Language of document : ECLI:EU:T:2022:389

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

22 ta’ Ġunju 2022 (*)

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Kompiti speċifiċi ta’ superviżjoni fdati lill-BĊE – Deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Ksur serju tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/60/KE – Proporzjonalità – Ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-governanza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Drittijiet tad-difiża – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża T‑797/19,

Anglo Austrian AAB AG, li kienet Anglo Austrian AAB Bank AG, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija),

Belegging-Maatschappij “Far-East” BV, stabbilita fi Velp (il-Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati minn M. Ketzer u O. Behrends, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn C. Hernández Saseta, E. Yoo u V. Hümpfner, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, M. J. Costeira (Relatriċi), M. Kancheva, B. Berke u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat id-deċiżjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2019 tal-Presidenta tad-Disa’ Awla li tilqa’ t-talba li l-kawża tinqata’ bi prijorità,

fid-dawl tal-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u peress li ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr ma jkun hemm fażi orali tal-proċedura,

wara li rat id-digriet tas‑7 ta’ Frar 2020, Anglo Austrian AAB Bank u Belegging-Maatschappij “Far-East” vs BĊE (T‑797/19 R, mhux ippubblikat, EU:T:2020:37), li permezz tiegħu l-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba tar-rikorrenti għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata,

wara li rat id-digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Anglo Austrian AAB u Belegging-Maatschappij “Far-East” vs BĊE [C 114/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:1059], li permezz tiegħu l-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell kontra dan id-digriet,

wara li rat id-digriet tal‑15 ta’ April 2020, Anglo Austrian AAB Bank u Belegging-Maatschappij “Far-East” vs BĊE, li permezz tiegħu l-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-tieni talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, imressqa mir-rikorrenti konformement mal-Artikolu 160 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali,

wara li rat id-digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Anglo Austrian AAB u Belegging-Maatschappij “Far-East” vs BĊE [C 207/20 P (R), mhux ippubblikat, ECLI:EU:C:2020:1057], li permezz tiegħu l-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell kontra dan id-digriet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Anglo Austrian AAB AG, li kienet Anglo Austrian AAB Bank AG (iktar ’il quddiem “AAB Bank”), u Belegging-Maatschappij “Far-East” BV (iktar ’il quddiem l-“azzjonista”), jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni ECB-SSM-2019-AT 8 WHD-2019 0009 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), tal‑14 ta’ Novembru 2019, li permezz tagħha dan tal-aħħar irtira l-awtorizzazzjoni ta’ AAB Bank għall-aċċess għall-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2        L-ewwel rikorrenti, AAB, kienet istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63). Hija kienet teżerċita l-attivitajiet tagħha bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni maħruġa taħt il-Bundesgesetz über das Bankwesen (Bankwesengesetz) (il-Liġi Bankarja Awstrijaka, iktar ’il quddiem il-“BWG”).

3        It-tieni rikorrenti, l-azzjonista, hija kumpannija holding finanzjarja li żżomm 99.99 % tal-azzjonijiet ta’ AAB Bank.

4        Fis‑26 ta’ April 2019, l-Österreichische Finanzmarktbehörde (l-Awtorità Awstrijaka ta’ Superviżjoni tas-Swieq Finanzjarji, l-Awstrija, iktar ’il quddiem il-“FMA”) ippreżentat lill-BĊE abbozz ta’ deċiżjoni intiż għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ AAB Bank bħala istituzzjoni ta’ kreditu, konformement mal-Artikolu 80(1) tar-Regolament tal-BĊE (UE) Nru 468/2014 tas‑16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (ĠU 2014, L 141, p. 1).

5        Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Ġunju 2019, il-BĊE bagħat lil AAB Bank abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni, li dwaru din tal-aħħar ħadet pożizzjoni fit‑23 ta’ Lulju 2019.

6        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE rtira l-awtorizzazzjoni tiegħu lil AAB Bank bħala istituzzjoni ta’ kreditu, b’effett mid-data ta’ komunikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

7        Essenzjalment, il-BĊE qies li, abbażi tal-konstatazzjonijiet tal-FMA, imwettqa fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompitu tagħha ta’ superviżjoni prudenzjali, relatati man-nuqqas ta’ osservanza kontinwa u repetuta tar-rekwiżiti relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll mal-governanza interna minn AAB Bank, din ma kinitx kapaċi tiżgura ġestjoni soda tar-riskji tagħha.

8        Għaldaqstant, il-BĊE qies li l-kriterji li jiġġustifikaw l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ AAB Bank għall-aċċess għall-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, previsti fl-Artikolu 18(f) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1, u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95) u trasposti fid-dritt Awstrijak kienu ssodisfatti, peress li din kienet wettqet ksur tal-Artikolu 67(1)(d) u (o) ta’ din id-direttiva kif traspost fid-dritt Awstrijak, u li dan l-irtirar kien proporzjonali.

9        Barra minn hekk, il-BĊE rrifjuta li jissospendi l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata għal perijodu ta’ tletin jum minħabba li l-osservazzjonijiet ta’ AAB Bank ma kinux ta’ natura li jqajmu dubju dwar il-legalità ta’ din id-deċiżjoni, li din ma setgħetx tikkawża dannu irreparabbli u li l-interess pubbliku intiż għall-protezzjoni tad-depożitanti, tal-investituri u tas-sħab l-oħra ta’ AAB Bank kif ukoll l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kien jiġġustifika l-applikazzjoni immedjata tad-deċiżjoni.

II.    Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat‑18 ta’ Mejju 2021, peress li membru tad-Disa’ Awla Estiża minħabba impediment ma setax jipparteċipa fid-deliberazzjoni, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina mħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

11      Wara l-mewt tal-Imħallef B. Berke li seħħ fl‑1 ta’ Awwissu 2021, it-tliet imħallfin li jiffirmaw din is-sentenza ssoktaw bid-deliberazzjonijiet, konformement mal-Artikolu 22 u mal-Artikolu 24(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Awwissu 2021, din il-kawża kienet ġiet assenjata lil Imħallef Relatriċi ġdida, sedenti fid-Disa’ Awla.

13      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

14      Il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli sa fejn ġie ppreżentat mill-azzjonista;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Iddritt

A.      Fuq lammissibbiltà tarrikors sa fejn ġie ppreżentat millazzjonista

15      Mingħajr ma jqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura, il-BĊE jsostni li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikors tal-azzjonista huwa inammissibbli minħabba li ma huwiex affettwat direttament mid-deċiżjoni kkontestata.

16      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-azzjonisti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li l-awtorizzazzjoni tagħha għall-aċċess għall-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu tkun ġiet irtirata ma humiex direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et, C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punti 107 sa 115 u 119).

17      Għaldaqstant, ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn kien ġie ppreżentat mill-azzjonista.

B.      Fuq ilmertu

18      Insostenn tar-rikors tagħha, AAB Bank tinvoka ħames motivi.

19      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(1)(a) u tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013, sa fejn il-BĊE applika d-dritt nazzjonali b’mod żbaljat. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 468/2014, moqri fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jirriżulta mir-rifjut tal-BĊE li jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ AAB Bank. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà tal-azzjonista.

1.      Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 4(1)(a) u talArtikolu 14(5) tarRegolament Nru 1024/2013, sa fejn ilBĊE applika ddritt nazzjonali b’mod żbaljat

20      Insostenn ta’ dan il-motiv, AAB Bank issostni, essenzjalment, li l-kundizzjonijiet previsti għall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni mid-dritt tal-Unjoni fl-Artikolu 4(1)(a), u fl-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013, fl-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 468/2014 kif ukoll fl-Artikolu 18(f) u fl-Artikolu 67(1)(d) u (o) tad-Direttiva 2013/36 u mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Awstrijak applikabbli li jittrasponu dawn tal-aħħar ma kinux issodisfatti f’dan il-każ u li l-BĊE adotta d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma kellu l-kompetenza sabiex jadotta tali deċiżjoni.

21      Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.

a)      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 4(1)(a) u tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013, sa fejn il-kriterji li jiġġustifikaw l-irtirar tal-awtorizzazzjoni previsti mill-Artikolu 18(f) u mill-Artikolu 67(d) u (o) tad-Direttiva 2013/36, kif trasposti fid-dritt Awstrijak, ma kinux issodisfatti

22      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, AAB Bank issostni, essenzjalment, li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(a) u fl-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013, fl-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 468/2014 u fl-Artikolu 70(4) tal-BWG li jittrasponi l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36, kif ukoll dawk stabbiliti fl-Artikolu 67 tal-imsemmija direttiva, ma kinux issodisfatti, sa fejn hija ma kinitx ġiet iddikjarata responsabbli għal ksur serju fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, konformement mal-Artikoli 34 et seq tal-Bundesgesetz zur Verhinderung der Geldwäsche und Terrorismusfinanzierung im Finanzmarkt (il-Liġi Federali dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu fis-Swieq Finanzjarji, iktar ’il quddiem il-“FM-GwG”) adottati skont id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU 2005, L 309, p. 15, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 102) [li sar id-Direttiva 2015/849/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva [2005/60] u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73)]. F’dan ir-rigward, AAB Bank tilmenta li l-BĊE, minn naħa, ikkunsidra b’mod żbaljat li hija kienet ġiet iddikjarata responsabbli għal ksur serju tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/60 (li saret id-Direttiva 2015/849) u, min-naħa l-oħra, li kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li l-BĊE bbaża ruħu fuqhom sabiex jikkonstata li l-allegat ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus kien iġġustifika rtirar ta’ awtorizzazzjoni.

23      Il-BĊE jikkontesta dawn l-argumenti.

24      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE qies li AAB Bank kienet ġiet iddikjarata responsabbli għal ksur serju tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva 2005/60 (li saret id-Direttiva 2015/849), fis-sens tal-Artikolu 67(1)(o) tad-Direttiva 2013/36, li jiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha skont l-Artikolu 18(f) tal-imsemmija direttiva, kif traspost bl-Artikolu 70(4) tal-BWG.

25      B’mod partikolari, dan iqis li AAB Bank kienet kisret l-Artikolu 39(2) u l-ħames u l-ħdax-il subparagrafu tal-Artikolu 39(2b) tal-BWG, kif ukoll l-Artikolu 6(1), (2) sa (4), (6) u (7), l-Artikolu 7(7), l-Artikolu 9, l-Artikolu 23(3) u l-Artikolu 29 tal-FM-GwG.

26      Wara li rrileva li n-natura, in-numru u l-frekwenza tal-miżuri ta’ superviżjoni vinkolanti, bħall-ordnijiet formali, li kellhom jiġu adottati mill-FMA jżidu l-gravità tal-ksur ikkonstatat u l-fatt li dan kien ilu għaddej għal żmien twil, il-BĊE rrefera b’mod partikolari insostenn tal-konklużjonijiet tiegħu għal:

–        ir-rapport tal-Oesterreichische Nationalbank (il-Bank Nazzjonali, l-Awstrija) waqt spezzjoni fuq il-post tat‑22 ta’ Jannar 2010, li matulha kien ikkonstata nuqqasijiet sinjifikattivi fid-dispożittiv kontra l-ħasil tal-flus ta’ AAB Bank;

–        ir-rapport tal-FMA wara l-ispezzjoni fuq il-post tal‑11 ta’ Lulju 2013 li jikkonstata 38 nuqqas jew ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

–        ir-rapport tal‑24 ta’ Marzu 2015 li jikkonstata irregolaritajiet fit‑18 minn 20 każijiet testijiet li l-konklużjonijiet tagħhom kienu ġew sussegwentement ikkonfermati permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva;

–        l-ordni formali tal-FMA tat‑18 ta’ Awwissu 2015 li permezz tagħha ordnat lil AAB Bank tapplika d-dispożizzjonijiet kontra l-ħasil tal-flus tal‑2008 għall-klijenti kollha tagħha;

–        is-sanzjoni adottata fl‑14 ta’ Settembru 2016 mill-FMA għal ksur, fuq livell individwali u sistemiku, tar-rekwiżiti legali fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

–        is-sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) tas‑7 ta’ Frar 2019, bir-referenza W230 2138107-1/37E, li tikkonferma s-sanzjoni tal-FMA tal‑14 ta’ Settembru 2016 filwaqt li tnaqqas l-ammont tagħha;

–        id-digriet tal-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), tal‑15 ta’ Mejju 2019, bir-referenza Ro 2019/02/0006-3, li tiċħad l-appell ta’ AAB Bank mis-sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tas‑7 ta’ Frar 2019;

–        is-sentenza tal-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien (il-Qorti Reġjonali għal Kwistjonijiet Ċivili ta’ Vjenna, l-Awstrija) tat‑23 ta’ Frar 2017 bir-referenza 33 CG 716s 18, li fiha ġie indikat li, “[f]il-każ ta’ disa’ tranżazzjonijiet ta’ kreditu back-to-back ma’ banek oħra eżaminati fid-dettall mill-FMA jew mill-awdituri esterni, ġie kkonstatat li dawn id-disa’ tranżazzjonijiet kienu vvizzjati bi ksur serju tad-dispożizzjonijiet applikabbli”;

–        l-ordni formali tal‑24 ta’ Ottubru 2018 tal-FMA li tikkonstata diversi ksur tal-leġiżlazzjoni minn AAB Bank fir-relazzjonijiet tagħha ma’ Meinl Bank Antigua Ltd, b’mod partikolari l-fatt li, wara li ddikjarat li l-kontijiet ta’ Meinl Bank Antigua kienu ffriżati, AAB Bank kienet ippermettiet li jsiru trasferimenti mill-kont prinċipali tagħha għal ammont ta’ EUR 19.5 miljun u ma kellha ebda dokumentazzjoni xierqa dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha;

–        ir-rapport tal-FMA tas‑17 ta’ Jannar 2019 stabbilit wara l-ispezzjoni fuq il-post tal‑2018 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-FMA dwar ir-raba’ spezzjoni”) li jikkonstata 22 nuqqas jew ksur tad-dispożizzjonijiet legali li wħud minnhom ċertament kienu jikkonċernaw lil Meinl Bank Antigua;

–        il-proċedura mnedija mill-FMA fis‑7 ta’ Ġunju 2019 sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-konformità legali dwar il-15-il konklużjoni li jifdal mir-rapport tagħha dwar ir-raba’ spezzjoni, li fuqu AAB Bank kienet ippreżentat osservazzjonijiet meħuda inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkonstata, essenzjalment, li l-maġġoranza tal-ksur kien għadu fis-seħħ.

