Language of document : ECLI:EU:C:2023:889

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fis‑16 ta’ Novembru 2023 (1)

Kawżi magħquda C345/22 sa C347/22

Maersk A/S

vs

Allianz Seguros y Reaseguros SA (C345/22 u C347/22)

u

Mapfre España Compañía de Seguros y Reaseguros SA

vs

MACS Maritime Carrier Shipping GmbH & Co. (C346/22)

(Talbiet għal deċiżjoni preliminari mill-Audiencia Provincial de Pontevedra (il-Qorti Provinċjali ta’ Pontevedra, Spanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali - Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 25(1) – Kuntratt għat-trasport ta’ merkanzija bil-baħar ipprovat b’polza ta’ kargu – Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkorporata fil-polza ta’ kargu – Eżegwibbiltà fil-konfront ta’ detentur terz tal-polza ta’ kargu – Liġi applikabbli – Leġislazzjoni nazzjonali li teħtieġ negozjar individwali u separat tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni mid-detentur terz tal-polza ta’ kargu”






 Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, l-Audiencia Provincial de Pontevedra (il-Qorti Provinċjali ta’ Pontevedra, Spanja) qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja gwida dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”) (2). Dawn it-talbiet qegħdin isiru fil-kuntest ta’ proċeduri bejn Maersk A/S (iktar ’il quddiem “Maersk”), operatur tat-trasport marittimu Daniż, u Allianz Seguros y Reaseguros SA (iktar ’il quddiem “Allianz”), kumpannija ta’ assigurazzjoni Spanjola, fil-Kawżi C‑345/22 u C‑347/22, u Mapfre España Compañía de Seguros y Reaseguros SA (iktar ’il quddiem “Mapfre”), kumpannija ta’ assigurazzjoni Spanjola, u MACS Maritime Carrier Shipping GmbH & Co. (iktar ’il quddiem “MACS”), kumpannija tat-trasport Ġermaniża fil-Kawża C‑346/22. Kull waħda minn dawn l-azzjonijiet hija talba għad-danni abbażi tat-telf parzjali ta’ merkanzija ttrasportata bil-baħar. Huma jqajmu l-kwistjoni dwar il-kundizzjonijiet li taħthom klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni f’kuntratt għall-ġarr ta’ merkanzija bil-baħar ippruvata b’polza ta’ kargu tista’ tiġi infurzata kontra terz li sussegwentement ikun akkwista din il-merkanzija, u b’hekk isir detentur terz ta’ tali polza ta’ kargu.

 Kuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni Ewropea

 IlKonvenzjoni ta’ Brussell

2.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jistipula li:

“Jekk il-partijiet, li waħda jew iktar minnhom ikollha d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva. Ftehim bħal dak li jattribwixxi ġurisdizzjoni għandhu jkun jew:

(a)      bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba, jew

(b)      f’għamla li taqbel mal-prattiċi li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom, jew

(c)      f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel mal-użanza li biha l-partijiet huma jew li għandhom ikunu konxji u li dwarhom dak in-negozju jew kummerċ ikun magħruf sewwa, u regolarment osservat minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari ikkonċernat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Ir-Regolament Brussell I

3.        L-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I jipprovdi:

“Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dak il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ġurisdizzjoni bħal dik għandha tkun esklussiva sa kemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. Ftehim bħal dak li jagħti ġurisdizzjoni għandhu jkun jew:

(a)      bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba; jew

(b)      f’għamla li taqbel mal-prattiċi li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom; jew

(c)      f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel ma’ l-użanza li biha l-partijiet huma jew li għandhom ikunu konxji u li dwarhom dak in-negozju jew kummerċ ikun magħruf sewwa, u regolarment osservat minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari ikkonċernat.”

 IrRegolament Brussels Ia

4.        Il-premessi 15, 19 u 20 tar-Regolament Brussels Ia jistipulaw li:

“(15)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. […]

[…]

(19)      L-awtonomija tal-partijiet f’kuntratt, apparti minn kuntratt ta’ assigurazzjoni, tal-konsumatur jew ta’ impjieg, fejn tiġi permessa biss awtonomija limitata sabiex jiġu determinati l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, għandha tiġi rispettata skont ir-raġunijiet esklużivi ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(20)      Meta tinqala’ kwistjoni dwar jekk għażla ta’ ftehim ta’ qorti favur qorti jew il-qrati ta’ Stat Membru tkunx nulla u bla effett legali fir-rigward tal-validità sostantiva tagħha, dik il-kwistjoni għandha tiġi deċiża skont il-liġi tal-Istat Membru tal-qorti jew qrati magħżula fil-ftehim, inklużi r-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet ta’ dak l-Istat Membru.”

5.        L-Artikolu 25 tar-Regolament Brussell Ia, fit-Taqsima 7, intitolat “Proroga tal-ġurisdizzjoni”, li jinsab f’Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jipprovdi:

“1.      Jekk il-partijiet, irrispettivament mid-domiċilju tagħhom, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi tilwimiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni, sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett legali fil-validità sostantiva tiegħu skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Ġurisdizzjoni bħal din għandha tkun esklużiva sakemm il-partijiet ma jiftiehmux mod ieħor. Il-ftehim li jagħti ġurisdizzjoni għandu jkun jew:

(a)      bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba;

(b)      f’għamla li taqbel mal-prattiki li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom; jew

(c)      f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel mal-użanza li dwarha l-partijiet huma jew li kellhom ikunu konxji u li f’dak in-negozju jew kummerċ tkun magħrufa sewwa, u regolarment osservata minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari kkonċernat.

[…]

5.      Ftehim li jagħti ġurisdizzjoni li huwa parti minn kuntratt għandu jiġi ttrattat bħala ftehim indipendenti mit-termini l-oħra tal-kuntratt.

Il-validità tal-ftehim li jagħti ġurisdizzjoni ma jistax jiġi kkuntestat biss fuq il-bażi li l-kuntratt mhuwiex validu.”

 Iddritt nazzjonali

6.        It-Taqsima XI tal-preambolu tal-Ley 14/2014, de 24 de julio, de Navegación Marítima (il-Liġi 14/2014 dwar in-Navigazzjoni Marittima, iktar ’il quddiem l‑“LNM”) tal‑24 ta’ Lulju 2014 (3), tipprovdi li:

“[…]

Il-Kapitolu I fih ir-regoli speċjali ta’ ġurisdizzjoni u kompetenza u, billi jipproċedi fuq il-bażi tal-applikazzjoni preferenzjali f’din il-kwistjoni tar-regoli fi ftehim internazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, jipprova jipprevjeni l-abbużi identifikati, billi jiddikjara nulli klawżoli li jipprovdu għas-sottomissjoni għal ġurisdizzjoni barranija jew għal arbitraġġ barra mill-pajjiż, li jinsabu f’kuntratti għall-użu ta’ vapur jew f’kuntratti marittimi anċillari, sakemm dawk il-klawżoli ma jkunux ġew innegozjati individwalment u separatament.

[…]”

7.        L-Artikolu 251 tal-LNM, intitolat “Effettività tat-trasferiment”, jipprovdi:

“Il-kunsinna ta’ polza ta’ kargu għandha jkollha l-istess effetti bħall-kunsinna tal-merkanzija rrappreżentata mill-polza, mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet kriminali u ċivili disponibbli għal persuna li tkun ġiet spussessata illegalment minn dik il-merkanzija. L-akkwirent tal-polza ta’ kargu għandu jakkwista d-drittijiet u l-azzjonijiet kollha ta’ min jittrasferixxi fuq il-merkanzija, bl-eċċezzjoni ta’ ftehimiet dwar ġurisdizzjoni u arbitraġġ, li għandhom jeħtieġu l-kunsens tal-akkwirent skont il-Kapitolu I tat-Titolu IX.”

