għan tal-mekkaniżmi ta’ żieda tar-remunerazzjoni previsti fil-paragrafi 61 u 62 tal-qafas temporanju huwa l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti.

75      Issa, f’każ bħal dak inkwistjoni fejn l-Istat jixtri azzjonijiet ġodda fuq bażi pro rata għas-sehem preċedenti tiegħu, bl-applikazzjoni tal-paragrafi 61 u 62 tal-qafas temporanju u skont ir-rekwiżit li dan l-Istat ibigħ is-sehem mill-kapital li jkun akkwist taħt il-miżura inkwistjoni, dan fir-realtà jobbligah inaqqas il-parti tiegħu għal livell inqas minn dak li eżista qabel l-implimentazzjoni tal-miżura inkwistjoni, li jkollu bħala konsegwenza bidla fl-istruttura tal-kapital tal-benefiċjarja. F’sitwazzjoni bħal din, ma huwiex eskluż li l-Istat ikun imġiegħel jitlef il-pożizzjoni ta’ azzjonist b’maġġoranza li huwa kellu qabel ir-rikapitalizzazzjoni. Tali konsegwenzi jmorru lil hinn mill-għan tal-mekkaniżmi ta’ żieda tar-remunerazzjoni previsti fil-paragrafi 61 u 62 tal-qafas temporanju, kif espost fil-punt 74 iktar ’il fuq.

76      Għaldaqstant, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ħafna tal-miżura inkwistjoni, għandu jiġi konkluż li r-rekwiżit ta’ mekkaniżmu ta’ żieda tar-remunerazzjoni, li jinċentiva lill-benefiċjarja sabiex tixtri lura l-parti tal-kapital miksuba mill-Istat, kif previst fil-paragrafi 61 u 62 tal-qafas temporanju, ma kienx, kif ikkonstatat ġustament il-Kummissjoni, xieraq.

77      L-argumenti l-oħra ppreżentati mir-rikorrenti ma jikkontestawx din il-konklużjoni.

78      Fil-fatt, l-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-prassi tal-Kummissjoni invokata f’dan ir-rigward ma turix li kellu jintalab tnaqqis tas-sehem tal-Istat fil-kapital ta’ Finnair meta mqabbel ma’ dak li kellu qabel il-pandemija tal-COVID‑19. L-eżempji msemmija mir-rikorrenti, jiġifieri żewġ deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni dwar Crédit Lyonnais u Alstom, kienu jikkonċernaw, rispettivament, sitwazzjoni li fiha l-għan tal-privatizzazzjoni kien b’mod ċar assenjat lill-bank ikkonċernat u sitwazzjoni li fiha l-Istat daħal fil-kapital tal-impriża inkwistjoni. Issa, dawn is-sitwazzjonijiet huma differenti minn dawk imsemmija fil-punt 75 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 44 iktar ’il fuq, huwa fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE li għandha tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, u mhux fid-dawl ta’ allegata prattika preċedenti.

79      Sussegwentement, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ħolqot differenza fit-trattament bejn l-impriżi diġà miżmuma parzjalment mill-Istat u dawk li ma kinux diġà miżmuma parzjalment mill-Istat. Fil-fatt, miżura li żżid is-sehem globali tal-Istat f’impriża li huwa kellu parzjalment qabel il-pandemija tal-COVID‑19 u li tinvolvi għajnuna mill-Istat ma hijiex komparabbli mal-miżura inkwistjoni, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tagħha, u għalhekk, ma jistax ikun hemm differenza fit-trattament bejn l-impriżi li jibbenefikaw minn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ miżuri.

80      Bl-istess mod, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 345 TFUE, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ newtralità tat-Trattati fir-rigward tas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri. Fil-fatt, il-miżura inkwistjoni bħala tali ma tikkonċernax is-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri.

81      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-interazzjoni possibbli bejn il-livell ta’ dilwizzjoni tal-azzjonisti eżistenti u r-rekwiżit ta’ mekkaniżmu ta’ żieda tar-remunerazzjoni msemmi fl-argumenti tar-rikorrenti (ara l-punt 70 iktar ’il fuq), huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, għar-raġunijiet diġà esposti fil-punti 73 sa 76 iktar ’il fuq, mekkaniżmu ta’ żieda tar-remunerazzjoni ma kienx xieraq fiċ-ċirkustanzi speċifiċi li kkaratterizzaw il-miżura inkwistjoni.

82      Konsegwentement, fil-każ partikolari ta’ Finnair – li fih il-miżura ta’ għajnuna hija newtrali fir-rigward tal-istruttura tal-kapital tagħha, is-sehem konkomitanti tas-settur privat huwa sinjifikattiv, ir-remunerazzjoni tal-Istat hija suffiċjenti u, għaldaqstant, ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni huwa inqas – għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt, fid-deċiżjoni kkontestata, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 iktar ’il fuq, li l-każ inkwistjoni kien differenti mis-sitwazzjonijiet koperti mill-qafas temporanju. Għaldaqstant, il-fatt li l-miżura inkwistjoni ma tinkludix strateġija ta’ ħruġ mill-Istat, b’mod partikolari mekkaniżmu ta’ żieda tar-remunerazzjoni li tinkoraġġixxi lill-benefiċjarja sabiex tixtri lura s-sehem sottoskritt mill-Istat, ma jikkostitwixxix indizju tal-eżistenza ta’ dubji fis-sens tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament 2015/1589.

83      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ akkwist, mill-benefiċjarja, ta’ sehem ta’ iktar minn 10 % f’impriżi kompetituri jew tal-istess linja ta’ attività, prevista fil-paragrafu 74 tal-qafas temporanju, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni illegalment awtorizzat lir-Repubblika tal-Finlandja tapplika din il-projbizzjoni għal perijodu ta’ tliet snin. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li tali rekwiżit, previst fil-paragrafu 74 tal-qafas temporanju, kien intiż sabiex jinċentiva lill-investituri privati jixtru l-azzjonijiet akkwistati mill-Istat fl-impriżi privati assistiti matul il-pandemija tal-COVID‑19 u li għalhekk ma kienx adattat għas-sitwazzjonijiet li fihom l-Istat kien azzjonist storiku. Skont ir-rikorrenti, dan ir-rekwiżit kien intiż fir-realtà sabiex jirrimedja d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

84      Għandu jitfakkar li, skont il-paragrafu 74 tal-qafas temporanju, “[s]akemm mill-inqas 75 % tal-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni tal-COVID‑19 ma jkunux mifdija, il-benefiċjarji minbarra l-SMEs għandhom jiġu mwaqqfa milli jakkwistaw sehem ta’ aktar minn 10 % f’kompetituri jew operaturi oħra fl-istess linja tan-negozju, inklużi operazzjonijiet upstream u downstream”.