–        rapporti tal-awditu ta’ AAB Bank u ċerti elementi fattwali miġbura matul il-proċedura amministrattiva.

1)      Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18(f) tad-Direttiva 2013/36 u tal-Artikolu 67(1)(o) tad-Direttiva 2013/36, kif trasposti fid-dritt Awstrijak, sa fejn AAB Bank ma kinitx ġiet iddikjarata responsabbli għal ksur serju tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/60 (li saret id-Direttiva 2015/849)

27      Skont AAB Bank, essenzjalment, id-deċiżjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata ma kinux jippermettu li jiġi kkunsidrat li hija kienet ġiet iddikjarata responsabbli għal ksur serju tal-BWG jew tal-FM-GwG, peress li n-nuqqasijiet allegati fil-konfront tagħha f’dawn id-deċiżjonijiet kienu antiki, preskritti jew ma kinux serji jew kienu ġew ikkoreġuti, u peress li ma kinux ġew ikkonstatati f’deċiżjonijiet li għandhom awtorità ta’ res judicata.

28      Il-BĊE jikkontesta dan l-ilment.

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1024/2013 u bla ħsara għall-Artikolu 14 ta’ dan l-istess regolament, il-BĊE biss huwa kompetenti, abbażi tal-kompiti fdati lilu mill-imsemmi regolament, sabiex jawtorizza l-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku kif ukoll jirtira l-awtorizzazzjonijiet lill-imsemmija istituzzjonijiet.

30      Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE jista’ jirtira l-awtorizzazzjoni fuq l-inizjattiva tiegħu stess fil-każijiet previsti mid-dritt applikabbli tal-Unjoni, wara konsultazzjoni mal-awtorità kompetenzi nazzjonali tal-Istat Membru parteċipanti fejn l-istituzzjoni ta’ kreditu hija stabbilita, jew fuq proposta ta’ din l-awtorità kompetenti nazzjonali.

31      Barra minn hekk, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013 jipprovdi li, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-regolament, u bl-għan li jiġu żgurati standards superviżorji għoljin, il-BĊE għandu japplika d-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tad-dritt tal-Unjoni u, fejn dan ikun kompost minn direttivi, id-dritt nazzjonali li jittrasponi dawn id-direttivi.

32      Minn dan jirriżulta li l-BĊE huwa obbligat, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompitu kkonferit lilu mill-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1024/2013, li japplika, minbarra d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2013/36 moqrija fid-dawl ta’ din id-direttiva.

33      Għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 18(f) tad-Direttiva 2013/36 jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni mogħtija meta istituzzjoni ta’ kreditu twettaq kwalunkwe ksur imsemmi fl-Artikolu 67(1) ta’ din id-direttiva.

34      L-Artikolu 67(1)(o) tad-Direttiva 2013/36 jirreferi għall-ipoteżi fejn istituzzjoni ta’ kreditu tkun ġiet iddikjarata responsabbli għal ksur serju tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva 2005/60.

35      Fir-rigward tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/36 invokati minn AAB Bank, mill-Artikolu 70(4) tal-BWG jirriżulta li, meta istituzzjoni ta’ kreditu tikser, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-BWG jew l-atti adottati għall-applikazzjoni tagħha, l-FMA għandha:

“[…] 3. tirrevoka l-awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu fil-każijiet fejn miżuri oħra stabbiliti fil-BWG ma jistgħux jiżguraw il-funzjonament tal-istituzzjoni ta’ kreditu”

36      Barra minn hekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tal-FM-GwG:

“Fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 34(2) u (3) [tal-FM-GwG], l-FMA tista’ […] tirrevoka l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-FMA […]”

37      L-obbligi msemmija fl-Artikolu 34(2) u (3) tal-FM-GwG huma intiżi sabiex jittrasponu d-dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus tad-Direttiva 2005/60 (li saret id-Direttiva 2015/849) u jirreferu, b’mod partikolari, għall-ksur serju, repetut jew sistematiku tal-Artikolu 6(1), (2) sa (4), (6) u (7), tal-Artikolu 7(7), tal-Artikolu 9, tal-Artikolu 23(3) u tal-Artikolu 29 tal-FM-GwG.

38      F’dan il-każ, il-BĊE qies, fid-deċiżjoni kkontestata, li mid-deċiżjonijiet tal-FMA u mis-sentenzi tal-qrati Awstrijaċi jirriżulta b’mod partikolari li AAB Bank ma kellhiex proċedura xierqa ta’ ġestjoni tar-riskji għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus sa mill-2010, u tal-inqas sa mill-2019, bi ksur tal-Artikolu 39(2) tal-BWG, moqri flimkien mal-ħdax-il subparagrafu tal-Artikolu 39(2b) tal-BWG, u li minn dawn id-deċiżjonijiet u mis-sentenzi nazzjonali jirriżulta wkoll li AAB Bank kienet ġiet iddikjarata responsabbli għal ksur serju, repetut jew sistematiku tal-Artikolu 6(1), (2) sa (4), (6) u (7), l-Artikolu 7(7), l-Artikolu 9, l-Artikolu 23(3) u l-Artikolu 29 tal-FM-GwG.

i)      Fuq l-argument li istituzzjoni ta’ kreditu għandha tkun ġiet iddikjarata responsabbli għal ksur serju f’deċiżjoni ġudizzjarja reċenti u li għandha l-awtorità ta’ res judicata

39      Għandu jitfakkar, l-ewwel, li l-FMA hija kompetenti, skont id-dritt Awstrijak, sabiex tadotta deċiżjonijiet li jikkonstataw u li jissanzjonaw ksur tad-dispożizzjonijiet tal-BWG u tal-FM-GwG adottati sabiex tiġi implimentata d-Direttiva 2005/60 (li saret id-Direttiva 2015/849).

40      Isegwi li l-FMA tista’ tadotta deċiżjonijiet amministrattivi li jiddikjaraw istituzzjoni ta’ kreditu responsabbli għal ksur serju, repetut jew sistematiku, fis-sens tal-Artikolu 34(2) tal-FM-GwG li jittrasponi l-Artikolu 67(1)(o) tad-Direttiva 2013/36.

41      Skont AAB Bank, is-sanzjonijiet għal ksur serju fis-sens tal-Artikolu 34(2) tal-FM-GwG jistgħu jiġu imposti biss taħt id-dritt kriminali amministrattiv jew id-dritt kriminali u għandhom jiġu kkonstatati fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja permezz ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata.

42      Madankollu, minn naħa, mill-Artikolu 39(2) tad-Direttiva 2005/60 (li sar l-Artikolu 58(2) tad-Direttiva 2015/849) jirriżulta li, fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri, bla ħsara għad-dritt tagħhom li jimponu sanzjonijiet kriminali, għandhom jipprevedu, fil-leġiżlazzjoni tagħhom, sanzjonijiet amministrattivi xierqa li jistgħu jittieħdu kontra istituzzjonijiet ta’ kreditu li jiksru dispożizzjonijiet nazzjonali adottati konformement mal-imsemmija direttiva.

43      Għalhekk, il-ksur serju li jirreferi għalih l-Artikolu 34(2) tal-FM-GwG, moqri fid-dawl tal-Artikolu 39(2) tad-Direttiva 2005/60, jista’ jagħti lok għall-applikazzjoni kemm ta’ sanzjonijiet kriminali kif ukoll ta’ sanzjonijiet amministrattivi, peress li n-natura tas-sanzjoni (kriminali jew amministrattiva) ma hijiex determinanti sabiex il-ksur jiġi kklassifikat bħala “serju”.

44      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-natura tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, fl-ipoteżi fejn il-konstatazzjoni u s-sanzjoni tal-ksur tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni taqa’ taħt il-kompetenza ta’ awtorità amministrattiva, li jiġi kkunsidrat, hekk kif issostni AAB Bank, li t-twettiq ta’ ksur serju bi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jista’ jiġi kkonstatat biss permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li għandhom l-awtorità ta’ res judicata jwassal sabiex l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tal-FM-GwG u tal-Artikolu 34(2) u (3) tal-GwG tkun tiddependi mill-għażla tal-istituzzjoni kkonċernata li tippreżenta jew le rikors kontra d-deċiżjonijiet ta’ din l-awtorità.

45      It-tieni, mill-ġurisprudenza dwar l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li deċiżjoni li ma kintix ġiet ikkontestata mid-destinatarju tagħha fit-termini stabbiliti ssir definittiva fir-rigward tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, T‑474/04, EU:T:2007:306, punt 37, u tat‑8 ta’ Mejju 2019, Lucchini vs Il‑Kummissjoni, T‑185/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:298, punt 38).

46      Mill-ġurisprudenza dwar l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirriżulta wkoll li l-ħtija ta’ persuna akkużata minn ksur tista’ titqies bħala definittivament stabbilita meta d-deċiżjoni li tikkonstata dan il-ksur tkun saret definittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, T‑474/04, EU:T:2007:306, punt 76).

47      Din il-ġurisprudenza għandha tiġi applikata, b’analoġija, għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali li jikkonstataw ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu bħall-FMA.

48      Istituzzjoni ta’ kreditu tista’ għalhekk tiġi ddikjarata responsabbli għal ksur serju fis-sens tal-Artikolu 34(2) u (3) tal-FM-GwG, moqri fid-dawl tal-Artikolu 67(1)(o) tad-Direttiva 2013/36, abbażi ta’ deċiżjonijiet amministrattivi.

49      Ċertament, hekk kif issostni AAB Bank, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li esklużjoni mis-suq permezz tar-revoka tal-konċessjoni ta’ operatur tal-logħob tal-ażżard issuspettat, abbażi ta’ indizji probatorji, li huwa implikat f’attivitajiet kriminali għandha, bħala prinċipju, titqies bħala proporzjonali mal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità biss jekk din hija kienet ibbażata fuq sentenza li għandha l-awtorità ta’ res judicata u li tirrigwarda reat suffiċjentement serju (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone, C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80, punt 81).

50      Madankollu, fid-dawl tal-importanza tar-regoli prudenzjali intiżi għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, iżda wkoll tar-responsabbiltà partikolari tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’dan ir-rigward u tan-neċessità li jiġu misluta mill-iktar fis possibbli l-konsegwenzi tat-twettiq tal-ksur ta’ dawn ir-regoli, għandu jiġi kkunsidrat li deċiżjoni amministrattiva li tiddikjara istituzzjoni ta’ kreditu responsabbli għal ksur serju tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva 2005/60 (li saret id-Direttiva 2015/849) fis-sens tal-Artikolu 34(2) u (3) tal-FM-GwG hija suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat irtirar ta’ awtorizzazzjoni.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, kuntrarjament għal dak li ssostni AAB Bank, il-BĊE ma jistax jiġi kkritikat li kkonkluda li AAB Bank kienet ġiet iddikjarata responsabbli għal ksur serju f’deċiżjonijiet mhux ġudizzjarji u li ma għandhomx l-awtorità ta’ res judicata.

52      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li r-rapporti tal-awditu intern ta’ AAB Bank ma jistgħux jitqiesu li huma suffiċjenti, waħedhom, sabiex juru li din l-istituzzjoni ta’ kreditu kienet jew ma ġietx iddikjarata responsabbli għal ksur serju, sa fejn dan ma jistax jiġi kklassifikat bħala miżuri amministrattivi jew ġudizzjarji li ddikjaraw lill-imsemmija istituzzjoni responsabbli għal ksur serju.

53      Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni AAB Bank, għalkemm tali rapporti jistgħu, jekk ikun il-każ, jintużaw sabiex jiġu kkontestati konstatazzjonijiet tal-BĊE li ma humiex ibbażati fuq deċiżjoni definittiva li kkonstatat it-twettiq ta’ ksur, dawn ma jistgħux jitqiesu bħala suffiċjenti sabiex iqajmu dubju dwar konstatazzjonijiet magħmula f’deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji li saru definittivi.

54      Barra minn hekk, l-argumenti ta’ AAB Bank dwar l-evalwazzjoni tan-natura vijabbli u perenni tal-mudell ta’ impriża tagħha, l-istruttura tagħha ta’ riskju tal-klijenti, ir-rinunzja għall-operazzjonijiet fiduċjarji appoġġati, il-karatteristiċi tal-awditu tagħha u n-numru ta’ komunikazzjonijiet ta’ suspetti li jikkonċernawha mill-BĊE ma jistgħux jikkontestaw il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq deċiżjonijiet definittivi li ddikjaraw li hija kienet responsabbli minn ksur serju.

55      L-istess japplika għall-argumenti ta’ AAB Bank dwar il-konstatazzjonijiet tal-BĊE dwar il-proprjetarji tagħha, l-involviment tagħha fl-iskandlu Odebrecht u dwar Meinl Bank Antigua.

56      Fil-fatt, dawn l-argumenti jikkonċernaw kunsiderazzjonijiet fattwali superfluwi tal-BĊE li ma humiex relatati mal-applikazzjoni tal-kriterju previst fl-Artikolu 34(2) u (3) tal-FM-GwG, moqri fid-dawl tal-Artikolu 67(1)(o) tad-Direttiva 2013/36 li jeżiġi li l-istituzzjonijiet ikkonċernati jkunu ġew iddikjarati responsabbli għal ksur serju.

57      Għalhekk, dawn ma jistgħux jikkontestaw il-fatt li AAB Bank ġiet iddikjarata responsabbli għal ksur permezz ta’ deċiżjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji li saru definittivi.

58      Bl-istess mod, l-argumenti ta’ AAB Bank dwar il-fatt li l-ksur ikkonstatat huwa antik jew ġie kkoreġut ma jikkonfutawx din il-konklużjoni.

59      Fil-fatt, la l-BWG, la l-FM-GwG u lanqas l-Artikolu 18(f) jew l-Artikolu 67(1)(o) tad-Direttiva 2013/36 ma jimponu, minn naħa, terminu li għandu jiġi osservat sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni deċiżjonijiet preċedenti li jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-awturi ta’ dan il-ksur u, min-naħa l-oħra, li tali ksur ma jkunx ġie interrott jew ikun għadu jeżisti fil-mument tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni, speċjalment meta jkunu inkwistjoni, bħal f’dan il-każ, diversi deċiżjonijiet adottati matul perijodu ta’ diversi snin.

60      Dan japplika a fortiori għal ksur ikkonstatat tlieta jew ħames snin biss qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li tali deċiżjonijiet ma jistgħux jitqiesu bħala antiki.