8.        L-Artikolu 468 tal-LNM, intitolat “Klawżoli ta’ ġurisdizzjoni u arbitraġġ”, jgħid:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet internazzjonali applikabbli fi Spanja u għar-regoli tad-dritt tal-[Unjoni], klawżoli li jipprovdu għas-sottomissjoni għal ġurisdizzjoni barranija jew għal arbitraġġ barra mill-pajjiż, li jinsabu f’kuntratti għall-użu ta’ vapur jew f’kuntratti marittimi anċillari, għandhom ikunu nulli u meqjusa li ma jeżistux jekk dawk il-klawżoli ma jkunux ġew innegozjati individwalment u separatament.

B’mod partikolari, l-inklużjoni ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni jew ta’ arbitraġġ fit-termini u l-kundizzjonijiet stampati ta’ kwalunkwe kuntratt imsemmi fil-paragrafu preċedenti ma għandhiex fiha nnifisha tikkostitwixxi evidenza ta’ konformità mar-rekwiżiti stabbiliti hemmhekk.”

 Ilfatti filkawża prinċipali u ddomandi preliminari

 IlKawża C345/22

9.        Maersk Line Perú S.A.C. (4), bħala trasportatur, u Aguafrost Perú, bħala speditur, ikkonkludew kuntratt għall-ġarr ta’ merkanzija bil-baħar fuq termini ta’ “kost u nol”, kif jidher minn polza ta’ kargu maħruġa fid‑9 ta’ April 2018. Dik il-polza ta’ kargu kellha, fuq in-naħa ta’ wara, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni fit-termini li ġejjin: “Fil-każijiet l-oħra kollha, din il-polza ta’ kargu għandha tiġi rregolata u interpretata skont il-liġi Ingliża u kull tilwima li tirriżulta minnha għandha tiġi sottomessa lill-Qorti Għolja tal-Ġustizzja [(Ingilterra u Wales) (ir-Renju Unit)] ta’ Londra [(ir-Renju Unit)], filwaqt li l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ pajjiż ieħor hija eskluża. Barra minn hekk, u fid-diskrezzjoni tat-trasportatur, it-trasportatur jista’ jibda proċeduri kontra l-kummerċjant quddiem qorti kompetenti tal-post fejn il-kummerċjant iwettaq l-attività tiegħu”. Oversea Atlantic Fish S.L. (iktar ’il quddiem “Oversea”), fornitur Spanjol ta’ ħut u frott tal-baħar, akkwista l-merkanzija ttrasportata u b’hekk sar detentur terz ta’ din il-polza ta’ kargu.

10.      Il-merkanzija waslet bil-ħsara fil-port tad-destinazzjoni. Allianz, bħala l-kumpannija tal-assigurazzjoni ssurrogata fid-drittijiet ta’ Oversea, ippreżentat rikors kontra Maersk quddiem il-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Pontevedra (il-Qorti Kummerċjali Nru 3, Pontevedra, Spanja) fejn talbet EUR 67 449.71 f’danni (5).

11.      Abbażi tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni msemmija qabel, Maersk argumentat li l-qrati Spanjoli ma kellhom ebda ġurisdizzjoni. B’digriet tas‑26 ta’ Mejju 2020, il-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Pontevedra (il-Qorti Kummerċjali Nru 3, Pontevedra) ċaħdet dan il-motiv. Maersk ippreżentat appell intern minn dan id-digriet quddiem dik il-qorti. Dan l-appell ġie miċħud b’digriet tat‑2 ta’ Diċembru 2020.

12.      Permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2021, il-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Pontevedra (il-Qorti Kummerċjali Nru 3, Pontevedra) laqgħet it-talba ta’ Allianz fil-mertu. Maersk ippreżentat appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, limitat għal kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Spanjoli. Hija sostniet li peress li l-Artikolu 251 tal-LNM ma huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju hija obbligata tapplika l-Artikolu 25 tar-Regolament Brussell Ia. Il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni hija għalhekk infurzabbli kontra d-detentur terz tal-polza ta’ kargu.

13.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li dwarha kienu qablu l-partijiet inizjali tal-kuntratt ta’ ġarr, hijiex eżegwibbli kontra detentur terz ta’ polza ta’ kargu li ma tax il-kunsens tiegħu għal tali klawżola, la espressament, la individwalment, u lanqas separatament.

14.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-“klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni” hija kunċett indipendenti tad-dritt tal-Unjoni. Is-settur tat-trasport marittimu internazzjonali jagħmel użu frekwenti mill-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni, b’tali mod li, konformement mal-Artikolu 25(1)(c) tar-Regolament Brussell Ia, il-partijiet kontraenti jridu jkunu jafu bl-eżistenza tagħhom. F’dan il-kuntest, is-sentenza Castelletti (6) ssostni l-eżistenza ta’ preżunzjoni li persuna li kontriha tiġi eżegwita klawżola bħal din tkun tat il-kunsens tagħha għaliha. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li l-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni huma awtonomi u diviżibbli min-natura tagħhom. Il-liġi sostantiva li tirregola tali klawżoli tista’ għalhekk tkun suġġetta għal sistema legali separata minn dik li tirregola l-bqija tal-kuntratt. Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tista’ għalhekk tkun valida anki fejn il-kuntratt innifsu jitqies null.

15.      Il-qorti tar-rinviju tispjega li, fil-każ ta’ poloz ta’ kargu li terz jakkwista u li jinkludu klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, l-Artikolu 251 tal-LNM jagħmel riferiment għall-Artikolu 468 tagħha, li jipprovdi li l-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni huma nulli meta ma jkunux ġew innegozjati individwalment u separatament (7). Il-qorti tar-rinviju tfakkar il-prinċipju li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fis-sentenza tagħha Russ (8) u tenniet fis-sentenza tagħha Coreck (9) li “sa fejn il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkorporata f’polza ta’ kargu hija valida taħt l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni [Brussell] bejn l-ispeditur u t-trasportatur, hija tista’ tiġi invokata fil-konfront tad-detentur terz tal-polza ta’ kargu sakemm, taħt il-liġi nazzjonali rilevanti, id-detentur tal-polza ta’ kargu jassumi d-drittijiet u l-obbligi tal-ispeditur”. Ir-riferiment għal-“liġi nazzjonali rilevanti” f’din il-kwotazzjoni jista’ jinftiehem bħala riferiment għall-Artikolu 251 tal-LNM. Peress li għalhekk kien ikun meħtieġ li l-partijiet jinnegozjaw il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni individwalment u separatament, it-trasferiment tad-drittijiet taħt il-polza ta’ kargu kien ikun inkomplet. Il-qorti tar-rinviju għalhekk tistaqsi jekk l-Artikolu 251 tal-LNM imurx kontra l-prinċipju msemmi qabel.