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din il-projbizzjoni ta’ akkwist għandha għan doppju. Minn naħa, hija tillimita d-distorsjonijiet indebiti tal-kompetizzjoni sa fejn din tipprekludi lill-benefiċjarji milli jużaw riżorsi pubbliċi sabiex jiffinanzjaw attivitajiet li jistgħu jikkawżaw distorsjonijiet fis-suq, bħall-akkwist ta’ ishma f’impriżi kompetituri jew tal-istess linja ta’ attività. Min-naħa l-oħra, sa fejn il-paragrafu 74 tal-qafas temporanju jorbot it-tneħħija tal-projbizzjoni mar-rimbors ta’ mill-inqas 75 % tal-miżura ta’ għajnuna, l-imsemmija projbizzjoni tinkoraġġixxi lill-benefiċjarja sabiex tixtri lura s-sehem sottoskritt mill-Istat malajr kemm jista’ jkun.

86      Madankollu, f’dan il-każ, kif ġie espost fil-punti 73 sa 76 iktar ’il fuq u kif spjegat il-Kummissjoni fil-paragrafu 104 tad-deċiżjoni tagħha, tali rekwiżit, marbut mar-rimbors ta’ 75 % tal-miżura inkwistjoni, ma huwiex xieraq, peress li tali rimbors ikollu l-konsegwenza li jobbliga lill-Istat Membru kkonċernat inaqqas is-sehem tiegħu fil-kapital tal-benefiċjarja għal livell inqas minn dak li kellu qabel il-pandemija tal-COVID‑19. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi li l-projbizzjoni ta’ akkwist prevista fil-paragrafu 74 tal-qafas temporanju ma setgħetx tiġi applikata f’dan il-każ.

87      Minflok, ir-Repubblika tal-Finlandja imponiet projbizzjoni fuq Finnair milli twettaq akkwisti għal perijodu ta’ tliet snin mid-data tal-injezzjoni ta’ kapital (paragrafu 25 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni kkunsidrat li dan il-perijodu kien xieraq u proporzjonat man-neċessità li tiġi llimitata kull distorsjoni indebita tal-kompetizzjoni (paragrafu 105 tad-deċiżjoni kkontestata).

88      Ir-rikorrenti ma tikkontestax, bħala tali, it-tul tal-projbizzjoni proposta mir-Repubblika tal-Finlandja u aċċettata mill-Kummissjoni. Hija sempliċement tikkritika lill-Kummissjoni talli awtorizzat lil dan l-Istat Membru sabiex jidderoga mill-projbizzjoni ta’ akkwist prevista fil-paragrafu 74 tal-qafas temporanju, minħabba li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni huma iktar limitati meta l-benefiċjarja tal-għajnuna kienet impriża pubblika.

89      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq in-natura pubblika jew privata tal-benefiċjarja. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-paragrafu 105 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, sabiex tiġġustifika d-deroga mill-projbizzjoni ta’ akkwist prevista fil-paragrafu 74 tal-qafas temporanju abbażi taċ-ċirkustanzi speċifiċi ħafna tal-każ, ibbażat ruħha biss fuq il-fatt li l-Istat ma żiedx il-livell tas-sehem tiegħu fl-impriża kkonċernata, li kien jimplika li dan ir-rekwiżit ma setax jiġi applikat bħala tali, mingħajr ma jwassal għal modifika sostanzjali fl-istruttura tal-kapital tal-benefiċjarja.

90      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt, fid-deċiżjoni kkontestata, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 iktar ’il fuq, li dan il-każ huwa differenti mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 74 tal-qafas temporanju. Għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni aċċettat projbizzjoni ta’ akkwist għal perijodu ta’ tliet snin, minflok ma rabtet din il-projbizzjoni mar-rimbors ta’ 75 % tal-kapital injettat mill-Istat, ma jikkostitwixxix indizju tal-eżistenza ta’ dubji fis-sens tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament 2015/1589.

91      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-projbizzjoni li jitħallsu d-dividendi, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni rrinunzjat għal din il-projbizzjoni peress li hija naqqset l-interess tal-investituri privati li jipparteċipaw fir-rikapitalizzazzjoni ta’ Finnair, billi injorat il-fatt li din il-konstatazzjoni tgħodd ukoll għall-impriżi privati li fihom l-Istat injetta kapital għall-ewwel darba permezz ta’ miżura ta’ għajnuna. Il-projbizzjoni li jitħallsu dividendi għandha tiggarantixxi li r-rikapitalizzazzjoni ta’ impriża mill-Istat ma tintużax għall-arrikkiment tal-azzjonisti tagħha. Billi neħħiet il-projbizzjoni li jitħallsu d-dividendi, il-Kummissjoni ħolqot diskriminazzjoni bbażata fuq l-istruttura azzjonarja tal-impriża kkonċernata.

92      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qafas temporanju jipprevedi, fil-paragrafu 77 tiegħu, li l-benefiċjarja ta’ miżura ta’ rikapitalizzazzjoni ma tistax tiddistribwixxi d-dividendi sakemm l-imsemmija miżura ma tkunx ġiet mifdija kollha kemm hi.

93      Fuq dan il-punt, għandu jiġi ppreċiżat li l-projbizzjoni li jitħallsu d-dividendi hija intiża sabiex tiggarantixxi n-natura temporanja tal-intervent tal-Istat – billi tinċentiva lill-benefiċjarja sabiex tixtri lura s-sehem tal-Istat miksub abbażi tal-miżura ta’ għajnuna – u sabiex issaħħaħ il-kapital tal-benefiċjarja.

94      F’dan il-każ, minn naħa, kif ġie ppreċiżat fil-punti 73 sa 76 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat, ġustament, li tinkoraġġixxi lill-benefiċjarja sabiex tixtri lura s-sehem tal-Istat miksub b’applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni ma kienx xieraq, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-miżura inkwistjoni.

95      Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li, kif issostni r-rikorrenti, il-perspettiva li ma jirċevix dividend tnaqqas, fi kwalunkwe każ, l-interess ta’ investitur privat li jipparteċipa f’rikapitalizzazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, kif ifakkru l-punti 73 u 94 tad-deċiżjoni kkontestata, il-miżura inkwistjoni hija bbażata fuq sehem sinjifikattiv tas-settur privat b’tali mod li s-sehem tal-Istat fil-kapital ta’ Finnair jibqa’ l-istess.