61      Barra minn hekk, il-pożizzjoni sostnuta minn AAB Bank li ċerti nuqqasijiet ikkonstatati kienu ġew ikkoreġuti u ma jistgħux iktar jiġġustifikaw irtirar ta’ awtorizzazzjoni tqiegħed inkwistjoni l-għan ta’ salvagwardja tas-sistema bankarja Ewropea sa fejn tippermetti lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkunu wettqu ksur serju li jkomplu l-attivitajiet tagħhom sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma jurux mill-ġdid li huma wettqu ksur ġdid.

62      Għall-istess raġuni, għandu jiġi miċħud l-argument li AAB Bank implimentat miżuri oħra ta’ titjib, b’mod partikolari s-subappalt tal-awditu intern, it-titjib ta’ diversi proċessi ta’ ġlieda kontra l-ħasil tal-flus sa mit‑22 ta’ Lulju 2019 u l-implimentazzjoni ta’ bblokkar ta’ kontijiet kontra l-ħasil tal-flus.

63      L-istess japplika għat-tneħħija allegata tan-nuqqasijiet li jikkonċernaw in-nomina tal-aventi kawża ekonomiċi li l-FMA ġiet informata bihom minn AAB Bank f’ittra tad‑19 ta’ Marzu 2019.

64      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li AAB Bank ukoll ġiet iddikjarata iktar reċentement responsabbli għal ksur serju fid-deċiżjoni tal‑24 ta’ Ottubru 2018 tal-FMA li tikkonstata l-assenza ta’ dokumentazzjoni verifikabbli fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus fir-rigward tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħha, b’mod partikolari ma’ Meinl Bank Antigua, li kontriha ma ppreżentatx rikors.

65      Bl-istess mod, hekk kif dan ġie rrilevat mill-BĊE fid-deċiżjoni kkontestata, l-FMA kkonstatat fir-rapport tagħha dwar ir-raba’ spezzjoni 22 nuqqas jew ksur tad-dispożizzjonijiet legali li wħud minnhom jikkonċernaw Meinl Bank Antigua.

66      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, peress li l-BĊE kkonstata li deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji definittivi adottati bejn l‑2010 u l‑2018 kienu ddikjaraw, diversi drabi, lil AAB Bank responsabbli għal ksur serju tad-dispożizzjonijiet tal-FM-GwG li jittrasponu d-Direttiva 2005/60 (li saret id-Direttiva 2015/849), l-argumenti ta’ AAB Bank li skonthom il-ksur ikkonstatat kien ġie kkoreġut u li skont dawn ir-rapporti tal-awditu intern kienu kkonfermaw in-natura sodisfaċenti tat-titjib imwettaq ma jurux li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-BĊE kkunsidra li AAB Bank kienet ġiet iddikjarata responsabbli minn ksur serju li jiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tal-FM-GWG u tal-Artikolu 34(2) u (3) tal-FM-GwG, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 67(1)(o) tad-Direttiva 2013/36.

ii)    Fuq l-effett tal-preskrizzjoni eventwali tal-ksur serju kkonstatat f’deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji

67      AAB Bank issostni li n-nuqqasijiet ikkonstatati fir-rapport tal-FMA dwar ir-raba’ spezzjoni ma humiex iktar rilevanti sa fejn għandhom jitqiesu bħala minuri jew preskritti skont l-Artikolu 36 tal-FM-GwG li jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tlett snin, peress li l-istħarriġ irrigwarda fatti li jmorru lura għal 2014 u qabel.

68      Madankollu, qabelxejn, għandu jitfakkar li n-nuqqasijiet ikkonstatati fir-rapport tal-FMA dwar ir-raba’ spezzjoni ma humiex l-uniku ksur serju li fuqu l-BĊE bbaża l-irtirar tal-awtorizzazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-argumenti ta’ AAB Bank, jekk jitqies li huma fondati, għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

69      Sussegwentement, istituzzjoni ta’ kreditu ma tistax tinvoka l-eventwali preskrizzjoni tal-ksur serju li kienet ġiet iddikjarata responsabbli għalih f’deċiżjoni amministrattiva sabiex turi li ma ġietx iddikjarata responsabbli għal tali ksur għall-finijiet tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha.

70      Fil-fatt, mill-mument meta deċiżjoni li tikkonstata ksur issir definittiva, il-kwistjoni tal-preskrizzjoni tal-fatti li wasslu għall-imsemmija deċiżjoni ma tqumx iktar. Għaldaqstant, xejn ma kien jipprekludi lill-BĊE milli jieħu inkunsiderazzjoni din id-deċiżjoni definittiva għall-finijiet tal-irtirar ta’ awtorizzazzjoni.

71      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni sostnuta minn AAB Bank, li deċiżjoni definittiva li tikkonstata ksur ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fil-każ ta’ preskrizzjoni tal-fatti li jikkostitwixxu dan il-ksur, twassal sabiex il-possibbiltà li tiġi rtirata awtorizzazzjoni f’każ ta’ ksur serju tkun dipendenti fuq it-tul tal-proċedura amministrattiva li tkun wasslet għall-konstatazzjoni ta’ dan il-ksur jew fuq it-tul tal-proċedura amministrattiva li tkun wasslet għad-deċiżjoni ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni u, għaldaqstant, sabiex jiġi kkontestat l-effett utli tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013.

72      Għaldaqstant, dan l-argument ma jurix li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn il-BĊE kkunsidra li AAB Bank kienet ġiet iddikjarata responsabbli għal ksur serju fis-sens tal-Artikolu 34(2) u (3) tal-FM-GwG.

iii) Fuq il-kontestazzjoni tal-fatti allegati fil-konfront ta’ AAB Bank fir-relazzjonijiet tagħha ma’ Meinl Bank Antigua

73      AAB Bank tikkontesta l-konstatazzjoni tal-BĊE li hija awtorizzat jew wettqet fil-kontijiet tagħha tranżazzjonijiet illegali ta’ Meinl Bank Antigua u ħbiet informazzjoni dwar dan il-bank billi neħħiet l-ostakoli għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus mill-imsemmija kontijiet.

74      F’dan ir-rigward, il-BĊE ħa inkunsiderazzjoni dan il-ksur abbażi, b’mod partikolari, tal-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni tal-FMA tal‑24 ta’ Ottubru 2018 li minnha ddeduċa li AAB Bank kienet kisret l-Artikolu 39(2) u l-ħames u l-ħdax-il subparagrafu tal-Artikolu 39(2b) tal-BWG kif ukoll l-Artikolu 23(3) tal-FM-GWG.

75      Issa, din id-deċiżjoni hija definittiva u ma kinitx is-suġġett ta’ appell min-naħa ta’ AAB Bank, filwaqt li setgħet tiġi appellata quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali).

76      Għaldaqstant, l-argument ta’ AAB Bank li jgħid li ma teżistix konstatazzjoni definittiva ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħha ta’ kontroll u ta’ dokumentazzjoni u lanqas ta’ nuqqas ta’ twettiq ieħor kriminalment issanzjonat stabbilit permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ma jistax jintlaqa’.

77      Barra minn hekk, l-allegazzjonijiet li AAB Bank sempliċement ittrasferixxiet passivament flussi ta’ ħlas li tagħhom hija ma kinitx l-istigatriċi bħala bank korrispondenti ta’ Meinl Bank Antigua, peress li kkooperat mal-Bundeskriminalamt (l-Uffiċċju Federali tal-Pulizija Ġudizzjarja, l-Awstrija), ibblokkat il-kontijiet b’mod spontanju u trażmettiet lill-FMA id-data mixtieqa dwar it-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw kontijiet ibblokkati u informazzjoni dwar it-tneħħija legali tal-ibblokkar għal ċerti tranżazzjonijiet, li huma intiżi li jnaqqsu l-ksur allegat fil-konfront ta’ AAB Bank, ma jistgħux iqajmu dubju dwar il-konstatazzjonjiet tat-twettiq ta’ ksur serju fid-deċiżjoni definittiva tal-FMA meħuda inkunsiderazzjoni mill-BĊE.

78      Għaldaqstant, dawn l-argumenti ma humiex ta’ natura li juru li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-BĊE qies li AAB Bank kienet ġiet iddikjarata responsabbli għal ksur serju fis-sens tal-Artikolu 34(2) u (3) tal-FM-GwG.

iv)    Fuq il-kontestazzjoni tal-gravità tal-ksur li AAB Bank kienet ġiet iddikjarata responsabbli għalih

79      AAB Bank issostni, essenzjalment, li, sabiex jiġi kklassifikat bħala serju fis-sens tal-Artikolu 34(2) u (3) tal-FM-GwG, il-ksur għandu jmur lil hinn min-nuqqas ta’ osservanza ta’ dispożizzjonijiet individwali tal-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Issa, il-ksur li hija ġiet iddikjarata responsabbli għalih skont id-deċiżjoni kkontestata ma jistax jitqies bħala serju.

80      Sussegwentement, il-ksur ikkonfermat mid-digriet tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tas‑7 ta’ Frar 2019, bir-referenza W230 2138107‑1, huwa kollu ksur minuri u ma kienx ġie kklassifikat bħala serju jew sistematiku minn din il-qorti.

81      Fl-aħħar nett, l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħha li jinsabu fir-rapport tal-FMA dwar ir-raba’ spezzjoni jikkonċernaw kollha nuqqasijiet minuri li ma jistgħux jiġġustifikaw irtirar ta’ awtorizzazzjoni.

82      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE indika, b’mod partikolari, li mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jirriżulta li AAB Bank kienet kisret il-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu b’mod serju, sistematiku u kontinwu sa mill‑2010, filwaqt li wettqet tranżazzjonijiet b’riskju għoli.

83      Dan enfasizza wkoll li, fir-rigward tal-evalwazzjonijiet l-iktar reċenti tal-FMA, AAB Bank kompliet tikser b’mod serju dawn id-dispożizzjonijiet u, għaldaqstant, ikkawżat riskju sinjifikattiv għaliha stess, għas-settur finanzjarju Awstrijak u għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku.

84      Barra minn hekk, il-BĊE fakkar li, skont l-evalwazzjoni tal-FMA, AAB Bank kienet kisret il-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu b’mod serju, repetut u sistematiku sa mill‑2010, billi ma ħaditx miżuri li jippermettu li jiġi rrimedjat il-ksur identifikat, filwaqt li wriet attitudni mhux kooperattiva mal-FMA.

85      Minn dan il-BĊE ddeduċa li AAB Bank kienet ġiet iddikjarata responsabbli għal ksur serju tad-dispożizzjonijiet tal-FM-GwG adottati skont id-Direttiva 2005/60 (li saret id-Direttiva 2015/849) li jiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni.

86      Fir-rigward tal-ksur differenti mwettaq minn AAB Bank ikkonstatat mid-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji mfakkra fid-deċiżjoni kkontestata u fil-punt 26 iktar ’il fuq, li juru n-natura sistematika, serja u kontinwa tal-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, il-BĊE ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li dan il-bank kien ġie ddikjarat responsabbli għal ksur serju mill-awtoritajiet kompetenti u mill-qrati Awstrijaċi fis-sens tal-Artikolu 34(2) u (3) tal-FM-GwG.

87      Fil-fatt, hekk kif qies il-BĊE fid-deċiżjoni kkontestata, minn dawn id-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji jirriżulta li AAB Bank kisret, b’mod serju u kontinwu, l-obbligu tagħha li jkollha struttura organizzattiva u proċedura xierqa fil-qasam ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li hija kienet ġiet iddikjarata responsabbli għal ksur serju tal-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

88      B’mod partikolari, peress li, fid-deċiżjonijiet preċedenti għall-proposta ta’ rtirar tal-FMA li saru definittivi fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet kompetenti kkunsidraw lil AAB Bank bħala responsabbli għal ksur serju tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-gravità tal-ksur inkwistjoni ma tistax tiġi kkontestata fl-istadju tal-proċedura amministrattiva quddiem il-BĊE.

89      Barra minn hekk, fir-rigward tal-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li tiġi żgurata s-salvagwardja tas-suq bankarju Ewropew, il-BĊE ma jistax jiġi kkritikat talli kkunsidra li ksur sistematiku, serju u kontinwu tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kellu jiġi kklassifikat bħala ksur serju li jiġġustifika rtirar ta’ awtorizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 34(2) u (3) tal-FM-GwG u tal-Artikolu 67(1)(o) tad-Direttiva 2013/36.

90      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni AAB Bank, jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata, mill-miżuri adottati mill-FMA u mid-deċiżjonijiet tal-qrati Awstrijaċi li huma mfakkra f’din id-deċiżjoni li l-ksur meħud inkunsiderazzjoni kien imur lil hinn min-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet individwali tal-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u li dan ma jistax jiġi kklassifikat bħala nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minuri.

91      Konsegwentement, AAB Bank ma wrietx li l-BĊE kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li AAB Bank kienet ġiet iddikjarata responsabbli għal ksur serju li jiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 34(2) u (3) tal-FM-GwG.

92      Għalhekk l-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-BĊE sabiex jikkonstata li l-ksur preżunt tal-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jiġġustifika rtirar ta’ awtorizzazzjoni

93      AAB Bank issostni, essenzjalment, li l-uniċi regoli tad-dritt Awstrijak li jipprevedu l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni għal ksur serju tal-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu huma d-dispożizzjonijiet magħquda tal-punt 2 tal-Artikolu 31(3) u tal-Artikolu 34(2) u (3) tal-FM-GwG u li l-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ma jippermettix l-irtirar tal-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 70 tal-BWG. Din tqis li l-BĊE ma bbażax ruħu fuq dawn ir-regoli u li, fi kwalunkwe każ, dan ma kienx kompetenti sabiex jibbaża ruħu fuq dawn ir-regoli.

94      Din tikkontesta għalhekk, essenzjalment, il-bażi legali invokata fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jitqies li l-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kien jiġġustifika l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni skont id-dritt Awstrijak.

95      Minn dan tiddeduċi li dan huwa ksur tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka u żżid li l-BĊE jista’ jinvoka direttament id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/36 u jista’ jislet is-setgħat ta’ intervent tiegħu biss mid-dispożizzjonijiet sostantivi tad-dritt Awstrijak tas-superviżjoni prudenzjali bankarja.

96      AAB Bank issostni wkoll, essenzjalment, li l-BĊE kien naqas milli jwettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu billi ma ppreċiżax fid-deċiżjoni kkontestata d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li kienu nkisru.