16.      Il-qorti tar-rinviju ssostni wkoll li d-dritt nazzjonali li abbażi tiegħu tista’ tiġi mistħarrġa l-validità tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni jista’ jkun dak tal-Istat li lilu tiġi attribbwita l-ġurisdizzjoni skont din il-klawżola, jiġifieri r-Renju Unit. Insostenn ta’ din il-pożizzjoni, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia u s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Benincasa (10) u DelayFix (11), fis-sens li l-validità sostantiva ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni għandha tiġi evalwata skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li l-qrati tiegħu jiġu indikati f’din il-klawżola.

17.      Jekk wieħed jassumi li japplika l-Artikolu 251 tal‑LNM u li jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-detentur terz tal-polza ta’ kargu tax il-kunsens tiegħu għall-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni individwalment u separatament, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni tal-forma li fiha jista’ jingħata dan il-kunsens. Hija tal-fehma li dik il-kwistjoni hija rregolata mid-dritt tal-Unjoni u tosserva li fejn ir-rekwiżiti tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia jiġu ssodisfatti, japplika test ta’ kunsens preżunt.

18.      Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju tiddubita l-kompatibbiltà tal-Artikolu 251 tal-LNM mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li filwaqt li liġi waħda tirregola l-kunsinna ta’ polza ta’ kargu, liġi differenti tapplika għall-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab f’dik il-polza ta’ kargu (12).

19.      L-Audiencia Provincial de Pontevedra (il-Qorti Provinċjali ta’ Pontevedra) għalhekk iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      Ir-regola tal-Artikolu 25 tar-[Regolament Brussell Ia] meta tistabbilixxi li n-nullità ipso jure tal-ftehim ta’ ġurisdizzjoni għandha tiġi analizzata konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li l-partijiet iddifferew il-ġurisdizzjoni lilu, tinkludi wkoll, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni tal-validità tal-estensjoni tal-klawżola lil terz mhux parti fil-kuntratt li fih hija inkluża l-klawżola?

(2)      Fil-każ ta’ trasferiment tal-polza ta’ kargu lil terz, destinatarju tal-merkanzija, li ma rriżultax mill-kuntratt bejn il-konsenjatur u t-trasportatur tal-baħar, regola bħal dik inkluża fl-Artikolu 251 tal-[LNM], li teżiġi li, għall-infurzabbiltà tal-klawżola fil-konfront ta’ dan it-terz, il-klawżola ta’ ġurisdizzjoni għandha tkun ġiet innegozjata miegħu ‘individwalment u separatament’, tirriżulta kompatibbli mal-Artikolu 25 tar-[Regolament Brussell Ia] u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpretaha?

(3)      Jirriżulta possibbli, konformement mad-dritt tal-Unjoni, li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali ta’ validità għall-effikaċja fil-konfront ta’ terzi tal-klawżoli ta’ ġurisdizzjoni inklużi f’poloz ta’ kargu?

(4)      Regola bħal dik inkluża fl-Artikolu 251 tal-[LNM], li tistabbilixxi li s-surroga tat-terz detentur isseħħ f’forma parzjali biss, bl-esklużjoni tal-klawżoli ta’ proroga ta’ ġurisdizzjoni, tippreżupponi l-introduzzjoni ta’ rekwiżit addizzjonali ta’ validità ta’ dawn il-klawżoli, kuntrarja għall-Artikolu 25 tar-[Regolament Brussell Ia]?”

 Kawża C346/22

20.      MACS, bħala trasportatur, u Tunacor Fisheries Ltd, bħala speditur, ikkonkludew kuntratt għall-ġarr ta’ merkanzija bil-baħar fuq termini ta’ “kost u nol”, kif muri minn polza ta’ kargu maħruġa fit‑13 ta’ April 2019. Din il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni dehret fuq in-naħa ta’ wara tal-polza ta’ kargu: “Din il-polza ta’ kargu għandha tiġi rregolata skont il-liġi Ingliża u kwalunkwe tilwim li jirriżulta minnha għandu jiġi sottomess lill-Qorti Għolja tal-Ġustizzja [(Ingilterra u Wales)] ta’ Londra”. Il-kumpanija Spanjola Fortitude Shipping S.L. (iktar ’il quddiem “Fortitude”) akkwistat il-merkanzija inkwistjoni u b’hekk saret detentur terz ta’ din il-polza ta’ kargu.

21.      Il-merkanzija waslet bil-ħsara fil-port tad-destinazzjoni. Mapfre, bħala l-kumpanija tal-assigurazzjoni ssurrogata fid-drittijiet ta’ Fortitude, ippreżentat rikors kontra MACS quddiem il-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Pontevedra (il-Qorti Kummerċjali Nru 3, Pontevedra) fejn talbet EUR 80 187.90 f’danni (13).

22.      Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni msemmija iktar ’il fuq, MACS argumentat li l-qrati Spanjoli ma kellhom ebda ġurisdizzjoni. B’digriet tat‑3 ta’ Mejju 2020, il-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Pontevedra (il-Qorti Kummerċjali Nru 3, Pontevedra) irrifjutat il-ġurisdizzjoni. Mapfre ippreżentat appell minn dan id-digriet quddiem il-qorti tar-rinviju. B’riferiment għall-Artikolu 251 tal-LNM, hija sostniet li l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni ma kinitx infurzabbli fil-konfront ta’ Fortitude peress li din tal-aħħar la kienet parti fil-kuntratt ta’ ġarr ta’ merkanzija u lanqas ma kellha xi rwol fit-twettiq tiegħu. MACS sostniet li peress li l-Artikolu 251 tal-LNM ma huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tapplika l-Artikolu 25 tar-Regolament Brussell Ia, u b’hekk tirrendi l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni eżegwibbli fil-konfront tad-detentur terz tal-polza ta’ kargu.

23.      Peress li kellha l-istess dubji bħal dawk li tqajmu fil-Kawża C‑345/22, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel essenzjalment l-istess domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

 Kawża C347/22

24.      Maersk, bħala trasportatur, u Aguafrost Perú, bħala speditur, ikkonkludew kuntratt ta’ ġarr ta’ merkanzija bil-baħar fuq termini ta’ “kost u nol”, kif jidher minn polza ta’ kargu maħruġa fit‑2 ta’ Awwissu 2018. Il-polza ta’ kargu kienet tinkludi, fuq wara tagħha, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni f’termini identiċi għal dik riprodotta fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Oversea akkwistat il-merkanzija inkwistjoni u b’hekk saret detentur terz ta’ din il-polza ta’ kargu.

25.      Il-merkanzija waslet bil-ħsara fil-port tad-destinazzjoni. Allianz, bħala l-kumpannija tal-assigurazzjoni ssurrogata fid-drittijiet ta’ Oversea, ippreżentat rikors kontra Maersk quddiem il-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Pontevedra (il-Qorti Kummerċjali Nru 3, Pontevedra) fejn talbet EUR 106 093.65 f’danni (14).

26.      Abbażi tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, Maersk argumentat li l-qrati Spanjoli ma kellhom ebda ġurisdizzjoni. B’digriet tal‑20 ta’ Ottubru 2020, il-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Pontevedra (il-Qorti Kummerċjali Nru 3, Pontevedra) ċaħdet dan il-motiv.

27.      Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2021, il-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Pontevedra (il-Qorti Kummerċjali Nru 3, Pontevedra) laqgħet it-talba ta’ Allianz fil-mertu. Maersk ippreżentat appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostniet li l-qrati Spanjoli ma għandhomx ġurisdizzjoni. Peress li l-Artikolu 251 tal-LNM ma huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tapplika l-Artikolu 25 tar-Regolament Brussell Ia, u b’hekk tirrendi l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni eżegwibbli fil-konfront tad-detentur terz tal-polza ta’ kargu.

