Language of document : ECLI:EU:F:2011:98

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

29 ta’ Ġunju 2011

Kawża F-125/10

Daniel Schuerewegen

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz Pubbliku — Uffiċjali — Miżura ta’ tneħħija mill-post tax-xogħol — Revoka tal-pass tax-xogħol — Revoka tad-drittijiet ta’ aċċess għan-netwerk informatiku — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Trażmissjoni elettronika — Għarfien effettiv mill-amministrazzjoni — Tardività — Inammissibbiltà manifesta”

Objet:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu D. Schuerewegen jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Parlament, tal-25 ta’ Marzu 2010, li permezz tagħhom itteħidlu l-pass tax-xogħol tiegħu, ġie mċaħħad mill-aċċess għan-netwerk informatiku tal-istituzzjoni u tneħħa mill-post tax-xogħol tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-danni materjali u morali li din id-deċiżjoni kkawżatlu.

Dispożittiv:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. D. Schuerewegen għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Data tat-tressiq — Riċezzjoni mill-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Rekwiżiti proċedurali — Trażmissjoni elettronika — Ammissibbiltà — Obbligu tal-uffiċjal li jiżgura ruħu mir-riċezzjoni effettiva mill-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

3.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Termini

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Sabiex ilment jitqies bħala li tressaq b’mod validu fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, hemm bżonn li d-destinatarju tiegħu jkun jista’ jsir jaf bil-kontenut tiegħu. Konsegwentement, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk ilment ġiex imressaq fit-terminu previst hija d-data tar-riċezzjoni ta’ dan l-ilment mill-istituzzjoni kkonċernata. Id-data tat-tressiq tikkostitwixxi wkoll il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ erba’ xhur għar-risposta tal-istituzzjoni kkonċernata għall-ilment. Għaldaqstant, l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi b’mod ċar għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ data waħda biss sabiex, minn naħa, jiġi evalwat jekk l-ilment ġiex imressaq fit-terminu preskritt u, min-naħa l-oħra, sabiex tiġi stabbilita d-data li fiha t-terminu tar-risposta tal-istituzzjoni jibda jiddekorri.

(ara l-punti 22, 23 u 25)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il‑Parlament, 195/80, punt 13; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 25 ta’ Settembru 1991, Lacroix vs Il‑Kummissjoni, T‑54/90, punti 28 u 29; 18 ta’ Ġunju 1996, Vela Palacios vs ECOSOC, T‑150/94, punt 27; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 15 ta’ Mejju 2006, Schmit vs Il‑Kummissjoni, F‑3/05, punt 28; 25 ta’ April 2007, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, F‑59/06, punti 34 sa 36

2.      Ilment amministrattiv imressaq minn uffiċjal ma għandux ikollu forma partikolari. Huwa biżżejjed li dan juri b’mod ċar u preċiż il-volontà tal-awtur tiegħu li jikkontesta deċiżjoni meħuda fir-rigward tiegħu. Għaldaqstant, att, ippreżentat elettronikament u li juri b’mod inekwivoku l-volontà tal-awtur tiegħu li jikkontesta deċiżjoni li taffettwah b’mod ħażin, għandu jitqies bħala ilment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

Madankollu, l-uffiċjal ma huwiex iġġustifikat li jsostni li s-sempliċi fatt li tintbagħat ittra elettronika jippermetti li jiġi stabbilit li d-destinatarju ta’ dan il-messaġġ effettivament irċevieh.

(ara l-punti 30 u 34)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 31 ta’ Mejju 1988, Rousseau vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, 167/86, punt 8; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 16 ta’ Frar 2005, Reggimenti vs Il‑Parlament, T‑354/03, punt 43; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 25 ta’ April 2007, Lebedef-Caponi vs Il-Kummissjoni, F‑71/06, punti 29 sa 31 u 34; 17 ta’ Lulju 2007, Hartwig vs Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni, F‑141/06, punt 27

3.      Uffiċjal raġonevolment diliġenti għandu jagħmel mod sabiex l-ilment tiegħu jasal fl-istituzzjoni kkonċernata qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur. Uffiċjal ma jkunx konformi ma’ din l-attitudni ta’ prudenza u ta’ diliġenza jekk huwa jibgħat l-ilment tiegħu bil-posta fl-aħħar jum tat-terminu meħtieġ jew jekk huwa ma jibgħatx huwa stess, jew permezz tal-mandatarju debitament awtorizzat tiegħu, l-ilment tiegħu permezz tal-posta elettronika f’dan it-terminu. F’dan ir-rigward, huwa ma jistax isostni b’mod validu li huwa ġie ppenalizzat bl-għeluq, fl-aħħar jum tat-terminu, tad-dipartimenti tal-istituzzjoni kkonċernata.

(ara l-punt 36)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku Hartwig vs Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30