97      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat fil-mori tal-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

98      Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament fir-rikors u li għandu rabta stretta ma’ dan il-motiv għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

99      Sabiex jitqies bħala amplifikazzjoni ta’ motiv jew ta’ lment imsemmi preċedentement, argument ġdid għandu jkollu, mal-motivi jew mal-ilmenti inizjalment esposti fir-rikors, rabta suffiċjentement stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2009, SGL, Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑564/08 P, mhux ippubblikata, EU:C:2009:703, punti 20 sa 34, u tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni, C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punt 111).

100    Fir-rikors, AAB Bank sostniet li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tad-dritt Awstrijak applikabbli peress li l-kundizzjonijiet previsti minn dan id-dritt ma humiex issodisfatti u minn dan iddeduċiet li l-BĊE ma kienx awtorizzat jirtira l-awtorizzazzjoni tagħha.

101    Issa, l-argumenti tat-tieni lment tal-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajma fir-replika huma intiżi li jikkontestaw ir-regoli li abbażi tagħhom il-BĊE ddeċieda, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ AAB Bank kien iġġustifikat skont id-dritt Awstrijak u juri li l-BĊE ma bbażax ruħu fuq regola nazzjonali li tawtorizzah jirtira awtorizzazzjoni fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

102    Peress li dawn l-argumenti għandhom rabta stretta mal-argumenti invokati insostenn tal-ewwel motiv tar-rikors, dawn għandhom jitqiesu bħala amplifikazzjoni ta’ dawn l-argumenti u, għaldaqstant, bħala ammissibbli.

103    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE qies li AAB Bank kienet kisret, b’mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet tal-BWG u minn dan iddeduċa li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 70(4) tal-BWG li jipprevedu l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni kienu ssodisfatti.

104    Dan indika wkoll li AAB Bank kienet kisret diversi dispożizzjonijiet tal-FM-GwG dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, imsemmija fil-punt 25 iktar ’il fuq.

105    Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni AAB Bank, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-uniċi regoli li jipprevedu l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni għal ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fid-dritt Awstrijak huma d-dispożizzjonijiet magħquda tal-punt 2 tal-Artikolu 31(3) u tal-Artikolu 34(2) u (3) tal-FM-GwG u li l-ksur tal-obbligi tal-BWG dwar il-prevenzjoni tar-riskju ta’ ħasil tal-flus ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 70(4) tal-BWG.

106    Fil-fatt, l-Artikolu 39(2) u (2b) tal-BWG, li l-BĊE kkunsidra li kien ġie miksur minn AAB Bank, jirreferi espliċitament għar-riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu u mill-Artikolu 70(4) tal-BWG jirriżulta li ksur tal-BWG bħal dan il-ksur jista’ jiġġustifika rtirar ta’ awtorizzazzjoni.

107    Peress li, skont id-dritt Awstrijak, irtirar ta’ awtorizzazzjoni huwa ġġustifikat fil-każ ta’ ksur tal-obbligi tal-BWG u tal-FM-GwG dwar il-prevenzjoni tar-riskju ta’ ħasil tal-flus u li l-BĊE bbaża ruħu fuq dawn id-dispożizzjonijiet, l-argumenti ta’ AAB Bank dwar l-assenza ta’ bażi ta’ awtorizzazzjoni jew il-ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013 għandhom jiġu miċħuda.

108    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-BĊE bbaża ruħu fuq bażi legali żbaljata, għandu jitfakkar li l-annullament ta’ deċiżjoni amministrattiva minħabba bażi legali żbaljata ma huwiex iġġustifikat meta tali żball ma kellux influwenza determinanti fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-amministrazzjoni, b’mod li motiv ibbażat fuq l-għażla żbaljata tal-bażi legali għandu jiġi miċħud sa fejn dan għandu biss portata purament formali (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2015, Navarro vs Il‑Kummissjoni, T‑556/14 P, EU:T:2015:368, punt 26).

109    Issa, AAB Bank ma jallegax li, f’dan il-każ, l-għażla ta’ bażi legali differenti setgħet kellha influwenza fuq l-evalwazzjoni tal-BĊE. Barra minn hekk, ma jidhirx li l-għażla ta’ bażi legali differenti seta’ kellha influwenza fuq l-evalwazzjoni tal-BĊE.

110    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta, minn naħa, li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivokabbli r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha u, min-naħa l-oħra, li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att inkwistjoni, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minnu jistgħu jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. B’mod partikolari, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, T‑122/15, EU:T:2017:337, punti 123 u 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni AAB Bank, il-BĊE ma kisirx l-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li d-dispożizzjonijiet tal-BWG u tal-FM-GwG miksura minn AAB Bank u d-dispożizzjonijiet tal-BWG li jipprevedu l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni jissemmew fid-deċiżjoni kkontestata, hekk kif jirriżulta mill-punt 25 iktar ’il fuq.

112    Għaldaqstant, it-tieni lment tal-ewwel parti tal-ewwel motiv huwa infondat.

113    Fir-rigward ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata, essenzjalment, fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 18(f) tad-Direttiva 2013/36 sa fejn AAB Bank kienet stabbilixxiet l-arranġamenti ta’ governanza meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 74 ta’ din id-direttiva fis-sens tal-Artikolu 67(1)(d) tal-imsemmija direttiva

114    Skont AAB Bank, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 18(f) tad-Direttiva 2013/36 u tal-Artikolu 67(1)(d) tal-imsemmija direttiva, kif trasposti mill-Artikolu 39(2) u (2b) tal-BWG, moqri flimkien mal-Artikolu 70(4) tal-BWG, ma kinux issodisfatti, peress li AAB Bank kellha arranġamenti ta’ governanza meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti.

115    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36, traspost mill-Artikolu 70(4) tal-BWG jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni mogħtija meta istituzzjoni ta’ kreditu ma tkunx stabbilixxiet l-arranġamenti ta’ governanza meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 74 ta’ din id-direttiva.

116    L-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36, intitolat “Governanza interna u pjanijiet ta’ rkupru u riżoluzzjoni”, jaqra kif ġej:

“1. L-istituzzjonijiet għandu jkollhom arranġamenti ta’ governanza robusti, li jinkludu struttura organizzattiva ċara b’linji ta’ responsabbiltà ddefiniti tajjeb, trasparenti u konsistenti, proċessi effikaċi għall-identifikazzjoni, il-ġestjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar tar-riskji li huma jew li jistgħu jkunu esposti għalihom, mekkaniżmi ta’ kontroll intern adegwati, inkluż proċeduri amministrattivi u kontabbilistiċi tajba, u politiki u prattiki ta’ rimunerazzjoni li jkunu konsistenti ma’ ġestjoni tar-riskji soda u effikaċi u jippromwovuha […]”

117    Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36, l-Artikolu 39(2) tal-BWG jipprovdi li:

“L-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandu jkollhom mekkaniżmi amministrattivi, ta’ kontabbiltà u ta’ kontroll għall-identifikazzjoni, għall-evalwazzjoni, għall-ġestjoni u għas-sorveljanza tar-riskji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet u mit-tranżazzjonijiet bankarji, kif ukoll mill-politika u mill-prattiki ta’ remunerazzjoni tagħhom. Dawn il-mekkaniżmi għandhom jiġu adattati għat-tip, għall-portata u għall-kumplessità tat-tranżazzjonijiet bankarji mwettqa. L-istruttura organizzattiva kif ukoll il-mekkaniżmi amministrattivi, ta’ kontabbiltà u ta’ kontroll għandhom ikunu dokumentati f’forma bil-miktub u li tinftiehem. Sa fejn huwa possibbli, il-mekkaniżmi ta’ amministrazzjoni, ta’ kontabbiltà u ta’ kontroll għandhom ukoll jidentifikaw ir-riskji li jirriżultaw mit-tranżazzjonijiet u mill-operazzjonijiet bankarji kif ukoll ir-riskji li jirriżultaw mill-politika u mill-prattiki ta’ remunerazzjoni li jistgħu eventwalment iseħħu. L-istruttura organizzattiva għandha tipprevjeni l-kunflitti ta’ interessi u ta’ kompetenzi billi tistabbilixxi delimitazzjonijiet fl-organizzazzjoni tal-istruttura u tal-proċess li jkunu adattati għall-attivitajiet tal-istituzzjoni ta’ kreditu. L-adegwatezza ta’ dawn il-proċeduri u l-applikazzjoni tagħhom għandhom jiġu eżaminati mill-unità ta’ awditu intern tal-inqas darba fis-sena.”

118    Skont l-Artikolu 39(2)(b) tal-BWG:

“B’mod partikolari, il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jinkludu l-elementi li ġejjin: 1. riskju ta’ kreditu u riskju ta’ kontroparti, 2. riskju ta’ konċentrazzjoni, 3. riskju tas-suq, 4. riskju ta’ lieva finanzjarja eċċessiva, 5. riskju operattiv, 6. riskju ta’ titolizzazzjoni, 7. riskju ta’ likwidità, 8. ir-riskju ta’ rati ta’ interessi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet li ma humiex diġà koperti min-nru 3,9. ir-riskju residwu tat-tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu, 10. ir-riskji marbuta mal-ambjent makroekonomiku, 11. ir-riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, 12. ir-riskju marbut mal-mudell ekonomiku tal-istabbiliment fid-dawl tal-effetti tal-istrateġji ta’ diversifikazzjoni, 13. ir-riżultati tat-testijiet ta’ reżistenza fil-każijiet tal-istabbilimenti li japplikaw approċċi interni, u 14. ir-riskju sistemiku […] li jirriżulta minn stabbiliment.”

119    L-Artikolu 42 tal-BWG jipprevedi wkoll, essenzjalment, l-obbligu li jiġi stabbilit korp ta’ awditjar intern, filwaqt li l-Artikolu 44 tal-BWG jimponi, essenzjalment, fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-obbligu li jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tagħhom awditjati sitt xhur wara t-tmiem tas-sena finanzjarja.

120    F’dan il-każ, il-BĊE qies li AAB Bank kienet kisret id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 74 tal-imsemmija Direttiva 2013/36, b’mod partikolari l-Artikolu 39(2), (2b) u (5), l-Artikolu 42 u l-Artikolu 44(1) tal-BWG u, konsegwentement, li kienet wettqet, u kienet għadha twettaq, ksur li jiġġustifika rtirar ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 70(4) tal-BWG.

121    B’mod partikolari, dan indika li d-deċiżjoni li tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni ta’ AAB Bank għall-aċċess għall-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq il-ksur tal-obbligu li jkun hemm governanza interna li tippermetti ġestjoni tajba tar-riskju, kif ukoll il-ksur tal-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni korretta lill-FMA u tal-obbligu li jkun hemm mekkaniżmu ta’ awditu intern, proċeduri adegwati ta’ kontabbiltà interna, sistema adegwata ta’ dokumentazzjoni interna u proċedura adegwata ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ konċentrazzjoni.

122    Insostenn tat-talbiet tiegħu dwar il-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36, il-BĊE bbaża ruħu, b’mod partikolari:

–        fuq l-ordni formali tad‑19 ta’ Awwissu 2015 tal-FMA li tordna lil AAB Bank li tiżgura li l-funzjoni tagħha ta’ awditu intern ittemm il-pjan ta’ awditu annwali tagħha fit-termini stabbiliti u tikkonstata li l-funzjoni ta’ awditu intern ma kinitx issodisfat il-pjanijiet ta’ awditu tagħha, u b’hekk kisret l-Artikolu 42 tal-BWG (li jittrasponi l-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36);

–        fuq l-ordni formali tas‑17 ta’ Mejju 2016 tal-FMA li tordna lil AAB Bank li timplimenta pjanijiet adegwati ta’ ġestjoni tal-kontinwità tal-attivitajiet (BCM) u li tikkonstata li l-BCM tagħha ma kinitx adegwata matul il-perijodu mill‑2013 sal‑2016, li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 39(2), (2b) u (5) tal-BWG (li jittrasponi l-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36);

–        fuq l-ordni formali tal‑1 ta’ Lulju 2016 tal-FMA li tordna lil AAB Bank li tissottometti d-dikjarazzjonijiet annwali awditjati tagħha tal‑2015 u li tikkonstata li hija ma kinitx issottomettiet id-dikjarazzjonijiet awditjati fiż-żmien mixtieq, jiġifieri fit‑30 ta’ Ġunju 2016, u kienet, konsegwentement, kisret l-Artikolu 44(1) tal-BWG;

–        fuq l-ordni formali tas‑6 ta’ Settembru 2016 tal-FMA li tordna lil AAB Bank tiżgura dokumentazzjoni kompleta u li tinftiehem tal-fajls ta’ kreditu tagħha u tikkonstata li, matul il-perijodu bejn l‑2013 u l‑2016, il-proċessi ta’ kreditu tagħha (b’mod partikolari r-rapporti annwali u l-ipproċessar tas-self problematiku) ma kinux ġew iddokumentati b’mod li jinftiehem, bi ksur tal-Artikolu 39(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 39(2)(b) tal-BWG (li jittrasponi l-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36);

–        fuq l-ordni formali tas‑17 ta’ Lulju 2017 tal-FMA li tordna lil AAB Bank talloka riżorsi suffiċjenti għall-funzjoni tagħha ta’ awditu intern u tikkonstata li l-funzjoni ta’ awditu intern kienet għadha ma kkonkludietx bi ksur tal-Artikolu 42 tal-BWG (li jittrasponi l-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36);

–        fuq l-ordni formali tal‑31 ta’ Jannar 2018 tal-FMA li tordna lil AAB Bank tiżgura li, waqt il-konklużjoni ta’ kuntratti, id-dokumentazzjoni rilevanti tkun adegwata (jiġifieri bil-miktub u kompleta) u li tikkonstata li, matul il-perijodu mill‑2015 sal‑2017, AAB Bank kienet ikkonkludiet diversi drabi tranżazzjonijiet kummerċjali, minkejja l-fatt li l-kuntratti rilevanti kienu jew inkorretti, jew inkompleti, jew, f’ċerti każijiet, li ma kien jeżisti ebda kuntratt bil-miktub, bi ksur tal-Artikolu 39(2) tal-BWG (li jittrasponi l-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36);

–        fuq l-ordni formali tal‑5 ta’ Settembru 2018 tal-FMA li tordna lil AAB Bank li tistabbilixxi proċeduri ta’ kontabbiltà adegwati u fil-ħin u tikkonstata li, matul il-perijodu bejn l‑2017 u l‑2018, il-proċeduri ta’ kontabbiltà tagħha ma kinux jiggarantixxu li l-kontabbiltà tagħha u, konsegwentement, ukoll ir-rapporti ta’ superviżjoni tagħha, kienu aġġornati, bi ksur tal-Artikolu 39(2) u tas-sitt subparagrafu tal-Artikolu 39(3) tal-BWG (li jittrasponi l-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36);

–        fuq l-ordni formali tal‑24 ta’ Ottubru 2018 tal-FMA li tordna lil AAB Bank tiżgura li t-tranżazzjonijiet kummerċjali kollha tagħha u r-relazzjoni kummerċjali tagħha ma’ Meinl Bank Antigwa jkunu dokumentati b’mod li jinftiehem u tikkonstata li d-dokumentazzjoni interna tagħha, inkluża d-dokumentazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, kienet tant inadegwata li l-funzjoni ta’ awditu intern, il-ġestjonarju tar-riskji u l-persuna responsabbli għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus ma kinux fil-pożizzjoni li jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ kontroll tagħhom, bi ksur tal-Artikolu 39(2) u tal-ħames u tal-ħdax-il subparagrafu tal-Artikolu 39(2b) tal-BWG li jittrasponi l-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36, kif ukoll l-Artikolu 23(3) tal-FM-GwG;

–        fuq l-ordni formali tat‑3 ta’ Diċembru 2018 tal-FMA li tordna lil AAB Bank tiżgura li kunsiderazzjoni ta’ riskju korretta kienet applikata għall-entrati kollha tal-karta tal-bilanċ u tikkonstata li, matul il-perijodu bejn l‑2017 u l‑2018, il-proċeduri interni tagħha ma kinux ippermettew li jiġi ggarantit li l-attiv kollu tagħha – b’mod partikolari fir-rigward tat-tranżazzjonijiet mhux standard – kien korrettament ikkunsidrat, bi ksur tal-Artikolu 39(2) tal-BWG (li jittrasponi l-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36).