28.      Billi kellha l-istess dubji bħal dawk li tqajmu fil-Kawża C‑345/22, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel essenzjalment l-istess domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

29.      B’deċiżjoni tal‑15 ta’ Lulju 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja għaqqad il-Kawżi C‑345/22, C‑346/22 u C‑347/22 għall-finijiet tal-partijiet bil-miktub u orali tal-proċedura u tas-sentenza.

30.      Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

 Evalwazzjoni ġuridika

 Osservazzjoni preliminari

31.      Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (15) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Ħruġ”) ġie adottat fis‑17 ta’ Ottubru 2019 u daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020. Skont l-Artikolu 67(1)(a) tal-Ftehim ta’ Ħruġ, intitolat “Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, u kooperazzjoni relatata bejn l-awtoritajiet ċentrali”, id-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni fir-Regolament Brussell Ia japplikaw, kemm fir-Renju Unit, kif ukoll fl-Istati Membri f’sitwazzjonijiet li jinvolvu lir-Renju Unit, għal proċedimenti legali istitwiti qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni stabbilit mill-Artikolu 126 tal-Ftehim ta’ Ħruġ.

32.      Dawn il-kawżi jinvolvu klawżoli li għandhom l-għan li jattribwixxu ġurisdizzjoni lill-qrati tar-Renju Unit. Id-deċiżjonijiet tar-rinviju jindikaw li l-azzjonijiet ġudizzjarji fil-kawża prinċipali tressqu qabel il‑31 ta’ Diċembru 2020, id-data ta’ skadenza tal-perijodu tranżitorju stabbilit mill-Artikolu 126 tal-Ftehim ta’ Ħruġ. Kif josservaw ġustament il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni, huwa meħtieġ li jiġi interpretat ir-Regolament Brussell Ia sabiex jiġu solvuti t-tilwimiet li huma s-suġġett tad-deċiżjonijiet tar-rinviju.

 Lewwel domanda

33.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tivverifika jekk ir-regola fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia, li biha l-validità sostantiva ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni għandha tiġi evalwata skont il-liġi tal-Istat Membru tal-qorti jew qrati indikati f’dik il-klawżola, tapplikax għall-infurzar ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni f’polza ta’ kargu fil-konfront ta’ detentur terz ta’ dik il-polza.

34.      L-Artikolu 25 tar-Regolament Brussell Ia jirregola l-ftehimiet li permezz tagħhom il-partijiet f’kuntratt jattribwixxu ġurisdizzjoni lil qorti jew lill-qrati ta’ Stat Membru biex isolvu xi tilwimiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu bejniethom (16). Il-kunċett ta’ “klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni”, kunċett indipendenti tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat b’mod li jagħti effett sħiħ lill-prinċipju tal-libertà tal-għażla li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia (17).

35.      Paragun mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Brussell I jiżvela l-bidliet li saru fl-Artikolu 25 tar-Regolament Brussell Ia fir-rigward tal-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni. L-ewwel, ġie abbandunat ir-rekwiżit li mill-inqas waħda mill-partijiet tkun iddomiċiljata fi Stat Membru (18). It-tieni, l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia fih regola uniformi ġdida dwar il-kunflitt tal-liġijiet li biha l-validità sostantiva ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni għandha tiġi mistħarrġa skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-qrati magħżula f’din il-klawżola, li tinkludi, kif tgħid il-premessa 20 ta’ dan ir-regolament, “r-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet ta’ dak l-Istat Membru” (19). Nosserva li din ir-regola l-ġdida tapplika fejn il-kwistjoni ta’ validità sostantiva titqajjem kemm quddiem il-qorti indikata mill-partijiet fil-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni kif ukoll quddiem kwalunkwe qorti oħra ta’ Stat Membru adita bi ksur ta’ dik il-klawżola (20). It-tielet, l-Artikolu 25(5) tar-Regolament Brussell Ia jipprevedi d-diviżibblità ta’ klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni minn klawżoli kuntrattwali oħra (21).

36.      La l-Artikolu 25 tar-Regolament Brussell Ia, u lanqas xi dispożizzjonijiet oħra tiegħu, ma jirregolaw espressament l-effetti fuq terzi ta’ klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni, b’mod partikolari persuni oħra għajr il-partijiet tal-kuntratt inizjali li għalih tirreferi l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni u li sussegwentement isiru partijiet għal dak il-kuntratt bis-saħħa ta’ assenjazzjoni jew ftehim ieħor (22). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkorporata f’kuntratt tista’, bħala prinċipju, tipproduċi l-effetti tagħha biss fir-relazzjonijiet ta’ bejn il-partijiet oriġinali tal-kuntratt (23). Sabiex tali klawżola tkun tista’ tiġi invokata minn terz, bħala prinċipju huwa neċessarju li dan ikun ta l-kunsens tiegħ għal dan l-effett (24). Dan l-approċċ huwa konformi mal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u dwar l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I (25).

37.      L-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia japplika għal każijiet fejn il-partijiet ikunu “qablu” fuq qorti. Kif jirriżulta mill-premessa 15 ta’ dan ir-regolament, huwa dan il-kunsens bejn il-partijiet li jiġġustifika s-supremazija mogħtija, f’isem il-prinċipju tal-awtonomija tal-volontà, għall-għażla ta’ qorti (26). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia jimponi fuq il-qorti adita l-obbligu li teżamina, in limine litis, jekk il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni effettivament kinitx suġġetta għall-kunsens bejn il-partijiet, li għandu jkun immanifestat b’mod ċar u preċiż, peress li r-rekwiżiti ta’ forma rikjesti minn din id-dispożizzjoni għandhom, f’dan ir-rigward, il-funzjoni li jiżguraw li dan il-kunsens ikun effettivament stabbilit (27).

38.      F’diversi sentenzi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, mogħtija fil-kuntest ta’ tilwim dwar kuntratti għal servizzi ta’ trasport marittimu, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ammettiet li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkorporata f’polza ta’ kargu tista’ tiġi invokata fil-konfront ta’ terz għall-kuntratt. Din tista’ tiġi invokata fejn din il-klawżola tiġi aġġudikata valida bejn it-trasportatur u l-ispeditur (28) u sakemm, bis-saħħa tal-liġi nazzjonali applikabbli, it-terz jassumi d-drittijiet u l-obbligi tal-ispeditur mal-akkwist tal-polza ta’ kargu (29). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dawn iċ-ċirkustanzi ma hemmx lok li jiġi vverifikat jekk id-detentur terz tal-polza ta’ kargu kienx aċċetta l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni fil-kuntratt inizjali. L-akkwist tal-polza ta’ kargu ma jistax ikollu l-effett li jagħti iktar drittijiet lit-terz minn dawk li jgawdi l-ispeditur. It-terz huwa b’hekk vestit bid-drittijiet kollha fil-polza ta’ kargu u fl-istess ħin huwa suġġett għall-obbligi kollha li jinsabu fiha, inkluż il-klawżola ta’ ġurisdizzjoni (30). Fejn il-liġi nazzjonali applikabbli ma tipprovdix għal tali sostituzzjoni, qorti adita għandha taċċerta jekk it-terz kienx fil-fatt aċċetta l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni (31).