96      Fid-dawl ta’ din il-karatteristika speċifika għall-miżura inkwistjoni, kien importanti f’dan il-każ li jiġi permess il-ħlas ta’ dividendi peress li dan kien jikkostitwixxi inċentiv għall-azzjonisti privati u għall-investituri privati sabiex jissottoskrivu għal ishma ġodda u sabiex b’hekk jipprovdu kapital privat ġdid lil Finnair. Fil-fatt, peress li l-miżura inkwistjoni kienet maħsuba b’mod sabiex tnaqqas kemm jista’ jkun l-ammont tal-għajnuna, kien loġiku li, sabiex jiġi żgurat li l-kontribuzzjoni tal-investituri privati tkun sinjifikattiva, dawn tal-aħħar ikunu żgurati li jirċievu dividendi fuq l-azzjonijiet il-ġodda li huma kienu ssottoskrivu.

97      Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19 kellhom bħala konsegwenza inevitabbli d-deterjorazzjoni tal-klima tal-investimenti fis-settur tal-avjazzjoni. B’hekk, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, id-deterjorament ta’ din il-klima kien tali li wassal, kif ifakkar il-paragrafu 43 tad-deċiżjoni kkontestata, lir-Repubblika tal-Finlandja sabiex tagħti garanzija mill-Istat lil Finnair sabiex iżżid il-possibbiltajiet li s-setturi pubbliċi u privati jipparteċipaw fl-istess ħin fir-rikapitalizzazzjoni ta’ Finnair. Ir-Repubblika tal-Finlandja ma setgħetx għalhekk tistenna sehem sinjifikattiv tal-azzjonisti privati u tal-investituri privati mingħajr l-istabbiliment ta’ inċentivi.

98      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-assenza ta’ projbizzjoni ta’ ħlas ta’ dividendi hija ġġustifikata mill-fatt li l-Istat ma jżidx is-sehem tiegħu meta mqabbel ma’ dak li kellu qabel il-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID‑19 minħabba s-sehem konkomitanti ta’ azzjonisti u ta’ investituri privati fir-rikapitalizzazzjoni ta’ Finnair, li naqqset l-ammont tal-għajnuna. B’hekk, id-dividendi mħallsa lill-azzjonisti privati u lill-investituri privati huma biss ir-remunerazzjoni tal-investiment sinjifikattiv tagħhom f’Finnair, f’ċirkustanzi ta’ kriżi u f’ambjent ta’ investiment negattiv.

99      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li s-sitwazzjoni li fiha l-Istat jidħol fil-kapital ta’ impriża privata permezz ta’ miżura ta’ għajnuna, li żżid bħala prinċipju s-sehem tal-Istat fil-kapital tagħha, hija komparabbli ma’ dik ta’ din il-kawża, ikkaratterizzata minn sehem ta’ kapital kemm pubbliku kif ukoll privat, taħt l-istess kundizzjonijiet u fuq bażi pro rata għas-sehem preċedenti tagħhom. Barra minn hekk, għar-raġunijiet esposti fil-punt 95 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn is-sitwazzjonijiet huma differenti u li d-deċiżjoni kkontestata ma wasslitx għal diskriminazzjoni. Konsegwentement, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

100    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, id-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 iktar ’il fuq, li l-każ ineżami huwa differenti mis-sitwazzjonijiet koperti mill-qafas temporanju. Għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni neħħiet il-projbizzjoni li jitħallsu d-dividendi ma jikkostitwixxix indizju tal-eżistenza ta’ dubji fis-sens tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament 2015/1589.

101    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni dderogat mill-applikazzjoni ta’ ċerti rekwiżiti tal-qafas temporanju sabiex tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 iktar ’il fuq, tal-miżura inkwistjoni, jiġifieri li l-Istat kien l-azzjonist storiku tal-benefiċjarja b’maġġoranza u li ssottoskriva għall-azzjonijiet il-ġodda biss pro rata għas-sehem preċedenti tiegħu, ma huwiex biżżejjed sabiex juri li hija kellu jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern, li kellu jwassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

102    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni lanqas ma kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

103    Minn dan isegwi li, fil-kuntest tat-tieni parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda indizju li juri l-eżistenza ta’ dubji fis-sens tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament 2015/1589. Għaldaqstant din il-parti għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq lindizju dwar innuqqas ta’ osservanza talallegat obbligu li jiġu bbilanċjati leffetti ta’ benefiċċju talgħajnuna maleffetti negattivi tagħha fuq ilkundizzjonijiet talkummerċ u żżamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta

104    Essenzjalment, ir-rikorrenti ssostni li, meta l-Kummissjoni teżamina l-kompatibbiltà ta’ għajnuna, hija għandha l-obbligu li tibbilanċja l-effetti pożittivi mistennija fir-rigward tat-twettiq tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE mal-effetti negattivi fir-rigward tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-effett tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. Il-qafas temporanju, b’mod partikolari l-punt 1.2, jobbliga barra minn hekk lill-Kummissjoni sabiex twettaq tali bbilanċjar. Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-qafas temporanju jeżenta lill-Kummissjoni milli tagħmel dan, hija għandha l-intenzjoni tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-qafas temporanju, skont l-Artikolu 277 TFUE, sa fejn dan jikser l-obbligu li jitwettaq ibbilanċjar.

105    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u mir-Repubblika tal-Finlandja, tikkontesta dan l-argument.

106    Skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE , “[i]t-tipi ta’ għajnuna li ġejjin jistgħu jkunu kunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern: […] għajnuna maħsuba […] sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru”. Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-awturi tagħha kkunsidraw li kien fl-interess sħiħ tal-Unjoni li wieħed jew l-ieħor mill-Istati Membri tagħha jkun f’pożizzjoni li jegħleb kriżi kbira, jew saħansitra eżistenzjali, li seta’ biss ikollu konsegwenzi serji fuq l-ekonomija tal-Istati Membri l-oħra kollha jew parti minnhom, u għalhekk fuq l-Unjoni bħala tali. Din l-interpretazzjoni testwali tal-kliem tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE hija kkonfermata mill-paragun tiegħu mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, li jikkonċerna “għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”, sa fejn il-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni tinkludi kundizzjoni, relatata mal-wiri ta’ assenza ta’ bidla fil-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jmur kontra l-interess komuni, li ma tidhirx fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punti 20 u 39).

107    Għalhekk, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE jkunu ssodisfatti, jiġifieri, f’dan il-każ, li l-Istat Membru kkonċernat ikun effettivament ikkonfrontat b’disturb gravi tal-ekonomija tiegħu u li l-miżuri ta’ għajnuna adottati sabiex jirrimedjaw id-disturb ikunu, minn naħa, neċessarji għal dan l-għan u, min-naħa l-oħra, xierqa u proporzjonati, l-imsemmija miżuri huma preżunti li jiġu adottati fl-interess tal-Unjoni, b’tali mod li ma huwiex meħtieġ minn din id-dispożizzjoni li l-Kummissjoni tibbilanċja l-effetti ta’ benefiċċju tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa stabbilit fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Fi kliem ieħor, tali bbilanċjar ma jkunx iġġustifikat fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, peress li r-riżultat tiegħu huwa preżunt pożittiv. Il-fatt li Stat Membru jirnexxielu jirrimedja disturb gravi tal-ekonomija tiegħu jista’ biss jibbenefika lill-Unjoni b’mod ġenerali u b’mod partikolari lis-suq intern (sentenza tas‑17 ta’ Frar 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑238/20, taħt appell, EU:T:2021:91, punt 68).