123    It-tieni parti tal-ewwel motiv li hija intiża sabiex jiġu kkontestati dawn il-konstatazzjonijiet u l-konklużjoni misluta minnhom tikkonċerna żewġ ilmenti.

1)      Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36, kif ġie traspost mill-Artikolu 39(2) u (2b) tal-BWG sa fejn dawn l-artikoli kienu ġew applikati għar-riskji marbuta mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu

124    AAB Bank issostni, essenzjalment, li l-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36 jikkonċerna l-obbligi li jirrigwardaw l-arranġamenti ta’ governanza fid-dawl tal-prevenzjoni tar-riskji finanzjarji u li l-Artikolu 39(2) u (2b) tal-BWG għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li hija biss struttura ta’ riskju inadegwata sa fejn tikkonċerna r-riskji finanzjarji, u mhux struttura inadegwata sa fejn tikkonċerna l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, li tippermetti l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ superviżjoni bħalma hija l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni konformement mal-Artikolu 70(4) tal-BWG.

125    Minn dan tiddeduċi li l-BĊE wettaq żball ta’ liġi meta bbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq ksur tal-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36 traspost bl-Artikolu 39(2) u (2b) tal-BWG li jirriżulta min-natura mhux xierqa tal-arranġamenti tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u mhux min-natura mhux xierqa tal-arranġamenti ta’ governanza fid-dawl tal-prevenzjoni tar-riskji finanzjarji.

126    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-BĊE kkonstata ksur tal-Artikolu 39(2,2b) u (5), tal-Artikolu 42 u tal-Artikolu 44(1) tal-BWG billi bbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ preżenza ta’ governanza interna li tippermetti ġestjoni tajba tar-riskju, tal-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni korretta lill-FMA u tal-obbligu ta’ preżenza ta’ mekkaniżmu ta’ awditu intern, ta’ proċeduri ta’ kontabbiltà interna adegwati, ta’ sistema adegwata ta’ dokumentazzjoni interna u ta’ proċedura ta’ ġestjoni adegwata tar-riskju ta’ konċentrazzjoni.

127    Kuntrarjament għal dak li tallega AAB Bank, il-BĊE ma jistax għalhekk jiġi kkritikat li kkonstata ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-BWG li jirriżulta min-natura mhux xierqa tal-arranġamenti dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, peress li ddeduċa dan il-ksur, b’mod partikolari, min-natura mhux xierqa tal-arranġamenti ta’ governanza.

128    Barra minn hekk, l-Artikolu 39(2b) tal-BWG jippreċiża li l-proċeduri adegwati li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandu jkollhom skont l-Artikolu 39(2) tal-BWG għandhom jinkludu l-arranġamenti xierqa kontra r-riskju ta’ ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

129    Għaldaqstant dawn l-argumenti ta’ AAB Bank ma jurux li l-BĊE wettaq żball ta’ liġi meta kkunsidra li hija ma kinitx stabbilixxiet l-arranġamenti ta’ governanza meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti konformement mad-dispożizzjonijiet tal-BWG li jittrasponu l-Artikolu 74 ta’ din id-direttiva.

130    Isegwi li l-argument li jgħid li AAB Bank kellha organizzazzjoni għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu li ma kinitx insuffiċjenti u li kienet tjiebet għandu wkoll jiġi miċħud bħala irrilevanti.

131    Għalhekk l-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 67(1)(d) tad-Direttiva 2013/36, kif traspost fid-dritt Awstrijak, sa fejn AAB Bank ma wettqitx ksur tal-leġiżlazzjoni dwar l-arranġamenti ta’ governanza fid-data tad-deċiżjoni kkontestata

132    AAB Bank isostni, essenzjalment, li, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, hija kellha arranġamenti ta’ governanza meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti u li l-awditu intern tagħha kien xieraq, iżda wkoll li ma huwiex eżatt li kien jeżisti ksur tal-obbligi tagħha relatati maż-żamma, mal-kontroll u mad-depożitu tal-kontijiet, mal-governanza, mal-ġestjoni tar-riskju, mas-sistema ta’ dokumentazzjoni interna u kuntrattwali u mal-ġestjoni tal-fajls ta’ kreditu.

133    L-ewwel, AAB Bank issostni li wħud minn dawn l-okkorrenzi ta’ ksur huma antiki wisq u kienu tneħħew fl‑2016 jew wara l‑2017, ikkoreġuti, jew ukoll li kienet għamlet progress kunsiderevoli f’dawn l-oqsma, kif dan huwa kkonfermat, b’mod partikolari, mir-rapporti ta’ awditu tagħha tal‑2019, iżda wkoll li n-nuqqasijiet residwi li jikkonċernaw dan il-ksur setgħu jittejbu.

134    Madankollu, l-argument ta’ AAB Bank ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, l-interpretazzjoni li l-ksur passat jew li kien tnaqqas ma jistax jiġġustifika rtirar ta’ awtorizzazzjoni la tirriżulta mit-test tal-Artikolu 67(1)(d) tad-Direttiva 2013/36 u lanqas mill-Artikolu 70(4) tal-BWG.

135    Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tqiegħed inkwistjoni l-għan ta’ salvagwardja tas-sistema bankarja Ewropea sa fejn din tippermetti lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma kinux stabbilixxew l-arranġamenti ta’ governanza meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti sabiex ikomplu bl-attivitajiet tagħhom sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma jurux mill-ġdid li huma wettqu ksur ġdid.

136    Għalhekk dan japplika a fortiori għal ksur imwettaq biss tliet jew ħames snin qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

137    It-tieni, AAB Bank tikkontesta l-eżistenza tal-ksur tal-obbligi tagħha kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata billi tallega li dan ma huwiex sistemiku, flagranti jew serju.

138    Madankollu, mill-Artikolu 18(f) tad-Direttiva 2013/36, mill-Artikolu 67(1)(d) ta’ din id-direttiva jew mid-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni ta’ dawn l-artikoli ma jirriżultax li l-ksur imsemmi minn dawn id-dispożizzjonijiet għandu jkun serju, flagranti jew sistemiku sabiex jiġġustifika rtirar ta’ awtorizzazzjoni.

139    Għalhekk, il-BĊE ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li AAB Bank kienet kisret dispożizzjonijiet tal-BWG li jittrasponu l-Artikolu 74 tal-imsemmija direttiva mingħajr ma stabbilixxa li dan il-ksur kien serju, flagranti jew sistemiku.

140    It-tielet, AAB Bank issostni, essenzjalment, li l-awditu intern tagħha ma huwiex mingħajr persunal suffiċjenti, għandu riżorsi finanzjarji suffiċjenti u jwettaq il-kompiti tiegħu b’mod regolari u mingħajr ma l-bank jeżerċita pressjoni illegali fuqu.

141    Madankollu, għandu jitfakkar li l-FMA hija kompetenti, skont id-dritt Awstrijak, sabiex tadotta deċiżjonijiet li jikkonstataw u jissanzjonaw ksur tad-dispożizzjonijiet tal-BWG li jittrasponu l-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36.

142    Isegwi li l-FMA tista’ tadotta deċiżjonijiet amministrattivi li jikkonstataw li istituzzjoni ma tkunx stabbilixxiet l-arranġamenti ta’ governanza meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti konformement mad-dispożizzjonijiet tal-BWG li jittrasponu l-Artikolu 74 ta’ din id-direttiva.

143    Minbarra dan, mill-ġurisprudenza adottata rigward atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirriżulta li deċiżjoni li ma ġietx ikkontestata mid-destinatarju tagħha fit-termini stabbiliti ssir definittiva fir-rigward tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, T‑474/04, EU:T:2007:306, punt 37, u tat‑8 ta’ Mejju 2019, Lucchini vs Il‑Kummissjoni, T‑185/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:298, punt 38).

144    Mill-ġurisprudenza adottata rigward atti tal-istituzzjoniijet tal-Unjoni jirriżulta wkoll li l-ħtija ta’ persuna akkużata bi ksur tista’ titqies li hija definittivament stabbilita meta d-deċiżjoni li tikkonstata dan il-ksur tkun saret definittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, T‑474/04, EU:T:2007:306, punt 76).

145    Din il-ġurisprudenza għandha tiġi applikata, b’analoġija, għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali li jikkonstataw ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-governanza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

146    Għalhekk, istituzzjoni ta’ kreditu tista’ titqies li ma stabbilixxietx l-arranġamenti ta’ governanza meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti konformement mad-dispożizzjonijiet tal-BWG li jittrasponu l-Artikolu 74 ta’ din id-direttiva f’deċiżjonijiet amministrattivi preċedenti definittivi.

147    Konsegwentement, l-argumenti ta’ AAB Bank ma humiex ta’ natura li jqajmu dubju dwar in-natura mhux xierqa tal-awditu intern tagħha kkonstatata f’deċiżjonijiet amministrattivi preċedenti definittivi li l-BĊE bbaża ruħu fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata.

148    Għaldaqstant, l-argument li, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, AAB Bank kellha arranġamenti ta’ governanza meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti u li l-awditu intern tagħha kien xieraq u ma kisirx l-obbligi tagħha relatati maż-żamma, mal-kontroll u mad-depożitu tal-kontijiet, mal-governanza, mal-ġestjoni tar-riskju, mas-sistema ta’ dokumentazzjoni interna u kuntrattwali u mal-ġestjoni tal-fajls ta’ kreditu, għandu jiġi miċħud.

149    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li r-rapporti ta’ awditu intern ta’ AAB Bank ma jistgħux jitqiesu bħala suffiċjenti, waħedhom, sabiex jintwera li din l-istituzzjoni ta’ kreditu stabbilixxiet jew ma stabbilixxietx l-arranġamenti ta’ governanza meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti konformement mad-dispożizzjonijiet tal-BWG li jittrasponu l-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36.

150    Għalkemm tali rapporti jistgħu, skont il-każ, jintużaw sabiex jiġu kkontestati konstatazzjonijiet tal-BĊE li ma jibbażawx fuq deċiżjoni definittiva li kkonstatat it-twettiq ta’ ksur, dawn ma jistgħux jitqiesu bħala suffiċjenti sabiex jitqajjem dubju dwar konstatazzjonijiet magħmula f’deċiżjonijiet amministrattivi li saru definittivi.

151    Ir-raba’, AAB Bank tammetti li kien hemm, diversi drabi, ksur tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riskji kbar, iżda tindika li dan huwa spjegat mill-kalkolu mill-ġdid tar-riżervi. Fil-fehma tagħha, huwa t-tnaqqis tal-fondi proprji li jirriżulta mill-kalkolu mill-ġdid tar-riżervi li wassal għal ksur tad-dispożizzjoni dwar ir-riskji kbar. Barra minn hekk, dan il-ksur kien diġà ġie kkumpensat b’żieda ta’ penali fis-sens tal-Artikolu 97 tal-BWG.

152    Madankollu, AAB Bank ma tikkontestax li wettqet ksur tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riskji kbar u sempliċement tipprova tiġġustifikah.

153    Barra minn hekk, il-fatt li dan il-ksur kien diġà ta lok għal żidiet fil-penali ma jqajjimx dubju dwar il-fatt li dan twettaq u, għaldaqstant, li jista’ jiġġustifika rtirar ta’ awtorizzazzjoni.

154    Il-ħames, AAB Bank issostni li l-BĊE kellu japplika l-Artikolu 70(4) tal-BWG u l-Artikolu 31(1) tal-FM-GwG li skont dawn din l-awtorità għandha tadotta l-miżuri neċessarji u xierqa kollha sabiex jiġi żgurat li l-operazzjoni kummerċjali tal-entitajiet taxxabbli tibqa’ kompatibbli mal-FM-GwG.

155    Għalhekk, l-FMA kellha tosserva t-tliet stadji tal-proċedura ta’ superviżjoni prevista fl-Artikolu 70(4) tal-BWG u tipprova tirrimedja n-nuqqas allegat ta’ konformità mal-istandards superviżorji permezz ta’ preskrizzjonijiet konkreti, permezz tat-theddida ta’ pagamenti ta’ penalità u sussegwentement, f’każ ta’ eżitu negattiv, permezz ta’ projbizzjoni ta’ eżerċizzju, u tirtira l-awtorizzazzjoni biss jekk miżuri oħra previsti mill-BWG ma setgħux jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

156    Issa, la l-BĊE u lanqas l-FMA ma kienu wrew li dawn il-kundizzjonijiet ġew issodisfatti qabel l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni u l-espożizzjoni tal-miżuri nazzjonali adottati qabel l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata ma tistabbilixxix li l-istadji previsti mid-dritt Awstrijak kienu ġew osservati.

157    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni AAB Bank, id-deċiżjoni kkontestata kienet ippreċeduta minn miżuri ta’ superviżjoni prudenzjali li kellhom l-istess lakuni bħal dawk li mmotivaw l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni.

