Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta' Jannar 2011 - ISOTIS vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-59/11)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Koinonia tis Pliroforias Anoichti stis Eidikes Anagkes -ISOTIS (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: V. Christianos, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata li r-rikorrenti bl-ebda mod ma kisret l-artikoli II.16.2 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti FP6, II.7.3 (irregolarità finanzjarja gravi) u II.7.4 (dikjarazzjonijiet foloz) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti eTEN u II.10.3 (ksur tal-kuntratt u nuqqas ta' għoti ta' informazzjoni) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti CIP;

tikkonstata li l-Kummissjoni kisret il-kuntratti kontenzjużi meta kkontestat l-eliġibbiltà tal-ispejjeż tar-rikorrenti;

tikkonstata li l-ispejjeż li jammontaw għal EUR 932 362,44 li r-rikorrenti ssottomettiet lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kuntratti ACCESS-eGOV, EU4ALL, eABILITIES, EMERGE, ENABLE, ASK-IT, NAVIGABILE, EURIDICE u T-SENIORITY huma eliġibbli u li r-rikorrenti ma għandhiex għalfejn tirrimborsa l-ammonti mogħtija mill-Kummissjoni;

tikkonstata li l-fatt li l-Kummissjoni damet biex ħallset l-aħħar pagamenti għall-finijiet tal-finanzjament tal-kuntratti EU4ALL, ASK-IT u ENABLE jikkostitwixxi nuqqas tat-twettiq tal-obbligi kuntrattwali tagħha;

tikkonstata li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tagħti lir-rikorrenti s-somma ta' EUR 52 584,05 miżjuda bl-interessi li bdew jiddekorru minn meta ġie nnotifikat dan ir-rikors għall-ispejjeż li r-rikorrenti kellha tħallas fil-kuntest tal-kuntratt EU4ALL;

tikkonstata li l-Kummissjoni hija obbligata tagħti lir-rikorrenti s-somma ta' EUR 20 678,61 miżjuda bl-interessi li bdew jiddekorru minn meta ġie nnotifikat dan ir-rikors għall-ispejjeż li r-rikorrenti kellha tħallas fil-kuntest tal-kuntratt ASK-IT;

tikkonstata li l-Kummissjoni hija obbligata tagħti lir-rikorrenti s-somma ta' EUR 11 693,05 miżjuda bl-interessi li bdew jiddekorru minn meta ġie nnotifikat dan ir-rikors għall-ispejjeż li r-rikorrenti kellha tħallas fil-kuntest tal-kuntratt ENABLE;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors preżenti, li huwa bbażat fuq, minn naħa, il-klawżoli ta' arbitraġġ li jinsabu fil-kuntratti kontenzjużi u, min-naħa l-oħra, fuq il-liġi Belġjana, li jirreferu għaliha dawn il-kuntratti, ir-rikorrenti qed tippreżenta żewġ motivi.

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-ispejjeż li hija ppreżentat lill-Kummissjoni kienu eliġibbli u li ma naqsietx mill-obbligi kuntrattwali tagħha. B'mod partikolari r-rikorrenti tafferma li l-kritika tal-Kummissjoni fil-konfront tagħha wara verifika finanzjarja dwar il-programmi ACCESS-eGOV, EU4ALL, eABILITIES, EMERGE, ENABLE, ASK-IT, NAVIGABLE, EURADICE u T-SENIORITY, kritika li tikkonċerna l-ġestjoni finanzjarja u l-eliġibbiltà tal-ispejjeż tagħha, hija totalment infondata. Għalhekk, ir-rikorrenti ma naqset bl-ebda mod milli tosserva l-obbligi kuntrattwali tagħha u t-totalità ta' dawn l-ispejjeż għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala eliġibbli.

Fit-tieni lok, billi tikkontesta l-eliġibbiltà tal-ispejjeż u billi tikkawża dewmien fil-ħlas ta' xi wħud minnhom, il-Kummissjoni tonqos mill-obbligi kuntrattwali tagħha. B'mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li, billi tikkontesta l-eliġibbiltà tal-ispejjeż, il-Kummissjoni tadotta mġieba antikuntrattwali, li tmur kontra l-bona fide u tikkostitwixxi abbuż ta' dritt, għaliex il-konklużjonijiet li rriżultaw mill-verifika finanzjarja kienu kompletament infondati, impreċiżi u ġenerali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tafferma li d-dewmien ikkawżati mill-Kummissjoni fl-aħħar pagamenti li kienu ddestinati għall-finanzjament tal-kuntratti EU4ALL, ASK-IT u ENABLE jikkostitiwixxi nuqqas tat-twettiq tal-obbligi kuntrattwali tagħha u r-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni hija obbligata twettaq dawn il-pagamenti.

____________