39.      Fis-sentenza Refcomp, li kienet tinvolvi l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-portata tal-ġurisprudenza msemmija qabel għandha tiġi evalwata fid-dawl tan-natura speċifika ħafna tal-poloz ta’ kargu, li hija ddeskriviet bħala “strument[i] tal-kummerċ internazzjonali destinat[i] li jirregola[w] relazzjoni li timplika għall-inqas tliet persuni, jiġifieri t-trasportatur marittimu, il-persuna li tibgħat il-merkanzija jew il-burdnar u d-destinatarju tal-merkanzija” u “titol[i] negozjabbli li jippermett[u] lil proprjetarju li jbigħ il-merkanzija, waqt li jkunu qed jiġu ttrasportati, lil akkwirent li jsir it-titolari tad-drittijiet u l-obbligi kollha tal-burdnar fir-rigward tat-trasportatur” (32). Huwa fid-dawl ta’ din ir-relazzjoni ta’ sostituzzjoni bejn l-ispeditur u d-detentur terz tal-polza ta’ kargu li detentur terz huwa marbut bi klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tkun tinsab f’dik il-polza. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat din il-ġurisprudenza bħala inapplikabbli fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, peress li din kienet tikkonċerna klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li l-manifattur u x-xerrej inizjali tal-merkanzija kienu qablu fuqha bħala parti minn sensiela ta’ kuntratti li jagħtu titolu ta’ proprjetà ta’ merkanzija (33).

40.      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat approċċ inqas restrittiv u applikat il-ġurisprudenza li hija kienet żviluppat fil-kuntest tal-poloz ta’ kargu għal kuntratti oħra.

41.      Is-sentenza CDC Hydrogen Peroxide involviet l-interpretazzjoni ta’, inter alia, l-Artikolu 23 tar-Regolament Brussell I. Kumpannija Belġjana stabbilita bil-għan li tirkupra djun kumpensatorji ta’ impriżi affettwati minn akkordju, ressqet proċeduri quddiem qorti Ġermaniża għall-ħlas ta’ danni u għall-produzzjoni ta’ informazzjoni kontra diversi kumpanniji rreġistrati f’diversi Stati Membri li kienu ħadu sehem fi ksur tal-Artikolu 101 TFUE. B’riferiment għas-sentenza Coreck, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “ikun biss fil-każ fejn, skont id-dritt nazzjonali applikabbli għall-mertu, kif iddeterminat b’applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat tal-qorti adita, it-terz ikun issuċċeda lill-parti kontraenti inizjali fid-drittijiet u l-obbligi kollha tagħha, li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li għaliha dan it-terz ma jkunx ta l-kunsens tiegħu tista’ madankollu tiġi applikata fir-rigward tiegħu” (34).

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet l-istess approċċ fis-sentenza tagħha Profit Investment SIM (35), fejn iddeċidiet li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab fi prospett ta’ ħruġ ta’ titoli ta’ bonds tista’ tiġi invokata kontra terz li jkun kiseb dawn it-titoli mingħand intermedjarju finanzjarju jekk huwa stabbilit, inter alia, li “dan it-terz, billi ssottoskriva fis-suq sekondarju għat-titoli inkwistjoni, issuċċeda lil dan l-intermedjarju fid-drittijiet u fl-obbligi marbuta ma’ dawn it-titoli skont id-dritt nazzjonali applikabbli”.

43.      Fis-sentenza DelayFix, qamet il-kwistjoni dwar jekk Ryanair setgħetx tinvoka kontra DelayFix, kumpannija attiva fl-irkupru ta’ krediti ta’ passiġġieri bl-ajru, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni f’kuntratt ta’ trasport bejnha u bejn passiġġier, li kien ittrasferixxa d-drittijiet tiegħu lil DelayFix, fejn din il-kumpannija ma kinitx tat il-kunsens tagħha għall-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni. Fil-punt 47 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-invokazzjoni ta’ din il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni kienet possibbli biss jekk DelayFix – it-terz – kienet issuċċediet lill-kontraent inizjali fid-drittijiet u l-obbligi kollha tiegħu – hawnhekk il-passiġġier – “skont id-dritt nazzjonali applikabbli għall-mertu”.

44.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa possibbli li tiġi infurzata klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni miftiehma bejn trasportatur u speditur f’polza ta’ kargu kontra detentur terz ta’ din il-polza meta dan it-terz ikun ta l-kunsens tiegħu għal din il-klawżola jew ikun assuma d-drittijiet u l-obbligi tal-ispeditur (36). Kwalunkwe kwistjoni dwar jekk terz jassumix id-drittijiet u l-obbligi tal-ispeditur bl-akkwist tal-polza ta’ kargu għandha tiġi solvuta b’riferiment għad-dritt nazzjonali. Kif isostnu ġustament Allianz, Mapfre u l-Gvern Spanjol, dan id-dritt nazzjonali huwa d-dritt nazzjonali applikabbli għall-mertu, kif iddeterminat b’applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat tal-qorti adita bil-kawża (37).

45.      Il-punt 47 tas-sentenza fil-kawża DelayFix jidher li jadotta l-istess approċċ meta, b’riferiment għall-punt 65 tas-sentenza CDC Hydrogen Peroxide, li min-naħa tiegħu jirreferi għall-punt 30 tas-sentenza Coreck, jirreferi għad-“dritt nazzjonali applikabbli għall-mertu”. Meta tirritorna għal din il-kwistjoni fil-punt 63 u fid-dispożittiv ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tbiddel il-pożizzjoni, billi tqis li l-kwistjoni dwar jekk il-kumpannija ta’ rkupru tkunx issuċċediet lill-kontraent inizjali fid-drittijiet u l-obbligi kollha tiegħu għandha tiġi determinata fid-dawl tal-“leġiżlazzjoni tal-Istat li l-qrati tiegħu huma indikati f’din il-klawżola [li tattribwixxi ġurisdizzjoni]”.

46.      Dan l-approċċ jippreżenta t-tliet diffikultajiet li ġejjin, u minħabba fihom ma nirrikkomandahx lill-Qorti tal-Ġustizzja (38).

47.      L-ewwel, il-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet juri li l-motivazzjoni fis-sentenza DelayFix hija milquta minn inkonsistenza, jekk mhux minn kontradizzjoni totali. Wieħed ma jistax jippretendi li jsegwi l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif miġbura fil-qosor fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li ssostni li l-liġi li tirregola l-kwistjoni dwar jekk it-terz jassumix id-drittijiet u l-obbligi tal-ispeditur bl-akkwist tal-polza ta’ kargu hija l-liġi nazzjonali applikabbli għall-mertu, kif iddeterminata b’applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat tal-qorti adita bil-kwistjoni, iżda mbagħad jikkonkludi li minflok tapplika l-liġi tal-Istat Membru indikat fil-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni.

48.      It-tieni, jiena tal-fehma li l-approċċ spjegat fil-punt 63 u fid-dispożittiv tas-sentenza fil-kawża DelayFix mhux sempliċement jiċċara jew jisfuma s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Coreck u CDC Hydrogen Peroxide (39). Sakemm ma huwiex sempliċi żball klerikali – liema possibbiltà ma neskludix, kif nispjega fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet – dan l-approċċ jitbiegħed manifestament minn dawn is-sentenzi preċedenti. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex neċessarjament marbuta bil-ġurisprudenza preċedenti tagħha u tista’ ċertament tadattaha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni, pereżempju, il-bidliet fir-regoli legali applikabbli jew il-preżenza ta’ fatturi ġodda, huwa sorprendenti li s-sentenza fil-kawża DelayFix ma fiha ebda spjegazzjoni għall-bidla fil-pożizzjoni tagħha fir-rigward tad-dritt nazzjonali applikabbli.