158    Fil-fatt, hekk kif ġie indikat fid-deċiżjoni kkontestata, sa mill‑2015, l-FMA adottat, b’mod partikolari, erbgħa u għoxrin miżura ta’ superviżjoni formali, fosthom sbatax-il ordni formali intiżi sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-konformità legali fir-rigward tal-lakuni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus min-naħa ta’ AAB Bank u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, erba’ sanzjonijiet relatati mal-governanza interna u l-ksur tal-leġiżlazzjoni ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll diversi miżuri ta’ superviżjoni prudenzjali.

159    Isegwi li dan l-argumenti ta’ AAB Bank huma infondati fil-fatt.

160    Għalhekk it-tieni lment tat-tieni parti tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

161    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni parti tal-ewwel motiv hija infondata.

162    Għalhekk l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

163    Insostenn ta’ dan il-motiv, AAB Bank issostni li, anki jekk il-kritika tal-BĊE kienet fondata u suffiċjenti, id-deċiżjoni kkontestata hija sproporzjonata sa fejn irtirar tal-awtorizzazzjoni la kien neċessarju u lanqas xieraq sabiex jippermetti t-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu.

164    Fl-ewwel lok, AAB Bank tikkritika, essenzjalment, lill-FMA u lill-BĊE li ma vverifikawx jekk motiv inqas radikali minn irtirar ta’ awtorizzazzjoni, fost il-miżuri kollha għad-dispożizzjoni tagħhom, kienx jippermetti t-twettiq tal-għan imfittex.

165    Fit-tieni lok, skont AAB Bank, id-deċiżjoni kkontestata la kienet adegwata u lanqas neċessarja peress li ġiet adottata seba’ xhur wara l-proposta ta’ rtirar tal-FMA filwaqt li kellha tiġi adottata f’qasir żmien u l-FMA ma setgħetx tivverifika jekk l-irtirar propost kienx dejjem xieraq u neċessarju.

166    Fit-tielet lok, AAB Bank issostni li l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni kien sproporzjonat fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu.

167    Fir-raba’ lok, skont AAB Bank, l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni kien ukoll sproporzjonat peress li kellu l-effett li jeqred is-solidità tagħha, għad-detriment tad-depożitanti, tal-investituri u tal-kontropartijiet.

168    Fil-ħames lok, AAB Bank tqis li r-rifjut tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kien sproporzjonat fir-rigward tal-effetti negattivi tagħha fuq il-possibbiltajiet ta’ difiża tagħha.

169    Il-BĊE jikkontesta dawn l-argumenti.

170    F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE qies, essenzjalment, li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ AAB Bank kien proporzjonat peress li kien isegwi l-għan li jitwaqqaf il-ksur tal-liġi minn AAB Bank u r-riskji li rriżultaw minn dan għas-sistema bankarja Ewropea, u li, fir-rigward tal-gravità ta’ dan il-ksur u tal-miżuri diġà mibdija mill-FMA, ebda miżura oħra ma setgħet tippermetti t-twettiq ta’ dan l-għan. Dan indika ukoll li l-interess pubbliku intiż għall-protezzjoni tad-depożitanti, tal-investituri u tas-sħab l-oħra ta’ AAB Bank kellu jipprevali fuq l-interess tagħha u fuq dak tal-proprjetarji tagħha li jkomplu jkollhom awtorizzazzjoni.

171    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adatti sabiex jiżguraw it-twettiq tal-għanijiet leġittimi li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jmorrux lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

172    Fl-ewwel lok, hekk kif dan ġie rrilevat mill-BĊE, l-għan li għandu jintlaħaq mill-irtirar ta’ awtorizzazzjoni kien li jitwaqqaf il-ksur tal-liġi minn AAB Bank u r-riskji li kienu jirriżultaw minn dan għas-sistema bankarja Ewropea kif ukoll li jiġu protetti d-depożitanti, l-investituri u s-sħab l-oħra ta’ AAB Bank.

173    In-natura leġittima ta’ dawn l-għanijiet ma hijiex ikkontestata minn AAB Bank.

174    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kapaċità tad-deċiżjoni kkontestata li tiżgura t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, sa fejn jipprekludi lil din l-istituzzjoni milli tkompli teżerċita l-attivitajiet tagħha, huwa adattat sabiex jikkontribwixxi għall-għan li jitwaqqaf il-ksur tal-liġi u r-riskji li jirriżultaw minn dan għas-sistema bankarja Ewropea kif ukoll għall-għan li jiġu protetti d-depożitanti, l-investituri u s-sħab l-oħra ta’ AAB Bank.

175    F’dan ir-rigward, AAB Bank tqis, minn naħa, li d-deċiżjoni kkontestata la kienet adegwata u lanqas neċessarja peress li ġiet adottata seba’ xhur wara l-proposta ta’ rtirar tal-FMA u l-FMA ma setgħetx tivverifika jekk l-irtirar propost kienx dejjem xieraq u neċessarju.

176    Ċertament, hekk kif tenfasizza AAB Bank, mill-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 468/2014 jirriżulta li l-BĊE jeżamina abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni mingħajr dewmien żejjed.

177    Madankollu, l-iskadenza ta’ terminu ta’ seba’ xhur bejn il-proposta ta’ deċiżjoni ta’ rtirar tal-FMA u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma turix li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx neċessarja għat-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu.

178    Barra minn hekk, dan it-terminu huwa, f’dan il-każ, raġonevoli fid-dawl tal-fatt li l-BĊE kellu jistudja l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar tal-FMA, li kien voluminuż, sabiex jevalwa jekk kienx iġġustifikat u janalizza t-tnax-il ittra ta’ osservazzjonijiet addizzjonali ppreżentati minn AAB Bank, ukoll voluminużi, wara li semagħha.

179    Barra minn hekk, il-fatt li l-FMA ma eżaminatx mill-ġdid il-kwistjoni dwar jekk l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni kienx dejjem neċessarju wara seba’ xhur ma huwiex rilevanti peress li l-BĊE biss huwa kompetenti sabiex jevalwa din in-neċessità.

180    Min-naħa l-oħra, skont AAB Bank, l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni ma kienx xieraq fid-dawl tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu, peress li l-effetti legali residwi tiegħu paradossalment iwasslu għall-abbandun ta’ kull superviżjoni u rinunzja tal-indirizzar tal-ħasil tal-flus.

181    Madankollu, dan l-argument ma jurix l-assenza ta’ neċessità tad-deċiżjoni kkontestata.

182    Fil-fatt, billi pprekludiha milli tkompli bl-attivitajiet operattivi tagħha, l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ AAB Bank waqqaf il-ksur tal-obbligi tagħha relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

183    Għalhekk, fit-tielet lok, għandu jiġi vverifikat jekk l-argumenti ta’ AAB Bank jurux li d-deċiżjoni kkontestata qabżitx il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu.

184    F’dan ir-rigward, AAB Bank issostni, l-ewwel, li miżuri alternattivi inqas radikali kienu jippermettu li jintlaħaq l-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid il-legalità bħal ordnijiet, multi jew pubblikazzjonijiet.

185    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, minkejja l-adozzjoni ta’ numru kbir ta’ ordnijiet u ta’ sanzjonijiet sa mill‑2010 mill-FMA fir-rigward ta’ AAB Bank, din tal-aħħar ma adottatx miżuri korrettivi sodisfaċenti sabiex tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti legali meħtieġa mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

186    Għalhekk il-BĊE ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li miżuri oħra ma kinux adegwati sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa.

187    Għall-istess raġuni, l-argumenti li l-ksur tal-obbligi ta’ AAB Bank kien antik u komplet fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienx suffiċjentement serju u seta’ jiġi kkoreġut, peress li din timplimenta b’mod permanenti l-osservanza tar-regoli prudenzjali, jew li l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni seta’ jseħħ iktar tard, ma jurux li l-BĊE wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li rtirar ta’ approvazzjoni kien l-unika miżura adatta sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa.

188    L-argument li miżuri kellhom jiġu adottati qabel id-deċiżjoni kkontestata skont il-formulazzjoni speċifika tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-dritt Awstrijak fl-Artikolu 70(4) tal-BWG lanqas ma jista’ jintlaqa’ peress li tali miżuri kienu ġew effettivament adottati minn qabel mill-FMA u ma ppermettewx li tiġi stabbilita mill-ġdid il-legalità, fis-sens tal-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni.

189    L-istess japplika għall-argument ta’ AAB Bank li jgħid li l-waqfien volontarju, għalkemm provviżorju, tal-attivitajiet bankarji tagħha, jew id-deċiżjoni li ssir il-likwidazzjoni immedjata tagħha u li sussegwentement tingħata lura l-awtorizzazzjoni tagħha wara perijodu tranżitorju ta’ 18 xahar kien inaqqas ir-riskji preżunti mingħajr ma jkun neċessarju l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni.

190    Fil-fatt, waqfien provviżorju tal-attivitajiet ta’ AAB Bank biż-żamma tal-awtorizzazzjoni ma kienx jippermetti li jintemm il-ksur akkużat b’mod definittiv peress li dan seta’ jirriproduċi ruħu ladarba l-attivitajiet tagħha jitkomplew.

191    Bl-istess mod, l-għoti lura tal-awtorizzazzjoni ta’ AAB Bank wara perijodu tranżitorju ta’ 18-il xahar ma setax jipprekludi li ksur ikompli jirriproduċi ruħu matul dan il-perijodu.

192    Barra minn hekk, hekk kif jenfasizza l-BĊE, is-soluzzjoni ta’ awtolikwidazzjoni ta’ AAB Bank jew il-waqfien tal-attivitajiet bankarji tagħha ma kinux adegwati sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq peress li l-BĊE jew l-FMA ma setgħux iġegħluha li tikkompleta l-likwidazzjoni jew li ma tkomplix l-attivitajiet bankarji tagħha permezz ta’ miżuri oħra minbarra l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha li kieku AAB Bank kienet iddeċidiet li tkompli bl-attivitajiet tagħha.

193    It-tieni, skont AAB Bank, l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni kien ukoll sproporzjonat peress li l-BĊE ma kienx evalwa korrettament il-konsegwenzi reali tad-deċiżjoni tiegħu. Issa, l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni kellu l-effett li jeqred is-solidità ta’ AAB Bank, għad-detriment tad-depożitanti, tal-investituri u tal-kontropartijiet. Għalhekk, l-istralċ tal-bank kellu l-effett li jeqred il-fiduċja tal-konsumaturi fis-sistema finanzjarja Awstrijaka, u l-għanijiet mixtieqa kienu għalhekk f’kunflitt mal-effetti serji kkawżati mill-miżura adottata fis-sitwazzjoni ta’ AAB Bank.

194    Il-BĊE b’mod partikolari ma antiċipax li l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni kien ser jiskatta l-iskadenza tad-depożiti u, konsegwentement, l-insolvenza minħabba nuqqas ta’ ħlas. Il-BĊE lanqas ma ppreveda li l-FMA tiddeduċi mill-irtirar ta’ liċenzja, mingħajr kundizzjonijiet oħra, ir-revoka tal-Bord Eżekuttiv u s-sostituzzjoni tiegħu minn stralċjarji fil-kwalità ta’ rappreżentanti esklużivi tal-korpi tal-bank.

195    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid il-legalità u riskji li l-ksur allegat fil-konfront ta’ AAB Bank kien jikkawża għas-sistema bankarja, għall-kredituri tagħha, għall-klijenti tagħha u għas-sħab tagħha, il-BĊE ma jistax jiġi kkritikat li ma ddeċidiex li ma jirtirax l-awtorizzazzjoni tiegħu bl-għan waħdieni li jevita l-insolvenza u t-tqegħid fi stralċ ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu.

196    Fil-fatt, fir-rigward tal-ksur ikkonstatat u tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-deċiżjoni kkontestata, il-konsegwenzi tad-deċiżjoni kkontestata fuq is-sitwazzjoni ta’ AAB Bank ma kinux jeċċedu l-limiti neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu.

197    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, il-ksur allegat fil-konfront ta’ AAB Bank kellu wkoll bħala effett li jippreġudika s-solidità tagħha, għad-detriment tad-depożitanti, tal-investituri u tal-kontropartijiet, u li jeqred il-fiduċja tal-konsumaturi fis-suq bankarju.

198    It-tielet, AAB Bank tqis li r-rifjut li tiġi sospiża l-applikazzjoni immedjata tad-deċiżjoni kkontestata kien sproporzjonat sa fejn il-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni l-effetti negattivi tal-irtirar ta’ awtorizzazzjoni u tal-eżekuzzjoni tiegħu fuq id-drittijiet tad-difiża tagħha.

199    Madankollu, peress li AAB Bank kienet fil-pożizzjoni li tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll proċeduri għal miżuri provviżorji, ir-rifjut, mill-BĊE, li jissospendi l-applikazzjoni immedjata tad-deċiżjoni kkontestata ma kellux effetti negattivi fuq id-drittijiet tad-difiża tagħha u lanqas ma qabeż il-limiti neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu.

200    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-BĊE ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li d-deċiżjoni kkontestata kienet proporzjonata.

201    Għalhekk it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

3.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 468/2014, moqri fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jirriżulta mir-rifjut, mill-BĊE, li jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

202    Insostenn ta’ dan il-motiv, AAB Bank issostni, essenzjalment, li r-rifjut li tintlaqa’ t-talba għal sospensjoni tal-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kien imur kontra l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 468/2014 u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iżda wkoll li ma kienx iġġustifikat fl-assenza ta’ urġenza.

203    Skont AAB Bank, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kien jimplika li l-BĊE jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sal-adozzjoni ta’ sentenza dwar rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni peress li tali miżura kienet ser tikkawża dannu irreparabbli u twassal għas-sostituzzjoni tad-diretturi tagħha minn stralċjarji fil-kwalità ta’ rappreżentanti esklużivi tal-korpi tal-bank mingħajr ma hija tkun tista’ tistħarreġ minn qabel il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata tal-inqas permezz tal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

204    AAB Bank iżżid li r-regola tal-applikazzjoni immedjata tad-deċiżjonijiet ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni għandha titqies li tmur kontra d-drittijiet fundamentali sa fejn ma tippermettix protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-destinatarji ta’ deċiżjonijiet ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni minħabba l-portata ta’ dawn id-deċiżjonijiet u minħabba n-natura limitata tal-protezzjoni ġudizzjarja provviżorja fil-livell Ewropew.

205    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li kull persuna għandha d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali.

206    Minbarra dan, diġà ġie deċiż li l-impossibbiltà li jingħataw miżuri provviżorji ma kinitx kompatibbli mal-prinċipju ġenerali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja kompleta u effettiva tal-partijiet fil-kawża fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑3 ta’ Mejju 1996, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑399/95 R, EU:C:1996:193, punt 46).