108    Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-obbligu ta’ bbilanċjar jirriżulta min-natura eċċezzjonali tal-għajnuna kompatibbli, inkluża dik iddikjarata bħala kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Għall-istess raġunijiet, hija ma tistax tinvoka s-sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il‑Kummissjoni (T‑447/93 sa T‑449/93, EU:T:1995:130), u tad‑19 ta’ Settembru 2018, HH Ferries et vs Il‑Kummissjoni (T‑68/15, EU:T:2018:563, punti 210 sa 214). (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑238/20, taħt appell, EU:T:2021:91, punt 69, u tal‑14 ta’ April 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (Finnair I; COVID‑19), T‑388/20, taħt appell, EU:T:2021:196, punti 70 u 71).

109    Ir-rikorrenti lanqas ma hija konvinċenti meta hija tafferma li n-natura obbligatorja tal-ibbilanċjar jirriżulta mill-qafas temporanju peress li tali obbligu ma jinsabx fih. B’mod partikolari, il-punt 1.2 ta’ dan il-qafas li tirreferi għalih, dwar il-“ħtieġa ta’ koordinazzjoni Ewropea eqreb tal-miżuri nazzjonali ta’ għajnuna”, huwa kompost minn punt wieħed, il-punt 10, li ma jinkludi l-ebda rekwiżit f’dan ir-rigward.

110    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li twettaq, fid-deċiżjoni kkontestata, l-ibbilanċjar meħtieġ mir-rikorrenti. Għalkemm ir-rikorrenti teċċepixxi l-illegalità tal-qafas temporanju, l-Artikolu 107(3)(b) TFUE ma jeżiġix, kif jirriżulta mill-punt 107 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni twettaq ibbilanċjar tal-effetti ta’ benefiċċju tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta. Għaldaqstant, il-qafas temporanju, li ma jipprovdix għal tali bbilanċjar, ma jistax jikser din id-dispożizzjoni.

111    Wara l-eżami tal-argumenti mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tielet parti tat-tielet motiv, għandu jiġi kkonstatat li din ma ppreżentat l-ebda indizju li juri l-eżistenza ta’ dubji fis-sens tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament 2015/1589. Konsegwentement, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq lindizju dwar żball ta’ evalwazzjoni tannatura sinjifikattiva tassetgħa fissuq ta’ Finnair

112    Essenzjalment, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-qafas temporanju, sa fejn hija eżaminat biss is-suq tas-servizzi tal-ajruport fl-evalwazzjoni tan-natura sinjifikattiva tas-setgħa fis-suq ta’ Finnair. Sabiex tiġi ddeterminata din in-natura sinjifikattiva, hemm lok li jintuża l-“approċċ O&D”, jiġifieri li jiġu eżaminati s-swieq tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri ddefiniti f’pari ta’ bliet bejn punt ta’ oriġini u punt ta’ destinazzjoni (iktar ’il quddiem is-“swieq O&D”). Ir-rikorrenti tinvoka f’dan ir-rigward il-prassi tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-konċentrazzjonijiet. Sabiex turi s-setgħa sinjifikattiva fis-suq ta’ Finnair fis-swieq O&D, ir-rikorrenti tinvoka s-sehem globali ta’ din il-kumpannija tal-ajru fit-trasport tal-passiġġieri minn u lejn l-ajruport ta’ Helsinki li kien ta’ 68.4 % fl‑2019. Ir-rikorrenti tallega wkoll li l-Kummissjoni naqset milli teżamina l-ostakoli għad-dħul minbarra l-konġestjoni tal-ajruporti.

113    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Finlandja, tikkontesta dan l-argument.

114    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-paragrafu 72 tal-qafas temporanju, għalkemm il-benefiċjarja ta’ miżura ta’ rikapitalizzazzjoni meħuda fil-kuntest tal-COVID‑19 ta’ ammont ogħla minn EUR 250 000 000 hija impriża li għandha saħħa sinjifikattiva fis-suq f’mill-inqas wieħed mis-swieq inkwistjoni li fihom hija teżerċita l-attivitajiet tagħha, l-Istati Membri għandhom jipproponu miżuri addizzjonali sabiex jippreżervaw l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva fl-imsemmija swieq. Il-kunċett ta’ “setgħa sinjifikattiva fis-suq” ma huwiex iddefinit mill-qafas temporanju u dan lanqas ma jagħti indikazzjonijiet dwar l-approċċ li għandu jiġi segwit sabiex jiġu ddefiniti s-swieq ikkonċernati.

115    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-miżura inkwistjoni hija intiża li tirrimedja d-disturb gravi tal-ekonomija Finlandiża kkawżata mill-pandemija tal-COVID‑19 u li, għal dan l-għan, hija għandha prinċipalment l-intenzjoni li tippermetti lil Finnair iżżomm il-vijabbiltà tagħha u s-servizzi tagħha ta’ trasport bl-ajru.

116    Madankollu, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-paragrafu 98 tad-deċiżjoni kkontestata, billi żammet il-vijabbiltà ta’ Finnair, il-miżura inkwistjoni tippermettilha wkoll li żżomm slots u assi oħra li hija ma setgħetx neċessarjament iżżomm mingħajr dan is-sostenn. Dawn is-slots u dawn l-assi l-oħra jistgħu jintużaw fuq ir-rotot kollha lejn u minn ajruport użati minn Finnair skont, pereżempju, id-domanda, iżda wkoll skont id-diversi miżuri ta’ konteniment adottati mill-Istati.

117    F’dan ir-rigward, peress li l-miżura inkwistjoni kienet intiża sabiex kemm jista’ jkun possibbli żżomm l-attivitajiet kollha ta’ Finnair u peress li ma kinitx immirata lejn rotot partikolari, għandu jiġi kkonstatat li hija setgħet tipproduċi l-istess effetti fuq il-kombinazzjonijiet kollha tar-rotot li Finnair setgħet twettaq permezz tas-slots u tal-assi l-oħra li hija rnexxielha żżomm. Il-Kummissjoni għalhekk ġustament ikkonstatat, fil-paragrafu 99 tad-deċiżjoni kkontestata, li, sabiex tiddetermina s-setgħa fis-suq ta’ Finnair, hija setgħet teżamina l-preżenza jew, għall-kuntrarju, l-assenza ta’ restrizzjoni kompetittiva eżerċitata fuq din il-kumpannija tal-ajru fl-ajruporti fejn hija kellha slots. Il-Kummissjoni wettqet din l-evalwazzjoni abbażi, inter alia, tal-livell ta’ konġestjoni tal-ajruport ikkonċernat u tal-parti tas-slots miżmuma minn Finnair f’dan l-ajruport.