49.      It-tielet, l-approċċ li jinsab fil-punt 63 u fid-dispożittiv tas-sentenza DelayFix jista’ jiġi interpretat b’tali mod li r-regola dwar il-kunflitt tal-liġijiet introdotta bl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia fir-rigward tal-validità sostantiva tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tirregola t-trasferiment lil terz tad-drittijiet u l-obbligi tal-parti għall-kuntratt inizjali. Il-punti 54 sa 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet jispjegaw għaliex ma nqisx li din l-interpretazzjoni hija possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja.

50.      Fid-dawl tar-raġunament adottat fil-punti 48 sa 62 tas-sentenza DelayFix, ma neskludix li dak li riedet tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja kien li tirreferi għal-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-qrati indikati fil-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni fl-evalwazzjoni tal-validità ta’ dik il-klawżola bejn il-partijiet inizjali tal-kuntratt, jiġifieri l-linja tal-ajru u l-passiġġier. Ir-riferiment għal din il-leġiżlazzjoni fil-punt 63 u fid-dispożittiv ta’ dik is-sentenza ma jkun xejn, f’dan il-każ, għajr żball tal-pinna.

51.      Fil-fehma tiegħi, hemm tliet raġunijiet għaliex, minkejja l-bidliet introdotti permezz tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia, il-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza li tinterpreta l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I, li għalih jirreferu l-punti 38, 39 u 41 sa 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għadhom applikabbli.

52.      L-ewwel ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia ssostitwixxa, f’termini kważi identiċi, lill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I, l-interpretazzjoni tagħha tat-tieni minn dawn id-dispożizzjonijiet tapplika bl-istess mod għall-ewwel waħda (40).

53.      It-tieni, inqis li t-tneħħija tar-rekwiżit li mill-inqas waħda mill-partijiet tkun iddomiċiljata fi Stat Membru hija mmirata prinċipalment biex issaħħaħ il-libertà tal-partijiet li jagħżlu l-qorti jew il-qrati kompetenti u ma għandha l-ebda effett fuq l-applikabbiltà għal, jew l-effett ta’ klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni fuq terzi.

54.      Fl-aħħar (li tidher li hija l-kwistjoni ċentrali fl-ewwel domanda preliminari), naqbel mal-Gvern Spanjol u mal-Kummissjoni li r-regola l-ġdida dwar il-kunflitt tal-liġijiet li tipprovdi li l-validità sostanzjali tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata b’riferiment għad-dritt tal-Istat Membru tal-qorti jew qrati indikati f’dik il-klawżola ma hijiex maħsuba biex tirregola l-effetti ta’ klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni fuq partijiet terzi, b’mod partikolari jekk terz li ma kienx parti għall-kuntratt oriġinali jassumix id-drittijiet u l-obbligi tal-parti kontraenti oriġinali.

55.      F’dan ir-rigward, nikkondividi ma’ dik li tidher li hija l-opinjoni unanima ta’ kummentaturi akkademiċi li l-kunċett ta’ “validità sostantiva” fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia jinkludi l-validità sostantiva ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni meta hija tiġi kkontestata abbażi tal-invalidità tagħha, inkluż minħabba żball, rappreżentazzjoni ħażina, vjolenza, frodi, jew in-nuqqas ta’ awtorità jew kapaċità (41). Fir-Rapport ta’ Spjegazzjoni tagħhom dwar il-Konvenzjoni tal-Aja tat‑30 ta’ Ġunju 2005 dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum, il-Professuri Hartley u Dogauchi jadottaw din il-pożizzjoni meta jikkummentaw dwar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ dik il-konvenzjoni b’dan il-mod: “Id-dispożizzjoni ‘nulla u bla effett’ tapplika biss għal raġunijiet sostanzjali (mhux formali) ta’ invalidità” u “hija maħsuba biex tirreferi primarjament għal raġunijiet ġeneralment irrikonoxxuti bħal frodi, żball, rappreżentazzjoni ħażina, pressjoni u nuqqas ta’ kapaċità” (42).

56.      Minn dan isegwi li l-effetti tal-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni fuq terzi ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “validità sostantiva” fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia (43). Il-validità ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni u l-applikabilità jew l-infurzar tagħha kontra partijiet terzi huma kwistjonijiet separati u distinti.

57.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għall-ewwel domanda fis-sens li l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni miftiehma bejn trasportatur u speditur li hija inkorporata f’polza ta’ kargu hija infurzabbli kontra detentur terz tal-polza ta’ kargu jekk, mal-akkwist ta’ dik il-polza, ikun assuma d-drittijiet u l-obbligi tal-ispeditur. Hija l-qorti adita bil-kwistjoni li għandha twettaq dan l-istħarriġ skont id-dritt nazzjonali applikabbli għall-mertu kif stabbilit bl-applikazzjoni tar-regoli tagħha ta’ dritt internazzjonali privat. Ir-regola f’dik id-dispożizzjoni li l-validità sostantiva ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni għandha tiġi evalwata skont id-dritt tal-Istat Membru tal-qorti jew qrati indikati f’dik il-klawżola ma tirregolax l-eżegwibbiltà ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkorporata f’polza ta’ kargu kontra detentur terz ta’ dik il-polza.

 Ittieni, ittielet u rraba’ domanda

58.      Permezz tat-tieni sar-raba’ domanda tagħha, li huwa xieraq li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha terz għal kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija bil-baħar konkluż bejn trasportatur u speditur li jakkwista l-polza ta’ kargu li tipprova dak il-kuntratt jiġi ssurrogat fid-drittijiet u l-obbligi kollha tal-ispeditur, bl-eċċezzjoni tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkorporata fiha, li hija infurzabbli kontra t-terz biss meta dan ikun innegozja din il-klawżola individwalment u separatament.

59.      Mill-kunsiderazzjoni tal-ewwel domanda preliminari jirriżulta li, skont dik li tidher li hija l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkorporata f’polza ta’ kargu tista’ tiġi invokata kontra detentur terz ta’ dik il-polza f’każ li dik il-klawżola tkun ġiet aġġudikata valida bejn it-trasportatur u l-ispeditur u f’każ li, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, mal-akkwist tal-polza ta’ kargu, it-terz jassumi d-drittijiet u l-obbligi tal-ispeditur. F’tali każ, ma hemmx bżonn li jiġi aċċertat il-kunsens tat-terz għall-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni.

60.      Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju fhimt li l-qorti tar-rinviju qiegħda tassumi li d-dritt Spanjol japplika għal din il-kwistjoni, jiġifieri l-Artikolu 251 tal-LNM, moqri flimkien mal-Artikolu 468 tagħha (44). Dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet, moqrija flimkien, jidher li juru li terz li jakkwista polza ta’ kargu jassumi d-drittijiet u l-obbligi kollha tal-ispeditur fuq il-merkanzija, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jirriżultaw minn klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni. Din il-klawżola tkun valida biss jekk id-detentur terz tal-polza ta’ kargu jkun innegozjaha individwalment u separatament.