207    Madankollu, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà jew ta’ mertu ma hijiex, inkwantu tali, kuntrarja għad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C-432/05, EU:C:2007:163, punt 73; tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 98 u 106, u d-digriet tad‑19 ta’ Ġunju 1995, Kik vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑107/94, EU:T:1995:107, punt 39).

208    Xorta jibqa’ l-fatt li tali kundizzjonijiet, fil-prattika, ma għandhomx jagħmlu r-rikorsi eċċessivament diffiċli jew impossibbli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral, 33/76, EU:C:1976:188, EU:C:1976:188, punt 5; tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales, C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 31, u tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Test Claimants in the Franked Investment Income Group Litigation, C‑362/12, EU:C:2013:834, punt 32).

209    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 468/2014, bla ħsara għall-Artikolu 278 TFUE u għall-Artikolu 24(8) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE jista’ jiddeċiedi li jissospendi l-applikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ superviżjoni prudenzjali.

210    F’dan il-każ, l-ewwel, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet ta’ AAB Bank, ir-rifjut li tiġi sospiża l-applikazzjoni immedjata tad-deċiżjoni kkontestata ma għamilx eċċessivament diffiċli jew impossibbli t-talba, quddiem il-qorti tal-Unjoni, intiża għas-sospensjoni provviżorja tad-deċiżjoni kkontestata jew tar-rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tagħha.

211    Fil-fatt, minn naħa, it-tqegħid fi stralċ ta’ AAB Bank, li seħħ wara d-deċiżjoni kkontestata, ma pprekludihiex milli tippreżenta rikors għal annullament u talba għal miżuri provviżorji kontra din id-deċiżjoni.

212    Min-naħa l-oħra, permezz tad-digriet tal‑20 ta’ Novembru 2019, Anglo Austrian AAB Bank u Belegging-Maatschappij “Far-East” vs BĊE (T‑797/19 R, mhux ippubblikat, EU:T:2019:801), il-President tal-Qorti Ġenerali ordna, fuq it-talba tar-rikorrenti, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sitt ijiem wara l-adozzjoni tagħha, sakemm ittieħdet deċiżjoni dwar it-talba tagħhom għal miżuri provviżorji.

213    It-tieni, l-allegazzjoni tan-natura limitata tal-protezzjoni ġudizzjarja provviżorja fil-livell Ewropew, sa fejn hija intiża sabiex tikkontesta l-kompatibbiltà tal-kundizzjonijiet għal miżuri provviżorji mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi miċħuda wkoll skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 207 iktar ’il fuq.

214    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-argument ibbażat fuq in-natura irreversibbli jew irreparabbli tad-deċiżjonijiet ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rifjut ta’ sospensjoni tal-effetti ta’ deċiżjoni ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni ma jqajjimx dubju dwar id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja tal-istituzzjonijiet ikkonċernati.

215    Fil-fatt, l-applikazzjoni immedjata tad-deċiżjonijiet ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni tista’ tiġi sospiża, skont il-każ, fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji, u ma tipprekludix lill-istituzzjonijiet ikkonċernati milli jippreżentaw rikors għal annullament kontra dawn id-deċiżjonijiet.

216    Għalhekk AAB Bank setgħet tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kieku kienet issodisfat il-kundizzjonijiet ta’ tali sospensjoni, b’mod partikolari l-kundizzjoni marbuta mal-urġenza.

217    Barra minn hekk, fl-ipoteżi fejn deċiżjoni ta’ rtirar titqies bħala illegali wara rikors għal annullament, l-istituzzjoni kkonċernata tkun tista’ titlob kumpens għad-dannu li tkun ġarrbet minħabba l-illegalità li tkun ġiet ikkonstatata.

218    Barra minn hekk, il-fatt li istituzzjoni ta’ kreditu tkun tqiegħdet fi stralċ wara l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha u li d-diretturi tagħha jkunu ġew issostitwiti minn stralċjarji fil-kwalità ta’ rappreżentanti esklużivi ma jipprekludix lil din l-istituzzjoni milli tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni li tirtira l-awtorizzazzjoni tagħha.

219    Konsegwentement, l-applikazzjoni immedjata tad-deċiżjonijiet ta’ rtirar ma tmurx kontra d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja tal-istituzzjonijiet ikkonċernati.

220    It-tielet, AAB Bank issostni li r-rifjut li tiġi sospiża l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kien imur kontra l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 468/2014 u li ma kienx iġġustifikat minn sitwazzjoni ta’ emerġenza sa fejn id-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu li jmorru lura għal diversi snin li l-ebda wieħed minnhom ma kien tkompla. Hija tenfasizza wkoll li l-BĊE jew l-FMA ma invokawx argumenti relatati mal-eżistenza ta’ urġenza.

221    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-BĊE rrifjuta li jissospendi l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata għal perijodu ta’ tletin jum minħabba li l-osservazzjonijiet ta’ AAB Bank ma kinux ta’ natura li jqajmu dubju dwar il-legalità ta’ din id-deċiżjoni, li din ma setgħetx tikkawża dannu irreparabbli, u li l-interess pubbliku intiż li għall-protezzjoni tad-depożitanti, tal-investituri u tas-sħab l-oħra ta’ AAB Bank kif ukoll l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kien jiġġustifika l-applikazzjoni immedjata tad-deċiżjoni.

222    Barra minn hekk, mill-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 468/2014, li skont dan il-BĊE jista’ jiddeċiedi li jissospendi l-applikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ superviżjoni prudenzjali, ma jirriżultax li dan għandu juri li r-rifjut li tiġi sospiża deċiżjoni ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni huwa ġġustifikat minn sitwazzjoni ta’ urġenza.

223    Barra minn hekk, id-deċiżjoni li tiġi sospiża jew le l-applikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni taqa’, skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 468/2014, taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-BĊE.

224    Issa, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ numru kbir ta’ ordnijiet u ta’ sanzjonijiet sa mill‑2010, l-allegazzjoni li n-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu allegati fil-konfront ta’ AAB Bank kienu antiki u ma kinux komplew ma jurux li d-dikjarazzjoni tal-BĊE li tgħid li l-interess pubbliku intiż għall-protezzjoni tad-depożitanti tagħha, tal-investituri tagħha u tas-sħab l-oħra tagħha kif ukoll l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kienet tiġġustifika l-applikazzjoni immedjata tad-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

225    Għalhekk il-BĊE ma eċċediex il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu u lanqas kiser l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 468/2014 billi rrifjuta li jissospendi d-deċiżjoni kkontestata għal perijodu ta’ tletin jum.

226    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tielet motiv huwa infondat.

4.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ AAB Bank

227    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li huwa maqsum f’erba’ partijiet, AAB Bank issostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Nru 468/2014 sa fejn il-BĊE, l-ewwel, kiser id-dritt tagħha għal smigħ xieraq u d-dritt tagħha għal smigħ, it-tieni, irrifjutalha l-aċċess sħiħ għall-fajl, it-tielet, ma ddeterminax iċ-ċirkustanzi rilevanti u, ir-raba’, kiser id-“dritt għal seduta orali” tagħha.

228    Il-BĊE jikkontesta dawn l-argumenti.

a)      Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ u tad-dritt għal smigħ xieraq

229    Fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, AAB Bank issostni li l-FMA ma semgħethiex qabel ma kkomunikat l-abbozz ta’ deċiżjoni lill-BĊE, filwaqt li kienet obbligata tagħmel dan konformement mal-Artikolu 70(4) tal-BWG u skont id-dritt għal smigħ, u li l-BĊE ma kinitx informatha dwar din il-komunikazzjoni ta’ abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar.

230    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 81(2) tar-Regolament Nru 468/2014, id-dritt għal smigħ skont il-modalitajiet stabbiliti fl-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament huwa applikabbli.

231    Dan l-artikolu jipprovdi li, “[q]abel ma l-BĊE jkun jista’ jadotta deċiżjoni superviżorja tal-BĊE indirizzata lil parti li taffettwa b’mod negattiv iddrittijiet ta’ dik il-parti, il-parti għandha tingħata l-opportunità li tikkummenta bil-miktub lill-BĊE dwar il-fatti, l-oġġezzjonijiet u r-raġunijiet legali relevanti għad-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE […] In-notifika li permezz tagħha l-BĊE jagħti lil parti l-opportunità li tipprovdi l-kummenti tagħha għandha ssemmi l-kontenut materjali tad-deċiżjoni superviżorja maħsuba tal-BĊE u l-fatti materjali, l-oġġezzjonijiet u r-raġunijiet legali li fuqhom il-BĊE jkollu l-ħsieb li jibbaża d-deċiżjoni tiegħu”.

232    Issa, f’dan il-każ, AAB Bank ma tikkontestax li nstemgħet, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-BĊE li dan tal-aħħar bagħtilha fl‑14 ta’ Ġunju 2019 u li kien jinkludi l-fatti, il-motivi u l-bażi legali essenzjali li fuqhom kellu l-intenzjoni li jibbaża ruħu fid-deċiżjoni kkontestata. Wara din il-komunikazzjoni, AAB Bank ippreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-BĊE, konformement mal-modalitajiet previsti fl-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 468/2014, permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Lulju 2019.

233    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni AAB Bank, din id-dispożizzjoni, li tirregola l-proċedura applikabbli fil-qasam, bl-ebda mod ma kienet tobbliga lill-BĊE jikkomunika lil AAB Bank l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-FMA.

234    F’dan il-kuntest, l-argument ta’ AAB Bank li l-BĊE kellu jikkonstata ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha li jirriżulta minn ksur tal-Artikolu 70(4) tal-BWG mill-FMA, abbażi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013, huwa kompletament infondat fid-dritt.

235    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li AAB Bank kienet tqiegħdet fil-pożizzjoni li tippreżenta osservazzjonijiet dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-BĊE li wassal għad-deċiżjoni kkontestata, konformement mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 468/2014.

236    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li r-rikorrenti ma nstemgħetx dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-FMA jew li l-BĊE ma kkomunikalhiex il-proposta ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni tal-FMA fil-mument meta din ġiet ikkomunikata lilu huma ineffettivi.

237    Konsegwentement, l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl

238    AAB Bank issostni li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl jitnissel mill-mument tal-istabbiliment tal-proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali mill-FMA u għandu bħala għan li jippermetti lid-destinatarju ta’ abbozz ta’ deċiżjoni li jeżerċita d-dritt għal smigħ tiegħu.

239    Hija ssostni wkoll li d-dritt tagħha għall-aċċess għall-fajl ma kienx ġie rrispettat peress li l-BĊE ta biss aċċess limitat għall-fajl. L-assenza ta’ trażmissjoni tal-komunikazzjoni interna u tal-komunikazzjoni bejn il-BĊE u l-FMA, ikklassifikati bħala kunfidenzjali, ipprekludiet lil AAB Bank milli tivverifika r-rilevanza materjali tad-dokumenti żvelati fid-dawl tal-aċċess għall-fajl għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u li jiġu identifikati l-allegazzjonijiet imqajma mill-BĊE u mill-FMA.

240    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika li l-istituzzjoni kkonċernata tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li twettaq eżami tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl istruttorju li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn jinkludu kemm id-dokumenti li jakkużaw kif ukoll dawk li jiskolpaw, bla ħsara għas-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, għad-dokumenti interni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

241    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 32(1) u (5) tar-Regolament Nru 468/2014, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma jestendix għall-informazzjoni kunfidenzjali, li tista’ tinkludi dokumenti interni tal-BĊE u tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kif ukoll il-korrispondenza bejn il-BĊE u awtorità kompetenti nazzjonali jew bejn dawn l-awtoritajiet.

242    Issa, l-ewwel, AAB Bank kellha aċċess għall-fajl qabel ma ppreżentat osservazzjonijiet dwar l-abbozz tal-BĊE li wassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

243    Peress li t-terminu li ngħatalha sabiex tippreżenta osservazzjonijiet, ta’ tul ta’ ħames ġimgħat, kien suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiżgura d-difiża tagħha, għandu jiġi kkonstatat li hija tqiegħdet fil-pożizzjoni li tippreżenta osservazzjonijiet billi kellha l-fajl għad-dispożizzjoni tagħha.

244    It-tieni, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ta’ AAB Bank li l-assenza ta’ aċċess għall-komunikazzjonijiet interni tal-BĊE u bejn l-FMA u l-BĊE li kienu jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-fatti fil-konfront tagħha jew il-konstatazzjonijiet tal-FMA kienet ipprekludietha milli tivverifika r-rilevanza materjali tad-dokumenti żvelati fil-fajl u milli tidentifika l-allegazzjonijiet imqajma mill-BĊE u mill-FMA ma turix li AAB Bank kienet prekluża milli tiddefendi ruħha b’mod effikaċi.

245    Fil-fatt, peress li l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni huwa bbażat fuq deċiżjonijiet tal-FMA u tas-sentenzi tal-qrati Awstrijaċi li jikkonstataw l-eżistenza ta’ ksur jew it-twettiq ta’ ksur u li AAB Bank kienet destinatarja ta’ dawn id-deċiżjonijiet amministrattivi jew parti mill-proċeduri ġudizzjarji kkonċernati, hija ma tistax tallega li ġiet prekluża milli tivverifika r-rilevanza materjali tad-dokumenti jew li tidentifika l-allegazzjonijiet imqajma mill-BĊE u mill-FMA li huma bbażati fuq dawn id-deċiżjonijiet jew fuq dawn is-sentenzi.

246    Barra minn hekk, sa fejn l-allegazzjonijiet jew id-dokumenti li AAB Bank xtaqet tivverifika r-rilevanza tagħhom jirrigwardaw il-konstatazzjonijiet fattwali addizzjonali tal-BĊE, intiżi sabiex jippreżentaw il-kuntest tal-ksur allegat, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, fi kwalunkwe każ, il-komunikazzjoni tagħhom ma kinitx ippermettiet lil AAB Bank turi li d-deċiżjonijiet nazzjonali definittivi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet neċessarjament taf bihom, ma kkonstatawx it-twettiq tal-ksur.

247    Għaldaqstant, il-komunikazzjoni tagħhom ma kinitx utli għad-difiża ta’ AAB Bank.

248    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li ssostni AAB Bank, il-fatt li l-BĊE ma spjegax ir-raġunijiet li għalihom id-dokumenti interni u l-komunikazzjonijiet bejn l-FMA u l-BĊE kienu kunfidenzjali ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata.

