Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Awwissu 2010 - Van Parys vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-324/10)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Léon Van Parys NV (Antwerp, il-Belġju) (rappreżentanti: P. Vlaemminck u A. Hubert, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-6 ta' Mejju 2010, fil-fajl REC 07/07, li tikkonstata li f'każ speċifiku kien iġġustifikat id-dħul a posteriori fil-kontijiet ta' dazji fuq l-importazzjoni u li ssir ir-remissjoni ta' dawn id-dazji fir-rigward ta' debitur iżda mhux fil-każ ta' debitur ieħor;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Huwa allegat li, waqt il-perijodu bejn it-22 ta' Ġunju 1998 u t-8 ta' Novembru 1999, ir-rikorrenti u l-aġent doganali tagħha ppreżentaw ċertifikati AGRIM Spanjoli foloz lill-awtoritajiet doganali ta' Antwerp, għall-importazzjoni ta' banana mill-Ekwador. Minħabba dan, huwa allegat li saret talba mhux iġġustifikata għall-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali.

Iċ-ċertifikati kollha Spanjoli allegatament foloz li taw lok għat-talba għall-irkupru a posteriori inkisbu mir-rikorrenti mingħand l-intermedjarju Portugiż tagħha, li miegħu r-rikorrenti, permezz tas-sussidjarja Taljana tagħha, operat għal ħafna snin għax-xiri ta' liċenzji Spanjoli u Portugiżi, fil-kapaċita tagħha ta' rappreżentat fiskali.

L-Awtorità Belġjana għad-Dazju u għas-Sisa ppreżentat talba quddiem il-Kummissjoni Ewropea, sabiex ma twettaqx irkupru a posteriori u/jew remissjoni fir-rigward tad-dazji doganali miġbura a posteriori., Il-Kummissjoni Ewropea ċaħdet din it-talba fir-rigward tal-importazzjonijiet li twettqu fl-1999. Ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni.

Ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li kien hemm ksur tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1442/93 u tar-Regolament (KE) Nru 2362/98, u tal-prattiċi kummerċjali rrikonoxxuti kif deskritti mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Hija tqis li l-Kummissjoni kisret dawn id-dispożizzjonijiet, li ppermettew ix-xiri tal-użu ta' liċenzji għall-importazzjoni permezz tal-metodu kummerċjali użat mir-rikorrenti, u konsegwentement ikkonstatat inġustament li r-rikorrenti kienet ħatja ta' negliġenza.

It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega ksur tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u ksur tal-prinċijpu ta' proporzjonalità. Il-Kummissjoni ddeċidiet li l-falsifikazzjonijiet stabbiliti taċ-ċertifikati ta' importazzjoni Spanjoli marru lil hinn mir-riskju kummerċjali normali, u li dawn il-falsifikazzjonijiet kellhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari. Mandakollu, ir-rikorrenti tikkontestata l-affermazzjoni li hija naqset milli taġixxi bħala kummerċjant prudenti u li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità ma ġewx sodisfatti.

It-tielet nett, huwa allegat li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, l-Artikolu 211 tat-Trattat KE u kisret il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u l-priniċipju ġenerali legali ta' patere legem quam ipse fecisti. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni imponiet fuqha rekwiżiti ta' diliġenza iktar stretti minn dawk stabbiliti mil-liġi u iktar stretti minn dawk imposti normalment f'dan il-qasam, filwaqt li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet Spanjoli naqsu milli jissodisfaw l-obbligi statutorji tagħhom stess.

Ir-raba' nett, ir-rikorrenti ssostni li kien hemm ksur tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, u ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ttrattat b'mod mhux ġustifikat l-importazzjonijiet tal-1998 b'mod differenti minn dak li bih ittrattat l-importazzjonijiet tal-1999.

Il-ħames nett, ir-rikorrenti tallega li kien hemm ksur tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità. Fl-opinjoni tagħha, mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit, mingħajr iktar provi, li ma kien hemm l-ebda żball minn naħa tal-awtoritajiet doganali Spanjoli fis-sens tal-Artikolu 220(2)(b).

Is-sitt nett, ir-rikorrenti ssostni li kien hemm ksur tal-forom sostanzjali, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet ta' difiża tagħha.

____________