61.      Kuntrarjament għall-pożizzjoni adottata minn Allianz, Mapfre u l-Gvern Spanjol, jiena naqbel mal-Kummissjoni li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha l-effett li tevita l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u għalhekk ma hijiex konformi miegħu.

62.      Nosserva, madankollu, li l-Artikolu 468 tal-LNM jgħid li huwa japplika “mingħajr preġudizzju […] għar-regoli tad-dritt [tal-Unjoni]” (45). Fid-dawl ta’ din ir-riżerva, fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Spanjol jinterpreta din id-dispożizzjoni, ikkunsidrata “individwalment”, bħala applikabbli biss għall-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni mhux koperti mill-Artikolu 25 tar-Regolament Brussell Ia, speċifikament dawk li jattribwixxu ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ pajjiżi terzi. Bl-istess mod, il-qorti tar-rinviju ssostni li r-regola fl-Artikolu 468 tal-LNM ma tapplikax jekk il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tattribwixxi ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Stat Membru.

63.      F’dan ir-rigward, nirrileva li l-qorti tar-rinviju għandha l-obbligu li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, kieku r-riżerva fl-Artikolu 468 tal-LNM kellha tippermetti lill-qorti tar-rinviju tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma din l-interpretazzjoni tkun contra legem għad-dritt Spanjol, kwistjoni li għandha tiddeterminaha l-qorti tar-rinviju, din is-soluzzjoni għandha tiġi adottata.

64.      Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda fis-sens li l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha terz għal kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija bil-baħar konkluż bejn trasportatur u speditur li jakkwista l-polza ta’ kargu li tipprova dak il-kuntratt jiġi ssurrogat fid-drittijiet u l-obbligi kollha tal-ispeditur, bl-eċċezzjoni tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkorporata fiha, li hija infurzabbli kontra t-terz biss meta dan ikun innegozja din il-klawżola individwalment u separatament.

 Konklużjoni

65.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Audiencia Provincial de Pontevedra (il-Qorti Provinċjali ta’ Pontevedra, Spanja) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali

għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni miftiehma bejn trasportatur u speditur li hija inkorporata f’polza ta’ kargu hija infurzabbli kontra detentur terz tal-polza ta’ kargu jekk, mal-akkwist ta’ dik il-polza, ikun assuma d-drittijiet u l-obbligi tal-ispeditur. Hija l-qorti adita bil-kwistjoni li għandha twettaq dan l-istħarriġ skont id-dritt nazzjonali applikabbli għall-mertu kif stabbilit bl-applikazzjoni tar-regoli tagħha ta’ dritt internazzjonali privat. Ir-regola f’dik id-dispożizzjoni li l-validità sostantiva ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni għandha tiġi evalwata skont id-dritt tal-Istat Membru tal-qorti jew qrati indikati f’dik il-klawżola ma tirregolax l-eżegwibbiltà ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkorporata f’polza ta’ kargu kontra detentur terz ta’ dik il-polza.

(2)      L-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012

għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha terz għal kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija bil-baħar konkluż bejn trasportatur u speditur li jakkwista l-polza ta’ kargu li tipprova dak il-kuntratt jiġi ssurrogat fid-drittijiet u l-obbligi kollha tal-ispeditur, bl-eċċezzjoni tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkorporata fiha, li hija infurzabbli kontra t-terz biss meta dan ikun innegozja din il-klawżola individwalment u separatament.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU 2012, L 351, p. 1. Ir-Regolament Brussell Ia issostitwixxa r-Regolament 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”), li kien issostitwixxa l-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi ta’ Natura Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1978, L 304, p. 36), hekk kif emendata minn konvenzjonijiet suċċessivi mal-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda għal dik il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).


3      BOE Nru 180 tal‑25 ta’ Lulju 2014, p. 59193.


4      Maersk Line Perú S.A.C. hija sussidjarja Peruvjana ta’ Maersk. F’dawn il-konklużjonijiet ser nirreferi wkoll għal din is-sussidjarja bħala “Maersk”.


5      Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li r-rikors infetaħ qabel il‑31 ta’ Diċembru 2020.


6      Sentenza tas‑16 ta’ Marzu 1999 (C‑159/97, EU:C:1999:142).


7      Il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi l-għan tal-LNM li tiżgura li l-klawżoli ta’ ġurisdizzjoni u ta’ arbitraġġ jorbtu lill-partijiet biss meta dawn ikunu nnegozjaw dawn il-klawżoli individwalment u separatament. Dan huwa meħtieġ biex jiġu protetti l-interessi tar-riċevituri nazzjonali, li għandhom poloz li fihom il-partijiet oriġinali jkunu nkorporaw klawżola ta’ ġurisdizzjoni, u li jinsabu fl-iktar pożizzjoni kuntrattwali dgħajfa, b’mod partikolari fil-każ ta’ kuntratti ta’ trasport bil-linja. L-obbligu ta’ impriżi domestiċi, spedituri u kunsinnatarji ta’ merkanzija li jsegwu talbiet żgħar quddiem qrati barranin jista’, fil-prattika, idgħajjef il-protezzjoni ġudizzjarja tagħhom.


8      Sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 1984, Russ (71/83, EU:C:1984:217, iktar ’il quddiem is-“sentenza Russ”, punt 24).


9      Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2000, Coreck (C‑387/98, EU:C:2000:606, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Coreck”, punt 23).


10      Sentenza tat‑3 ta’ Lulju 1997 (C‑269/95, EU:C:1997:337).


11      Sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020 (C‑519/19, EU:C:2020:933; iktar ’il quddiem is-“sentenza DelayFix”).


12      Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-punt 23 tas-sentenza Coreck u għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża Coreck (C‑387/98, EU:C:2000:157).


13      Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li r-rikors infetaħ qabel il‑31 ta’ Diċembru 2020.


14      Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li r-rikors infetaħ qabel il‑31 ta’ Diċembru 2020.


15      ĠU 2020, L 29, p. 7.


16      Spiss deskritti bħala “ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti” jew “klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni”.


17      Sentenza DelayFix (punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      L-uniku rekwiżit li fadal huwa li l-partijiet jagħżlu qorti li tinsab fi Stat Membru.


19      Mill-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (COM(2010) 748 finali, p. 9) jidher li l-leġiżlatur fittex li jallinja t-test ta’ dik id-dispożizzjoni mal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tal-Aja tat‑30 ta’ Ġunju 2005 dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għal dik il-Konvenzjoni (għat-test tal-Konvenzjoni, ara ĠU 2009, L 133, p. 3). Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5, “Il-qorti jew qrati ta’ Stat Kontraenti nnominat fi ftehim esklużiv dwar l-għażla tal-qorti għandu jkollhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar tilwima li għaliha japplika l-ftehim, sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett skont il-liġi ta’ dan l-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ir-regola l-ġdida dwar kunflitt tal-liġijiet għalhekk għandha tiġi interpretata fid-dawl tar-regola ekwivalenti fil-Konvenzjoni dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum. F’dan il-kuntest, ara Hartley, T. u Dogauchi, M., Explanatory Report, disponibbli fuq https://assets.hcch.net/upload/expl37final.pdf


20      Ara Nuyts, A., “La refonte du règlement Bruxelles I”, Rev Crit. DIP, 2013, p. 56. Li kieku l-validità sostantiva tal-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni kellha tiġi kkontestata fil-kawża prinċipali, li ma jidhirx li huwa l-każ, il-qrati Spanjoli jiddeċiedu fuq din il-kwistjoni, bl-applikazzjoni tad-dritt tar-Renju Unit, inkluż ir-regoli ta’ dan tal-aħħar pajjiż dwar kunflitt tal-liġijiet. Il-qrati tal-Istat Membru li quddiemu jkunu tressqu proċedimenti bi ksur ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni jistgħu, madankollu, jiddeċiedu dwar il-validità sostantiva ta’ dik il-klawżola sakemm il-qorti nominata ma tkunx ġiet adita. Ladarba parti tadixxi qorti tal-Istat Membru nnominat, l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Brussell Ia jirrikjedi li l-qrati ta’ Stati Membri oħra jissospendu kwalunkwe proċedimenti quddiemhom.