249    Għall-istess raġuni, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba ta’ AAB Bank li l-BĊE jiġi ordnat jipproduċi dokumenti kklassifikati sal-lum bħala kunfidenzjali.

250    Għalhekk, it-tieni parti tar-raba’ motiv hija infondata.

c)      Fuq it-tielet parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-obbligu li jiġu stabbiliti ċ-ċirkustanzi rilevanti

251    Fil-kuntest tat-tielet parti tar-raba’ motiv, AAB Bank issostni li l-BĊE kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba meta naqas milli jistabbilixxi, jeżamina u jevalwa b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi materjali rilevanti kollha għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni. F’dan ir-rigward, din tippreċiża li l-BĊE ma kellux jibbaża ruħu fuq il-fatti kkonstatati mill-FMA, iżda kellu jwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu stess, minn naħa, fuq il-kwistjoni tal-ksur tad-dispożizzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u, min-naħa l-oħra, fuq dik tal-eżistenza ta’ organizzazzjoni xierqa.

252    Fl-ewwel lok, minn qari flimkien tal-Artikolu 18(f) u tal-Artikolu 67(1)(o) tad-Direttiva 2013/36 jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni mogħtija meta istituzzjoni ta’ kreditu tkun ġiet iddikjarata responsabbli għal ksur serju tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva 2005/60 (li saret id-Direttiva 2015/849).

253    Barra minn hekk, mill-Artikolu 70(4) tal-BWG jirriżulta li, meta istituzzjoni ta’ kreditu tikser, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-BWG jew l-atti adottati għall-applikazzjoni tagħha, l-FMA għandha tirrevoka l-awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu fil-każijiet fejn miżuri oħra msemmija fil-BWG ma jistgħux jiżguraw il-funzjonament tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

254    Barra minn hekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tal-FM-GwG, fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 34(2) u (3) tal-FM-GwG, l-FMA tista’ tirrevoka l-awtorizzazzjoni.

255    Konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013, meta l-awtorità kompetenti nazzjonali li tkun ipproponiet l-awtorizzazzjoni konformement mal-paragrafu 1 tqis li l-awtorizzazzjoni għandha tiġi rtirata skont id-dritt nazzjonali, din għandha tissottometti proposta f’dan is-sens lill-BĊE. F’dan il-każ, il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni dwar il-proposta ta’ rtirar bili jieħu kompletament inkunsiderazzjoni motivi li jiġġustifikaw l-irtirar imressqa mill-awtorità kompetenti nazzjonali.

256    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 468/2014, meta l-BĊE jieħu d-deċiżjoni tiegħu, dan jieħu inkunsiderazzjoni l-punti li ġejjin kollha: “a) l-evalwazzjoni tiegħu taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-irtirar; (b) fejn applikabbli, l-abbozz tad-deċiżjoni ta’ rtirar tal-NCA [awtorità kompetenti nazzjonali]; (c) konsultazzjoni mal-NCA [awtorità kompetenti nazzjonali] relevanti u, fejn l-NCA [awtorità kompetenti nazzjonali] ma tkunx l-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni, l-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni […]; (d) kull kumment ipprovdut mill-istituzzjoni ta’ kreditu skont l-Artikoli 81(2) u 82(3)”.

257    Minn dawn id-dispożizzjonijiet u mill-Artikolu 4(1) u (3) u mill-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013 jirriżulta li, taħt il-kompetenza tiegħu sabiex jirtira l-awtorizzazzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-BĊE kellu, f’dan il-każ, jevalwa, billi jieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ raġunijiet li jiġġustifikaw l-irtirar imressqa mill-awtorità kompetenti nazzjonali u fi tmiem l-eżami tagħha taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-irtirar, jekk il-kundizzjonijiet previsti mid-dritt Awstrijak, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 18(f) u tal-Artikolu 67(1)(o) tad-Direttiva 2013/36, kinux issodisfatti, jiġifieri li jiġu stabbiliti l-fatti rilevanti u jiġi deċiż jekk kellhomx jiġu kklassifikati bħala li jistabbilixxu li l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata kienet ġiet iddikjarata responsabbli minn ksur serju fis-sens tal-Artikolu 34(2) u (3) tal-FM-GwG.

258    F’dan ir-rigward, il-formulazzjoni “tinsab responsabbli” tal-Artikolu 67(1)(o) tad-Direttiva 2013/36 timplika l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tal-FM-GwG, li jittrasponi din id-dispożizzjoni, fis-sens li, sabiex jiġi vverifikat jekk l-istituzzjoni kkonċernata wettqitx ksur serju tad-dispożizzjonijiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 34(2) u (3) tal-FM-GwG, il-BĊE għandu jibbaża ruħu fuq deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jkunu stabbilixxew it-twettiq ta’ ksur serju, u mhux fis-sens li l-BĊE għandu jiddikjara huwa stess li l-istituzzjoni ta’ kreditu wettqet ksur serju.

259    F’dan il-każ, il-BĊE stabbilixxa l-fatti rilevanti sabiex jirtira l-awtorizzazzjoni billi bbaża ruħu fuq deċiżjonijiet amministrattivi tal-FMA, fuq deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-qrati Awstrijaċi, fuq rapporti ta’ awditu intern u, kif ippreċiża fid-deċiżjoni kkontestata, fuq l-evalwazzjoni tiegħu stess tad-dokumentazzjoni rilevanti.

260    Dan għalhekk afferma li, wara l-evalwazzjoni tiegħu stess, dan kien jaqbel mal-konstatazzjonijiet tal-FMA dwar it-twettiq ta’ ksur u wkoll ikklassifika l-fatti inkwistjoni, essenzjalment, bħala li jistabbilixxu li AAB Bank kienet ġiet iddikjarata responsabbli għal ksur serju tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva 2005/60 (li saret id-Direttiva 2015/849) fis-sens tal-Artikolu 67(1)(o) tad-Direttiva 2013/36 u tal-Artikolu 34(2) u (3) tal-FM-GwG.

261    Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni AAB Bank, il-BĊE ma llimitax ruħu li jirreferi għall-ksur ikkonstatat mill-FMA fil-proposta ta’ deċiżjoni tiegħu, iżda kkonstata li din kienet ġiet iddikjarata responsabbli għal ksur serju fis-sens tal-Artikolu 34(2) u (3) tal-FM-GwG fi tmiem l-evalwazzjoni tiegħu stess tal-fatti u tal-provi għad-dispożizzjoni tiegħu.

262    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni AAB Bank, l-obbligu tal-BĊE li jibbaża ruħu fuq deċiżjonijiet nazzjonali preċedenti għad-deċiżjoni ta’ proposta ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġi stabbilit li istituzzjoni ta’ kreditu kienet ġiet iddikjarata responsabbli għal ksur serju ma jipprekludix l-istħarriġ ġudizzjarju tal-imsemmi ksur.

263    Fil-fatt, dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qorti nazzjonali, kif dan barra minn hekk kien il-każ għal uħud mid-deċiżjonijiet indirizzati lil AAB Bank meħuda inkunsiderazzjoni mill-BĊE.

264    Konsegwentement, il-BĊE ma jistax jiġi kkritikat li ma kkonstatax huwa stess il-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

265    Fit-tieni lok, abbażi tal-kompetenza tiegħu sabiex jirtira l-awtorizzazzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-BĊE għandu jevalwa jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 70(4) tal-BWG humiex issodisfatti, jiġifieri għandu jistabbilixxi l-fatti rilevanti u jiddeċiedi jekk għandhomx jiġu kklassifikati bħala li jistabbilixxu li l-istituzzjoni ta’ kreditu ma stabbilixxietx l-arranġamenti ta’ governanza meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti konformement mal-Artikolu 39(2), (2b) u (5), mal-Artikolu 42 u mal-Artikolu 44(1) tal-BWG.

266    F’dan il-każ, il-BĊE ma llimitax ruħu li jirriproduċi fid-deċiżjoni kkontestata l-konstatazzjonijiet ippreżentati mill-FMA fil-proposta tagħha għal deċiżjoni jew il-miżuri amministrattivi adottati mill-FMA, iżda bbaża ruħu fuq l-evalwazzjoni tiegħu stess tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36, jiġifieri tad-dispożizzjonijiet tal-BWG.

267    Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni AAB Bank, il-BĊE ma bbażax ruħu biss fuq il-ksur ikkonstatat mill-FMA fil-proposta ta’ deċiżjoni tiegħu, iżda vverifika huwa stess ivverifika l-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tas-superviżjoni prudenzjali bankarja kkonstatat mill-FMA.

268    Barra minn hekk, il-BĊE ma jistax jiġi kkritikat li ħa inkunsiderazzjoni, għal dan il-għan, id-deċiżjonijiet amministrattivi tal-FMA.

269    Fil-fatt, l-Artikolu 70(4) tal-BWG, li jittrasponi l-Artikoli 18 u 67 tad-Direttiva 2013/36, jipprovdi li, meta istituzzjoni ta’ kreditu tikser, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-BWG jew tal-atti adottati għall-applikazzjoni tagħha, il-FMA għandha, essenzjalment, tordnalha li tistabbilixxi mill-ġdid il-legalità, tadotta sanzjonijiet jew tirrevoka l-awtorizzazzjoni tagħha.

270    Minn dan jirriżulta li l-ksur tal-BWG, li jinkludi d-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36, jista’ jiġi kkonstatat permezz ta’ miżuri jew ta’ sanzjonijiet amministrattivi adottati mill-FMA.

271    Konsegwentement, il-BĊE ma aġixxiex bi ksur tal-Artikolu 70(4) tal-BWG billi bbaża ruħu fuq deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u fuq l-evalwazzjoni tiegħu stess sabiex jikkonstata l-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36, sabiex jistabbilixxi li AAB Bank ma kinitx stabbilixxiet l-arranġamenti ta’ governanza meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti konformement mad-dispożizzjonijiet tal-BWG li jittrasponu l-Artikolu 74 ta’ din id-direttiva.

272    Għalhekk ma jistax jiġi kkritikat li naqas milli jistabbilixxi, milli jeżamina u milli jevalwa b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi materjali rilevanti kollha għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni.

273    Għalhekk, it-tielet parti tar-raba’ motiv hija infondata.

d)      Fuq ir-raba’ parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-ksur tad-“dritt għal seduta orali”

274    Skont AAB Bank, il-BĊE kiser id-dritt tagħha għal amministrazzjoni tajba sa fejn ċaħad it-talba tagħha intiża sabiex tikseb id-dritt li tippreżenta oralment osservazzjonijiet fuq il-fatti, il-motivi u l-bażijiet legali rilevanti għad-deċiżjoni fil-kuntest ta’ laqgħa.

275    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 468/2014, jekk jidhirlu xieraq, il-BĊE jista’ jagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet fuq il-fatti, il-motivi u l-bażijiet legali rilevanti għad-deċiżjoni tiegħu ta’ superviżjoni prudenzjali fil-kuntest ta’ laqgħa.

276    Minn dan jirriżulta li l-organizzazzjoni ta’ tali laqgħa, li matulha jistgħu jiġu ppreżentati osservazzjonijiet oralment hija fakultà u mhux obbligu tal-BĊE.

277    Għaldaqstant, dan ma jistax jiġi akkużat bi ksur ta’ “dritt għas-seduta orali” peress li tali dritt ma huwiex irrikonoxxut lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati.

278    Barra minn hekk, AAB Bank tindika li l-FMA kisret id-dritt tagħha għall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħha billi żvelat quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) dokumenti kunfidenzjali marbuta mal-proċedura ta’ rtirar qabel l-għeluq tal-proċedura.

279    Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din l-allegazzjoni hijiex fondata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ma tistax tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata b’illegalità, peress li ma tirrigwardax elementi li kellhom effett fuq il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni.

280    Għalhekk ir-raba’ parti tar-raba’ motiv hija infondata.

281    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

5.      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà tal-azzjonist li jirriżulta mill-qerda tal-valur ekonomiku tal-ishma li l-azzjonist żamm fil-kapital ta’ AAB Bank

282    Fl-ewwel lok, AAB Bank issostni li d-deċiżjoni kkontestata qerdet il-valur ekonomiku tal-azzjonijiet li l-azzjonist ta’ AAB Bank iżomm fil-kapital tagħha u ppreġudikat is-sustanza tad-dritt għall-proprjetà ta’ dan l-azzjonist.

283    Fit-tieni lok, għal AAB Bank, peress li d-deċiżjoni kkontestata pproduċiet, skont l-Artikolu 6(4) tal-BWG, l-istess effetti bħal deċiżjoni ta’ xoljiment u serviet bħala bażi diretta għall-istralċ tagħha, din tikkostitwixxi ksur tad-dritt għall-proprjetà tal-azzjonist kif ukoll tad-drittijiet tiegħu bħala azzjonist.

284    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li r-rikors tal-azzjonist kontra d-deċiżjoni kkontestata ġie miċħud bħala inammissibbli.

285    Min-naħa l-oħra, AAB Bank ma tistax tinvoka, insostenn tar-rikors għal annullament tagħha, dritt għall-proprjetà li hija ma għandhiex titolu għalih.

286    Peress li AAB Bank ma tistax tinvoka d-dritt għall-proprjetà tal-azzjonist tagħha, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

6.      Fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ta’ AAB Bank

287    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ April 2021, AAB Bank ippreżentat talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li permezz tagħha talbet lill-Qorti Ġenerali tawtorizza lill-partijiet jikkompletaw l-argumenti tagħhom billi jippreżentaw osservazzjonijiet, essenzjalment, fuq deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji Awstrijaċi li jikkonċernaw is-sitwazzjoni fid-data tad-deċiżjoni kkontestata li huma ta’ natura li jqajmu dubju dwar il-motivi tagħha.

288    Il-BĊE ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din it-talba.

289    F’dan ir-rigward, peress li AAB Bank ma tidentifikax id-deċiżjonijiet li tqis rilevanti għal dan ir-rikors, u peress li hija ma pprovdithomx lill-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li hija ma wrietx ir-rilevanza tad-deċiżjonijiet li tinvoka għal dan ir-rikors.

290    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ta’ AAB Bank għandha tiġi miċħuda.

291    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

IV.    Fuq lispejjeż

292    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’din il-kawża, peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati sabiex ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-BĊE, inklużi l-ispejjeż relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, konformement mat-talbiet ta’ dan tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Anglo Austrian AAB AG u Belegging-Maatschappij “Far-East” BV għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Papasavvas

Costeira

Kancheva


Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑22 ta’ Ġunju 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.