118    Fil-paragrafu 100 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li Finnair kienet essenzjalment tipprovdi servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri mal-wasla u mat-tluq mill-bażi u pjattaforma (hub) prinċipali tagħha, jiġifieri l-ajruport ta’ Helsinki.

119    Ir-rikorrenti ma tidentifikax ajruporti oħra ħlief dak ta’ Helsinki li l-Kummissjoni kellha teżamina.

120    F’dan l-ajruport, il-parti tas-slots miżmuma minn Finnair meta mqabbla mas-slots kollha f’dan l-ajruport kienet inqas minn 25 % fl‑2019 (paragrafu 100 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, dan l-ajruport ma huwiex ikkonġestjonat, lanqas fil-ħinijiet l-iktar intensivi, li huwa fatt li r-rikorrenti ma tikkontestax u li r-Repubblika tal-Finlandja kkonfermat fin-nota ta’ intervent tagħha. Slots huma disponibbli, fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata, għal operaturi ġodda, inklużi dawk li jixtiequ jikkompetu ma’ Finnair, fuq rotta jew oħra.

121    Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat li Finnair ma kellhiex setgħa sinjifikattiva fis-suq fl-ajruport ta’ Helsinki (paragrafu 101 tad-deċiżjoni kkontestata).

122    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li Finnair ittrasportat, b’kollox, 68.4 % tal-passiġġieri kollha li telqu minn u lejn l-ajruport ta’ Helsinki fl‑2019. Fil-fatt, dan l-argument ippreżentat mir-rikorrenti ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li Finnair kellha setgħa sinjifikattiva fis-suq f’dan l-ajruport, peress li dan ma kienx ikkonġestjonat u peress li kien hemm ħafna slots disponibbli għall-kompetituri eżistenti u għal operaturi ġodda, f’kull ħin tal-ġurnata, inkluż fil-ħinijiet l-iktar intensivi, b’tali mod li huma setgħu jeżerċitaw pressjoni kompetittiva effettiva fuq Finnair għal kull rotta minn u lejn dan l-ajruport.

123    Sabiex tikkontesta din il-konklużjoni, ir-rikorrenti sempliċement issostni li l-livell ta’ konġestjoni tal-ajruport ta’ Helsinki u n-numru ta’ slots miżmuma minn Finnair ma jgħidu xejn dwar l-eżistenza ta’ setgħa sinjifikattiva fis-suq li din il-kumpannija tal-ajru jista’ jkollha fir-rigward tad-diversi pari ta’ bliet li hija taqdi.

124    Madankollu, fid-dawl tal-elementi esposti fil-punt 120 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-parti tas-slots miżmuma minn Finnair ma tippermettilhiex li tfixkel id-diversi swieq O&D minn jew lejn l-ajruport ta’ Helsinki, peress li numru kbir ta’ slots tal-ħin għadu disponibbli. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tippreżenta l-ebda prova konkreta ta’ natura li tistabbilixxi l-assenza ta’ restrizzjoni kompetittiva eżerċitata fuq id-diversi rotot ipprovduti minn Finnair.

125    Minbarra dan, u mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex teżamina l-eżistenza possibbli ta’ setgħa fis-suq sinjifikattiva ta’ Finnair ukoll fuq kull rotta operata minnha, għandu jitfakkar li, meta l-Kummissjoni tiġi kkritikata li ma fetħitx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, huwa r-rikorrent li għandu juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li kellha jew seta’ jkollha l-Kummissjoni fid-data li fiha hija adottat id-deċiżjoni kkontestata kellha tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 20 sa 22 iktar’il fuq. F’dan il-każ, dan ifisser li r-rikorrenti kellha, għall-inqas, tidentifika s-swieq O&D ikkonċernati u tiddeskrivi s-sitwazzjoni kompetittiva f’dawn is-swieq fid-data li fiha l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

126    Issa, ir-rikorrenti ma tippreżenta l-ebda prova konkreta ta’ natura li tipprovdi kjarifika lill-Qorti Ġenerali fuq l-eżistenza possibbli ta’ setgħa sinjifikattiva fis-suq ta’ Finnair fi kwalunkwe suq O&D li fih din ta’ l-aħħar teżerċita l-attivitajiet tagħha.

127    L-uniċi ostakoli li jistgħu jiddisswadu lil kompetitur milli jikkompeti mal-benefiċjarja li għalihom tirreferi r-rikorrenti huma l-kontroll tal-Istat fuq Finnair u Finavia (l-operatur tal-ajruport ta’ Helsinki), il-kapaċità ta’ Finnair li tbigħ b’telf u l-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma huwa sostnut suffiċjentement sabiex jintlaqa’.

128    Fil-fatt, insostenn tal-ewwel argument, ir-rikorrenti ssostni li l-kontroll tal-Istat fuq Finavia skoraġġixxa lil din tal-aħħar milli tikkoopera ma’ kumpanniji tal-ajru bi prezzijiet baxxi għall-iżvilupp ta’ ajruporti reġjonali. Ir-rikorrenti tallega wkoll li Finnair ġiet iffavorita fl-ajruport ta’ Helsinki, peress li t-tariffi tal-ajruport tagħha kienu inqas minn dawk ta’ kumpanniji tal-ajru oħra. Insostenn ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti ssemmi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Lulju 2012 dwar il-miżura SA.23324 – C 25/07 (ex NN 26/07) – il-Finlandja Finavia, Airpro u Ryanair fl-ajruport ta’ Tampere-Pirkkala (ĠU 2013, L 309, p. 27), mingħajr madankollu ma tindika r-raġunijiet li għalihom dik id-deċiżjoni, li ma tikkonċernax l-ajruport ta’ Helsinki, tista’ tikkorrobora dan l-argument. Fi kwalunkwe każ, l-argument tar-rikorrenti jikkonċerna l-aġir tal-operatur tal-ajruport ta’ Helsinki, Finavia, u mhux dak tal-benefiċjarja. Anki jekk jitqies li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti huma fondati, il-miżuri korrettivi li għandhom possibbilment jittieħdu jikkonċernaw lil Finavia u mhux lil Finnair, b’tali mod li dawn l-allegazzjonijiet imorru lil hinn mis-suġġett ta’ din it-tilwima.

129    Insostenn tat-tieni argument, ir-rikorrenti tirreferi għal dokument, intitolat “Ryanair Holdings PLC – COVID‑19 Aġġornament dwar is-suq”, anness mar-rikors, tal‑1 ta’ Mejju 2020, li hija l-awtur tiegħu. Issa, dan id-dokument ma fih l-ebda element ta’ natura li juri li Finnair kienet tbigħ b’telf minħabba l-miżura inkwistjoni.