21      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet id-diviżibblità ta’ klawżoli bħal dawn: sentenza tat‑3 ta’ Lulju 1997, Benincasa (C‑269/95, EU:C:1997:337, punt 25).


22      Ara, f’dan is-sens, il-punt 41 tas-sentenza DelayFix, li jgħid li “l-Artikolu 25(1) tar-[Regolament Brussell Ia] ma jippreċiżax jekk klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tistax tiġi ttrasferita, lil hinn miċ-ċirku tal-partijiet għal kuntratt, lil terz, parti għal kuntratt sussegwenti u suċċessur, fl-intier jew parzjalment, għad-drittijiet u għall-obbligi ta’ wieħed mill-partijiet għall-kuntratt inizjali”.


23      Sentenza DelayFix (punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, iktar ’il quddiem is-“sentenza CDC Hydrogen Peroxide”, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Sentenzi tal‑20 ta’ Frar 1997, MSG (C‑106/95, EU:C:1997:70, punti 15 u 17), u tas‑16 ta’ Marzu 1999, Castelletti (C‑159/97, EU:C:1999:142, punti 19 u 34); u tas‑7 ta’ Frar 2013, Refcomp (C‑543/10, EU:C:2013:62, iktar ’il quddiem is-“sentenza Refcomp”, punti 26 sa 29).


26      Fir-rigward tal‑Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I ara, f’dan is-sens, is-sentenza Refcomp (punt 26).


27      Sentenza DelayFix (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ir-Regolament Brussell Ia jirregola l-validità formali tal-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni. L-Istati Membri la huma intitolati li jippreskrivu rekwiżiti formali addizzjonali u lanqas ma jistgħu jemendaw jew ma japplikawx dawk stabbiliti fl-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 1981, Elefanten Schuh, 150/80, UE: C:1981:148, paragrafu 26).


28      Fil-każijiet preżenti ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni huma invalidi bejn it-trasportaturi u l-ispedituri.


29      Sentenzi Russ (punt 24), u tas‑16 ta’ Marzu 1999, Castelletti (C‑159/97, EU:C:1999:142, punt 41); u sentenza Coreck (punt 23).


30      Sentenza Coreck (punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      Sentenza Coreck (punt 26).


32      Sentenza Refcomp (punt 35).


33      Fil-punt 37 tas-sentenza Refcomp, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’sensiela ta’ kuntratti li jagħtu titolu ta’ proprjetà, ir-relazzjoni ta’ suċċessjoni bejn l-akkwirent inizjali u s-subakkwirent, jiġifieri t-terz li fl-aħħar tas-sensiela ta’ kuntratti jakkwista l-oġġetti, ma tiġix analizzata fit-trażmissjoni ta’ kuntratt uniku, kif ukoll lanqas fit-trażmissjoni tal-integralità tad-drittijiet u tal-obbligi li jipprovdi. L-obbligi kuntrattwali tal-partijiet jistgħu jvarjaw minn kuntratt għall-ieħor, b’mod li d-drittijiet li s-subakkwirent jista’ jasserixxi kontra l-bejjiegħ immedjat tiegħu ma humiex neċessarjament l-istess bħal dawk li l-produttur kien assuma fir-relazzjonijiet tiegħu mal-ewwel xerrej. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, li l-effetti ta’ trasferiment ta’ polza tat-tagħbija lil terz ma jaqgħux fil-qasam tal-kuntratti li jagħtu titolu ta’ proprjetà ta’ merkanzija, peress li l-liġijiet tal-Istati Membri huma differenti fir-rigward tan-natura tar-relazzjoni bejn il-produttur u s-subakkwirent.


34      Sentenza CDC Hydrogen Peroxide (punt 65).


35      Sentenza tal‑20 ta’ April 2016 (C‑366/13, EU:C:2016:282, punt 37).


36      Jekk wieħed jassumi li l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni hija valida bejn it-trasportatur u l-ispeditur, fatt inkontestat fil-każijiet preżenti.


37      Sentenzi Coreck (punt 30) u CDC Hydrogen Peroxide (punt 65).


38      Għal kritika tas-sentenza DelayFix, ara Larribère, L., “Note sous CJUE, 18 novembre 2020, Ryanair DAC c. DelayFix, aff. C-519/19”, Journal du droit international, 2021, p. 1043, u Wołodkiewicz, B., “The Enforceability of a Jurisdiction Clause against an Assignee”, Journal of European Consumer and Market Law, 2021, p. 206.


39      Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2022, Tilman (C‑358/21, EU:C:2022:923, punt 34). Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għamlet l-istess konstatazzjoni fir-rigward tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I, li huma abbozzati f’termini kważi identiċi (ara, inter alia, is-sentenza Refcomp, punti 18 u 19).


41      Ara, inter alia, Ahmed, M., “The Validity of Choice of Court Agreements in International Commercial Contracts under the Hague Choice of Court Convention and the Brussels Ia Regulation”, f’Furmston, M. (editur), The Future of the Law of Contract, Informa Law, Routledge 2020, No 4, p. 217; Fallon, M., u Francq, S., “L’incidence de l’entrée en vigueur de la Convention de La Haye de 2005 sur les accords d’élection de for sur l’article 25 du règlement Bruxelles Ibis”, J.T., 2016, No 22, p. 169; Hartley, T., “Choice-of-court agreement under the European and international instruments”, Oxford University Press, Oxford, 2013, No 7.05, p. 130 sa 131; Musseva, B., “Opposability of choice-of-court agreements against third parties under the Hague choice-of-court Convention and Brussels Ibis Regulation”, p. 76, disponibbli fuq https://www.prf.unze.ba/Docs/Anali/Analibr18god9/4.pdf; Ratković, T., u Zgrabljić Rotar, D., “Choice-of-Court Agreements under the Brussels I Regulation (Recast)”, Journal of Private International Law, Vol. 9, 2013, p. 253-255.


42      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, Rapport ta’ Spjegazzjoni (paragrafu 126).


43      Bl-istess mod, dan il-kunċett ma jinkludix l-interpretazzjoni ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 1997, Benincasa, C‑269/95, EU:C:1997:337, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward tar-rekwiżiti għall-validità formali tal-klawżola, l-Artikolu 25(1) u (2) tar-Regolament Brussell Ia jiddefinixxihom sabiex ma jħalli l-ebda lok għall-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali, inklużi r-regoli dwar kunflitt tal-liġijiet.


44      Allianz u Mapfre jieħdu l-istess pożizzjoni. Maersk issostni li r-regoli dwar kunflitt tal-liġijiet tad-dritt Spanjol jagħmlu riferiment għad-dritt Peruvjan.


45      Ara wkoll it-Taqsima XI tal-preambolu tal-LNM, iċċitata fil-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.