130    Insostenn tat-tielet argument, ir-rikorrenti sempliċement issostni li l-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 jirrendi improbabbli ħafna kull dħul ġdid fis-suq Finlandiż tat-trasport bl-ajru jew espansjoni ta’ dan is-suq. Madankollu, kif tosserva l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tippreċiżax il-mod kif ir-riperkussjonijiet tal-pandemija setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala ostakoli għad-dħul. Dan l-argument jikkontradixxi wkoll l-affermazzjoni magħmula mir-rikorrenti, fil-punt 7 tal-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent tar-Repubblika tal-Finlandja, li l-espansjoni reċenti tagħha fil-Finlandja turi l-kapaċità ta’ kumpanniji tal-ajru oħra li ma humiex Finnair li joperaw u li jiżviluppaw fil-Finlandja matul il-kriżi kkawżata mill-COVID‑19. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

131    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha u fid-dawl tal-assenza ta’ provi prodotti jew offruti li jistgħu jsostnu l-allegazzjonijiet tagħha, għandu jiġi konkluż li, fil-kuntest tar-raba’ parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda indizju li juri l-eżistenza ta’ dubji fis-sens tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament 2015/1589. Għaldaqstant din il-parti għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq lindizju dwar ilksur talprinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

132    Sabiex turi l-eżistenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern, ir-rikorrenti ssostni li l-imsemmija miżura tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ttrattat b’mod differenti s-sitwazzjoni komparabbli tal-kumpanniji tal-ajru li joperaw rotot minn u lejn il-Finlandja billi ffavorixxiet lil Finnair mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva. Il-Kummissjoni la stabbilixxiet in-neċessità li l-għajnuna tingħata biss lil Finnair u lanqas il-proporzjonalità tad-differenza fit-trattament bejn Finnair u l-kumpanniji tal-ajru l-oħra. Hija żżid li jekk l-għajnuna tingħata lill-kumpanniji tal-ajru kollha li joperaw fil-Finlandja, skont is-sehem tagħhom fis-suq, l-għan tal-miżura jintlaħaq mingħajr diskriminazzjoni. Minn dan ir-rikorrenti tiddeduċi li l-miżura inkwistjoni hija “strument ta’ nazzjonaliżmu ekonomiku evidenti”, kif jikkonferma l-istqarrija għall-istampa tal-Gvern Finlandiż.

133    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u mir-Repubblika tal-Finlandja, tikkontesta dan l-argument.

134    Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet simili ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 66; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 49).

135    L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għaldaqstant in-natura komparabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu stabbiliti u evalwati fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu l-att inkwistjoni (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 26).

136    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, EU:C:1984:183, punt 25), premess li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tiġi applikata dik li hija l-inqas oneruża, u li l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (sentenza tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 55).

137    Ċertament, huwa minnu li l-kumpanniji tal-ajru l-oħra jikkontribwixxu sa ċertu punt għall-konnettività tal-Finlandja u li huma milquta mill-pandemija tal-COVID‑19 u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li jirriżultaw minnha l-istess bħal Finnair. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, kif issostni l-Kummissjoni, ma jeżisti l-ebda obbligu, għall-Istati Membri, li jagħtu għajnuna intiża sabiex tirrimedja d-disturb gravi tal-ekonomija fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, Ryanair u Laudamotion vs Il‑Kummissjoni (Austrian Airlines; COVID‑19), T‑677/20, taħt appell, EU:T:2021:465, punt 54). Barra minn hekk, kif ġie ppreċiżat fil-punti 30 u 31 iktar ’il fuq, għajnuna tista’ tkun intiża sabiex tirrimedja d-disturb gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, irrispettivament mill-fatt li hija ma tirrimedjax, waħedha, tali disturb. Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Finlandja ma tistax tkun obbligata tagħti għajnuna lill-impriżi kollha li jikkontribwixxu, b’xi mod jew ieħor, għall-konnettività tat-territorju tagħha.

138    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li għajnuna individwali, bħall-miżura inkwistjoni, tibbenefika minnha, mid-definizzjoni tagħha, impriża waħda biss, bl-esklużjoni tal-impriżi l-oħra kollha, inklużi dawk li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna. B’hekk, min-natura tagħha stess, tali għajnuna individwali tistabbilixxi differenza fit-trattament, saħansitra diskriminazzjoni, li hija inerenti għan-natura individwali tal-imsemmija miżura. Issa, il-fatt li jiġi sostnut, kif tagħmel ir-rikorrenti, li l-għajnuna individwali inkwistjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, essenzjalment, iqajjem dubju b’mod sistematiku dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ kull għajnuna individwali minħabba s-sempliċi fatt tan-natura intrinsikament esklużiva u b’hekk diskriminatorja tagħha, filwaqt li d-dritt tal-Unjoni jippermetti lill-Istati Membri jagħtu għajnuna individwali, sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 107 TFUE (sentenza tal‑14 ta’ April 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (Finnair I; COVID‑19), T‑388/20, taħt appell, EU:T:2021:196, punt 81).

139    Fi kwalunkwe każ, kieku kellu jitqies, kif issostni r-rikorrenti, li d-differenza fit-trattament stabbilita mill-miżura inkwistjoni, sa fejn din tibbenefika minnha biss Finnair, tista’ tiġi assimilata ma’ diskriminazzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk din hijiex iġġustifikata minn għan leġittimu u jekk hijiex neċessarja, xierqa u proporzjonata sabiex dan jintlaħaq. Bl-istess mod, sa fejn ir-rikorrenti tirreferi għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, għandu jiġi enfasizzat li, skont din id-dispożizzjoni, kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati “u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm” għandha tiġi pprojbita. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk din id-differenza fit-trattament hijiex permessa fir-rigward tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-eżami jimplika, minn naħa, li l-għan tal-miżura inkwistjoni jissodisfa r-rekwiżiti previsti minn din l-aħħar dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-modalitajiet tal-għoti tal-miżura inkwistjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, il-fatt li din tibbenefika minnha biss Finnair, ikunu ta’ natura li jippermettu li jintlaħaq dan l-għan u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (sentenza tal‑14 ta’ April 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (Finnair I; COVID‑19), T‑388/20, taħt appell, EU:T:2021:196, punt 82).

140    Fir-rigward tal-għan tal-miżura inkwistjoni, huwa stabbilit li l-pandemija tal-COVID‑19 fixklet b’mod gravi l-ekonomija Finlandiża u li din kellha effetti negattivi sinjifikattivi fis-suq Finlandiż tat-trasport bl-ajru. F’dan il-kuntest, għar-raġunijiet esposti fil-punti 39 sa 41 iktar ’il fuq, l-għan tal-miżura inkwistjoni, jiġifieri ż-żamma tal-vijabbiltà u tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ Finnair, kien ta’ natura li jirrimedja d-disturb gravi tal-ekonomija Finlandiża.

141    Fir-rigward tal-modalitajiet tal-għoti tal-miżura inkwistjoni, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-paragrafi 84 u 85 tad-deċiżjoni kkontestata u kif jirriżulta mill-punti 37 sa 41 iktar ’il fuq, Finnair kienet tikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għall-iżvilupp ekonomiku u għall-kummerċ estern tal-Finlandja kemm permezz tar-rwol importanti tagħha għall-konnettività nazzjonali u internazzjonali tal-pajjiż kif ukoll permezz tal-piż ekonomiku u soċjali tagħha għal diversi fornituri u ħaddiema Finlandiżi.

142    Skont ir-rikorrenti, dawn iċ-ċirkustanzi ma jippermettux li tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-miżura inkwistjoni. Il-miżura inkwistjoni ma hijiex proporzjonata sa fejn tagħti l-għajnuna kollha lil Finnair minkejja li l-parti ta’ din tal-aħħar fil-konnettività tal-Finlandja tinsab bejn 45 u 67 %.

143    Madankollu, fid-dawl tar-rwol importanti tagħha fil-qasam tal-konnettività nazzjonali u internazzjonali kif ukoll tal-piż ekonomiku u soċjali tagħha fil-Finlandja, kif diġà ġew stabbiliti fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet motiv, għandu jiġi kkonstatat li l-iżgurar tal-kontinwità tal-attivitajiet ekonomiċi ta’ Finnair iktar seta’ jikkontribwixxi sabiex jirrimedja d-disturb gravi tal-ekonomija Finlandiża milli ż-żamma tal-attivitajiet tal-kumpanniji tal-ajru l-oħra li kienu joperaw – b’mod inqas minn Finnair – fil-Finlandja. B’mod partikolari, ma jirriżulta minn ebda att tal-proċess li għandha quddiemha l-Qorti Ġenerali li r-rikorrenti jew kumpannija tal-ajru oħra, minħabba r-rwol tagħhom fil-konnettività nazzjonali u internazzjonali tal-Finlandja kif ukoll il-piż ekonomiku u soċjali tagħhom għal dan il-pajjiż, kellha importanza komparabbli għal dik ta’ Finnair għall-ekonomija Finlandiża u għall-irkupru tagħha.

144    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, il-Kummissjoni rrilevat, fil-paragrafu 89 tad-deċiżjoni kkontestata, li ż-żieda fil-kapital prevista, b’mod partikolari s-sehem tal-Istat, kienet inqas mit-telf previst. Minn dan hija kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni ma kinitx tmur lil hinn mill-istabbiliment mill-ġdid tal-istruttura tal-kapital ta’ Finnair kif kienet teżisti fil‑31 ta’ Diċembru 2019, jiġifieri qabel il-pandemija tal-COVID‑19.

145    Ir-rikorrenti ma tikkontestax dawn il-fatti. Hija sempliċement issostni li l-miżura inkwistjoni hija sproporzjonata sa fejn din hija intiża biss għal Finnair u ssostni li din hija miżura ta’ “nazzjonaliżmu ekonomiku evidenti”.

146    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li ma jeżisti l-ebda obbligu, għall-Kummissjoni, li teżamina jekk, minbarra ż-żamma ta’ Finnair, ir-Repubblika tal-Finlandja kellhiex twessa’ ċ-ċirku tal-benefiċjarji tal-għajnuna peress li d-deċiżjoni dwar il-garanzija tal-Istat kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata jistabbilixxu b’mod suffiċjenti fid-dritt in-neċessità li tiġi ppreżervata l-kontribuzzjoni ta’ Finnair għall-ekonomija Finlandiża.

147    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE, bħalma huwa l-każ hawnhekk, tista’ tingħata lil impriża miżmuma, fil-parti l-kbira tagħha, mill-Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant, anki jekk l-istqarrija għall-istampa tal-Gvern Finlandiż invokata mir-rikorrenti u ppreżentata bħala anness mar-rikors tenfasizza li r-Repubblika tal-Finlandja kienet qiegħda taġixxi bħala “proprjetarja responsabbli”, dan ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-miżura inkwistjoni hija miżura ta’ “nazzjonaliżmu ekonomiku”. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija stqarrija għall-istampa tevoka l-importanza tar-rotot ipprovduti minn Finnair għas-sigurtà tal-provvista tal-Finlandja, għat-trasport tal-merkanzija u għat-trasport tal-passiġġieri, kif ukoll l-influwenza ta’ din l-impriża fuq l-ekonomija nazzjonali. Għaldaqstant, dan għandu tendenza li jikkonferma l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-importanza ta’ Finnair sabiex tirrimedja d-disturb gravi tal-ekonomija Finlandiża.

148    Minn dan isegwi, fi kwalunkwe każ u sakemm id-differenza fit-trattament stabbilita mill-miżura inkwistjoni tista’ tiġi assimilata ma’ diskriminazzjoni, kien iġġustifikat li l-benefiċċju tal-miżura inkwistjoni jingħata biss lil Finnair.

149    Konsegwentement, ma huwiex stabbilit li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji, fis-sens tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament 2015/1589, matul l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern. Is-sempliċi riferiment mir-rikorrenti tal-allegata prassi tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma huwiex ta’ natura li jbiddel din il-konklużjoni.

–       Fuq lindizju dwar ilksur tallibertà li jiġu pprovduti servizzi u tallibertà ta’ stabbiliment

150    Essenzjalment, ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn hija tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan iddikjarat tal-għajnuna, il-miżura inkwistjoni tirrestrinġi b’mod inġustifikat il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment, li huwa fatt li jqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni biss lil Finnair iwassal għal frammentazzjoni tas-suq intern u, fil-każ tal-kumpanniji tal-ajru, tirrestrinġi d-drittijiet tagħhom li jipprovdu liberament servizzi ta’ trasport bl-ajru fi ħdan is-suq intern kif mogħtija lilhom mis-sistema ta’ liċenzji operattivi Ewropej prevista mir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3).

151    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u mir-Repubblika tal-Finlandja, tikkontesta dan l-argument.

152    Għandu jitfakkar li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tipprekludi l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament interni fi Stat Membru, irrispettivament mill-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew ir-residenza (sentenza tas‑6 ta’ Frar 2003, Stylianakis, C‑92/01, EU:C:2003:72, punt 25). Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 58(1) TFUE, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fil-qasam tat-trasport, hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tat-titolu dwar it-trasport, jiġifieri t-Titolu VI tat-Trattat FUE. Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport hija għaldaqstant suġġetta, fi ħdan id-dritt primarju, għal sistema ġuridika speċifika (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management, C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 36). Konsegwentement, l-Artikolu 56 TFUE, li jistabbilixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ma japplikax bħala tali għall-qasam tat-traffiku bl-ajru (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2011, Neukirchinger, C‑382/08, EU:C:2011:27, punt 22).

153    Għaldaqstant huwa biss abbażi tal-Artikolu 100(2) TFUE li miżuri ta’ liberalizzazzjoni tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru jistgħu jiġu adottati (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management, C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 38). Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament Nru 1008/2008 abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, li għandha preċiżament l-għan li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni, fis-settur tat-trasport bl-ajru, tal-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2003, Stylianakis, C‑92/01, EU:C:2003:72, punt 24).

154    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi , sa fejn hija tibbenefika biss lil Finnair.

155    Issa, għalkemm huwa minnu li l-miżura inkwistjoni tirrigwarda għajnuna individwali li hija ta’ benefiċċju biss għal Finnair, ir-rikorrenti ma tistabbilixxix kif din in-natura esklużiva tista’ tiddiswadi lil trasportaturi bl-ajru milli jistabbilixxu ruħhom fil-Finlandja jew milli jipprovdu servizzi minn u lejn dan il-pajjiż. Ir-rikorrenti b’mod partikolari baqgħet ma identifikatx il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jwasslu sabiex din il-miżura tipproduċi effetti restrittivi li jmorru lil hinn minn dawk li jagħtu lok għall-projbizzjoni prevista mill-Artikolu 107(1) TFUE. Għall-kuntrarju, kif ġie deċiż fil-punti 139 sa 148 iktar ’il fuq, dawn l-effetti huma neċessarji u proporzjonati sabiex jiġi rrimedjat id-disturb gravi tal-ekonomija Finlandiża kkawżat mill-pandemija tal-COVID‑19, skont ir-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

156    Konsegwentement, il-miżura inkwistjoni ma tistax tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment jew għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Minn dan isegwi li r-rikorrenti la għandha raġun li tikkritika lill-Kummissjoni li ma eżaminatx il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mal-libertà ta’ stabbiliment u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u lanqas li tallega a fortiori li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji f’dan ir-rigward.

157    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, fil-kuntest tat-tielet motiv tar-rikors, ir-rikorrenti ma pproduċietx prova tal-eżistenza ta’ dubji fis-sens tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament 2015/1589. Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

158    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa ċertu numru ta’ elementi essenzjali sabiex tiddetermina l-kompatibbiltà tal-għajnuna mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u mal-qafas temporanju. L-ewwel, il-Kummissjoni naqset milli tiddetermina kif miżura intiża għal Finnair tista’, waħedha, tirrimedja disturb gravi tal-ekonomija Finlandiża. It-tieni, il-Kummissjoni naqset milli tagħti r-raġunijiet għaliex Finnair ma kellha l-ebda mezz ta’ rikapitalizzazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha minbarra l-miżura inkwistjoni. It-tielet, il-Kummissjoni naqset milli tispjega kif livell ogħla ta’ dilwizzjoni tal-azzjonisti eżistenti seta’ jissostitwixxi l-inċentiv għax-xiri mill-ġdid tas-sehem tal-Istat minn Finnair. Ir-raba’, il-Kummissjoni naqset milli twettaq, anki fil-qosor, eżami tal-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u tal-effetti negattivi tal-miżura inkwistjoni. Il-ħames, il-Kummissjoni naqset milli tagħti r-raġunijiet għaliex is-setgħa fis-suq ta’ Finnair kellha tiġi evalwata esklużivament fid-dawl tal-livell ta’ konġestjoni tal-ajruport ta’ Helsinki kif ukoll dawk għaliex hija ma kellhiex tali setgħa. Is-sitt, il-Kummissjoni naqset milli tevalwa jekk il-miżura inkwistjoni kinitx nondiskriminatorja u jekk kinitx tosserva l-prinċipji ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ libertà ta’ stabbiliment.

159    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Finlandja, tikkontesta dan l-argument.

160    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li jippermetti lill-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi artikolu għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fil-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 79, u tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 125).

161    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-kapaċità tal-miżura inkwistjoni li tirrimedja waħedha d-disturb gravi tal-ekonomija Finlandiża, għandu jitfakkar li l-Artikolu 107(3)(b) TFUE ma jeħtieġx li l-għajnuna inkwistjoni tkun tista’, waħedha, tirrimedja d-disturb gravi tal-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kellhiex tippreżenta motivi f’dan ir-rigward.

162    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-mezzi l-oħra sabiex Finnair iżżid il-kapital tagħha, il-Kummissjoni spjegat b’mod suffiċjentement ċar u preċiż, kif jirriżulta mill-punti 49, 51 u 53 iktar ’il fuq, ir-raġunijiet għaliex hija kkunsidrat li l-awtoritajiet Finlandiżi kienu stabbilixxew li ma kienx hemm mezzi oħra sabiex jinstab kapital fi żmien qasir.

163    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-interazzjoni possibbli bejn il-livell ta’ dilwizzjoni tal-azzjonisti eżistenti u x-xiri mill-ġdid tas-sehem tal-Istat minn Finnair, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mill-punt 72 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni indikat b’mod suffiċjenti fid-dritt, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għaliex il-miżura inkwistjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE, minkejja li hija ma kinitx tinkludi mekkaniżmu ta’ żieda tar-remunerazzjoni.

164    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u negattivi tal-miżura inkwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 106 sa 110 iktar ’il fuq, dan l-ibbilanċjar la huwa meħtieġ mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE u lanqas mill-qafas temporanju. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kellhiex tippreżenta motivi f’dan ir-rigward.

165    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-motivazzjoni dwar is-setgħa sinjifikattiva fis-suq ta’ Finnair, il-qari tal-paragrafi 98 sa 102 tad-deċiżjoni kkontestata jippermetti li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ppreżentat b’mod suffiċjenti l-approċċ tagħha fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, ir-raġunijiet għaliex hija kienet għażlet dan l-approċċ u l-motivi li fuqhom hija bbażat il-konklużjoni li skontha din il-kumpannija tal-ajru ma kellhiex tali setgħa.

166    Fis-sitt lok, fir-rigward tal-motivazzjoni fir-rigward tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ libertà ta’ stabbiliment, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi l-elementi, imsemmija fil-punt 40 iktar ’il fuq, li jippermettu li tinftiehem l-importanza partikolari ta’ Finnair għall-konnettività u għall-ekonomija tal-Finlandja kif ukoll ir-raġunijiet għaliex ir-Repubblika tal-Finlandja għażlet lil din il-kumpannija bħala l-unika benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni.

167    Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata u li, konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

168    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq lispejjeż

169    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

170    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ryanair DAC hija kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

Hesse

 

      Petrlík

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑22 ta’ Ġunju 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.